Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024BP2322

Riżoluzzjoni (UE) 2024/2322 tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ April 2024 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2022

ĠU L, 2024/2322, 10.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2322/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2322/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2322

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2322 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2022

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2022,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0103/2024),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-“Awtorità”) għas-sena finanzjarja 2022 kien ta’ EUR 68 068 551, ammont li jirrappreżenta żieda ta’ 12,32 % meta mqabbel mal-2021; billi l-Awtorità hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR 17 301 544, ammont li jirrappreżenta 25,41 % mill-baġit totali), minn kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri (EUR 27 293 765, jew 40,10 %) u mill-ħlas ta’ miżati li tirċievi mill-entitajiet taħt is-superviżjoni tagħha (EUR 22 228 234, jew 32,66 %);

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2022 (ir“rapport tal-Qorti”), tistqarr li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2022 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 98,78 %, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta’ 1,17 % meta mqabbla ma’ dik tal-2021; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 89,83 %, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir ta’ 0,08 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

2.

Jinnota mill-opinjoni tal-Awtorità tal-5 ta’ Lulju 2023 fir-rigward tal-miżuri ta’ segwitu meħuda fid-dawl tal-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2021 (minn hawn ’il quddiem l-“Opinjoni tal-Awtorità”), li l-Awtorità, minħabba l-kumplessità dejjem tikber tal-istruttura baġitarja tagħha, tqis li hija meħtieġa reviżjoni tal-mudell tagħha ta’ finanzjament minn tariffi biex tkun tista’ tirreaġixxi kemm b’mod xieraq kif ukoll malajr għal żviluppi sinifikanti fis-swieq finanzjarji, filwaqt li tkun tista’ tiġġestixxi b’mod aktar effiċjenti l-għadd dejjem jikber ta’ sorsi ta’ tariffi derivati minn mandati superviżorji diretti;

Prestazzjoni

3.

Jinnota li l-Awtorità tuża ċerti miżuri bħalma huma l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u minn miżuri oħrajn biex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha; ifaħħar lill-Awtorità talli lestiet 90 % mill-programm ta’ ħidma tagħha għall-2022, bil-biċċa l-kbira tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħha milħuqa jew maqbuża;

4.

Jilqa’ r-reazzjoni tal-Awtorità għall-isfidi ġeopolitiċi fl-2022; jinnota, f’dak il-kuntest, li l-Awtorità intensifikat l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tar-riskju u l-attivitajiet superviżorji tagħha b’reazzjoni għall-invażjoni mhux provokata u illegali tar-Russja fl-Ukrajna, filwaqt li żgurat viġilanza akbar fil-valutazzjoni tal-impatti potenzjali fuq is-swieq finanzjarji tal-Unjoni u ħadet l-azzjonijiet meħtieġa biex tissalvagwardja l-istabbiltà tas-suq u l-protezzjoni tal-investituri; jinnota wkoll li fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija, l-Awtorità ppubblikat il-valutazzjoni ta’ livell għoli tagħha dwar l-oqsma fejn il-Kummissjoni talbet kontribut dwar miżuri biex tiġi limitata l-volatilità eċċessiva u biex jittaffew il-pressjonijiet tal-likwidità fuq kontropartijiet mhux finanzjarji attivi fis-swieq tal-gass u tal-elettriku, u adottat miżuri temporanji ta’ emerġenza biex tindirizza dawk il-pressjonijiet tal-likwidità;

5.

Jinnota li fl-2022 il-prijoritajiet strateġiċi tal-Awtorità ffukaw fuq tliet suġġetti orizzontali, jiġifieri l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ swieq kapitali sodi, il-promozzjoni ta’ finanzi u innovazzjoni sostenibbli, u t-trawwim tal-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni; jilqa’ l-fatt li l-Awtorità wettqet dawk il-prijoritajiet fl-2022 permezz ta’ firxa ta’ azzjonijiet, bħall-għoti ta’ kontribut tekniku lill-Kummissjoni dwar l-aspetti tal-protezzjoni tal-investituri tar-rieżami tal-MiFID II u tal-MiFIR u fir-rigward tal-Att dwar il-Kwotazzjoni fil-Borża, il-pubblikazzjoni tal-pjan direzzjonali tal-Awtorità dwar il-finanzi sostenibbli 2022-2024, u l-ħruġ ta’ twissijiet lill-investituri u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) dwar ir-riskji tal-kriptoassi, fost l-oħrajn;

6.

Jirrikonoxxi l-kisbiet tal-Awtorità fl-2022, li kienet sena sinifikanti mill-perspettiva ta’ konverġenza superviżorja, b’diversi azzjonijiet superviżorji komuni, tliet rieżamijiet bejn il-pari ewlenin flimkien mar-rieżami bejn il-pari annwali obbligatorju dwar il-kontropartijiet ċentrali, inkluż wieħed li jagħti dettalji dwar l-azzjonijiet imwettqa mill-NCAs marbuta mar-rilokazzjonijiet wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, u l-ewwel rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Awtorità lil NCA skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Fundatur tagħha, bl-għan li jissaħħu strutturalment l-approċċ superviżorju u l-kapaċità tal-NCAs;

7.

Jinnota l-pubblikazzjoni mill-Awtorità fl-2022 ta’ rapport dwar is-suq Ewropew għall-kwoti tal-emissjonijiet u d-derivattivi, li ressaq għadd ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika biex jittejbu t-trasparenza u l-monitoraġġ tas-suq, kif ukoll il-koordinazzjoni mill-Awtorità tal-ewwel eżerċizzju ta’ xiri bil-moħbi li qatt sar fost għadd ta’ NCAs, u t-tnedija tal-istrateġija l-ġdida tal-Awtorità għall-perjodu 2023-2028;

Effiċjenza u titjib

8.

Josserva li l-Awtorità qed tkompli tfittex titjib fl-effiċjenza u sinerġiji fl-oqsma ta’ attività tagħha; jinnota, f’dak il-kuntest, li l-Awtorità wettqet evalwazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha bl-għan li ttejjeb l-effiċjenza billi talloka r-riżorsi b’mod effettiv b’rispons għal fatturi esterni, bħall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, inkluż fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi dwar il-Punt ta’ Aċċess Uniku Ewropew, li ma kinux previsti inizjalment fil-programm annwali ta’ ħidma tal-Awtorità għall-2022; ifaħħar il-fatt li, bħala parti mill-istrateġija ta’ effiċjenza tagħha, l-Awtorità għadha tikkondividi uffiċjal tal-kontabbiltà mal-Awtorità Bankarja Ewropea;

9.

Jinnota xi wħud mill-miżuri interni implimentati biex jinkisbu titjib fl-effiċjenza u sinerġiji, bħal riallokazzjoni interna sħiħa li ppermettiet lill-Awtorità tieħu f’idejha mandati u kompiti ġodda, mingħajr il-ħtieġa ta’ riżorsi addizzjonali, ottimizzazzjoni ulterjuri tar-riżorsi tal-akkwist billi tingħaqad ma’ aktar proċeduri interistituzzjonali u billi tmexxi akkwisti kbar bejn l-aġenziji, kif ukoll simplifikazzjoni tal-proċessi fil-qasam tal-ġestjoni baġitarja u l-investimenti fl-awdjo, fil-vidjokonferenzi, u fl-għodod ta’ votazzjoni żviluppati matul il-pandemija, li qed jippermettu xogħol mill-bogħod; jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità qed tippjana li jkollha anqas missjonijiet għall-persunal tagħha u aktar laqgħat mill-bogħod fil-futur, u b’hekk iżżid il-flessibbiltà tagħha u tnaqqas l-ispejjeż;

10.

Jirrikonoxxi li l-funzjonijiet kollha amministrattivi u ta’ appoġġ tal-Awtorità, jiġifieri r-riżorsi umani, l-etika, il-finanzi, l-akkwist u l-proċessi ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet, ilhom diġitalizzati diversi snin u b’hekk titwettaq politika ta’ karta żero; jinnota li fl-2022 l-infrastruttura tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni tal-Awtorità ġiet ittrasferita għall-cloud pubbliku u huwa mistenni li jkun hemm iffrankar wara l-espansjoni tas-sistemi; jilqa’ l-fatt li fir-raba’ trimestru 2022, l-Awtorità bdiet il-proċess biex tintegra l-għodda għall-ġestjoni tal-akkwist pubbliku;

Politika dwar il-persunal

11.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2022, 87,60 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet implimentata, b’219-il aġent temporanju maħtur minn total ta’ 243 aġent temporanju awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni, meta mqabbel ma’ 250 pożizzjoni awtorizzata fl-2021; jinnota li, barra minn hekk, 91 aġent kuntrattwali u 12-il espert nazzjonali sekondat kienu qed jaħdmu għall-Awtorità fl-2022;

12.

Jinnota li fl-2022 l-għadd totali ta’ membri tal-persunal żdied b’45 % meta mqabbel mal-2021; jinnota wkoll li, fir-rigward tal-bilanċ ġeografiku, fi tmiem is-sena 2022, il-persunal tal-Awtorità, jiġifieri aġenti temporanji, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali sekondati, kienu jinkludu 24 nazzjonalità differenti tal-Unjoni; ifakkar kemm huwa importanti li tiġi żgurata rappreżentanza ġeografika bbilanċjata fost il-persunal maniġerjali u dak ġenerali tal-Awtorità;

13.

Jilqa’ l-fatt li l-Awtorità tinsab qrib li tikseb bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell maniġerjali u tal-persunal; jinnota d-distribuzzjoni tal-ġeneri fi ħdan il-persunal maniġerjali superjuri u intermedju tal-Awtorità, fejn 16 minn 30 huma nisa (53 %); jinnota d-distribuzzjoni tal-ġeneri fi ħdan il-Bord Maniġerjali tal-Awtorità, fejn erbgħa minn sebgħa huma rġiel (57 %); jinnota wkoll id-distribuzzjoni tal-ġeneri fi ħdan il-persunal ġenerali tal-Awtorità, fejn 175 minn 322 huma rġiel (54 %);

14.

Jirrikonoxxi li l-Awtorità għandha politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali; jilqa’ l-fatt li fl-2022 ma kien hemm l-ebda każ ta’ fastidju rrapportat, investigat, konkluż internament jew li ttieħed quddiem il-qorti; jilqa’ wkoll l-impenn tal-Awtorità li tiżviluppa “politika dwar id-diversità u l-inklużjoni”;

Akkwist

15.

Jinnota li l-Awtorità, fl-2022, iġġestiet 14-il proċedura ta’ akkwist, li minnhom tlieta kienu offerti miftuħa fil-qasam tal-IT u jirrappreżentaw valur totali ta’ EUR 99,4 miljun;

16.

Ifakkar, mir-rapport tal-Qorti dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2021, fl-osservazzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Awtorità li tniedi proċedura nnegozjata mingħajr ma tirreklamaha, u b’hekk tikser il-punt 3.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju (2); jinnota, mill-Opinjoni tal-Awtorità, li l-ommissjoni ta’ pubbliċità ex ante kienet iġġustifikata mill-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tal-akkwist u ddokumentata kif xieraq ex post, u dan ikompli jsostni li ttieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex fil-futur tiġi evitata sitwazzjoni simili;

17.

Jiġbed l-attenzjoni għan-nota IV.1 tal-kont annwali tal-Awtorità għall-2022, li tiddeskrivi inċertezza relatata mal-eżitu ta’ kawża (“UniSystems Lussemburgu u Unisystems systimata plioforikis vs ESMA”) fir-rigward tad-deċiżjoni fi proċedura ta’ akkwist konġunt ikkontestata minn applikant fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

18.

Jinnota li fl-2022, l-Awtorità rrevediet il-politika dwar il-kunflitti ta’ interess għal persuni li mhumiex membri tal-persunal, li tkopri l-membri tal-persunal, l-esperti sekondati nazzjonali u t-trainees; ifaħħar lill-Awtorità talli ħadet diversi azzjonijiet biex tqajjem kuxjenza dwar il-kunflitti ta’ interess u r-regoli tal-etika, inkluż billi wettqet sessjonijiet ta’ introduzzjoni għal dawk reklutati ġodda, u talli organizzat sessjoni għall-persunal kollu biex tinformah dwar il-fatti u ċ-ċifri ewlenin fl-etika, biex tipprovdi kjarifiki fil-fond dwar it-trattament tal-istrumenti finanzjarji u tikkondividi l-prijoritajiet għall-2022;

19.

Jinnota li għad-dikjarazzjonijiet annwali tal-kunflitti ta’ interess eżaminati mill-Awtorità fl-2022, ma tqajmet l-ebda kwistjoni relatata ma’ kunflitti ta’ interess potenzjali; josserva li, minbarra d-dikjarazzjonijiet annwali, fl-2022 l-Awtorità rrieżaminat u vvalutat għadd konsiderevoli ta’ talbiet u dikjarazzjonijiet mill-persunal, jiġifieri 54 dikjarazzjoni fil-proċeduri ta’ selezzjoni, 13-il dikjarazzjoni dwar l-impjieg bi qligħ tal-konjuġi, 41 talba għal attività esterna, 21 talba għal pubblikazzjoni jew diskors, 23 talba għal ġestjoni ta’ strumenti finanzjarji, 10 talbiet għal attività waqt liv għal raġunijiet personali u 10 dikjarazzjonijiet dwar l-attività intenzjonata wara t-tluq mill-Awtorità; jinnota f’dak il-kuntest li, filwaqt li l-maġġoranza tad-dikjarazzjonijiet ma qajmu l-ebda tħassib dwar kunflitti ta’ interess, f’żewġ każijiet ġiet rakkomandata bidla fil-kompożizzjoni tal-bord ta’ selezzjoni, u f’każ wieħed ġew imposti salvagwardji fir-rigward ta’ maniġer li kien se jitlaq mill-Awtorità, pereżempju l-qtugħ minn informazzjoni kunfidenzjali u projbizzjoni ta’ sena fuq illobbjar fil-konfront tal-persunal;

20.

Jilqa’ l-fatt li l-Awtorità tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-Bord Maniġerjali u tal-persunal maniġerjali tagħha; ifaħħar il-mod trasparenti li bih l-Awtorità tirrapporta l-laqgħat tal-persunal tagħha mal-partijiet ikkonċernati esterni u tagħmilhom disponibbli fuq is-sit web tagħha;

21.

Ifakkar, mir-rapport tal-Qorti dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2021, fl-osservazzjoni tal-Qorti rigward id-dgħufijiet li nstabu fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Awtorità relatati mal-kunflitti ta’ interess; jinnota, f’dak il-kuntest, li fl-2022 it-tim tal-etika tal-Awtorità beda prattika li jiġbor b’mod sistematiku d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-uffiċjali responsabbli mir-rapporti tal-maniġers superjuri, biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ kunflitti ta’ interess matul il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-maniġers superjuri tal-Awtorità; ifakkar ukoll li l-bord tas-superviżuri adotta politika emendata dwar il-kunflitti ta’ interess biex jintroduċi rekwiżit espliċitu għal individwi f’sitwazzjoni ta’ kunflitt, jiġifieri membri tal-bord, sostituti jew koordinaturi tal-NCAs, biex iħallu spazju għad-deliberazzjonijiet dwar il-punt rilevanti, u jastjenu milli jivvotaw fi proċeduri bil-miktub; ifaħħar lill-Aġenzija talli indirizzat l-osservazzjoni tal-Qorti li issa meqjusa magħluqa;

Kontroll intern

22.

Jilqa’ l-valutazzjoni annwali tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Awtorità u l-konklużjoni li din teżisti u tiffunzjona tajjeb; jinnota li l-Awtorità kejlet 77 indikatur ta’ kontroll intern, li jkopru l-prinċipji kollha ta’ kontroll intern, u identifikat 42 nuqqas, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu minuri jew moderati u li l-ebda wieħed minnhom ma qajjem dubji dwar l-eżistenza u l-funzjonament xieraq tal-prinċipji ta’ kontroll intern; jinnota li l-opportunitajiet osservati għal titjib huma prinċipalment relatati mal-ambjent ta’ kontroll, mal-attivitajiet ta’ kontroll kif ukoll mal-komponenti tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

23.

Jinnota li l-Awtorità ġiet awditjata mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) dwar il-ġestjoni tad-data fl-2022, filwaqt li jirrikonoxxi l-kisbiet li saru fl-istabbiliment tal-qafas tal-ġestjoni tad-data, kif ukoll l-isforzi kontinwi biex tiġi definita viżjoni aktar koerenti dwar l-attivitajiet ta’ ġestjoni tad-data; jinnota, madankollu, li l-IAS identifika dgħufijiet kemm fit-tfassil kif ukoll fl-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tas-sistemi ta’ kontroll intern stabbiliti għall-proċessi ta’ ġestjoni tad-data u ħareġ ħames rakkomandazzjonijiet, tnejn minnhom importanti ħafna; jistieden lill-Awtorità tindirizza dawk id-dgħufijiet u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li jkun sar f’dak ir-rigward;

24.

Jinnota li wara l-valutazzjoni tar-riskju organizzazzjonali annwali tagħha, l-Awtorità identifikat riskji fl-2022, bħal swieq fraġli u aktar volatili li jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja, ipoġġu f’riskju lill-investituri u jżidu r-riskju superviżorju għall-Awtorità, ir-riskju ta’ riżorsi inadegwati jew nuqqas ta’ għarfien espert f’ċerti oqsma biex din tkun tista’ tadatta għall-isfidi l-ġodda u r-riskju ta’ attakk ċibernetiku mmirat lejn l-Awtorità u li jaffettwa s-sigurtà tas-sistemi tal-IT; jistieden lill-Awtorità tieħu l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni kollha meħtieġa biex tindirizza dawk ir-riskji;

Kummenti oħra

25.

Ifaħħar lill-Awtorità talli hija rikonoxxuta uffiċjalment għas-sistema ta’ ġestjoni ambjentali tagħha fl-ambitu tal-EMAS (Skema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali tal-Unjoni Ewropea) u talli kisbet ir-reġistrazzjoni fl-EMAS fl-2022; ifaħħar ukoll lill-Awtorità għall-impenn tagħha li trawwem u tintegra kemm jista’ jkun rekwiżiti ekoloġiċi fil-proċeduri ta’ akkwist tagħha; jinnota b’sodisfazzjon mir-rapport tal-Qorti li l-Awtorità hija fost l-aġenziji li joħorġu dikjarazzjoni ambjentali annwali;

26.

Jinnota li fl-2022 l-Awtorità, flimkien mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra, ħarġet twissijiet lill-konsumaturi fir-rigward tal-attivitajiet ta’ riskju għoli u spekulattivi assoċjati ma’ bosta kriptoassi;

27.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tagħha dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2024 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 38, 31.1.2023, p. 84.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(3)  Testi adottati, P9_TA(2024)0280.


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2322/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top