Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023XG0505(01)

Komunikazzjoni tal-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja dwar id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi 2023/C 160/04

PUB/2023/508

ĠU C 160, 5.5.2023, p. 15–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/15


KOMUNIKAZZJONI TAL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA

dwar id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi

(2023/C 160/04)

Stedina pubblika għal offerti għal konċessjoni għall-prospettar u għall-esplorazzjoni ta’ depożiti taż-żejt u tal-gass naturali u għall-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass naturali fiż-żona “Gryfice”

TAQSIMA I: BAŻI ĠURIDIKA

1.

L-Artikolu 49h(2) tal-Att dwar il-Liġi fuq il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni (il-Ġurnal tal-Liġijiet (Dziennik Ustaw) 2022, il-punt 1072, kif emendat)

2.

Ir-Regolament tal-Kabinett tat-28 ta’ Lulju 2015 dwar l-offerti għal konċessjonijiet għall-prospettar u għall-esplorazzjoni ta’ depożiti tal-idrokarburi u għall-estrazzjoni tal-idrokarburi, u għal konċessjonijiet għall-estrazzjoni tal-idrokarburi (il-Ġurnal tal-Liġijiet 2015, il-punt 1171)

3.

Id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta’ awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta’ idrokarburi (ĠU L 164, 30.6.1994, p. 3; Edizzjoni speċjali bil-Pollakk: il-Kapitolu 6, il-Volum 2, p. 262)

TAQSIMA II: ENTITÀ LI TISTIEDEN L-OFFERTI

Isem: Il-Ministeru għall-Klima u għall-Ambjent

Indirizz postali: ul. Wawelska 52/54 54 00-922 Varsavja, il-Polonja

Tel. +48 223692449,

Fax +48 223692460

Sit web: www.gov.pl/web/klimat

TAQSIMA III: SUĠĠETT TAL-PROĊEDURA

1)   tip ta’ attivitajiet li għalihom għandha tingħata l-konċessjoni:

Konċessjoni għall-prospettar u għall-esplorazzjoni ta’ depożiti taż-żejt u tal-gass naturali u għall-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass naturali fiż-żona “Gryfice”, parti mill-blokok ta’ konċessjoni Nri 62, 82 u 83.

2)   żona li fiha għandhom jitwettqu l-attivitajiet:

Il-konfini taż-żona koperta minn din il-proċedura ta’ offerti huma definiti mil-linji li jgħaqqdu l-punti bil-koordinati li ġejjin fis-sistema ta’ koordinati PL-1992:

Punt Nru

X [PL-1992]

Y [PL-1992]

1

691 055,17

219 674,19

2

692 737,14

221 619,12

3

693 771,09

224 785,26

4

695 846,05

233 241,52

5

697 800,71

239 098,78

6

689 034,77

237 808,88

7

688 700,54

245 043,47

8

687 684,41

264 181,99

9

684 723,09

259 134,45

10

673 948,18

266 614,09

11

675 598,09

237 055,20

12

673 865,95

223 383,30

13

673 409,40

219 824,29

14

677 185,11

213 499,78

15

687 174,95

217 946,87

16

685 637,43

221 987,20

17

688 367,49

223 047,42

18

689 636,16

219 042,50

bl-eċċezzjoni tal-poligonu definit mill-punti 19 sa 23 li ġejjin:

Punt Nru

X [PL-1992]

Y [PL-1992]

19

679 335,20

223 870,95

20

679 746,86

224 268,31

21

679 040,45

224 478,55

22

678 251,69

224 485,63

23

678 251,81

224 056,04

L-erja tas-superfiċje tal-projezzjoni vertikali taż-żona koperta minn din il-proċedura ta’ offerti hija ta’ 747,96 km2. Il-limitu inferjuri taż-żona jinsab f’fond ta’ 5 000 m taħt il-livell tal-art (BGL).

L-għan tax-xogħlijiet li għandhom jitwettqu f’formazzjonijiet Karboniferi u Permjani huwa li jiġu dokumentati u estratti ż-żejt u l-gass naturali fiż-żona deskritta hawn fuq.

3)   limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tal-offerti:

L-offerti jridu jiġu sottomessi lill-kwartieri ġenerali tal-Ministeru għall-Klima u għall-Ambjent mhux aktar tard minn 12:00 CET/CEST fl-aħħar jum tal-perjodu ta’ 180 jum li jibda fil-jum ta’ wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4)   speċifikazzjonijiet dettaljati tal-offerti, inkluż il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerti u speċifikazzjoni tal-ponderazzjoni tagħhom, li jiżguraw li l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 49k tal-Att dwar il-Liġi fuq il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni tad-9 ta’ Ġunju 2011 jiġu ssodisfati:

L-offerti jistgħu jiġu sottomessi minn entitajiet li fir-rigward tagħhom tkun inħarġet deċiżjoni li tikkonferma l-eżitu pożittiv ta’ proċedura ta’ kwalifika, kif previst fl-Artikolu 49a(16)(1) tal-Att dwar il-Liġi fuq il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni, b’mod indipendenti, jew bħala l-operatur jekk diversi entitajiet japplikaw flimkien għall-konċessjoni.

Il-kumitat għall-offerti se jevalwa l-proposti li waslu abbażi tal-kriterji li ġejjin:

30 % -

l-ambitu u l-iskeda tax-xogħlijiet ġeoloġiċi proposti, inkluż l-operazzjonijiet ġeoloġiċi, jew l-operazzjonijiet minerarji;

20 % -

l-ambitu u l-iskeda tal-ġbir obbligatorju tal-kampjuni miksubin matul l-operazzjonijiet ġeoloġiċi, inkluż il-mases ċilindriċi;

20 % -

il-kapaċitajiet finanzjarji li joffru garanzija adegwata li se jitwettqu attivitajiet relatati mal-prospettar u mal-esplorazzjoni ta’ depożiti tal-idrokarburi u mal-estrazzjoni tal-idrokarburi, u b’mod partikolari s-sorsi u l-metodi għall-finanzjament tal-attivitajiet maħsubin, inkluż is-sehem ta’ fondi proprji u ta’ finanzjament estern;

20 % -

it-teknoloġija proposta għat-twettiq ta’ xogħlijiet ġeoloġiċi, inkluż operazzjonijiet ġeoloġiċi, jew operazzjonijiet minerarji, bl-użu ta’ elementi innovattivi żviluppati għal dan il-proġett;

5 % -

il-kapaċitajiet tekniċi, għall-prospettar u għall-esplorazzjoni ta’ depożiti tal-idrokarburi u għall-estrazzjoni tal-idrokarburi, u b’mod partikolari d-disponibbiltà ta’ potenzjal xieraq ta’ riżorsi tekniċi, organizzattivi, loġistiċi u umani (inkluż 2 % għall-ambitu tal-kollaborazzjoni, fir-rigward tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi għall-prospettar, għall-esplorazzjoni u għall-estrazzjoni tal-idrokarburi, bil-korpi xjentifiċi jwettqu riċerka dwar il-ġeoloġija tal-Polonja u bl-għodod analitiċi, b’teknoloġiji u b’metodi għall-prospettar ta’ depożiti tal-idrokarburi li jqisu l-ispeċifiċità tal-kundizzjonijiet ġeoloġiċi Pollakki u li jistgħu jiġu applikati f’dawk il-kundizzjonijiet);

5 % -

l-esperjenza fil-prospettar u fl-esplorazzjoni ta’ depożiti tal-idrokarburi jew fl-estrazzjoni tal-idrokarburi, filwaqt li jiġu żgurati t-tħaddim sikur, il-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u l-ħarsien tal-ambjent.

Jekk, wara l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet fuq il-bażi tal-kriterji speċifikati hawn fuq, ikun hemm żewġ offerti jew aktar li jiksbu l-istess punteġġ, l-ammont tat-tariffa għall-istabbiliment tad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju dovuti matul il-fażi tal-prospettar u tal-esplorazzjoni jintuża bħala kriterju addizzjonali li jippermetti li ssir għażla finali bejn l-offerti kkonċernati.

5)   ambitu minimu tal-informazzjoni ġeoloġika:

Meta tiġi sottomessa offerta, ma hemm l-ebda rekwiżit biex jintwera d-dritt li tintuża informazzjoni ġeoloġika.

Meta tidħol fil-fażi tal-estrazzjoni, impriża tkun obbligata tipprovdi evidenza tal-eżistenza tad-dritt li tuża informazzjoni ġeoloġika sa fejn tkun neċessarja għat-twettiq tal-attivitajiet tagħha.

6)   id-data tal-bidu tal-attivitajiet:

L-attivitajiet koperti mill-konċessjoni għandhom jibdew fi żmien 14-il jum mid-data li fiha ssir finali d-deċiżjoni li tagħti l-konċessjoni.

7)   kundizzjonijiet għall-għoti tal-konċessjoni:

Skont l-Artikolu 49x(2a) tal-Att dwar il-Liġi fuq il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni, l-offerent rebbieħ li jwettaq attivitajiet li jikkonsistu fil-prospettar, l-esplorazzjoni jew l-estrazzjoni ta’ idrokarburi minn depożiti f’żoni marittimi tar-Repubblika tal-Polonja huwa obbligat jipprovdi garanzija għall-pretensjonijiet li jistgħu jirriżultaw bħala riżultat ta’ tali attivitajiet. Il-garanzija għandha tiġi stabbilita wara d-data li fiha tingħata d-deċiżjoni li tapprova l-pjan ta’ operazzjonijiet tal-faċilità tal-minjieri msemmi fl-Artikolu 108(11) tal-Att dwar il-Liġi fuq il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni u qabel id-data li fiha jibda l-operat tal-faċilità tal-minjieri.

L-ammont ta’ sigurtà għall-attivitajiet li jitwettqu abbażi tal-pjan tal-operazzjonijiet tal-faċilità tal-minjieri huwa ta’ PLN 80 000 000 (fi kliem: tmenin miljun zloty).

Jekk l-uffiċċju tal-minjieri distrettwali kompetenti japprova pjanijiet ulterjuri ta’ operazzjonijiet tal-faċilità tal-minjieri, inkluż operazzjonijiet ġeoloġiċi ġodda (tħaffir ta’ spieri), l-ammont tal-garanzija għandu jiżdied gradwalment b’PLN 40 000 000 (fi kliem: erbgħin miljun zloty) għal kull spiera ġdida li titħaffer.

Se jiġu aċċettati l-forom ta’ sigurtà li ġejjin:

1.

sigurtà f’forma monetarja;

2.

avalli bankarji jew avalli tal-unjoni kooperattiva tat-tfaddil u tal-kreditu; l-obbligu tal-istituzzjoni jrid ikun dejjem obbligu monetarju;

3.

garanziji bankarji;

4.

garanziji tal-assigurazzjoni;

5.

Avalli maħruġa minn kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 6b(5)(2) tal-Att tad-9 ta’ Novembru 2000 li jistabbilixxi l-Aġenzija Pollakka għall-Iżvilupp tal-Intrapriżi (Il-Ġurnal tal-Liġijiet 2020, il-punt 299);

6.

kambjali garantiti minn bank jew unjoni kooperattiva tat-tfaddil u l-kreditu;

7.

ipoteki fuq titoli maħruġa mit-Teżor;

8.

assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ta’ parti terza.

8)   ambitu minimu tax-xogħlijiet ġeoloġiċi, inkluż l-operazzjonijiet ġeoloġiċi, jew l-operazzjonijiet minerarji:

Stħarriġiet ġeofiżiċi ta’ 50 km (tul tal-linja ta’ eċċitazzjoni) b’testijiet siżmiċi 2D jew ta’ 25 km2 (żona ta’ estrazzjoni) b’testijiet siżmiċi 3D.

Tħaffir ta’ spiera sa fond massimu ta’ 5 000 m (fond vertikali veru – TVD), bit-tħaffir għal mases ċilindriċi obbligatorju ta’ intervalli prospettivi.

9)   il-perjodu li għalih għandha tingħata l-konċessjoni:

Il-perjodu ta’ konċessjoni huwa ta’ 30 sena, inkluż:

1)

fażi ta’ prospettar u ta’ esplorazzjoni b’durata ta’ ħames snin, li tibda mid-data li fiha tingħata l-konċessjoni;

2)

fażi ta’ estrazzjoni li ddum 25 sena, li tibda mid-data li fiha tinkiseb deċiżjoni ta’ investiment.

10)   kundizzjonijiet speċifiċi għat-twettiq tal-attivitajiet u għall-iżgurar tas-sikurezza pubblika, tas-saħħa pubblika, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-ġestjoni razzjonali tad-depożiti:

L-istħarriġiet ġeofiżiċi għandhom jibdew fi żmien 24 xahar mid-data li fiha ssir finali d-deċiżjoni li tagħti l-konċessjoni.

L-operazzjonijiet ġeoloġiċi (tħaffir ta’ spieri) għandhom jibdew fi żmien 42 xahar mid-data li fiha ssir finali d-deċiżjoni li tagħti l-konċessjoni.

Minħabba li ż-żona tal-offerti tinsab parzjalment fil-konfini tal-ilmijiet marittimi interni u l-istrixxa kostali tal-ilmijiet marittimi (iż-żoni tekniċi u ta’ protezzjoni), il-kundizzjonijiet dettaljati għat-twettiq tal-attività huma stabbiliti skont l-ordni tad-Direttur tal-Uffiċċju Marittimu ta’ Szczecin tal-21 ta’ Ottubru 2022 (ref.: GPG-I.6211.78.22.DW (8):

1.

projbizzjoni fuq operazzjonijiet f’korpi tal-ilma użati għan-navigazzjoni u għall-iżgurar tas-sikurezza fin-navigazzjoni; il-konfini ta’ dawn l-ilmijiet huma ddeterminati fuq il-bażi ta’:

1)

il-Paragrafi 3(1) u 4(1) tal-Ordni Nru 5 tad-Direttur tal-Uffiċċju Marittimu ta’ Szczecin, tat-8 ta’ Awwissu 2017, li jistabbilixxi l-infrastruttura li tipprovdi aċċess għall-portijiet marittimi f’Dziwnów, Kamień Pomorski, Lubin, Mrzeżyno, Nowe Warpno, Police, Stepnica, Trzebież, Wapnica u Wolin, u għal pontijiet tal-imbark u l-mollijiet f’Międzyzdroje, Niechorze u Rewal (Ġurnal tal-Liġijiet tal-Provinċja ta’ Zachodniopomorskie 2017, il-punt 3487 kif emendat);

2)

il-Paragrafu 164 (1) tal-Ordni Nru 3 tad-Direttur tal-Uffiċċju Marittimu ta’ Szczecin tas-26 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi r-regolamenti tal-port (Ġurnal tal-Liġijiet tal-Provinċja ta’ Zachodniopomorskie 2013, il-punt 2932 kif emendat)

fiż-żona li tikkonsisti f’ilmijiet marittimi interni;

2.

projbizzjoni fuq it-twaqqif ta’ faċilitajiet permanenti li għandhom l-istatus ta’ gżejjer artifiċjali, strutturi jew installazzjonijiet għall-estrazzjoni ta’ idrokarburi skont it-tifsira tal-Artikolu 23 tal-Att tal-21 ta’ Marzu 1991 dwar iż-żoni marittimi tar-Repubblika tal-Polonja u l-amministrazzjoni marittima (Ġurnal tal-Liġijiet 2022, il-punt 457 kif emendat) fiż-żona koperta mill-ilmijiet marittimi interni;

3.

rekwiżit biex jitqiegħdu kejbils u pipelines f’fond ta’ mill-inqas 3 m taħt il-qiegħ ta’ korp tal-ilma fejn il-pipelines huma maħsuba biex jintużaw għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni ta’ depożiti ta’ idrokarburi mill-ilmijiet marittimi interni.

L-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-konċessjoni ma tistax tikser id-drittijiet tas-sidien tal-art u ma teliminax il-ħtieġa li tinżamm konformità ma’ rekwiżiti oħrajn stabbiliti fil-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari l-Att dwar il-Liġi fuq il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni, u r-rekwiżiti rigward l-ippjanar tal-ispazju, il-ħarsien tal-ambjent, ir-raba’ u l-foresti, in-natura, l-ilmijiet u l-iskart.

Il-Kategorija C hija l-kategorija ta’ esplorazzjoni minima għal depożiti taż-żejt u tal-gass naturali.

11)   mudell tal-ftehim dwar l-istabbiliment tad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju:

Il-mudell tal-ftehim huwa mehmuż bħala anness hawnhekk.

12)   informazzjoni dwar l-ammont tat-tariffa għall-istabbiliment tad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju:

L-ammont minimu tat-tariffa għall-istabbiliment tad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju għaż-żona “Gryfice” matul il-perjodu bażi ta’ ħames snin huwa ta’ PLN 183 235,24 (fi kliem: mija u tlieta u tmenin elf, mitejn u ħamsa u tletin zloty, erbgħa u għoxrin grosz) fis-sena.

It-termini dettaljati tal-ħlas għandhom jinsabu fl-anness imsemmi fil-punt 10.

13)   informazzjoni dwar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-offerti u d-dokumenti meħtieġa mill-offerenti:

1.

L-offerti għandhom jispeċifikaw:

1)

l-isem (l-isem kummerċjali) u l-uffiċċju reġistrat tal-offerent;

2)

is-suġġett tal-offerta, flimkien ma’ deskrizzjoni li tispeċifika ż-żona li fiha għandha tingħata l-konċessjoni u għandhom jiġu stabbiliti d-drittijiet ta’ użufrutt minerarju;

3)

il-perjodu li għalih għandha tingħata l-konċessjoni, id-durata tal-fażi tal-prospettar u tal-esplorazzjoni u d-data tal-bidu tal-attivitajiet;

4)

l-għan, l-ambitu u n-natura tax-xogħlijiet ġeoloġiċi, inkluż l-operazzjonijiet ġeoloġiċi, jew l-operazzjonijiet minerarji, u informazzjoni dwar ix-xogħlijiet li għandhom jitwettqu sabiex jintlaħaq l-objettiv maħsub u t-teknoloġiji li għandhom jintużaw;

5)

skeda, maqsuma fi snin, għax-xogħlijiet ġeoloġiċi, inkluż l-operazzjonijiet ġeoloġiċi, u l-ambitu ta’ xogħlijiet bħal dawn;

6)

l-ambitu u l-iskeda tal-ġbir obbligatorju ta’ kampjuni miksubin matul l-operazzjonijiet ġeoloġiċi, inkluż il-mases ċilindriċi, kif imsemmi fl-Artikolu 82(2)(2) tal-Att dwar il-Liġi fuq il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni;

7)

id-drittijiet miżmumin mill-offerent tal-proprjetà immobbli (żona) li fiha għandhom jitwettqu l-attivitajiet maħsubin, jew id-dritt li l-entità tkun qiegħda tapplika għall-istabbiliment tagħha;

8)

lista ta’ żoni koperti minn skemi ta’ konservazzjoni tan-natura; dan ir-rekwiżit ma jikkonċernax proġetti li għalihom ikun meħtieġ permess ambjentali;

9)

il-mod li bih għandhom jiġu kontrobilanċjati l-impatti ambjentali negattivi tal-attivitajiet maħsubin;

10)

l-ambitu tal-informazzjoni ġeoloġika disponibbli għall-offerent;

11)

l-esperjenza fil-prospettar u fl-esplorazzjoni ta’ depożiti tal-idrokarburi jew fl-estrazzjoni tal-idrokarburi, fosthom l-iżgurar tat-tħaddim sikur, il-protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u l-ħarsien tal-ambjent;

12)

il-kapaċitajiet tekniċi, rispettivament, għall-prospettar u għall-esplorazzjoni ta’ depożiti tal-idrokarburi u għall-estrazzjoni tal-idrokarburi, u b’mod partikolari d-disponibbiltà ta’ potenzjal xieraq ta’ riżorsi tekniċi, organizzattivi, loġistiċi u umani;

13)

il-kapaċitajiet finanzjarji li joffru garanzija adegwata li se jitwettqu attivitajiet relatati, rispettivament, mal-prospettar u mal-esplorazzjoni ta’ depożiti tal-idrokarburi u mal-estrazzjoni tal-idrokarburi, u b’mod partikolari s-sorsi u l-metodi ta’ finanzjament tal-attivitajiet maħsubin, inkluż is-sehem ta’ fondi proprji u ta’ finanzjament estern;

14)

it-teknoloġija proposta għat-twettiq tax-xogħlijiet ġeoloġiċi, inkluż l-operazzjonijiet ġeoloġiċi, jew l-operazzjonijiet minerarji;

15)

l-ammont propost tat-tariffa għall-istabbiliment tad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju, li ma jkunx anqas mill-ammont speċifikat fl-avviż li jniedi l-proċedura ta’ offerti;

16)

jekk offerta tiġi sottomessa b’mod konġunt minn diversi entitajiet, trid tispeċifika wkoll:

a)

l-ismijiet (l-ismijiet kummerċjali) u l-uffiċċji reġistrati tal-entitajiet kollha li jissottomettu l-offerta;

b)

l-operatur;

c)

l-ishma perċentwali fil-kostijiet tax-xogħlijiet ġeoloġiċi, inkluż l-operazzjonijiet ġeoloġiċi, proposti fil-ftehim ta’ kooperazzjoni.

17)

il-forma ta’ sigurtà stabbilita skont il-punt 7.

2.

L-offerti sottomessi fi proċedura ta’ offerti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-avviż li jniedi dik il-proċedura ta’ offerti.

3.

Id-dokumenti li ġejjin għandhom ikunu mehmużin mal-offerti:

1)

evidenza tal-eżistenza taċ-ċirkostanzi deskritti fl-offerta, b’mod partikolari siltiet mir-reġistri rilevanti;

2)

prova li sar depożitu;

3)

kopja tad-deċiżjoni li tikkonferma l-eżitu pożittiv ta’ proċedura ta’ kwalifika, kif previst fl-Artikolu 49a(17) tal-Att dwar il-Liġi fuq il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni;

4)

annessi grafiċi mħejjija f’konformità mar-rekwiżiti relatati mal-mapep tal-estrazzjoni, li jindikaw il-konfini amministrattivi tal-pajjiż;

5)

impenji bil-miktub li r-riżorsi tekniċi se jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-entità li tieħu sehem fil-proċedura tal-offerti jekk jintużaw ir-riżorsi tekniċi ta’ entitajiet oħrajn meta tiġi implimentata l-konċessjoni;

6)

żewġ kopji tal-fajl tal-proġett tal-operazzjonijiet ġeoloġiċi.

4.

Fuq inizjattiva tagħhom stess, l-offerenti jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali fl-offerti tagħhom jew jehmżu dokumenti addizzjonali magħhom.

5.

Id-dokumenti sottomessi mill-offerenti għandhom ikunu l-oriġinali jew kopji ċċertifikati veri tal-oriġinali kif previst fil-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal kopji ta’ dokumenti li għandhom jinhemżu mal-offerti u li nħolqu mill-awtorità tal-konċessjoni.

6.

Id-dokumenti mfassla b’lingwa barranija għandhom jiġu sottomessi flimkien ma’ traduzzjoni fil-Pollakk minn traduttur ġuramentat.

7.

L-offerti għandhom jiġu sottomessi f’envelop issiġillat jew f’pakkett issiġillat li juri l-isem (l-isem kummerċjali) tal-offerent u li jindika s-suġġett tal-proċedura tal-offerti.

8.

L-offerti sottomessi wara l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti jintbagħtu lura lill-offerenti mhux miftuħin.

14)   informazzjoni dwar il-mod kif isir depożitu, l-ammont tad-depożitu u d-data tal-ħlas:

L-offerenti huma meħtieġa jagħmlu depożitu ta’ PLN 1 000 (fi kliem: elf zloty u żero grosz) qabel ma jiskadi t-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti.

TAQSIMA IV: INFORMAZZJONI AMMINISTRATTIVA

IV.1)   Kumitat għall-evalwazzjoni tal-offerti

Kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti jinħatar mill-awtorità ta’ konċessjoni għall-fini tat-tmexxija tal-proċedura tal-offerti u tal-għażla tal-aktar offerta vantaġġuża. Il-kompożizzjoni u r-regoli ta’ proċedura tal-kumitat huma speċifikati fir-Regolament tal-Kabinett tat-28 ta’ Lulju 2015 dwar il-proċeduri ta’ offerti għal konċessjonijiet għall-prospettar u għall-esplorazzjoni ta’ depożiti tal-idrokarburi u għall-estrazzjoni tal-idrokarburi, u għal konċessjonijiet għall-estrazzjoni tal-idrokarburi (il-Ġurnal tal-Liġijiet 2015, il-punt 1171). Il-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti jissottometti rapport dwar il-proċedura ta’ offerti lill-awtorità tal-konċessjoni għall-approvazzjoni. Flimkien mal-offerti u mad-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tal-offerti, ir-rapport huwa miftuħ għal entitajiet oħrajn li jissottomettu l-offerti.

IV.2)   Kjarifiki addizzjonali

Fi żmien 14-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż, entità interessata tista’ titlob lill-awtorità tal-konċessjoni tipprovdi kjarifiki dwar l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati tal-offerta. Fi żmien 14-il jum mill-wasla tat-talba, l-awtorità tal-konċessjoni tippubblika l-kjarifiki fil-Biuletyn Informacji Publicznej (Bullettin ta’ Informazzjoni Pubblika), fuq il-paġna tal-uffiċċju amministrattiv subordinat għal dik l-awtorità.

IV.3)   Informazzjoni addizzjonali

L-informazzjoni sħiħa dwar iż-żona koperta mill-proċedura ta’ offerti ġiet ikkompilata mis-Servizz Ġeoloġiku Pollakk fil-Pakkett ta’ Data Ġeoloġika għall-proċedura tal-offerti għall-prospettar u għall-esplorazzjoni tad-depożiti taż-żejt u tal-gass naturali u għall-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass naturali fiż-żona tal-offerti “Gryfice” (“Pakiet danych geologicznych do postępowania przetargowego na poszukiwanie i rozpoznawanie złóż ropy naftowej i gazu ziemnego oraz wydobywanie ropy naftowej i gazu ziemnego ze złóż. Obszar przetargowy ‘Gryfice’”), li huwa disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Klima u għall-Ambjent fuq l-indirizz li ġej: https://bip.mos.gov.pl/koncesje-geologiczne/przetargi-na-koncesje-na-poszukiwanie-rozpoznawanie-i-wydobywanie-weglowodorow/piata-runda-przetargow-2021/

u mingħand

Departament Geologii i Koncesji Geologicznych [Id-Dipartiment għall-Ġeoloġija u għall-Konċessjonijiet Ġeoloġiċi]

Ministerstwo Kimatu i Środowiska [Il-Ministeru għall-Klima u l-Ambjent]

ul. Wawelska 52/54

00-922 Varsavja

IL-POLONJA

Tel. +48 223692449

Fax +48 223692460


FTEHIM

li jistabbilixxi d-drittijiet ta’ użufrutt minerarju għall-prospettar u l-esplorazzjoni ta’ depożiti taż-żejt u tal-gass naturali u l-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass naturali fiż-żona “Piła”, minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”

konkluż f’Varsavja fi … bejn:

it-Teżor, irrappreżentat mill-Ministru għall-Klima u għall-Ambjent, li għalih u f’ismu … jaġixxi permezz tal-prokura Nru …minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “it-Teżor”,

kif ukoll

(isem l-impriża) li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi … (indirizz sħiħ), irreġistrata fi … fil-KRS (Reġistru Nazzjonali tal-Qorti) Nru …, kapital azzjonarju …., irrappreżentata minn …, minn hawn ’il quddiem imsejħa “id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju”,

minn hawn ’il quddiem kull waħda msejħa individwalment bħala “Parti” jew flimkien imsejħin “il-Partijiet”,

u jiddikjara kif ġej:

Taqsima 1

1.

It-Teżor tal-Istat, bħala s-sid esklużiv tas-substrata tal-wiċċ tad-Dinja li tkopri ż-żona fi ħdan il-muniċipalitajiet ta’ Radowo Małe u Osina u l-muniċipalitajiet urbani ta’ Maszewo, Nowogard, Płoty, Golczewo, Gryfice, Dobra, Łobez, Resko u Węgorzyno fil-Provinċja ta’ Zachodniopomorskie, li l-konfini tagħhom huma ddefiniti mil-linji li jgħaqqdu l-punti (1) sa (18) li għandhom il-koordinati li ġejjin fis-sistema ta’ koordinati PL-1992:

Punt Nru

X [PL-1992]

Y [PL-1992]

1

691 055,17

219 674,19

2

692 737,14

221 619,12

3

693 771,09

224 785,26

4

695 846,05

233 241,52

5

697 800,71

239 098,78

6

689 034,77

237 808,88

7

688 700,54

245 043,47

8

687 684,41

264 181,99

9

684 723,09

259 134,45

10

673 948,18

266 614,09

11

675 598,09

237 055,20

12

673 865,95

223 383,30

13

673 409,40

219 824,29

14

677 185,11

213 499,78

15

687 174,95

217 946,87

16

685 637,43

221 987,20

17

688 367,49

223 047,42

18

689 636,16

219 042,50

bl-eċċezzjoni tal-poligonu definit mill-punti 19 sa 23 li ġejjin:

Punt Nru

X [PL-1992]

Y [PL-1992]

19

679 335,20

223 870,95

20

679 746,86

224 268,31

21

679 040,45

224 478,55

22

678 251,69

224 485,63

23

678 251,81

224 056,04

b’dan jistabbilixxi d-drittijiet ta’ użufrutt minerarju għad-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju fiż-żona deskritta hawn fuq, limitata minn fuq mil-limitu inferjuri ta’ proprjetajiet tal-wiċċ u ta’ taħt l-art f’fond ta’ 5 000 m, dejjem jekk id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jikseb konċessjoni għall-prospettar u l-esplorazzjoni ta’ depożiti taż-żejt u tal-gass naturali u l-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass naturali fiż-żona “Kartuzy” fi żmien sena mid-data meta l-Ftehim jiġi konkluż.

2.

Jekk il-kondizzjoni għall-kisba tal-konċessjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tiġix issodisfata, l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim għandhom jiskadu.

3.

Fi ħdan iż-żona tal-massa tal-blat speċifikata fil-paragrafu 1, id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jista’:

1)

f’formazzjonijiet Karboniferi u Permjani, iwettaq attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-prospettar u l-esplorazzjoni ta’ depożiti taż-żejt u tal-gass naturali;

2)

fil-bqija taż-żona, iwettaq kwalunkwe operazzjonijiet u attivitajiet li huma meħtieġa sabiex jinkiseb aċċess għall-formazzjonijiet Karboniferi u Permjani.

4.

L-erja tas-superfiċje tal-projezzjoni vertikali taż-żona deskritta hawn fuq hija ta’ 900.35 km2.

5.

Id-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju għandhom jintitolaw lid-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju sabiex juża ż-żona speċifikata fil-paragrafu 1 fuq bażi esklużiva għall-prospettar u l-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass naturali, kif ukoll biex iwettaq l-operazzjonijiet u l-attivitajiet kollha meħtieġa għal dan l-għan f’dik iż-żona skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, b’mod partikolari l-Att dwar il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni tad-9 ta’ Ġunju 2011 (Il-Ġurnal tal-Liġijiet (Dziennik Ustaw) 2022, il-punt 1072, kif emendat), u d-deċiżjonijiet maħruġa skont dan.

Taqsima 2

Id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jiddikjara li huwa ma joġġezzjonax għall-istatus legali u fattwali tas-suġġett tad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju.

Taqsima 3

1.

Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha tinkiseb il-konċessjoni.

2.

Id-drittijiet ta’ użufrutt minerarju għandhom jiġu stabbiliti għal perjodu ta’ 30 sena, inklużi 5 snin għall-fażi tal-prospettar u tal-esplorazzjoni u 25 sena għall-fażi tal-estrazzjoni, soġġetti għat-Taqsimiet 8(2) u 10.

3.

Id-drittijiet ta’ użufrutt minerarju għandhom jiskadu jekk il-konċessjoni tiskadi, tiġi rtirata jew issir invalida, tkun xi tkun ir-raġuni.

Taqsima 4

Id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt għall-Estrazzjoni jimpenja ruħu li jinnotifika lit-Teżor bil-miktub dwar kwalunkwe bidla li tirriżulta f’bidla fl-isem, fl-uffiċċju reġistrat u fl-indirizz jew fil-forma organizzazzjonali, dwar bidliet fin-numri tar-reġistrazzjoni u tal-identifikazzjoni, dwar it-trasferiment tal-konċessjoni lil entità oħra bl-operat tal-liġi, dwar il-preżentazzjoni ta’ petizzjoni ta’ falliment, dwar id-dikjarazzjoni ta’ falliment jew dwar il-bidu ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar. It-Teżor jista’ jitlob li f’każijiet bħal dawn jiġu pprovduti l-ispjegazzjonijiet neċessarji. In-notifika għandha ssir fi żmien 30 jum mid-data meta jseħħu ċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq.

Taqsima 5

Il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ partijiet terzi, b’mod partikolari tas-sidien tal-art, u d-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju ma għandux ikun eżentat mill-ħtieġa li jikkonforma mar-rekwiżiti previsti mil-liġi, b’mod partikolari dawk relatati mal-prospettar u mal-esplorazzjoni ta’ minerali u mal-protezzjoni u mal-użu ta’ riżorsi ambjentali.

Taqsima 6

It-Teżor jirriżerva d-dritt li jistabbilixxi fi ħdan iż-żona msemmija fit-Taqsima 1(1) id-drittijiet ta’ użufrutt minerarju għall-fini tat-twettiq ta’ attivitajiet li ma jkunux dawk speċifikati fil-Ftehim, b’mod li ma jmurx kontra d-drittijiet tad-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju.

Taqsima 7

1.

Id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju għandu jħallas lit-Teżor it-tariffa li ġejja għad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju fiż-żona speċifikata fit-Taqsima 1(1) għal kull sena tal-fażi tal-prospettar u tal-esplorazzjoni ta’ użufrutt minerarju (magħduda bħala 12-il xahar konsekuttivi):

a)

PLN… (ammont) (fi kliem: zloty) għall-ewwel sena tal-użufrutt, li tibda tgħodd mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim, fi żmien 30 jum mill-bidu ta’ dik is-sena tal-użufrutt minerarju;

b)

PLN… (ammont) (fi kliem: zloty) għat-tieni sena tal-użufrutt, li tibda tgħodd mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim, fi żmien 30 jum mill-bidu ta’ dik is-sena tal-użufrutt minerarju;

c)

PLN… (ammont) (fi kliem: zloty) għat-tielet sena tal-użufrutt, li tibda tgħodd mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim, fi żmien 30 jum mill-bidu ta’ dik is-sena tal-użufrutt minerarju;

d)

PLN… (ammont) (fi kliem: zloty) għar-raba’ sena tal-użufrutt, li tibda tgħodd mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim, fi żmien 30 jum mill-bidu ta’ dik is-sena tal-użufrutt minerarju;

e)

PLN… (ammont) (fi kliem: zloty) għall-ħames sena tal-użufrutt, li tibda tgħodd mid-data li fiha jidħol fis-seħħ il-Ftehim, fi żmien 30 jum mill-bidu ta’ dik is-sena tal-użufrutt minerarju;

soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.

2.

Jekk id-data għall-ħlas tat-tariffa dovuta għal sena partikolari ta’ użufrutt minerarju taqa’ bejn l-1 ta’ Jannar u l-1 ta’ Marzu, id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju għandu jħallas it-tariffa sal-1 ta’ Marzu. Madankollu, jekk it-tariffa tkun soġġetta għal indiċjar skont il-paragrafi 3 sa 5, id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju m’għandux iħallasha qabel id-data li fiha jitħabbar l-indiċi msemmi fil-paragrafu 3, wara li jitqies dak l-indiċi.

3.

It-tariffa speċifikata fil-paragrafu 1 għandha tiġi indiċizzata mal-indiċijiet medji annwali tal-prezzijiet bl-imnut stabbiliti għall-perjodu mill-konklużjoni tal-Ftehim sas-sena ta’ qabel id-data għall-ħlas tat-tariffa, kif imħabbra mill-President tal-Istatistika tal-Polonja fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Polonja (Monitor Polski). Jekk dan l-indiċi għal sena partikolari jkun ta’ żero jew anqas, ma għandu jkun hemm l-ebda indiċjar għal dik is-sena.

4.

Jekk id-data għall-ħlas tat-tariffa tkun taqa’ fl-istess sena kalendarja bħal dik li fiha ġie konkluż il-Ftehim, it-tariffa m’għandhiex tiġi indiċjata.

5.

Jekk il-Ftehim ġie konkluż u daħal fis-seħħ fis-sena ta’ qabel is-sena li fiha taqa’ d-data għall-ħlas tat-tariffa, it-tariffa m’għandhiex tiġi indiċjata jekk id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jħallasha sa tmiem is-sena kalendarja li fiha jiġi konkluż u jidħol fis-seħħ il-Ftehim.

6.

Jekk id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jitlef id-drittijiet ta’ użufrutt minerarju stabbiliti skont il-Ftehim qabel jiskadi l-limitu ta’ żmien speċifikat fit-Taqsima 3(2), id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju għandu jintalab iħallas it-tariffa għas-sena sħiħa ta’ użufrutt li fiha ntilfu dawn id-drittijiet. Madankollu, jekk id-drittijiet ta’ użufrutt minerarju jintilfu bħala riżultat tal-irtirar tal-konċessjoni jew għar-raġunijiet speċifikati fit-Taqsima 10(1), (3) jew (4), id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju għandu jħallas it-tariffa għall-perjodu kollu ta’ użufrutt tal-fażi tal-prospettar u tal-esplorazzjoni speċifikat fit-Taqsima 3(1) u (2), indiċizzata f’konformità mal-paragrafu 3 u mingħajr preġudizzju għall-penali kuntrattwali msemmija fit-Taqsima 10(2). Il-ħlas tat-tariffa għandu jsir fi żmien 30 jum mid-data li fiha ntilfu d-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju. It-telf tad-drittijiet ta’ użufrutt m’għandux jirrilaxxa lid-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju mill-obbligi ambjentali relatati mas-suġġett tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju, b’mod partikolari l-obbligi relatati mal-protezzjoni tad-depożiti.

7.

Id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju għandu jħallas it-tariffa għad-drittijiet ta’ użufrutt fil-kont bankarju tal-Ministeru għall-Klima u għall-Ambjent fil-fergħa ta’ Varsavja tal-Bank Nazzjonali tal-Polonja, Nru 07 1010 1010 0006 3522 3100 0000, inkluża l-komunikazzjoni li ġejja dwar l-ordni ta’ trasferiment: “Ustanowienie użytkowania górniczego w związku z udzieleniem koncesji na poszukiwanie i rozpoznawanie złóż ropy naftowej i gazu ziemnego oraz wydobywanie ropy naftowej i gazu ziemnego ze złóż w obszarze ‘Kartuzy’” (“L-istabbiliment ta’ drittijiet ta’ użufrutt minerarju marbuta mal-għoti ta’ konċessjoni għall-prospettar u l-esplorazzjoni ta’ depożiti taż-żejt u tal-gass naturali u l-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass naturali fiż-żona ta’ ‘Kartuzy’”).

Id-data tal-ħlas għandha tkun id-data li fiha jiġi kkreditat il-kont tat-Teżor.

8.

It-tariffa speċifikata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun soġġetta għal taxxa fuq l-oġġetti u fuq is-servizzi (VAT). Jekk il-leġiżlazzjoni tiġi emendata b’tali mod li l-attivitajiet li huma s-suġġett ta’ dan il-Ftehim jiġu soġġetti għat-tassazzjoni, jew jekk l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tinbidel b’tali mod li dawn l-attivitajiet jiġu soġġetti għall-VAT, l-ammont tat-tariffa għandu jiżdied bl-ammont tat-taxxa dovuta.

9.

It-Teżor għandu jinnotifika lid-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju bil-miktub dwar il-bidliet fin-numru tal-kont imsemmi fil-paragrafu 7.

10.

It-tariffa għall-istabbiliment tad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju għandha tkun pagabbli lit-Teżor irrispettivament mill-introjtu li d-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jaqla’ mill-użu ta’ dawk id-drittijiet.

11.

Id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju għandu jibgħat lit-Teżor, fi żmien 7 ijiem mid-data tal-iżborż, kopji tal-prova tal-ħlas tat-tariffa msemmija fil-paragrafu 1 għall-istabbiliment tad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju.

Taqsima 8

1.

Wara li d-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jikseb deċiżjoni ta’ investiment li tispeċifika l-kundizzjonijiet għall-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass naturali, il-Partijiet għandhom, fi żmien 30 jum mid-data ta’ dik id-deċiżjoni, jiffirmaw addendum għall-Ftehim li jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Ftehim matul il-fażi tal-estrazzjoni u l-ammont tat-tariffa għad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju fiż-żona speċifikata fit-Taqsima 1(1) għal kull sena tal-użufrutt minerarju matul il-fażi tal-estrazzjoni.

2.

Jekk l-addendum imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx ġie konkluż fi żmien 30 jum mid-data tad-deċiżjoni ta’ investiment li tispeċifika l-kondizzjonijiet għall-estrazzjoni taż-żejt jew tal-gass naturali, id-drittijiet ta’ użufrutt minerarju għandhom jiskadu.

Taqsima 9

Id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jista’ jeżerċita d-drittijiet ta’ użufrutt minerarju stabbiliti fit-Taqsima 1(1) biss wara li jikseb kunsens bil-miktub mit-Teżor.

Taqsima 10

1.

Jekk id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jikser l-obbligi stabbiliti fil-Ftehim, it-Teżor jista’, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4, jittermina l-Ftehim b’effett immedjat, mingħajr ma d-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jkun intitolat li jagħmel kwalunkwe talba ta’ proprjetà. Madankollu, il-Ftehim ma jistax jiġi tterminat jekk id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jkun kiser l-obbligi skont il-Ftehim minħabba force majeure.

2.

Jekk il-Ftehim jiġi tterminat għar-raġunijiet speċifikati fil-paragrafi 1 jew 4, id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju għandu jħallas lit-Teżor tal-Istat penali kuntrattwali ta’ 25 % tat-tariffa għall-perjodu kollu kemm tal-fażi tal-prospettar u l-esplorazzjoni ta’ użufrutt minerarju, kif speċifikat fit-Taqsima 3(1) u (2), indiċjati skont it-Taqsima 7(3).

3.

Jekk id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jittardja l-ħlas tat-tariffa b’aktar minn 7 ijiem wara l-iskadenzi speċifikati fit-Taqsima 7(1) jew (2), it-Teżor għandu jitlob li d-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jħallas it-tariffa pendenti fi żmien 7 ijiem mir-riċevuta tat-talba, u, fin-nuqqas ta’ dan, il-Ftehim jintemm b’effett immedjat.

4.

Jekk id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jonqos milli jinforma lit-Teżor dwar l-avvenimenti msemmijin fit-Taqsima 4 fi żmien 30 jum mill-okkorrenza tagħhom, it-Teżor jista’ jimponi fuq id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju penali kuntrattwali ta’ 5 % tat-tariffa għall-fażi kollha tal-prospettar u tal-esplorazzjoni tal-użufrutt minerarju għal kull każ ta’ nuqqas ta’ għoti ta’ informazzjoni, jew jittermina l-Ftehim kollu jew parzjalment, soġġett għal avviż ta’ 30 jum effettiv fi tmiem ix-xahar kalendarju.

5.

Id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju għandu jkun marbut bil-Ftehim sad-data tal-iskadenza, l-irtirar jew l-invalidità tal-konċessjoni u ma jistax jittermina l-Ftehim.

6.

Il-Ftehim għandu jiġi tterminat bil-miktub, u fin-nuqqas ta’ dan, it-terminazzjoni tkun invalida.

7.

Il-Partijiet jaqblu li, jekk it-Teżor jittermina l-Ftehim, it-tariffa mħallsa għad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju msemmija fit-Taqsima 7(1) ma għandhiex tiġi rrimborżata.

8.

It-Teżor jirriżerva d-dritt li jitlob kumpens li jaqbeż l-ammont tal-penali kuntrattwali skont termini ġenerali jekk l-ammont tad-dannu mġarrab mit-Teżor jisboq il-penali kuntrattwali.

Taqsima 11

1.

Il-Partijiet ipprovdew dawn id-dettalji ta’ kuntatt għall-korrispondenza:

1)

It-Teżor:

Ministerstwo Kimatu i Środowiska [Il-Ministeru għall-Klima u l-Ambjent], ul.

2)

Id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju:

(indirizz).

2.

Il-Partijiet huma obbligati jinformaw lil xulxin bil-miktub mingħajr dewmien dwar kwalunkwe bidla fid-dettalji ta’ kuntatt indikati fil-paragrafu 1. Bidla bħal din m’għandhiex teħtieġ addendum għall-Ftehim. Il-korrispondenza mibgħuta fuq l-indirizz ta’ kuntatt ta’ xi Parti pprovdut l-aktar reċentement għandha titqies li tkun ġiet effettivament innotifikata lill-Parti l-oħra.

3.

Kull waħda mill-Partijiet għandha tinnotifika l-korrispondenza lill-Parti l-oħra personalment, permezz ta’ kurrier jew permezz ta’ ittra reġistrata billi tuża d-dettalji ta’ kuntatt ipprovduti l-aktar reċentement mill-Parti.

4.

Ittri rreġistrati mibgħuta lill-indirizz ta’ Parti pprovdut l-aktar reċentement u rritornati mill-uffiċċju postali jew mis-servizz ta’ kurrier minħabba li d-destinatarju ma jkunx ġabarhom fil-ħin se jiġu ttrattati bħala li ġew innotifikati lilu b’mod validu ladarba jkunu għaddew 14-il jum mill-ewwel tentattiv ta’ konsenja.

Taqsima 12

1.

Il-partijiet ma għandhomx ikunu responsabbli għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont dan il-Ftehim li jirriżultaw minn force majeure jekk ikun jista’ jiġi ppruvat li l-ħsara kkawżata minn force majeure kellha influwenza fuq in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi. “Force majeure” għandha tfisser avveniment estern li l-Partijiet ma setgħux jipprevedu jew jevitaw, li jagħmilha impossibbli sabiex il-Ftehim jiġi implimentat b’mod sħiħ, parzjalment, b’mod permanenti jew għal perjodu speċifiku, li Parti ma setgħetx tikkontrobilanċja permezz tal-eżerċitar tad-diliġenza dovuta u li ma jirriżultax minn żball jew negliġenza min-naħa tal-Parti affettwata minnu.

2.

F’każ ta’ force majeure, il-Partijiet għandhom immedjatament jagħmlu kull sforz biex jiftiehmu dwar x’azzjoni għandhom jieħdu.

Taqsima 13

Id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju jista’ japplika għall-estensjoni tal-Ftehim, kollu jew parti minnu, u għandu jagħmel dan bil-miktub, u fin-nuqqas ta’ dan, l-applikazzjoni tkun invalida.

Taqsima 14

Jekk il-Ftehim jiġi tterminat, id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju m’għandux ikun intitolat li jagħmel kwalunkwe pretensjoni kontra t-Teżor għal żieda fil-valur tas-soġġett tad-drittijiet ta’ użufrutt minerarju.

Taqsima 15

Kwalunkwe tilwima li tirriżulta mill-Ftehim għandha tiġi solvuta mill-qorti ordinarja li jkollha ġuriżdizzjoni ġeografika fuq is-sede tat-Teżor.

Taqsima 16

Dan il-Ftehim għandu jiġi rregolat skont il-liġi Pollakka, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Att tal-Liġi dwar il-Ġeoloġija u l-Estrazzjoni u tal-Kodiċi Ċivili.

Taqsima 17

Id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju għandu jġarrab l-ispejjeż tal-konklużjoni tal-Ftehim.

Taqsima 18

L-emendi għall-Ftehim għandhom isiru bil-miktub, u jekk dan ma jseħħx ikunu invalidi.

Taqsima 19

Il-Ftehim tfassal fi tliet kopji identiċi (kopja waħda għad-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju u żewġ kopji għat-Teżor).

It-Teżor

Id-Detentur tad-Drittijiet ta’ Użufrutt Minerarju


Top