Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023XC0914(01)

    Komunikazzjoni tal-kummissjoni Linji Gwida tal- Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 (Direttiva NIS 2) 2023/C 324/02

    C/2023/6070

    ĠU C 324, 14.9.2023, p. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 324/2


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Linji Gwida tal- Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 (Direttiva NIS 2)

    (2023/C 324/02)

    1.   

    Skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha (Direttiva NIS 2) (1), il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA), għandha mingħajr dewmien żejjed tipprovdi linji gwida u mudelli rigward l-obbligi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni. L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 jirreferi għall-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva, li jirrikjedi lill-Istati Membri jistabbilixxu lista ta’ entitajiet essenzjali u importanti, kif ukoll ta’ entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominji, sas-17 ta’ April 2025. L-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu rieżami ta’ dik il-lista u, fejn xieraq, jaġġornawha regolarment u mill-inqas kull sentejn wara dan.

    2.   

    Għall-finijiet tal-istabbiliment tal-lista ta’ entitajiet essenzjali u importanti, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-entitajiet jissottomettu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti: l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt aġġornati, inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika, il-meded tal-IP u n-numri tat-telefon tal-entità, u, fejn applikabbli, is-settur u s-sottosettur rilevanti msemmija fl-annessi, kif ukoll, fejn applikabbli, lista tal-Istati Membri fejn jipprovdu servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. L-Anness I ta’ dawn il-Linji Gwida jistabbilixxi mudell għall-ġbir ta’ dik l-informazzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment tal-lista.

    3.   

    Sabiex jiġu ffaċilitati l-istabbiliment u l-aġġornament tal-lista ta’ entitajiet essenzjali u importanti, kif ukoll ta’ entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominji, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmi nazzjonali sabiex l-entitajiet jirreġistraw lilhom infushom (2).

    4.   

    Skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, sas-17 ta’ April 2025 u kull sentejn wara dan, l-Istati Membri jeħtiġilhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Grupp ta’ Kooperazzjoni dwar mill-inqas l-għadd ta’ entitajiet essenzjali u importanti elenkati skont l-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva għal kull settur u sottosettur imsemmi fl-Annessi I u II tad-Direttiva. L-Istati Membri jeħtiġilhom jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti dwar l-għadd ta’ entitajiet essenzjali u importanti identifikati skont l-Artikolu 2(2)(b) sa (e) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, is-settur u s-sottosettur li jappartjenu għalih, it-tip ta’ servizz li jipprovdu, u d-dispożizzjoni li skontha ġew identifikati. Il-Premessa 19 tal-preambolu tad-Direttiva (UE) 2022/2555 tispjega li l-Istati Membri huma mħeġġa jiskambjaw mal-Kummissjoni informazzjoni dwar l-entitajiet essenzjali u importanti u, f’każ ta’ inċident taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira, l-informazzjoni rilevanti bħall-isem tal-entità kkonċernata.

    5.   

    Minbarra l-lista stabbilita mill-Istati Membri skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, l-Istati Membri, f’konformità mal-Artikolu 27(2) ta’ dik id-Direttiva, għandhom jirrikjedu wkoll li ċerti tipi ta’ entitajiet imsemmija fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva jissottomettu l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti sas-17 ta’ Jannar 2025: l-isem tal-entità; is-settur, is-sottosettur u t-tip tal-entità rilevanti msemmija fl-Anness I jew II tad-Direttiva, fejn applikabbli; l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-entità u tal-istabbilimenti legali l-oħra tagħha fl-Unjoni jew, jekk ma tkunx stabbilita fl-Unjoni, l-indirizz tar-rappreżentant tagħha maħtur skont l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva; id-dettalji ta’ kuntatt aġġornati, inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika u n-numri tat-telefon tal-entità u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tagħha maħtur skont l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva; l-Istati Membri fejn l-entità tipprovdi s-servizzi; u l-meded tal-IP tal-entità. Skont l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni li ssottomettew skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva, mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mid-data tal-bidla.

    6.   

    Skont l-Artikolu 27(5) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 27(2) u (3) ta’ dik id-Direttiva għandha tiġi sottomessa permezz tal-mekkaniżmu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva, fejn applikabbli. Għalhekk, biex jinkisbu effiċjenzi amministrattivi akbar, il-mudell mehmuż bħala Anness għal dawn il-Linji Gwida jinkludi wkoll talbiet għall-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet kemm tal-Artikolu 3(3) kif ukoll tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva (UE) 2022/2555. Dan il-mudell inħoloq bl-għajnuna tal-ENISA.


    (1)   ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80.

    (2)  Ara wkoll il-Premessa 18 tal-preambolu tad-Direttiva (UE) 2022/2555.


    APPENDIĊI

    Mudell għall-informazzjoni meħtieġa għal-lista msemmija fl-Artikolu 3(3) u għall-Artikolu 27(2) tad-Direttiva (UE) 2022/2555

    1.   

    Settur ta’ attività skont id-Direttiva (UE) 2022/2555

    Anness I —

    Setturi ta’ kritikalità għolja

    Enerġija

    Elettriku

    Impriża tal-elettriku

    Operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni

    Operatur tas-sistema tat-trażmissjoni

    Produtturi

    Operaturi nominati tas-suq tal-elettriku

    Parteċipanti fis-suq li jipprovdu servizzi ta’ aggregazzjoni, rispons għad-domanda jew ta’ ħżin tal-enerġija

    Operaturi ta’ punt tal-irriċarġjar li huma responsabbli għall-ġestjoni u l-operazzjoni ta’ punt tal-irriċarġjar, li jipprovdi servizz tal-irriċarġjar lill-utenti finali, inkluż f’isem fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà u minfloku

    Operaturi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali

    Żejt

    Operaturi ta’ pipelines għat-trażmissjoni

    Operaturi ta’ faċilitajiet tal-produzzjoni, tar-raffinar u tat-trattament, tal-ħżin u t-trażmissjoni taż-żejt

    Entitajiet ċentrali ta’ ħżin

    Gass

    Impriżi tal-forniment

    Operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni

    Operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni

    Operaturi tas-sistema tal-ħżin

    Operaturi tas-sistema tal-LNG

    Impriżi tal-gass naturali

    Operaturi ta’ faċilitajiet tar-raffinar u tat-trattament tal-gass naturali

    Operaturi tal-produzzjoni, tal-ħżin u tat-trażmissjoni tal-idroġenu

    Trasport

    Ajru

    Trasportaturi tal-ajru

    Korpi ta’ tmexxija tal-ajruport

    Operaturi għall-kontroll tal-ġestjoni tat-traffiku li jipprovdu servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru (KTA)

    Ferrovija

    Maniġers tal-infrastruttura

    Impriżi ferrovjarji, inklużi operaturi tal-faċilitajiet ta’ servizz

    Ilma

    Kumpaniji għat-trasport ta’ passiġġieri u merkanzija fuq l-ilma fl-ilmijiet interni, marittimi u kostali li ma jinkludux il-bastimenti individwali mħaddma minn dawk il-kumpaniji

    Korpi ta’ ġestjoni inklużi l-faċilitajiet tal-port tagħhom u entitajiet li jwettqu xogħlijiet u jħaddmu tagħmir f’dawk il-portijiet

    Operaturi ta’ servizzi tat-traffiku tal-bastimenti (VTS)

    Triq

    Awtoritajiet tat-toroq responsabbli għall-kontroll tal-ġestjoni tat-traffiku, għajr l-entitajiet pubbliċi li għalihom il-ġestjoni tat-traffiku jew it-tħaddim ta’ sistemi intelliġenti tat-trasport huma biss parti mhux essenzjali mill-attività ġenerali tagħhom

    Operaturi ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti

    Saħħa

    Fornituri tal-kura tas-saħħa

    Laboratorji ta’ referenza tal-UE

    Entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp ta’ prodotti mediċinali

    Entitajiet li jimmanifatturaw prodotti farmaċewtiċi bażiċi u preparazzjonijiet farmaċewtiċi msemmija fit-Taqsima C, id-Diviżjoni 21 tan-NACE Rev. 2

    Entitajiet li jimmanifatturaw apparati mediċi meqjusa kritiċi waqt emerġenza tas-saħħa pubblika (lista ta’ apparati kritiċi ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika)

    Ilma tax-xorb — Fornituri u distributuri tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem għajr distributuri li d-distribuzzjoni tagħhom tal-ilma għall-konsum mill-bniedem hi parti mhux essenzjali mill-attività ġenerali tagħhom ta’ distribuzzjoni ta’ komoditajiet u oġġetti oħrajn

    Ilma mormi — Impriżi li jiġbru, jarmu jew jittrattaw ilma mormi urban, ilma mormi domestiku jew ilma mormi industrijali, għajr l-impriżi li għalihom il-ġbir, ir-rimi jew it-trattament ta’ ilma mormi urban, ilma mormi domestiku jew ilma mormi industrijali huwa parti mhux essenzjali mill-attività ġenerali tagħhom

    Infrastruttura diġitali

    Fornituri ta’ Punti ta’ Skambju fuq l-Internet

    Fornituri ta’ servizzi tad-DNS

    Reġistri ta’ ismijiet TLD

    Fornituri ta’ servizzi tal-cloud computing

    Fornituri ta’ servizzi ta’ ċentru tad-data

    Fornituri ta’ network tal-konsenja tal-kontenut

    Fornituri ta’ servizzi fiduċjarji

    Fornituri ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

    Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament

    Ġestjoni tas-servizzi tal-ICT (minn negozju għal negozju)

    Fornituri ta’ servizzi ġestiti

    Fornituri ta’ servizzi ta’ sigurtà ġestiti

    Amministrazzjoni pubblika

    Entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika tal-gvernijiet ċentrali

    Entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika fil-livell reġjonali

    Spazju - Operaturi tal-infrastruttura terrestri, proprjetà tal-Istati Membri jew ta’ partijiet terzi, u ġestita u operata mill-Istati Membri jew minn partijiet privati, li jappoġġaw l-forniment ta’ servizzi bbażati fl-ispazju, għajr il-fornituri ta’ networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

    Anness II —

    setturi kritiċi oħra

    Servizzi postali u tal-kurrier

    Immaniġġjar tal-iskart — Impriżi li jwettqu l-immaniġġjar tal-iskart, għajr l-impriżi li għalihom l-immaniġjar tal-iskart mhux l-attività ekonomika prinċipali tagħhom

    Manifattura, produzzjoni u distribuzzjoni ta’ sustanzi kimiċi — impriżi li jwettqu l-manifattura ta’ sustanzi u d-distribuzzjoni ta’ sustanzi jew taħlitiet u impriżi li jwettqu l-produzzjoni ta’ oġġetti minn sustanzi jew taħlitiet

    Produzzjoni, ipproċessar u distribuzzjoni alimentari — negozji tal-ikel li huma involuti fid-distribuzzjoni bl-ingrossa u fil-produzzjoni u l-ipproċessar industrijali

    Manifattura

    Manifattura ta’ apparat mediku u apparat mediku dijanjostiku in vitro

    Manifattura ta’ prodotti għall-kompjuters, prodotti elettroniċi u prodotti ottiċi

    Manifattura ta’ tagħmir elettriku

    Manifattura ta’ makkinarju u tagħmir n.e.c.

    Manifattura ta’ vetturi motorizzati, trejlers u semitrejlers

    Manifattura ta’ tgħamir ieħor għat-trasport

    Fornituri diġitali

    Fornituri ta’ swieq online

    Fornituri ta’ magni tat-tiftix online

    Fornituri ta’ pjattaformi ta’ servizzi tan-networking soċjali

    Organizzazzjonijiet tar-riċerka

    Entitajiet mhux inklużi fl-Annessi

    Entitajiet li jipprovdu servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominji

    Entitajiet oħra identifikati bħala entitajiet kritiċi skont id-Direttiva (UE) 2022/2557

    Entitajiet identifikati bħala operaturi ta’ servizzi essenzjali f’konformità mal-liġi nazzjonali

    2.   

    Isem tal-entità

    3.   

    F’każ li l-entità hija msemmija fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 (fornitur ta’ servizzi tad-DNS, reġistru ta’ ismijiet tat-TLD, entità li tipprovdi servizzi ta’ reġistrazzjoni tal-ismijiet ta’ dominji, fornitur ta’ servizzi ta’ cloud computing, fornitur ta’ servizzi ta’ ċentru tad-data, fornitur ta’ network tal-konsenja tal-kontenut, fornitur ta’ servizzi tas-sigurtà ġestiti, kif ukoll fornitur ta’ swieq online, ta’ magni tat-tiftix online u ta’ pjattaformi ta’ servizzi ta’ networking soċjali), l-entità għandha l-istabbiliment ewlieni tal-UE tagħha f’dan l-Istat Membru jew f’każ li ma għandha l-ebda stabbiliment legali fl-UE, għandha r-rappreżentant tagħha f’dan l-Istat Membru?

    4.   

    Indirizz tal-istabbiliment tal-entità f’dan l-Istat Membru. Jekk l-entità tissemma fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, l-indirizz tal-istabbiliment ewlieni tal-entità, jekk tkun tinsab f’dan l-Istat Membru, kif ukoll tal-istabbilimenti legali l-oħra tagħha fl-UE. F’każ li ma jkun hemm l-ebda stabbiliment, l-indirizz tar-rappreżentant fl-UE, maħtur f’konformità mal-Artikolu 26(3) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, jekk ir-rappreżentant ikun jinsab f’dan l-Istat Membru.

    5.   

    Dettalji ta’ kuntatt aġġornati inklużi l-indirizzi tal-posta elettronika u n-numri tat-telefon f’dan l-Istat Membru.

    6.   

    Meded tal-IP tal-entità għal dan l-Istat Membru

    7.   

    Jekk l-entità tissemma fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2555, lista ta’ Stati Membri fejn l-entità tipprovdi servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.


    Top