Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023XC0810(01)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2023/C 281/06

    C/2023/5472

    ĠU C 281, 10.8.2023, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.8.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 281/11


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2023/C 281/06)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    DOKUMENT UNIKU

    “Cebola da Madeira”

    Nru tal-UE: DOP-PT-02800 — 23.8.2021

    DOP (X) IĠP ( )

    1.   Isem/Ismijiet

    “Cebola da Madeira”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Il-Portugall

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    “Cebola da Madeira” huwa l-isem mogħti lill-basal tal-ispeċi Allium cepa L. tal-varjetajiet tradizzjonali mkabbra fil-gżejjer abitati tal-arċipelagu ta’ Madeira, jiġifieri “Branca”; “Pião”; “Bujanico”; “Vermelha”; “Roxa” u “Do Tarde”, prodotti skont il-prattiki tradizzjonali fil-gżejjer ta’ Madeira u Porto Santo.

    Il-karatteristiċi fiżikokimiċi

    Il-basal tal-varjetajiet tradizzjonali tas-“Cebola da Madeira” għandu karatteristiċi morfoloġiċi uniċi li huma riflessi fl-ismijiet komuni mogħtija lilhom mill-poplu ta’ Madeira, jiġifieri:

    Forma li tvarja minn forma oblata għal forma ta’ globu jew minn forma ta’ globu għal forma konika (fil-każ tal-varjetà “Pião” [li tfisser “żugraga”]), b’uniformità medja bejn il-varjetajiet f’termini tal-forma u d-daqs u piż medju ta’ bejn 180 g/basla u 250 g/basla;

    Il-qoxra ta’ barra normalment tkun safra, bi sfumaturi vjola fil-varjetajiet tradizzjonali “Vermelha” [li tfisser “aħmar”] u “Roxa” [li tfisser “vjola”] u kulur uniformi ħafna, kemxejn opak jew aktar trasluċidu u jleqq (fil-każ tal-varjetà “Branca” [li tfisser “abjad”]). L-aderenza mal-basla tvarja minn medja sa baxxa ħafna;

    Fil-varjetajiet tradizzjonali “Vermelha ” u “Roxa”, il-polpa hija prinċipalment bajda, b’lewn ħamrani jew fil-vjola. Il-ħxuna tas-saffi hija minn medja sa rqiqa u l-konsistenza hija minn medja sa ratba.

    Il-basal ta’ dawn il-varjetajiet huwa pjuttost immerraq, b’kontenut medju ta’ materja niexfa qrib l-10 g/100 g, u ftit ogħla jekk jiġu prodotti fil-gżira ta’ Porto Santo.

    Fih ħafna karboidrati (’il fuq minn 7 g/100 g bħala medja) u vitamina Ċ (’il fuq minn 10 mg/100 g bħala medja), li jagħtuh karatteristiċi organolettiċi uniċi u proprjetajiet antiossidanti li minn dejjem kienu apprezzati mill-konsumaturi f’Madeira.

    Karatteristiċi organolettiċi

    Meta tkun nejja, il-konsistenza tas-“Cebola da Madeira” hija tqarmeċ u mmerrqa, mhux fibruża ħafna u tvarja fl-irtubija. Parti mill-karatteristika ta’ tqarmiċ tintilef meta jissajjar, peress li jsir aktar immerraq u aktar trasluċidu.

    L-aroma hija distintiva bi ħjiliet ta’ ħlewwa u noti ta’ kubrit jew tewm, terrena jew veġetali u friska, b’punġenza u b’persistenza baxxi u b’intensità u b’kumplessità minn medji sa għoljin. Meta jissajjar, isir aktar moderat u jikseb noti affumikati/mixwija jew ta’ karamella, filwaqt li jżomm l-intensità u l-kumplessità tiegħu.

    Meta jkun frisk, it-togħmiet ivarjaw f’termini tal-ħlewwa u ma jkunux punġenti fil-bidu. It-togħma finali fil-ħalq hija aktar ta’ bżar, b’noti friski ta’ kubrit jew veġetali u xi kultant bi grad ta’ astrinġenza, aċidità jew ftit imrar li jitnaqqas bil-magħad. L-intensità u l-kumplessità huma minn medji sa għoljin. Parti mill-intensità tintilef bit-tisjir u ssir aktar ħelwa, li tfakkar fil-karamella jew noti inkaljati (partikolarment meta tkun mixwija). It-togħma veġetali friska tisparixxi u kwalunkwe nota ta’ kubrit issir ukoll aktar moderata, b’bilanċ aħjar bejn l-aċidità u l-ħlewwa, mingħajr astringenza u inqas pikkanza u persistenza b’mod ġenerali.

    3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    L-istadji kollha tal-produzzjoni tas-“Cebola de Madeira” jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Il-Gżejjer ta’ Madeira u Porto Santo

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    Fatturi naturali

    Il-post fejn jinsab l-arċipelagu ta’ Madeira, fir-reġjun subtropikali tat-Tramuntana tal-Atlantiku, ifisser li l-klima tal-gżejjer hija ristretta mill-azzjoni tal-antiċiklun subtropikali tal-Azores. Fil-każ tal-gżira ta’ Madeira nnifisha, hija fil-biċċa l-kbira moderata, bi sjuf moderati u xotti (bejn 10 °C u 22 °C fl-iktar xahar sħun) u aktar xita fl-istaġun kiesaħ, meta t-temperaturi jibqgħu moderati (taħt it-18 °C iżda ’l fuq minn -3 °C fl-iktar xahar kiesaħ). Il-gżira ta’ Porto Santo tinsab 40 km fil-Grigal ta’ Madeira. L-erja tagħha ’l fuq mil-livell tal-ilma hija biss 42 km2 u r-riżalt tagħha huwa ġentili u pjuttost ċatt (aktar minn 85 % tal-gżira hija f’altitudni ta’ inqas minn 200 m). Il-klima tagħha hija aktar niexfa u moderata s-sena kollha, b’temperatura medja annwali ta’ 18,6 °C. Il-baħar għandu effett ta’ moderazzjoni fuq l-ambjent tal-gżejjer ristrett tiegħu, bir-riżultat li l-varjazzjoni fit-temperatura hija baxxa. L-ammont ta’ xita annwali huwa inqas minn 400 mm.

    L-effett tal-irjieħ aliżej, flimkien mat-terren imħarbat tal-gżira ta’ Madeira, li għandha serbut muntanji għoljin fiċ-ċentru mil-Lvant għall-Punent iffurmat minn muntanji tal-blat f’altitudni ta’ aktar minn 1 200 m, ifisser li l-klima tvarja minn niexfa għal umduża b’ammont ta’ xita minn moderat sa qawwi aktar ma tkun għolja l-altitudni. F’altitudnijiet għoljin, dan jikkontribwixxi għall-formazzjoni ta’ raxx u ċpar permanenti li huma responsabbli għal-livelli għoljin ta’ umdità u ta’ preċipitazzjoni. Network ta’ kanali, lokalment imsejħa “levadas”, li ġejjin minn xmajriet, spieri u nixxigħat, u aktar importanti minn hekk, minn mini u galleriji għall-ġbir tal-ilma magħmula mill-bnedmin, iġorr l-ilma minn żoni muntanjużi u mill-inklinazzjoni tat-Tramuntana. Dan jiggarantixxi l-provvista tal-ilma lir-residenzi tal-popolazzjoni u għal skopijiet ta’ żvilupp agrikolu madwar il-gżira kollha.

    F’Porto Santo, il-biċċa l-kbira tal-ilma ħelu jiġi minn taħt l-art. Hemm ukoll xi nixxigħat torrenzjali bi skular okkażjonali. Is-sistema tal-provvista tal-ilma ta’ din il-gżira għall-irrigazzjoni tiġi mill-ilma tax-xita li jinġarr lejn il-ġibjun ta’ Tanque, l-ilma ta’ taħt l-art li jinqabad fl-ispiera ta’ Campo de Baixo u r-roti tal-ilma fiż-żona tal-ġibjun ta’ Tanque, kif ukoll l-ilma ttrattat fil-faċilità tat-trattament tal-ilma mormi tal-gżira.

    Il-ħamriji fil-gżira ta’ Madeira huma fil-biċċa l-kbira ta’ oriġini bażaltika. Il-phaeozems u l-Cambisols kromiċi u distriċi huma predominanti fiż-żoni fejn tiġi prodotta s-“Cebola da Madeira”. Il-basal jista’ jitkabbar ukoll f’Andosols fiż-żoni li huma aktar esposti u f’altitudni ogħla. Il-ġeoloġija tal-gżira ta’ Porto Santo hija ħafna aktar diversa, u essenzjalment tikkonsisti minn blat vulkaniku bażiku (bażalti), aċiduż intermedju (trakiti u rijoliti) u sedimentarju. Il-biċċa l-kbira tal-ħamrija tagħha tista’ tiġi kklassifikata fil-grupp Calcisol.

    B’mod ġenerali, il-ħamrija fuq iż-żewġ gżejjer hija minn medja sa fonda. Fil-gżira ta’ Madeira, hija ġeneralment ta’ sawra fina b’kontenut għoli ta’ ramal, b’kontenut minn medju sa għoli ħafna ta’ materja organika u kemxejn aċiduża sa newtrali jew aktar aċiduża fil-każ tal-Andosols f’żoni muntanjużi. F’Porto Santo, il-ħamrija ramlija u tal-lom li tippredomina hija pjuttost permeabbli, b’kontenut ta’ materja organika aktar baxx u profil aktar alkalin, għalkemm l-oriġini bijoloġika tal-biċċa l-kbira tar-ramel u t-trab ramli fuq l-art tirriżulta f’pH aktar favorevoli.

    Fatturi umani

    Is-“Cebola da Madeira” kellha rwol sinifikanti fid-dieta tal-popolazzjonijiet lokali minn meta ġiet introdotta fil-gżejjer ta’ Madeira u Porto Santo mill-ewwel kolonizzaturi Portugiżi fl-ewwel deċennji tas-seklu ħmistax. Kienet partikolarment importanti fiż-żoni rurali, kif irreġistrat mill-ħafna barranin li żaru jew għexu fil-gżejjer bejn is-sekli 17 u 19.

    Il-metodu tradizzjonali tal-produzzjoni tas-“Cebola da Madeira” ilu l-istess mill-inqas sa mill-ewwel deċennji tas-seklu 20. Dan huwa spjegat f’diversi artikli ppubblikati fil-bullettin “Frutas de Madeira” [Frott ta’ Madeira] (ippubblikat bejn April 1941 u Jannar 1958), li jiddeskrivu l-basal ikkultivat dak iż-żmien u oħrajn li kienu qed jiġu introdotti (li jikkorrispondu għall-varjetajiet tradizzjonali li qed jitkabbru bħalissa). Din il-pubblikazzjoni tipprovdi wkoll diversi rakkomandazzjonijiet dwar ċerti prattiki ta’ tkabbir, fertilizzazzjoni u protezzjoni tal-pjanti, li għadhom jissemmew u li jiġu osservati mill-produtturi lokali.

    L-importanza kbira ta’ din l-għalla fid-dieta tan-nies ta’ Madeira tfisser li titkabbar għall-konsum proprju u għall-bejgħ dirett fl-irziezet żgħar tal-familji tal-gżira, kif ukoll f’azjendi kummerċjali fil-gżira ta’ Madeira għall-provvista lis-suq reġjonali.

    Il-parroċċa ta’ Caniço (fil-gżira ta’ Madeira) hija partikolarment importanti għall-produzzjoni tas-“Cebola da Madeira”. Minbarra li tiggarantixxi l-biċċa l-kbira tal-provvista reġjonali, hija ilha tospita l-“Festa da Cebola” [il-Fiera tal-Basal] mill-1997 biex tippromwovi dan il-prodott tradizzjonali u tippreserva l-metodu ta’ produzzjoni speċifiku tiegħu. Fil-gżira ta’ Porto Santo, li dan l-aħħar ġiet rikonoxxuta bħala Riżerva tal-Bijosfera tal-UNESCO, din l-għalla hija inkluża fl-objettiv strateġiku tas-salvagwardjar, it-titjib u l-ottimizzazzjoni tar-riżorsi agrikoli u kulturali tal-gżira.

    Speċifiċità tal-prodott

    Il-basal tas-“Cebola da Madeira” jintgħaraf minħabba s-sawra mmerrqa tiegħu b’ammont baxx ta’ fibri u minħabba l-kontenut kbir ta’ karboidrati u ta’ vitamina Ċ tiegħu, li jikkontribwixxu għall-aroma u t-togħma ħelwa tiegħu u l-punġenza ġeneralment baxxa. It-togħma finali fil-ħalq hija aktar ta’ bżar, b’noti kemxejn ta’ kubrit jew veġetali u xi kultant bi grad ta’ astrinġenza, aċidità jew ftit imrar li jitnaqqas bil-magħad. Meta jissajjar, dan jirriżulta f’togħmiet inqas qawwija iżda ħafna aktar ħelwin, li jfakkru f’noti tal-karamella jew inkaljati (partikolarment meta jinxtwew), peress li t-togħma veġetali friska tisparixxi u jkun hemm bilanċ aħjar bejn l-aċidità u l-ħlewwa.

    Dawn l-attributi jagħmlu s-“Cebola da Madeira” ideali biex jitpoġġa fil-pikles (“cebolas de escabeche”) u għall-użu f’diversi platti tal-kċina kontemporanja tradizzjonali jew reġjonali. Dan ifisser li għadu importanti ħafna fil-gastronomija ta’ Madeira u huwa meqjus bħala għalla importanti kemm fil-gżira ta’ Madeira kif ukoll f’Porto Santo.

    Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-karatteristiċi tal-prodott

    Il-bdiewa speċjalizzati ħafna fil-gżejjer ta’ Madeira u Porto Santo minn dejjem għażlu l-basal tal-varjetajiet tradizzjonali differenti bl-aħjar karatteristiċi f’kull ħsad. Imbagħad dawn jinżammu biex tiġi prodotta s-“cebolinho” [il-basla ħadra], l-isem lokali għaż-żrieragħ (u n-nebbieta li jirriżultaw) użati fil-produzzjoni tas-“Cebola da Madeira”, li jiġu esklużivament mill-azjendi tagħhom jew minn dawk ta’ produtturi lokali oħra.

    Il-prattika kontinwa tal-propagazzjoni, l-iskambju u l-kondiviżjoni tan-nebbieta “cebolinho” għall-produzzjoni tas-“Cebola da Madeira” għenet fl-iżvilupp u fil-preservazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tal-varjetajiet tradizzjonali, li huma marbuta mal-karatteristiċi partikolari tal-ħamrija u l-klima fil-gżejjer, kif ukoll mal-għarfien espert tal-produtturi lokali miksuba matul diversi ġenerazzjonijiet.

    Il-varjetajiet tradizzjonali tas-“Cebola da Madeira” adattaw tajjeb għall-ħamrija fonda u bi skular tajjeb fil-gżejjer. Fil-parti l-kbira, il-ħamrija taflijia ramlija (Madeira) u l-ħamrija taflija ramlija (Porto Santo) urew li huma t-tip li huma l-aktar adattati għall-ilma u l-ħażna tan-nutrijenti li huma essenzjali biex jiddeterminaw il-proprjetajiet tagħhom.

    Il-produzzjoni tas-“Cebola da Madeira” tiddependi ħafna fuq ix-xogħol tal-bdiewa, peress li l-prattiki kollha - mill-preparazzjoni tan-nebbieta tas-Cebolinho, it-trapjant tagħhom u t-trattament tal-uċuħ tar-raba’ sa meta jinħasdu, kif ukoll il-preparazzjoni għat-tqegħid fis-suq fil-biċċa l-kbira tal-azjendi - isiru bl-idejn.

    It-tħawwil bl-idejn bi spazji definiti sew bejn kull basla jgħin biex jiġi żgurat li l-basal ikun uniformi f’termini tal-piż u d-daqs medji. Is-sawra tal-ħamrija u l-passi meħuda għat-tħejjija tal-ħamrija, inkluż it-tneħħija tal-ħaxix ħażin u l-ħrit, matul l-iżvilupp tal-għalla, jingħaqdu biex jiżguraw li “l-art ma tkunx wisq imballata madwar il-basal”, u dan jirriżulta f’forma omoġenja għal kull varjetà tradizzjonali.

    L-influwenza notevoli tat-temperatura u tad-dawl (ix-xemx) fuq iċ-ċiklu tat-tkabbir ta’ din l-għalla, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp tal-basal, iżda wkoll fuq il-bidu tal-fjoritura tiegħu għall-formazzjoni taż-żerriegħa, tfisser li fiż-żewġ gżejjer il-bdiewa jafu tajjeb ħafna liema varjetajiet tradizzjonali, skont ir-rekwiżiti tal-fotoperjodu tagħhom u l-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona, huma l-aktar adattati għal-lokalità tagħhom u liema huwa l-aħjar żmien għall-produzzjoni tiegħu.

    Fil-gżira ta’ Madeira, din l-għalla tista’ titkabbar mill-kosta sa altitudni ta’ 800 m, f’żoni b’mikroklima sħuna u esponiment tajjeb, fejn hija ggarnatita provvista regolari ta’ ilma għall-irrigazzjoni min-network ta’ “levadas” jew kanali. Fl-altitudni aktar baxxa u fiż-żoni li jaraw aktar xemx tal-inklinazzjoni tan-Nofsinhar, il-varjetajiet tradizzjonali bikrija (“Branca”, “Pião” u “Bujanico”) jinżergħu f’Settembru biex jiġu trapjantati f’Diċembru u maħsuda f’Marzu/April. F’altitudnijiet ogħla jew fl-inklinazzjoni tat-Tramuntana kif ukoll fil-gżira ta’ Porto Santo, dawn is-“cebolas do cedo” jew “basal bikrin” ma jinżergħux sa mill-inqas xahar wara.

    Il-varjetajiet tradizzjonali miżrugħa aktar tard fis-sena (“Vermelha”, “Roxa” u “Do Tarde”), li lokalment jissejħu “cebolas do tarde” jew “basal tardiv”, jeħtieġu jiem itwal b’aktar minn 14-il siegħa ta’ dawl tax-xemx biex il-basal jifforma kif suppost. Għandhom bżonn ukoll aktar umdità u ilma disponibbli fix-xhur tas-sajf. Għalhekk, dawn il-varjetajiet jitkabbru l-aktar f’altitudni ogħla u fl-inklinazzjoni tat-Tramuntana ta’ Madeira, u jinżergħu f’Diċembru/Jannar biex jiġu trapjantati f’Marzu/April u għall-ħsad f’Lulju/Awwissu.

    Il-kundizzjonijiet tat-temperatura u tal-esponiment (għad-dawl) fiż-żoni tal-produzzjoni fiż-żewġ gżejjer jinkoraġġixxu wkoll rata għolja ta’ fotosinteżi fil-basal, li tikkawża s-sintetizzazzjoni taz-zokkrijiet u n-nutrijenti, u b’hekk il-kontenut għoli ta’ karboidrati u vitamina Ċ li minħabba fihom is-“Cebola da Madeira” minn dejjem kien jingħad li għandha proprjetajiet antiossidanti meta tiġi kkunsmata nejja.

    L-istadju li fih din l-għalla hija l-aktar sensittiva għall-istress tal-ilma huwa meta l-basal ikun qed jikber, u għalhekk il-bdiewa lokali jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet ta’ umdità għall-iżvilupp tal-pjantaġġuni tagħhom, li jissaqqew għall-ewwel darba wara li jiġu trapjantati n-nebbieta u ta’ spiss wara dan. Skont iż-żona tal-produzzjoni, l-għalla tissaqqa darba jew darbtejn fil-ġimgħa matul l-istadju tat-tkabbir tal-basal u inqas spiss matul l-istadju tal-maturazzjoni.

    Tradizzjonalment il-bdiewa kienu jibbżaw fuq il-kanali ta’ irrigazzjoni tal-“levada”, u kienu jużaw il-paletti tal-injam biex iraxxu l-ilma fuq il-plott kollu, filwaqt li joqogħdu attenti li ma jneħħux il-ħamrija (sabiex ma jħallux il-basal espost) u jiżguraw li ma tinfaqax bl-ilma. Illum il-ġurnata, minbarra din il-prattika, jintużaw il-bexxiexi għall-irrigazzjoni fil-gżira ta’ Madeira. Fil-gżira ta’ Porto Santo, il-kundizzjonijiet lokali tal-ħamrija jfissru li t-tisqija bil-qatra hija l-metodu ppreferut. Fiż-żewġ gżejjer, il-perjodi ta’ skarsezza tal-ilma huma mnaqqsa bid-disponibbiltà tal-ilma mill-irrigazzjoni, anki fis-sajf, kemm għall-varjetajiet bikrija kif ukoll għal dawk tardivi. Dan jippermetti kontenut ogħla ta’ umdità fil-basal u jgħin biex jiżgura mrar u punġenza baxxi.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

    https://www.dgadr.gov.pt/dop-igp-etg


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    Top