EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023XC0223(03)

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 2023/C 66/07

PUB/2022/1537

ĠU C 66, 23.2.2023, p. 21–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/21


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2023/C 66/07)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Valençay”

PDO-FR-A0320-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 23.11.2022

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali

Il-lista tal-muniċipalitajiet ġiet aġġornata abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2021 fir-rigward taż-żona ġeografika u ż-żona fil-viċinanza immedjata.

Din hija bidla purament fil-formulazzjoni, u ma għandha l-ebda impatt fuq iż-żona ġeografika.

Il-punti 6 u 9 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

2.   Żbir

Ir-regoli dwar iż-żbir ġew issimplifikati.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

3.   Ammont ta’ għelejjel għal kull dielja

Ma għadx hemm ammont massimu għal kull dielja. Iż-żamma ta’ ammont ta’ għelejjel massimu medju għal kull roqgħa art tiżgura li l-ħsad ikun ta’ kwalità tajba.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

4.   Dispożizzjonijiet agroekoloġiċi

Żdiedu diversi dispożizzjonijiet ambjentali:

Il-kontroll kimiku tal-ħaxix ħażin f’żoni mad-dawra huwa pprojbit.

Il-kontroll kimiku sħiħ tal-ħaxix ħażin fuq l-irqajja’ art huwa pprojbit.

Bejn il-flanni, il-veġetazzjoni li tikber b’mod naturali u/jew il-veġetazzjoni mħawla tiġi ġestita b’mezzi fiżiċi jew mekkaniċi.

Dawn l-emendi huma maħsuba biex iqisu aħjar l-ambjent u d-domanda ġenerali biex jintużaw inqas prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

5.   Standards analitiċi

Il-livelli taz-zokkor u l-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ġew miżjuda biex tittejjeb il-kwalità tal-ħsad.

L-aċidità volatili massima u l-kontenut tal-ħadid tħassru peress li japplikaw l-istandards Ewropej.

B’rabta maż-żieda fiz-zokkor tal-għeneb, il-qawwa alkoħolika massima skont il-volum wara l-arrikkiment żdiedet minn 12,5 % għal 13 %.

Il-punti 4 u 5 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

6.   Faħam għall-użu enoloġiku

L-użu tal-faħam għall-użu enoloġiku qabel ma kienx permess, iżda issa huwa permess użu limitat u rregolat: “Fil-produzzjoni tal-inbejjed rożè, l-użu tal-faħam għall-użu enoloġiku, waħdu jew imħallat fi preparazzjonijiet, huwa permess għall-most tal-inbejjed ġodda li jkunu għadhom qed jiffermentaw sa limitu ta’ 20 % tal-volum tal-inbejjed rożè prodotti minn vitikultur partikolari għal ħsad speċifiku, f’ammont massimu ta’ 60 gramma għal kull ettolitru.” L-għan huwa li jiġi żgurat li kwalunkwe użu bħal dan ikun immirat lejn lottijiet ta’ kwalità organolettika jew analitika aktar baxxa (b’mod partikolari lottijiet li l-aromi tagħhom ikunu nbidlu bħala riżultat tal-ossidazzjoni), iżda ma jibdilx il-karatteristiċi tipiċi tal-prodott.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat skont dan.

7.   Kapaċità tal-kantini tal-inbid

Il-kapaċità tal-kantini tal-inbid żdiedet għal 1,6 darbiet l-għadd miksub meta l-erja tas-superfiċe tiġi mmultiplikata bir-rendiment medju tal-azjenda agrikola għal kull ettaru matul l-aħħar 5 snin.

L-għan taż-żieda fil-kapaċità tal-kantini tal-inbid huwa li jittejbu l-ġestjoni tal-istokkijiet u l-kundizzjonijiet għall-produzzjoni tal-inbejjed ħomor.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

8.   Trasport bejn imħażen awtorizzati

Il-punt 5(b), it-taqsima IX, il-kapitolu 1, dwar id-data li minnha l-inbejjed jistgħu jiġu ttrasportati bejn l-imħażen awtorizzati, tħassar.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

9.   Rabta

Ir-referenza għall-2008 tħassret.

Il-punt 8 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

10.   Miżuri tranżizzjonali

Il-miżuri tranżizzjonali li skadew tħassru.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

11.   Rekwiżiti ta’ dikjarazzjoni

Ir-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni ġew aġġustati sabiex il-korp ta’ spezzjoni jiġi infurmat ukoll.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

12.   Żamma ta’ reġistru

Sar obbligatorju li jinżamm reġistru għall-monitoraġġ tas-sajran u tal-imballaġġ.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

13.   Punti ewlenin li għandhom jiġu kkontrollati

Il-punti ewlenin li għandhom jiġu kkontrollati ġew riveduti biex jinġiebu f’konformità mal-metodi ta’ spezzjoni u l-emendi għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

14.   Referenza għall-korp ta’ spezzjoni

Ir-referenza għall-korp ta’ spezzjoni ġiet ifformulata mill-ġdid biex tiġi allinjata mal-formulazzjoni ta’ Speċifikazzjonijiet tal-Prodott oħrajn. Din hija emenda purament editorjali.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Valençay

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

1.   Inbejjed bojod u rożè

DESKRIZZJONI QASIRA

L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika minima naturali skont il-volum ta’ 10 %. Il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum wara l-arrikkiment ma taqbiżx it-13 %. Wara l-imballaġġ, l-inbejjed ikollhom:

kontenut massimu ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) ta’ 4 grammi għal kull litru għall-inbejjed bojod u rożè;

aċidità totali minima espressa fi grammi ta’ aċidu tartariku għal kull litru ta’ 3,5 għall-inbejjed bojod u rożè.

Il-kontenut totali tad-diossidu tal-kubrit u l-aċidità totali tal-inbejjed bojod u rożè huma kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

L-aromi tal-inbejjed bojod ġeneralment ikunu ddominati minn noti ta’ fjuri intensi (ġenistra, fjuri bojod, eċċ.), possibbilment flimkien ma’ laqta ta’ mineralità bħaż-żnied, f’konformità mal-kontenut għoli ta’ żnied fil-ħamrija. Madankollu, dawn l-inbejjed vivaċi joffru ċertu milja fil-ħalq.

L-inbejjed rożè huma ġeneralment ħfief, b’aċidità notevoli mingħajr ma huma aggressivi, u għandhom aromi qawwija ta’ frott misjur.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

2.   Inbejjed ħomor

DESKRIZZJONI QASIRA

L-inbejjed għandhom qawwa alkoħolika minima naturali skont il-volum ta’ 10 %. Il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum wara l-arrikkiment ma taqbiżx it-13 %. Wara l-imballaġġ, l-inbejjed ikollhom kontenut massimu ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) ta’ 2 grammi għal kull litru għall-inbejjed ħomor. L-inbejjed ħomor jiġu soġġetti għall-fermentazzjoni malolattika u l-kontenut tal-aċidu maliku tagħhom ma jaqbiżx iż-0,3 grammi għal kull litru. Il-kontenut totali tad-diossidu tal-kubrit u l-aċidità totali tal-inbejjed ħomor huma kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

L-inbejjed ħomor għandhom kulur li spiss iqarreb lejn lewn ir-rubini, b’aromi ta’ frott aħmar żgħir, ċirasa qarsa u noti pikkanti u friski. Huma pjaċevoli meta ma jkunux tqaddmu, u wħud minnhom juru l-potenzjal sħiħ tagħhom meta jitqaddmu għal bejn 3 u 5 snin.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Prattika enoloġika speċifika

Fil-produzzjoni tal-inbejjed rożè, l-użu tal-faħam għall-użu enoloġiku, waħdu jew imħallat fi preparazzjonijiet, huwa permess għall-most tal-inbejjed ġodda li jkunu għadhom qed jiffermentaw sa limitu ta’ 20 % tal-volum tal-inbejjed rożè prodotti minn vitikultur partikolari għal ħsad speċifiku, f’ammont massimu ta’ 60 gramma għal kull ettolitru. Il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum wara l-arrikkiment ma taqbiżx it-13 %. Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, il-prattiki enoloġiċi kollha segwiti jridu jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti stabbiliti fil-livell tal-UE u fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu.

2.   Densità

Metodu tal-kultivazzjoni

Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 6 000 pjanta għal kull ettaru, b’distanza massima ta’ 1,70 metri bejn il-flanni. Il-wisa’ bejn il-pjanti fl-istess flann trid tkun mill-inqas 0,90 metri.

3.   Żbir

Metodu tal-kultivazzjoni

Id-dwieli jinżabru bit-tekniki li ġejjin:

Guyot singolu

it-tip “Y”

żbir li jħalli rimjiet qosra (żbir tat-tip éventail jew ta’ cordon Royat singolu jew doppju).

Skont il-varjetà tad-dwieli, l-għadd medju ta’ rimjiet għal kull pjanta ma jridx ikun aktar minn:

9 rimjiet b’kollox għal Côt u Gamay;

12-il rimja għall-varietajiet l-oħra.

5.2.   Rendimenti massimi

1.   Inbejjed ħomor u rożè

65 ettolitru għal kull ettaru

2.   Inbejjed bojod

68 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

L-għeneb jinqata’ u l-inbejjed jiġu prodotti, ipproċessati u mmaturati fiż-żona ġeografika approvata mill-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità (INAO) fil-laqgħa tal-kumitat nazzjonali kompetenti tas-16 ta’ Diċembru 2010. Il-perimetru ta’ din iż-żona, fid-data tal-approvazzjoni ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott mill-kumitat nazzjonali rilevanti, jinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2021:

Id-département ta’ Indre: Chabris, Fontguenand, Luçay-le-Mâle, Lye, Menetou-sur-Nahon, Poulaines, Valençay, Val-Fouzon (it-territorji tal-muniċipalitajiet delegati ta’ Parpeçay u Varennes-sur-Fouzon biss), La Vernelle, Veuil, Villentrois-Faverolles.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

Cabernet Franc N

Chardonnay B

Gamay N

Orbois B

Pineau d’Aunis N

Pinot Noir N

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

8.1.   Deskrizzjoni tal-fatturi naturali rilevanti għar-rabta

Iż-żona ġeografika tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata Valençay, madwar 10 kilometri fil-Lbiċ tal-belt ta’ Romorantin-Lanthenay, tifforma plateau wiesgħa maqsuma minn widien li minnha jgħaddu xmajjar żgħar lejn it-Tramuntana. Uħud minn dawn jiltaqgħu fil-wied ta’ Fouzon, parallel mal-wied tax-Cher, qabel ma jingħaqdu max-Cher fit-tarf tat-Tramuntana taż-żona ġeografika. Iż-żona ġeografika taqsam it-territorju ta’ 13-il muniċipalità fit-Tramuntana tad-département ta’ Indre u t-territorju ta’ Selles-sur-Cher, muniċipalità ta’ Loir-et-Cher. Il-pajsaġġ, immarkat minn ħafna żoni żgħar imsaġġra, fdalijiet ta’ boskijiet u l-għoljiet imsaġġra ta’ Valençay, għandu l-kenn. L-irqajja’ art bil-vinji għandhom it-tendenza li jkunu fit-truf tal-plateau li tħalla espost mill-erożjoni u fuq l-għoljiet iż-żgħar.

L-irqajja’ art demarkati speċifikament għall-ħsad tal-għeneb għandhom ħamrija li prinċipalment ifformat kif ġej:

lejn in-Nofsinhar taż-żona ġeografika, fuq il-ħamrija Turonjana ratba tal-ġibs (rendzina, ħamrija tal-ġebla tal-ġir kannella) u t-tafal taż-żnied tal-Kretaċju ta’ fuq (ħamrija kannella lixxivjata jew b’erożjoni);

lejn ix-Xlokk taż-żona ġeografika, fuq is-sustanzi tar-ramel u t-tafal tal-Eoċene detritiku, xi kultant b’ammont kbir ta’ żrar;

lejn it-Tramuntana taż-żona ġeografika, qrib il-widien tax-Cher u ta’ Fouzon, l-aktar fuq il-ġebla tal-ġir tal-lagi tar-reġjuni ta’ Berry u Beauce mill-Eoċene u tal-Aquitane (rendzina u ħamrija tal-ġebla tal-ġir kannella), u kultant fuq il-formazzjonijiet tar-ramel u tat-tafal ta’ Sologne (Burdigaljani).

F’din il-klima reġjonali, il-klima semimarittima hija kkaratterizzata minn temperaturi medji u minimi kemxejn ogħla u temperaturi massimi kemxejn aktar kesħin matul il-perjodu tat-tkabbir tad-dwieli.

Deskrizzjoni tal-fatturi umani rilevanti għar-rabta

Ir-reġjun ta’ Valençay kien parti mill-provinċja storika ta’ Berry. L-ewwel indikazzjonijiet magħrufa tad-dwieli - donazzjonijiet li saru lill-abbazija - imorru lura għas-seklu 10. Att notarili tas-seklu 15 isemmi “ħafna dwieli tul in-Nahon”, u l-ħafna indikazzjonijiet oħra f’dokumenti mis-sekli ta’ wara jikkonfermaw, jekk mhux l-iżvilupp tal-vitikultura, almenu l-kontinwazzjoni tagħha.

Talleyrand, is-sid tal-Kastell ta’ Valençay, kellu wkoll 12-il ettaru ta’ dwieli fuq l-art tiegħu. Fl-1830, in-neputija tiegħu, id-Dukessa ta’ Dino, iddikjarat li l-inbejjed tajbin ikkunsmati fid-département kollu kienu maħsuda fil-canton ta’ Valençay.

Fl-1876, fl-istudju tiegħu tal-vinji ta’ Franza (“Etude des vignobles de France”), Jules Guyot innota li l-vinji tul ix-xmajjar tal-canton ta’ Valençay kienu jipproduċu l-aqwa nbid fid-département. Għalkemm dawn ix-xmajjar ma kinux navigabbli, uħud mill-inbejjed prodotti hemm kienu diġà jiġu esportati fis-seklu 19, b’mod partikolari permezz tax-Cher, għalkemm il-parti l-kbira tal-inbejjed kienu jinbiegħu lokalment.

L-inbejjed ħomor jirrappreżentaw 50 % tal-volum prodott, l-inbejjed bojod 40 % u l-inbejjed rożè 10 %. L-aromi tal-inbejjed bojod ġeneralment ikunu ddominati minn noti ta’ fjuri intensi (ġenistra, fjuri bojod, eċċ.), possibbilment flimkien ma’ laqta ta’ mineralità bħaż-żnied, f’konformità mal-kontenut għoli ta’ żnied fil-ħamrija. Madankollu, dawn l-inbejjed vivaċi joffru ċertu milja fil-ħalq.

8.2.   L-inbejjed ħomor għandhom kulur li spiss iqarreb lejn lewn ir-rubini, b’aromi ta’ frott aħmar żgħir, ċirasa qarsa u noti pikkanti u friski. Huma pjaċevoli meta ma jkunux tqaddmu, u wħud minnhom juru l-potenzjal sħiħ tagħhom meta jitqaddmu għal bejn 3 u 5 snin.

L-inbejjed rożè huma ġeneralment ħfief, b’aċidità notevoli mingħajr ma huma aggressivi, u għandhom aromi qawwija ta’ frott misjur. B’riflessjoni tal-prattika stabbilita, iż-żona tal-irqajja’ art demarkata għall-ħsad tal-għeneb tinkludi biss rendzina, ħamrija kannella jew ħamrija baxxa, u ħamrija ta’ trab tafli ramli. Din il-ħamrija f’saħħitha tipikament ikollha karatteristiċi termali tajbin u riżervi tal-ilma limitati u tinkoraġġixxi l-iżvilupp bikri tal-veġetazzjoni u s-sajran tal-għeneb. Huwa vantaġġuż li l-vinji jitħawlu fuq it-truf tal-plateaus.

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-pjanti u l-potenzjal tal-produzzjoni tagħhom jeħtieġ li jiġu mmaniġġati tajjeb ħafna permezz ta’ tħarriġ tad-dwieli u żbir rigoruż.

Adattat għall-ħamrija u għall-klima soġġetta għal influwenzi kemm marittimi kif ukoll kontinentali, fejn il-wied tax-Cher għandu rwol fir-regolazzjoni tat-temperatura, l-għarfien espert fl-għażla tal-varjetajiet tal-għeneb u l-ħsieb tad-dwieli jiġi mill-esperjenza miksuba tul bosta ġenerazzjonijiet ta’ vitikulturi li jaħdmu kontinwament biex itejbu l-prodotti tagħhom. Dan l-għarfien huwa rifless ukoll fl-għażla tal-produttur tal-inbid tal-varjetajiet it-tajbin għat-taħlit.

Dawn l-għażliet jirriżultaw fil-produzzjoni ta’ nbejjed bojod vivaċi u bbilanċjati b’noti ta’ fjuri tipiċi ta’ ħamrija tat-tafal u tal-ġebla tal-ġir jew b’mineralità minn ħamrija b’kontenut għoli ta’ żnied. Il-ħamrija baxxa tisħon malajr u tipproduċi nbejjed ħomor b’noti ta’ frott aħmar u ħwawar. Peress li dawn iċ-ċirkostanzi jippromwovu livell tajjeb ta’ sajran, l-inbejjed rożè prodotti għandhom noti ta’ frott misjur u freskezza fl-istess ħin.

Il-ħolqien mill-komunità lokali ta’ nbid b’karattru ġie rikonoxxut inizjalment bid-denominazzjoni ta’ oriġini “vins délimités de qualité supérieure” (inbejjed ta’ kwalità minn ċerti żoni demarkati) fl-1970 u mbagħad mid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata fl-2004.

B’riflessi tal-poeżiji ta’ Ronsard jew Peguy u l-evokazzjoni ta’ perjodi ewlenin fl-istorja ta’ Franza, iż-żona ta’ “Valençay” għadha tipproduċi l-inbejjed tagħha li darba kienu jżejnu l-imwejjed tar-rejiet u l-prinċpijiet, u huma sors ta’ kburija għall-wied tax-Cher.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

Qafas ġuridiku

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit

Iż-żona fil-viċinanza immedjata, iddefinita permezz ta’ deroga għall-produzzjoni, l-ipproċessar u l-maturazzjoni tal-inbejjed, tinkludi t-territorju approvat mill-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u l-Kwalità fil-laqgħa tal-kumitat nazzjonali kompetenti tal-10 ta’ Frar 2011. Fid-data tal-approvazzjoni ta’ din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott mill-kumitat nazzjonali rilevanti, dan it-territorju jinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2021:

Id-département ta’ Indre: Saint-Christophe-en-Bazelle, Vicq-sur-Nahon, Val-Fouzon (it-territorju tal-muniċipalità delegata ta’ Sainte-Cécile biss);

Id-département ta’ Indre-et-Loire: Nouans-les-Fontaines;

Id-département ta’ Loir-et-Cher: Billy, Châteauvieux, Châtillon-sur-Cher, Couffy, Meusnes.

Qafas ġuridiku

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit

(a)

L-informazzjoni fakultattiva kollha hija stampata fuq it-tikketti b’ittri li ma jistgħux ikunu akbar, fl-għoli, fil-wisa’ jew fil-ħxuna, mid-doppju tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata.

(b)

It-tikkettar tal-inbejjed li jibbenefikaw mid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata jista’ jispeċifika l-isem ta’ unità ġeografika iżgħar, diment li:

tkun post irreġistrat;

tkun tidher fuq id-dikjarazzjoni tal-ħsad.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-5fb136ab-6126-4e61-a569-7094f9a12b65


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


Top