EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023XC0209(04)

Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33 2023/C 49/12

PUB/2022/1518

ĠU C 49, 9.2.2023, p. 28–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 49/28


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33

(2023/C 49/12)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Cabernet d’Anjou”

PDO-FR-A1005-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 11.11.2022

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali

Il-muniċipalitajiet li jiffurmaw iż-żona ġeografika u ż-żona fil-viċinanza immedjata ġew aġġornati f’konformità mal-Code officiel géographique [Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali].

Dan ma għandu l-ebda impatt fuq il-perimetru taż-żona ġeografika demarkata.

Il-punti 6 u 9 tad-Dokument Uniku ġew emendati.

2.   Żona tal-irqajja’ demarkata

Żdiedu d-dati li fihom l-awtorità nazzjonali rilevanti approvat bidliet fiż-żona demarkata tal-irqajja’ fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni. Id-demarkazzjoni tal-irqajja’ tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ dawk l-irqajja’ fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni li huma tajbin għall-produzzjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta kkonċernata.

Id-Dokument Uniku ma huwiex affettwat minn din l-emenda.

3.   Distanza bejn id-dwieli

Id-distanza minima bejn id-dwieli fl-istess flann tnaqqset minn 1 m għal 0,90 m.

L-għan ta’ din l-emenda huwa li tippermetti żieda fid-densità tat-tħawwil tad-dwieli mingħajr ma tinbidel il-wisa’ bejn il-flanni.

Żdiedet ukoll dispożizzjoni speċjali għall-vinji fuq inklinazzjonijiet fejn il-gradjent huwa ogħla minn 10 %, li għalihom id-distanza minima awtorizzata bejn id-dwieli hija ta’ 0,80 m.

L-għan ta’ din iż-żieda huwa li jittieħed kont tal-każ partikolari tad-dwieli mħawla fuq inklinazzjonijiet weqfin, li jeħtieġu arranġamenti speċifiċi fl-istadju tat-tħawwil (tħawwil parallel mal-inklinazzjoni aktar milli perpendikolari magħha).

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

4.   Żbir

Ir-regoli dwar iż-żbir ġew armonizzati fil-livell tad-denominazzjonijiet fiż-żona Anjou Saumur fil-wied tal-Loire.

Dan sar biex jiġi żgurat li l-vitikulturi jiġu infurmati aħjar u biex jiġu ssimplifikati l-kontrolli meħtieġa. Din l-emenda tagħmilha eħfef għall-vitikulturi biex jadattaw meta jkunu qed jiffaċċjaw perjodi ta’ ġlata, li qegħdin iseħħu dejjem aktar tard fis-sena.

Il-punt 5 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

5.   Rabta

Ir-rabta ġiet emendata biex tinkludi referenza għall-2021 minflok għall-2018, u biex jiġi aġġornat in-numru ta’ muniċipalitajiet, wara li wħud minnhom ingħaqdu flimkien.

Il-punt 8 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

6.   Miżuri tranżizzjonali

Il-miżuri tranżizzjonali li ma għadhomx validi tneħħew.

Ġiet miżjuda miżura tranżizzjonali wara li saret id-demarkazzjoni l-ġdida tal-irqajja’ f’ċerti muniċipalitajiet.

Id-Dokument Uniku ma ġiex emendat.

7.   Tikkettar

Ir regoli dwar it-tikkettar ġew aġġornati u armonizzati fil-livell tad-denominazzjonijiet fiż-żona ta’ Anjou Saumur fil-wied tal-Loire. Din hija emenda purament editorjali.

Il-punt 9 tad-Dokument Uniku ġie emendat.

8.   Referenza għall-korp ta’ spezzjoni

Ir-referenza għall-korp ta’ spezzjoni ġiet ifformulata mill-ġdid biex tiġi allinjata mal-formulazzjoni użata fi Speċifikazzjonijiet tal-Prodott oħrajn. Din hija emenda purament editorjali.

Din l-emenda ma tinvolvi l-ebda emenda għad-Dokument Uniku.

9.   Emendi editorjali

Sar għadd ta’ aġġornamenti fl-abozzar tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Dawn l-emendi ma jinvolvu l-ebda emenda għad-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Cabernet d’Anjou

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

DESKRIZZJONI QASIRA

L-inbejjed huma nbejjed rożè bla gass b’dawn il-karatteristiċi analitiċi: L-inbejjed irid ikollhom qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum ta’ 10,5 %. Il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli (glukożju + fruttożju) tal-inbejjed wara l-fermentazzjoni jrid ikun tal-anqas 10 grammi għal kull litru. Il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum wara l-arrikkiment ma taqbiżx it-13 %. L-aċidità volatili, l-aċidità totali u l-konvenut totali ta’ diossidu tal-kubrit irid ikun kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-UE, iżda kwalunkwe lott ta’ inbid mhux ibbottiljat li jkun eliġibbli biex jibbenefika mit-termini “primeur” (bikri) jew “nouveau” (ġdid) irid ikollu kontenut ta’ aċidità volatili ta’ mhux aktar minn 10,2 milliekwivalenti għal kull litru. L-inbejjed għandhom zokkor fermentabbli u livelli ta’ ħlewwa li jvarjaw. L-espressjoni aromatika intensa tagħhom tiżvela l-ispeċifiċità tal-varjetajiet ta’ dwieli. Il-frott madankollu dejjem ikun preżenti f’xi forma (ħawħ, frawli, frott taċ-ċitru, eċċ.). Fil-ħalq, l-inbejjed joffru bilanċ sofistikat bejn il-freskezza u l-bilanċ. L-aromi huma intensivi u b’effett bit-tul.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika totali minima (f’% tal-volum)

10

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.    Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Densità tat-tħawwil - Distanza

Metodu tal-kultivazzjoni

Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 4 000 pjanta għal kull ettaru. Id-distanza bejn il-flanni ta’ dawn id-dwieli ma tistax tkun aktar minn 2,5 metri, u d-distanza bejn il-pjanti fl-istess flann trid tkun tal-anqas 0,90 metri.

L-irqajja’ tal-vinji fejn id-distanza bejn id-dwieli fl-istess flann tkun inqas minn 0,90 m iżda aktar minn jew daqs 0,80 m, u fejn il-gradjent ikun akbar minn 10 %, għandhom ikunu intitolati li jużaw id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata għall-ħsad tagħhom.

Id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata tista’ tintuża għal ħsad ta’ rqajja’ tal-vinji b’densità ta’ inqas minn 4 000 — iżda tal-anqas 3 300 — pjanta għal kull ettaru, soġġett għal konformità ma’ ċerti regoli dwar it-tħarriġ tad-dwieli u l-għoli tal-faxxina stipulati f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Id-distanza bejn il-flanni tad-dwieli ma tistax taqbeż it-3 metri, u d-distanza bejn il-pjanti fl-istess flann trid tkun tal-anqas metru.

2.   Regoli dwar iż-żbir

Metodu tal-kultivazzjoni

Id-dwieli jinżabru bil-metodu taż-żbir taz-zkuk jew dak li jħalli rimjiet qosra, jew taħlita tat-tnejn. Id-dwieli jinżabru b’massimu ta’ 12-il għajn għal kull pjanta: Id-dwieli jistgħu jinżabru sa żewġ għejun addizzjonali għal kull pjanta bil-kundizzjoni li, fl-istadju fenoloġiku li jikkorrispondi għal 11 jew 12-il werqa (għejun ta’ fjuri separati), ma jkunx hem maktar minn 12-il fergħa li tagħti l-frott fis-sena għal kull pjanta.

3.   Irrigazzjoni

Metodu tal-kultivazzjoni

L-irrigazzjoni hija pprojbita.

4.   Prattika enoloġika speċifika

L-użu ta’ faħam enoloġiku, waħdu jew imħallat fi preparazzjonijiet, huwa pprojbit.

L-użu ta’ biċċiet tal-injam huwa pprojbit.

Il-qawwa alkoħolika totali tal-inbejjed skont il-volum wara l-arrikkiment ma taqbiżx it-13 %.

Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, il-prattiki enoloġiċi li jikkonċernaw dawn l-inbejjed iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-livell tal-UE kif ukoll fil-Kodiċi Rurali u tas-Sajd Marittimu.

5.   Għoli tal-faxxina u tħarriġ fuq il-kannizzati

Metodu tal-kultivazzjoni

Il-faxxina fuq il-kannizzata trid tilħaq għoli ta’ mill-inqas 0,6 darbiet id-distanza bejn il-flanni. L-għoli jitkejjel bħala d-distanza bejn it-tarf l-aktar baxx tal-faxxina (li għandu jkun mill-inqas 0,40 m ’il fuq mill-art) u l-ogħla tarf tal-friegħi miżbura (li għandu jkun mill-inqas 0,20 m ’il fuq mill-ogħla fil tal-kannizzata).

Fil-każ ta’ rqajja’ tad-dwieli fejn id-densità tat-tħawwil tkun tal-anqas 3 300 iżda inqas minn 4 000 pjanta għal kull ettaru, japplikaw ir-regoli addizzjonali li ġejjin dwar it-tħarriġ fuq il-kannizzati: l-għoli minimu tal-arbli tal-kannizzati ’il fuq mill-art huwa ta’ 1,90 metri; ikun hemm 4 livelli ta’ fili tal-kannezzati; l-għoli minimu tal-ogħla fil huwa 1,85 metru ’l fuq mill-art.

5.2.    Rendimenti massimi

1.

69 ettolitru għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika demarkata

L-istadji kollha tal-produzzjoni tal-inbejjed eliġibbli biex jibbenefikaw mid-Denominazzjoni tal-Oriġini Kontrollata Cabernet d’Anjou jridu jseħħu fiż-żona ġeografika li tinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2021:

id-département ta’ Deux-Sèvres: Brion-près-Thouet, Loretz-d’Argenton, Louzy, Plaine-et-Vallées (il-muniċipalità delegata ta’ Oiron biss), Saint-Cyr-la-Lande, Sainte-Verge, Saint-Martin-de-Mâcon, Saint-Martin-de-Sanzay, Thouars (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Mauzé-Thouarsais, Sainte-Radegonde u l-eks muniċipalità ta’ Thouars biss), Tourtenay, Val en Vignes (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Bouillé-Saint-Paul, Cersay u Saint-Pierre-à-Champ biss);

id-département ta’ Maine-et-Loire: Allonnes, Angers, Antoigné, Artannes-sur-Thouet, Aubigné-sur-Layon, Beaulieu-sur-Layon, Bellevigne-en-Layon, Bellevigne-les-Châteaux, Blaison-Saint-Sulpice, Bouchemaine, Brain-sur-Allonnes, Brissac Loire Aubance (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Alleuds, Brissac-Quincé, Charcé-Saint-Ellier-sur-Aubance, Chemellier, Coutures, Luigné, Saint-Rémy-la-Varenne, Saint-Saturnin-sur-Loire u Vauchrétien biss), Brossay, Cernusson, Chalonnes-sur-Loire, Champtocé-sur-Loire, Chaudefonds-sur-Layon, Chemillé-en-Anjou (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Chanzeaux, La Jumellière u Valanjou biss), Cizay-la-Madeleine, Cléré-sur-Layon, Le Coudray-Macouard, Courchamps, Denée, Dénezé-sous-Doué, Distré, Doué-en-Anjou, Épieds, Fontevraud-l’Abbaye, Les Garennes sur Loire, Gennes-Val-de-Loire (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Chênehutte-Trèves-Cunault, Gennes, Grézillé, Saint-Georges-des-Sept-Voies u Le Thoureil biss), Huillé-Lézigné (il-muniċipalità delegata ta’ Huillé biss), Ingrandes-Le Fresne sur Loire (l-eks muniċipalità ta’ Ingrandes biss), Jarzé Villages (il-muniċipalità delegata ta’ Lué-en-Baugeois biss), Louresse-Rochemenier, Lys-Haut-Layon, Mauges-sur-Loire (il-muniċipalitajiet delegati ta’ La Chapelle-Saint-Florent, Le Mesnil-en-Vallée, Montjean-sur-Loire, La Pommeraye, Saint-Florent-le-Vieil, Saint-Laurent-de-la-Plaine u Saint-Laurent-du-Mottay biss), Mazé-Milon (il-muniċipalità delegata ta’ Fontaine-Milon biss), Montilliers, Montreuil-Bellay, Montsoreau, Mozé-sur-Louet, Mûrs-Erigné, Orée d’Anjou (il-muniċipalitajiet delegati ta’ Bouzillé, Champtoceaux, Drain, Landemont, Liré u La Varenne biss), Parnay, Passavant-sur-Layon, La Possonnière, Le Puy-Notre-Dame, Rives-de-Loir-en-Anjou (il-muniċipalità delegata ta’ Villevêque biss), Rochefort-sur-Loire, Rou-Marson, Sainte-Gemmes-sur-Loire, Saint-Georges-sur-Loire, Saint-Germain-des-Prés, Saint-Just-sur-Dive, Saint-Macaire-du-Bois, Saint-Melaine-sur-Aubance, Saumur, Savennières, Soulaines-sur-Aubance, Souzay-Champigny, Terranjou, Tuffalun, Turquant, Les Ulmes, Val-du-Layon, Varennes-sur-Loire, Varrains, Vaudelnay;

id-département ta’ Vienne: Berrie, Curçay-sur-Dive, Glénouze, Pouançay, Ranton, Saint-Léger-de-Montbrillais, Saix, Ternay, Les Trois-Moutiers.

Il-mapep li jirrappreżentaw iż-żona ġeografika huma disponibbli fuq is-sit web tal-Institut national de l’origine et de la qualité.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

Cabernet Franc N

Cabernet Sauvignon N

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

8.1.   

 

1   - Informazzjoni dwar iż-żona ġeografika

a)   - Deskrizzjoni tal-fatturi naturali rilevanti għar-rabta

Iż-żona ġeografika tkopri żewġ formazzjonijiet ġeoloġiċi ewlenin fejn il-vinji jokkupaw prinċipalment il-baċir idrografiku tax-xmara u xi plateaux: fil-Punent, il-bażi Prekambrijana u Paleożojka hija marbuta mal-Massif Armoricain; fil-Lvant, is-sottostrat Mesożojku u Ċenożojku tal-baċin Pariġin li għatta l-bażi tal-blat l-antika. Din il-partikolarità ġeoloġika tiddistingwi l-parti tal-Punent taż-żona ġeografika mill-parti tal-Lvant. Il-parti tal-Punent hija magħrufa għall-preżenza ta’ depożiti tax-shale, l-aktar lavanja, u hija magħrufa lokalment bħala “Anjou noir” jew “Anjou iswed”. Il-parti tal-Lvant hija magħrufa għal-lom tal-ġibs tagħha (Saumur) u hija magħrufa lokalment bħala “Anjou blanc” jew “Anjou abjad”.

B’rabtiet storiċi mal-provinċja antika ta’ Anjou, mill-2021 iż-żona ġeografika essenzjalment tkopri n-nofs t’isfel tad-département ta’ Maine-et-Loire (68 muniċipalità) u t-truf tat-Tramuntana tad-départements ta’ Deux-Sèvres (11-il muniċipalità) u Vienne (9 muniċipalitajiet).

L-irqajja’ art demarkati għall-ħsad tal-għeneb għandhom ħamrija li ġejja minn formazzjonijiet ġeoloġiċi differenti. Għalkemm din il-ħamrija tvarja ħafna, ġeneralment tkun fqira u jkollha riżerva tal-ilma moderata. Barra minn hekk, għandha wkoll karatteristiċi termali tajbin.

Iż-żona ġeografika tgawdi minn klima oċeanika moderata, b’differenzi relattivament baxxi fit-temperatura, minn naħa minħabba l-prossimità relattiva tal-Oċean Atlantiku, u min-naħa l-oħra minħabba r-rwol ta’ regolatur termiku tal-Loire u tat-tributarji tagħha. Il-fatt li d-dwieli huma mħawlin fuq l-għoljiet huwa fattur ukoll. Tintuża l-espressjoni “douceur angevine” (temp moderat ta’ Anjou), li tiddeskrivi bl-aħjar mod ix-xitwa, ir-rebbiegħa twila u l-ħarifa, filwaqt li hemm perjodi sħan frekwenti fis-sajf. L-inklinazzjonijiet tal-Majjistral/tax-Xlokk jipproteġu lid-dwieli mir-riħ b’ħafna ndewwa li jiġi mill-Punent. Għalhekk, iż-żona ġeografika ftit li xejn tissaqqa, u tibbenefika minn effett ta’ foehn, u hija protetta mir-raxx marittimu, minħabba l-inklinazzjonijiet ogħla ta’ Choletais u ta’ Mauges. Ix-xita annwali hija ta’ madwar 585 millimetru, meta mqabbla ma’ 800 millimetru f’Choletais.

b)   - Deskrizzjoni tal-fatturi umani rilevanti għar-rabta ġeografika

Huwa magħruf li d-dwieli ilhom jiġu kkultivati fuq bażi kontinwa f’Anjou sa mill-ewwel seklu W.K. Dan huwa pajjiż eċċellenti għat-tkabbir tad-dwieli, kif jixhdu dawn il-linji minn poeżija ta’ Apollonju (is-sitt seklu): “Mhux bogħod mill-Bretanja hemm belt li tinsab fuq blata bi pjantaġġuni estensivi ddedikati lil Ceres u Bacchus u isem, Andecavi (Angers), li huwa dderivat mill-isem tal-post bil-Grieg.” It-tkabbir tad-dwieli żviluppa fiż-żona ta’ Anjou matul il-Medju Evu, taħt l-awspiċi tal-monasteri li jinsabu fuq ix-xtajtiet tal-Loire u madwar Angers. Saret partikolarment rinomata mis-sekli 7 u 8 ’il quddiem. Bis-saħħa tal-influwenza ta’ Henry II u ta’ Eleanor ta’ Aquitaine, l-inbid minn Anjou wasal fuq l-imwejjed l-iktar raffinati.

Il-produzzjoni żviluppat b’mod sinifikanti mis-seklu 16 ’il quddiem bil-wasla tan-negozjanti Netherlandiżi li kienu qegħdin ifittxu l-inbid għall-pajjiż u l-kolonji tagħhom. In-Netherlandiżi bdew jaħżnu l-inbejjed u l-kummerċ tant kien mexxej fis-seklu 18 li x-xmara Layon, li taqsam iż-żona ġeografika, ġiet magħmula navigabbli biex it-trasport isir aktar faċli. Ir-reputazzjoni tajba tal-inbejjed ta’ Anjou fissret li kien hemm domanda kbira għalihom u nħolqu diversi taxxi (fuq l-inbid bl-ingrossa, fuq iċ-ċestuni, taxxa għall-bejgħ bl-ingrossa, taxxa għall-bejgħ bl-imnut, dazju tas-sisa eċċ.). Dawn it-taxxi kellhom konsegwenzi negattivi għall-kummerċ. Id-devastazzjoni tal-Gwerra fil-Vendée wasslet biex qerdet il-vinji. Il-prosperità reġgħet irpiljat fis-seklu 19. Fl-1881, il-vinji kienu jkopru erja ta’ 45 000 ettaru, li fl-1893 kien għad fadal minnhom 10 000 ettaru, wara l-marda tal-fillosera.

8.2.   

 

Ir-reġjun magħruf bħala Anjou essenzjalment ħa l-fama tiegħu mill-produzzjoni tal-inbejjed bojod magħmula mill-varjetà Chenin B. Madankollu, it-tħawwil tal-varjetà Cabernet Franc N u Cabernet-Sauvignon N ftit aktar ’il quddiem infirxu b’mod sinifikanti wara l-kriżi tal-fillosera. Fil-bidu tas-seklu 20, l-isforzi tal-produzzjoni tal-inbid kienu ffukati l-aktar fuq il-produzzjoni ta’ “rouget”, l-isem lokali għal inbid ħafif servut fil-kafetteriji. Dan kien jimmarka l-ewwel stadju fil-bidliet għall-vinji ta’ Anjou. Flimkien mal-varjetajiet Grolleau N u Grolleau Gris G, li jipproduċu nbejjed “clairet” ċari, ikkomplementati mill-varjetajiet Gamay N u Pineau d’Aunis N, huma kkontribwixxew għall-iżvilupp ta’ produzzjoni sinifikanti ta’ nbejjed rosé emblematiċi, magħrufa sew u rikonoxxuti bid-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini Kontrollata Cabernet d’Anjou u Rosé d’Anjou. It-tieni stadju ta’ dawn il-bidliet kien ibbażat fuq l-esperjenza miksuba mill-produtturi fil-ġestjoni ta’ dawn l-għelejjel. Il-produzzjoni tal-inbejjed ħomor żviluppat mis-snin 60 ’il quddiem, abbażi tal-monitoraġġ u l-analiżi tal-aħjar taħlitiet ta’ varjetajiet u postijiet ta’ tħawwil, flimkien mal-valutazzjoni tal-potenzjal tal-ħsad u l-għarfien espert miksub fit-tekniki tal-produzzjoni tal-inbid.

2.   Informazzjoni dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott

L-inbejjed rożè għandhom zokkor fermentabbli u livelli ta’ ħlewwa li jvarjaw. Il-karattru aromatiku tagħhom huwa intensiv, b’kull wieħed jesprimi l-karatteristiċi speċifiċi tal-varjetajiet tiegħu stess. Il-frott madankollu dejjem ikun preżenti f’xi forma (ħawħ, frawli, frott taċ-ċitru, eċċ.). Fil-ħalq, l-inbejjed joffru bilanċ sofistikat bejn il-freskezza u l-bilanċ. L-aromi huma intensivi u b’effett bit-tul.

3.   Interazzjonijiet kawżali

Il-kombinazzjoni tal-karatteristiċi taż-żona tal-vinji, inkluż il-post fit-Tramuntana, il-pajsaġġ karatteristiku, il-klima notevolment moderata, u ġeoloġija u pedoloġija speċifiċi, jagħtu lill-inbejjed togħma distintiva u friska.

Id-diversità tal-postijiet tal-vinji bil-profili ġeo-pedoloġiċi varjati tagħhom tat lill-produtturi l-opportunità li jsibu l-aħjar kundizzjonijiet għal kull waħda mill-varjetajiet li qegħdin jikbru hemm. Il-vitikulturi josservaw u janalizzaw l-imġiba tad-dwieli tagħhom sabiex jiddeterminaw il-post it-tajjeb għall-vinji. Filwaqt li l-varjetajiet Grolleau N, Grolleau Gris G u Pineau d’Aunis N waslu biex jokkupaw l-għoljiet u l-meded ta’ art ramlin jew biż-żrar fejn jintużaw għall-produzzjoni tal-inbejjed rożè b’togħma ta’ frott, il-varjetajiet Cabernet Franc N u Cabernet Sauvignon N jippreferu ħamrija baxxa jew kannella bi provvista tal-ilma regolata fejn jintużaw għall-produzzjoni ta’ nbejjed rożè robusti u b’persistenza aromatika tajba.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti oħra)

API

Qafas ġuridiku:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Iż-żona ta’ prossimità immedjata ddefinita b’deroga għall-produzzjoni u l-ipproċessar tal-inbejjed eliġibbli għad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata Cabernet d’Anjou tikkonsisti fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin, fuq il-bażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tal-2021:

id-département ta’ Indre-et-Loire: Saint-Nicolas-de-Bourgueil;

id-département ta’ Loire-Atlantique: Ancenis-Saint-Géréon (l-eks muniċipalità ta’ Ancenis biss), Le Loroux-Bottereau, Le Pallet, La Remaudière, Vair-sur-Loire (il-muniċipalità delegata ta’ Anetz biss), Vallet;

id-département ta’ Maine-et-Loire: Orée d’Anjou (il-muniċipalità delegata ta’ Saint-Laurent-des-Autels biss), Saint-Martin-du-Fouilloux.

Tikkettar

Qafas ġuridiku:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

Id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata tista’ tkun segwita mit-terminu “primeur” (bikri) jew “nouveau” (ġdid), f’konformità mar-regoli stipulati fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Meta l-leġiżlazzjoni tal-UE tispeċifika li l-użu ta’ indikazzjonijiet fakultattivi jista’ jiġi rregolat mill-Istati Membri, dawk l-indikazzjonijiet għandhom jiġu stampati fuq tikketti b’ittri li, fl-għoli u fil-wisa’, ma jkunux akbar mid-doppju tad-daqs tal-ittri li jifformaw id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata.

L-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata jista’ jkun segwit mill-isem ġeografiku “Val de Loire” f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Id-daqs tal-ittri tal-isem ġeografiku “Val de Loire” ma għandux ikun akbar, kemm fl-għoli kif ukoll fil-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata.

L-inbejjed li huma eliġibbli biex jużaw it-terminu “primeur” (bikri) jew “nouveau” (ġdid) għandhom jiddikjaraw ukoll il-vendemmja.

L-inbejjed jistgħu jispeċifikaw l-isem ta’ unità ġeografika iżgħar fuq it-tikketti, bil-kundizzjoni li: - ikun isem ta’ post elenkat fir-reġistru tal-artijiet; - l-isem ikun jidher fid-dikjarazzjoni tal-ħsad. L-isem tal-post irid ikun stampat b’ittri li ma jkunux akbar, kemm fl-għoli kif ukoll fil-wisa’, minn nofs id-daqs tal-ittri li jiffurmaw l-isem tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-cea1d3f7-577f-445e-9e58-b708a8d13eb8


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


Top