EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023XC01053

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 97(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-settur tal-inbid

C/2023/7857

ĠU C, C/2023/1053, 21.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1053/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1053/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1053

21.11.2023

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 97(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-settur tal-inbid

(C/2023/1053)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Rosalejo”

PDO-ES-02880

Data tal-applikazzjoni: id-9 ta’ Diċembru 2022

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Rosalejo

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Inbejjed ħomor

DESKRIZZJONI QASIRA

Intensità tal-kulur għolja, lewn aħmar rubin. Aromi intensi ferm ta’ frott aħmar kif ukoll aromi pikkanti u mixwija mill-btieti. L-inbejjed għandhom struttura u persistenza tajba, b’aċidità bbilanċjata u karattru frisk u żagħżugħ.

*

Il-qawwa alkoħolika totali massima skont il-volum trid tkun fi ħdan il-limiti legali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

12,00

Aċidità totali minima

4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

16,7

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

150

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom

1.   Metodu ta’ kultivazzjoni

Il-vinji jitħawlu fuq inklinazzjonijiet li jħarsu lejn it-Tramuntana jew lejn in-Nofsinhar, u jintużaw diversi prattiki ekoloġiċi ta’ ġestjoni, bħat-tneħħija ta’ rimjiet laterali jew żraġen, u t-tnaqqija tal-għenieqed.

2.   Prattika enoloġika speċifika

Diversi proċeduri jitwettqu fil-kantini tal-inbid, bħat-tkessiħ tal-għeneb f’maħżen imkessaħ hekk kif jasal fuq il-post, is-selezzjoni tal-għenieqed qabel it-tneħħija taz-zkuk, it-tneħħija tal-partijiet ħodor u l-għeneb aħdar wara t-tneħħija taz-zkuk, u l-fermentazzjoni alkoħolika bit-temperatura kkontrollata.

Ir-rendiment massimu huwa ta’ 68 litru ta’ nbid aħmar għal kull 100 kg ta’ għeneb.

Il-fermentazzjoni alkoħolika trid issir f’temperatura kkontrollata.

Il-perjodu minimu tat-tqaddim fi btieti tal-ballut huwa ta’ 6 xhur.

L-inbid irid jibqa’ fil-flixkun għal mill-inqas xahar qabel ma jitqiegħed fis-suq.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

1.   Il-varjetà Syrah

6 000 kilogramma għeneb għal kull ettaru

40,80 ettolitru għal kull ettaru

2.   Il-varjetajiet Tempranillo u Garnacha

8 000 kilogramma għeneb għal kull ettaru

54,4 ettolitru għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika demarkata

Iż-żona demarkata tad-DOP Rosalejo tinsab fil-muniċipalitajiet ta’ Anchuras (Ciudad Real) u Sevilleja de la Jara (Toledo). L-irqajja’ art affettwati huma dawn li ġejjin, li jirreferu għas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-irqajja’ art ta’ Spanja (sistema de información geográfica de parcelas agrícolas, SIGPAC) u r-Reġistru tal-Artijiet:

Fil-muniċipalità ta’ Anchuras:

poligonu 5, irqajja’ art: 319, 333 ;

poligonu 7, irqajja’ art: 1 sa 4, 70, 71, 73, 78, 87, 98, 99, 100, 108, 109, 111, 135 sa 138, 140 sa 146, 155 sa 157, 1077, 1082, 1083, 60001 ;

poligonu 9, irqajja’ art: 29 sa 32, 34, 44, 46, 47, 49, 50, 51, 54 ;

poligonu 21, irqajja’ art: 181, 238, 244, 245 ;

poligonu 22, irqajja’ art: 5 sa 13, 15 sa 62, 79, 81 sa 86, 93, 97, 105, 1074 sa 1076, 1078 ;

poligonu 23: roqgħa art 56.

Fil-muniċipalità ta’ Sevilleja de la Jara:

poligonu 13, irqajja’ art: 1, 3 ;

poligonu 14, irqajja’ art: 52 sa 55.

B’kollox, tkopri erja ta’ 1 338,70 ha.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

Garnacha Tinta

Syrah

Tempranillo

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

8.1.   Dettalji dwar iż-żona ġeografika (fatturi naturali u umani)

Fatturi naturali

Ħamrija:

Il-proprjetà tar-Rosalejo tinsab fil-firxa tal-muntanji ta’ Sierra de Sevilleja, li hija parti mill-Montes de Toledo.

Il-Montes de Toledo ma kinux soġġetti għal glaċjazzjoni fl-era Kwaternarja, allura l-inklinazzjonijiet tagħhom huma inqas weqfin minn sistemi oħra tal-qortin Iberiċi, bħas-Sistema Ċentrali. Huma jikkonsistu minn sekwenza ta’ muntanji u depressjonijiet li jħarsu lejn il-Majjistral u lejn ix-Xlokk.

Il-muntanji ta’ Toledo huma kkaratterizzati minn pedrizas jew canchales, iffurmati mill-erożjoni tal-kwarżit permezz tal-proċess tal-ġlata li tqaxxar l-art tul l-inklinazzjoni. Dawn huma munzelli kbar ta’ blokok tal-kwarżit angulari mingħajr l-ebda veġetazzjoni. Ir-rañas huma karatteristika tipika oħra tax-xenarju, li huma pjanuri bil-ġebel li jestendu mill-bażi tal-muntanji.

Ir-raña tar-Rosalejo ma ttiklitx minn xmajjar u glaċieri, u dan irriżulta f’waħda mill-aktar ħamriji qodma (biocrusts) fl-Ewropa, billi din il-ħamrija ffurmat fil-Plijoċen (perjodu ferm xott u kiesaħ) 5 miljun sena ilu fuq ġebel tas-siliċe u tal-granit li għandu aktar minn 350 miljun sena.

Il-wiċċ tagħha hu magħmul minn 50 % ġebel, li jagħtiha skular tajjeb. Hija magħmula minn ramel tas-siliċe, lavanja mikula ħafna, u ċagħaq ta’ diversi qisien ta’ kwarżit ferm ferruġinuż. Aħna sibna wkoll piżoliti tal-ħadid semisferiċi ta’ dijametru ta’ aktar minn 2 mm. Il-konċentrazzjoni għolja ta’ mineral tal-ħadid tagħti lill-kwarżit sfumatura ta’ oranġjo/aħmar, li tagħti wkoll il-wiċċ tal-ħamrija il-lewn aħmar tagħha, filwaqt li s-saffi aktar fondi tal-ħamrija huma ta’ lewn safrani.

Il-karatteristiċi kimiċi tagħha huma:

ħamrija b’pH aċiduż taħt 6, b’livelli insinifikanti ta’ karbonat tal-kalċju, ġebla tal-ġir attiva u livell baxx ħafna ta’ saturazzjoni bażi;

livelli baxxi ta’ kalċju, manjeżju u potassju;

livelli għoljin ta’ siliċju, ħadid, aluminju u manganiż;

kontenut baxx ta’ mikroelementi: barju, rubidju u stronzju;

kontenut għoli ta’ materjali tal-art rari: ċerju, lantanju, torju, ittriju u neodimju.

Il-karatteristiċi fiżiċi tagħha huma bbażati fuq klassijiet ta’ sawra taflija u l-preżenza ta’ piżoliti, b’konċentrazzjoni akbar ta’ tafal aktar fil-fond. Aktar fil-fond it-tafal jinbidel minn ħamrani għal sfumatura aktar safra. Din il-karatteristika hija dovuta għall-kontenut ta’ ħadid tagħhom, li huwa aktar ossidizzat (ħamrani) fis-saffi tal-wiċċ, u aktar isfar (b’inqas kontenut ta’ ħadid) aktar fil-fond.

Klima:

Ir-Rosalejo jinsab fil-qiegħ tas-Sierra de Sevilleja fin-naħa tal-Lbiċ ta’ din is-sistema muntanjuża. Din hija l-ewwel barriera muntanjuża li jsibu ż-żoni ta’ pressjoni baxxa li jkunu ġejjin mill-Atlantiku wara li jgħaddu mill-Portugall tan-Nofsinhar u minn Extremadura.

Fatturi bħall-influwenza tal-Adrijatiku, l-altitudni ta’ 650 metru, u s-sitwazzjoni fil-qiegħ tan-naħa tal-Lbiċ tas-Sierra de Sevilleja (li l-ogħla punt tagħha - Cumbre Alta - hija ta’ 1 279 metru) jagħmlu l-klima aktar moderata kemm fix-xitwa kif ukoll fis-sajf, u jipproduċu varjazzjoni sinifikanti fit-temperatura bejn il-lejl u n-nhar. Dan jinfluwenza l-proċessi tat-tkabbir tad-dwieli u b’hekk il-karatteristiċi tal-għeneb prodott.

Il-medja tax-xita fiż-żona hija ta’ 650 litru fis-sena, ikkonċentrata fil-ħarifa u fir-rebbiegħa. Matul ix-xhur tas-sajf, bilkemm tagħmel xita, sakemm ma tagħmilx maltempata. L-ammont kbir ta’ xita matul il-ħarifa u r-rebbiegħa huwa dovut għall-orjentazzjoni lejn il-Majjistral u lejn ix-Xlokk tal-muntanji Toledo, u aktar speċifikament is-Sierra de Sevilleja.

Il-klima tar-Rosalejo hija influwenzata wkoll mill-prossimità tagħha għall-ġibjun ta’ Cijara. Dan il-ġibjun huwa wieħed mill-akbar fi Spanja kemm f’termini tal-kapaċità tiegħu (1 505 ettometri kubu) kif ukoll tal-erja tal-wiċċ tiegħu (6 556 ettaru). Dan il-korp kbir tal-ilma huwa 2,9 km ’il bogħod mid-DOP Rosalejo. Dan għandu influwenza konsiderevoli fuq it-temperaturi, billi jagħmilhom inqas kesħin fix-xitwa u inqas sħan fis-sajf.

Fatturi umani

Il-vinji huma mħawla fuq inklinazzjoni li tħares lejn it-Tramuntana/in-Nofsinhar, bl-aqwa veġetazzjoni. Jintużaw diversi prattiki ekoloġiċi ta’ ġestjoni, bħat-tneħħija ta’ żraġen u t-tnaqqija tal-għenieqed, biex jinkiseb l-aqwa għeneb.

Il-ħidma fil-kantini tal-inbid biex jinkisbu l-aqwa nbejjed tinkludi diversi proċeduri, bħat-tkessiħ tal-għeneb f’maħżen imkessaħ hekk kif jasal fuq il-post, is-selezzjoni tal-għenieqed qabel it-tneħħija taz-zkuk, it-tneħħija tal-partijiet ħodor u tal-ħbub ħodor wara t-tneħħija taz-zkuk, u l-fermentazzjoni alkoħolika bit-temperatura kkontrollata.

8.2.   Informazzjoni dwar il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-inbid dovuti essenzjalment jew esklussivament għall-ambjent ġeografiku

L-inbejjed huma karatterizzati mill-aċidità totali naturali eċċellenti tagħhom u minn pH pjuttost baxx. Dan huwa dovut għall-konċentrazzjoni baxxa ta’ potassju u kalċju li tinsab f’dawn l-inbejjed. Din l-aċidità tagħti lill-inbejjed karattru frisk u żagħżugħ, minkejja li ġejjin minn latitudni pjuttost fin-Nofsinhar bi klima sħuna.

Din l-aċidità tajba tfisser li l-inbejjed huma bbilanċjati fuq il-palat.

Karatteristika oħra tal-inbejjed tagħna hija l-konċentrazzjoni tajba tal-kulur, u b’mod partikolari l-isfumatura tagħhom lewn aħmar rubin, li bilkemm tinbidel matul is-snin. Din il-karatteristika hija dovuta għall-fenomenu li diġà ssemma hawn fuq, jiġifieri l-aċidità tajba u l-pH baxx, li permezz tagħhom l-inbid jitqaddem bil-mod b’titjib organolettiku ċar.

8.3.   Rabta bejn il-karatteristiċi taż-żona ġeografika u l-kwalità tal-inbid

Minħabba l-karatteristiċi uniċi tal-kompożizzjoni tal-ħamrija, jiġifieri ħamrija aċiduża bi ftit katjoni bħall-kalċju u l-potassju, l-aċidità totali naturali tal-inbejjed hija ferm differenti minn dik ta’ nbejjed oħra mill-istess reġjun. Din il-freskezza tista’ tiġi apprezzata b’mod ċar malli jindaqu. L-aroma għandha ħjiel ta’ frott aħmar. Ma hijiex pikkanti fuq il-palat, iżda pjuttost bil-kontra, bi freskezza tipika ta’ latitudnijiet oħra ħafna aktar lejn it-Tramuntana.

Karatteristika komuni oħra li nistgħu napprezzaw hija l-kulur tiegħu, li għandu intensità għolja, b’tonalità ħafna aktar vivaċi mis-soltu. Din it-tonalità lewn aħmar rubin ma tonqosx matul is-snin. Din il-karatteristika hija prodotta mill-pH baxx tal-ħamrija u minn pH konsegwentement baxx tal-inbejjed.

Il-pH baxx tal-inbejjed jaffettwa mhux biss il-kulur, iżda wkoll il-potenzjal li l-inbejjed jitqaddmu. Dan jista’ jiġi apprezzat fit-togħma u fis-sensazzjoni tannika bbilanċjata tal-inbejjed anke meta jitqaddmu.

Il-ħamrija tar-Rosalejo għandha livell baxx ħafna ta’ elementi minerali bħall-potassju, il-kalċju, is-sodju u l-manjeżju. Analiżi tal-weraq mill-vinja tagħna turi wkoll konċentrazzjoni baxxa ta’ dawn l-elementi. Skont dan, l-aċidi organiċi, bħall-aċidu tartariku ħieles, meħudin mill-għeneb, ma jistgħux jiffurmaw imluħa bil-potassju fl-għamla ta’ bitartrat tal-potassju u kalċju fl-għamla ta’ tartrat tal-kalċju newtrali, li jirriżulta f’inbejjed b’aċidità u pH totali naturali pjuttost baxxi. Dan jikkawża tqaddim bil-mod tal-inbid u jagħtih titjib organolettiku ċar.

L-inbejjed tad-DOP Rosalejo huma karatterizzati mill-konċentrazzjoni tajba tagħhom kemm ta’ polifenoli kif ukoll ta’ tannini. Din il-karatteristika hija dovuta għar-rendimenti baxxi għal kull ettaru tal-vinja u l-proċess ta’ ħsad manwali, ħażna kiesħa u maċerazzjoni ta’ qabel il-fermentazzjoni.

8.4.   Ġustifikazzjoni ta’ kundizzjonijiet ta’ applikant uniku

Iż-żona ġeografika demarkata għandha karatteristiċi li jvarjaw b’mod konsiderevoli minn dawk ta’ żoni ġirien, kif jidher minn studju mill-Higher Technical School of Agricultural Engineers tal-Università ta’ Kastilja-La Mancha fuq l-unità territorjali li tifforma denominazzjoni ta’ oriġini potenzjali, Rosalejo.

Dan l-istudju juri li, b’differenza mill-ħamrija fiż-żoni ġirien, il-ħamrija fuq il-pjanura Rosalejo oriġinat minn materjali Paleożojċi tal-ħamrija tar-riżalti l-qodma raña u rañizo. Dan il-fattur, flimkien ma’ topografija b’mod predominanti ċatta u l-abbundanza ta’ tafal, joħloq kundizzjonijiet ta’ glejsazzjoni li jinvolvu proċessi ta’ ossidoriduzzjoni, filwaqt li fundamentalment jaffettwa d-dinamiċi ta’ Fe3+ u Fe2+. Dan l-istudju jikkonkludi li d-demarkazzjoni taż-żona ġeografika Rosalejo hija bbażata fuq il-preżenza ta’ pjanura territorjali ċatta jew kważi ċatta okkupata mir-raña u r-rañizo, u li din iż-żona għandha ħamrija li żviluppat għadd ta’ karatteristiċi uniċi. Dawn jinkludu, fost karatteristiċi oħra, aċidità konsiderevoli, sawriet tat-tafal jew ta’ trab ġunġlieni, kapaċitajiet għoljin ta’ skambju ta’ katjoni, u l-preżenza ta’ formazzjonijiet ta’ ossiidrossidi tal-ħadid (piżoliti).

Fir-rigward tal-inbejjed, għalkemm iż-żona demarkata hija inkluża fil-fruntieri tal-IĠP Castilla, l-inbejjed Rosalejo għandhom karatteristiċi sostanzjalment differenti.

PARAMETRU

IĠP CASTILLA

ROSALEJO

Qawwa alkoħolika proprja minima

10 % vol.

12 % vol.

Aċidità totali minima

4 g/l

4,5 g/l

Intensità minima tal-kulur

---

8 (a.u.)

IPT minimu

---

50

Rendimenti massimi (kg/ha)

16 000

6 000 sa 8 000

Rendimenti massimi (hl/ha)

112

40,80 sa 54,40

L-inbejjed tal-IĠP Castilla jistgħu jkunu xotti, nofshom misjura, ħelwin mezzani jew ħelwin. L-inbejjed kollha Rosalejo huma xotti, b’kontenut massimu totali ta’ zokkor ta’ 3 g/l, (glukożju + fruttożju). Dan jagħmilhom differenti mill-inbejjed xotti tal-IĠP Castilla, li għandhom kontenut massimu totali ta’ zokkor ta’ 4 g/l (glukożju + fruttożju). L-inbejjed kollha Rosalejo huma ħomor u għandhom intensità minima tal-kulur għolja ta’ 8 unitajiet ta’ assorbenza (a.u.) Dan jagħmilhom differenti mill-inbejjed tal-IĠP Castilla, li jistgħu jkunu bojod, rosé jew ħomor. Ma hemm l-ebda intensità minima tal-kulur għall-inbejjed ħomor tal-IĠP Castilla, b’hekk jista’ jkollhom intensità tal-kulur ta’ inqas minn 8 a.u. Barra minn hekk, l-inbejjed tal-IĠP Castilla jistgħu jkunu frizzanti, spumanti ta’ kwalità għolja, likuri jew ta’ ħsad tardiv, b’hekk huma ferm differenti mill-inbejjed Rosalejo. L-inbejjed tal-IĠP Castilla ma għandhomx limitu tal-indiċi minimu totali ta’ polifenoli (IPT), b’hekk jistgħu jkunu taħt il-limitu ta’ 50 stabbilit għall-inbejjed Rosalejo.

L-applikazzjoni għad-DOP Rosalejo qed issir minn applikant uniku peress li l-kundizzjonijiet għad-deroga stabbiliti fl-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huma ssodisfati. Il-persuna inkwistjoni hija l-uniku produttur fiż-żona ġeografika demarkata. Hemm biss vitikultur wieħed (li huwa wkoll il-produttur tal-inbid) fiż-żona demarkata deskritta fit-taqsima 4. Ma hemm l-ebda vitikultur jew produttur tal-inbid ieħor u għalhekk għalissa ma hemm l-ebda possibbiltà li parteċipanti oħra jissieħbu fil-proġett. Madankollu, fil-futur produtturi oħrajn jistgħu jużaw l-isem irreġistrat jekk jistabbilixxu ruħhom fiż-żona ġeografika demarkata, dment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

L-imballaġġ fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed se jiġu bbottiljati fil-kantini tal-inbid li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni peress li l-inbejjed jgħaddu mit-tieni stadju ta’ tqaddim fil-fliexken. Hemm proċess ta’ tnaqqis f’dan il-perjodu, li jtejjeb il-kwalità tal-inbejjed, billi jibbilanċja t-togħma tagħhom. Ikunu lesti għall-konsum meta jiksbu l-karatteristiċi organolettiċi stabbiliti fl-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott għal kull tip ta’ nbid.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

http://pagina.jccm.es/agricul/paginas/comercial-industrial/consejos_new/pliegos/Pliego_de_Condiciones_Rosalejo_20230829.pdf


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1053/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top