Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023XC00305

    Avviż tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE dwar ir-rapportar ta’ attivitajiet u assi ekonomiċi eliġibbli għat-Tassonomija u allinjati mat-Tassonomija (it-tieni Avviż tal-Kummissjoni)

    C/2023/6747

    ĠU C, C/2023/305, 20.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/305/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/305/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2023/305

    20.10.2023

    AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

    dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE dwar ir-rapportar ta’ attivitajiet u assi ekonomiċi eliġibbli għat-Tassonomija u allinjati mat-Tassonomija (it-tieni Avviż tal-Kummissjoni)

    (C/2023/305)

    Ir-Regolament dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli (“ir-Regolament dwar it-Tassonomija”), ħoloq sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata tal-UE ta’ attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli u impona obbligi ta’ trasparenza fuq ċerti impriżi finanzjarji u mhux finanzjarji fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet (1).

    F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat l-Att Delegat dwar il-Klima tat-Tassonomija tal-UE (2) biex timplimenta r-Regolament dwar it-Tassonomija fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-objettivi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih (imsejħa “attivitajiet allinjati mat-Tassonomija”). F’Marzu 2022, il-Kummissjoni emendat l-Att Delegat dwar il-Klima billi żiedet kriterji għal ċerti attivitajiet ġodda tal-enerġija (3).

    F’Lulju 2021, il-Kummissjoni adottat att delegat li jispeċifika l-obbligi ta’ divulgazzjoni tal-impriżi skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija fir-rigward tal-eliġibbiltà għat-Tassonomija u l-allinjament tal-attivitajiet tagħhom (“l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet”) (4).

    Il-Kummissjoni diġà ppubblikat tliet settijiet ta’ gwida dwar il-kontenut tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet, jiġifieri:

    Dokument tal-persunal tal-Kummissjoni Frequently Asked Questions (FAQs) on “What is the EU Taxonomy Article 8 delegated act and how will it work in practice?”  (5)

    Dokument tal-persunal tal-Kummissjoni “Frequently Asked Questions” (FAQs) on how financial and non-financial undertakings should report their Taxonomy-eligible economic activities and assets in accordance with the Disclosures Delegated Act  (6).

    Avviż tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet dwar ir-rapportar ta’ attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-Tassonomija (7).

    L-impriżi mhux finanzjarji se jibdew jirrapportaw l-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) tat-Tassonomija tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2023. L-għan ta’ dan l-Avviż huwa li jipprovdi gwida interpretattiva u ta’ implimentazzjoni ulterjuri lil dawn l-impriżi mhux finanzjarji fil-forma ta’ tweġibiet għal Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs) dwar ir-rapportar skont l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet. Il-Kummissjoni, meta xieraq, tista’ taġġorna dawn l-FAQs.

    L-impriżi finanzjarji se jibdew jirrapportaw il-Proporzjon ta’ Assi Ekoloġiċi (GAR)/il-Proporzjon ta’ Investimenti Ekoloġiċi (GIR) rispettiv tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2024. Maż-żmien jista’ jiġi adottat Avviż ieħor fil-forma ta’ tweġibiet għall-FAQs dwar ir-rapportar minn impriżi finanzjarji skont l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet.

    L-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet jirrikjedi li l-impriża finanzjarja tuża l-KPIs iddivulgati mill-kontropartijiet tagħha (eż. impriżi mhux finanzjarji) meta tikkalkula l-GAR/GIR tagħha. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà tas-servizzi finanzjarji (SFDR) (8), jirrikjedi li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jużaw il-KPIs iddivulgati mid-destinatarji ta’ investiment għall-valutazzjoni tal-livell ta’ prestazzjoni ambjentali tal-prodotti finanzjarji kkummerċjalizzati.

    Dan l-Avviż huwa ppubblikat flimkien ma’ avviż ieħor tal-Kummissjoni fil-forma ta’ tweġibiet għall-FAQs dwar il-kriterji tekniċi ta’ skrinjar għall-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija stabbiliti fl-Att Delegat dwar il-Klima (l-avviż tal-Kummissjoni dwar l-Att Delegat dwar il-Klima (9)).

    It-tweġibiet għall-FAQs ipprovduti f’dan l-Avviż jiċċaraw id-dispożizzjonijiet li diġà jinsabu fil-leġiżlazzjoni applikabbli. Dawn l-FAQs bl-ebda mod ma jestendu d-drittijiet u l-obbligi li joriġinaw minn din il-leġiżlazzjoni u lanqas ma jintroduċu rekwiżiti addizzjonali għall-operaturi kkonċernati u l-awtoritajiet kompetenti. It-tweġibiet għall-FAQs huma sempliċiment maħsuba biex jgħinu lill-impriżi mhux finanzjarji fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss hija kompetenti biex tinterpreta b’mod awtorevoli d-dritt tal-Unjoni. Il-fehmiet espressi f’dan l-Avviż ma jistgħux jippreġudikaw il-pożizzjoni li tista’ tieħu l-Kummissjoni Ewropea quddiem il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

    Werrej

    Glossarju tat-termini rilevanti u tal-leġiżlazzjoni applikabbli 5

    TAQSIMA I -

    FAQS ĠENERALI 7

    1.

    X’inhi l-iskeda ta’ żmien prevista għall-applikazzjoni tad-divulgazzjonijiet relatati mat-Tassonomija stabbilita fl-Att Delegat Komplementari (CDA)? 7

    2.

    X’inhu l-approċċ previst għar-rapportar relatat mat-Tassonomija fir-rigward tal-objettivi ambjentali? 7

    3.

    X’inhu l-impatt tas-CSRD fuq l-ambitu tal-entitajiet tar-rapportar skont l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet? 8

    4.

    Meta u kif għandhom jiġu vverifikati d-divulgazzjonijiet tat-Tassonomija minn rieżaminaturi esterni? Dan kif se jinbidel bl-applikazzjoni tas-CSRD? 9

    5.

    L-impriżi stabbiliti fil-pajjiżi taż-ŻEE huma obbligati jirrapportaw l-allinjament mat-Tassonomija tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom? 9

    6.

    L-entitajiet kif jistgħu jiżguraw li r-rapportar volontarju tagħhom tal-allinjament mat-Tassonomija tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom ma jmurx kontra jew ma jirrappreżentax ħażin id-divulgazzjonijiet obbligatorji stabbiliti fl-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet? 9

    7.

    L-impriżi ta’ rapportar kif huma mistennija jiddivulgaw informazzjoni komparattiva fid-divulgazzjonijiet skont l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet? 10

    8.

    L-impriżi ta’ rapportar kif għandhom jindirizzaw “għadd doppju” fil-kuntest tal-attivitajiet tan-negozju li jikkontribwixxu għal objettivi ambjentali multipli? 10
    Kontribut għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (CCM) u l-adattament għat-tibdil fil-klima (CCA) 10
    Għal attivitajiet li jikkontribwixxu sostanzjalment għas-CCM, it-trattament tan-nefqa kapitali biex jiġu ssodisfati l-kriterji tad-DNSH għal objettivi ambjentali mhux klimatiċi 11
    It-trattament ta’ attività li tagħti kontribut sostanzjali għal diversi objettivi ambjentali (minbarra s-CCM u s-CCA biss) 12

    9.

    X’għandu jkun il-livell ta’ konsolidazzjoni tal-KPIs ta’ impriża omm fir-rigward (i) tas-sussidjarji tagħha ta’ pajjiżi terzi u (ii) tal-attivitajiet/l-assi tagħha f’pajjiżi terzi, jew dawk tas-sussidjarji tagħha tal-UE? Fejn għandhom jiġu ddivulgati l-KPIs? 12

    10.

    X’inhu l-livell ta’ konsolidazzjoni tal-KPIs ta’ gruppi mhux tal-UE b’sussidjarja ta’ NFRD fl-UE? 13

    11.

    Sussidjarja li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-NFRD/is-CSRD tista’ tiġi eżentata milli tagħmel divulgazzjonijiet relatati mat-Tassonomija jekk l-impriża omm tagħha tiddivulga informazzjoni relatata mat-tassonomija f’livell konsolidat meta meħtieġ jew fuq bażi volontarja? 13

    12.

    Meta impriża ta’ rapportar tkun meħtieġa tipprovdi KPIs konsolidati, hija għandha tipprovdi wkoll KPIs tas-sussidjarji tagħha? 14

    13.

    Hemm xi limitu minimu ta’ fatturat, ta’ nefqa kapitali u ta’ nefqa operatorja li taħtu l-impriżi ma humiex obbligati jirrapportaw l-eliġibbiltà għat-Tassonomija jew l-allinjament tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (“limiti ta’ materjalità”)? 14

    14.

    Kif għandhom jiġu ttrattati l-fatturat, in-nefqa kapitali, in-nefqa operatorja tal-impriżi konġunti għar-rapportar tal-KPIs relatati mat-Tassonomija? 15

    15.

    L-impriżi ta’ rapportar kif għandhom iqisu l-istrumenti għall-iħħeġġjar (inkluż il-bejgħ bil-quddiem tal-enerġija)? 15

    16.

    Kif għandhom jiġu aġġustati l-KPIs minn impriżi mhux finanzjarji biex jitqiesu l-bonds ambjentalment sostenibbli li jkunu ħarġu bil-għan li jiġi evitat “għadd doppju”? Kif għandhom jiġu ttrattati bonds/titoli ta’ dejn ambjentalment sostenibbli u l-kwistjonijiet ta’ għadd doppju marbuta? 15

    17.

    Impriża ta’ rapportar kif għandha tittratta l-fatturat u n-nefqa kapitali mill-gruppi ta’ disponiment u l-operazzjonijiet li ma tkomplewx u fil-kuntest tal-IFRS 5? 16

    18.

    L-impriżi ta’ rapportar kif għandhom jivvalutaw l-eliġibbiltà għat-Tassonomija tal-attivitajiet ekonomiċi għall-adattament għat-tibdil fil-klima (CCA) skont l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija? 16

    19.

    X’inhu s-sehem allinjat mat-Tassonomija tal-fatturat u n-nefqa kapitali/in-nefqa operatorja korrispondenti mill-attivitajiet elenkati fl-Anness II tal-Att Delegat dwar il-Klima? 17

    TAQSIMA II -

    MISTOQSIJIET FREKWENTI DWAR IL-KPI TAL-FATTURAT 18

    20.

    Impriża meta għandha tkun meħtieġa tirrapporta, skont l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet, attività ekonomika li ma tkunx twettqet mill-entità relatriċi nnifisha iżda minn sottokuntrattur? 18

    21.

    L-impriżi ta’ rapportar kif għandhom jiddivulgaw il-fatturat minn attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija li l-output tagħhom jintuża jew jiġi kkunsmat internament? 19

    22.

    L-impriżi ta’ rapportar kif għandhom jallokaw il-fatturat għal attivitajiet ekonomiċi li jipprovdu servizzi jew prodotti multipli lill-klijenti? 19

    TAQSIMA III -

    MISTOQSIJIET FREKWENTI DWAR IL-KPI TAN-NEFQA KAPITALI 19

    23.

    L-impriżi ta’ rapportar kif għandhom jittrattaw il-finanzjament pubbliku u s-sussidji riċevuti biex jiffinanzjaw in-nefqa kapitali tagħhom? 19

    24.

    F’liema żmien jibda l-perjodu ta’ 5 sa 10 snin tal-pjan tan-nefqa kapitali għal impriżi mhux finanzjarji għall-finijiet tar-rapportar? Dan il-perjodu ta’ żmien japplika kemm għal pjan għall-espansjoni ta’ attività ekonomika allinjata mat-Tassonomija kif ukoll għall-aġġornament ta’ attività ekonomika eliġibbli għat-Tassonomija f’attività ekonomika allinjata mat-Tassonomija? 20

    25.

    X’inhu l-bidu tal-perjodu ta’ 18-il xahar għat-tlestija tal-miżuri individwali msemmija fl-Anness I, it-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punt (c)? 20

    26.

    Kemm għandu jkun komprensiv u preċiż pjan tan-nefqa kapitali biex jingħadd fin-numeratur tal-KPI tan-nefqa kapitali? L-espansjoni ta’ attività ekonomika eżistenti allinjata mat-Tassonomija fl-istess faċilità tkun tgħodd bħala nefqa kapitali taħt l-Anness I, it-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) jew (b)? 20

    27.

    Kif għandu jiġi ppreżentat il-valur allinjat mat-Tassonomija tan-nefqa kapitali fuq l-Anness I, it-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (b) u (c)? 20

    28.

    X’inhu l-ambitu tan-nefqa kapitali u tan-nefqa operatorja msemmija fit-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), u fl-Anness I, it-Taqsima 1.1.3.2, jiġifieri x-xiri ta’ output allinjat mat-Tassonomija u ta’ miżuri individwali? 21

    29.

    Kif għandhom jiġu ddivulgati n-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja integrati fil-ktajjen tal-valur fis-sitwazzjoni li fiha l-impriża ta’ rapportar tkun qed twettaq kemm l-attività ekonomika upstream kif ukoll dik downstream eliġibbli għat-Tassonomija? 21

    30.

    Kif għandha tiġi vvalutata n-nefqa kapitali fir-rigward tal-allinjament mat-Tassonomija jekk l-assi li n-nefqa kapitali qed tiffinanzja jista’ jintuża għal diversi proġetti? 21

    31.

    Il-prepagamenti jistgħu jingħaddu bħala parti min-nefqa kapitali allinjata mat-Tassonomija? 22

    TAQSIMA IV -

    MISTOQSIJIET FREKWENTI DWAR IL-KPI TAN-NEFQA OPERATORJA 22

    32.

    Kif għandhom jitqiesu r-riċerka u l-iżvilupp fin-numeratur tal-KPI tan-nefqa operatorja fejn ma jistgħux ikunu marbuta ma’ attivitajiet speċifiċi? 22

    33.

    Kif għandhom jinftiehmu u jiġu ttrattati l-kategoriji ta’ nefqa operatorja msemmija fl-Anness I, it-Taqsima 1.1.3.2(1)(a) sa (c) (Numeratur tan-Nefqa Operatorja) fin-numeratur u fid-denominatur tal-KPI tan-nefqa operatorja? 22

    34.

    Għal liema elementi tad-definizzjoni tad-denominatur tal-KPI tan-nefqa operatorja jirreferi l-kunċett ta’ “manutenzjoni u t-tiswija, u kwalunkwe nefqa diretta oħra relatata mas-servizzjar ta’ kuljum ta’ proprjetà, impjanti u tagħmir taħt l-Anness I, it-Taqsima 1.1.3.1? 22

    Glossarju tat-termini rilevanti u tal-leġiżlazzjoni applikabbli

    Regolament

    Referenza

    Id-Direttiva dwar il-Kontabilità

    Id-Direttiva 2013/34/UE (10)

    Anness I

    L-Anness I tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet

    Anness II

    L-Anness II tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet

    CapEx

    Nefqa kapitali

    KPI tan-nefqa kapitali

    Indikatur ewlieni tal-prestazzjoni relatat man-nefqa kapitali msemmi fit-Taqsima 1.1.2. tal-Anness I

    Att Delegat Komplementari (CDA)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1214 (11)

    CSRD

    Direttiva fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (12)

    Adattament għat-tibdil fil-klima (CCA)

    Adattament għat-tibdil fil-klima (CCA) imsemmi fl-Artikolu 9(b) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

    Mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (CCM)

    Il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (CCM) imsemmija fl-Artikolu 9, il-punt (a), tar-Regolament dwar it-Tassonomija

    Att Delegat dwar il-Klima (DA)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 (13)

    Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 (14)

    DNSH

    La tagħmilx ħsara sinifikanti

    Attivitajiet ta’ faċilitazzjoni

    L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament dwar it-Tassonomija

    L-Ewwel Avviż tal-Kummissjoni

    L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE dwar ir-rapportar ta’ attivitajiet u assi ekonomiċi eliġibbli (15)

    L-ewwel dokument tal-persunal tal-Kummissjoni

    Dokument tal-persunal tal-Kummissjoni FAQs: What is the EU Taxonomy Article 8 delegated act and how will it work in practice?  (16)

    IAS

    Standards Internazzjonali tal-Kontabilità

    IFRS

    Standards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju

    Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs)

    Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) tal-impriżi mhux finanzjarji msemmija fl-Anness I

    Objettivi ambjentali mhux klimatiċi

    L-objettivi ambjentali msemmija fl-Artikolu 9, il-punti (c), (d), (e) u (f), tar-Regolament dwar it-Tassonomija (użu sostenibbli u protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar; it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis; protezzjoni u restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi)

    Direttiva dwar ir-Rapportar Mhux Finanzjarju (NFRD)

    Id-Direttiva 2014/95/UE (17)

    OpEx

    Nefqa operazzjonali

    KPI tan-nefqa operatorja

    L-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni relatat man-nefqa operazzjonali msemmija fit-Taqsima 1.1.3. tal-Anness I

    Impriża ta’ rapportar

    Impriża mhux finanzjarja soġġetta għal obbligu ta’ rapportar f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

    It-tieni dokument tal-persunal tal-Kummissjoni

    Dokument tal-persunal tal-Kummissjoni FAQs: How should financial and non-financial undertakings report Taxonomy-eligible economic activities and assets in accordance with the Taxonomy Regulation Article 8 Disclosures Delegated Act?  (18)

    Kontribut sostanzjali

    Kontribut sostanzjali għal wieħed jew aktar mill-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 9 f’konformità mal-Artikoli 10 sa 16 tar-Regolament dwar it-Tassonomija

    Regolament dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà tas-servizzi finanzjarji (SFDR)

    Regolament (UE) 2019/2088 (19)

    Attività ekonomika allinjata mat-Tassonomija

    Attività ekonomika definita fl-Artikolu 1, il-punt (2), tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet

    Attività ekonomika eliġibbli għat-Tassonomija

    Attività ekonomika definita fl-Artikolu 1(5) tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet

    Attività ekonomika mhux eliġibbli għat-Tassonomija

    Attività ekonomika definita fl-Artikolu 1, il-punt (6), tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet

    Regolament dwar it-Tassonomija (TR)

    Regolament (UE) 2020/852 (20)

    TSC

    Kriterji ta’ skrinjar tekniku

    Attivitajiet ta’ Tranżizzjoni

    L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija

    KPI tal-Fatturat

    L-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni relatat mal-fatturat imsemmi fl-Anness I, it-Taqsima 1.1.1.

    TAQSIMA I

    FAQS ĠENERALI

    1.   X’inhi l-iskeda ta’ żmien prevista għall-applikazzjoni tad-divulgazzjonijiet relatati mat-Tassonomija stabbilita fl-Att Delegat Komplementari (CDA) (21) ?

    Is-CDA jemenda:

    l-Att Delegat dwar il-Klima (DA) billi jżid attivitajiet ekonomiċi speċifiċi ġodda relatati mal-enerġija nukleari u mal-gass fossili mat-Tassonomija tal-UE, u

    l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet billi jipprovdi obbligi speċifiċi ta’ divulgazzjoni relatati ma’ dawk l-attivitajiet fl-Artikolu 8(6), (7) u (8) il-ġdid ta’ dak l-Att Delegat.

    L-Artikolu 3 tas-CDA jipprevedi li l-emendi li jinsabu fih jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023. Dan jimplika li l-impriżi mhux finanzjarji għandhom jiddivulgaw l-eliġibbiltà, in-nuqqas ta’ eliġibbiltà, u l-allinjament tal-attivitajiet relatati mal-enerġija nukleari u mal-gass fossili f’konformità mal-Artikolu 8(6), (7) u (8) tal-Att Delegat emendat dwar id-Divulgazzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2023  (22). L-ewwel perjodu ta’ rapportar jikkonċerna s-sena (finanzjarja) tal-2022 f’konformità mal-Artikolu 8(2) tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet.

    2.   X’inhu l-approċċ previst għar-rapportar relatat mat-Tassonomija fir-rigward tal-objettivi ambjentali?

    Fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż, il-Kummissjoni ma adottatx regolament delegat f’konformità mal-Artikolu 12(2), mal-Artikolu 13(2), mal-Artikolu 14(2) jew mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija li jistabbilixxi t-TSC għal attivitajiet ekonomiċi relatati ma’ objettivi ambjentali mhux klimatiċi.

    Skont l-Artikolu 27(2)(b) b’rabta mal-Artikoli 4 sa 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, id-divulgazzjonijiet tal-impriżi ta’ rapportar relatati mal-objettivi ambjentali mhux klimatiċi għandhom fil-prinċipju japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023. L-impriżi ta’ rapportar ma jistgħux japplikaw dawk id-divulgazzjonijiet dwar l-allinjament mat-Tassonomija u l-eliġibbiltà għat-Tassonomija fin-nuqqas ta’ regolament delegat li jistabbilixxi dawk it-TSC. Dan għaliex:

    L-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija huma ddefiniti b’referenza għall-konformità, fost l-oħrajn, ma’ dawk il-kriterji li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 10(3), mal-Artikolu 11(3), mal-Artikolu 12(2), mal-Artikolu 13(2), mal-Artikolu 14(2) jew mal-Artikolu 15(2) kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (d), tar-Regolament dwar it-Tassonomija, u

    L-attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-Tassonomija huma definiti mid-deskrizzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi fl-atti delegati adottati skont l-Artikoli msemmija hawn fuq.

    Dan jimplika li jistgħu jiġu kkunsidrati, ivvalutati u ddivulgati biss l-eliġibbiltà u l-allinjament mat-Tassonomija tal-attivitajiet ekonomiċi mal-objettivi klimatiċi (is-CCM u s-CCA) skont l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet qabel ma jsir applikabbli regolament delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 12(2), mal-Artikolu 13(2), mal-Artikolu 14(2) jew mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

    Għalhekk, ir-rapportar tal-eliġibbiltà u l-allinjament minn impriżi mhux finanzjarji għall-erba’ objettivi ambjentali li jifdal ma huwiex mistenni li jiġi rrapportat fl-2023.

    3.   X’inhu l-impatt tas-CSRD fuq l-ambitu tal-entitajiet tar-rapportar skont l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet?

    F’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, huma biss l-impriżi li huma soġġetti għal obbligu li jippubblikaw informazzjoni mhux finanzjarja skont l-Artikolu 19a jew l-Artikolu 29(a) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità (dispożizzjonijiet introdotti mid-Direttiva dwar ir-Rapportar Mhux Finanzjarju (NFRD)) li huma meħtieġa jirrapportaw l-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) tagħhom skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija u l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet (23).

    L-Artikolu 19a jew l-Artikolu 29a tad-Direttiva dwar il-Kontabilità ġew emendati mis-CSRD. Wara d-dħul fis-seħħ tas-CSRD, l-impriżi soġġetti għall-obbligu ta’ rapportar skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija u l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet se jkunu kif ġej (24):

    (i)

    Għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara (bl-ewwel pubblikazzjoni fl-2025):

    impriżi kbar kif definiti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità (“impriżi kbar”) li huma Entitajiet ta’ Interess Pubbliku (“PIEs”) kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (1), ta’ dik id-Direttiva, li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom jaqbżu l-għadd medju ta’ 500 impjegat matul is-sena finanzjarja;

    Il-PIEs li huma impriżi omm ta’ grupp kbir kif definit fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità (“grupp kbir”), li fid-dati tal-karta bilanċjali tagħhom, fuq bażi konsolidata, jaqbżu l-għadd medju ta’ 500 impjegat matul is-sena finanzjarja.

    (ii)

    Għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2025 jew wara (bl-ewwel pubblikazzjoni fl-2026):

    impriżi kbar u impriżi omm ta’ grupp kbir, minbarra dawk imsemmija fil-punt (i) hawn fuq.

    (iii)

    Għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2026 jew wara (bl-ewwel pubblikazzjoni fl-2027):

    intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif definiti fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, esklużi l-mikroimpriżi kif definiti fl-Artikolu 3(1) ta’ dik id-Direttiva, b’titoli ammessi għall-kummerċ fis-swieq regolati tal-UE (“SMEs elenkati fil-Borża esklużi l-mikroimpriżi”);

    istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi, kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (145), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (25), dment li jkunu impriżi kbar jew li jkunu SMEs elenkati fil-Borża esklużi l-mikroimpriżi;

    impriżi tal-assigurazzjoni kaptivi kif definiti fl-Artikolu 13, il-punt (2), tad-Direttiva 2009/138/KE (26), u impriżi tar-riassigurazzjoni kaptivi kif definiti fl-Artikolu 13, il-punt (5), ta’ dik id-Direttiva, dment li jkunu impriżi kbar jew li jkunu SMEs elenkati fil-Borża esklużi l-mikroimpriżi.

    l-istess approċċ gradwali deskritt hawn fuq se japplika għall-impriżi ta’ pajjiżi terzi b’titoli elenkati fis-swieq regolati tal-UE, minħabba l-fatt li s-CSRD emendat ukoll id-Direttiva 2004/109/KE (id-Direttiva dwar it-Trasparenza) (27).

    4.   Meta u kif għandhom jiġu vverifikati d-divulgazzjonijiet tat-Tassonomija minn rieżaminaturi esterni? Dan kif se jinbidel bl-applikazzjoni tas-CSRD?

    Bħalissa, ir-regoli tad-Direttiva dwar il-Kontabilità dwar il-verifika stabbiliti fl-Artikoli 19a u 29a ta’ dik id-Direttiva japplikaw għad-divulgazzjonijiet tat-Tassonomija (28). Awditur statutorju jew ditta tal-awditjar għandha tivverifika, f’konformità mar-regoli nazzjonali li jittrasponu l-NFRD, jekk tkunx ġiet ipprovduta d-dikjarazzjoni mhux finanzjarja jew ir-rapport separat imsemmi fl-Artikolu 19a(4) jew l-Artikolu 29(a)(4) tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, bid-divulgazzjonijiet tat-Tassonomija. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tirrikjedi li din l-informazzjoni tiġi vverifikata minn fornitur indipendenti tas-servizzi tal-assigurazzjoni.

    Wara li s-CSRD issir applikabbli għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2024 jew wara, skont l-iskeda ta’ żmien gradwali indikata fil-mistoqsija 3, ir-regoli tagħha dwar l-assigurazzjoni li jappartjenu għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà skont is-CSRD japplikaw bl-istess mod għall-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet.

    Skont is-CSRD (29), l-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar (jew il-fornitur indipendenti tas-servizzi tal-assigurazzjoni, meta permess mill-Istat Membru kkonċernat) għandha tesprimi opinjoni bbażata fuq impenn ta’ assigurazzjoni limitat rigward il-konformità tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà mar-rekwiżiti tas-CSRD, inkluż, il-konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar tal-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija.

    Barra minn hekk, l-Att Delegat dwar il-Klima jirrikjedi speċifikament li għal xi attivitajiet il-konformità mat-TSC għandha tiġi vverifikata minn parti terza indipendenti minħabba l-kumplessità tagħhom. Pereżempju, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) kwantifikati tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal diversi attivitajiet ekonomiċi għandhom jiġu vverifikati minn parti terza indipendenti (30).

    5.   L-impriżi stabbiliti fil-pajjiżi taż-ŻEE huma obbligati jirrapportaw l-allinjament mat-Tassonomija tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom?

    Il-moviment liberu tal-prodotti, tas-servizzi, tal-kapital u tal-persuni huwa żgurat fis-Suq Uniku. Iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) hija żona ta’ kummerċ ħieles u moviment liberu tal-persuni magħmula mill-Istati Membri tal-UE, min-Norveġja, mill-Iżlanda u mil-Liechtenstein. Fil-prinċipju, fiż-ŻEE kollha, jiġu applikati l-istess regoli biex jinżamm suq omoġenu. Għalhekk, fil-każ ta’ rapportar tat-Tassonomija, għandhom japplikaw l-istess rekwiżiti, soġġett għall-inkorporazzjoni tar-regoli fl-acquis taż-ŻEE.

    6.   L-entitajiet kif jistgħu jiżguraw li r-rapportar volontarju tagħhom tal-allinjament mat-Tassonomija tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom ma jmurx kontra jew ma jirrappreżentax ħażin id-divulgazzjonijiet obbligatorji stabbiliti fl-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet?

    Ir-rapportar volontarju (31) tal-allinjament mat-Tassonomija mill-entitajiet huwa espressjoni ġenerika li tista’ tidentifika sitwazzjonijiet possibbli differenti, inkluż iżda mhux limitat għal:

    rapportar antiċipat tal-allinjament mat-Tassonomija minn entitajiet li għadhom ma humiex soġġetti għal rapportar obbligatorju dwar l-allinjament mat-Tassonomija, iżda huma soġġetti biss għar-rapportar dwar l-eliġibbiltà għat-Tassonomija (eż. ir-rapportar tal-allinjament mat-Tassonomija qabel l-iskeda ta’ żmien prevista fl-Artikolu 10 tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet);

    rapportar minn entitajiet mhux soġġetti għal xi rekwiżit obbligatorju ta’ rapportar tat-Tassonomija skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, li huwa rapportar minn entità mhux soġġetta għall-obbligu li tippubblika informazzjoni mhux finanzjarja skont l-NFRD/CSRD.

    L-entitajiet tar-rapportar li huma soġġetti għall-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija għandhom jiċċaraw f’dawn il-każijiet kollha l-bażi tat-tħejjija tar-rapportar volontarju, inkluż li r-rapportar antiċipat jikkonforma b’mod ieħor mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet (32).

    L-entitajiet relaturi li ma humiex soġġetti għall-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija, huma rrakkomandati li jsegwu l-istess approċċ bħal dawk soġġetti għall-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija (kif huwa stabbilit hawn fuq).

    Meta impriża tagħmel pubblikament disponibbli dan ir-rapportar volontarju flimkien mar-rapportar obbligatorju, għandu jiġi ċċarat kif it-tnejn ivarjaw. Kif huwa indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija 7 tal-ewwel Avviż tal-Kummissjoni, ir-rapportar volontarju ma għandux jingħata aktar prominenza mir-rapportar obbligatorju u għandu jitħejja fuq bażi li ma tmurx kontra jew ma tirrappreżentax ħażin l-informazzjoni obbligatorja skont l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet (33).

    Meta l-entitajiet jagħmlu referenza fir-rapportar obbligatorju tagħhom għal informazzjoni mir-rapportar volontarju dwar l-allinjament mat-Tassonomija, huma għandhom, meta disponibbli, jindikaw ukoll l-informazzjoni kwalitattiva u/jew kwantitattiva korrispondenti relatata mar-rapportar obbligatorju.

    Fil-pubblikazzjoni tar-rapportar volontarju dwar it-Tassonomija, l-entitajiet għandhom iqisu wkoll il-kontenut tal-Linji Gwida tal-ESMA dwar Miżuri ta’ Prestazzjoni Alternattivi (APM) (34) u l-mistoqsijiet u t-tweġibiet relatati (35).

    7.   L-impriżi ta’ rapportar kif huma mistennija jiddivulgaw informazzjoni komparattiva fid-divulgazzjonijiet skont l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet?

    F’konformità mal-Artikolu 8(3) tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet, fis-sena N, l-impriża ta’ rapportar jeħtiġilha tiddivulga l-KPIs ippubblikati f’dik is-sena N u l-KPIs ippubblikati fis-sena N-1. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni jiċċara li N-1, li għaliha l-ewwel KPIs jiġu ppubblikati minn impriżi mhux finanzjarji, tibda bis-sena 2023.

    F’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet, fl-2023, l-impriżi mhux finanzjarji ta’ rapportar jeħtiġilhom jiddivulgaw l-ewwel KPIs biss, jiġifieri l-KPIs relatati mal-perjodu ta’ rapportar 2022.

    Fl-2024, l-impriżi mhux finanzjarji ta’ rapportar jeħtiġilhom jiddivulgaw il-KPIs għall-perjodu ta’ rapportar 2023 u, bħala informazzjoni komparattiva, il-KPIs ippubblikati fl-2023 għall-perjodu ta’ rapportar 2022.

    Fl-2024, l-impriża finanzjarja ta’ rapportar jeħtiġilha tiddivulga l-KPIs għall-perjodu ta’ rapportar 2023 mingħajr informazzjoni komparattiva. Fl-2025, l-impriża finanzjarja u mhux finanzjarja ta’ rapportar jeħtiġilha tippubblika l-KPIs għall-perjodu ta’ rapportar 2024 flimkien mal-KPIs komparattivi tas-sena preċedenti, jiġifieri l-KPIs ippubblikati fl-2024 għall-perjodu ta’ rapportar 2023 eċċ.

    8.   L-impriżi ta’ rapportar kif għandhom jindirizzaw “għadd doppju” fil-kuntest tal-attivitajiet tan-negozju li jikkontribwixxu għal objettivi ambjentali multipli?

    Kontribut għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (CCM) u l-adattament għat-tibdil fil-klima (CCA)

    Qabel ma t-TSC għall-kontribut sostanzjali tal-attivitajiet għall-objettivi ambjentali mhux klimatiċi jiġu stabbiliti minn atti delegati futuri, jista’ jiġi vvalutat u ddivulgat l-allinjament mat-tassonomija biss ta’ objettivi relatati mal-klima (CCM u CCA).

    Il-kontribut ta’ attività partikolari għas-CCM jew għas-CCA għandu jiġi vvalutat abbażi tan-natura ta’ dik l-attività.

    Fir-rigward tal-KPI tan-nefqa kapitali, u kif imsemmi fl-aħħar paragrafu tal-Anness I, it-Taqsima 1.1.2.2, tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet, in-natura u l-ambitu tan-nefqa kapitali f’attività li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għas-CCM jistgħu f’xi każijiet jiġu differenzjati – u għalhekk faċli li ssir distinzjoni bejniethom – min-nefqa kapitali li tagħmel dik l-attività adattata għat-tibdil fil-klima. Dan jista’ jkun il-każ f’sitwazzjonijiet li fihom is-soluzzjoni ta’ adattament tkun esterna għall-assi allinjat mas-CCM (jiġifieri miżura/proġett identifikabbli u implimentat separatament) jew meta soluzzjoni tkun speċifikata fil-pjan ta’ adattament tal-attività/assi eżistenti. Pereżempju, in-nefqa kapitali biex jinbena park eoliku fuq l-art li jinsab qrib ix-xatt tal-baħar, li għandha tiġi vvalutata għas-CCM, għandha tiġi distinta min-nefqa kapitali biex dan il-park eoliku jiġi protett minn żidiet fil-livell tal-baħar jew minn erożjoni tax-xatt tal-baħar, li għandha tiġi vvalutata għas-CCA.

    Min-naħa l-oħra, meta s-soluzzjoni ta’ adattament tkun parti inerenti mid-disinn tal-assi l-ġdid li huwa nnifsu allinjat mas-CCM (36), jista’ jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn in-nefqa kapitali relatata mas-CCA u n-nefqa kapitali relatata mas-CCM. F’dak il-każ, in-nefqa kapitali taħt is-CCM tista’ tkopri wkoll in-nefqa kapitali fuq is-soluzzjoni ta’ adattament inerenti. Pereżempju, park eoliku ġdid lil hinn mill-kosta jeħtieġ li jkun iddisinjat biex ikun reżiljenti għall-impatti taż-żieda fil-livell tal-baħar (jiġifieri biex jissodisfa d-DNSH għas-CCA) sabiex ikun allinjat mas-CCM. Jista’ jkun diffiċli għall-operatur li jkollu għarfien dwar in-nefqa kapitali komparattiva ta’ park eoliku lil hinn mill-kosta li ma jkunx adattat għaż-żieda fil-livell tal-baħar. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, in-nefqa kapitali għandha tiġi rrapportata taħt l-objettiv tas-CCM biss.

    Fir-rigward tal-KPI tal-fatturat, f’konformità mal-Anness I, it-Taqsima 1.1.1, it-tieni paragrafu, tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet, id-dħul iġġenerat minn attività li hija adattata għat-tibdil fil-klima ma jistax jiġi kkalkolat fin-numeratur tal-KPI tal-fatturat tal-impriża ħlief jekk dik l-attività:

    tkun attività li tippermetti s-CCA (37), jew;

    tkun allinjata mas-CCM jew ma’ kwalunkwe objettiv ambjentali mhux klimatiku.

    Għalhekk, il-fatturat iġġenerat minn park eoliku fuq l-art li jkun adattat għat-tibdil fil-klima jista’ jingħadd biss fil-KPI tal-fatturat tal-impriża meta dak il-park eoliku jkun allinjat mat-Tassonomija fir-rigward tas-CCM u għandu jiġi rrapportat taħt l-objettiv tas-CCM. Il-KPI tal-fatturat għall-adattament ma jiġix irrapportat għal attivitajiet li huma adattati biss.

    Għal attivitajiet adattati li jippermettu kontribut sostanzjali għas-CCA, l-impriża tista’ tgħodd dak il-fatturat rispettiv fin-numeratur tal-KPI tal-fatturat taħt l-objettiv tas-CCA (il-kolonna 6) b’tikketta E (il-kolonna 20). Meta attività bħal din tikkontribwixxi wkoll b’mod sostanzjali għas-CCM (eż. it-tisġir), l-impriża tista’ tgħodd dak il-fatturat rispettiv fin-numeratur tal-KPI tal-fatturat taħt l-objettiv tas-CCM (il-kolonna 5) (38). Pereżempju, impriża mhux finanzjarja tista’ tirrapporta l-fatturat minn attività ta’ tisġir f’post suxxettibbli għal riskju ta’ nixfiet b’siġar adattati għall-klima (eż. siġar reżistenti għan-nixfa) taħt l-objettiv tas-CCM (il-kolonna 5) u tirrapporta l-fatturat mill-bejgħ ta’ żrieragħ u nebbieta reżistenti għan-nixfa taħt l-objettiv tas-CCA (il-kolonna 6). L-impriża għandha tapplika approċċ simili għan-nefqa operatorja u tirrapporta n-nefqa operatorja relatata mat-tisġir taħt l-objettiv tas-CCM u n-nefqa operatorja relatata mal-bejgħ ta’ żrieragħ u nebbieta adattati taħt l-objettiv tas-CCA.

    Għal attivitajiet li jikkontribwixxu sostanzjalment għas-CCM, it-trattament tan-nefqa kapitali  (39) biex jiġu ssodisfati l-kriterji tad-DNSH għal objettivi ambjentali mhux klimatiċi

    Għal attivitajiet li jikkontribwixxu sostanzjalment għas-CCM, l-impriżi ta’ rapportar jistgħu jġarrbu nefqa kapitali biex jissodisfaw il-kriterji tad-DNSH għal objettivi ambjentali mhux klimatiċi. Pereżempju, manifattur tal-karozzi, li jkun qed jopera fabbrika li tipproduċi vetturi elettriċi (40) li jissodisfaw kriterji ta’ kontribut sostanzjali (SC) għas-CCM, jista’ jkollu bżonn iġarrab nefqa kapitali biex jissodisfa l-kriterji tad-DNSH għall-objettivi ta’ ekonomija ċirkolari jew ta’ prevenzjoni tat-tniġġis sabiex il-produzzjoni ta’ dawk il-vetturi ssir allinjata mat-Tassonomija. Dik in-nefqa kapitali ma għandhiex tiġi rrapportata taħt dawk l-objettivi ambjentali (il-kolonna 8 jew 9 tal-mudell fl-Anness II) minħabba li, għal dawk l-objettivi, l-attività tissodisfa biss il-livell ta’ prestazzjoni tad-DNSH u l-ebda TSC għal kontribut sostanzjali għadha ma ġiet stabbilita għal dawk l-objettivi (41). Minflok, dik in-nefqa kapitali għandha tiġi rrapportata taħt l-objettiv tas-CCM (il-kolonna 5 tal-mudell fl-Anness II), minħabba li tiġġarrab fil-kuntest li attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għas-CCM issir attività allinjata mat-Tassonomija billi jiġu ssodisfati l-kriterji tad-DNSH għal objettivi oħra.

    It-trattament ta’ attività li tagħti kontribut sostanzjali għal diversi objettivi ambjentali (minbarra s-CCM u s-CCA biss)

    Wara li t-TSC għall-attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali jiġu stabbiliti f’att delegat futur, xi attivitajiet ekonomiċi għandhom imnejn ikunu jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għal diversi objettivi ambjentali, minbarra għas-CCM u għas-CCA biss.

    Ir-rapportar ta’ attivitajiet bħal dawn skont l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet, b’mod partikolari skont l-Anness I, it-Taqsima 1.2.2.2., jista’ jiġi ċċarat aktar ladarba jiġu stabbiliti t-TSC rilevanti.

    9.   X’għandu jkun il-livell ta’ konsolidazzjoni tal-KPIs ta’ impriża omm fir-rigward (i) tas-sussidjarji tagħha ta’ pajjiżi terzi u (ii) tal-attivitajiet/l-assi tagħha f’pajjiżi terzi, jew dawk tas-sussidjarji tagħha tal-UE? Fejn għandhom jiġu ddivulgati l-KPIs?

    F’konformità mal-Anness I, il-punt 2(f), il-KPIs tal-impriżi għandhom jiġu pprovduti fil-livell tal-impriża individwali meta dik l-impriża tħejji biss rapporti mhux finanzjarji individwali, jew fil-livell tal-grupp meta l-impriża tħejji rapporti mhux finanzjarji konsolidati.

    L-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà jiddeterminaw jekk l-impriżi ta’ rapportar għandhomx iħejju rapport mhux finanzjarju individwali jew konsolidat, li għandu jinkludi d-divulgazzjonijiet tat-Tassonomija (42). Impriża ta’ rapportar għandha tħejji rapport mhux finanzjarju individwali sakemm l-impriża omm tagħha ma tħejjix rapport mhux finanzjarju fil-livell konsolidat li jinkludi dik l-impriża. Impriża omm għandha tħejji rapport mhux finanzjarju konsolidat sakemm il-kumpanija omm tagħha ma tkunx tinkludi dik l-impriża omm u s-sussidjarji tagħha f’rapport mhux finanzjarju konsolidat.

    Għalhekk, għall-finijiet tal-forniment ta’ KPIs konsolidati, l-entitajiet omm għandhom jikkonsolidaw:

    is-sussidjarji kollha tagħhom, inklużi s-sussidjarji ta’ pajjiżi terzi, skont il-Kapitolu 6 tad-Direttiva dwar il-Kontabilità;

    l-attivitajiet kollha tagħhom (jiġifieri l-fatturat, in-nefqa kapitali, in-nefqa operatorja) u l-assi u dawk tas-sussidjarji/tal-entitajiet tal-UE u mhux tal-UE tagħhom, inklużi dawk imwettqa f’pajjiżi terzi.

    Dan jimplika li l-fatturat nett konsolidat, in-nefqa kapitali, in-nefqa operatorja skont id-Direttiva dwar il-Kontabilità, għandhom jintużaw għall-KPIs iddivulgati fil-livell tal-grupp konsolidat irrispettivament minn jekk xi porzjon ta’ dak il-fatturat nett, nefqa kapitali, nefqa operatorja jseħħx fl-UE jew f’pajjiż terz.

    Dan l-approċċ għall-konsolidazzjoni ma jinbidilx taħt is-CSRD, li tippermetti li impriża sussidjarja tiġi eżentata milli tħejji u tippubblika r-rapportar tagħha dwar is-sostenibbiltà jekk dik l-impriża sussidjarja u l-impriżi sussidjarji tagħha jiġu inklużi fir-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà ta’ impriża omm imħejji f’konformità mal-ESRS jew l-istandards ikkunsidrati ekwivalenti minn att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, l-Artikolu 19a, il-punt (10), u l-Artikolu 29a, il-punt (9) tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà, kif emendata mis-CSRD jeskludu espliċitament minn din l-eżenzjoni lil impriżi kbar b’titoli ammessi għall-kummerċ fi swieq regolati tal-UE.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 19a(1) u l-Artikolu 29a(1) tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà, kif emendata mis-CSRD, jirrikjedu li l-impriżi jiddivulgaw ir-rapportar tas-sostenibbiltà tagħhom f’taqsima ddedikata identifikata b’mod ċar tar-rapport ta’ ġestjoni jew tar-rapport ta’ ġestjoni konsolidat tagħhom, rispettivament. L-impriżi soġġetti għas-CSRD se jkollhom jiddivulgaw il-KPIs tat-Tassonomija tagħhom f’dik l-istess taqsima dedikata tar-rapport ta’ ġestjoni jew tar-rapport ta’ ġestjoni konsolidat. Skont l-Artikolu 29d il-ġdid tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà kif emendata mis-CSRD, l-impriżi soġġetti għas-CSRD se jkollhom iħejju r-rapport ta’ ġestjoni tagħhom fil-format li jinqara mill-magni speċifikat mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/815 (43) dwar il-Format Elettroniku Uniku Ewropew (“ir-Regolament ESEF”), u jimmarkaw it-taqsima tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà fi ħdan ir-rapport ta’ ġestjoni tagħhom — inkluż il-KPIs tat-Tassonomija tagħhom — f’konformità mat-tassonomija diġitali li għandha tiġi adottata permezz ta’ emenda għar-Regolament ESEF.

    10.   X’inhu l-livell ta’ konsolidazzjoni tal-KPIs ta’ gruppi mhux tal-UE b’sussidjarja ta’ NFRD fl-UE?

    Bħalissa, impriża ta’ rapportar li hija sussidjarja ta’ impriża omm mhux tal-UE għandha tipprovdi KPIs individwali mhux konsolidati fir-rapport mhux finanzjarju individwali tagħha, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà. Meta impriża sussidjarja bħal din tkun impriża omm ta’ sussidjarji oħra, għandha tipprovdi KPIs li jikkonsolidaw is-sussidjarji tagħha fir-rapport mhux finanzjarju konsolidat skont l-Artikolu 29a tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà. L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 19a, il-paragrafu (3), u fl-Artikolu 29a, il-paragrafu (3) tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà japplikaw biss jekk l-impriża omm apikali mhux tal-UE tippubblika rapport ta’ ġestjoni konsolidat jew rapport separat, imħejji f’konformità mal-Artikolu 29 u 19a jew 29a ta’ dik id-Direttiva, li jinkludi s-sussidjarji rilevanti kollha.

    Wara d-dħul fis-seħħ tas-CSRD (44), impriża sussidjarja ta’ impriża omm mhux tal-UE li tkun soġġetta għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà se jkollha tippubblika r-rapportar tagħha dwar is-sostenibbiltà f’livell konsolidat, jekk din is-sussidjarja tkun ukoll impriża omm. Din l-impriża sussidjarja se tkun eżentata milli tippubblika r-rapportar tagħha dwar is-sostenibbiltà jekk din l-impriża sussidjarja u l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà ta’ dik l-impriża omm mhux tal-UE mħejji f’konformità mal-Istandards ta’ Rapportar dwar is-Sostenibbiltà tal-UE (ESRS) jew l-istandards ikkunsidrati ekwivalenti minn att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, l-Artikolu 19a, il-punt (10), u l-Artikolu 29a, il-punt (9) tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà jeskludu espliċitament minn din l-eżenzjoni l-impriżi l-kbar b’titoli ammessi għall-kummerċ fi swieq regolati tal-UE.

    Matul perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 7 snin mid-dħul fis-seħħ tas-CSRD, impriża ta’ rapportar li hija soġġetta għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà u li hija sussidjarja ta’ impriża omm mhux tal-UE tista’ tipprovdi KPIs li jikkonsolidaw is-sussidjarji kollha tal-UE tal-impriża omm apikali mhux tal-UE li huma soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a ta’ dik id-Direttiva f’rapport konsolidat dwar is-sostenibbiltà. Din l-impriża ta’ rapportar jeħtiġilha tkun waħda mill-impriżi sussidjarji tal-Unjoni tal-grupp li jkun iġġenera l-akbar fatturat fl-Unjoni f’mill-inqas waħda mill-5 snin finanzjarji preċedenti (fuq bażi konsolidata meta applikabbli). Wara dak il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-impriża tal-UE li qed tirrapporta u li hija s-sussidjarja ta’ impriża omm mhux tal-UE (45) mhux se tkun tista’ tiġi eżentata milli tippubblika r-rapportar tagħha dwar is-sostenibbiltà (fil-livell konsolidat tagħha stess jekk din l-impriża sussidjarja tkun ukoll impriża omm) sakemm l-impriża omm mhux tal-UE tagħha ma tippubblikax rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà fil-livell ta’ dik l-impriża omm mhux tal-UE (jiġifieri li tipprovdi KPIs fil-livell konsolidat ta’ dik l-impriża omm mhux tal-UE), imħejji f’konformità mal-ESRS jew ma’ standards ekwivalenti.

    11.   Sussidjarja li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-NFRD/is-CSRD tista’ tiġi eżentata milli tagħmel divulgazzjonijiet relatati mat-Tassonomija jekk l-impriża omm tagħha tiddivulga informazzjoni relatata mat-tassonomija f’livell konsolidat meta meħtieġ jew fuq bażi volontarja?

    Bħalissa, l-impriżi li huma eżentati mill-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja skont l-Artikolu 19a(3) u l-Artikolu 29a(3) tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà huma eżentati wkoll milli jagħmlu divulgazzjonijiet relatati mat-Tassonomija skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet f’dawk id-dispożizzjonijiet (jiġifieri d-divulgazzjoni relatata mat-Tassonomija tal-impriża eżentata tiġi inkluża fir-rapport mhux finanzjarju konsolidat, jew rapport separat, ta’ impriża (omm) oħra).

    Meta l-impriża omm ma tkunx meħtieġa tħejji rapport mhux finanzjarju konsolidat, jew rapport separat, u tħejjih biss fuq bażi volontarja, is-sussidjarja ma tistax tiġi eżentata milli tagħmel divulgazzjonijiet relatati mat-Tassonomija skont l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet, sakemm l-impriża omm ma tippubblikax rapport ta’ ġestjoni konsolidat li jinkludi dik is-sussidjarja u li jitħejja f’konformità mal-Artikoli 29 u 19a jew l-Artikolu 29a tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà.

    Is-CSRD tintroduċi eżenzjonijiet simili fl-Artikolu 19a, il-paragrafu (9), u fl-Artikolu 29a, il-paragrafu (8) tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà:

    impriża sussidjarja tkun eżentata jekk dik l-impriża u l-impriżi sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni konsolidat ta’ impriża omm imfassal f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà kif emendata mis-CSRD, u jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet addizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 19a, il-punt (9). L-eżenzjoni tkopri wkoll il-każ li fih l-impriża sussidjarja tkun sussidjarja ta’ impriża mhux tal-UE.

    impriża omm tkun eżentata jekk dik l-impriża omm u s-sussidjarji tagħha jkunu inklużi fir-rapport ta’ ġestjoni konsolidat ta’ impriża oħra, imfassal f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà kif emendata mis-CSRD u jiġu ssodisfati r-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 29(a), il-punt (8). L-eżenzjoni tkopri wkoll il-każ li fih l-impriża omm tkun sussidjarja ta’ impriża mhux tal-UE.

    Impriżi kbar b’titoli ammessi għall-kummerċ fi swieq regolati tal-UE huma esklużi mill-eżenzjoni (l-Artikolu 19a, il-paragrafu (10) u l-Artikolu 29a, il-paragrafu (9), tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà, kif emendata mis-CSRD).

    12.   Meta impriża ta’ rapportar tkun meħtieġa tipprovdi KPIs konsolidati, hija għandha tipprovdi wkoll KPIs tas-sussidjarji tagħha?

    L-Artikolu 29a tad-Direttiva dwar il-Kontabilità jirrikjedi li l-impriżi omm ta’ gruppi kbar jippubblikaw rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà fil-livell tal-grupp. L-objettiv huwa li tiġi rrapportata l-informazzjoni meħtieġa biex jinftiehmu l-impatti tal-grupp fuq kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà, u l-informazzjoni meħtieġa biex wieħed jifhem kif kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà jaffettwaw l-iżvilupp, il-prestazzjoni u l-pożizzjoni tal-grupp.

    Skont l-Artikolu 29a(4) tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà, kif emendata mis-CSRD, jekk l-impriża omm tidentifika differenzi sinifikanti bejn ir-riskji jew l-impatti tal-grupp u r-riskji jew l-impatti ta’ waħda jew aktar mis-sussidjarji tagħha, l-impriża omm jeħtiġilha tipprovdi fehim adegwat tar-riskji u l-impatti ta’ dawn is-sussidjarji. L-impriżi omm jeħtiġilhom jindikaw ukoll liema sussidjarji inklużi fil-konsolidazzjoni huma eżentati mir-rapportar annwali jew konsolidat dwar is-sostenibbiltà skont l-Artikolu 19a, il-paragrafu (9), jew l-Artikolu 29a, il-paragrafu (8), rispettivament. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, ir-rapportar konsolidat dwar is-sostenibbiltà għandu jipprovdi wkoll KPIs tat-tassonomija fil-livell sussidjarju fl-informazzjoni kuntestwali.

    13.   Hemm xi limitu minimu ta’ fatturat, ta’ nefqa kapitali u ta’ nefqa operatorja li taħtu l-impriżi ma humiex obbligati jirrapportaw l-eliġibbiltà għat-Tassonomija jew l-allinjament tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (“limiti ta’ materjalità”)?

    Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, l-impriżi soġġetti għall-NFRD/is-CSRD huma taħt l-obbligu li jirrapportaw il-proporzjon tal-fatturat tagħhom, in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja assoċjati mal-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-tassonomija. L-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet jispeċifika aktar il-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti li għandha tiġi rrapportata. L-ebda eżenzjoni ma hija prevista mill-obbligu ta’ rapportar.

    Meta l-impriżi rilevanti ma jkunux jistgħu jaċċertaw il-konformità tal-attivitajiet eliġibbli għat-tassonomija li mhumiex materjali għan-negozju tagħhom mal-kriterji ta’ skrinjar tekniku minħabba nuqqas ta’ data jew evidenza, għandhom jirrapportaw dawk l-attivitajiet bħala mhux allinjati mat-tassonomija mingħajr valutazzjoni ulterjuri.

    Barra minn hekk, it-Taqsima 1.1.3.2 tal-Anness I tipprevedi ċertu grad ta’ flessibbiltà fir-rapportar tal-KPI tan-nefqa operatorja fejn in-nefqa operatorja titqies bħala “mhux materjali” għall-mudell ta’ negozju ta’ impriża mhux finanzjarja. F’din is-sitwazzjoni, l-impriża ta’ rapportar:

    tkun eżentata mill-kalkolu tan-numeratur tal-KPI tan-nefqa operatorja u tiddivulga dak in-numeratur bħala żero;

    tiddivulga l-valur totali tad-denominatur tan-nefqa operatorja;

    tispjega n-nuqqas ta’ materjalità tan-nefqa operatorja (jiġifieri tan-nefqa operatorja totali, li tikkorrispondi għad-denominatur, kif definit mill-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet) fil-mudell ta’ negozju tagħha.

    B’riżultat ta’ dan, il-kumpaniji bl-ebda jew bi ftit nefqa operatorja eliġibbli (numeratur) iżda b’nefqa operatorja (denominatur) totali sinifikanti ma għandhomx jużaw l-eżenzjoni.

    Madankollu, l-eżenzjoni mill-kalkolu tal-KPI tan-nefqa operatorja ma tikkostitwix eżenzjoni biex tiġi ddivulgata l-informazzjoni kollha kemm hi, minħabba li l-impriżi ta’ rapportar għadhom meħtieġa jipprovdu spjegazzjoni dwar in-nuqqas ta’ materjalità tan-nefqa operatorja fil-mudell ta’ negozju partikolari tagħhom.

    14.   Kif għandhom jiġu ttrattati l-fatturat, in-nefqa kapitali, in-nefqa operatorja tal-impriżi konġunti għar-rapportar tal-KPIs relatati mat-Tassonomija?

    F’konformità mal-IFRS 11, impriża konġunta hija arranġament konġunt li permezz tiegħu l-partijiet li jkollhom kontroll konġunt tal-arranġament ikollhom drittijiet għall-assi netti tal-arranġament. F’konformità mal-IFRS 11, l-interess f’impriżi konġunti huwa rikonoxxut bħala investiment u jitqies bl-użu tal-metodu tal-ekwità f’konformità mal-IAS 28 Investimenti f’Kumpaniji Assoċjati u Impriżi Konġunti, sakemm l-entità ma tkunx eżentata milli tapplika l-metodu tal-ekwità kif speċifikat f’dak l-istandard (IFRS 11, il-paragrafu 24).

    Madankollu, biex l-impriżi ta’ rapportar jiġu megħjuna jipprovdu stampa preċiża tal-investimenti tagħhom allinjati mat-Tassonomija, u f’konformità mal-Anness I, it-Taqsima 1.2.3, l-impriżi mhux finanzjarji jistgħu jiddivulgaw, fuq bażi volontarja, KPIs addizzjonali bbażati fuq il-fatturat, in-nefqa kapitali, in-nefqa operatorja li jinkludu investimenti f’ekwità kontabbilizzati f’impriżi konġunti, skont l-IFRS 11 jew l-IAS 28, fuq bażi pro rata li tikkorrispondi għas-sehem tagħhom fl-ekwità tal-impriża konġunta.

    15.   L-impriżi ta’ rapportar kif għandhom iqisu l-istrumenti għall-iħħeġġjar (inkluż il-bejgħ bil-quddiem tal-enerġija)?

    L-ammont tal-fatturat irrapportat għandu jkun l-istess bħal dak irrappreżentat skont l-IAS 1.82(a). Il-bidliet fil-valur ġust tal-istrumenti għall-iħħeġġjar użati taħt relazzjoni ta’ ħħeġġjar kwalifikata skont l-IFRS 9 jistgħu jaffettwaw l-ammont tal-fatturat meta l-entrata ħħeġġjata hija l-fatturat. Dan l-aġġustament, madankollu, ma huwiex meqjus bħala parti mill-IAS 1.82(a), iżda huwa qligħ jew telf mill-istrument għall-iħħeġġjar u għalhekk ma huwiex parti mill-KPI tal-fatturat.

    16.   Kif għandhom jiġu aġġustati l-KPIs minn impriżi mhux finanzjarji biex jitqiesu l-bonds ambjentalment sostenibbli li jkunu ħarġu bil-għan li jiġi evitat “għadd doppju”? Kif għandhom jiġu ttrattati bonds/titoli ta’ dejn ambjentalment sostenibbli u l-kwistjonijiet ta’ għadd doppju marbuta?

    L-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet jirrikjedi li l-impriżi finanzjarji jużaw KPIs ta’ impriżi mhux finanzjarji meta jinkludu skoperturi għal dawk il-kumpaniji mhux finanzjarji fil-GAR/GIR tagħhom, ħlief għal ċerti skoperturi li fihom l-użu tar-rikavati jkun magħruf li huwa allinjat mat-tassonomija, eż. bonds sostenibbli maħruġa mill-impriżi mhux finanzjarji. Il-bonds sostenibbli jistgħu jgħoddu fin-numeratur tal-GAR/GIR sal-ammont ta’ nefqiet allinjati mat-tassonomija mħallsa mir-rikavati tal-bonds, jiġifieri ammont akbar mill-perċentwal tal-KPI fil-livell tal-impriża u potenzjalment sa 100 % tal-iskopertura għall-bonds sostenibbli.

    Meta r-rikavati mill-bond sostenibbli jintużaw biex jitħallsu n-nefqa kapitali allinjata mat-tassonomija, din in-nefqa kapitali diġà tkun riflessa fil-GAR/GIR (46) tal-impriża finanzjarja. Min-naħa l-oħra, din in-nefqa kapitali hija parti mill-KPI tan-nefqa kapitali tal-impriża mhux finanzjarja u tingħadd fil-GAR/GIR tal-impriża finanzjarja għat-tieni darba bħala parti mill-kalkolu tal-KPI tal-impriża finanzjarja abbażi tal-KPIs tan-nefqa kapitali tal-impriżi li huma destinatarji ta’ investiment. Sabiex jiġi evitat għadd doppju, l-impriżi finanzjarji għandhom jużaw KPI aġġustat tan-nefqa kapitali li l-impriża mhux finanzjarja għandha tiddivulga flimkien mal-KPIs mhux aġġustati tagħha (47).

    Din in-nefqa kapitali allinjata mat-Tassonomija, li tħallset mir-rikavat tal-bond sostenibbli, tirrappreżenta l-ħolqien ta’ assi/tagħmir allinjati mat-Tassonomija jew iż-żieda magħhom li jistgħu jintużaw fil-proċess tal-produzzjoni ta’ output allinjat mat-Tassonomija u għalhekk fatturat. Dak il-fatturat allinjat mat-Tassonomija jkun parti mill-KPI tal-fatturat tal-impriża mhux finanzjarja. Konsegwentement, l-istess fatturat allinjat mat-Tassonomija jkun rifless fil-GAR/GIR tal-impriża finanzjarja minn naħa waħda permezz tal-inklużjoni tal-bond sostenibbli direttament fil-GAR/GIR u, min-naħa l-oħra, jingħadd fil-GAR/GIR għat-tieni darba billi jiġu inklużi skoperturi oħra, immultiplikati bil-KPI tal-fatturat, għal dik l-impriża mhux finanzjarja. Sabiex jiġi evitat għadd doppju, l-impriżi finanzjarji għandhom jużaw KPI aġġustat tal-fatturat li l-impriża mhux finanzjarja għandha, sal-maturità tal-bond sostenibbli, tiddivulga flimkien mal-KPIs mhux aġġustati tagħha.

    Fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-KPIs tan-nefqa kapitali u/jew tan-nefqa operatorja, l-impriżi mhux finanzjarji li ħarġu l-użu ta’ bond(s) sostenibbli għar-rikavati li jiffinanzjaw parti min-nefqa kapitali u/jew, meta rilevanti, min-nefqa operatorja tagħhom, jew kollha, matul il-perjodu ta’ rapportar, għandhom jiddivulgaw ukoll il-KPIs aġġustati tan-nefqa kapitali u/jew tan-nefqa operatorja sabiex l-impriżi finanzjarji jevitaw jgħoddu dik in-nefqa kapitali u/jew in-nefqa operatorja darbtejn fl-iskoperturi l-oħra tagħhom għal impriża mhux finanzjarja (48). Fil-KPIs aġġustati tan-nefqa kapitali u tan-nefqa operatorja, porzjon tan-nefqa kapitali u/jew tan-nefqa operatorja allinjati mat-Tassonomija, imġarrab matul il-perjodu ta’ rapportar, li jitħallas bir-rikavat mill-ħruġ ta’ bonds sostenibbli, għandu jitnaqqas min-numeratur tal-KPIs aġġustati tan-nefqa kapitali u/jew tan-nefqa operatorja.

    Bl-istess mod għall-KPIs tal-fatturat, l-impriżi mhux finanzjarji li joħorġu bond(s) sostenibbli li jiffinanzjaw (porzjon ta’) assi allinjati mat-Tassonomija (u n-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja assoċjati tagħhom) li jintużaw fil-produzzjoni tal-fatturat allinjat mat-Tassonomija matul il-perjodu ta’ rapportar, għandhom, sal-maturità tal-bond(s) sostenibbli, jiddivulgaw ukoll il-KPIs aġġustati tal-fatturat (49). Fil-KPI aġġustat tal-fatturat, porzjon tal-fatturat allinjat mat-Tassonomija għandu jitnaqqas min-numeratur tal-KPI tal-fatturat li jikkorrispondi għall-proporzjon ta’ assi allinjati mat-Tassonomija li ġew iffinanzjati bir-rikavat ta’ bond(s) sostenibbli.

    17.   Impriża ta’ rapportar kif għandha tittratta l-fatturat u n-nefqa kapitali mill-gruppi ta’ disponiment u l-operazzjonijiet li ma tkomplewx u fil-kuntest tal-IFRS 5?

    Għandu jiġi applikat it-trattament kontabilistiku msemmi fl-Anness I, it-Taqsimiet 1.1.1 u 1.1.2 Filwaqt li d-dħul minn operazzjonijiet li ma tkomplewx jeħtieġ li jiġi ppreżentat separatament minn operazzjonijiet kontinwi (IFRS 5.33) u, għalhekk, ma jistax jiġi inkluż fil-partita tad-dħul kif meħtieġ mill-IAS 1.82(a), id-dħul minn assi mhux kurrenti jew minn gruppi ta’ disponiment ikklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ jibqa’ parti mill-operazzjonijiet kontinwi u, għalhekk, huwa inkluż fil-partita tad-dħul kif meħtieġ mill-IAS 1.82(a).

    L-assi li huma parti minn assi mhux kurrenti jew minn gruppi ta’ disponiment ikklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ jew operazzjoni li ma tkomplietx iridu jiġu riklassifikati skont l-IFRS 5 u rrapportati flimkien f’entrata separata tal-karta bilanċjali. Sad-data tal-klassifikazzjoni tal-IFRS 5 jew, fil-każ ta’ assi mhux kurrenti jew gruppi ta’ disponiment ikklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ, anke wara din id-data, jistgħu jsiru żidiet fil-karta bilanċjali, li ġeneralment jissodisfaw id-definizzjoni ta’ nefqa kapitali, matul is-sena finanzjarja. Fil-każ ta’ assi mhux kurrenti jew ta’ gruppi ta’ disponiment ikklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ, kif ukoll ta’ operazzjonijiet li ma tkomplewx, iż-żidiet kollha li jissodisfaw id-definizzjoni tan-nefqa kapitali jridu jitqiesu fil-kalkolu tal-KPI tan-nefqa kapitali.

    Barra minn hekk, l-entitajiet relaturi għandhom jipprovdu informazzjoni kuntestwali skont l-Anness I, it-Taqsima 1.2.3. dwar kwalunkwe impatt kurrenti u futur minn assi mhux kurrenti jew minn gruppi ta’ disponiment ikklassifikati bħala miżmuma għall-bejgħ u operazzjonijiet li ma tkomplewx fuq il-KPI tal-fatturat u l-KPI tan-nefqa kapitali.

    18.   L-impriżi ta’ rapportar kif għandhom jivvalutaw l-eliġibbiltà għat-Tassonomija tal-attivitajiet ekonomiċi għall-adattament għat-tibdil fil-klima (CCA) skont l-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija?

    L-eliġibbiltà għat-Tassonomija tal-attivitajiet għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (CCM) jew l-iffaċilitar tal-adattament għat-tibdil fil-klima (ara l-mistoqsija 19 ta’ dan l-Avviż), tista’ tiġi vvalutata biss abbażi tad-deskrizzjoni tal-attività, irrispettivament minn jekk l-attività tissodisfax it-TSC (f’konformità mat-tweġibiet għall-mistoqsijiet 3 u 9 tal-ewwel Avviż tal-Kummissjoni).

    Fir-rigward ta’ attivitajiet adattati (ara l-mistoqsijiet 8 u 19 ta’ dan l-Avviż), għall-valutazzjoni tal-eliġibbiltà għat-Tassonomija tal-attivitajiet għas-CCA f’konformità mal-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, it-titolu jew id-deskrizzjoni tal-attività ekonomika spjegata fl-Anness II tal-Att Delegat dwar il-Klima ma hijiex deċiżiva fiha nfisha biex tagħti kontribut sostanzjali lis-CCA. Impriża ta’ rapportar għandha pjuttost tikkunsidra s-soluzzjonijiet ta’ adattament li tistabbilixxi li jistgħu jagħmlu l-attività ekonomika adattata/aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima. F’konformità mat-tweġiba għall-mistoqsija 5 tal-ewwel Avviż tal-Kummissjoni, biex tintwera l-eliġibbiltà għat-Tassonomija ta’ attività, impriża trid twettaq valutazzjoni tar-riskju klimatiku u tal-vulnerabbiltajiet tar-riskji klimatiċi fiżiċi l-aktar importanti li huma sinifikanti għall-attività ekonomika tagħha. Barra minn hekk, l-impriża jeħtiġilha tistabbilixxi pjan li jiddeskrivi kif u sa meta se jiġu stabbiliti soluzzjonijiet ta’ adattament biex jiġu miġġielda dawn ir-riskji fiżiċi. Pereżempju, jekk manifattur tas-siment jidentifika li s-sit tal-manifattura tiegħu huwa suxxettibbli għall-valangi, l-entità tista’ tistabbilixxi pjan biex jiġu installati miżuri ta’ protezzjoni strutturali biex jinżammu l-valangi, bħal ostakli għall-valangi jew rampi għas-silġ. L-eżistenza ta’ pjan bħal dan ibbażat fuq valutazzjoni tar-riskju klimatiku u tal-vulnerabbiltajiet tagħmel l-attività ekonomika eliġibbli għat-Tassonomija għas-CCA. Din l-eliġibbiltà għat-Tassonomija ma tirrikjedix li l-attività ekonomika tissodisfa t-TSC kollha għas-CCA, jiġifieri li s-soluzzjonijiet ta’ adattament ikunu diġà ġew implimentati.

    19.   X’inhu s-sehem allinjat mat-Tassonomija tal-fatturat u n-nefqa kapitali/in-nefqa operatorja korrispondenti mill-attivitajiet elenkati fl-Anness II tal-Att Delegat dwar il-Klima?

    L-Anness II tal-Att Delegat dwar il-Klima jiddistingwi bejn tliet tipi ta’ attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għall-adattament għat-tibdil fil-klima (CCA):

    1)   Attivitajiet adattati

    Dawn huma attivitajiet ekonomiċi li jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għas-CCA billi jsiru reżiljenti/adattati għall-klima. Dan jimplika l-istabbiliment ta’ soluzzjonijiet ta’ adattament li jistgħu jiġġieldu r-riskji klimatiċi fiżiċi l-aktar importanti li jheddu l-attività, kif identifikati f’valutazzjoni tar-riskju klimatiku u tal-vulnerabbiltà. Dawn l-attivitajiet jikkwalifikaw bħala allinjati mat-Tassonomija meta jissodisfaw il-punti 1 sa 4 fil-kriterji ġeneriċi ta’ kontribut sostanzjali għall-adattament. Pereżempju, jekk manifattur tas-siment jidentifika li s-sit tal-manifattura tiegħu huwa suxxettibbli għall-valangi, l-entità tista’ tistabbilixxi pjan biex jiġu installati miżuri ta’ protezzjoni strutturali biex jinżammu l-valangi, bħal ostakli għall-valangi jew rampi għas-silġ. Għal dawn l-attivitajiet, huma biss in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja assoċjati mal-istabbiliment tas-soluzzjonijiet ta’ adattament li jistgħu jgħoddu bħala allinjati mat-Tassonomija. Il-fatturat ta’ dik l-attività jista’ jitqies biss bħala allinjat mat-Tassonomija jekk l-attività nnifisha tkun allinjata wkoll mat-tassonomija (ara l-Anness I, it-Taqsima 1.1.1) fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima (CCM) u mbagħad għandu jingħadd mal-objettiv tas-CCM biss, jew, meta jidħol fis-seħħ regolament delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 12(2), mal-Artikolu 13(2), mal-Artikolu 14(2) jew mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija, kwalunkwe objettiv ambjentali ieħor (ara t-tweġibiet għall-mistoqsijiet 5 u 8 tal-ewwel Avviż tal-Kummissjoni). Inkella, dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu rrapportati biss taħt il-KPIs tan-nefqa kapitali u tan-nefqa operatorja.

    2)   Attivitajiet ta’ faċilitazzjoni

    Dawn huma attivitajiet li jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali billi jipprovdu soluzzjonijiet ta’ adattament huma stess li jistgħu jippermettu lil attività ekonomika oħra tilħaq kontribut sostanzjali għal wieħed mis-sitt objettivi ambjentali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Il-karattru ta’ faċilitazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet huwa ddikjarat b’mod espliċitu fid-deskrizzjoni tagħhom (50). Barra minn hekk, dawn ma jsegwux il-kriterji ġeneriċi ta’ kontribut sostanzjali għas-CCA. Dawn l-attivitajiet huma limitati għall-attivitajiet li ġejjin elenkati fl-Anness II tal-Att Delegat dwar il-Klima:

    9.1. L-attivitajiet tal-inġinerija u konsulenza teknika relatata dedikati għall-adattament għat-tibdil fil-klima;

    9.2. Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni qrib is-suq;

    10.1. L-assigurazzjoni mhux tal-ħajja: is-sottoskrizzjoni ta’ perikli relatati mal-klima;

    10.2. Riassigurazzjoni.

    Għal dawn l-attivitajiet, il-fatturat, in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja assoċjati mal-ilħuq tal-TSC stabbiliti fl-Anness II tal-Att Delegat dwar il-Klima jistgħu jgħoddu bħala allinjati mat-Tassonomija.

    3)   Attivitajiet ta’ faċilitazzjoni adattati

    Dawn huma attivitajiet ekonomiċi li jikkombinaw it-tipi 1 u 2 deskritti hawn fuq peress li jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali lis-CCA billi:

    jiġu adattati huma stess (attività adattata), u

    jiffaċilitaw attivitajiet oħra biex jagħtu kontribut sostanzjali (attività ta’ faċilitazzjoni).

    Dawn l-attivitajiet huma identifikati bis-sentenza li ġejja fid-deskrizzjoni tal-attività “ Meta attività ekonomika f’din il-kategorija tikkonforma mal-kriterju ta’ kontribut sostanzjali speċifikat fil-punt 5, l-attività tkun attività ta’ faċilitazzjoni kif imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2020/852, dment li tissodisfa l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar stabbiliti f’din it-Taqsima ” . L-attivitajiet li jaqgħu taħt dan it-tip għandhom jikkonformaw mal-kriterji ġeneriċi għal kontribut sostanzjali għas-CCA stabbiliti fl-Anness II tal-Att Delegat dwar il-Klima bi kriterji addizzjonali relatati mal-karattru ta’ faċilitazzjoni. Għalhekk, jekk l-attività tissodisfa l-punti 1 sa 4 tal-kriterji għal kontribut sostanzjali, tista’ tikkwalifika bħala attività adattata. Jekk tissodisfa, barra minn hekk, il-punt 5 ta’ dawk il-kriterji, l-attività tista’ tikkwalifika wkoll bħala ta’ faċilitazzjoni. Madankollu, l-attività l-ewwel jeħtieġ li tiġi adattata hi stess biex tikkwalifika bħala ta’ faċilitazzjoni. Pereżempju, skola li hija suxxettibbli għal ċediment tista’ tuża metodu ta’ rinfurzar tal-konkrit jew metodu ta’ stabbilizzazzjoni tal-ħamrija bl-injezzjoni ta’ fluwidu stabilizzanti fis-sottoswol biex issir reżiljenti għat-tibdil fil-klima, u b’hekk tikkwalifika bħala attività adattata. Barra minn hekk, l-iskola tista’ toffri xi korsijiet relatati mal-klima, li jistgħu jistimulaw azzjoni klimatika individwali.

    Għal dawn l-attivitajiet, in-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja assoċjati mal-istabbiliment tas-soluzzjonijiet ta’ adattament biex issir reżiljenti għall-klima jistgħu jgħoddu bħala allinjati mat-Tassonomija fir-rigward tas-CCA (51) (fl-eżempju ta’ hawn fuq, in-nefqa kapitali għar-rinfurzar tal-konkrit jew għall-istabbilizzazzjoni tal-ħamrija bl-injezzjoni ta’ fluwidu stabilizzanti fis-sottoswol). Barra minn hekk, il-fatturat u n-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja assoċjati tal-forniment tas-soluzzjoni ta’ adattament infisha (eż. korsijiet relatati mal-klima) jistgħu jgħoddu bħala allinjati mat-Tassonomija fir-rigward tas-CCA.

    TAQSIMA II

    MISTOQSIJIET FREKWENTI DWAR IL-KPI TAL-FATTURAT

    20.   Impriża meta għandha tkun meħtieġa tirrapporta, skont l-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet, attività ekonomika li ma tkunx twettqet mill-entità relatriċi nnifisha iżda minn sottokuntrattur?

    L-entitajiet relaturi jeħtiġilhom jirrapportaw il-fatturat mill-attivitajiet imwettqa minn sottokuntrattur f’konformità mat-trattament kontabilistiku msemmi fit-Taqsima 1.1.1 tal-Anness I tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet. Għalhekk, l-entità relatriċi għandha tiddetermina jekk tirrikonoxxix id-dħul li jirriżulta minn dik l-attività bħala d-dħul tagħha stess skont il-prinċipji stabbiliti fl-IFRS 15 applikabbli. Meta d-dħul iġġenerat minn sottokuntrattur ikun rikonoxxut bħala d-dħul tal-entità relatriċi, dan irid jiġi inkluż fil-kalkolu tal-KPI tal-fatturat.

    Pereżempju: Entità hija attur fl-industrija tal-loġistika, u tipprovdi servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq lill-klijenti tagħha (attività 6.6 “ s-servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq” deskritta fl-Att Delegat dwar il-Klima bħala “x-xiri, il-finanzjament, il-lokazzjoni, il-kiri u t-tħaddim ta’ vetturi ddeżinjati bħala…” ). Sabiex tipprovdi dawn is-servizzi ta’ trasport, l-entità jew għandha sjieda diretta u topera xi vetturi, jew inkella tgħaddi parti mill-attivitajiet tagħha billi tikkuntratta ma’ sottokuntratturi jew ma’ fornituri tat-trasport ta’ partijiet terzi biex tipprovdi s-servizzi ta’ trasport lill-klijenti tagħha, mingħajr ma tixtri, tikri jew tħaddem direttament il-vetturi previsti għal dan il-għan.

    Il-fatturat jiġi ġġenerat għall-attività kollha tas-servizzi tat-trasport indipendentement minn kif (minn min) jitwettqu s-servizzi; attività esternalizzata hija parti mill-attività ġenerali 6.6 “ servizzi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq” anke jekk l-entità ma tixtrix, ma tikrix jew ma tħaddimx direttament il-vetturi. Għal dan il-porzjon ta’ attivitajiet esternalizzat, il-KPI tal-fatturat li għandu jitqies għad-divulgazzjonijiet tat-Tassonomija huwa dak derivat mir-rapporti finanzjarji f’konformità mal-IFRS 15.34 sa B3.

    Meta l-entità tiġi ddeterminata bħala prinċipal għas-sodisfazzjon tal-obbligi ta’ prestazzjoni fir-rapporti finanzjarji, hija tirrikonoxxi d-dħul fl-ammont gross ta’ korrispettiv li għalih tistenna li tkun intitolata bi skambju għall-oġġett jew għas-servizz speċifikat ittrasferit. Meta entità li hija aġent tissodisfa l-obbligu ta’ prestazzjoni, hija tirrikonoxxi d-dħul fl-ammont ta’ kwalunkwe tariffa jew kummissjoni li hija tistenna li tkun intitolata għaliha bi skambju tal-koordinazzjoni biex il-parti l-oħra tipprovdi l-oġġetti jew is-servizzi. Kif huwa indikat fl-Anness 1, it-Taqsima 1.1.1, tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet, il-fatturat għandu jkopri d-dħul rikonoxxut skont l-IAS 1.82 (a).

    21.   L-impriżi ta’ rapportar kif għandhom jiddivulgaw il-fatturat minn attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija li l-output tagħhom jintuża jew jiġi kkunsmat internament?

    Id-divulgazzjoni tad-data skont it-Taqsima 1.2.3.1, il-punt (b) tal-Anness I dwar “l-ammonti relatati mal-attivitajiet allinjati mat-Tassonomija li jwettqu l-impriżi mhux finanzjarji għall-konsum intern proprju”, hija element ta’ informazzjoni kuntestwali li tippermetti lill-impriżi ta’ rapportar jispjegaw jekk u kif l-outputs tal-bejgħ intern jew tal-konsum tal-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija evolvew matul il-perjodu ta’ rapportar, flimkien mal-fatturi ewlenin u l-elementi ta’ bidla fil-KPI tal-fatturat tagħhom (52). Din l-informazzjoni tippermetti lill-impriżi ta’ rapportar jiddivulgaw fejn u kif l-outputs tal-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija (eż. enerġija rinnovabbli allinjata mat-Tassonomija) setgħu ġew iddevjati għall-konsum intern u konsegwentement, ma jidhrux fil-KPI tal-fatturat tagħhom, li jirreġistra biss il-bejgħ estern.

    22.   L-impriżi ta’ rapportar kif għandhom jallokaw il-fatturat għal attivitajiet ekonomiċi li jipprovdu servizzi jew prodotti multipli lill-klijenti?

    Irid jiġi applikat it-trattament kontabilistiku msemmi fit-Taqsima 1.1.1 tal-Anness I. B’mod partikolari, l-IFRS 15 jistabbilixxi kriterji għar-rikonoxximent tad-dħul abbażi tal-obbligi ta’ prestazzjoni ssodisfati mill-entità relatriċi, inklużi każijiet li fihom obbligi ta’ prestazzjoni multipli jikkostitwixxu pakkett wieħed li għalih huwa kompletament allokat id-dħul. Għall-fini tar-rapportar tal-KPI tal-fatturat, għandhom jiġu segwiti dawk il-kriterji biex jiġi ddeterminat kif għandu jiġi allokat id-dħul għal attivitajiet ekonomiċi differenti meta jiġu ssodisfati obbligi ta’ prestazzjoni multipli għall-istess klijent jew grupp ta’ klijenti.

    Pereżempju, entità tidħol f’kuntratt biex tibni infrastruttura għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli għal klijent. L-entità hija responsabbli għall-ġestjoni ġenerali tal-proġett u tidentifika diversi oġġetti jew servizzi mwiegħda, inklużi l-inġinerija, l-approvazzjoni tas-sit, il-fondazzjoni, l-akkwist, il-kostruzzjoni tal-istruttura, l-installazzjoni tat-tagħmir u tat-teknoloġiji, u l-finitura. L-allokazzjoni tal-fatturat minn dan il-proġett għal attivitajiet ekonomiċi differenti ssegwi l-analiżi li saret fir-rapporti finanzjarji f’konformità mal-IFRS 15, jiġifieri skont jekk il-prodotti u s-servizzi humiex distinti jew le mill-perspettiva kontabilistika. Jekk l-oġġetti u s-servizzi jkunu distinti, il-fatturat jinqasam u jiġi allokat għall-attivitajiet ekonomiċi sottostanti korrispondenti.

    TAQSIMA III

    MISTOQSIJIET FREKWENTI DWAR IL-KPI TAN-NEFQA KAPITALI

    23.   L-impriżi ta’ rapportar kif għandhom jittrattaw il-finanzjament pubbliku u s-sussidji riċevuti biex jiffinanzjaw in-nefqa kapitali tagħhom?

    Is-sors ta’ finanzjament (eż. pubbliku jew privat, estern jew intern għall-impriża, jew il-kombinazzjoni tagħhom) tan-nefqa kapitali ta’ impriżi mhux finanzjarji ma għandu l-ebda rilevanza għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-allinjament mat-Tassonomija ta’ dik in-nefqa kapitali. L-impriżi ta’ rapportar għandhom iqisu n-nefqa kapitali tagħhom kollha għall-fini tal-valutazzjoni tal-allinjament mat-Tassonomija tagħhom irrispettivament mis-sors ta’ finanzjament tagħha.

    24.   F’liema żmien jibda l-perjodu ta’ 5 sa 10 snin tal-pjan tan-nefqa kapitali għal impriżi mhux finanzjarji għall-finijiet tar-rapportar? Dan il-perjodu ta’ żmien japplika kemm għal pjan għall-espansjoni ta’ attività ekonomika allinjata mat-Tassonomija kif ukoll għall-aġġornament ta’ attività ekonomika eliġibbli għat-Tassonomija f’attività ekonomika allinjata mat-Tassonomija?

    Il-perjodu ta’ żmien ta’ 5 sa 10 snin għall-pjan tan-nefqa kapitali msemmi fit-Taqsima 1.1.2.2 tal-Anness I għandu jibda mill-approvazzjoni tiegħu mill-korp maniġerjali, jew minn korp ieħor li japprovah b’delega. Il-perjodu ta’ żmien japplika kemm għal pjan għall-espansjoni tal-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija ta’ impriża kif ukoll għal pjan għall-aġġornament jew għall-bidu ta’ attivitajiet ekonomiċi eliġibbli għat-Tassonomija bil-għan li dawn isiru allinjati mat-Tassonomija.

    25.   X’inhu l-bidu tal-perjodu ta’ 18-il xahar għat-tlestija tal-miżuri individwali msemmija fl-Anness I, it-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punt (c)?

    Id-data tal-bidu tal-miżuri individwali msemmija fl-Anness I, it-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), għandha tiġi allinjata mal-mument meta r-regoli kontabilistiċi (pereżempju, fl-IAS 16(7) għal assi tanġibbli u fl-IAS 38(21) għal assi intanġibbli) jirrikonoxxu n-nefqa kapitali assoċjata fir-rapport finanzjarju u mhux fil-punt meta jiġi konkluż il-kuntratt għall-konsenja tal-output, tas-servizz jew tal-miżura allinjati mat-Tassonomija.

    26.   Kemm għandu jkun komprensiv u preċiż pjan tan-nefqa kapitali biex jingħadd fin-numeratur tal-KPI tan-nefqa kapitali? L-espansjoni ta’ attività ekonomika eżistenti allinjata mat-Tassonomija fl-istess faċilità tkun tgħodd bħala nefqa kapitali taħt l-Anness I, it-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) jew (b)?

    Il-pjan tan-nefqa kapitali msemmi fit-Taqsima 1.1.2.2 tal-Anness I għandu jidentifika l-miżuri ppjanati kollha li huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità tal-attività ekonomika mat-TSC u jinkludi deskrizzjoni ta’ dawk il-miżuri, nefqiet relatati ma’ dawk il-miżuri u ż-żmien tagħhom, inklużi stadji intermedjarji sinifikanti, biex ikun hemm monitoraġġ effettiv mill-investituri tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ investiment (53). In-nefqiet li ma humiex relatati mal-iżgurar li l-attività tissodisfa l-kriterji, eż. aspetti dekorattivi tal-faċilità li fiha titwettaq l-attività mingħajr ebda effett fuq il-prestazzjoni ambjentali ma għandhomx jiġu inklużi. In-nefqa operatorja li hija meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv u s-servizzjar minn jum għal jum tal-assi allinjati mat-Tassonomija għandha tiġi inkluża kif rilevanti fil-pjan tan-nefqa operatorja f’konformità mal-Anness I, it-Taqsima 1.1.3.2, l-ewwel paragrafu, il-punti (a) u (b).

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-espansjoni ta’ attività ekonomika eżistenti allinjata mat-Tassonomija tgħoddx bħala nefqa kapitali taħt l-Anness I, it-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) jew (b), wieħed għandu jqis meta l-espansjoni titlesta u tibda titħaddem fir-rigward tal-mument li fih tiġġarrab in-nefqa kapitali relatata tagħha. Jekk l-espansjoni tibda titħaddem fl-istess perjodu finanzjarju meta tiġġarrab n-nefqa kapitali kollha relatata magħha, din tista’ tingħadd taħt it-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punt (a). (jiġifieri ma hemm l-ebda ħtieġa li jintuża l-pjan tan-nefqa kapitali għall-espansjoni). Min-naħa l-oħra, meta l-espansjoni sseħħ fuq diversi perjodi finanzjarji, in-nefqa kapitali se tiġġarrab f’perjodi finanzjarji qabel ma titlesta l-espansjoni. Sabiex dik in-nefqa kapitali tingħadd bħala allinjata mat-Tassonomija fil-perjodu finanzjarju meta tkun saret filwaqt li l-espansjoni tkun għadha ma tlestietx, l-impriża għandha tuża l-pjan tan-nefqa kapitali skont it-Taqsima 1.1.2.2(1)(b). L-għan tal-pjan tan-nefqa kapitali huwa li jipprovdi grad ta’ assigurazzjoni li l-attività estiża se tkun allinjata mat-Tassonomija meta titlesta u tippermetti, fuq dik il-bażi, li n-nefqa kapitali tingħadd bħala diġà allinjata mat-Tassonomija jekk imġarrba fil-perjodi qabel ma titlesta l-espansjoni. Fiż-żewġ każijiet, wara t-tlestija, l-attività estiża jeħtieġ li tissodisfa t-TSCs rilevanti.

    27.   Kif għandu jiġi ppreżentat il-valur allinjat mat-Tassonomija tan-nefqa kapitali fuq l-Anness I, it-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (b) u (c)?

    F’konformità mat-Taqsima 1.2.3.2. “Informazzjoni kuntestwali dwar il-KPI tan-nefqa kapitali” tal-Anness I, l-entrati differenti tan-nefqa kapitali taħt l-Anness I, it-Taqsima 1.1.2.2(1)(a), (b) u (c) relatati ma’ attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija jridu jiġu ppreżentati fil-livell tal-attività. Dan ifisser li l-valuri rilevanti ta’ entrati differenti tan-nefqa kapitali għandhom jiġu ppreżentati f’forma aggregata fir-rigward ta’ attività. Fil-każ ta’ impriża b’attivitajiet ekonomiċi multipli eliġibbli/allinjati mat-tassonomija, il-preżentazzjoni trid tagħmilha ċara ma’ liema attività hija relatata entrata tan-nefqa kapitali. Meta jkunu jistgħu jiġu distinti l-valuri individwali ta’ nefqa kapitali rilevanti allinjata mat-Tassonomija skont l-Anness I, it-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (b) u (c), l-impriżi ta’ rapportar jistgħu jagħżlu li jelenkawhom bħala tali fil-mudell fl-Anness II taħt attività rilevanti waħda. Il-valur totali tan-nefqa kapitali rilevanti allinjata mat-Tassonomija għal attività rilevanti jrid ikun is-somma tal-entrati fit-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punti (a), (b) u (c) fl-attivitajiet rilevanti allinjati mat-Tassonomija. Il-valuri tal-entrati differenti għandhom jiġu spjegati kif xieraq ukoll bħala parti mill-ispeċifikazzjonijiet u mill-informazzjoni kuntestwali meħtieġa skont it-Taqsima 1.2 tal-Anness I.

    28.   X’inhu l-ambitu tan-nefqa kapitali u tan-nefqa operatorja msemmija fit-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), u fl-Anness I, it-Taqsima 1.1.3.2, jiġifieri x-xiri ta’ output allinjat mat-Tassonomija u ta’ miżuri individwali?

    Issir referenza għall-ispjegazzjonijiet ipprovduti fit-tweġiba għall-mistoqsija 11 tal-ewwel Avviż tal-Kummissjoni dwar l-attivitajiet/il-miżuri li huma fl-ambitu tan-nefqa kapitali u tan-nefqa operatorja msemmija fit-Taqsima 1.1.2.2, l-ewwel paragrafu, il-punt (c) u fit-Taqsima 1.1.3.2, rispettivament (54). Għall-finijiet ta’ din il-mistoqsija f’dan l-Avviż, ir-referenzi għall-eliġibbiltà għat-Tassonomija f’dik it-tweġiba għandhom jinqraw bħala referenzi għall-allinjament mat-Tassonomija.

    Peress li l-attivitajiet ekonomiċi elenkati fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 11(3), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jiżdiedu maż-żmien mat-Tassonomija tal-UE, l-ambitu tal-attivitajiet/miżuri rilevanti jista’ jespandi.

    29.   Kif għandhom jiġu ddivulgati n-nefqa kapitali u n-nefqa operatorja integrati fil-ktajjen tal-valur fis-sitwazzjoni li fiha l-impriża ta’ rapportar tkun qed twettaq kemm l-attività ekonomika upstream kif ukoll dik downstream eliġibbli għat-Tassonomija?

    Fis-sitwazzjoni li fiha attività upstream intermedja hija definita fl-Att Delegat dwar il-Klima bħala attività awtonoma, in-nefqa kapitali jew in-nefqa operatorja assoċjati ma’ dik l-attività għandhom jiġu vvalutati b’mod indipendenti mill-użu tal-output li jirriżulta minn dik l-attività għal attività downstream oħra li hija definita wkoll fl-Att Delegat dwar il-Klima. Pereżempju, jekk impriża tipproduċi s-siment (attività elenkata fl-Anness I, it-Taqsima 3.7, tal-Att Delegat dwar il-Klima) u qed tuża dak is-siment għall-kostruzzjoni ta’ bini, in-nefqa kapitali assoċjata mal-ilħuq tal-TSC għas-siment hija allinjata mat-Tassonomija irrispettivament minn jekk il-kostruzzjoni tal-bini hijiex allinjata mat-Tassonomija. Issir referenza wkoll għall-mistoqsija 21 ta’ dan l-Avviż dwar kif l-impriżi għandhom jiddivulgaw il-fatturat minn attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija li l-output tagħhom jintuża jew jiġi kkunsmat internament.

    30.   Kif għandha tiġi vvalutata n-nefqa kapitali fir-rigward tal-allinjament mat-Tassonomija jekk l-assi li n-nefqa kapitali qed tiffinanzja jista’ jintuża għal diversi proġetti?

    Sabiex jiġi evitat l-greenwashing u jiġi previst rapportar preċiż, huwa meħtieġ li jiġi allokat biss il-proporzjon ta’ nefqa kapitali li qed jgħin b’mod effettiv fit-twettiq tal-attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija. L-entitajiet relaturi għandhom jużaw metrika mhux finanzjarja li tipprevedi allokazzjoni preċiża tan-nefqa kapitali għal attività allinjata mat-Tassonomija. Pereżempju, jekk l-assi li huwa ffinanzjat min-nefqa kapitali jipproduċi 100 unità ta’ output li huma allinjati mat-Tassonomija u 100 unità ta’ output li ma humiex allinjati mat-Tassonomija, l-impriża relatriċi tista’ tirrapporta 50 % ta’ dik in-nefqa kapitali bħala allinjati mat-Tassonomija. Il-metodoloġija użata għall-allokazzjoni tan-nefqa kapitali għal attivitajiet allinjati mat-Tassonomija għandha tkun ibbażata fuq evidenza verifikabbli.

    L-impriża relatriċi għandha tipprovdi wkoll informazzjoni kuntestwali skont it-Taqsima 1.2.3 tal-Anness I dwar:

    l-allokazzjoni tan-nefqa kapitali għal diversi proġetti, u

    il-metodoloġija għall-allokazzjoni tan-nefqa kapitali għal attivitajiet allinjati mat-Tassonomija.

    31.   Il-prepagamenti jistgħu jingħaddu bħala parti min-nefqa kapitali allinjata mat-Tassonomija?

    Il-kostijiet li għandhom jitqiesu għall-inklużjoni fil-KPI tan-nefqa kapitali huma dawk elenkati fit-Taqsima 1.1.2. tal-Anness I. L-inklużjoni ta’ dawn il-kostijiet għandha ssegwi ż-żmien tar-rekwiżiti ta’ rikonoxximent skont l-istandards kontabilistiċi relatati, peress li tali prepagamenti ma għandhomx jitqiesu bħala li jwasslu għal kostijiet li huma eliġibbli għat-Tassonomija jew allinjati magħha sakemm l-elementi relatati tan-nefqa kapitali jiġu rikonoxxuti skont l-istandards kontabilistiċi rilevanti.

    TAQSIMA IV

    MISTOQSIJIET FREKWENTI DWAR IL-KPI TAN-NEFQA OPERATORJA

    32.   Kif għandhom jitqiesu r-riċerka u l-iżvilupp fin-numeratur tal-KPI tan-nefqa operatorja fejn ma jistgħux ikunu marbuta ma’ attivitajiet speċifiċi?

    L-Anness I, it-Taqsima 1.1.3.2, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), jirrikjedi li n-nefqa operatorja li tikkonċerna r-riċerka u l-iżvilupp trid tkun “assoċjata ma’ attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija” li għandhom jiġu inklużi fin-numeratur tal-KPI tan-nefqa operatorja. Għalhekk, jekk ir-riċerka u l-iżvilupp ma jkunux jistgħu jiġu assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi allinjati mat-Tassonomija, dan ma jistax jitqies fin-numeratur tal-KPI tan-nefqa operatorja. Jekk ir-riċerka u l-iżvilupp jintużaw kemm għal attivitajiet allinjati mat-Tassonomija kif ukoll għal attivitajiet mhux allinjati mat-Tassonomija, il-kostijiet għar-riċerka u l-iżvilupp għandhom jiġu inklużi fin-numeratur tal-KPI tan-nefqa operatorja abbażi tal-kontribuzzjoni pro-rata tagħhom għall-attivitajiet allinjati mat-Tassonomija (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 26 f’dan l-Avviż).

    33.   Kif għandhom jinftiehmu u jiġu ttrattati l-kategoriji ta’ nefqa operatorja msemmija fl-Anness I, it-Taqsima 1.1.3.2(1)(a) sa (c) (Numeratur tan-Nefqa Operatorja) fin-numeratur u fid-denominatur tal-KPI tan-nefqa operatorja?

    Il-kategoriji ta’ nefqa operatorja msemmija fl-Anness I, it-Taqsima 1.1.3.2, l-ewwel paragrafu, il-punti (a) sa (c), li huma parti min-numeratur tal-KPI tan-nefqa operatorja għandhom jitqiesu wkoll fid-denominatur tal-KPI tan-nefqa operatorja.

    34.   Għal liema elementi tad-definizzjoni tad-denominatur tal-KPI tan-nefqa operatorja jirreferi l-kunċett ta’ “manutenzjoni u t-tiswija, u kwalunkwe nefqa diretta oħra relatata mas-servizzjar ta’ kuljum ta’ proprjetà, impjanti u tagħmir taħt l-Anness I, it-Taqsima 1.1.3.1?

    Il-manutenzjoni u t-tiswija, u kwalunkwe nefqa diretta oħra fid-denominatur tal-KPI tan-nefqa operatorja huma relatati prinċipalment ma’ assi fiżiċi. Madankollu, il-manutenzjoni u t-tiswija jew kostijiet diretti oħra jistgħu jkunu rilevanti wkoll għall-assi intanġibbli (eż. assi bid-dritt tal-użu, software). Bħala tali, dawk il-kostijiet kollha għandhom ikunu parti mid-denominatur tal-KPI tan-nefqa operatorja.


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 tal-4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU L 442, 9.12.2021, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1214 tad-9 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f’ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi (ĠU L 188, 15.7.2022, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 tas-6 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata minn impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, u li jispeċifika l-metodoloġija biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu ta’ żvelar (ĠU L 443, 10.12.2021, p. 9).

    (5)  https://finance.ec.europa.eu/system/files/2021-07/sustainable-finance-taxonomy-article-8-faq_en.pdf

    (6)  https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/business_economy_euro/banking_and_finance/documents/sustainable-finance-taxonomy-article-8-report-eligible-activities-assets-faq_en.pdf

    (7)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE dwar ir-rapportar ta’ attivitajiet u assi ekonomiċi eliġibbli 2022/C 385/01 (ĠU C 385, 6.10.2022, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

    (9)  ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/267/oj

    (10)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19.).

    (11)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1214 tad-9 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f’ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi (ĠU L 188, 15.7.2022, p. 1).

    (12)  Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15).

    (13)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139 tal-4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU L 442, 9.12.2021, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2178 tas-6 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kontenut u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li għandha tiġi żvelata minn impriżi soġġetti għall-Artikoli 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE dwar attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, u li jispeċifika l-metodoloġija biex ikun hemm konformità ma’ dan l-obbligu ta’ żvelar. (ĠU L 443, 10.12.2021, p. 9).

    (15)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE dwar ir-rapportar ta’ attivitajiet u assi ekonomiċi eliġibbli 2022/C 385/01 (ĠU C 385, 6.10.2022, p. 1).

    (16)  https://finance.ec.europa.eu/system/files/2021-07/sustainable-finance-taxonomy-article-8-faq_en.pdf.

    (17)  Id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1).

    (18)  Dokument tal-persunal tal-Kummissjoni ppubblikat online f’Diċembru 2021 (aġġornat f’Jannar 2022).

    (19)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

    (20)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

    (21)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1214 tad-9 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi f’ċerti setturi tal-enerġija u r-Regolament Delegat (UE) 2021/2178 fir-rigward ta’ divulgazzjonijiet pubbliċi speċifiċi għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi (ĠU L 188, 15.7.2022, p. 1).

    (22)  F’konformità mal-iskeda ta’ żmien fl-Artikolu 10 tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet, anke fir-rigward tal-attivitajiet relatati mal-enerġija nukleari u mal-gass fossili, sal-31 ta’ Diċembru 2023 l-impriżi finanzjarji għandhom jiddivulgaw biss l-elementi meħtieġa skont l-Artikolu 10(3) li jappartjenu għall-eliġibbiltà għat-Tassonomija u n-nuqqas ta’ eliġibbiltà tal-attivitajiet relatati mal-enerġija nukleari u mal-gass fossili fil-mudelli 1, 4 u 5 tal-Anness XII tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet li jappartjenu għar-rapportar tal-eliġibbiltà għat-Tassonomija kif imsemmi fl-Artikolu 8(8) tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet. Mill-1 ta’ Jannar 2024, l-impriżi finanzjarji għandhom jiddivulgaw ukoll il-proporzjonijiet tal-allinjament mat-Tassonomija tal-attivitajiet relatati mal-enerġija nukleari u mal-gass fossili fil-mudelli 2 u 3 tal-Anness XII tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 8(8) tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet. L-impriżi finanzjarji għandhom jikkalkulaw l-attivitajiet relatati mal-enerġija nukleari u mal-gass fossili fil-KPIs tagħhom billi jużaw l-aktar data reċenti disponibbli u l-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni tal-kontropartijiet tagħhom f’konformità mal-Artikolu 8(4), it-tieni subparagrafu, tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet.

    (23)  Għal aktar dettalji, issir referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija 1 tal-ewwel Avviż tal-Kummissjoni.

    (24)  Ara l-Artikolu 5 dwar it-Traspożizzjoni tas-CSRD.

    (25)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

    (26)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (riformulazzjoni) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

    (27)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

    (28)  L-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar it-Tassonomija jiċċara li “kwalunkwe impriża li hija soġġetta għal obbligu

    li tippubblika informazzjoni mhux finanzjarja taħt l-Artikolu 19a jew l-Artikolu 29a tad-Direttiva 2013/34/UE għandha tinkludi fid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja tagħha jew fid-dikjarazzjoni mhux finanzjarja kkonsolidata tagħha informazzjoni dwar kif u sa liema punt l-attivitajiet tal-impriża huma assoċjati ma’ attivitajiet ekonomiċi li jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli […].”

    (29)  Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-Mistoqsija 3 f’dan l-Avviż li tagħti dettalji dwar l-introduzzjoni gradwali tal-istandards ta’ rapportar skont is-CSRD.

    (30)  Ara, pereżempju, il-premessa (11) tal-Att Delegat dwar il-Klima u l-Anness I, it-taqsimiet 3.6, 3.10, 3.13, 4,5, 4.6, 4.7, 4.18, 4.19, 4.22, 4.23, tal-Att Delegat dwar il-Klima li jikkonċerna l-attivitajiet tal-manifattura u dawk relatati mal-enerġija.

    (31)  Jekk jogħġbok ara l-Mistoqsija 7 tal-ewwel Avviż tal-Kummissjoni għal aktar informazzjoni dwar il-kunċett ta’ rapportar volontarju.

    (32)  Għal aktar dettalji ara d-dokument tal-persunal tal-Kummissjoni FAQs: How should financial and non-financial undertakings report Taxonomy-eligible economic activities and assets in accordance with the Taxonomy Regulation Article 8 Disclosures Delegated Act?, b’mod partikolari n-nota 35 f’qiegħ il-paġna bħala parti mit-tweġiba għall-Mistoqsija 31.

    (33)  Aktar gwida dwar ir-rapportar volontarju u l-użu ta’ stimi għar-rapportar tal-eliġibbiltà fl-ewwel sena/snin

    ta’ rapportar hija pprovduta mill-Pjattaforma dwar il-Finanzi Sostenibbli fl-Appendiċi tagħha: https://finance.ec.europa.eu/system/files/2021-12/sustainable-finance-taxonomy-eligibility-reporting-voluntary-information_en.pdf

    (34)  ESMA/2015/1415en – ESMA Guidelines on Alternative Performance Measures (APMs).

    (35)  ESMA32-51-370 – Questions and answers on ESMA Guidelines on Alternative Performance Measures (APMs) – 1 ta’ April 2022 (innota li dan id-dokument jista’ jiġi aġġornat u għalhekk dejjem għandha ssir referenza għall-aħħar verżjoni tiegħu disponibbli fuq is-sit web tal-ESMA fuq https://www.esma.europa.eu/).

    (36)  It-TSC tad-DNSH għas-CCA jirrikjedu li, għal attivitajiet ġodda u għal attivitajiet eżistenti li jużaw assi fiżiċi mibnija ġodda, l-operatur ekonomiku jintegra s-soluzzjonijiet ta’ adattament li jnaqqsu r-riskji klimatiċi fiżiċi l-aktar importanti identifikati li huma rilevanti għal dik l-attività fiż-żmien tad-disinn u tal-kostruzzjoni, u jkun implimentahom qabel il-bidu tal-operazzjonijiet.

    (37)  L-attivitajiet li jippermettu kontribut sostanzjali għall-adattament għat-tibdil fil-klima bħal ċerti tipi ta’ inġinerija, assigurazzjoni u edukazzjoni jistgħu jirrapportaw il-KPI tal-fatturat għas-CCA iżda mhux għas-CCM minħabba li ma hemm l-ebda kriterju tas-SC għas-CCM għal dawn l-attivitajiet.

    (38)  Meta l-attività msemmija fis-sentenza preċedenti ma tkunx ta’ faċilitazzjoni, il-KPI tal-fatturat taħt l-objettiv tas-CCM għandu jiġi rrapportat fuq linja separata mingħajr it-tikketta E. Fil-każijiet kollha, l-impriża għandha tevita għadd doppju f’konformità mal-Anness I, it-Taqsima 1.2.2.2. KPI rrapportat fil-kolonna 4 għandu jkollu l-istess ċifra bħal fil-kolonna 18.

    (39)  Il-fatturat ta’ attività bħal din ikun rikonoxxut fin-numeratur tal-KPI tal-fatturat biss wara li l-attività ssir allinjata mat-Tassonomija.

    (40)  Ara l-Att Delegat dwar il-Klima, l-Anness I, it-Taqsima 3.3. “Il-manifattura ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju għat-trasport”.

    (41)  Ladarba jiġu stabbiliti TSC għall-SC lejn dawk l-objettivi, jista’ jkun hemm bżonn ta’ nefqa kapitali addizzjonali biex l-attività tikkontribwixxi sostanzjalment għal dawk l-objettivi.

    (42)  Ara l-Mistoqsija 1 tal-ewwel Avviż tal-Kummissjoni għal aktar dettall.

    (43)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/815 tas-17 ta’ Diċembru 2018 li jissupplimenta d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ispeċifikazzjoni tal-format elettroniku uniku għar-rapportar (ir-Regolament ESEF) (ĠU L 143, 29.5.2019, p. 1).

    (44)  Issir referenza għad-deskrizzjoni tal-applikazzjoni f’fażijiet fit-tweġiba għall-mistoqsija 3 ta’ dan l-Avviż.

    (45)  Skont l-Artikolu 40a(1), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà kif emendata mis-CSRD.

    (46)  L-impriża finanzjarja tiddivulga l-GAR/GIR fuq il-bażi tal-KPIs tal-fatturat tad-destinatarji ta’ investiment u l-GAR/GIR abbażi tal-KPIs tan-nefqa kapitali ta’ dawk l-impriżi f’konformità mal-Anness III, it-Taqsima 1.2; l-Anness V, it-Taqsima 1.2.1, ir-raba’ paragrafu, il-punt (a); l-Anness VII, it-Taqsima 2.4, l-ewwel paragrafu; u l-Anness IX, it-Taqsima 1, ir-raba’ paragrafu.

    (47)  l-Artikolu 7(4), l-aħħar paragrafu, tal-Att Delegat dwar id-Divulgazzjonijiet.

    (48)  Ara l-aħħar paragrafi tal-Anness I, it-taqsima 1.2.3.2

    (49)  Ara l-Anness I, it-taqsima 1.2.3.1, l-aħħar paragrafu.

    (50)  Is-sentenza li ġejja tiżdied fid-deskrizzjoni tal-attività: “Attività ekonomika f’din il-kategorija ta’ faċilitazzjoni kif imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2020/852 meta tissodisfa l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar speċifikati f’din it-taqsima.”

    (51)  It-Taqsimiet 1.1.2.2, il-paragrafu finali, u t-Taqsima 1.1.3.2, ir-raba’ paragrafu tal-Anness I.

    (52)  Il-kost tal-bejgħ/tal-konsum intern tal-attivitajiet allinjati mat-Tassonomija jista’ jikkwalifika bħala nefqa operatorja taħt l-Anness I, it-Taqsima 1.1.3.2, il-punt (c).

    (53)  Huwa rrakkomandat li l-impriżi jintegraw il-pjanijiet tan-nefqa kapitali tagħhom fil-pjanijiet ta’ tranżizzjoni tagħhom imsemmija fis-CSRD.

    (54)  Fit-tielet paragrafu tat-tweġiba għall-mistoqsija 11 tal-ewwel Avviż tal-Kummissjoni, ir-referenza għat-Taqsima 1.1.3.2 hija maħsuba biex tirreferi għat-Taqsima 1.1.2.2 tal-Anness I.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/305/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top