This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023XC00160
Notice of initiation of an anti-subsidy proceeding concerning imports of new battery electric vehicles designed for the transport of persons originating in the People’s Republic of China
Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija maħsuba għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija maħsuba għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
C/2023/6731
ĠU C, C/2023/160, 4.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/160/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje C |
C/2023/160 |
4.10.2023 |
Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija maħsuba għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
(C/2023/160)
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) tibda fuq l-inizjattiva tagħha stess proċediment antisussidji skont l-Artikolu 10(8) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), dwar il-motivi li l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi ġodda bil-batterija għat-trasport ta’ persuni li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, qegħdin ikunu sussidjati u b’hekk qegħdin joħolqu ħsara (2) lill-industrija tal-Unjoni.
1. Informazzjoni dwar is-suq
Wara analiżi fil-fond tal-iżviluppi reċenti tas-suq u meta titqies is-sensittività tas-settur tal-vetturi elettriċi u l-importanza strateġika tiegħu għall-ekonomija tal-UE f’termini ta’ innovazzjoni, valur miżjud u impjiegi, il-Kummissjoni ġabret informazzjoni dwar is-suq minn diversi sorsi indipendenti. Din l-informazzjoni għandha t-tendenza li turi l-eżistenza ta’ sussidjar mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li affettwat b’mod negattiv is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.
Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, hemm biżżejjed evidenza li turi li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jibbenefikaw minn sussidji kumpensabbli pprovduti mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dawk is-sussidji ppermettew lill-importazzjonijiet sussidjati jżidu malajr is-sehem mis-suq tagħhom fl-UE għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni. It-Taqsima 3 ta’ din in-Notifika tipprovdi aktar informazzjoni f’dan ir-rigward.
L-evidenza disponibbli, kif imqassra fit-Taqsima 4 ta’ din in-Notifika, turi l-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet sussidjati bi prezz baxx li toħloq theddida imminenti ta’ ħsara lil industrija diġà vulnerabbli tal-UE. Tali żieda f’daqqa ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx, li jiksbu sehem sinifikanti mis-swieq f’suq li qed jikber b’rata mgħaġġla li fih hija meħtieġa rata sinifikanti u sostnuta ta’ investimenti hekk kif is-suq tal-Unjoni jagħmel tranżizzjoni għal elettrifikazzjoni totali, twassal lill-industrija tal-Unjoni biex iġġarrab telf kbir li jista’ jirriżulta malajr bħala mhux sostenibbli.
F’dawn iċ-ċirkostanzi speċjali, peress li l-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza li għandha tendenza turi l-eżistenza ta’ sussidjar, theddida ta’ ħsara u rabta kawżali meħtieġa għall-bidu ta’ investigazzjoni antisussidji, hija ddeċidiet, f’konformità mal-Artikolu 10(8) tar-Regolament bażiku, li tipproċedi b’tali bidu mingħajr ma irċeviet ilment bil-miktub mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha.
Skont l-Artikolu 11(11) tar-Regolament bażiku, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili huma mitluba jikkooperaw mal-Kummissjoni f’investigazzjonijiet li nbdew abbażi tal-Artikolu 10(8).
Għall-fini ta’ din l-investigazzjoni ex officio, il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-anonimità, kif spjegat fit-Taqsima 5.8 ta’ din in-Notifika.
It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.
2. Prodott li qiegħed jiġi investigat
Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa vetturi elettriċi ġodda bil-batterija (“BEVs”), prinċipalment iddisinjati għat-trasport ta’ disa’ persuni jew inqas, inkluż is-sewwieq, li jaħdmu (3) biss b’mutur elettriku wieħed jew aktar. Il-muturi huma esklużi mill-investigazzjoni preżenti.
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (4).
3. Evidenza tas-sussidjar
Il-prodott li allegatament huwa oġġett ta’ sussidjar huwa l-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”) bħalissa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex8703 80 10. Il-kodiċi NM huwa pprovdut għall-fini ta’ informazzjoni biss mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja. L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa soġġett għad-definizzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat kif tinsab fit-taqsima 2.
Il-Kummissjoni ġabbret biżżejjed evidenza li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina gawdew minn diversi sussidji mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
Il-prattiki tas-sussidji jikkonsistu, fost l-oħrajn fi (1) trasferimenti diretti u potenzjalment diretti ta’ fondi jew obbligazzjonijiet, (2) dħul tal-gvern mitluf jew mhux miġbur, (3) forniment ta’ prodotti jew servizzi mill-gvern għal remunerazzjoni mhux adegwata.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni sabet evidenza, fost l-oħrajn, ta’ diversi għotjiet, għoti ta’ self, krediti għall-esportazzjoni u linji ta’ kreditu pprovduti minn banek tal-Istat jew bonds sottoskritti minn banek tal-Istat u istituzzjonijiet finanzjarji oħra b’termini preferenzjali, għoti ta’ assigurazzjoni tal-esportazzjoni preferenzjali; tnaqqis u eżenzjonijiet mit-taxxa fuq l-introjtu, eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dividendi, rifużjonijiet tat-taxxa fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni; eżenzjonijiet u rifużjonijiet tal-VAT; u l-forniment mill-gvern ta’ oġġetti (bħal materja prima u ta’ input kif ukoll komponenti) u servizzi għal remunerazzjoni li tkun anqas minn waħda adegwata.
L-iskemi ta’ hawn fuq jidhru li huma sussidji peress li jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew minn gvernijiet reġjonali oħra (inklużi korpi pubbliċi), jew minn korpi privati diretti jew fdati mill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jagħtu benefiċċju lir-riċeventi. Dawn jidhru li huma speċifiċi u, għalhekk, kumpensabbli, fost l-oħrajn, peress li huma limitati għal ċerti setturi, prodotti u/jew reġjuni.
Fid-dawl tal-Artikoli 10(2) u 10(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħejjiet memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza li fih il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evidenza kollha għad-dispożizzjoni tagħha rigward il-pajjiż ikkonċernat u li abbażi tagħha l-Kummissjoni tibda l-investigazzjoni. Dan il-memorandum jista’ jinstab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati.
Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga sussidji rilevanti oħrajn li jistgħu jiġu żvelati matul l-investigazzjoni.
4. Allegazzjoni ta’ theddida ta’ ħsara u kawżalità
In-natura varjata tas-sussidji inkwistjoni turi li dawn jiffavorixxu diversi aspetti relatati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, filwaqt li jiżguraw appoġġ kontinwu għal dan is-settur. Għalhekk huwa prevedibbli li l-importazzjonijiet sussidjati tal-prodott ikkonċernat jistgħu jkomplu jaffettwaw b’mod negattiv is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.
Il-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet sussidjati tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’rata sinifikanti kemm f’termini assoluti kif ukoll f’termini ta’ sehem mis-suq. Tali żieda, flimkien ma’ elementi oħra bħall-kapaċità liberament disponibbli u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni f’termini ta’ prezzijiet, jindikaw il-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet fil-futur qarib.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet evidenza li hemm biżżejjed kapaċità disponibbli liberament fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li hemm żieda imminenti u sostanzjali f’tali kapaċità li ma tidhirx assorbabbli minn swieq oħrajn, li tindika l-probabbiltà ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet oġġett ta’ sussidjar li tikkawża ħsara.
L-evidenza għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni turi wkoll li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet sussidjati huma ferm aktar baxxi meta mqabbla mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u b’mod li jnaqqsu l-prezzijiet jew jipprekludu żidiet fil-prezzijiet li kieku kienu jseħħu u, konsegwentement, ipoġġu pressjoni sinifikanti fuq il-bejgħ, l-ishma mis-suq u l-marġnijiet tal-profitt tal-Unjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti f’kuntest fejn l-industrija tal-UE se jkollha bżonn tikseb volumi ogħla ta’ bejgħ fis-suq tal-BEV biex tassorbi l-investimenti kbar li teħtieġ tonfoq biex tibqa’ kompetittiva fit-tranżizzjoni għal elettrifikazzjoni sħiħa. Iż-żieda f’daqqa ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx ta’ BEVs li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jiksbu ishma sinifikanti mis-swieq f’suq li qed jikber twassal lill-industrija tal-Unjoni biex iġġarrab telf kbir li jista’ jirriżulta malajr bħala mhux sostenibbli.
L-inventarji tal-prodott li qiegħed jiġi investigat jistgħu jkunu rilevanti, għalkemm, b’mod ġenerali, l-industrija tal-karozzi taħdem abbażi tal-ordnijiet.
5. Proċedura
F’dawn iċ-ċirkostanzi speċjali, billi teżisti biżżejjed evidenza ta’ sussidjar, theddida ta’ ħsara u rabta kawżali meħtieġa għall-bidu ta’ proċediment antisussidji, wara li jiġu informati l-Istati Membri, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu ex officio għal investigazzjoni skont l-Artikolu 10(8) tar-Regolament bażiku.
L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott investigat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat huwiex qed jiġi ssussidjat u jekk l-importazzjonijiet issussidjati jikkawżaw ħsara għall-industrija tal-Unjoni.
Jekk il-konklużjonijiet ikunu affermattivi, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.
Il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ġie mistieden għal konsultazzjonijiet.
5.1. Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat
L-investigazzjoni ta’ sussidjar u dwar il-ħsara se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).
5.2. Kummenti dwar il-fajl u l-bidu tal-investigazzjoni
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar il-fajl (inklużi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħsara u mar-rabta ta’ kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
5.3. Il-proċedura għad-determinazzjoni tas-sussidjar
Il-produtturi esportaturi (5) tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.3.1. Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi
Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fil-pajjiż ikkonċernat
(a) Kampjunar
Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan il-proċediment u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AS689_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinstab fit-Taqsima 5.7.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi.
Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, se tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk ġewx inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2684.
Il-Kummissjoni se żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien 3 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kull assoċjazzjoni ta’ produtturi esportaturi magħrufa, u għall-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
Bla preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw”). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima (b) hawn taħt, id-dazju kumpensatorju li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw ma għandux jaqbeż l-ammont medju pponderat ta’ sussidju stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (6).
(b) Ammont individwali ta’ sussidjar kompensabbli għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun
Skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-ammont ta’ sussidju individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal ammont ta’ sussidjar kumpensabbli individwali jridu jimlew il-kwestjonarju u jirritornawh debitament mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, kemm-il darba ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi tinsab fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2684.
Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħux jingħataw ammont ta’ sussidju individwali skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku.
Madankollu, il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw, li jitolbu ammont ta’ sussidjar kumpensabbli individwali, għandhom ikunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tikkalkulax l-ammont ta’ sussidjar kumpensabbli individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw tant ikun kbir li jkun wisq diffiċli biex dan jiġi stabbilit u minħabba f’hekk l-investigazzjoni ma tkunx tista’ titlesta fil-ħin.
5.3.2. Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (7) (8)
L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat li jimportaw mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.
Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
B’hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Jekk kampjun ikun meħtieġ, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-importaturi mhux relatati magħrufa kollha u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa ta’ importaturi kollha dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.
Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien 3 ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-importaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2684
5.4. Proċedura għall-istabbiliment tal-ħsara u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Id-determinazzjoni tal-ħsara tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet issussidjati, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi ħsara, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li jkun qed jiġi investigat huma rikjesti jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari meta jitqies l-Artikolu 11(11) tar-Regolament bażiku.
Minħabba li jidher li hemm potenzjalment għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex titlesta l-investigazzjoni fil-perjodi stabbiliti, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi tal-Unjoni kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AS689_SAMPLING_FORM_FOR_EU_PRODUCER. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinstab fit-Taqsima 5.7.
Il-Kummissjoni se żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati se jkunu mistednin jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tan-notifika tal-kampjun proviżorju. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (3) ijiem mid-data tan-notifika tal-kampjun proviżorju, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi u/jew assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha tal-Unjoni bil-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu inklużi fil-kampjun.
Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2684.
5.5. Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidju u ta’ ħsara kkawżata minnu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri kumpensatorji tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi, il-produtturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni.
L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interessi tal-Unjoni trid tingħata fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ħieles jew inkella billi jiġi komplut kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott li qed jiġi investigat, hija disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2684. L-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 31 titqies biss jekk tkun sostnuta minn evidenza fattwali meta tiġi ppreżentata.
5.6. Partijiet interessati
Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi, il-fornituri u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qiegħed jiġi investigat.
Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni disponibbli f’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3.1, 5.3.2, 5.4 u 5.5 ta’ hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.
Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat. Il-fatt li wieħed jitqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.
L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet f“dik il-paġna biex ikollok aċċess (9).
5.7. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ mas-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-smigħ ikun limitat għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.
L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġej:
— |
Għal kwalunkwe seduta ta’ smigħ li ssir qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika u s-seduta ta’ smigħ normalment isseħħ fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. |
— |
Wara l-istadju proviżorju, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni proviżorja jew tad-dokument ta’ informazzjoni, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-divulgazzjoni jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni. |
— |
Fl-istadju definittiv, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fil-perjodu mogħti biex isiru kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir sal-iskadenza sabiex isiru l-kummenti dwar din id-divulgazzjoni. |
L-iskeda ta” żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.
Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara smigħ.
5.8. Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu lill-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu li l-identità tagħhom ma tiġix żvelata. L-anonimità tingħata abbażi ta’ raġuni tajba murija fit-talba.
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (Sensittivi) (10). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma obbligati jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Jenħtieġ li dawn it-taqsiriet ikunu dettaljati biżżejjed biex is-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata kunfidenzjalment tkun tista’ tinftiehem b’mod raġonevoli.
Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inkluż dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika pprovdut ikun indirizz tal-posta elettronika uffiċċjali tax-xogħol li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux espliċitament li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza: |
Il-Kummissjoni Ewropea |
Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ |
Id-Direttorat G |
Uffiċċju: CHAR 04/039 |
1049 Bruxelles/Brussel |
BELGIQUE/BELGIË |
Indirizz elettroniku:
Sussidju: mailto:TRADE_AS689_BEV_SUBSIDY@ec.europa.eu
Ħsara: mailto:TRADE_AS689_BEV_INJURY@ec.europa.eu
6. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u, fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti, normalment, mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.
Skont l-Artikolu 29a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ (4) ġimgħat qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati se jingħataw tlett (3) ijiem tax-xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli.
F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli bl-investigazzjoni, erba’ (4) ġimgħat qabel ma tiskorri l-iskadenza l-partijiet interessati jiġu infurmati bil-miktub li mhux se jiġu imposti dazji, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku.
Fil-prinċipju, il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Fejn ikun applikabbli, id-divulgazzjoni finali addizzjonali tispeċifika l-iskadenza li fiha l-partijiet interessati jridu jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub.
7. Preżentazzjoni tal-informazzjoni
Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika. Il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra mhux koperta minn dawk it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:
— |
Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. |
— |
Kemm-il darba ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni proviżorja jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju proviżorju. Lil hinn minn tali skadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida diment li tali partijiet ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex jirribattu l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u diment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin. |
— |
Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta aktar preżentazzjonijiet mill-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar l-iżvelar finali addizzjonali. |
8. Possibbiltà għal kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra
Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet tal-partijiet interessati l-oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.
Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:
— |
Jenħtieġ li kull kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, isir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, kemm-il darba ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
— |
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
— |
Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni li jipprovdu partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, kemm-il darba ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduti minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. |
L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob għal informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.
9. Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika
Jenħtieġ li l-estensjonijiet għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jintalbu biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u jingħataw biss jekk ikunu debitament iġġustifikati.
Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni fl-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem, u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem.
Rigward l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal tlett (3) ijiem dment li ma jintweriex li hemm ċirkostanzi eċċezzjonali.
10. Nuqqas ta’ kooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, il-konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.
Fejn jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u l-konklużjonijiet ikunu għalhekk ibbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata kkonċernata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.
11. Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment.
L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti interessata/partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.
Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta malajr kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għaliex dawn it-talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament iqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_mt.
12. Ipproċessar ta’ data personali
Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).
Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W.
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.
(2) It-terminu ġenerali “ħsara” jirreferi għal ħsara materjali kif ukoll għat-theddida ta’ ħsara materjali jew għad-dewmien materjali biex tiġi stabbilita industrija, kif stipulat fl-Artikolu 2(d) tar-Regolament bażiku.
(3) irrispettivament min-numru ta’ roti mċaqalqa.
(4) Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(5) Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott investigat.
(6) Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, ma għandhomx jitqiesu l-ammonti żero u de minimis kollha tas-sussidji kumpensabbli u l-ammonti tas-sussidji kumpensabbli stabbiliti fiċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.
(7) Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma maħruġa bi dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn minnhom ikunu kkontrollati direttament jew indirettament minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed biss), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(8) Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti ta’ din l-investigazzjoni, għajr biex jiġi ddeterminat is-sussidjar.
(9) F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lit-Trade Service Desk permezz tal-posta elettronika lil mailto:trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 2 297 97 97.
(10) Dokument immarkat “Sensitive” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 12.4 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(11) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.
ANNESS
☐ |
Verżjoni sensittiva |
☐ |
Verżjoni għall-ispezzjoni minn partijiet interessati |
(immarka l-kaxxa rilevanti) |
PROĊEDIMENT ANTISUSSIDJI LI JIRRIGWARDA L-IMPORTAZZJONIJIET TA’ VETTURI ELETTRIĊI ĠODDA BIL-BATTERIJA MAĦSUBA GĦAT-TRASPORT TA’ PERSUNI LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA
INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI
Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għal talba għall-informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.2 tan-notifika ta’ bidu.
Kemm il-verżjoni “ Sensitive ” kif ukoll il-verżjoni “ For inspection by interested parties ” jenħtieġ li jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-notifika ta’ bidu.
1. DETTALJI TA’ KUNTATT U IDENTITÀ
Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:
Isem il-kumpanija |
|
Indirizz |
|
Persuna ta’ kuntatt |
|
Indirizz elettroniku |
|
Numru tat-telefon |
|
2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ
Indika l-fatturat totali f’euro (EUR) tal-kumpanija, il-valur f’euro (EUR) u l-volum f’biċċiet għall-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami tal-prodott taħt rieżami kif definit fin-notifika ta’ bidu.
|
Biċċiet |
Valur f’euro (EUR) |
Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR) |
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina |
|
|
Importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat (joriġina minn fejn joriġina) |
|
|
Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott li qed jiġi investigat |
|
|
3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)
Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat. Dawn l-attivitajiet jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott investigat, il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.
Isem u lokalità tal-kumpanija |
Attivitajiet |
Relazzjoni |
|
|
|
|
|
|
|
|
|
4. INFORMAZZJONI OĦRA
Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tista’ tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.
5. ĊERTIFIKAZZJONI
Billi tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fuq il-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.
Firma tal-uffiċjal awtorizzat:
Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:
Data:
(1) F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma maħruġa bi dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn minnhom ikunu kkontrollati direttament jew indirettament minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed biss), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/160/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)