EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023SC0217

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Sistema ġdida tal-UE għall-evitar tat-tassazzjoni doppja u l-prevenzjoni tal-abbuż tat-taxxa fil-qasam tal-proċeduri tat-taxxi f’ras il-għajn (WHT) Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Ħelsien Aktar Rapidu u Aktar Sikur mit-Taxxi f’Ras il-Għajn Eċċessivi

SWD/2023/217 final

Brussell, 19.6.2023

SWD(2023) 217 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Sistema ġdida tal-UE għall-evitar tat-tassazzjoni doppja u l-prevenzjoni tal-abbuż tat-taxxa fil-qasam tal-proċeduri tat-taxxi f’ras il-għajn (WHT)

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill

dwar Ħelsien Aktar Rapidu u Aktar Sikur mit-Taxxi f’Ras il-Għajn Eċċessivi

{COM(2023) 324 final} - {SEC(2023) 243 final} - {SWD(2023) 215 final} - {SWD(2023) 216 final}


Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt fuq “Sistema ġdida tal-UE għall-evitar tat-tassazzjoni doppja u l-prevenzjoni tal-abbuż tat-taxxa fil-qasam tal-proċeduri tat-taxxi f’ras il-għajn (WHT)”

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

Bl-investimenti transfruntiera, ħafna pajjiżi tal-UE jimponu taxxi f’ras il-għajn meta d-dividendi u l-imgħax fuq it-titoli jitħallsu lill-investitur mhux residenti. Madankollu, din it-taxxa ġeneralment tiġi imposta b’rata li hija ogħla mir-rata mnaqqsa li l-investitur mhux residenti huwa intitolat għaliha, skont it-trattat dwar it-taxxa jew il-leġiżlazzjoni domestika rilevanti.

Sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja, l-investituri mhux residenti jkollhom jissottomettu talba għal rifużjoni tat-taxxa f’ras il-għajn eċċessiva fil-pajjiż tal-UE li minnu jsir il-pagament (il-“pajjiż ta’ oriġini”).

Il-proċeduri attwali tar-rifużjoni tat-taxxa f’ras il-għajn għad-dividendi u l-pagamenti tal-imgħax lill-investituri mhux residenti huma:

·ineffiċjenti (iwasslu għal proċeduri ta’ rifużjoni għaljin u twal)

·f’riskju għoli ta’ abbuż tat-taxxa (iwasslu għal telf fid-dħul għall-Istati Membri).

Dawn il-problemi jseħħu fil-kuntest ta’ stat mhux uniformi ta’ diġitalizzazzjoni fil-pajjiżi tal-UE u taħlita frammentata ta’ proċeduri nazzjonali tat-taxxa f’ras il-għajn.

Il-problemi identifikati jirriżultaw ukoll min-nuqqas ta’ informazzjoni akkurata li għandhom l-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Din hija meħtieġa biex jiġu vvalutati u applikati b’mod xieraq ir-rati tat-taxxa f’ras il-għajn imnaqqsa u biex jiġu rikonoxxuti b’mod effettiv il-prattiki abbużivi.

Is-sitwazzjoni attwali tiskoraġġixxi l-investiment transfruntier fl-UE u lejn l-UE u konsegwentement twassal għal suq tal-UE inqas kompetittiv, li jxekkel il-funzjonament tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

Fl-aħħar mill-aħħar, ir-riskju li l-proċeduri jiġu abbużati inaqqas ukoll id-dħul mit-taxxa u l-ġustizzja fiskali.

X’għandu jinkiseb?

L-objettivi ġenerali tal-inizjattiva huma relatati mal-iżgurar ta’ tassazzjoni ġusta u t-tisħiħ tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali billi:

·tiffaċilita l-investiment transfruntier, u

·tipprevjeni l-abbuż tat-taxxa.

L-objettivi speċifiċi tal-inizjattiva huma li:

·tagħmel il-proċeduri tat-taxxa f’ras il-għajn aktar effiċjenti, u

·tipprovdi għodod xierqa lill-Istati Membri biex jiġġieldu l-abbuż tat-taxxa.

 

Dawn l-objettivi huma ta’ importanza ugwali.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?

Minħabba l-frammentazzjoni eżistenti fl-UE, hemm bżonn regoli proċedurali standardizzati għat-taxxi f’ras il-għajn sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq uniku. Sabiex jiġu sfruttati l-benefiċċji sħaħ tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-investituri ta’ portafoll jeħtieġu regoli tat-taxxa f’ras il-għajn li jiġu applikati b’mod aktar uniformi madwar l-UE minflok ma jkollhom jikkonformaw ma’ regoli differenti f’kull pajjiż tal-UE.

Peress li l-problema tinħoloq f’kuntest transfruntier biss, jidher li l-azzjoni tal-UE hija l-aktar mod effettiv biex jinkisbu proċeduri tat-taxxa f’ras il-għajn aktar rapidi u biex jiġu miġġielda każijiet tat-taxxa abbużivi.

Peress li l-inizjattivi ta’ liġi mhux vinkolanti meħuda mill-Kummissjoni (bħar-Rakkomandazzjoni tal-2009 dwar proċeduri għall-ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn u l-kodiċi ta’ kondotta tal-2017 dwar it-taxxa f’ras il-għajn) ma wasslux għar-riżultati mixtieqa, issa jeħtieġ proposta fil-livell tal-UE b’impatt vinkolanti biex jintlaħqu l-objettivi.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma d-diversi għażliet sabiex jintlaħqu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

L-objettivi jistgħu jintlaħqu bi tliet għażliet ta’ politika:

-Għażla 1 – ċertifikat diġitali komuni ta’ residenza tat-taxxa tal-UE (eTRC) + rapportar standardizzat. Din tikkonsisti f’dawn li ġejjin:

oit-twaqqif ta’ eTRC standardizzat fl-UE kollha – dan iċ-ċertifikat diġitali (b’kontenut u format komuni) jinħareġ/jiġi vverifikat online u kważi f’ħin reali mill-pajjiżi tal-UE kollha.

ol-introduzzjoni ta’ standard ta’ rapportar komuni – standard ta’ rapportar fl-UE kollha jżid it-trasparenza, peress li kull intermedjarju tul il-katina finanzjarja jirrapporta sett ta’ informazzjoni definit tajjeb lill-pajjiż ta’ oriġini tal-UE. Din il-prattika tkun akkumpanjata minn proċeduri standardizzati ta’ diliġenza dovuta, regoli ta’ responsabbiltà u formoli ta’ rifużjoni, li għandhom jiġu ppreżentati f’isem il-klijenti/il-kontribwenti fuq bażi awtomatizzata.

-Għażla 2 – sistema ta’ ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn. Din l-għażla tgħaqqad l-għażla 1 mal-istabbiliment ta’ sistema ta’ ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn li tippermetti li r-rati mnaqqsa skont il-ftehimiet dwar it-taxxa doppja jew ir-regoli domestiċi jiġu applikati direttament fil-mument tal-pagament tad-dividendi/imgħax. Skont l-għażla 2, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jimmonitorjaw it-taxxi dovuti wara li jsir il-pagament tad-dividendi/tal-imgħax.

-Għażla 3 – sistema tar-rifużjoni rapida f’perjodu ta’ żmien stabbilit jew/u ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn. Din l-għażla tinkludi l-għażla 1 bir-rekwiżit miżjud li l-Istati Membri li japplikaw sistema ta’ rifużjoni għandhom jiżguraw li t-talba għall-irkupru tiġi ttrattata f’perjodu ta’ żmien definit minn qabel, l-hekk imsejħa Sistema tar-rifużjoni rapida. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew ikomplu jimplimentaw sistema tal-ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn. 

L-għażla ta’ politika ppreferuta hi l-Għażla 3, minħabba li:

·tkun effettiva ħafna biex tindirizza l-problemi identifikati f’termini ta’ veloċità, proċessi aktar sempliċi u proċeduri aktar diġitali.

·tkun aktar sikura, peress li tagħti l-għażla lill-pajjiżi tal-UE li jżommu kontroll bil-quddiem fuq it-talbiet għal rifużjoni.

·tipprovdi triq ’il quddiem li għandha tkun politikament fattibbli fil-pajjiżi kollha tal-UE.

X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Min jappoġġa dawn l-għażliet?

Hemm kunsens wiesa’ fost il-partijiet ikkonċernati dwar il-problemi li jirriżultaw mill-proċeduri tat-taxxa f’ras il-għajn differenti fil-pajjiżi tal-UE u dwar il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni frammentata u ineffiċjenti.

Madankollu, hemm differenzi bejn il-gruppi ewlenin tal-partijiet ikkonċernati dwar għażliet possibbli biex isir dan:

L-investituri u l-intermedjarji finanzjarji qiesu b’mod ċar li l-ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn jipprovdi l-aħjar riżultati bħal għajnuna bikrija għall-investituri u piż limitat fuq l-intermedjarji. Għarfu wkoll li sistema tal-ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn x’aktarx tkun teħtieġ li tiġi kkomplementata minn sistemi ta’ rifużjoni tat-taxxa f’ras il-għajn, bħala riżerva. Għalhekk appoġġaw inizjattiva li jkollha wkoll l-għan li tistandardizza l-proċessi u l-formoli attwali tar-rifużjonijiet tat-taxxa f’ras il-għajn.

L-Istati Membri esprimew appoġġ għall-introduzzjoni ta’ ċertifikat diġitali komuni ta’ residenza tat-taxxa fl-UE. Fir-rigward tal-obbligu ta’ rapportar u proċedura standardizzata:

(a) l-Istati Membri li r-rata domestika tagħhom għall-investituri mhux residenti tkun aktar baxxa jew l-istess bħar-rata tat-trattat bilaterali dwar it-taxxa, ma jkunux affettwati direttament mill-istandardizzazzjoni tal-proċeduri tat-taxxa f’ras il-għajn jew mir-rapportar. Xi wħud minn dawk l-Istati Membri esprimew appoġġ għal azzjoni fil-livell tal-UE peress li se ttejjeb il-pożizzjoni tal-investituri tagħhom.

(b) l-Istati Membri li r-rata tat-taxxa f’ras il-għajn interna tagħhom tkun ogħla mir-rata rispettiva tat-trattat bilaterali dwar it-taxxa qablu b’mod ġenerali dwar it-tisħiħ tat-trasparenza u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri tat-taxxa f’ras il-għajn, filwaqt li enfasizzaw l-importanza li jilħqu bilanċ bejn l-effiċjenza ta’ dawk il-proċeduri u ż-żamma ta’ kontroll fuq il-proċessi biex jipprevjenu l-abbuż tat-taxxa.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (Għażla 3 - Ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn jew Sistema tar-Rifużjoni Rapida-)?

-L-investituri jibbenefikaw minn inqas telf ta’ rifużjonijiet tat-taxxa f’ras il-għajn, inqas kostijiet amministrattivi u inqas tnaqqis fil-kostijiet tal-opportunità. Dan l-iffrankar tal-kostijiet huwa stmat li jammonta għal €5,17 biljun fis-sena għall-investituri, fosthom €409 miljun iffrankati kull sena minħabba tnaqqis fil-burokrazija għall-investituri tal-UE.

-L-amministrazzjonijiet tat-taxxa – fuq perjodu ta’ żmien twil, jistgħu jkunu meħtieġa inqas riżorsi biex jiġu ttrattati l-proċeduri tat-talbiet għall-irkupru tat-taxxa f’ras il-għajn, u għalhekk jistgħu jerġgħu jiġu allokati aktar riżorsi biex jindirizzaw każijiet ta’ riskju ogħla. Madankollu, il-benefiċċju ewlieni għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa huwa d-disponibbiltà tal-informazzjoni xierqa biex jitlestew il-proċeduri tat-taxxa f’ras il-għajn aktar fil-pront u biex jiġġieldu l-abbuż tat-taxxa.

-L-intermedjarji finanzjarji – id-diġitalizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni fil-livell tal-UE jipproduċu ffrankar konsiderevoli (stmat għal madwar EUR 13,5-il miljun fis-sena). Iż-żieda fl-investiment għandha tkun ta’ benefiċċju għall-intermedjarji finanzjarji u għandha żżid l-opportunitajiet biex ittejjeb il-fatturat.

-L-effetti makroekonomiċi – mistennija żieda ta’ 0,025 % fil-PDG. Din l-għażla se jkollha wkoll impatt pożittiv fuq indikaturi makroekonomiċi oħra bħall-kapital, il-pagi u l-impjiegi.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (Għażla 3 -Ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn jew Sistema tar-Rifużjoni Rapida-)?

-L-investituri – ma huwa antiċipat l-ebda kost addizzjonali għall-investituri, peress li diġà huma meħtieġa jissottomettu dokumenti għar-rifużjonijiet tat-taxxa f’ras il-għajn.

-L-amministrazzjonijiet tat-taxxa — il-kostijiet ewlenin huma relatati mal-proċessi meħtieġa għall-ħruġ/verifika tal-eTRC, li huma stmati għal €4,9-54 miljun f’kostijiet tal-iżvilupp u €0,97-10,8 miljun f’kostijiet rikorrenti; u titjib fis-sistemi ta’ rapportar, li huwa stmat li jġarrab €18,2 miljun f’kostijiet ta’ implimentazzjoni u €3,5 miljun f’kostijiet annwali rikorrenti.

-L-intermedjarji finanzjarji – il-kostijiet imġarrba biex jiġi stabbilit il-mekkaniżmu li jissodisfa r-rekwiżiti skont l-għażla 3 jammontaw għal €75,9 miljun f’kostijiet ta’ implimentazzjoni u €13-il miljun f’kostijiet rikorrenti.

-L-effetti makroekonomiċi – minħabba li se jkun hemm anqas każijiet ta’ tassazzjoni doppja, l-Istati Membri se jiffaċċjaw tnaqqis fid-dħul mit-taxxa stmat għal €2,2 biljun (dan jista’ jiġi kkumpensat mill-prevenzjoni tal-frodi).

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u l-kompetittività?

L-impatt għall-SMEs jista’ jkun limitat minħabba li l-inizjattiva hija mmirata l-aktar lejn l-investituri ta’ portafoll, li ġeneralment jinvestu f’kumpaniji kkwotati.

Madankollu, l-SMEs jaġixxu wkoll bħala investituri f’titoli (bħala investituri ta’ portafoll jew bħala veikoli ta’ investiment). F’dawn il-każijiet, jibbenefikaw mill-proposta attwali f’termini ta’ aċċess aħjar għar-rati ta’ tnaqqis tat-taxxa f’ras il-għajn li huma intitolati għalihom, filwaqt li jevitaw it-tassazzjoni doppja. B’hekk jibbenefikaw minn likwidità akbar minħabba rifużjonijiet aktar rapidi, li huwa ta’ vantaġġ għall-SMEs.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħrajn?

L-ebda impatt sinifikanti ieħor. Madankollu, l-inizjattiva hija mistennija li jkollha impatt soċjali pożittiv limitat, peress li tiżgura tassazzjoni aktar ġusta; kif ukoll impatt ambjentali pożittiv limitat, minħabba t-tnaqqis mistenni fil-proċessi ta’ rifużjoni bbażati fuq il-karti. Għalhekk, l-inizjattiva attwali hija konsistenti mal-issodisfar tal-objettiv tan-newtralità klimatika kif mitlub mil-Liġi Ewropea dwar il-Klima.

Proporzjonalità?

L-għażla ppreferuta tissodisfa l-objettivi tal-inizjattiva b’mod proporzjonat, fis-sens li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tilħaq l-objettivi u tillimita l-ambitu għal dawk l-aspetti li l-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jiksbu waħedhom (eTRC fl-UE kollha, qafas ta’ rapportar standard, regoli standardizzati dwar id-diliġenza dovuta u r-responsabbiltà u proċeduri standardizzati fl-UE).

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni se teżamina u tevalwa l-funzjonament ta’ din id-Direttiva kull 5 snin wara li tidħol fis-seħħ. Se jiġi ppreżentat rapport dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Top