Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0733

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 rigward id-detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb (Koordinaciona uprava)

COM/2023/733 final

Brussell, 16.11.2023

COM(2023) 733 final

2023/0418(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 rigward id-detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb (Koordinaciona uprava)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1244/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 1 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa 2 . Il-bidla kienet tikkonsisti fit-trasferiment tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (attwalment il-Maċedonja ta’ Fuq), il-Montenegro u s-Serbja mill-Anness I (pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża) għall-Anness II (pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum f’perjodu ta’ 180 jum) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża kienet tapplika (u għadha tapplika) biss għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi.

Fid-dawl ta’ tħassib f’dak iż-żmien dwar ir-riskji ta’ movimenti ta’ migrazzjoni irregolari li joriġinaw mill-Kosovo 3* u l-fatt li l-ebda djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża ma kien fis-seħħ mal-Kosovo, kategorija waħda ta’ detenturi ta’ passaporti Serbi ġiet eskluża mill-eżenzjoni tal-ħtieġa ta’ viża, jiġifieri d-detenturi ta’ passaporti maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb f’Belgrad. Dan id-direttorat jipproċessa l-applikazzjonijiet kollha tal-passaporti li jirċievi mingħand is-Serbi tal-Kosovo li jirrisjedu fil-Kosovo u d-dijaspora Serba tal-Kosovo li tgħix barra l-Kosovo.

Id-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb ġie stabbilit matul id-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mas-Serbja. L-għan kien li jiġu sostitwiti s-seba’ Direttorati tal-Pulizija reġjonali mifruxa fuq it-territorju Serb, li sa dak iż-żmien kien responsabbli għall-ħruġ ta’ passaporti lis-Serbi tal-Kosovo. Il-passaporti maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb huma bijometriċi u ntużaw mid-detenturi tagħhom bħala dokumenti tal-ivvjaġġar għall-iskop ta’ vvjaġġar lejn l-UE minn meta ġie stabbilit id-Direttorat.

Fl-2009, il-Kosovo ġie inkluż fil-parti 2 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, li jfisser li d-detenturi ta’ passaporti maħruġa mill-Kosovo kienu meħtieġa li jkunu fil-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, is-sitwazzjoni evolviet. Fid-19 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni nediet djalogu mal-Kosovo dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Fl-14 ta’ Ġunju 2012, ippreżentat lill-Kosovo pjan direzzjonali li kien jidentifika l-leġiżlazzjoni u l-miżuri l-oħra kollha li jeħtieġ li jiġu adottati u implimentati mill-Kosovo sabiex jagħmel progress rigward il-liberalizzazzjoni tal-viża. Dan id-djalogu ġie konkluż b’suċċess, u fuq dik il-bażi, fl-4 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta 4 biex il-Kosovo jiġi ttrasferit għall-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

Din il-proposta ġiet finalment maqbula u adottata fid-19 ta’ April 2023. Ir-Regolament (UE) 2023/850 5 emenda r-Regolament (UE) 2018/1806 6 (li sadanittant kien issostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 539/2001), billi ttrasferixxa l-Kosovo mill-Parti 2 tal-Anness I għall-Parti 4 tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament. Bħal fil-każ tad-djalogi kollha preċedenti konklużi b’suċċess dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, ġie deċiż li jenħtieġ li l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża tapplika biss għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi. Barra minn hekk, ġie deċiż li jenħtieġ li l-eżenzjoni ma tapplikax qabel id-data minn meta tibda topera s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel Information and Authorisation System, ETIAS), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , jew sal-1 ta’ Jannar 2024, skont liema data tiġi l-ewwel. Minħabba l-fatt li l-ETIAS mhux se tibda topera qabel l-1 ta’ Jannar 2024, l-eżenzjoni mill-viża għad-detenturi tal-passaport tal-Kosovo se tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/850, id-detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb jibqgħu l-uniċi ċittadini fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent meħtieġa li jkollhom viża meta jivvjaġġaw lejn l-UE għal soġġorni qosra.

Bid-dħul fis-seħħ tal-eżenzjoni mill-viża għad-detenturi ta’ passaport tal-Kosovo, il-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet għall-esklużjoni tad-detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb minn dik l-eżenzjoni mill-viża m’għadhomx jeżistu, u li jenħtieġ li ċ-ċittadini kollha tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tipproponi li temenda r-Regolament (UE) 2018/1806 biex teżenta lid-detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb mill-ħtieġa li jkunu fil-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-Regolament (UE) 2018/1806 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom iridu jkunu fil-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn din il-ħtieġa. Ir-Regolament (UE) 2018/1806 huwa applikat mill-Istati Membri kollha – bl-eċċezzjoni tal-Irlanda. Huwa applikat ukoll mill-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Ir-Regolament huwa parti mill-politika komuni tal-UE dwar il-viżi għal soġġorni qosra sa massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

Mit-tnedija tal-ewwel djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża fl-2008, kien hemm objettiv ġenerali li r-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent jingħata aċċess mingħajr viża għaż-żona Schengen. Il-ħtieġa ta’ viża għall-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja tneħħiet fl-2009, għall-Albanija u l-Bożnija-Ħerzegovina fl-2010 u għall-Kosovo fl-2023. F’dan il-kuntest, it-tneħħija tal-esklużjoni mill-eżenzjoni tal-viża li tikkonċerna d-detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb tiżgura li r-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent ikun soġġett għall-istess sistema tal-viża.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-inklużjoni proposta ta’ detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb fi ħdan l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża li tikkonċerna s-Serbja hija konsistenti mal-isforzi tal-UE biex titħaffef l-integrazzjoni tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent fl-UE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-proposta hija l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Ir-regolament propost jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

Is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-għażla tal-istrument

L-emenda meħtieġa għar-Regolament (UE) 2018/1806 għandha ssir permezz ta’ regolament. L-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu individwalment sabiex jilħqu l-objettiv ta’ politika. Ma hija disponibbli l-ebda għażla oħra (mhux leġiżlattiva) sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-politika.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Is-sitwazzjoni attwali tal-esklużjoni tas-Serbi tal-Kosovo mis-sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża ġiet diskussa mas-Serbja u l-Kosovo.

Valutazzjoni tal-impatt

Tqies li ma kienet meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma għandhiex konsegwenzi negattivi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Ir-Regolament emendat se jkun japplika direttament mid-data ta’ dħul fis-seħħ tiegħu u se jiġi implimentat immedjatament mill-Istati Membri. Ma huwa neċessarju l-ebda pjan ta’ implimentazzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Anness II tar-Regolament 2018/1806 se jiġi emendat, billi jiġu inklużi d-detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb (bis-Serb: Koordinaciona uprava)” fir-referenza għas-Serbja.

2023/0418 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 rigward id-detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb (Koordinaciona uprava)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punt (a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

(2)Is-Serbja ġiet trasferita għal-lista ta’ pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa ta’ viża bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1244/2009 9 . Dak ir-Regolament kien jinkludi esklużjoni għall-eżenzjoni mill-viża fir-rigward tad-detenturi Serbi tal-Kosovo ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb (bis-Serb: Koordinaciona uprava).

(3)Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2023/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 li jittrasferixxi l-Kosovo għall-Parti 4 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806, id-detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb jibqgħu l-uniċi ċittadini tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent meħtieġa li jkollhom viża għall-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

(4)Sabiex jiġi żgurat li r-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent ikun soġġett għall-istess sistema tal-viża, jenħtieġ għalhekk li d-detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb jiġu inklużi fir-referenza għas-Serbja fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806.

(5)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 11 .

(6)Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis 12 ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B u C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 13 .

(7)Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis 14 ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B u C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 15 .

(8)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 16 ; Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(9)Fir-rigward ta’ Ċipru, u l-Bulgarija u r-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806:

“is-Serbja (esklużi d-detenturi ta' passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb (bil-lingwa Serba:: Koordinaciona uprava)) (7)”

huwa sostitwit b’dan li ġej

“Is-Serbja (inkluż id-detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Koordinazzjoni Serb (bis-Serb: Koordinaciona uprava)) (*)”

(*) L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (International Civil Aviation Organisation, ICAO).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1244/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 336, 18.12.2009, p.1–3);
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1–7).
(3) *    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo
(4)    COM/2016/0277 final.
(5)    Ir-Regolament (UE) 2023/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (Il-Kosovo (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.)) (ĠU L 110, 25.4.2023, p. 1–4).
(6)    Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303 28.11.2018, p. 39).
(7)    Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226, (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1–71).
(8)    Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).
(9)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1244/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 336, 18.12.2009, p.1 3);
(10)    Ir-Regolament (UE) 2023/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (Il-Kosovo (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.)) (ĠU L 110, 25.4.2023, p. 1–4).
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(12)    ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(14)    ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(15)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni, (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(16)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p.20).
Top