Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0705

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-Konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq naħa oħra, dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tar-Repubblika tal-Armenja

    COM/2023/705 final

    Brussell, 14.11.2023

    COM(2023) 705 final

    2023/0400(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq naħa oħra, dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tar-Repubblika tal-Armenja


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Din il-proposta tikkonċerna l-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tar-Repubblika tal-Armenja (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”).

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) tikkoordina l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta’ kriminalità transfruntiera serja fl-Ewropa u lil hinn minnha. Bħala ċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, il-Eurojust tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali li huma responsabbli mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni.

    F’din id-dinja globalizzata, il-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji involuti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji ma tiqafx fil-fruntieri tal-Unjoni. Hekk kif il-kriminalità transfruntiera qed tiżdied, huwa kruċjali li tinkiseb informazzjoni minn barra l-ġuriżdizzjoni proprja. Għaldaqstant, il-Europol jenħtiġilha tkun tista’ tiskambja data personali mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta’ pajjiżi terzi sal-livell meħtieġ biex twettaq il-kompiti tagħha fil-qafas tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament 2018/1727 1 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament tal-Eurojust”). Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi għall-protezzjoni tad-data personali.

    L-Eurojust tista’ tiskambja data personali operazzjonali ma’ pajjiżi terzi fejn jiġi ssodisfat wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament tal-Eurojust:

    ·Il-Kummissjoni ddeċidiet, skont l-Artikolu 57, li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni, jew fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni ta’ adegwatezza, ingħataw jew jeżistu salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 58(1), jew fin-nuqqas kemm ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza u ta’ tali salvagwardji xierqa, hemm deroga għal sitwazzjonijiet speċifiċi tapplika skont l-Artikolu 59(1);

    ·Ġie konkluż ftehim ta’ kooperazzjoni li jipprevedi l-iskambju ta’ data personali operazzjonali qabel it-12 ta’ Diċembru 2019 bejn il-Eurojust u dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 26a tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI; jew

    ·Ikun ġie konkluż ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprovdi għal salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwi.

    Bħalissa, il-Eurojust għandha ftehimiet ta’ kooperazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 26a tad-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI, li jipprevedu skambji ta’ data personali, fis-seħħ mal-Montenegro, l-Ukrajna, il-Moldova, il-Liechtenstein, l-Iżvizzera, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Istati Uniti tal-Amerka, l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Georgia, l-Albanija u s-Serbja. Skont l-Artikolu 80(5) tar-Regolament tal-Eurojust dawn il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni għadhom validi.

    Sa minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Eurojust fit-12 ta’ Diċembru 2019 u skont it-Trattat, il-Kummissjoni hija responsabbli, f’isem l-Unjoni, min-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi dwar il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ data personali mal-Eurojust. Sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha, f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Eurojust, il-Eurojust tista’ tistabbilixxi u żżomm relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ sħab esterni permezz ta’ arranġamenti ta’ ħidma. Madankollu, dawn waħedhom ma jistgħux ikunu bażi ġuridika għall-iskambju ta’ data personali.

    Biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-Eurojust u ċerti pajjiżi terzi, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi 2 .

    Il-Kunsill ta dik l-awtorizzazzjoni fl-1 ta’ Marzu 2021, wara li żied ukoll lill-Arġentina, lill-Brażil u lill-Kolombja mal-lista, u adotta sett ta’ direttivi ta’ negozjati u ħatar kumitat speċjali biex jgħinha f’dan il-kompitu 3 .

    In-negozjati mal-Armenja bdew f’April 2022. Wara t-tielet u l-aħħar ċiklu ta’ negozjati, li sar f’Ġunju 2022, in-negozjaturi laħqu ftehim preliminari f’Ottubru 2022. Wara konsultazzjonijiet interni fuq iż-żewġ naħat, inkluż it-titjib fil-kwalità tal-abbozzar, in-negozjaturi ewlenin inizjalaw l-abbozz tat-test tal-Ftehim fi [xx.xx.xxxx].

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-Ftehim ġie nnegozjat b’kunsiderazzjoni tad-direttivi ta’ negozjati komprensivi adottati mill-Kunsill flimkien mal-awtorizzazzjoni biex jinfetħu n-negozjati fl-1 ta’ Marzu 2021. Il-Ftehim preżenti huwa konsistenti wkoll mal-politika eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

    F’dawn l-aħħar snin, sar titjib fl-iskambju ta’ kooperazzjoni dwar l-informazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-aġenziji tal-Unjoni u pajjiżi terzi. Ir-Regolament (UE) 2023/2131 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni diġitali f’każijiet ta’ terroriżmu 4 , issaħħaħ il-qafas għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi min-naħa tal-Eurojust billi tipprevedi bażi legali solida għall-issekondar ta’ prosekutur ta’ kollegament mal-Eurojust u l-kooperazzjoni mal-Eurojust.

    Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2022/838 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727, dwar il-ġbir, il-preservazzjoni u l-analiżi ta’ evidenza relatata ma’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra fl-Eurojust 5 , għandha rabta qawwija ma’ pajjiżi terzi. Iż-żewġ atti leġiżlattivi jenfasizzaw l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi terzi għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji.

    Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

    Il-proposta hija wkoll konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

    Fil-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ (Comprehensive and Enhanced Partnership Agreement, CEPA) bejn l-UE u l-Armenja, li daħal bis-sħiħ fis-seħħ fil-31 ta’ Marzu 2021, iż-żewġ partijiet qablu li l-kooperazzjoni msaħħa fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jkun l-objettiv tagħhom biex isaħħu l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Għal dan il-għan, fir-rigward tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, ftiehmu li jfittxu li jsaħħu l-assistenza legali reċiproka, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Armenja.

    L-UE u l-Armenja identifikaw oqsma oħra fejn tista’ tissaħħaħ il-kooperazzjoni bl-objettiv tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali bħala waħda mill-Prijoritajiet tas-Sħubija tagħhom, li għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni bejn is-sħab fil-kuntest tas-CEPA.

    Ir-referenza fid-Dikjarazzjoni Konġunta tal-15 ta’ Diċembru 2021 tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant għal “kooperazzjoni rapida u effettiva bejn il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-korpi rilevanti tal-UE bħall-Eurojust, l-Europol, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi” tixhed l-impenn kontinwu għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. L-impenn tal-UE għas-Sħubija tal-Lvant f’kuntest ġeopolitiku mibdul ġie affermat mill-ġdid fil-Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tas-Sħubija tal-Lvant tat-12 ta’ Diċembru 2022, filwaqt li ġiet enfasizzata l-ħtieġa li s-sħubija ssir aktar flessibbli u mfassla għall-ħtiġijiet tas-sħab u li tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn il-perkors bilaterali u l-proċess ta’ tkabbir.

    Id-dokumenti strateġiċi eżistenti tal-Kummissjoni jirfdu l-ħtieġa li jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-UE, kif ukoll li titwessa’ l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, l-Istrateġija tal-Unjoni tas-Sigurtà 6 , l-Aġenda kontra t-Terroriżmu għall-UE 7 u l-Istrateġija tal-UE biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata 8 .

    F’konformità ma’ dawn id-dokumenti strateġiċi, il-kooperazzjoni internazzjonali ssaħħet ukoll fil-qasam tal-infurzar tal-liġi. Abbażi tal-awtorizzazzjoni tal-Kunsill 9 , il-Kummissjoni nnegozjat Ftehimiet dwar l-iskambju ta’ data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (il-Europol), eżempju ma’ New Zealand.

    Fl-istess ħin huwa kruċjali li l-kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ stati terzi tkun kompletament konformi mad-drittijiet fundamentali minquxa fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    Sett ta’ salvagwardji partikolarment importanti, b’mod partikolari dawk inklużi fil-Kapitolu II tal-Ftehim, jikkonċerna l-protezzjoni tad-data personali, li fl-UE hija dritt fundamentali. F’konformità mal-Artikolu 56(2) il-punt (c) tar-Regolament tal-Eurojust, il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lil awtorità ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 TFUE li jagħti prova ta’ salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwi.

    Il-Kapitolu II tal-Ftehim jipprevedi tali salvagwardji, inklużi b’mod partikolari dispożizzjonijiet li jiżguraw għadd ta’ prinċipji u obbligi tal-protezzjoni tad-data li jridu jiġu rispettati miż-żewġ Partijiet (l-Artikoli 10ff.), kif ukoll dispożizzjonijiet li jiżguraw drittijiet individwali infurzabbli (l-Artikolu 14ff.), superviżjoni indipendenti (l-Artikolu 21) u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tad-drittijiet u s-salvagwardji rikonoxxuti fil-Ftehim li jirriżultaw mill-ipproċessar tad-data personali (l-Artikolu 22).

    Jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn it-tisħiħ tas-sigurtà u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-data u l-privatezza. Il-Kummissjoni żgurat li l-Ftehim jipprevedi bażi ġuridika għall-iskambju ta’ data personali fil-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali filwaqt li tipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi.

    2.BAŻI BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Article 218(6) of the Treaty on the Functioning of the European Union (TFEU) provides for decisions ‘concluding the agreement.’ Since the proposal concerns areas where the ordinary legislative procedure is applied, the consent of the European Parliament is required and, therefore, the procedural legal basis is Article 218(6), point (a)(v) TFEU.

    Il-bażi ġuridika sostantiva tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst. Jekk l-att previst ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn il-miri jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, att ġuridiku jrid jissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-mira jew komponent ewlieni jew predominanti. Il-proposta għandha żewġ għanijiet u komponenti ewlenin, jiġifieri l-kooperazzjoni bejn l-Eurojust u l-Armenja f’materji kriminali kif ukoll l-istabbiliment ta’ salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u drittijiet u libertajiet fundamentali oħra tal-individwi għal din il-kooperazzjoni. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva jeħtieġ li tkun l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 85 tat-TFUE.

    Għalhekk, din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 85 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6), il-punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Ir-Regolament tal-Eurojust jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar it-trasferimenti ta’ data personali mill-Eurojust barra mill-UE. L-Artikolu 56(2) tiegħu jelenka sitwazzjonijiet fejn il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ pajjiżi terzi legalment. Id-dispożizzjoni tistipula li għal trasferimenti strutturali ta’ data personali mill-Eurojust lill-Armenja l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali vinkolanti bejn l-UE u l-Armenja, li jipprovdi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u drittijiet u libertajiet fundamentali oħra tal-individwi huwa meħtieġ. Skont l-Artikolu 3(2) TFUE, il-Ftehim għalhekk jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, din il-proposta mhijiex soġġetta għal verifika tas-sussidjarjetà.

    Proporzjonalità

    L-objettivi tal-Unjoni fir-rigward ta’ din il-proposta kif stabbiliti hawn fuq jistgħu jinkisbu biss billi jsir ftehim internazzjonali vinkolanti li jipprevedi l-miżuri ta’ kooperazzjoni meħtieġa, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni xierqa tad-drittijiet fundamentali. Id-dispożizzjonijiet tal-protokoll huma limitati għal dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tiegħu. L-azzjoni unilaterali tal-Istati Membri lejn l-Armenja ma tirrappreżentax alternattiva, peress li l-Eurojust għandha rwol uniku. Azzjoni unilaterali lanqas ma tipprovdi bażi suffiċjenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Eurojust u pajjiżi terzi u ma tiżgurax il-protezzjoni meħtieġa tad-drittijiet fundamentali.

    Għażla tal-istrument

    F’konformità mal-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2018/1727, fin-nuqqas tal-adegwatezza, il-Eurojust tista’ tinvolvi ruħha fit-trasferiment strutturali ta’ data personali operazzjonali lejn pajjiż terz abbażi biss ta’ ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi (l-Artikolu 56(2)(c)). F’konformità mal-Artikolu 218(6) TFUE, l-iffirmar ta’ tali ftehim huwa awtorizzat b’deċiżjoni tal-Kunsill.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Mhux applikabbli.

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Fil-proċess tan-negozjati, il-Kummissjoni ma użatx għarfien espert estern.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Mhux applikabbli.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Mhux applikabbli.

    Drittijiet fundamentali

    L-iskambju ta’ data personali u l-ipproċessar tagħha mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jikkostitwixxu interferenza mad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Madankollu, il-Ftehim jiżgura n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ kwalunkwe interferenza bħal din billi jiggarantixxi l-applikazzjoni ta’ salvagwardji adegwati tal-protezzjoni tad-data għad-data personali li tiġi ttrasferita, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

    Il-Kapitolu II jipprevedi l-protezzjoni tad-data personali. Abbażi ta’ dan, l-Artikoli 10 sa 20 jistabbilixxu prinċipji fundamentali tal-protezzjoni tad-data, inklużi l-limitazzjoni tal-iskop, il-kwalità tad-data u r-regoli applikabbli għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data, l-obbligi applikabbli għall-kontrolluri, inkluż dwar iż-żamma, iż-żamma ta’ rekords, is-sigurtà u fir-rigward ta’ trasferimenti ulterjuri, drittijiet individwali infurzabbli, inkluż dwar l-aċċess, ir-rettifika u t-teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, is-superviżjoni indipendenti u effettiva kif ukoll ir-rimedju amministrattiv u ġudizzjarju.

    Is-salvagwardji jkopru l-forom kollha ta’ pproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u r-Repubblika tal-Armenja. L-eżerċitar ta’ ċerti drittijiet individwali jista’ jiġi ttardjat, limitat jew irrifjutat fejn meħtieġ u proporzjonat, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi fundamentali tas-suġġett tad-data, għal raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari biex jiġu evitati riskji għal investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali li tkun għaddejja. Dan huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    Barra minn hekk, kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-Repubblika tal-Armenja se jiżguraw li awtorità pubblika indipendenti responsabbli għall-protezzjoni tad-data (awtorità superviżorja) tissorvelja kwistjonijiet li jaffettwaw il-privatezza tal-individwi sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali taħt dan il-Ftehim.

    Bħala salvagwardja ulterjuri, skont l-Artikolu 32(2), fil-każ ta’ ksur materjali jew ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, il-Ftehim jista’ jiġi sospiż. Kwalunkwe data personali li tiġi ttrasferita qabel is-sospensjoni se tkompli tibbenefika mis-salvagwardji garantiti mill-Ftehim. Barra minn hekk, f’każ ta’ terminazzjoni tal-Ftehim, id-data personali ttrasferita qabel it-terminazzjoni tiegħu għandha tkompli tiġi pproċessata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

    Barra minn hekk, il-Ftehim jiggarantixxi li l-iskambju ta’ data personali bejn il-Eurojust u r-Repubblika tal-Armenja huwa konsistenti kemm mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jiżguraw li l-interferenzi mad-drittijiet fundamentali garantiti mill-Karta jkunu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħqu ġenwinament l-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti, soġġett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja fuq il-baġit tal-Unjoni.

    5.ELEMENTI OĦRA

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Ma hemmx bżonn ta’ pjan ta’ implimentazzjoni, peress li l-Ftehim se jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu l-Unjoni Ewropea u l-Armenja jkunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri rispettivi tlestew.

    Fir-rigward tal-monitoraġġ, l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja għandhom jirrieżaminaw b’mod konġunt l-implimentazzjoni tal-Ftehim sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u f’intervalli regolari minn dakinhar ’il quddiem, u wkoll jekk jintalbu minn waħda mill-Partijiet u jiddeċiedu flimkien dwar dan.

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    L-Artikolu 1 jinkludi l-objettivi tal-Ftehim.

    L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni.

    L-Artikolu 3 jinkludi d-definizzjonijiet tat-termini tal-Ftehim.

    L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-obbligu tal-Armenja li taħtar mill-inqas punt ta’ kuntatt wieħed fl-awtoritajiet kompetenti domestiċi tagħha, li ma jistax ikun identiku għall-Prosekutur ta’ Kollegament. Għandu jinħatar punt ta’ kuntatt dwar kwistjonijiet ta’ terroriżmu.

    L-Artikolu 5 jipprevedi l-issekondar tal-Prosekutur ta’ Kollegament mal-Eurojust.

    L-Artikolu 6 jipprevedi l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Armenja f’laqgħat operazzjonali u strateġiċi fil-Eurojust.

    L-Artikolu 7 jipprevedi li l-Eurojust tista’ tassisti lill-Armenja biex tistabbilixxi Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti u tista’ tintalab tipprovdi assistenza finanzjarja jew teknika.

    L-Artikolu 8 jipprevedi l-għażla tal-Eurojust li tibgħat Maġistrat ta’ Kollegament fl-Armenja.

    L-Artikolu 9 jistabbilixxi l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data skont il-Ftehim.

    L-Artikolu 10 jelenka l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data applikabbli skont il-Ftehim.

    L-Artikolu 11 jiggarantixxi salvagwardji addizzjonali għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali u kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data.

    L-Artikolu 12 jillimita t-teħid ta’ deċiżjonijiet kompletament awtomatizzat bl-użu ta’ data personali trasferita skont il-Ftehim.

    L-Artikolu 13 jirrestrinġi t-trasferiment ulterjuri tad-data personali li tiġi rċevuta.

    L-Artikolu 14 jipprevedi d-dritt ta’ aċċess, inkluż li tinkiseb konferma dwar jekk id-data personali relatata mas-suġġett tad-data hijiex ipproċessata skont il-Ftehim kif ukoll informazzjoni essenzjali dwar l-ipproċessar.

    L-Artikolu 15 jipprevedi d-dritt għal rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar, taħt ċerti kundizzjonijiet.

    L-Artikolu 16 jipprevedi n-notifika ta’ ksur ta’ data personali li jaffettwa d-data personali ttrasferita skont il-Ftehim, filwaqt li jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi jinnotifikaw lil xulxin kif ukoll lill-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom dwar dak il-ksur mingħajr dewmien, u jieħdu miżuri biex itaffu l-effetti negattivi possibbli tiegħu.

    L-Artikolu 17 jipprevedi l-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data dwar ksur ta’ data personali li x’aktarx ikollu effett serju fuq id-drittijiet u l-libertajiet tiegħu.

    L-Artikolu 18 jinkludi regoli dwar il-ħżin, ir-rieżami, il-korrezzjoni u t-tħassir ta’ data personali.

    L-Artikolu 19 jirrekjedi ż-żamma ta’ reġistrazzjonijiet tal-ġbir, l-alterazzjoni, l-aċċess, l-iżvelar inkluż trasferimenti ulterjuri, il-kombinazzjoni u t-tħassir ta’ data personali.

    L-Artikolu 20 jinkludi obbligi dwar is-sigurtà tad-data, filwaqt li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi għall-protezzjoni tad-data personali skambjata skont dan il-Ftehim.

    L-Artikolu 21 jirrekjedi s-superviżjoni effettiva u l-infurzar tal-konformità mas-salvagwardji stabbiliti fil-Ftehim, jiżgura li jkun hemm awtorità superviżorja indipendenti responsabbli għall-protezzjoni tad-data (awtorità superviżorja) biex tissorvelja kwistjonijiet li jaffettwaw il-privatezza tal-individwi, inklużi r-regoli domestiċi rilevanti skont il-Ftehim għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

    L-Artikolu 22 jipprevedi rimedju amministrattiv u ġudizzjarju, filwaqt li jiżgura li s-suġġetti tad-data jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tad-drittijiet u s-salvagwardji rikonoxxuti fil-Ftehim li jirriżulta mill-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

    L-Artikolu 23 jipprevedi li l-iskambju u l-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u sensittiva mhux klassifikata tal-UE huma rregolati minn arranġament ta’ ħidma dwar il-Kunfidenzjalità konkluż bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja.

    L-Artikolu 24 jipprevedi r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat lil individwu akkawża ta’ żbalji legali jew fattwali fl-informazzjoni skambjata. L-ebda parti ma tista’ tiddikjara li l-parti l-oħra ttrasferiet informazzjoni skorretta sabiex tevita r-responsabbiltà.

    L-Artikolu 25 jipprevedi li fil-prinċipju, kull Parti għandha ġġarrab l-ispejjeż tagħha stess assoċjati mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    L-Artikolu 26 jipprevedi l-konklużjoni ta’ arranġament ta’ ħidma bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja.

    L-Artikolu 27 jipprevedi r-relazzjoni ma’ strumenti internazzjonali oħra, filwaqt li jiżgura li l-Ftehim la jippreġudika u lanqas jaffettwa d-dispożizzjonijiet legali fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni previst fi kwalunkwe trattat, ftehim jew arranġament bejn l-Armenja u kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 28 jipprevedi n-notifika tal-implimentazzjoni tal-Ftehim.

    L-Artikolu 29 jipprevedi d-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tal-Ftehim.

    L-Artikolu 30 jipprevedi emendi u supplimenti tal-Ftehim.

    L-Artikolu 31 jipprevedi r-reviżjoni u l-evalwazzjoni tal-Ftehim.

    L-Artikolu 32 jipprevedi riżoluzzjoni ta’ tilwim u klawsola ta’ sospensjoni.

    L-Artikolu 33 jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-terminazzjoni tal-Ftehim.

    L-Artikolu 34 jipprevedi l-mod kif isiru n-notifiki skont dan il-Ftehim.

    L-Artikolu 35 jirreferi għat-testi awtentiċi.

    2023/0400 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-Konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq naħa oħra, dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tar-Repubblika tal-Armenja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 85 flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)L-Artikoli 47(1) u 52(1) tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 jipprevedu li l-Eurojust tista’ tistabbilixxi u żżomm kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi abbażi ta’ strateġija ta’ kooperazzjoni.

    (2)L-Artikolu 56(2)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi li l-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lil awtorità ta’ pajjiż terz fost l-oħrajn abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 TFUE li jistabbilixxi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi.

    (3)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) [XXXX] 11 , il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Armenja, min-naħa l-oħra, dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tar-Repubblika tal-Armenja (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fi [XX.XX.XXXX], soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

    (4)Il-Ftehim jippermetti t-trasferiment ta’ data personali bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja, bl-għan li jiġu miġġielda l-kriminalità serja u t-terroriżmu u tiġi protetta s-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha.

    (5)Il-Ftehim jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8, u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust, rikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 12 . B’mod partikolari, il-Ftehim jinkludi salvagwardji adegwati għall-protezzjoni ta’ data personali trasferita mill-Eurojust skont il-Ftehim.

    (6)Skont l-Artikolu 218(7) tat-TFUE, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova f’isem l-Unjoni l-modifiki tal-Annessi I, II u III tal-Ftehim u li jawtorizza lill-Kummissjoni biex taqbel dwar il-modalitajiet għall-użu kontinwu u l-ħżin tal-informazzjoni li diġà ġiet ikkomunikata bejn il-Partijiet skont il-Ftehim u li jawtorizza lill-Kummissjoni taġġorna l-informazzjoni dwar id-destinatarju tan-notifiki.

    (7)Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2006 13 l-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) 2018/1727 ġiet ikkonfermata. L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2018/1727 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (8)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (9)Il-kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-Opinjoni tiegħu [xxx] fi [xx.xx.xxxx].

    (10)Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq naħa oħra, dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim hu mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-Kummissjoni għandha, f’isem l-Unjoni, tagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 34 tal-Ftehim 14 , sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim.

    Artikolu 3

    1.Għall-finijiet tal-Artikolu 30(2) tal-Ftehim, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar il-modifiki tal-Annessi I, II u III tal-Ftehim għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kunsill.

    2.Għall-fini tal-Artikolu 33(3) tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li taqbel dwar il-modalitajiet għall-użu kontinwu u l-ħżin tal-informazzjoni li tkun diġà ġiet ikkomunikata bejn il-Partijiet skont il-Ftehim.

    3.Għall-fini tal-Artikolu 34(2) tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata taġġorna l-informazzjoni dwar id-destinatarju tan-notifiki wara konsultazzjoni mal-Kunsill.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI, ĠU L 295, p. 138, 21.11.2018.
    (2)    Ir-Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi, id-19 ta’ Novembru 2020, COM(2020) 743 final.
    (3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Alġerija, l-Arġentina, l-Armenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Brażil, il-Kolombja, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, it-Tuneżija u t-Turkija dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi, ara 6153/21 + ADD 1, Deċiżjoni tal-Kunsill adottata bi proċedura bil-miktub fl-1 ta’ Marzu 2021 (CM 1990/21).
    (4)    Ir-Regolament (UE) 2023/2131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Ottubru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni diġitali f’każijiet ta’ terroriżmu
    (5)    Ir-Regolament (UE) 2022/838 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1727 fir-rigward tal-preservazzjoni, l-analiżi u l-ħżin ta’ evidenza fil-Eurojust relatata ma’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u reati kriminali relatati
    (6)    COM(2020) 605 final, 24.7.2020.
    (7)    COM(2020) 795 final, 9.12.2020.
    (8)    COM(2021) 170 final, 14.4.2021.
    (9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 7047/20, 23 ta’ April 2020, u Dokument tal-Kunsill CM 2178/20, 13 ta’ Mejju 2020.
    (10)    Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI, (ĠU L 295, p. 138, 21.11.2018).
    (11)    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) [XXXXX] ta’ XX.XX.XXXX dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, fuq naħa waħda, u l-Armenja, fuq naħa oħra, dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tar-Repubblika tal-Armenja (XXXX).
    (12)    ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.
    (13)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2006 tad-29 ta’ Novembru 2019 dwar il-parteċipazzjoni tal-Irlanda fir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) (ĠU L 310, 2.12.2019, p. 59).
    (14)    Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
    Top

    Brussell, 14.11.2023

    COM(2023) 705 final

    ANNESS

    għall-Proposta għal

    Deċiżjoni tal-Kunsill

    dwar il-Konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, fuq naħa oħra, dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tar-Repubblika tal-Armenja




    ANNESS

    Test finali nnegozjat bejn l-UE u l-Armenja — 24.8.2023

    Abbozz ta’ Ftehim

    bejn

    l-Unjoni Ewropea, fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Armenja fuq in-naħa l-oħra,

    dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tar-Repubblika tal-Armenja

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

    kif ukoll

    IR-REPUBBLIKA TAL-ARMENJA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Armenja”,

    minn hawn ’il quddiem imsejħa flimkien bħala “il-Partijiet”

    Wara LI KKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI1 1 , (“ir-Regolament tal-Eurojust”), kif applikat f’konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 47, l-Artikolu 52(1) u l-Artikolu 56(2) tar-Regolament tal-Eurojust,

    Wara LI KKUNSIDRAW, b’mod partikolari, l-Artikolu 56(2), il-punt (c) tar-Regolament tal-Eurojust, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għat-trasferiment ta’ data personali mill-Eurojust lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, u li skonthom il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz abbażi ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    Filwaqt LI JIKKUNSIDRAW l-interessi kemm tal-Armenja kif ukoll tal-Eurojust fl-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja mill-qrib u dinamika f’materji kriminali biex jiġu indirizzati l-isfidi maħluqa mill-kriminalità serja, b’mod partikolari l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, filwaqt li jiġu żgurati salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inkluża l-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;

    KONVINTI li l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Eurojust u l-Armenja ser tkun ta’ benefiċċju reċiproku u tgħin fl-iżvilupp tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja tal-Unjoni,

    Filwaqt LI JIKKUNSIDRAW li l-Armenja rratifikat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (ETS Nru 108) għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, magħmula fi Strasburgu fit-28 ta’ Jannar 1981, u l-Protokoll emendatorju tagħha (CETS Nru 223), magħmul fi Strasburgu fl-10 ta’ Ottubru 2018, li t-tnejn li huma għandhom rwol fundamentali fis-sistema tal-protezzjoni tad-data tal-Eurojust;

    Filwaqt LI JIKKUNSIDRAW il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali fl-Armenja u fl-Unjoni,

    Filwaqt LI JIRRISPETTAW il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (ETS Nru 5) għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, magħmula f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li hija riflessa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Kapitolu I

    Għanijiet, kamp ta’ applikazzjoni u dispożizzjonijiet komuni

    Artikolu 1

    Għanijiet

    1.L-objettiv ġenerali ta’ dan il-Ftehim huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (e).

    2.Dan il-Ftehim jippermetti t-trasferiment ta’ data personali bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja, sabiex l-azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni u dawk tal-Armenja, kif ukoll il-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità serja, b’mod partikolari l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu jiġu appoġġati u msaħħa, filwaqt li jiġu żgurati salvagwardji xierqa fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, inklużi l-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    Il-partijiet għandhom jiżguraw li l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja jikkooperaw fl-oqsma tal-attivitajiet u fi ħdan il-kompetenza u l-kompiti tal-Eurojust, kif stabbilit fir-Regolament dwar l-Eurojust, kif applikat f’konformità mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u f’dan il-Ftehim.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)“Eurojust” tfisser l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali, stabbilita mir-Regolament tal-Eurojust, inkluża kwalunkwe emenda li ssir wara;

    (b)“Stati Membri” tfisser l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

    (c)“awtorità kompetenti” tfisser, għall-Unjoni, l-Eurojust u, għall-Armenja, awtorità domestika b’responsabbiltajiet skont il-liġi domestika relatati mal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluża l-implimentazzjoni ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, kif elenkati fl-Anness II għal dan il-Ftehim;

    (d)“Korpi tal-Unjoni” tfisser istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, kif ukoll missjonijiet jew operazzjonijiet stabbiliti skont il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, stabbiliti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew abbażi tagħhom, kif elenkati fl-Anness III ta’ dan il-Ftehim;

    (e)“reat serju” tfisser il-forom ta’ kriminalità fil-kompetenza tal-Eurojust, b’mod partikolari dawk elenkati fl-Anness I għal dan il-Ftehim, inklużi reati kriminali relatati;

    (f)“reati kriminali relatati” tfisser ir-reati kriminali mwettqa sabiex jinkisbu l-mezzi għat-twettiq ta’ reati serji, sabiex jiġu ffaċilitati jew jitwettqu reati serji jew sabiex tiġi żgurata l-impunità għal dawk li jwettqu reati serji;

    (g)“Assistent” tfisser persuna li tista’ tassisti lil Membru Nazzjonali, kif imsemmi fil-Kapitolu II, it-Taqsima II, tar-Regolament tal-Eurojust, u l-Viċi Membru Nazzjonali, jew il-Prosekutur ta’ Kollegament, kif imsemmi fir-Regolament dwar il-Eurojust u fl-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim rispettivament;

    (h)“Prosekutur ta’ Kollegament” tfisser persuna li għandha l-funzjoni ta’ prosekutur pubbliku jew imħallef fl-Armenja f’konformità mal-liġi domestika tagħha u li tkun issekondata mill-Armenja lill-Eurojust, kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim;

    (i)“Maġistrat ta’ Kollegament” tfisser maġistrat kif imsemmi fir-Regolament dwar l-Eurojust, li jiġi stazzjonat mill-Eurojust fl-Armenja f’konformità mal-Artikolu 8 ta’ dan il-Ftehim;

    (j)data personali” tfisser kwalunkwe data relatata ma’ suġġett tad-data;

    (k)“proċessar” tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jitwettqu fuq data personali jew settijiet ta’ data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi jew le, bħall-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħżin, l-adattament jew it-tibdil, il-ġbid, il-konsultazzjoni, l-użu, id-divulgazzjoni permezz tat-trażmissjoni, it-tixrid jew modi oħra li jrendu disponibbli, l-allinjament jew il-kombinazzjoni, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

    (l)“suġġett tad-data” tfisser persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna;

    (m)data ġenetika” tfisser id-data personali kollha relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi tal-individwu li jkunu ntirtu jew inkisbu, li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta’ dak l-individwu, li tirriżulta b’mod partikolari minn analiżi ta’ kampjun bijoloġiku mill-individwu inkwistjoni;

    (n)data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew komportamentali ta’ persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta’ dik il-persuna fiżika, bħal immaġnijiet tal-wiċċ jew data dattiloskopika;

    (o)“informazzjoni” tfisser data personali u mhux personali;

    (p)“ksur ta’ data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bidliet, divulgazzjoni mhux awtorizzata jew aċċess għal data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b’xi mod ieħor;

    (q)“awtorità superviżorja” tfisser, għall-Unjoni, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u, għall-Armenja, awtorità pubblika indipendenti domestika responsabbli għall-protezzjoni tad-data kif stabbilit fl-Artikolu 21, u li kienet soġġetta għal notifika skont l-Artikolu 28(3).

    Artikolu 4

    Punti ta’ kuntatt

    1.L-Armenja għandha taħtar mill-inqas punt ta’ kuntatt wieħed fl-awtoritajiet kompetenti domestiċi tagħha biex tiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja. Il-Prosekutur ta’ Kollegament ma għandux ikun punt ta’ kuntatt.

    2.Il-punt ta’ kuntatt tal-Armenja għandu jiġi nnotifikat lill-Unjoni. Il-punt ta’ kuntatt tal-Armenja għandu jinħatar ukoll għal kwistjonijiet ta’ terroriżmu.

    3.L-Armenja għandha tinforma lill-Eurojust f’każ li jinbidel il-punt ta’ kuntatt.

    Artikolu 5

    Prosekutur ta’ Kollegament u persunal

    1.Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni prevista f’dan il-Ftehim, l-Armenja għandha tissekonda Prosekutur ta’ Kollegament mal-Eurojust.

    2.Il-mandat u t-tul ta’ żmien tas-sekondar tal-Prosekutur ta’ Kollegament għandhom jiġu ddeterminati mill-Armenja bi qbil mal-Eurojust.

    3.Il-Prosekutur ta’ Kollegament jista’ jkun assistit minn Assistent wieħed jew aktar u persunal ieħor ta’ appoġġ, skont l-ammont ta’ xogħol u bi qbil mal-Eurojust. Meta jkun meħtieġ, l-Assistenti jistgħu jissostitwixxu lill-Prosekutur ta’ Kollegament jew jaġixxu f’ismu.

    4.L-Armenja għandha tiżgura li l-Prosekutur ta’ Kollegament u l-Assistenti tal-Prosekutur ta’ Kollegament ikunu kompetenti biex jaġixxu fir-rigward tal-awtoritajiet ġudizzjarji barranin.

    5.Il-Prosekutur ta’ Kollegament u l-Assistenti tal-Prosekutur ta’ Kollegament għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tinsab fir-rekords kriminali domestiċi, jew fi kwalunkwe reġistru ieħor tal-Armenja, f’konformità mal-liġi domestika tagħha.

    6.Il-Prosekutur ta’ Kollegament u l-Assistenti tiegħu għandu jkollhom is-setgħa li jikkuntattjaw direttament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja.

    7.L-Armenja għandha tinforma lill-Eurojust dwar in-natura u l-firxa eżatta tas-setgħat ġudizzjarji li jingħataw lill-Prosekutur ta’ Kollegament u lill-Assistenti tiegħu fl-Armenja stess sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom f’konformità ma’ dan il-Ftehim.

    8.Id-dettalji tal-kompiti tal-Prosekutur ta’ Kollegament u tal-Assistenti tal-Prosekutur ta’ Kollegament, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u l-kostijiet involuti għandhom ikunu rregolati minn arranġament ta’ ħidma konkluż bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja kif imsemmi fl-Artikolu 26.

    9.Id-dokumenti ta’ ħidma tal-Prosekutur ta’ Kollegament u tal-Assistenti tiegħu għandhom jinżammu b’mod invjolabbli mill-Eurojust.

    Artikolu 6

    Laqgħat operazzjonali u strateġiċi

    1.Il-Prosekutur ta’ Kollegament, l-Assistenti tal-Prosekutur ta’ Kollegament, u r-rappreżentanti l-oħrajn ta’ awtoritajiet kompetenti oħra tal-Armenja, inkluż il-punti ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 4, jistgħu jipparteċipaw f’laqgħat fir-rigward ta’ kwistjonijiet strateġiċi fuq stedina tal-President tal-Eurojust u f’laqgħat fir-rigward ta’ kwistjonijiet operazzjonali bl-approvazzjoni tal-Membri Nazzjonali kkonċernati.

    2.Il-Membri Nazzjonali, id-Deputati u l-Assistenti tagħhom, id-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust u l-persunal tal-Eurojust jistgħu jattendu laqgħat organizzati mill-Prosekutur ta’ Kollegament, l-Assistenti tal-Prosekutur ta’ Kollegament, jew ir-rappreżentanti l-oħrajn tal-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja, fosthom il-punti ta’ kuntatt imsemmija fl-Artikolu 4.

    Artikolu 7

    Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta

    1.L-Eurojust tista’ tassisti lill-Armenja biex tistabbilixxi skwadri ta’ investigazzjoni konġunta (SIK) mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru skont il-bażi legali applikabbli ta’ bejniethom li tippermetti l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, bħal ftehimiet dwar assistenza reċiproka.

    2.L-Eurojust tista’ tintalab tipprovdi assistenza finanzjarja jew teknika biex topera SIK li tkun tappoġġa operazzjonalment.

    Artikolu 8

    Maġistrat ta’ Kollegament

    1.Għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja mal-Armenja, l-Eurojust tista’ tibgħat Maġistrat ta’ Kollegament fl-Armenja f’konformità mar-Regolament tal-Eurojust.

    2.Id-dettalji tal-kompiti tal-Prosekutur ta’ Kollegament u d-drittijiet u l-obbligi tiegħu u l-kostijiet involuti għandhom ikunu rregolati minn arranġament ta’ ħidma konkluż bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja kif imsemmi fl-Artikolu 26.

    Kapitolu II

    Skambju ta’ informazzjoni u protezzjoni tad-data

    Artikolu 9

    Il-finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali

    1.Id-data personali mitluba u rċevuta skont dan il-Ftehim għandha tiġi pproċessata biss għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, fil-limiti tal-Artikolu 10(6) u l-mandati rispettivi tal-awtoritajiet kompetenti.

    2.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jindikaw b’mod ċar, mhux aktar tard mill-mument tat-trasferiment ta’ data personali, l-iskop jew l-iskopijiet speċifiċi li għalihom tkun qed tiġi ttrasferita d-data personali.

    Artikolu 10

    Prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data

    1.Kull Parti għandha tipprevedi li d-data personali trasferita u sussegwentement ipproċessata skont dan il-Ftehim tkun:

    (a)ipproċessata b’mod ġust, legali, b’mod trasparenti u biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet ittrasferita f’konformità mal-Artikolu 9;

    (b)adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata;

    (c)tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; kull Parti għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw li d-data personali li ma tkunx preċiża, filwaqt li jitqiesu l-finijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tiġi rettifikata mingħajr dewmien żejjed;

    (d)tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata;

    (e)ipproċessata b’mod li tiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali, inkluż il-protezzjoni kontra proċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telfien, il-qerda jew il-ħsara inċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa.

    2.L-awtorità kompetenti li tittrasferixxi d-data personali (“l-awtorità trasferenti”) tista’ tindika, fil-mument tat-trasferiment tad-data personali, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess għaliha jew l-użu li għandu jsir minnha, f’termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż fir-rigward tat-trasferiment ulterjuri, it-tħassir jew il-qerda tagħha wara ċertu perjodu ta’ żmien, jew l-ipproċessar ulterjuri tagħha. Meta l-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet issir evidenti wara t-trasferiment ta’ data personali, l-awtorità trasferenti għandha tinforma lill-awtorità kompetenti li tirċievi d-data personali (“l-awtorità riċeventi”) kif xieraq.

    3.Kull Parti għandha tiżgura li l-awtorità riċeventi tikkonforma ma’ kwalunkwe restrizzjoni tal-aċċess għal jew l-użu tad-data personali indikata mill-awtorità trasferenti kif imsemmi fil-paragrafu 2.

    4.Kull Parti tipprovdi li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex ikunu jistgħu juru li l-ipproċessar tad-data jikkonforma ma’ dan il-Ftehim u li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data kkonċernati jkunu protetti.

    5.Kull Parti għandha tikkonforma mas-salvagwardji previsti f’dan il-Ftehim irrispettivament min-nazzjonalità tas-suġġett tad-data kkonċernat u mingħajr diskriminazzjoni.

    6.Kull Parti għandha tiżgura li d-data personali trasferita skont dan il-Ftehim ma tkunx inkisbet bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti mil-liġi internazzjonali li torbot lill-Partijiet. Kull Parti għandha tiżgura li d-data personali riċevuta ma tintużax biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita piena tal-mewt jew kwalunkwe forma ta’ trattament krudili jew inuman.

    7.Kull Parti għandha tiżgura li jinżamm rekord tat-trasferimenti kollha ta’ data personali skont dan l-Artikolu u tal-finijiet ta’ tali trasferimenti.

    Artikolu 11

    Kategoriji ta’ suġġetti tad-data u kategoriji speċjali ta’ data personali

    1.It-trasferiment ta’ data personali fir-rigward ta’ vittmi ta’ reat kriminali, xhieda jew persuni oħra li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali għandu jkun permess biss fejn strettament meħtieġ u proporzjonat f’każijiet individwali għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reat serju.

    2.L-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma’ trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, ta’ data bijometrika bil-għan li tiġi identifika unikament persuna fiżika, ta’ data dwar is-saħħa jew ta’ data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika għandu jiġi permess biss meta verament ikun meħtieġ, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data.

    3.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali skont il-paragrafu 1 u 2 ikun soġġett għal salvagwardji addizzjonali, inklużi restrizzjonijiet fuq l-aċċess, miżuri ta’ sigurtà addizzjonali u restrizzjonijiet fuq trasferimenti ulterjuri.

    Artikolu 12

    Ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali

    Deċiżjonijiet li jkunu bbażati biss fuq l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali trasferita, inkluż it-tfassil ta’ profili, li jipproduċu effett legali negattiv fuq is-suġġett tad-data jew jaffettwawh b’mod sinifikanti, għandhom ikunu pprojbiti, sakemm ma jkunux awtorizzati bil-liġi għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji li jipprovdu salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, inkluż mill-inqas id-dritt li jinkiseb intervent tal-bniedem.

    Artikolu 13

    Trasferiment ulterjuri tad-data personali li tiġi rċevuta

    1.L-Armenja għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkunu pprojbiti milli jittrasferixxu data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lil awtoritajiet oħra tal-Armenja, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)L-Eurojust tkun tat l-awtorizzazzjoni espliċita tagħha minn qabel;

    (b)it-trasferiment ulterjuri jkun biss għall-fini li għalih id-data tkun ġiet ittrasferita f’konformità mal-Artikolu 9; kif ukoll

    (c)it-trasferiment huwa soġġett għall-istess kundizzjonijiet u salvagwardji bħal dawk li japplikaw għat-trasferiment oriġinali.

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(2), ma hija meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni minn qabel meta d-data personali tiġi kondiviża fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja.

    2.L-Armenja għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jkunu pprojbiti milli jittrasferixxu data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lil awtoritajiet oħra tal-Armenja, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)it-trasferiment ulterjuri jikkonċerna data personali għajr dik koperta mill-Artikolu 11;

    (b)L-Eurojust tkun tat l-awtorizzazzjoni espliċita tagħha minn qabel; kif ukoll

    (c)l-għan tat-trasferiment ulterjuri huwa l-istess bħall-iskop tat-trasferiment mill-Eurojust.

    3.L-Eurojust għandha tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha skont il-paragrafu 2, il-punt (b), biss jekk u sa fejn tkun fis-seħħ deċiżjoni ta’ adegwatezza, ftehim ta’ kooperazzjoni, jew ftehim internazzjonali li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, skont it-tifsira tar-Regolament dwar l-Eurojust, f’kull każ li jkopri t-trasferiment ulterjuri.

    4.L-Unjoni għandha tiżgura li l-Eurojust ma titħalliex titrasferixxi data personali riċevuta skont dan il-Ftehim lill-korpi tal-Unjoni mhux elenkati fl-Anness III, lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)it-trasferiment jikkonċerna data personali għajr dik koperta mill-Artikolu 11;

    (b)l-Armenja tkun tat l-awtorizzazzjoni espliċita tagħha minn qabel;

    (c)l-għan tat-trasferiment ulterjuri huwa l-istess bħall-iskop tat-trasferiment mill-awtorità trasferenti tal-Armenja; kif ukoll

    (d)fil-każ tat-trasferiment ulterjuri lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, jew deċiżjoni ta’ adegwatezza, ikun hemm fis-seħħ ftehim ta’ kooperazzjoni, jew ftehim internazzjonali li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, skont it-tifsira tar-Regolament dwar l-Eurojust, f’kull każ li jkopri t-trasferiment ulterjuri.

    Il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ma japplikawx meta d-data personali tiġi kondiviża mill-Eurojust mal-korpi tal-Unjoni elenkati fl-Anness III jew mal-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji.

    Artikolu 14

    Dritt ta’ aċċess

    1.Il-partijiet għandhom jipprevedu d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb konferma mill-awtoritajiet li jipproċessaw id-data personali trasferita skont dan il-Ftehim dwar jekk id-data personali relatata miegħu hijiex ipproċessata skont dan il-Ftehim u, fejn dan ikun il-każ, aċċess għal mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)il-finijiet u l-bażi ġuridika għall-ipproċessar, il-kategoriji tad-data kkonċernata, u, fejn applikabbli, ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew se tiġi żvelata d-data personali;

    (b)l-eżistenza tad-dritt li tinkiseb mill-awtorità rettifika jew tħassir, jew restrizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali;

    (c)fejn possibbli, il-perijodu mbassar li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk mhux possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perjodu;

    (d)il-komunikazzjoni, b’lingwaġġ ċar u sempliċi, tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata u ta’ kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar is-sorsi ta’ dik id-data;

    (e)id-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 21 u d-dettalji ta’ kuntatt tagħha.

    F’każijiet fejn jiġi eżerċitat id-dritt ta’ aċċess imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità trasferenti għandha tiġi kkonsultata fuq bażi mhux vinkolanti qabel ma tittieħed deċiżjoni finali dwar it-talba għall-aċċess.

    2.Il-partijiet għandhom jipprevedu li l-awtorità kkonċernata tindirizza t-talba mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta tasal it-talba. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż mill-awtorità kkonċernata fid-dawl tal-isforzi meħtieġa biex tiġi indirizzata t-talba, iżda fl-ebda każ ma għandu jaqbeż it-tliet xhur.

    3.Il-partijiet jistgħu jipprevedu l-possibbiltà li jdewmu, jirrifjutaw jew jirrestrinġu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u sakemm tali dewmien, rifjut jew restrizzjoni jikkostitwixxu miżura li tkun meħtieġa u proporzjonata, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi fundamentali tas-suġġett tad-data, sabiex:

    (a)jiġu evitati l-ostakli għal inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew ġuridiċi;

    (b)jiġu evitati l-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

    (c)tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

    (d)tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali; jew

    (e)jitħarsu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, bħal vittmi u xhieda.

    4.Il-partijiet għandhom jipprevedu li l-awtorità kkonċernata tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar:

    (a)kwalunkwe dewmien, rifjut jew restrizzjoni tal-aċċess u r-raġunijiet għal dan; kif ukoll

    (b)il-possibbiltà li jitressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja rispettiva jew li jintalab rimedju ġudizzjarju.

    L-informazzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tista’ titħalla barra meta dan jimmina l-fini tad-dewmien, tar-rifjut jew tar-restrizzjoni skont il-paragrafu 3.

    Artikolu 15

    Dritt għal rettifika, tħassir u restrizzjoni

    1.Il-partijiet għandhom jipprevedu li kwalunkwe suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikseb mill-awtoritajiet li jipproċessaw id-data personali trasferita skont dan il-Ftehim ir-rettifika ta’ data personali mhux preċiża dwar is-suġġett tad-data. Filwaqt li jitqiesu l-finijiet tal-ipproċessar, id-dritt li tinkiseb rettifika jinkludi d-dritt li d-data personali mhux kompluta tiġi ttrasferita skont dan il-Ftehim.

    2.Il-partijiet għandhom jipprevedu li kwalunkwe suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikseb mill-awtoritajiet li jipproċessaw id-data personali trasferita skont dan il-Ftehim it-tħassir ta’ data personali li tikkonċerna s-suġġett tad-data fejn l-ipproċessar tad-data personali jikser l-Artikolu 10(1) jew l-Artikolu 12, jew fejn id-data personali trid titħassar sabiex ikun hemm konformità ma’ obbligu legali li għalih huma soġġetti l-awtoritajiet.

    3.Il-partijiet jistgħu jipprevedu l-possibbiltà li l-awtoritajiet jagħtu restrizzjoni tal-ipproċessar minflok ir-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 meta:

    (a)il-preċiżjoni tad-data personali tiġi kkontestata mis-suġġett tad-data u l-preċiżjoni jew l-impreċiżjoni tagħha ma tistax tkun aċċertata; jew

    (b)id-data personali tkun trid tinżamm għal finijiet ta’ evidenza.

    4.L-awtorità trasferenti u l-awtorità li tipproċessa d-data personali għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3. L-awtorità li tipproċessa d-data għandha tirrettifika, tħassar, jew tirrestrinġi l-ipproċessar tad-data personali kkonċernata f’konformità mal-azzjoni li tittieħed mill-awtorità trasferenti.

    5.Il-partijiet għandhom jipprevedu li l-awtorità li tkun irċeviet talba skont il-paragrafu 1 jew 2 tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub mingħajr dewmien żejjed li d-data personali tkun ġiet rettifikata jew imħassra, jew li l-ipproċessar tagħha jkun ġie ristrett.

    6.Il-partijiet għandhom jipprevedu li l-awtorità li tkun irċeviet talba skont il-paragrafu 1 jew 2 tinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar:

    (a)kwalunkwe rifjut ta’ talba u r-raġunijiet għal dan;

    (b)il-possibbiltà li jressqu ilment quddiem l-awtorità superviżorja rispettiva; kif ukoll

    (c)il-possibbiltà li jintalab rimedju ġudizzjarju.

    L-informazzjoni elenkata fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tista’ titħalla barra skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(3).

    Artikolu 16

    Notifika ta’ ksur ta’ data personali lill-awtoritajiet ikkonċernati

    1.Fil-każ ta’ ksur ta’ data personali li jaffettwa d-data personali trasferita skont dan il-Ftehim, il-partijiet għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet rispettivi tagħhom jinnotifikaw lil xulxin kif ukoll lill-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom dwar dak il-ksur mingħajr dewmien, sakemm il-ksur ta’ data personali ma jkunx probabbli li jirriżulta f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, u li jieħdu miżuri biex itaffu l-effetti negattivi possibbli tiegħu.

    2.Minn tal-anqas, in-notifika għandha tiddeskrivi:

    (a)in-natura tal-ksur ta’ data personali, inklużi, fejn hu possibbli, il-kategoriji u n-numru ta’ suġġetti tad-data kkonċernati u l-kategoriji u n-numru ta’ rekords ta’ data personali kkonċernati;

    (b)il-konsegwenzi probabbli tal-ksur ta’ data personali;

    (c)il-miżuri meħuda jew proposti li jridu jittieħdu mill-awtorità li tipproċessa d-data sabiex tindirizza l-ksur ta’ data personali, inkluż il-miżuri biex ittaffi l-effetti ħżiena li jistgħu jseħħu.

    3.Meta, u sa fejn, ma jkunx possibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fl-istess ħin, l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta f’fażijiet mingħajr dewmien bla bżonn.

    4.Il-partijiet għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet rispettivi tagħhom jiddokumentaw kwalunkwe ksur ta’ data personali li jaffettwa d-data personali trasferita skont dan il-Ftehim, inklużi l-fatti dwar il-ksur, l-effetti tiegħu u l-azzjoni ta’ rimedju li tittieħed, u b’hekk jippermettu lill-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom tivverifika l-konformità ma’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 17

    Komunikazzjoni ta’ ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data

    1.Meta ksur ta’ data personali kif imsemmi fl-Artikolu 16 x’aktarx li jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, il-partijiet għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet rispettivi tagħhom jikkomunikaw il-ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien żejjed.

    2.Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 1 għandha tiddeskrivi b’lingwaġġ ċar u sempliċi n-natura tal-ksur ta’ data personali u jkun fiha mill-anqas l-elementi previsti fl-Artikolu 16(2), il-punti (b) u (c).

    3.Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun meħtieġa jekk:

    (a)id-data personali kkonċernata mill-ksur tkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġiċi u organizzattivi xierqa li jħarbxu d-data b’mod li ma tinftiehemx minn kwalunkwe persuna li ma tkunx awtorizzata taċċessaha;

    (b)ikunu ttieħdu miżuri sussegwenti li jiżguraw li r-riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data titnaqqaslu l-probabbiltà; jew

    (c)tali komunikazzjoni tkun tinvolvi sforz sproporzjonat, b’mod partikolari minħabba l-għadd ta’ każijiet involuti. F’każ bħal dan, l-awtorità għandha toħroġ komunikazzjoni pubblika jew miżura simili li fiha s-suġġetti tad-data jiġu informati b’mod daqstant ieħor effettiv.

    4.Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data tista’ ssir tard, tiġi ristretta jew titħalla barra skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(3).

    Artikolu 18

    Ħżin, reviżjoni, korrezzjoni u tħassir ta’ data personali

    1.Il-partijiet għandhom jipprevedu limiti ta’ żmien xierqa li għandhom jiġu stabbiliti għall-ħżin tad-data personali li tingħata skont dan il-Ftehim, jew għal rieżami perjodiku tal-ħtieġa għall-ħżin ta’ tali data, sabiex tali data ma tkunx maħżuna għal aktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom tkun ġiet trasferita.

    2.Fi kwalunkwe każ, il-ħtieġa li d-data tibqa’ maħżuna għandha tiġi riveduta mhux aktar tard minn tliet snin wara t-trasferiment tad-data personali.

    3.Meta awtorità trasferenti jkollha raġuni biex temmen li data personali li tkun ittrasferiet preċedentement ma tkunx korretta, preċiża, ma tkunx għadha aġġornata, jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità riċeventi, li għandha tirrettifika jew tħassar id-data personali u tinnotifika lill-awtorità trasferenti dwar dan.

    4.Meta awtorità kompetenti jkollha raġuni biex temmen li data personali li tkun irċeviet preċedentement ma tkunx korretta, preċiża, ma tkunx għadha aġġornata, jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità trasferenti, li min-naħa tagħha għandha tipprovdi l-pożizzjoni tagħha dwar il-kwistjoni. Meta l-awtorità trasferenti tikkonkludi li d-data personali ma kinitx korretta, preċiża, ma għadhiex aġġornata, jew ma kellhiex tiġi ttrasferita, hija għandha tinforma lill-awtorità riċeventi, li għandha tirrettifika jew tħassar id-data personali u tipprovdi notifika dwar dan lill-awtorità trasferenti.

    Artikolu 19

    Reġistrazzjoni u dokumentazzjoni

    1.Il-partijiet għandhom jipprevedu ż-żamma ta’ reġistrazzjonijiet jew dokumentazzjoni oħra tal-ġbir, it-tibdil, l-aċċess, l-iżvelar, inkluż it-trasferiment ulterjuri, il-kombinazzjoni u t-tħassir ta’ data personali.

    2.Tali reġistrazzjonijiet jew dokumentazzjoni għandhom jingħataw lill-awtorità superviżorja jekk titlobhom u għandhom jintużaw biss għall-verifika tal-legalità tal-ipproċessar tad-data, l-awtomonitoraġġ u l-iżgurar tal-integrità u s-sigurtà xierqa tad-data.

    Artikolu 20

    Sigurtà tad-data

    1.Il-partijiet għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzazzjonali biex jipproteġu d-data personali li tiġi trasferita skont dan il-Ftehim.

    2.Fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat tad-data, il-Partijiet għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ miżuri mfassla biex:

    (a)jiċħdu l-aċċess għat-tagħmir li jipproċessa d-data użat għall-ipproċessar ta’ data personali (kontroll tal-aċċess għat-tagħmir) lil persuni mhux awtorizzati;

    (b)ma jħallux li jsir il-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzata tal-mezzi tad-data (kontroll tal-mezzi tad-data);

    (c)ma jħallux id-dħul mhux awtorizzat ta’ data personali u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ data personali maħżuna (“kontroll tal-ħżin”);

    (d)ma jħallux lil persuni mhux awtorizzati jużaw sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar ta’ data bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-utenti);

    (e)Jiżguraw li l-persuni awtorizzati biex jużaw sistema awtomatizzata ta’ pproċessar tad-data jkollhom aċċess biss għad-data personali koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (“kontroll tal-aċċess għad-data”);

    (f)jiżguraw li tkun tista’ ssir il-verifika u d-deċiżjoni dwar liema korpi jistgħu jintbagħtu data personali bl-użu ta’ tagħmir ta’ komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);

    (g)jiżguraw li jkun possibbli li tkun tista’ ssir il-verifika u li jkunu jafu liema data personali ddaħħlet f’sistemi awtomatizzati tal-ipproċessar tad-data, meta tkun iddaħħlet u minn min tkun iddaħħlet id-data (“kontroll tal-input”);

    (h)Ma jħallux li matul it-trasferiment jew matul it-trasportazzjoni tal-media tad-data (“il-kontroll tat-trasport”) id-data personali tinqara, li tiġi kkuppjata, modifikata jew li titħassar;

    (i)jiżġuraw li s-sistemi installati jistgħu, f’każ ta’ interruzzjoni, jiġu rranġati minnufih (“l-irkupru”);

    (j)jiżguraw li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu mingħajr difett, li s-sejbien ta’ difetti fil-funzjonijiet jiġi rrappurtat minnufih (“l-affidabbiltà”) u li d-data li tinħażen ma tkunx tista’ tiġi korrotta meta s-sistema ma taħdimx sew (“l-integrità”).

    Artikolu 21

    Awtorità superviżorja

    1.Il-partijiet għandhom jipprevedu li jkun hemm awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar, li tkun responsabbli mill-protezzjoni tad-data biex jissorveljaw l-implimentazzjoni, u jiżguraw il-konformità ma’ dan il-Ftehim, għall-fini tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

    2.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li:

    (a)kull awtorità superviżorja taġixxi b’indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u f’kif tħaddem is-setgħat tagħha;

    (b)kull awtorità superviżorja ma jkollha l-ebda influwenza esterna, la diretta u lanqas indiretta, u la titlob u lanqas taċċetta struzzjonijiet;

    (c)il-membri ta’ kull awtorità superviżorja jingħataw mandat sigur, inklużi salvagwardji kontra t-tneħħija arbitrarja.

    3.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li kull awtorità superviżorja jkollha r-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, il-bini u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha.

    4.Il-partijiet għandhom jiżguraw li kull awtorità superviżorja jkollha setgħat ta’ investigazzjoni effettivi u ta’ intervent biex teżerċita sorveljanza fuq il-korpi li tissorvelja, u biex tinvolvi ruħha fi proċedimenti ġuridiċi.

    5.Il-partijiet għandhom jiżguraw li kull awtorità superviżorja jkollha s-setgħat li tisma’ lmenti minn individwi dwar l-użu tad-data personali tagħhom.

    Artikolu 22

    Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv

    1.Il-partijiet għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv meta jqis li d-drittijiet tiegħu garantiti skont dan il-Ftehim ikunu nkisru wara l-ipproċessar tad-data personali tiegħu f’nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-Ftehim.

    2.Id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandu jinkludi d-dritt għal kumpens għal kwalunkwe dannu li jiġi kkawżat lis-suġġett tad-data minn tali pproċessar wara ksur tal-Ftehim u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-qafas legali rispettiv ta’ kull Parti.

    Kapitolu III

    Kunfidenzjalità tal-informazzjoni

    Artikolu 23

    Skambju ta’ informazzjoni klassifikata jew informazzjoni sensittiva mhux klassifikata tal-UE

    Jekk ikun meħtieġ skont dan il-Ftehim, l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata jew sensittiva mhux klassifikata tal-UE, u l-protezzjoni tagħha [bħala kunfidenzjali] għandhom jiġu rregolati minn arranġament ta’ ħidma konkluż bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja.

    Kapitolu IV

    Responsabbiltà

    Artikolu 24

    Responsabbiltà u kumpens

    1.L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli, f’konformità mal-oqfsa legali rispettivi tagħhom, għal kwalunkwe ħsara kkawżata lil individwu bħala riżultat ta’ żbalji legali jew fattwali fl-informazzjoni skambjata. Sabiex tiġi evitata r-responsabbiltà skont l-oqfsa legali rispettivi tagħhom fil-konfront ta’ individwu li jġarrab id-dannu, la l-Eurojust u lanqas l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja ma jistgħu jsostnu li l-parti l-oħra kienet ittrasferiet informazzjoni mhux preċiża.

    2.Jekk awtorità kompetenti tkun ħallset kumpens lil individwu skont il-paragrafu 1, u r-responsabbiltà tagħha kienet tirriżulta mill-użu ta’ informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha bi żball mill-awtorità kompetenti l-oħra, jew ikkomunikata akkawża tan-nuqqas min-naħa tal-awtorità kompetenti l-oħra li tikkonforma mal-obbligi tagħha, l-awtorità kompetenti l-oħra għandha tħallas l-ammont li jitħallas bħala kumpens sakemm l-informazzjoni ma tkunx intużat bi ksur ta’ dan il-Ftehim.

    3.Il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja ma għandhomx jirrikjedu lil xulxin iħallsu lura kumpens għal danni punittivi jew mhux kumpensatorji.

    Kapitolu V

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 25

    Spejjeż

    Il-partijiet għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jġarrbu l-ispejjeż tagħhom stess, li jirriżultaw matul l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’dan il-Ftehim jew fl-arranġament ta’ ħidma.

    Artikolu 26

    Arranġament tax-xogħol

    1.Id-dettalji tal-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu rregolati minn arranġament ta’ ħidma konkluż bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja f’konformità mar-Regolament tal-Eurojust.

    2.L-arranġament ta’ ħidma għandu jissostitwixxi kwalunkwe arranġament ta’ ħidma eżistenti konkluż bejn l-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja.

    Artikolu 27

    Rabta ma’ strumenti internazzjonali oħra

    Dan il-Ftehim la jippreġudika u lanqas jaffettwa jew iħalli impatt b’xi mod ieħor fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali dwar kooperazzjoni jew trattat ta’ assistenza legali reċiproka, kwalunkwe ftehim jew arranġament ieħor ta’ kooperazzjoni, jew relazzjoni ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja fil-livell ta’ ħidma f’materji kriminali bejn l-Armenja u kwalunkwe Stat Membru.

    Artikolu 28

    Notifika ta’ implimentazzjoni

    1.Il-partijiet għandhom jipprevedu li kull awtorità kompetenti tagħmel disponibbli għall-pubbliku d-dettalji ta’ kuntatt tagħha kif ukoll dokument li jistabbilixxi, bl-użu ta’ lingwaġġ ċar u sempliċi, informazzjoni dwar is-salvagwardji għad-data personali garantiti skont dan il-Ftehim, inkluża informazzjoni li tkopri mill-inqas il-punti msemmija fl-Artikolu 14(1), il-punti (a) u (c), u l-mezzi disponibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Kull Parti għandha tiżgura li tagħti kopja ta’ dak id-dokument lill-parti l-oħra.

    2.Jekk ma jkunx diġà fis-seħħ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jadottaw regoli li jispeċifikaw kif ser tiġi infurzata fil-prattika l-konformità mad-dispożizzjonijiet rigward l-ipproċessar ta’ data personali. Kopja ta’ dawk ir-regoli għandha tintbagħat lill-Parti l-oħra u lill-awtorità superviżorja rispettiva tagħhom.

    3.Il-partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar l-awtorità superviżorja responsabbli għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għall-iżgurar tal-konformità miegħu skont l-Artikolu 21.

    Artikolu 29

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    1.Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri proprji tagħhom ta’ proċedura.

    2.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu ż-żewġ Partijiet jkunu nnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija fl-ewwel paragrafu jkunu ġew konklużi.

    3.Dan il-Ftehim għandu japplika mill-ewwel jum wara d-data li fiha jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)il-partijiet ikunu ffirmaw arranġament ta’ ħidma kif stabbilit fl-Artikolu 26;

    (b)il-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li l-obbligi stabbiliti f’dan il-Ftehim ġew implimentati, inklużi l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 28; kif ukoll

    (c)kull Parti infurmat lill-Parti notifikanti li n-notifika skont il-punt (b) ta’ dan is-subparagrafu ġiet aċċettata.

    Il-partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin bil-miktub u jikkonfermaw l-issodisfar tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

    Artikolu 30

    Emendi

    1.L-emendi għal dan il-Ftehim jistgħu jsiru bil-miktub fi kwalunkwe ħin, b’kunsens reċiproku bejn il-Partijiet. Tali emendi għandhom ikunu inklużi f’dokument separat, iffirmat kif xieraq. Dawn l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 29(1) u (2).

    2.L-aġġornamenti tal-Annessi ta’ dan il-Ftehim jistgħu jiġu miftiehma bejn il-Partijiet permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi.

    Artikolu 31

    Rieżami u evalwazzjoni

    1.Il-Partijiet għandhom jirrevedu b’mod konġunt l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ, u f’intervalli regolari minn hemm ’il quddiem, u kull meta mitluba minn xi waħda mill-Partijiet u miftiehma bejn il-Partijiet.

    2.Il-partijiet għandhom jevalwaw dan il-Ftehim b’mod konġunt erba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ.

    3.Il-partijiet għandhom jiddeċiedu minn qabel dwar id-dettalji tar-reviżjoni u għandhom jikkomunikaw lil xulxin il-kompożizzjoni tat-timijiet rispettivi tagħhom. Kull tim għandu jinkludi esperti rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Soġġett għal-liġijiet applikabbli, kwalunkwe parteċipanti f’rieżami għandhom ikunu meħtieġa jirrispettaw il-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet u jkollhom awtorizzazzjonijiet ta’ sigurtà xierqa. Għall-finijiet ta’ kwalunkwe rieżami, il-Partijiet għandhom jiżguraw aċċess għad-dokumentazzjoni, is-sistemi u l-persunal rilevanti.

    Artikolu 32

    Riżoluzzjoni ta’ tilwim u klawsola ta’ sospensjoni

    1.Jekk tinqala’ tilwima b’rabta mal-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u kwalunkwe kwistjoni relatata miegħu, ir-rappreżentanti tal-Partijiet għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet u f’negozjati bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni li tkun aċċettabbli għaż-żewġ naħat.

    2.Minkejja l-paragrafu 1, fil-każ ta’ ksur materjali jew ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi skont dan il-Ftehim jew, jekk ikun hemm indikazzjoni li tali ksur materjali jew nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi x’aktarx li jseħħu fil-futur qrib, kwalunkwe Parti tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim kompletament jew parzjalment permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Tali notifika bil-miktub ma għandhiex issir qabel ma l-Partijiet ikunu daħlu f’konsultazzjonijiet matul perjodu raġonevoli mingħajr ma jilħqu riżoluzzjoni. Is-sospensjoni għandha tidħol fis-seħħ 20 jum mid-data tal-wasla ta’ tali notifika. Tali sospensjoni tista’ titneħħa mill-Parti li tkun għamlet is-sospensjoni permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Is-sospensjoni għandha titneħħa immedjatament malli tasal tali notifika.

    3.Minkejja kwalunkwe sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, l-informazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u li tkun ġiet trasferita qabel is-sospensjoni tiegħu għandha tkompli tiġi pproċessata b’konformità ma’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 33

    Terminazzjoni

    1.Kull Parti tista’ tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub li hi jkun biħsiebha ttemm dan il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data minn meta tasal in-notifika.

    2.L-informazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim trasferita qabel it-terminazzjoni tagħha għandha tkompli tiġi pproċessata skont dan il-Ftehim kif ikun fis-seħħ fid-data tat-terminazzjoni.

    3.F’każ ta’ terminazzjoni, il-Partijiet għandhom jaqblu dwar it-tkomplija tal-użu u l-ħażna tal-informazzjoni li tkun diġà ġiet ikkomunikata bejniethom. Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, kwalunkwe Parti hija intitolata li titlob li l-informazzjoni li tkun ikkomunikat tinqered jew tintbagħat lura lilha.

    Artikolu 34

    Notifiki

    1.In-notifiki skont dan il-Ftehim għandhom jintbagħtu:

    (a)għall-Armenja, lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

    (b)għall-Unjoni, lill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Armenja.

    2.L-informazzjoni dwar id-destinatarju tan-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi aġġornata permezz ta’ mezzi diplomatiċi.

    Artikolu 35

    Testi awtentiċi

    Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Kroata, Daniża, Netherlandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Irlandiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża u Armena. Fil-każ ta’ kwalunkwe diverġenza bejn it-testi ta’ dan il-Ftehim, it-test Ingliż għandu jipprevali.

    B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji ffirmati hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Magħmul fi …, fi … jum ta’ …. tas-sena …,

    Għall-Unjoni Ewropea

    Għar-Repubblika tal-Armenja

    ANNESS I

    Forom ta' kriminalità serja (l-Artikolu 3, il-punt (e))

    ·terroriżmu,

    ·kriminalità organizzata,

    ·traffikar ta’ droga,

    ·attivitajiet ta’ ħasil tal-flus,

    ·reati konnessi ma’ sustanzi nukleari u radjuattivi,

    ·faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni,

    ·traffikar tal-bnedmin,

    ·reati konnessi ma’ vetturi bil-mutur,

    ·qtil u offiżi gravi fuq il-persuna,

    ·kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti tal-bniedem,

    ·ħtif, żamma kontra r-rieda u teħid ta’ ostaġġi,

    ·razziżmu u ksenofobija,

    ·serq u serq aggravat,

    ·traffikar illeċitu ta’ oġġetti kulturali, inklużi antikitajiet u opri ta’ arti,

    ·ingann u frodi,

    ·kriminalità kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni,

    ·abbuż minn informazzjoni pprivileġġjata u manipulazzjoni tas-suq finanzjarju,

    ·rikattar organizzat u estorsjoni,

    ·falsifikazzjoni u piraterija tal-prodotti,

    ·falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u traffikar tagħhom,

    ·falsifikazzjoni ta’ flus u mezzi ta’ ħlas,

    ·kriminalità permezz tal-kompjuter,

    ·korruzzjoni,

    ·traffikar illegali fl-armi, munizzjon u splussivi,

    ·traffikar illeċitu fi speċijiet ta’ annimali fil-periklu,

    ·traffikar illeċitu fi speċijiet u varjetajiet ta’ pjanti fil-periklu,

    ·reati ambjentali, inkluż it-tniġġis mill-bastimenti,

    ·traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u ta’ promoturi oħrajn ta’ tkabbir,

    ·abbuż sesswali u sfruttament sesswali, inkluż materjal marbut mal-abbuż tat-tfal u s-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali,

    ·ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra.

    Il-forom ta’ kriminalità msemmija f’dan l-Anness għandhom jiġu vvalutati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja f’konformità mal-liġi tal-Armenja.

    ANNESS II

    L-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Armenja u l-kompetenzi tagħhom

    (L-Artikolu 3, il-punt (c), tal-Ftehim)

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja li lilhom l-Eurojust tista’ tittrasferixxi d-data huma kif ġej:

    Awtorità

    Deskrizzjoni tal-kompetenza

    L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Armenja

    L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Armenja huwa kompetenti skont il-liġi domestika għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

    L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Armenja huwa l-Awtorità Ċentrali maħtura għall-kooperazzjoni legali internazzjonali dwar kwistjonijiet kriminali — proċedimenti, li jinsabu fl-istadju ta’ qabel il-proċess tal-investigazzjonijiet.

    Il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Armenja

    L-Awtorità Ċentrali maħtura għall-kooperazzjoni legali internazzjonali f’materji kriminali — proċedimenti, li jinsabu fl-istadju tal-proċess (jew fi stadju aktar tard: eż. l-implimentazzjoni ta’ sentenzi, it-trasferiment ta’ persuni kkundannati).

    Kumitat Investigattiv tar-Repubblika tal-Armenja

    L-awtorità domestika awtorizzata li twettaq investigazzjoni preliminari (proċedimenti kriminali ta’ qabel il-proċess) tar-reati allegati fil-kompetenza tagħha prevista mill-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

    Il-Kumitat kontra l-Korruzzjoni tar-Repubblika tal-Armenja

    L-awtorità domestika awtorizzata li twettaq investigazzjoni preliminari (proċedimenti kriminali ta’ qabel il-proċess) għal reati allegati ta’ korruzzjoni fil-kompetenza tagħha prevista mill-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

    Id-Dipartiment Investigattiv tas-Servizz tas-Sigurtà Nazzjonali tar-Repubblika tal-Armenja

    L-awtorità domestika awtorizzata li twettaq investigazzjoni preliminari (proċedimenti kriminali ta’ qabel il-proċess) fil-kompetenza tagħha prevista mill-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

    Il-qrati tar-Repubblika tal-Armenja

    Il-qrati ta’ prim’ istanza ta’ ġuriżdizzjoni ġenerali

    Il-qorti kontra l-korruzzjoni

    Il-Qorti tal-Appell Kriminali

    Il-Qorti tal-Appell Kontra l-Korruzzjoni

    L-awtoritajiet domestiċi awtorizzati biex jimplimentaw strumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

    ANNESS III

    Lista ta’ korpi tal-Unjoni

    (L-Artikolu 3, il-punt (d))

    Korpi tal-Unjoni li magħhom l-Eurojust tista’ tikkondividi data personali:

    ·Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

    ·L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF)

    ·L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)

    ·L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

    ·Missjonijiet jew operazzjonijiet stabbiliti skont il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, limitati għall-infurzar tal-liġi u l-attivitajiet ġudizzjarji

    ·L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)

    ·L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

    (1)    Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU UE L 295, 21.11.2018, p. 138).
    Top