Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0647

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/2394 u (UE) 2018/1724 fir-rigward tal-waqfien tal-Pjattaforma Ewropea tal-ODR

    COM/2023/647 final

    Brussell, 17.10.2023

    COM(2023) 647 final

    2023/0375(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/2394 u (UE) 2018/1724 fir-rigward tal-waqfien tal-Pjattaforma Ewropea tal-ODR

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kompetittività fit-tul tal-UE 1 , il-Kummissjoni affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li teżamina b’mod attiv il-leġiżlazzjoni tal-UE f’termini tal-idoneità tagħha għall-iskop tagħha, b’mod partikolari biex tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità għan-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi. 

    Il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar ir-rimedju barra mill-qorti għall-konsumatur (id-Direttiva dwar is-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim (ADR) 2 u r-Regolament dwar is-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR)) 3 ġiet adottata fl-2013 u ma ġietx emendata minn dak iż-żmien ’l hawn minkejja l-bidliet drastiċi tas-suq tal-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tad-dimensjoni diġitali tagħha li qed tespandi b’mod rapidu.

    Filwaqt li d-Direttiva tal-ADR tistabbilixxi qafas ġenerali għar-rimedju tal-konsumatur, li jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi jkunu jistgħu jressqu t-tilwim tagħhom lill-entitajiet tal-ADR li jissodisfaw kriterji komuni tal-kwalità, u jkunu jistgħu jsolvu t-tilwim b’mod ġust, malajr u bi prezz raġonevoli, ir-Regolament dwar l-ODR ġie adottat għall-iskop uniku li tiġi stabbilita l-Pjattaforma Ewropea għas-Soluzzjoni Online tat-Tilwim (il-Pjattaforma tal-ODR) fejn il-konsumaturi u n-negozjanti jistgħu jirreferu t-tilwim tagħhom dwar ix-xiri online lill-entitajiet tal-ADR.

    Il-pjattaforma tal-ODR ilha topera mill-2016 bħala infrastruttura diġitali kompletament multilingwi fejn il-konsumaturi jistgħu jitolbu lin-negozjanti online biex isolvu tilwima bl-użu ta’ entità tal-ADR. Minkejja għadd kbir ta’ żjarat, il-pjattaforma tal-ODR qed tippermetti biss medja ta’ 200 każ fl-UE kollha biex jiġu ttrattati minn entità tal-ADR fis-sena.

    Dan il-livell ta’ prestazzjoni ma jiġġustifikax il-kostijiet imġarrba mill-Kummissjoni biex iżżomm l-għodda, u lanqas il-kost imġarrab mill-amministrazzjonijiet pubbliċi u min-negozji online biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament dwar l-ODR. L-objettiv ta’ din il-proposta huwa għalhekk li jitħassar ir-Regolament dwar l-ODR, u b’hekk titneħħa l-pjattaforma tal-ODR u jitneħħa l-obbligu fuq in-negozji online li jipprovdu link għall-pjattaforma tal-ODR u jimmaniġġjaw email għall-komunikazzjoni.

    Konsistenza ma’ testi legali oħra tal-Unjoni.

    Il-proposta temenda wkoll il-leġiżlazzjoni li bħalissa tirreferi għar-Regolament dwar l-ODR bħala mezz ta’ komunikazzjoni possibbli bejn il-konsumaturi u n-negozjanti, inkluż ir-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika 4 .

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika għall-proposta (l-istess bħall-bażi għar-Regolament dwar l-ODR) hija l-Artikolu 114 tat-TFUE dwar it-tlestija tas-suq intern, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-Artikolu 169 tat-TFUE 5 . Huwa jagħti lill-UE s-setgħa li tadotta miżuri għall-approssimazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Ir-Regolament dwar l-ODR kien iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet tas-sussidjarjetà: fl-2011, meta ġie adottat mill-Kummissjoni, is-swieq diġitali kienu għadhom qed jiżviluppaw, mingħajr assigurazzjoni ta’ għodod diġitali privati jew pubbliċi adegwati biex jgħinu lin-negozjanti online jilħqu l-entitajiet tal-ADR. Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet saru irrilevanti minħabba l-iżvilupp rapidu ta’ sistemi online għat-trattament tal-ilmenti tas-swieq diġitali, li huma stess malajr saru wieħed mill-kanali ewlenin għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-SMEs li jinnegozjaw online.

    Proporzjonalità

    It-tħassir tar-Regolament tal-ODR jelimina l-piż eżistenti fuq l-atturi pubbliċi u privati.

    Għażla tal-istrument

    Peress li l-objettiv ta’ din il-proposta huwa li primarjament tħassar ir-Regolament dwar l-ODR, Regolament huwa l-għażla xierqa.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    L-Artikolu 21 tar-Regolament dwar l-ODR jipprevedi l-pubblikazzjoni annwali ta’ rapport dwar il-prestazzjoni tal-pjattaforma u rapporti perjodiċi dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-ODR. Fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab f’dawn ir-rapporti li turi l-użu baxx ħafna tal-pjattaforma għall-promozzjoni tal-użu tal-proċeduri tal-ADR fis-swieq online, ma kienx meħtieġ li ssir evalwazzjoni dettaljata. L-Anness 7 tal-Valutazzjoni tal-Impatt imwettqa biex tiġi riveduta d-direttiva tal-ADR, madankollu, jagħti dettalji dwar ir-raġunijiet għall-prestazzjoni baxxa tal-pjattaforma tal-ODR.

    Konsultazzjonijiet u studji mal-partijiet ikkonċernati

    Bħala parti mill-isforz tagħha biex tevalwa d-Direttiva tal-ADR, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet estensivi matul l-2021 u l-2022, fejn xi mistoqsijiet kienu rilevanti għar-Regolament dwar l-ODR: żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi multilingwi b’approċċ retrospettiv u li jħares ’il quddiem dwar l-ADR u Sejħa għal Evidenza fuq is-sit web tagħha Semma’ Leħnek.

    Barra minn hekk, saru diskussjonijiet regolari mal-partijiet ikkonċernati dwar il-prestazzjoni tal-pjattaforma tal-ODR inklużi studji għat-titjib tad-disinn u l-funzjonalitajiet tal-pjattaforma li kien fihom stħarriġ u intervisti mal-konsumaturi, in-negozjanti, l-entitajiet tal-ADR u l-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-ODR. L-avvenimenti li ġejjin kienu wkoll opportunitajiet biex tiġi diskussa l-prestazzjoni tal-pjattaforma bħal-laqgħa tal-punti ta’ kuntatt tal-ODR tat-13 ta’ Settembru 2022 u diversi workshops inkluż l-assemblea tal-entitajiet tal-ADR li saret fl-2021; diskussjoni tal-panel fis-Summit tal-Konsumatur tal-2022 u diskussjoni madwar mejda dwar l-ADR transfruntiera li saru wkoll fl-2022.

    Kien hemm kunsens ġenerali li l-effett utli tal-Pjattaforma tal-ODR kien limitat ħafna u għalhekk ma kienx kosteffettiv. Madankollu, il-pjattaforma tal-ODR tqieset bħala sors importanti ta’ informazzjoni biex tinkiseb il-lista tal-entitajiet tal-ADR li ġew akkreditati mill-awtoritajiet nazzjonali fl-Unjoni skont id-Direttiva tal-ADR, obbligu li madankollu jirriżulta minn din id-Direttiva u implimentat mill-Kummissjoni fuq il-pjattaforma tal-ODR u li għalhekk se jkompli jinżamm. Il-partijiet ikkonċernati apprezzaw ukoll ir-rwol ta’ konsulenza tal-punti ta’ Kuntatt tal-ODR fir-rigward tax-xiri transfruntier. Għall-maġġoranza tal-każijiet, ir-rwol tal-punti ta’ kuntatt tal-ODR ittieħed miċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi.

    Il-Kummissjoni rċeviet ukoll pariri interni tal-IT dwar it-titjib tad-disinn u l-funzjonalitajiet tal-pjattaforma tal-ODR li wrew li kienet meħtieġa riforma sostanzjali ħafna tal-pjattaforma tal-ODR biex din issir konformi mal-istandards attwali tal-IT.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Twettqet valutazzjoni tal-impatt biex tiġi rieżaminata d-Direttiva tal-ADR li kienet tinkludi analiżi dettaljata tal-funzjonament tal-pjattaforma tal-ODR fl-Anness 6 tagħha.

    Dan l-Anness janalizza l-istatistika dwar l-użu tal-pjattaforma tal-ODR mill-bidu tagħha fl-2016 sabiex wieħed ikun jista’ jifhem għaliex tant ftit każijiet huma ttrattati mill-korpi tal-ADR (inqas minn 200 fis-sena fl-UE kollha). L-analiżi turi li l-pjattaforma tirċievi bejn żewġ sa tliet miljun viżitatur fis-sena. Madankollu, minoranza (madwar 2 %) ta’ dawn il-viżitaturi jiddeċiedu li jikkuntattjaw lin-negozjant ikkonċernat biex jipproponu li jniedu proċess tal-ADR. Il-biċċa l-kbira tal-viżitaturi jitilqu mill-pjattaforma wara ftit sekondi. Minkejja t-titjib tal-paġna ewlenija tal-pjattaforma (li tipprovdi informazzjoni u sistema interattiva Q&A ta’ mistoqsija u tweġiba), l-għadd ta’ talbiet għal proċess tal-ADR ma żdiedx iżda għall-kuntrarju naqas meta l-konsumaturi kienu infurmati aħjar dwar l-objettivi u l-funzjonament tas-sistema. Ladarba ssir talba mill-konsumatur, in-negozjant ikollu 30 jum biex jaqbel li jniedi l-proċess tal-ADR. 2 % biss jaqblu li jagħmlu dan, madwar 40 % tan-negozjanti jikkuntattjaw lill-konsumaturi direttament barra mill-pjattaforma biex isolvu l-kwistjoni filwaqt li l-maġġoranza tan-negozjanti sempliċiment jibqgħu siekta peress li l-parteċipazzjoni mhijiex obbligatorja. Il-korpi tal-ADR, iwettqu test tal-eliġibbiltà fuq il-każijiet li jilħquhom (madwar 400 fis-sena) u bħala medja jżommu biss nofs it-talbiet. Ir-riżultati batuti tal-pjattaforma tal-ODR huma għalhekk ir-riżultat ta’ sensiela ta’ fatti marbuta man-nuqqas ta’ informazzjoni minn qabel tal-viżitaturi dwar kif taħdem l-ADR, l-interess limitat ħafna tan-negozjanti u l-kompletezza jew ir-rilevanza mhux uniformi tal-ilmenti tal-konsumaturi fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti mill-entitajiet tal-ADR.

    Dan l-użu limitat tal-pjattaforma tal-ODR wassal lill-Kummissjoni biex tistudja diversi soluzzjonijiet biex ittejjeb l-adozzjoni kemm min-negozjanti kif ukoll mill-konsumaturi, li madankollu ma kinux konklużivi dwar il-mezzi li jippermettu li jiżdied l-użu tal-pjattaforma.

    Għall-kuntrarju, it-tneħħija tal-pjattaforma tal-ODR tiffranka lill-Kummissjoni Ewropea madwar EUR 500,000 fis-sena 6 , jiġifieri EUR 4.4 miljun f’10 snin 7 . Studju dwar l-imġiba mwettaq dwar ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni tal-ADR 8 wera li r-rekwiżit attwali għan-negozjanti li jiżvelaw b’mod ċar fuq is-siti web tagħhom il-link tal-ODR ma għandux impatt pożittiv fuq l-intenzjoni tal-konsumatur li juża l-proċedura tal-ADR. Għalhekk, it-tneħħija ta’ din ir-rabta ma tipproduċix konsegwenzi negattivi fuq l-involviment tal-konsumaturi fl-ADR.

    Impatt fuq l-SMEs: In-negozji li joperaw online, li l-maġġoranza tagħhom huma SMEs, ma jkollhomx bżonn iżommu indirizz tal-posta elettronika għall-korrispondenza tal-ODR, u jiffrankaw EUR 100 fis-sena 9 . Il-benefiċċju totali għan-negozji tal-UE mbagħad ikun iffrankar ta’ EUR 370 miljun fis-sena.

    Impatti soċjali: Is-sostituzzjoni tal-Pjattaforma tal-ODR ma jkollha l-ebda impatt soċjali fuq l-impjiegi peress li l-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri (madwar 50 FTE madwar l-UE) jiġu assorbiti mill-ECCs jew minn korpi oħra inkarigati li jipprovdu pariri dwar l-ADR transfruntiera u possibbiltajiet oħra ta’ rimedju.

    Impatti ambjentali: it-tneħħija tal-pjattaforma tal-ODR inaqqas l-impronta tal-karbonju diġitali tal-Kummissjoni Ewropea.

    Drittijiet fundamentali

    Il-proposta tqis kif xieraq id-drittijiet relatati mad-data personali billi tipprovdi data ċara meta l-pjattaforma tkun se titneħħa (u data aktar bikrija meta l-pjattaforma tkun għadha topera, iżda ma jkun jista’ jiġi ppreżentat l-ebda lment ġdid). Il-proposta tiżgura li d-data personali kollha titħassar hekk kif titneħħa l-pjattaforma, biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ żvelar ta’ data.

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Kif evalwat fl-Anness 6 tal-Valutazzjoni tal-Impatt tad-Direttiva tal-ADR, it-tneħħija tal-pjattaforma tal-ODR tippermetti li jiġu ffrankati l-ispejjeż għan-negozji, għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni, filwaqt li l-ispiża għall-entitajiet tal-ADR ma tiġix affettwata. Għalhekk, it-tneħħija tal-pjattaforma ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja negattiva.

    5.ELEMENTI OĦRA

    mhux applikabbli

    2023/0375 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/2394 u (UE) 2018/1724 fir-rigward tal-waqfien tal-Pjattaforma Ewropea tal-ODR

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 stabbilixxa, u ta mandat lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u żżomm, il-Pjattaforma Ewropea għas-Soluzzjoni Online tat-Tilwim (“ODR”) fil-livell tal-Unjoni, li toffri punt uniku ta’ dħul lill-konsumaturi u lin-negozjanti li jkunu qed ifittxu li jsolvu tilwim li jinqala’ minn tranżazzjonijiet online barra mill-qorti.

    (2)Il-pjattaforma tal-ODR tieħu l-forma ta’ sit web interattiv fejn il-konsumaturi jistgħu jitolbu lin-negozjanti biex jaqblu li jużaw korp tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) elenkat fuq il-pjattaforma, li jikkonforma mad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 .

    (3)Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 jobbliga lill-kummerċjanti online u s-swieq online jipprovdu link faċilment aċċessibbli għall-pjattaforma tal-ODR fuq is-sit web tagħhom. Dak l-obbligu, flimkien ma’ kampanji ta’ informazzjoni magħmula mill-Kummissjoni u mill-partijiet ikkonċernati nazzjonali, kull sena ġab bejn żewġ u tliet miljun viżitatur fis-sit web tal-pjattaforma.

    (4)Madankollu, minoranza biss ta’ viżitaturi jużaw il-pjattaforma biex iniedu lment, u 2 % biss ta’ dawk li fil-fatt jirċievu tweġiba pożittiva min-negozjanti sabiex it-talba tagħhom tkun tista’ tintbagħat lil korp tal-ADR elenkat fuq il-pjattaforma. Kollox ma’ kollox, dan jirrappreżenta madwar 200 każ madwar l-Unjoni. Il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għal evidenza dwar l-adattament tas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għas-swieq diġitali, li saret mit-28 ta’ Settembru sal-21 ta’ Diċembru 2022 u kkonkludiet li l-pjattaforma kienet intużat biss minn 5 % tal-konsumaturi li wieġbu, filwaqt li l-maġġoranza tar-rispondenti qiesu li l-pjattaforma jenħtieġ li tittejjeb b’mod sostanzjali jew titneħħa peress li ma kinitx kosteffettiva.

    (5)L-evidenza tissuġġerixxi bil-qawwa li ż-żamma ulterjuri tal-Pjattaforma Ewropea tal-ODR b’mhux aktar minn 200 każ trasferiti fis-sena lil entità tal-ADR ma tikkorrispondix mal-prinċipji tal-effiċjenza u l-effettività kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 .

    (6)Jenħtieġ li l-pjattaforma tal-ODR titneħħa u għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 jenħtieġ li jitħassar. Jenħtieġ li jingħata żmien xieraq biex jiġi żgurat li l-każijiet li jkunu għaddejjin fil-pjattaforma jkunu jistgħu jiġu tterminati b’mod adegwat.

    (7)L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 jistabbilixxi r-regola għall-ipproċessar tad-data personali relatata ma’ tilwima u maħżuna fil-bażi tad-data tal-pjattaforma tal-ODR miżmuma mill-Kummissjoni.

    (8)Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) Nru 524/2013, id-data personali relatata ma’ tilwima tinżamm fil-bażi tad-data għaż-żmien meħtieġ biex jinkisbu l-finijiet li għalihom tkun inġabret id-data u biex jiġi żgurat li s-suġġetti tad-data jkunu jistgħu jaċċessaw id-data personali tagħhom sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Jenħtieġ li dik id-data titħassar awtomatikament, mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-konklużjoni tat-tilwima li tkun intbagħtet lill-pjattaforma tal-ODR. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-utenti tal-pjattaforma b’każijiet tal-ADR miftuħa dwar l-għeluq tal-pjattaforma fi żmien xieraq, u fi kwalunkwe każ mill-inqas erba’ xhur qabel ma l-pjattaforma titneħħa. Jenħtieġ li l-Kummissjoni toffri assistenza lil dawk l-utenti tal-pjattaforma li jixtiequ jirkupraw id-data tal-każijiet tagħhom.

    (9)Peress li ssir referenza għall-pjattaforma tal-ODR bħala pjattaforma li tippermetti lill-konsumaturi jitolbu lill-kummerċjanti jaqblu ma’ soluzzjoni għat-tilwim barra mill-qorti f’atti legali oħra tal-Unjoni, jenħtieġ li dawk l-atti jiġu emendati biex jitneħħew ir-referenzi għal dik il-pjattaforma. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 2017/2394 13 u (UE) 2018/1724 14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jiġu emendati skont dan.

    (10)Ċerti Direttivi fihom referenzi għar-Regolament (UE) Nru 524/2013. Għalhekk, it-tħassir tiegħu jagħmilha neċessarja li jiġu emendati d-Direttivi (UE) 2015/2302 15 , (UE) 2019/2161 16 u (UE) 2020/1828 17 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li għandu jsir fid-Direttiva [xxx/xxx] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/11/UE dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi[ 18 ],

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 jitħassar b’effett minn [daħħal data li tkun sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

    Artikolu 2

    1.Il-pjattaforma Ewropea tal-ODR għandha titneħħa.

    2.Il-preżentazzjoni tal-ilmenti għandha tieqaf fi [daħħal data [xahrejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament/ erba’ xhur qabel it-tħassir ta’ dan ir-Regolament].

    3.Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-utenti tal-pjattaforma b’każijiet tal-ADR miftuħa dwar it-tneħħija tal-pjattaforma sa [daħħal data li tkun xahrejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament/erba’ xhur qabel it-tħassir ta’ dan ir-Regolament]u toffri assistenza biex tiġi rkuprata data dwar każijiet biex aċċessibbli għalihom jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan.

    4.Mhux aktar tard minn [jj/xx/ss, jiġifieri sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] l-informazzjoni kollha inkluża d-data personali relatata mat-tilwim fil-pjattaforma tal-ODR għandha titħassar.

    Artikolu 3
    Emenda għar-Regolament (UE) 2017/2394

    Fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/2394, jitħassar il-punt 22.

    Artikolu 4
    Emenda għar-Regolament (UE) 2018/1724

    Fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 2018/1724, il-punt 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Il-lista ta’ entitajiet ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi stabbilita mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20(4) tad-Direttiva 2013/11/UE” 19 .

    Artikolu 5
    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030, Brussell, 16.3.2023, COM (2023) 168 final, https://commission.europa.eu/system/files/2023-03/Communication_Long-term-competitiveness.pdf  
    (2)    Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi)
    (3)    Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi), ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1-12.
    (4)    Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE). ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1–38
    (5)    L-Artikolu 169 tat-TFUE jiddikjara li l-objettivi tal-promozzjoni tal-interessi tal-konsumaturi u l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 114 tat-TFUE.
    (6)    Ara l-Anness 7 għal aktar informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-Pjattaforma tal-ODR. Din iċ-ċifra tqis ukoll l-ispejjeż tas-sostituzzjoni tal-pjattaforma tal-ODR b’għodod ta’ sinjalar, li huma stmati li jammontaw għal massimu ta’ 100 000.
    (7)    EUR 600,000 kull sena ffrankati jekk il-pjattaforma tal-ODR ma tibqax tinżamm, nieqes EUR 100,000 kull sena għal soluzzjonijiet żviluppati oħra biex il-konsumaturi jiġu diretti mill-ġdid lejn l-entità tal-ADR it-tajba (eż. lawbots/chatbots li jaħdmu b’intelliġenza artifiċjali).
    (8)    Studju dwar l-imġiba dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni tal-ADR lill-konsumaturi min-negozjanti u l-entitajiet tal-ADR.
    (9)    L-ispiża medja taż-żamma ta’ dan l-indirizz tal-posta elettronika, meta wieħed iqis id-diliġenza dovuta tat-twettiq tan-negozju li jkun jeħtieġ li l-korrispondenza tinqara kuljum, hija preżunta li tammonta għal EUR 0.5 għal kull jum tax-xogħol. Talbiet prospettivi ta’ tilwim tal-ADR (400,000 fis-sena) jaslu biss okkażjonalment fil-kaxxa postali ta’ negozju (madwar 3,700,000 bejjiegħ bl-imnut joperaw online, Eurostat).
    (10)    Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1).
    (11)    Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).
    (12)    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
    (13)    Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).
    (14)    Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).
    (15)    Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1).
    (16)    Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU L 328, 18.12.2019, p. 7).
    (17)    Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).
    (18)    [OP: please insert reference to COM(2023) 649]
    (19)    Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).
    Top