Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0642

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 fir-rigward tar-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni

COM/2023/642 final

Brussell, 18.10.2023

COM(2023) 642 final

2023/0371(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 fir-rigward tar-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-ivvjaġġar mingħajr viża jġib miegħu benefiċċji sinifikanti għall-UE u s-sħab madwar id-dinja. Dan jagħmel l-ivvjaġġar aktar konvenjenti u huwa għodda importanti għall-promozzjoni tal-kuntatti bejn in-nies, tat-turiżmu, tal-iżvilupp ekonomiku u tal-iskambju kulturali. Bħalissa l-UE għandha sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża fis-seħħ ma’ 60 pajjiż terz 1 . Skont din is-sistema, iċ-ċittadini minn dawn il-pajjiżi jistgħu jidħlu fiż-żona Schengen mingħajr viża għal soġġorni qosra sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Il-politika tal-UE ta’ vjaġġar mingħajr viża hija bbażata fuq il-prinċipju tar-reċiproċità tal-viża.

L-ivvjaġġar mingħajr viża jġib miegħu benefiċċji ewlenin għaċ-ċittadini miż-żewġ naħat, u jsaħħaħ ulterjorment ir-relazzjonijiet tal-UE mas-sħab tagħha. Dan jagħti spinta lis-settur tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu, li, skont l-istimi tal-OECD, kien jammonta għal madwar 7 % tal-esportazzjonijiet globali fl-2019 2 u kkontribwixxa għal madwar 4,4 % tal-PDG tal-pajjiżi tal-OECD 3 . L-ivvjaġġar mingħajr viża jippromwovi wkoll skambji kulturali u akkademiċi. Irawwem ukoll ir-relazzjonijiet diplomatiċi u l-kooperazzjoni internazzjonali, li jwasslu għal aktar interazzjonijiet politiċi f’oqsma differenti li jvarjaw mill-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika, is-sigurtà, l-innovazzjoni u t-teknoloġija.

L-għadd ta’ vjaġġaturi bejn l-UE u pajjiżi mhux tal-UE eżentati mill-ħtieġa tal-viża fl-2019 kien ta’ 364,8 miljun. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 7 % mill-2018 4 .

Fl-istess waqt, il-monitoraġġ tal-Kummissjoni tas-sistemi tal-UE ta’ vjaġġar mingħajr viża, inklużi r-rapporti tagħha taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Eżenzjoni ta’ Viża 5 , wera li mill-ivvjaġġar mingħajr viża jistgħu jinbtu sfidi sinifikanti għall-migrazzjoni u s-sigurtà.

L-ivvjaġġar mingħajr viża jista’ jirriżulta wkoll f’żieda fil-migrazzjoni irregolari permezz ta’ permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta minn vjaġġaturi eżentati mill-viża jew permezz ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati fi kwantitajiet kbar minn ċittadini minn pajjiżi terzi eżentati mill-ħtieġa tal-viża b’rati baxxi ta’ rikonoxximent (applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi). Barra minn hekk, f’xi każijiet l-allinjament insuffiċjenti tal-viża mal-politika tal-UE dwar il-viżi jista’ jittrasforma pajjiż eżentat mill-ħtieġa tal-viża f’ċentru ta’ tranżitu għad-dħul irregolari fl-UE.

Apparti minn hekk, l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment imħaddma minn pajjiżi terzi b’aċċess mingħajr viża għall-UE jistgħu jirriżultaw f’riskji jew theddid għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri, inklużi dawk relatati mal-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni. L-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment għandhom l-għan li jattiraw l-investiment billi jagħtu lill-investituri minn pajjiżi terzi drittijiet taċ-ċittadinanza tal-pajjiż ikkonċernat, b’kundizzjonijiet inqas stretti minn dawk taħt reġimi ordinarji ta’ naturalizzazzjoni 6 . Meta ċittadini ta’ pajjiżi terzi li altrimenti jkunu jeħtieġu viża għall-UE jakkwiżixxu ċittadinanza ta’ pajjiż mingħajr ħtieġa tal-viża bis-saħħa ta’ skemi bħal dawn, huma jistgħu jużawhom biex jiżgiċċaw il-proċedura regolari tal-viża għal soġġorn qasir u l-valutazzjoni tar-riskji tal-migrazzjoni u tas-sigurtà li tinvolvi.

Is-sigurtà u l-fruntieri esterni tal-Istati Membri ġew affettwati bil-kbir minn avvenimenti ġeopolitiċi reċenti, u dan juri li l-interferenza barranija tista’ toħloq theddid serju għas-sigurtà tal-Istati Membri. F’Ottubru 2021, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet 7 li jistiednu lill-Kummissjoni tipproponi bidliet fil-qafas legali tal-UE biex jiġi żgurat rispons xieraq għall-attakki ibridi. Il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni ta’ viża jkun parti mis-sett ta’ għodod tal-UE biex twieġeb għat-theddid ibridu, bħall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti sponsorjata mill-istat.

Il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1806 8 , huwa salvagwardja kontra l-abbuż mill-ivvjaġġar mingħajr viża. Dan il-mekkaniżmu jippermetti s-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża f’każ ta’ żieda f’daqqa u sostanzjali fil-migrazzjoni irregolari jew fir-riskji għas-sigurtà. Madankollu, bi sfidi dejjem akbar li jirriżultaw mill-migrazzjoni irregolari, u t-theddid għas-sigurtà tal-UE, deher ċar li dan il-mekkaniżmu kellu bżonn jissaħħaħ u jittejjeb ulterjorment.

Għaldaqstant, fl-20 ta’ Marzu 2023, fl-ittra tagħha lill-Kunsill Ewropew, il-President von der Leyen ipproponiet li “l-Kummissjoni se ssaħħaħ il-monitoraġġ tagħha tal-allinjament tal-politika dwar il-viżi u se tippreżenta rapport komprensiv li jwitti t-triq għal proposta leġiżlattiva li temenda l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża”. Għaldaqstant, fit-30 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-monitoraġġ tas-sistemi tal-UE ta’ vjaġġar mingħajr viża 9 li tistabbilixxi proċess ta’ konsultazzjoni. Il-Komunikazzjoni xeħtet il-lenti fuq il-funzjonament tas-sistemi tal-UE mingħajr viża u identifikat l-isfidi prinċipali fl-oqsma tal-migrazzjoni irregolari u s-sigurtà.

Sabiex l-għadd kbir ta’ sfidi li jirriżultaw mill-ivvjaġġar mingħajr viża jiġi indirizzat b’mod effettiv f’kuntest ġeopolitiku li qiegħed jevolvi b’mod kostanti u filwaqt li titqies il-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra, din il-proposta għandha l-għan li tadatta l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni għal tali sfidi, billi temenda d-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2018/1806.

Il-mekkaniżmu għas-sospensjoni tal-ivvjaġġar mingħajr viża

Ir-Regolament (UE) 2018/1806 jipprevedi l-armonizzazzjoni sħiħa rigward il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għall-ħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom biex jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri (imsemmija wkoll hawnhekk bħala l-“ħtieġa tal-viża”) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn din il-ħtieġa. Jipprevedi wkoll il-possibbiltà li tiġi sospiża temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“mekkaniżmu ta’ sospensjoni”).

Dan il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni ġie introdott għall-ewwel darba fl-2013 10 bl-iskop prinċipali li jippermetti sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża f’każ ta’ żieda f’daqqa u sostanzjali fil-migrazzjoni irregolari. Il-mekkaniżmu ġie sussegwentement rivedut fl-2017 11 billi sar iktar faċli għall-Istati Membri li jinnotifikaw iċ-ċirkostanzi li jwasslu għal sospensjoni possibbli u billi ppermetta lill-Kummissjoni tiskatta l-mekkaniżmu fuq inizjattiva tagħha stess.

Attwalment, abbażi tal-Artikolu 8(2), (3) u (4) tar-Regolament (UE) 2018/1806, il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni jista’ jiġi skattat fl-eventwalità ta’:

·Żieda sostanzjali (jiġifieri żieda li taqbeż il-limitu ta’ 50 %) fl-għadd ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat li jiġu rrifjutati milli jidħlu jew li jinstabu li jkunu qegħdin jissoġġornaw fit-territorju tal-Istat Membru mingħajr id-dritt li jagħmlu hekk;

·Żieda sostanzjali (jiġifieri żieda li taqbeż il-limitu ta’ 50 %) fl-applikazzjonijiet għall-ażil miċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat li għalih ir-rata ta’ rikonoxximent tkun baxxa;

·Tnaqqis fil-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat;

·Riskju akbar jew theddida imminenti għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri, b’mod partikolari żieda sostanzjali fir-reati kriminali serji marbuta maċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat;

·Fir-rigward tal-pajjiżi terzi li kisbu eżenzjoni mill-viża frott id-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti speċifiċi li ntużaw biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-għoti tal-liberalizzazzjoni tal-viża.

Biex tiskatta l-proċedura ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni trid tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, wara l-eżami ta’ notifika mill-Istati Membri jew inkella wara l-analiżi tagħha stess, u sussegwentement tista’ tiddeċiedi li tkun meħtieġa azzjoni u tiskatta l-mekkaniżmu. L-iskattar tal-proċedura ta’ sospensjoni jsir awtomatikament meta maġġoranza sempliċi tal-Istati Membri tinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi ta’ hawn fuq.

Il-proċedura ta’ sospensjoni tikkonsisti fi tliet fażijiet:

(1)Is-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża għandha durata inizjali ta’ disa’ xhur u tiġi deċiża permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Matul il-perjodu ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi djalogu msaħħaħ mal-pajjiż terz ikkonċernat bl-għan li jiġu rrimedjati ċ-ċirkostanzi inkwistjoni.

(2)Meta ċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għas-sospensjoni jippersistu, is-sospensjoni jenħtieġ li tiġi mtawwla bi 18-il xahar addizzjonali permezz ta’ att delegat.

(3)Meta ma tinstab l-ebda soluzzjoni qabel tmiem il-fażi 2, il-Kummissjoni tista’ tipproponi t-terminazzjoni permanenti tal-eżenzjoni mill-viża u t-trasferiment tal-pajjiż terz mill-Anness II għall-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1806, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-Regolament (UE) 2018/1806 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom iridu jkunu fil-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn din il-ħtieġa. Ir-Regolament (UE) 2018/1806 huwa applikat mill-Istati Membri kollha — bl-eċċezzjoni tal-Irlanda. Huwa applikat ukoll mill-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Ir-Regolament huwa parti mill-politika komuni tal-UE dwar il-viżi għal soġġorni qosra sa massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

L-emenda hija konsistenti mal-iżviluppi ewlenin l-aktar reċenti fil-qasam tal-politika dwar il-viżi u l-fruntieri, li l-għan tagħha huwa li tirrinforza s-sigurtà taż-żona Schengen:

Ir-Regolament rivedut reċentement dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) 12 , li se jippermetti verifiki aktar bir-reqqa tal-preċedenti personali fir-rigward tal-applikanti għal viża, se jagħlaq il-lakuni fl-informazzjoni dwar is-sigurtà permezz ta’ skambju aħjar ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, u se jiġġieled aħjar il-ħtif u t-traffikar tat-tfal billi titbaxxa l-età għat-teħid tal-marki tas-swaba’ għall-minorenni. Se wkoll iwessa’ s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża biex tinkludi viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza.

Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) 13 , li hija parti mill-qafas tal-Fruntieri Intelliġenti u tal-interoperabbiltà u tintroduċi awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar online għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jeħtiġux viża.

Is-sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) 14 , li se tirrikjedi li kull vjaġġatur li jżur iż-żona Schengen għal soġġorni qosra jirreġistra d-dħul u l-ħruġ tiegħu fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni biex b’hekk jinqabdu l-persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta.

Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), li tippermetti skambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kontroll tal-fruntieri, tad-dwana u tal-pulizija, filwaqt li tiżgura li l-moviment liberu tal-persuni fl-UE jkun jista’ jseħħ f’ambjent sikur 15 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din l-inizjattiva hija konsistenti mal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà, peress li l-objettiv ewlieni tagħha huwa li tindirizza r-riskji għas-sigurtà u l-migrazzjoni irregolari għaż-żona Schengen.

B’mod partikolari, ir-reviżjoni proposta tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni se tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-objettivi tal-UE fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà billi jiġu miġġielda l-abbużi possibbli marbuta mal-ivvjaġġar mingħajr viża, li joħolqu għadd ta’ riskji għall-Istati Membri, f’termini ta’ migrazzjoni irregolari, politika pubblika u sigurtà.

Din l-inizjattiva hija konsistenti mar-relazzjonijiet esterni tal-UE (inklużi kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali) u b’mod partikolari l-politika tat-tkabbir tagħha, fir-rigward ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-ħtieġa tal-viża bi prospetti ta’ adeżjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-proposta hija l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jagħti s-setgħa lill-Unjoni biex tiżviluppa miżuri dwar il-politika komuni dwar viżi u permessi oħra ta’ residenza għal permanenza qasira. Ir-regolament emendatorju propost se jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni stipulat fir-Regolament (UE) Nru 2018/1806, huwa parti integrali tal-politika komuni tal-UE dwar il-viżi. L-objettiv tat-tisħiħ ta’ dak il-mekkaniżmu jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni, jiġifieri permezz ta’ emenda tar-Regolament. L-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu individwalment sabiex jilħqu l-objettiv ta’ politika.

Proporzjonalità

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità stipulat fl-Artikolu 5(4) TUE, hemm bżonn li n-natura u l-intensità ta’ miżura partikolari jkunu jikkorrispondu għall-problema identifikata. Il-kwistjonijiet kollha indirizzati f’din l-inizjattiva leġiżlattiva jitolbu azzjoni leġiżlattiva fil-livell tal-UE li tippermetti lill-Istati Membri jindirizzaw dawn il-problemi b’mod effettiv.

L-iskop ewlieni ta’ din il-proposta huwa li l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni jkun attrezzat aħjar biex jirreaġixxi malajr u b’mod deċiżiv għall-isfidi emerġenti fil-qasam tal-migrazzjoni irregolari u s-sigurtà li jirriżultaw minn pajjiżi terzi eżentati mill-ħtieġa tal-viża, u biex jiġġieled kwalunkwe abbuż ta’ vjaġġar mingħajr viża.

Fl-istess waqt, jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni jibqa’ mekkaniżmu tal-aħħar istanza, mingħajr ebda awtomatiċità, u jenħtieġ li kwalunkwe deċiżjoni f’dan ir-rigward tkompli tqis kif xieraq ir-relazzjonijiet kumplessivi bejn l-UE u l-pajjiżi terzi kkonċernati kif ukoll il-kuntest politiku kumplessiv.

L-emendi proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi spjegati fit-taqsimiet preċedenti.

Għażla tal-istrument

L-objettivi ta’ din il-proposta jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ att leġiżlattiv li jimmodifika l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni eżistenti. Għalhekk, huwa meħtieġ regolament li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1806 ġie skattat darbtejn: l-ewwel darba f’Mejju 2019, wara notifika minn Stat Membru li rrapporta żieda fl-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi u reati kriminali serji miċ-ċittadini ta’ pajjiż terz eżentat mill-ħtieġa tal-viża; it-tieni darba fl-2022, wara analiżi tal-Kummissjoni, li wasslet għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz minħabba t-tħaddim ta’ skema taċ-ċittadinanza b’investiment, li kkostitwiet riskju akbar għas-sigurtà interna u għall-ordni pubbliku tal-Istati Membri.

In-notifika lill-Kummissjoni li saret minn Stat Membru f’Mejju 2019 uriet li l-limiti għall-iskattar tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni ma setgħux jintlaħqu minkejja ż-żieda rrappurtata f’applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi u reati kriminali serji miċ-ċittadini ta’ pajjiż eżentat mill-ħtieġa tal-viża rreġistrati f’dak l-Istat Membru. Filwaqt li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet biex jiskatta l-mekkaniżmu ma ġewx issodisfati f’dik iċ-ċirkostanza, diversi Stati Membri fid-diskussjonijiet tal-Kunsill qiesu li dawn il-limiti jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livell aktar baxx.

Kif meħtieġ mill-Artikoli 9(2) u 10(3) tar-Regolament (UE) 2018/1806, fl-2021 il-Kummissjoni ppreżentat rapport dwar l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni u dwar id-delega tas-setgħa taħt tali mekkaniżmu 16 . Ir-rapport ikkonkluda li, minkejja li l-mekkaniżmu ma rriżultax fis-sospensjoni ta’ xi eżenzjoni mill-viża, l-eżistenza tiegħu wasslet għal riformi importanti f’pajjiżi terzi mingħajr il-ħtieġa tal-viża fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, is-sigurtà, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

Fl-2022, l-iskattar tal-mekkaniżmu wassal għall-ewwel darba għas-sospensjoni ta’ eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz 17 . Din l-esperjenza enfasizzat fil-prattika d-diffikultajiet tal-iskattar tal-mekkaniżmu minħabba l-proċedura kkumplikata tiegħu u wriet għal darb’oħra li l-ilħuq tal-limiti mitluba mir-regoli attwali jista’ jkun diffiċli, għad-detriment tal-objettiv li jiġu pprovduti reazzjonijiet urġenti għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u r-riskji għas-sigurtà li jirriżultaw mill-ivvjaġġar mingħajr viża.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fl-ewwel xhur tal-2023, fuq l-inizjattiva tal-Presidenza Żvediża, il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni ddiskuta reviżjoni possibbli tar-Regolament (UE) 2018/1806, b’mod partikolari tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, li għalih l-Istati Membri esprimew appoġġ mifrux. Dan kien motivat miż-żieda fl-għadd ta’ punti ta’ qsim irregolari tal-fruntieri identifikati lejn l-UE permezz tar-rotta tal-Balkani tal-Punent, li kienet parzjalment marbuta ma’ nuqqas ta’ allinjament tal-politika dwar il-viżi mis-sħab tal-Balkani tal-Punent, u li qanqlet riflessjoni dwar il-ħtieġa li jiġi rivedut il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni.

Wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tas-sistemi tal-UE ta’ vjaġġar mingħajr viża fit-30 ta’ Mejju 2023, ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni ġiet diskussa fil-COREPER fil-31 ta’ Mejju 2023, fil-laqgħa tal-Kunsilliera tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-1 ta’ Ġunju 2023 u fil-Kunsill ta’ Schengen tat-8-9 ta’ Ġunju 2023. L-Istati Membri esprimew appoġġ qawwi għall-adattament tal-limiti tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni kif ukoll għall-estensjoni tar-raġunijiet għas-sospensjoni, b’mod partikolari billi jiġi inkluż l-allinjament tal-politika dwar il-viżi — speċjalment f’każijiet fejn dan jista’ jwassal għal riskji migratorji jew għas-sigurtà — u l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment bħala raġunijiet addizzjonali. L-Istati Membri laqgħu wkoll l-approċċ rivedut għall-monitoraġġ u r-rappurtar dwar pajjiżi terzi eżentati mill-ħtieġa tal-viża li huwa stabbilit fil-Komunikazzjoni.

Il-Komunikazzjoni ġiet ippreżentata wkoll lill-Parlament Ewropew (il-Kumitat LIBE) fit-28 ta’ Ġunju 2023. Matul id-diskussjoni, il-Membri tal-Kumitat LIBE laqgħu l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-inklużjoni proposta ta’ raġuni ta’ sospensjoni espliċita dwar l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment imħaddma minn pajjiżi terzi eżentati mill-ħtieġa tal-viża, bħala reazzjoni għas-sejħa li saret mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2022 bi proposti lill-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza u r-residenza bi skemi ta’ investiment 18 . Fost talbiet oħra, ir-riżoluzzjoni appellat lill-Kummissjoni biex teżerċita kemm jista’ jkun pressjoni biex tiżgura li l-pajjiżi terzi li għandhom fis-seħħ skemi taċ-ċittadinanza b’investiment u li jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża skont l-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 jabolixxu dawn l-iskemi, u biex tippreżenta proposta biex jiġi emendat l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2018/1806 biex jinkludi t-tħaddim ta’ skemi taċ-ċittadinanza b’investiment bħala raġuni għas-sospensjoni tal-eżenzjonijiet mill-viża.

Il-Kummissjoni rat li tqis is-suġġerimenti ewlenin li saru mill-Istati Membri u l-Membri tal-Kumitat LIBE dwar kif għandu jiġi rivedut il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni u kif għandhom jissaħħu l-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar fl-abbozzar ta’ din il-proposta.

Fl-aħħar nett, f’Awwissu 2023 il-Kummissjoni ppubblikat sejħa għal evidenza 19 biex tikkonsulta lill-pubbliku usa’ u lill-partijiet ikkonċernati oħra dwar modi possibbli ta’ kif jittejjeb il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, biex tinforma t-tħejjija tal-proposta tal-Kummissjoni. Is-sejħa rċeviet 15-il rispons mill-assoċjazzjonijiet tal-ivvjaġġar u t-trasport, NGOs u ċittadini. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn ir-risponsi enfasizzaw il-ħtieġa li l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni jibqa’ mekkaniżmu tal-aħħar istanza mingħajr ebda awtomatiċità u li l-pubbliku li jivvjaġġa u l-industrija jkunu mgħarrfa minn qabel sew u b’mod ċar f’każ ta’ attivazzjoni tas-sospensjoni.

Valutazzjoni tal-impatt

Ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni bħala tali ma għandha l-ebda impatt ekonomiku, soċjali jew ambjentali dirett. L-impatti tas-sospensjoni possibbli tal-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ ċertu pajjiż terz jkollu jiġi vvalutat fid-dettall mill-Kummissjoni f’kull każ individwali meta din teżamina notifika minn Stat Membru u qabel ma tiddeċiedi jekk hijiex meħtieġa azzjoni. Għalhekk, l-ebda valutazzjoni tal-impatt ma hija meħtieġa għal din il-proposta.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza negattiva għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Kif diġà meħtieġ mill-Artikolu 8(4) attwali tar-Regolament (UE) 2018/1806, għal dawk il-pajjiżi terzi li ġew elenkati fl-Anness II frott il-konklużjoni b’suċċess ta’ djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta bis-sħiħ u tirrapporta dwar il-konformità kontinwa mar-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża għal perjodu ta’ seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tal-liberalizzazzjoni tal-viża għal dak il-pajjiż terz.

Wara dan il-perjodu ta’ seba’ snin, ir-rappurtar dwar dawk il-pajjiżi se jitkompla iżda se jkun immirat lejn sfidi u prijoritajiet speċifiċi. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi wkoll li tirrapporta dwar pajjiżi eżentati mill-ħtieġa tal-viża f’żoni ġeografiċi oħra lil hinn mill-viċinat tal-UE, filwaqt li tiffoka fuq pajjiżi fejn jistgħu jfeġġu xi kwistjonijiet u fejn tista’ tkun meħtieġa kooperazzjoni ulterjuri biex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi tal-migrazzjoni u/jew tas-sigurtà li jistgħu jiġu vvalutati fl-ambitu tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Din il-proposta ssaħħaħ u ttejjeb diversi elementi tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni li bħalissa huwa rregolat mill-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2018/1806. L-emenda proposta tissostitwixxi l-Artikolu 8 b’sett ta’ Artikoli ġodda (8 sa 8f). Ir-reviżjoni tinkludi diversi emendi sostantivi.

L-ewwel nett, l-Artikolu 8(1) il-ġdid jiddefinixxi l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni temporanja. Dan jipprevedi li l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni jista’ jiġi skattat permezz ta’ notifika minn Stat Membru lill-Kummissjoni jew mill-Kummissjoni abbażi tal-analiżi tagħha stess. Il-proċedura għan-notifika tal-Istati Membri hija stipulata fl-Artikolu 8b (li jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet attwalment stabbiliti fl-Artikolu 8(2)), filwaqt li l-proċedura għall-Kummissjoni biex tiskatta l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni hija stipulata fl-Artikolu 8c, (li jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet attwalment stabbiliti fl-Artikoli 8(3) u 8(4)).

L-Artikolu 8(2) il-ġdid jiċċara li, f’każijiet li fihom ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir bejn l-Unjoni u pajjiż terz elenkat fl-Anness II jinkludi dispożizzjonijiet għal raġunijiet differenti għal sospensjoni jew proċeduri differenti, jenħtieġ li jiġu applikati dawn id-dispożizzjonijiet minflok id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament.

It-tieni, il-proposta tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura għas-sospensjoni fl-Artikoli 8a sa 8f. L-Artikolu 8a jistabbilixxi u jemenda r-raġunijiet u l-limiti kollha għas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża. Ir-raġunijiet għas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża jinkludu dawk li jirrigwardaw żieda fil-migrazzjoni irregolari, żieda fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi, tnaqqis fil-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u każijiet oħra ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, li bħalissa huma elenkati separatament taħt l-Artikolu 8(2) u 8(3), u n-nuqqas ta’ ssodisfar tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża, li bħalissa taqa’ taħt l-Artikolu 8(4).

Minbarra r-raġunijiet eżistenti, permezz ta’ din il-proposta, ir-raġuni ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà għas-sospensjoni fl-Artikolu 8a(1)(d) qiegħda tiġi estiża biex tkopri b’mod espliċitu t-theddid għall-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-Istati Membri li jirriżulta minn theddid ibridu, bħal sitwazzjonijiet ta’ strumentalizzazzjoni tal-migranti sponsorjata mill-istat bl-għan li jiddestabbilizzaw jew jimminaw is-soċjetà u l-istituzzjonijiet ewlenin 20 .

Raġuni ġdida ta’ sospensjoni hija introdotta fl-Artikolu 8a(1)(e) li tindirizza speċifikament l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment, li bħalissa jitħaddmu minn għadd ta’ pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II. Il-pajjiżi terzi kkonċernati spiss jirreklamaw dawn l-iskemi bħala “passaporti tad-deheb” bl-għan espliċitu li jippermettu vjaġġar mingħajr viża lejn l-Unjoni għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li altrimenti jkunu jeħtieġu viża. Skemi bħal dawn jistgħu jippermettu lill-benefiċjarji tagħhom li jiżgiċċaw il-proċedura regolari tal-viża ta’ Schengen u l-valutazzjoni fil-fond tar-riskji migratorji u ta’ sigurtà individwali li din tinvolvi, inkluża l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu 21 . Filwaqt li l-Unjoni tirrispetta d-dritt tal-pajjiżi sovrani li jiddeċiedu dwar il-proċeduri ta’ naturalizzazzjoni tagħhom stess, l-aċċess mingħajr viża għall-Unjoni ma għandux jintuża bħala għodda biex jinġieb investiment individwali inkambju għaċ-ċittadinanza. Sabiex tindirizza din il-kwistjoni, l-UE jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà, abbażi ta’ analiżi tal-Kummissjoni, li tissospendi l-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz li jagħżel li jħaddem skema taċ-ċittadinanza b’investiment li biha ċ-ċittadinanza tingħata mingħajr ebda rabta ġenwina mal-pajjiż terz ikkonċernat, inkambju għal pagamenti jew investimenti predeterminati.

Raġuni ġdida ta’ sospensjoni hija miżjuda fl-Artikolu 8a(1)(f) biex tkopri dawk il-każijiet li fihom in-nuqqas ta’ allinjament tal-politika dwar il-viżi ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II mal-politika tal-Unjoni dwar il-viżi, jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet li fihom ċittadini ta’ pajjiżi terzi, minbarra ċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz, jaslu legalment fit-territorju ta’ dak il-pajjiż terz u mbagħad jidħlu b’mod irregolari fit-territorju tal-Istati Membri. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi attivat il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni biex jiġu evitati tali riskji ta’ migrazzjoni irregolari, b’mod partikolari meta l-pajjiż terz ikkonċernat ikun ġeografikament qrib ħafna tal-UE.

F’din il-proposta hemm ġdida l-possibbiltà, introdotta fl-Artikolu 8a(2) li l-Kummissjoni tikkunsidra limiti differenti meta tiddeċiedi jekk tissospendix eżenzjoni mill-viża f’każijiet ta’ żieda sostanzjali fil-migrazzjoni irregolari, applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi jew reati kriminali serji marbuta maċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz, wara valutazzjoni każ b’każ. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk hemmx ċirkostanzi speċifiċi, fil-każijiet innotifikati mill-Istati Membri jew skont l-analiżi tagħha stess, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ limiti aktar baxxi jew ogħla minn dawk indikati fir-Regolament. Fil-valutazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-għadd reali ta’ qsim irregolari tal-fruntieri esterni ta’ Stat Membru, applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi jew reati kriminali, l-għadd u d-daqs tal-Istat(i) Membru/i affettwat(i), u l-impatt fuq is-sitwazzjoni migratorja kumplessiva tagħhom, il-funzjonament tas-sistemi tal-ażil tagħhom, jew is-sigurtà interna, kif ukoll l-azzjonijiet meħuda mill-pajjiż terz inkwistjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni.

L-Artikolu 8b jistipula l-proċedura u l-kundizzjonijiet għan-notifika ta’ Stat Membru lill-Kummissjoni meta jkun ikkonfrontat b’ċirkostanza waħda jew aktar li jwasslu għal raġuni għas-sospensjoni, u l-proċedura għall-eżami mill-Kummissjoni ta’ tali notifika. Bħalissa dan huwa rregolat fl-Artikolu 8(2) u 8(5) tar-Regolament (UE) 2018/1806, rispettivament. Il-kamp ta’ applikazzjoni tan-notifika tal-Istati Membri mhuwiex emendat, peress li jkompli jkopri r-raġunijiet ta’ sospensjoni eżistenti dwar iż-żidiet fil-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi, it-tnaqqis fil-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, u ż-żidiet fir-reati kriminali serji. Filwaqt li r-raġunijiet il-ġodda proposti għas-sospensjoni huma riżervati għall-analiżi tal-Kummissjoni rregolata fl-Artikolu 8c, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni dwar dawn ir-raġunijiet addizzjonali wkoll, għalkemm dan ma jaqax taħt il-proċedura ta’ notifika formali stabbilita fl-Artikolu 8b.

L-Artikolu 8b jimmodifika wkoll il-perjodu ta’ referenza għall-identifikazzjoni tal-eżistenza taċ-ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għas-sospensjoni (attwalment inklużi fl-Artikolu 8(2)). Il-perjodu ta’ referenza huwa emendat biex ikopri minn tal-inqas perjodu ta’ xahrejn. Dan jippermetti li jitqiesu wkoll perjodi ta’ referenza itwal (pereż. xejriet annwali) u mhux biss bidliet għal għarrieda fiċ-ċirkostanzi rilevanti.

L-Artikolu 8c jistabbilixxi l-obbligu tal-Kummissjoni li twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-eżistenza tar-raġunijiet għas-sospensjoni fir-rigward tal-pajjiżi terzi kollha elenkati fl-Anness II, u l-proċedura biex tiskatta l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni stess tal-eżistenza ta’ tali raġunijiet.

L-Artikolu 8d jiddeskrivi l-obbligi ta’ rappurtar tal-Kummissjoni fir-rigward tal-pajjiżi li lestew djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża (bħalissa fl-Artikolu 8(4)) u jintroduċi l-possibbiltà li l-Kummissjoni tirrapporta dwar kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi eżentati mill-ħtieġa tal-viża elenkati fl-Anness II, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew inkella fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

L-Artikolu 8e u 8f jikkonċernaw il-proċedura ta’ sospensjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati, rispettivament, li bħalissa huma stipulati fl-Artikolu 8(6). Din il-proċedura hija emendata billi tiżdied id-durata tas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża minn disa’ xhur għal 12-il xahar (għall-ewwel fażi) u minn 18-il xahar għal 24 xahar (għat-tieni fażi). Dan bl-għan li jagħmel il-proċedura ta’ sospensjoni aktar effiċjenti u jingħata żmien xieraq għal djalogu mal-pajjiż terz inkwistjoni u biex dan jieħu passi biex jirrimedja ċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għas-sospensjoni.

L-Artikolu 8e jintroduċi wkoll proċedura ta’ urġenza, li tippermetti lill-Kummissjoni tissospendi eżenzjoni mill-viża permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament, meta tkun tal-fehma li jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, li jirrikjedu azzjoni f’qasir żmien li ma tkunx tista’ tiġi żgurata skont il-proċedura ordinarja, b’mod partikolari biex jiġi evitat influss bil-massa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaslu b’mod irregolari fi Stat Membru mit-territorju ta’ pajjiż terz eżentat mill-ħtieġa tal-viża għall-UE jew dannu serju għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri.

Fiż-żewġ fażijiet, is-sospensjoni tista’ titneħħa hekk kif jiġu rrimedjati ċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għas-sospensjoni. Il-proċedura għat-tneħħija tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża f’każ li ċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għas-sospensjoni ma jkunux għadhom jeżistu qabel it-tmiem tal-fażi ta’ sospensjoni temporanja inkwistjoni hija stipulata fl-Artikoli 8e(4) u 8f(5).

Ġaladarba l-Artikolu 8e jipprevedi proċedura ta’ urġenza, l-Artikolu 11 huwa emendat ukoll biex jirreferi għall-proċedura korrispondenti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

2023/0371 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 fir-rigward tar-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punt (a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

(2)Il-mekkaniżmu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 (“il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni”) jenħtieġ li jissaħħaħ biex l-Unjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha salvagwardja aktar effiċjenti mmirata lejn il-prevenzjoni ta’ firxa usa’ ta’ riskji ta’ migrazzjoni irregolari, għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà li jirriżultaw mill-pajjiżi terzi elenkati f’dak l-Anness II, kif ukoll ta’ abbuż mill-eżenzjoni mill-viża permezz tat-tħaddim ta’ skemi taċ-ċittadinanza b’investiment minn dawk il-pajjiżi terzi.

(3)B’mod partikolari, l-użu tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni jenħtieġ li jiġi ffaċilitat billi jiġu estiżi r-raġunijiet possibbli għas-sospensjoni, jiġu adattati l-limiti u l-proċeduri rilevanti, u jissaħħu l-obbligi ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar tal-Kummissjoni.

(4)L-Unjoni kkonkludiet għadd ta’ ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir ma’ pajjiżi elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 li jistgħu jinkludu raġunijiet differenti għal sospensjoni jew proċeduri differenti minn dawk stabbiliti fil-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, u fil-ġejjieni jaf tikkonkludi aktar ftehimiet ta’ din ix-xorta. Peress li l-Unjoni tirrispetta l-ftehimiet internazzjonali u, għalhekk, hija marbuta b’dawn il-ftehimiet, id-dispożizzjonijiet differenti rilevanti stabbiliti f’dawk il-ftehimiet jenħtieġ li jiġu applikati minflok id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni.

(5)Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni tipproponi kwalunkwe bidla meħtieġa fil-qafas legali tal-Unjoni u miżuri konkreti biex jiġi żgurat rispons immedjat u xieraq għat-theddid ibridu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-obbligi internazzjonali. Għaldaqstant, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi skattat il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni f’każ ta’ riskji jew theddid għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri li jirriżultaw minn theddid ibridu bħal sitwazzjonijiet ta’ strumentalizzazzjoni tal-migranti sponsorjata mill-istat bl-għan li jiddestabbilizzaw jew jimminaw is-soċjetà u l-istituzzjonijiet ewlenin.

(6)L-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment imħaddma minn pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 jippermettu vjaġġar mingħajr viża lejn l-Unjoni għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li altrimenti jkunu jeħtieġu viża. Taħt skema taċ-ċittadinanza b’investiment, iċ-ċittadinanza tingħata inkambju għal pagamenti jew investimenti predeterminati mingħajr ebda rabta ġenwina mal-pajjiż terz ikkonċernat. Filwaqt li l-Unjoni tirrispetta d-dritt tal-pajjiżi sovrani li jiddeċiedu dwar il-proċeduri ta’ naturalizzazzjoni tagħhom stess, jenħtieġ li l-pajjiżi terzi eżentati mill-ħtieġa tal-viża jiġu skoraġġuti milli jużaw l-aċċess mingħajr viża għall-Unjoni bħala għodda biex jinġieb investiment individwali inkambju għaċ-ċittadinanza tagħhom. Sabiex jiġi evitat li l-aċċess mingħajr viża għall-Unjoni jintuża għal dan l-iskop, jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi sospiża l-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz li jagħżel li jħaddem tali skemi taċ-ċittadinanza b’investiment, li bihom iċ-ċittadinanza tingħata mingħajr ebda rabta ġenwina mal-pajjiż terz ikkonċernat.

(7)Meta l-politika dwar il-viżi ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 ma tkunx allinjata mal-politika tal-Unjoni dwar il-viżi fir-rigward tal-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, dan jista’ jirriżulta f’migrazzjoni irregolari lejn l-Unjoni, b’mod partikolari fejn il-pajjiż terz ikkonċernat ikun ġeografikament qrib ħafna tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġi skattat il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni meta, wara valutazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm riskju ta’ żieda sostanzjali fl-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, minbarra ċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz, li jaslu legalment fit-territorju ta’ dak il-pajjiż terz u mbagħad jidħlu b’mod irregolari fit-territorju tal-Istati Membri

(8)Il-limiti biex jiġi skattat il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni f’każ ta’ żieda sostanzjali fl-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jiġu rrifjutati milli jidħlu jew li jinstabu li jkunu qegħdin jissoġġornaw fit-territorju tal-Istat Membru mingħajr id-dritt li jagħmlu hekk, jew fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil miċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz li għalih ir-rata ta’ rikonoxximent hija baxxa, jew fl-għadd ta’ reati kriminali serji marbuta maċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal valutazzjoni każ b’każ mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk hemmx ċirkostanzi speċifiċi, fil-każijiet innotifikati mill-Istati Membri jew skont l-analiżi tagħha stess, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ limiti aktar baxxi jew ogħla minn dawk indikati fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/1806. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni jenħtieġ li tqis, pereżempju, l-għadd ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri esterni tal-Istat Membru, applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi jew reati kriminali proporzjonalment għall-għadd u d-daqs tal-Istati Membri affettwati u l-impatt ta’ dan l-għadd fuq is-sitwazzjoni migratorja kumplessiva, il-funzjonament tas-sistemi tal-ażil jew is-sigurtà interna tal-Istat Membru affetwat, kif ukoll l-azzjonijiet meħuda mill-pajjiż terz ikkonċernat biex jirrimedja s-sitwazzjoni.

(9)Għall-fini tan-notifika lill-Kummissjoni dwar iċ-ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għal raġuni għas-sospensjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jqisu perjodi ta’ referenza itwal minn xahrejn sabiex jidentifikaw mhux biss bidliet f’daqqa fis-sitwazzjoni rilevanti, iżda wkoll xejriet aktar fit-tul li jistgħu jiġġustifikaw l-użu tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni ta’ viża.

(10)Kull meta tqis li jkun meħtieġ, jew fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta dwar l-eżitu tal-monitoraġġ sistematiku tagħha tas-sistemi mingħajr viża mal-pajjiżi terzi kollha elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806. Ir-rapport jenħtieġ li jiffoka fuq dawk il-pajjiżi terzi li, skont l-analiżi tal-Kummissjoni, jippreżentaw problemi speċifiċi li, jekk ma jiġux indirizzati, jaf iwasslu biex jiskattaw il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra r-rapportar dwar pajjiżi li jkunu għadhom kif ġew elenkati fl-Anness II mingħajr ma għaddew minn djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, fejn tqis li huwa meħtieġ u b’mod partikolari fl-ewwel snin wara d-dħul fis-seħħ tal-eżenzjoni mill-viża għal dawk il-pajjiżi.

(11)Fejn tkun ittieħdet deċiżjoni ta’ sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża għal pajjiż terz, jenħtieġ li jkun hemm perjodu ta’ żmien adegwat għad-djalogu msaħħaħ bejn il-Kummissjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat bl-għan li jiġu rrimedjati ċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għas-sospensjoni. Għal dan l-iskop, id-durata tas-sospensjoni temporanja deċiża minn att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jenħtieġ li tkun ta’ 12-il xahar fl-ewwel fażi, bil-possibbiltà li tiġi estiża b’24 xhur ulterjuri permezz ta’ att delegat fit-tieni fażi. Meta ma tinstab l-ebda soluzzjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ validità tal-att delegat u l-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għat-trasferiment tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-Anness II għall-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1806, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta att delegat li jestendi s-sospensjoni temporanja sad-dħul fis-seħħ tal-proposta adottata.

(12)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament meta, f’każijiet debitament ġustifikati relatati mal-iskattar tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jkunu jirrikjedu azzjoni rapida, b’mod partikolari biex jiġi evitat kwalunkwe abbuż mill-ivjaġġar mingħajr viża li jikkawża influss bil-massa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaslu b’mod irregolari fit-territorju tal-Istati Membri jew dannu serju għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri.

(13)Is-sospensjoni temporanja jenħtieġ li titneħħa fi kwalunkwe ħin meta ċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għas-sospensjoni jiġu rrimedjati qabel tmiem il-perjodu ta’ sospensjoni. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta, rispettivament, att ta’ implimentazzjoni qabel tmiem il-perjodu ta’ sospensjoni stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni rilevanti, u att delegat qabel tmiem il-perjodu ta’ sospensjoni stabbilit fl-att delegat rilevanti.

(14)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 23 .

(15)Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 24 li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B u C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 25 .

(16)Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 26 , li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B u C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 27 .

(17)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 28 ; Għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(18)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew huwa marbut miegħu mod ieħor, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 rispettivament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2018/1806 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

 Artikolu 8

Mekkaniżmu ta’ sospensjoni

1. B’deroga mill-Artikolu 4, l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II għandha tiġi sospiża temporanjament, abbażi ta’ data rilevanti u oġġettiva, f’konformità mal-kundizzjonijiet u l-proċedura stabbiliti fl-Artikoli 8a sa 8f.

Il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni jista’ jiġi skattat permezz ta’ notifika ta’ Stat Membru lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 8b, jew abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni stess f’konformità mal-Artikolu 8c.

2. F’każijiet fejn ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir bejn l-Unjoni u pajjiż terz elenkat fl-Anness II jinkludi dispożizzjonijiet dwar raġunijiet jew proċeduri differenti għas-sospensjoni, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikat minflok l-Artikoli 8a, 8e u 8f ta’ dan ir-Regolament.”

(2) jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

Artikolu 8a

Raġunijiet għas-sospensjoni

1.   Il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni jista’ jiġi attivat għar-raġunijiet li ġejjin:

(a) żieda sostanzjali fl-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II li jiġu rrifjutati milli jidħlu jew li jinstabu li jkunu qegħdin jissoġġornaw fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr id-dritt li jagħmlu hekk;

(b) żieda sostanzjali fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil miċ-ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II li għalih ir-rata ta’ rikonoxximent tkun baxxa;

(c) tnaqqis fil-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni ma’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II, jew każijiet oħra ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni;

(d) riskju sinifikanti jew theddida imminenti għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri b’rabta ma’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II minħabba kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i) żieda sostanzjali fir-reati kriminali serji, marbuta maċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz, sostanzjata minn informazzjoni u data oġġettivi, konkreti u rilevanti pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti;

(ii) theddid ibridu;

(e) it-tħaddim, minn pajjiż terz elenkat fl-Anness II, ta’ skema taċ-ċittadinanza b’investiment, li biha ċ-ċittadinanza tingħata mingħajr ebda rabta ġenwina mal-pajjiż terz ikkonċernat, inkambju għal pagamenti jew investimenti predeterminati;

(f) in-nuqqas ta’ allinjament tal-politika dwar il-viżi ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II, fejn, b’mod partikolari minħabba l-qrubija ġeografika ta’ dak il-pajjiż terz għall-Unjoni, ikun hemm riskju ta’ żieda sostanzjali fl-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, minbarra ċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz, li jidħlu b’mod irregolari fit-territorju tal-Istati Membri wara li jkunu ssoġġornaw fit-territorju ta’ dak il-pajjiż terz jew tranżitaw minnu; 

(g) fir-rigward tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom ikunu ġew eżentati mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Istati Membri frott il-konklużjoni b’suċċess ta’ djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża li jkun sar bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz, in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti speċifiċi, ibbażati fuq l-Artikolu 1 u li jkunu ntużaw biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-għoti tal-liberalizzazzjoni tal-viża.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (d)(i) ta’ dan l-Artikolu, żieda sostanzjali għandha tfisser żieda li taqbeż limitu ta’ 50 %, sakemm il-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 8b(4) jew l-Artikolu 8c(2) ma tikkonkludix li hija applikabbli żieda inferjuri jew superjuri fil-każ partikolari.

3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b) ta’ dan l-Artikolu, rata baxxa ta’ rikonoxximent għandha tfisser rata ta’ rikonoxximent tal-applikazzjonijiet għall-ażil ta’ inqas minn 4 %, sakemm il-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 8b(4) jew l-Artikolu 8c(2) ma tikkonkludix li hija applikabbli rata ta’ rikonoxximent superjuri fil-każ partikolari.

4. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (c), tnaqqis fil-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni ma’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II għandha tfisser żieda sostanzjali, issostanzjata minn data adegwata, fir-rata ta’ rifjut ta’ applikazzjonijiet tar-riammissjoni ppreżentati minn Stat Membru lil dak il-pajjiż terz għaċ-ċittadini tiegħu stess jew, meta ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn l-Unjoni jew dak l-Istat Membru, u dak il-pajjiż terz jipprevedi dan, għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu tranżitaw minn dak il-pajjiż terz.

5. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (c), dawn li ġejjin jistgħu jitqiesu bħala każijiet oħra ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni:

(a)    ir-rifjut jew in-nuqqas tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tar-riammissjoni fiż-żmien dovut;

(b)    in-nuqqas ta’ ħruġ tad-dokumenti tal-ivvjaġġar fiż-żmien dovut għall-finijiet ta’ ritorn sal-iskadenzi speċifikati fil-ftehim ta’ riammissjoni jew ir-rifjut li jiġu aċċettati dokumenti tal-ivvjaġġar Ewropej maħruġa wara t-tmiem tal-iskadenzi stabbiliti fil-ftehim ta’ riammissjoni;

(c)    it-terminazzjoni jew is-sospensjoni tal-ftehim ta’ riammissjoni konkluż bejn pajjiż terz elenkat fl-Anness II u l-Unjoni.

Artikolu 8b

Notifika mill-Istati Membri u eżami tan-notifika

1. Stat Membru jista’ jinnotifika lill-Kummissjoni jekk jiġi kkonfrontat, tul perjodu ta’ mill-inqas xahrejn, meta mqabbel mal-istess perjodu fis-sena preċedenti jew inkella mal-aħħar xahrejn qabel l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz elenkat fl-Anness II, b’waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li jwasslu għar-raġunijiet għas-sospensjoni msemmija fl-Artikolu 8a(1), il-punti (a), (b), (c), u (d)(i).

2. In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha ssemmi r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata u għandha tinkludi data u statistika rilevanti kif ukoll spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li jkunu ttieħdu mill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jirrimedja s-sitwazzjoni. Fin-notifika tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jispeċifika l-kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat li għandhom ikunu koperti minn att ta’ implimentazzjoni taħt l-Artikolu 8e(1), filwaqt li jindika r-raġunijiet dettaljati għaliex ikun qiegħed jagħmel hekk. 

3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill minnufih dwar tali notifika.

4. Il-Kummissjoni għandha teżamina kull notifika li ssir skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li tikkunsidra:

(a) jekk teżistix xi waħda miċ-ċirkostanzi li jwasslu għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 8a(1), il-punti (a), (b), (c), jew (d)(i);

(b) l-għadd ta’ Stati Membri affettwati minn kwalunkwe waħda minn dawk iċ-ċirkostanzi;

(c) l-impatt kumplessiv ta’ dawk iċ-ċirkostanzi fuq is-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni kif tirriżulta mid-data pprovduta mill-Istati Membri jew disponibbli għall-Kummissjoni;

(d) ir-rapporti mħejjija mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta 29 , l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil 30 , l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) 31 jew kwalunkwe istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħra tal-Unjoni jew organizzazzjoni internazzjonali rilevanti, jekk iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan fil-każ speċifiku;

(e) l-informazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat jaf ikun ipprovda fin-notifika tiegħu b’rabta mal-miżuri possibbli taħt l-Artikolu 8e(1);

(f) il-kwistjoni kumplessiva tal-ordni pubblika u s-sigurtà interna, f’konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat.

5. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-eżami tagħha.

Artikolu 8c

Il-monitoraġġ u l-analiżi proprja tal-Kummissjoni

1. Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-eżistenza tar-raġunijiet għas-sospensjoni msemmija fl-Artikolu 8a(1).

B’attenzjoni partikolari għall-pajjiżi terzi li jkunu ġew elenkati fl-Anness II frott il-konklużjoni b’suċċess ta’ djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża li jkun sar bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ tal-konformità kontinwa mar-rekwiżiti speċifiċi, ibbażati fuq l-Artikolu 1 u li jkunu ntużaw biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-għoti tal-liberalizzazzjoni tal-viża.

2. Meta l-Kummissjoni, filwaqt li tqis id-data, ir-rapporti u l-istatistika rilevanti, ikollha informazzjoni konkreta u affidabbli dwar l-eżistenza ta’ kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 8a(1), hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-analiżi tagħha, u għandhom japplikaw l-Artikolu 8e l-Artikolu 8f.

Artikolu 8d

Rapportar

1. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-monitoraġġ imwettaq f’konformità mal-Artikolu 8c(1) fir-rigward tal-pajjiżi terzi li jkunu ġew elenkati fl-Anness II frott il-konklużjoni b’suċċess ta’ djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża li jkun sar bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz, minn tal-inqas darba fis-sena u għal perjodu ta’ seba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-liberalizzazzjoni tal-viża għal dawk il-pajjiżi terzi, u minn dakinhar ’il quddiem kull meta l-Kummissjoni tqis li dan ikun meħtieġ, jew fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Ir-rapport għandu jiffoka fuq il-pajjiżi terzi li l-Kummissjoni tqis, abbażi ta’ informazzjoni konkreta u affidabbli, bħala li ma għadhomx jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti speċifiċi, ibbażati fuq l-Artikolu 1 u li jkunu ntużaw biex jivvalutaw l-adegwatezza tal-għoti tal-liberalizzazzjoni tal-viża.

2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta wkoll, kull meta tqis li jkun meħtieġ, jew fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, dwar pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.



Artikolu 8e

Atti ta’ implimentazzjoni

1.   Meta, abbażi tal-eżami msemmi fl-Artikolu 8b(4), jew tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 8c(2), u filwaqt li tqis il-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni kumplessivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat, u filwaqt li taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ dak il-pajjiż terz biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi fit-tul, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tkun meħtieġa azzjoni, jew meta maġġoranza sempliċi ta’ Stati Membri tkun innotifikat lill-Kummissjoni bl-eżistenza taċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 8a(1), il-punti (a), (b), (c) jew (d)(i), il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jissospendi l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perjodu ta’ 12-il xahar.

Is-sospensjoni għandha tapplika għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat, skont it-tipi rilevanti ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u, fejn ikun xieraq, skont kriterji addizzjonali. Meta tiddeċiedi għal liema kategoriji għandha tapplika s-sospensjoni, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, tinkludi kategoriji li huma estiżi biżżejjed sabiex jikkontribwixxu b’mod effiċjenti għar-rimedju taċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għas-sospensjoni, filwaqt li jitħares il-prinċipju tal-proporzjonalità u tan-nondiskriminazzjoni f’konformità mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jistabbilixxi d-data li fiha għandha ssir effettiva s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu fi żmien xahar minn meta:

(a) tkun irċeviet in-notifika msemmija fl-Artikolu 8b;

(b) tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-analiżi tagħha msemmija fl-Artikolu 8c(2);

(c) tkun irċeviet in-notifika minn maġġoranza sempliċi ta’ Stati Membri rigward l-eżistenza taċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 8a(1), il-punti (a), (b), (c) jew (d)(i).

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

2. Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(4), li temporanjament jissospendu l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perjodu ta’ 12-il xahar.

3. Matul il-perjodu ta’ sospensjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi djalogu msaħħaħ mal-pajjiż terz ikkonċernat bl-għan li jiġu rrimedjati ċ-ċirkostanzi inkwistjoni.

4. Meta ċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża jiġu rrimedjati qabel tmiem il-perjodu ta’ validità tal-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jneħħi s-sospensjoni temporanja f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 8f

Atti delegati

1. Meta ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 8a jippersistu, il-Kummissjoni għandha tadotta, sa mhux aktar tard minn xahrejn qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ 12-il xahar imsemmi fl-Artikolu 8e(1), att delegat f’konformità mal-Artikolu 10, li jemenda l-Anness II biex jissospendi temporanjament l-applikazzjoni ta’ dak l-Anness għal perjodu ta’ 24 xahar għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat. Dik l-emenda għandha ssir billi tiddaħħal nota ta’ qiegħ il-paġna biswit l-isem tal-pajjiż terz inkwistjoni, li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz u li tispeċifika l-perjodu ta’ dik is-sospensjoni. L-att delegat għandu jsir effettiv mid-data tal-iskadenza tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8e(1).

2. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6, matul il-perjodu ta’ sospensjoni, iċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għandu jkollhom l-obbligu li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

3. Stat Membru li, f’konformità mal-Artikolu 6, jipprevedi eżenzjonijiet ġodda mill-ħtieġa tal-viża għal kategorija ta’ ċittadini tal-pajjiż terz kopert mill-att li jissospendi l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandu jikkomunika dawk il-miżuri f’konformità mal-Artikolu 12.

4.   Qabel tmiem il-perjodu ta’ validità tal-att delegat adottat skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat tiġi trasferita mill-Anness II għall-Anness I. F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat ulterjuri f’konformità mal-Artikolu 10, li jemenda l-Anness II biex jiġi estiż il-perjodu ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża mit-tmiem tal-perjodu ta’ validità tal-att delegat adottat skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sad-dħul fis-seħħ tal-emenda li tittrasferixxi l-pajjiż terz ikkonċernat għall-Anness I. In-nota f’qiegħ il-paġna għandha tiġi emendata skont dan.

5. Meta ċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża jiġu rrimedjati qabel tmiem il-perjodu ta’ validità tal-atti delegati adottati skont il-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 10 li jemenda l-Anness II biex titneħħa s-sospensjoni temporanja.”

(4)L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 3, “fil-punt (b) tal-Artikolu 8(6)” huwa sostitwit bi “fl-Artikolu 8f”;

(b) fil-paragrafu 4, “fil-punt (b) tal-Artikolu 8(6)” huwa sostitwit bi “fl-Artikolu 8f”;

(c)fil-paragrafu 8, “il-punt (b) tal-Artikolu 8(6)” huwa sostitwit bi “l-Artikolu 8f”.

(5)fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

“4. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 303 28.11.2018, p. 39. Barra minn hekk, iċ-ċittadini ta’ żewġ reġjuni amministrattivi speċjali taċ-Ċina (Hong Kong u l-Macao) u ta’ awtorità territorjali waħda li mhijiex rikonoxxuta bħala stat minn minn tal-inqas Stat Membru wieħed tal-UE (it-Tajwan) u, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2024, il-Kosovo*, huma eżentati mill-viża wkoll.
(2)    Is-sena 2019 hija l-aħħar sena ta’ referenza rappreżentattiva qabel ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar minħabba l-COVID-19.
(3)    Safe-and-seamless-travel-and-improved-traveller-experience-OECDReport-for-the-G20-TWG_merged.pdf
(4)    L-ewwel 5 destinazzjonijiet tal-UE għall-vjaġġaturi minn pajjiżi mhux tal-UE eżentati mill-ħtieġa tal-viża fl-2019 kienu: Spanja (61,1 miljun), Franza (54,7 miljun), l-Italja (51,1 miljun), il-Ġermanja (49,2 miljun), il-Greċja (25,8 miljun).
(5)    L-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2018/1806 jirrikjedi li l-Kummissjoni tissorvelja l-konformità kontinwa mal-ħtiġijiet speċifiċi, li huma bbażati fuq l-Artikolu 1 u li ntużaw biex jiġi vvalutat kemm hu xieraq l-għoti tal-liberalizzazzjoni tal-viża, mill-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom ġew eżentati mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Istati Membri bħala riżultat tal-konklużjoni b’suċċess ta’ djalogu dwar liberalizzazzjoni tal-viża li jkun sar bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz. Għal dan l-għan, mill-2017 ’l hawn, il-Kummissjoni adottat ħames rapporti fl-ambitu tal-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Eżenzjoni ta’ Viża, li jkopru l-pajjiżi sħab eżentati mill-viża fil-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja) u fis-Sħubija tal-Lvant (il-Georgia, il-Moldova, u l-Ukrajna). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ regolari tas-sistemi ta’ vjaġġar mingħajr viża ma’ pajjiżi terzi oħra, fil-kuntest tal-possibbiltà li tiskatta l-mekkaniżmu ta’ sospensjoni fuq inizjattiva tagħha stess, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2018/1806.
(6)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-iskemi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza b’investiment fl-Unjoni Ewropea, COM(2019) 12 final.
(7)    Il-Laqgħa tal-Kunsill Ewropew (il-21 u t-22 ta’ Ottubru 2021) — Konklużjonijiet.
(8)    Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 303 28.11.2018, p. 39.
(9)    COM/2023/297 final.
(10)    Ir-Regolament (UE) Nru 1289/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 74–80.
(11)    Ir-Regolament (UE) 2017/371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-1 ta’ Marzu 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni), ĠU L 61, 8.3.2017, p. 1–6.
(12)    Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS).
(13)    Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226.
(14)    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011.
(15)    Ir-Regolament (UE) 2018/1860 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali; ir-Regolament (UE) 2018/1861 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-SIS fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen; ir-Regolament (UE) 2018/1862 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-SIS fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.
(16)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni mill-ħtieġa ta’ viża u dwar l-użu tal-atti delegati skont tali mekkaniżmu, COM/2021/603 final.
(17)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/693 tas-27 ta’ April 2022 dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu, C/2022/2309, ĠU L 129, 3.5.2022, p. 18–21.
(18)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2022 bi proposti lill-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza u r-residenza permezz ta’ skemi ta’ investiment (2021/2026(INL)).
(19)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13910-Il-politika-tal-UE-dwar-il-vizi-revizjoni-tal-mekkanizmu-ta-sospensjoni-tal-viza_mt
(20)    Kif definiti fil-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu reazzjoni tal-Unjoni Ewropea, JOIN(2016) 18 final; u l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Rispons għall-istrumentalizzazzjoni tal-migranti sponsorjata mill-istat fil-fruntieri esterni tal-UE, JOIN(2021) 32 final.
(21)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-iskemi ta’ ċittadinanza u ta’ residenza b’investiment fl-Unjoni Ewropea, COM(2019) 12 final, il-paġna 23.
(22)    Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303 28.11.2018, p. 39).
(23)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17  ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(24)    ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(25)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(26)    ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(27)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(28)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p.20).
(29)    Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU 295, 14.11.2019, p. 1).
(30)    Ir-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 (ĠU L 468, 30.12.2021, p. 1).
(31)    Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU 135, 24.5.2016, p. 53).
Top