Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0591

    Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 80/2009, (UE) Nru 996/2010 u (UE) Nru 165/2014 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni

    COM/2023/591 final

    Brussell, 17.10.2023

    COM(2023) 591 final

    2023/0361(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 80/2009, (UE) Nru 996/2010 u (UE) Nru 165/2014 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Raġunijiet u objettivi tal-proposta

    Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” ( 1 ), il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza ta’ sistema regolatorja li tiżgura li l-objettivi jintlaħqu b’kostijiet minimi. Għaldaqstant, impenjat ruħha biex tagħti spinta ġdida lir-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar, bl-għan aħħari li tnaqqas dawn il-piżijiet b’25 %, mingħajr ma timmina l-objettivi ta’ politika relatati.

    Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-infurzar korrett u ta’ monitoraġġ xieraq tal-leġiżlazzjoni. B’mod kumplessiv, il-kostijiet tagħhom jiġu fil-biċċa l-kbira kkumpensati mill-benefiċċju li jġibu magħhom, b’mod partikolari fil-monitoraġġ u fl-iżgurar tal-konformità ma’ miżuri ta’ politika ewlenin. Madankollu, ir-rekwiżiti ta’ rapportar jistgħu jimponu wkoll piżijiet sproporzjonati fuq il-partijiet ikkonċernati, li jaffettwaw b’mod partikolari lill-SMEs u lill-mikrokumpaniji, anke minħabba l-iżviluppi organizzazzjonali u teknoloġiċi li jitolbu li r-rekwiżiti ta’ rapportar oriġinali jiġu aġġustati. Maż-żmien, l-akkumulazzjoni tagħhom tista’ tirriżulta f’obbligi żejda, doppji, jew li ma għadhomx applikabbli, fi frekwenzi u twaqqit ineffiċjenti, jew f’metodi tal-ġbir inadegwati.

    Għaldaqstant, is-simplifikazzjoni tal-obbligi tar-rapportar u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huma ta’ prijorità. F’dan il-kuntest, il-proposta preżenti għandha l-għan li tissimplifika l-inizjattivi fil-qasam tal-politika tat-trasport u li taffettwa b’mod partikolari t-trasport bit-triq u l-avjazzjoni.

    Il-proposta se tneħħi jew tissimplifika l-obbligi ta’ rapportar speċifiċi għall-awtoritajiet pubbliċi kif ġej:

    ·Il-proposta tneħħi l-obbligu previst fir-Regolament (KE) Nru 80/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 għall-bejjiegħa ta’ sistemi kompjuterizzati ta’ prenotazzjoni (CRSs) li jissottomettu rapporti li jagħtu dettalji dwar l-istruttura tas-sjieda u l-mudelli ta’ governanza kull 4 snin u fuq talba tal-Kummissjoni. Dan l-obbligu ta’ rapportar huwa maħsub biex jimmonitorja l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament, li jistabbilixxi regoli speċifiċi għat-trasportaturi prinċipali, li huma maħsuba b’mod partikolari biex jipprevjenu lil dawn it-trasportaturi milli jiddiskriminaw kontra CRSs kompetituri, u jipprevjenu lis-CRSs li huma proprjetà ta’ dawn it-trasportaturi milli jiddiskriminaw kontra t-trasportaturi prinċipali ta’ CRSs oħra. L-evalwazzjoni tal-2020 ta’ dan ir-Regolament 3 issuġġeriet li din id-dispożizzjoni tidher li hija żejda peress li s-CRSs ma għadhomx proprjetà tal-linji tal-ajru u għalhekk is-sottomissjoni tar-rapport awditjat ma għadhiex ġustifikata. Il-Kummissjoni għandha madankollu żżomm is-setgħa eżistenti tagħha li titlob rapporti bħal dawn, sabiex tkun tista’ tinforza b’mod effettiv l-Artikolu 10, jekk xi linja tal-ajru tieħu sehem f’CRS fil-futur. Id-dispożizzjoni li tirrikjedi li l-bejjiegħa jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-identità tal-awditur qabel ma jikkonfermaw il-ħatra tiegħu u li tippermetti lill-Kummissjoni titlob is-sostituzzjoni tiegħu titneħħa wkoll.

    ·Jitħassar l-obbligu previst fir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 li jiġi ppubblikat rieżami tas-sikurezza fil-livell nazzjonali. Dan l-obbligu issa huwa żejjed fid-dawl tar-rieżami annwali tas-sikurezza ppubblikat mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA).

    ·L-obbligu previst fir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni l-lista ta’ ħwienet tax-xogħol li jistgħu jwettqu l-installazzjonijiet, il-kontrolli u t-tiswijiet tat-takografi u l-obbligu li l-Kummissjoni tippubblika dawn il-listi tneħħew. Dawn il-listi kellhom l-iżvantaġġ li jipprovdu biss stampa tal-ħwienet tax-xogħol approvati. Dawn huma sostitwiti b’obbligu li l-Istati Membri jippubblikaw din l-informazzjoni fuq sit web disponibbli għall-pubbliku u li jaġġornawha fuq bażi kontinwa u li l-Kummissjoni tippubblika l-lista ta’ dawn is-siti web.

     

    Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

    Il-proposta hija parti mill-ewwel pakkett ta’ miżuri biex jiġu razzjonalizzati r-rekwiżiti ta’ rapportar. Dan huwa pass fi proċess kontinwu li jħares b’mod komprensiv lejn rekwiżiti ta’ rapportar eżistenti, bil-ħsieb li jivvaluta r-rilevanza kontinwa tagħhom u biex jagħmilhom aktar effiċjenti.

    Ir-razzjonalizzazzjoni introdotta minn dawn il-miżuri mhux se taffettwa l-kisba tal-objettivi fil-qasam tal-politika, peress li ma jfixklux il-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi sottostanti.

    Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

    Fil-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha hija adattata għall-iskop tagħha, immirata lejn il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati u xxejjen il-piżijiet filwaqt li tilħaq l-objettivi tagħha. Għaldaqstant, dawn il-proposti huma parti mill-Programm REFIT, li jnaqqas il-kumplessità tal-piżijiet tar-rapportar li jirriżultaw mill-ambjent legali tal-UE.

    Filwaqt li ċerti rekwiżiti ta’ rapportar huma essenzjali, dawn jeħtieġ li jkunu effiċjenti kemm jista’ jkun, jevitaw id-duplikazzjonijiet, ineħħu piżijiet mhux meħtieġa u jużaw kemm jista’ jkun soluzzjonijiet diġitali u interoperabbli.

    Il-proposti attwali jirrazzjonalizzaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar u b’hekk jagħmlu l-kisba tal-objettivi tal-leġiżlazzjoni aktar effiċjenti u anqas ta’ piż għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-kumpaniji.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-bażi ġuridika tar-Regolament (KE) Nru 80/2009 huma l-Artikoli 71 u 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, issa l-Artikoli 91 u 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dik tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 hija l-Artikolu 91 tat-TFUE u dik tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE. Għalhekk, jenħtieġ li l-bażi ġuridika tar-Regolament propost ikunu l-Artikoli 91 u 100(2) tat-TFUE.

    Sussidjarjetà 

    Ir-rekwiżiti ta’ rapportar ikkonċernati huma imposti mid-dritt tal-UE. Ir-razzjonalizzazzjoni tagħhom għalhekk issir l-aħjar fil-livell tal-UE biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-konsistenza tar-rapportar. Dan se jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti għall-kumpaniji u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi madwar l-UE, li se jkunu qed jibbenefikaw mir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar li jirriżultaw minn dawn il-proposti.

    Proporzjonalità

    Ir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar tissimplifika l-qafas legali billi tintroduċi bidliet minimi għar-rekwiżiti eżistenti li ma jaffettwawx is-sustanza tal-objettiv ta’ politika usa’. Għaldaqstant, il-proposta hija limitata għal dawk il-bidliet li huma meħtieġa biex jiġi żgurat rapportar effiċjenti mingħajr ma jinbidel l-ebda wieħed mill-elementi sostanzjali tal-leġiżlazzjoni kkonċernata.

    Għażla tal-istrument

    Ir-Regolament propost jemenda tliet Regolamenti li għandhom bażi ġuridika kompatibbli u jagħmel dan biss b’rabta mar-rekwiżiti ta’ rapportar. Dawn l-emendi huma għalhekk xierqa biex jiġu inklużi fi proposta leġiżlattiva waħda.  

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Mhux applikabbli

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Mhux applikabbli

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Dawn il-proposti ġew identifikati wara proċess ta’ skrutinju intern tal-obbligi ta’ rapportar eżistenti u abbażi tal-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata. Peress li dan huwa pass fil-proċess ta’ valutazzjoni kontinwa tar-rekwiżiti ta’ rapportar li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE, l-iskrutinju ta’ dawn il-piżijiet u tal-impatt tagħhom fuq il-partijiet ikkonċernati se jkompli għaddej.

    Valutazzjoni tal-impatt

    Il-proposta tikkonċerna bidliet limitati u mmirati tal-leġiżlazzjoni bil-ħsieb li jiġu razzjonalizzati r-rekwiżiti ta’ rapportar. Dawn huma bbażati fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-bidliet ma għandhomx impatti sinifikanti fuq il-politika, iżda jiżguraw biss implimentazzjoni aktar effiċjenti u effettiva. Minħabba n-natura mmirata tagħhom u n-nuqqas ta’ għażliet ta’ politika rilevanti, mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt.

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Din hija proposta REFIT, li għandha l-għan li tissimplifika l-leġiżlazzjoni u tnaqqas il-piżijiet għall-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari għall-awtoritajiet pubbliċi.

    Bil-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 80/2009, il-bejjiegħa tas-CRSs se jinħelsu mill-obbligu li jissottomettu rapporti awditjati lill-Kummissjoni kull 4 snin u għalhekk mill-kostijiet relatati tiegħu wkoll. L-obbligu li dawn ir-rapporti jiġu sottomessi fuq talba tal-Kummissjoni jibqa’ applikabbli, iżda ma għadux soġġett għall-obbligu li dawn il-kumpaniji jinnotifikaw minn qabel l-identità tal-awditur lill-Kummissjoni qabel il-ħatra, u għall-possibbiltà li l-Kummissjoni titlob bidla fl-awditur, li kienu obbligi onerużi kif ukoll potenzjalment għaljin.

    Il-proposta biex jitneħħa l-obbligu li l-amministrazzjonijiet nazzjonali jipproduċu rieżami annwali tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni qed tneħħilhom piż amministrattiv.

    Fir-rigward tal-obbligu ta’ rapportar fir-Regolament (UE) Nru 165/2014 li jirrikjedi li l-Istati Membri jirrapportaw dwar ħwienet tax-xogħol approvati li jistgħu jinstallaw, jivverifikaw jew isewwu t-takografi, u l-kards maħruġa lil dawk il-ħwienet tax-xogħol, is-sistema proposta hija aktar razzjonali u effiċjenti peress li l-lista ta’ dawn il-ħwienet tax-xogħol se tiġi aġġornata kontinwament, għall-benefiċċju tal-awtoritajiet u l-operaturi tal-infurzar. Fil-fatt, is-sistema ta’ rappurtar attwali tipprovdi biss stampa tal-ħwienet tax-xogħol approvati, u b’mod partikolari l-kards li jinħarġulhom. Peress li l-kards maħruġa lill-ħwienet tax-xogħol huma validi biss għal sena waħda, il-listi mibgħuta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni gradwalment jiskadu matul is-sena ta’ wara, qabel ma jsiru kważi obsoleti għalkollox kważi sena wara. Iż-żamma ta’ listi aġġornati disponibbli għall-pubbliku tnaqqas il-kostijiet tal-implimentazzjoni u tal-infurzar, għas-sewwieqa u l-operaturi, billi tiżgura li jkollhom aċċess għall-ħwienet tax-xogħol u l-fitters approvati, b’mod partikolari fi Stati Membri oħra, kif ukoll għall-awtoritajiet tal-infurzar, li altrimenti jkollhom jivverifikaw dawn il-listi għal skopijiet ta’ infurzar. L-Istati Membri li diġà għandhom sit web bħal dan mhux se jaraw tibdil fil-piż amministrattiv ta’ din il-proposta.

       Drittijiet fundamentali

    Mhux applikabbli

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Mhux applikabbli

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Mhux applikabbli

    Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

    Artikolu 1 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 80/2009

    L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 80/2009 bħalissa jipprevedi li kull 4 snin jew fuq talba tal-Kummissjoni, il-bejjiegħa tas-CRSs iridu jissottomettu rapport awditjat b’mod indipendenti biex jagħtu dettalji dwar l-istruttura tas-sjieda u l-mudell ta’ governanza. Barra minn hekk, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-identità tal-awditur u l-Kummissjoni tista’ titlob li l-awditur jiġi sostitwit. Skont il-proposta emendata, il-bejjiegħa se jkunu meħtieġa biss jissottomettu rapport awditjat b’mod indipendenti fuq talba tal-Kummissjoni.

    Artikolu 2 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010

    L-Artikolu 4(5) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 bħalissa jirrikjedi li l-Istati Membri jippubblikaw rieżami tas-sikurezza kull sena. L-Artikolu 2 tal-proposta jħassar din id-dispożizzjoni għar-raġuni li r-rieżami annwali tas-sikurezza issa huwa ppubblikat mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA).

    Artikolu 3 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 165/2014

    L-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 bħalissa jirrikjedi li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, il-lista ta’ ħwienet tax-xogħol approvati u l-kards li jinħarġulhom u jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tippubblika dawn il-listi. L-Artikolu 3 tal-proposta jissostitwixxi dan il-paragrafu b’paragrafu li jirrikjedi li l-Istati Membri jippubblikaw fuq sit web disponibbli għall-pubbliku u jaġġornaw kontinwament il-listi ta’ workshops approvati u l-kards li jinħarġulhom. Jeżiġi wkoll li l-Kummissjoni tippubblika l-lista ta’ dawn is-siti web nazzjonali fuq is-sit web tagħha.



    2023/0361 (COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 80/2009, (UE) Nru 996/2010 u (UE) Nru 165/2014 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91 u 100(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 6 ,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 7 ,

    Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-monitoraġġ xieraq u l-infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li għalih kienu maħsuba u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv.

    (2)Ir-Regolamenti (KE) Nru 80/2009 8 , (UE) Nru 996/2010 9 u (UE) Nru 165/2014 10 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fihom numru ta’ rekwiżiti ta’ rapportar fl-oqsma tat-trasport bit-triq u tal-avjazzjoni, li għalhekk jenħtieġ li jiġu ssimplifikati, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” 11 .

    (3)B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 80/2009 jirrikjedi li kull bejjiegħ ta’ sistemi ta’ prenotazzjoni kompjuterizzata (“CRSs”) jissottometti rapport awditjat b’mod indipendenti li jagħti dettalji dwar l-istruttura tas-sjieda u l-mudell ta’ governanza kull 4 snin, u, barra minn hekk, kull meta ssir talba mill-Kummissjoni.

    (4)Dak l-obbligu ta’ awditjar u ta’ rapportar huwa maħsub biex jippermetti lill-Kummissjoni timmonitorja l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 80/2009, li jistabbilixxi regoli speċifiċi għat-trasportaturi prinċipali. Dawk ir-regoli huma maħsuba b’mod partikolari biex jipprevjenu lit-trasportaturi prinċipali milli jiddiskriminaw kontra s-CRSs kompetituri u biex jipprevjenu lis-CRSs li huma proprjetà ta’ dawk it-trasportaturi milli jiddiskriminaw kontra trasportaturi oħra. L-evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 80/2009 li saret fl-2020 12 issuġġeriet li dawk id-dispożizzjonijiet dwar it-trasportaturi prinċipali jistgħu jkunu żejda peress li s-CRSs ma għadhomx proprjetà tal-linji tal-ajru, u ma hemm l-ebda evidenza li jippruvaw jiksbuhom li kieku dawk ir-regoli ma kinux jeżistu. Għalhekk, is-sottomissjoni tar-rapporti awditjati kull 4 snin ma għadhiex ġustifikata. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm is-setgħa li titlob ir-rapporti awditjati meta jkun meħtieġ, sabiex tkun tista’ tinforza b’mod effettiv ir-regoli tat-trasportatur prinċipali jekk ikun meħtieġ.

    (5)L-Artikolu 4(5) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 jirrikjedi l-pubblikazzjoni ta’ rieżami tas-sikurezza fil-livell nazzjonali fuq bażi annwali, sabiex il-pubbliku jiġi infurmat dwar il-livell tas-sikurezza tal-avjazzjoni ġenerali. Dak l-obbligu kien maħsub biex jiżgura t-trasparenza dwar is-sitwazzjoni attwali kumplessiva tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Istati Membri, u b’mod partikolari l-kontribut tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-aċċidenti f’dak ir-rigward meta jitqies il-kuntest ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, dan sar żejjed fid-dawl tar-rieżami annwali tas-sikurezza ppubblikat mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 72(7) tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 li jkopri s-sistema tal-avjazzjoni kollha tal-Unjoni, inkluż l-investigazzjoni tal-aċċidenti.

    (6)L-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni, jekk possibbli, elettronikament u fuq bażi annwali, il-listi ta’ fitters u ħwienet tax-xogħol approvati li jistgħu jwettqu l-installazzjonijiet, il-kontrolli, l-ispezzjonijiet u t-tiswijiet tat-takografi u l-kards li jinħarġulhom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk il-listi fuq is-sit web tagħha.

    (7)Il-kombinazzjoni tal-fatt li l-kards tal-ħwienet tax-xogħol huma validi għal sena mal-fatt li l-komunikazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni tipprovdi biss stampa tal-ħwienet tax-xogħol approvati u l-karti validi li jinħarġulhom, ifisser li matul is-sena ta’ wara, parti kbira mill-kards tal-ħwienet tax-xogħol ippubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni ma jibqgħux validi. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jippubblikaw dik l-informazzjoni u jaġġornawha fuq bażi kontinwa fuq sit web disponibbli għall-pubbliku. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika l-lista tas-siti web tal-Istati Membri kollha li fihom tista’ tinstab dik l-informazzjoni. Xi Stati Membri diġà għandhom siti web bħal dawn. Dan l-obbligu għalhekk jirriżulta fi tnaqqis tal-piż amministrattiv kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri, u fi tnaqqis fil-kostijiet tal-infurzar għall-partijiet ikkonċernati, billi tiġi żgurata distribuzzjoni aktar aġġornata u effettiva tal-informazzjoni -.

    (8)Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 80/2009, (UE) Nru 996/2010 u (UE) Nru 165/2014 jiġu emendati skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (KE) Nru 80/2009

    L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 80/2009 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 12

    Il-Kummissjoni tista’ titlob lil kwalunkwe bejjiegħ tas-sistema biex jissottometti rapport awditjat b’mod indipendenti li jagħti dettalji dwar l-istruttura tas-sjieda u l-mudell ta’ governanza. Il-kostijiet relatati mar-rapport awditjat għandhom jiġġarrbu mill-bejjiegħ tas-sistema.”

    Artikolu 2

    Emenda għar-Regolament (UE) Nru 996/2010

    Fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 996/2010, jitħassar il-paragrafu 5.

    Artikolu 3

    Emenda għar-Regolament (UE) Nru 165/2014

    Fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 165/2014, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “5. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-listi tal-fitters u tal-ħwienet tax-xogħol approvati u l-karti li jinħarġulhom fuq sit web disponibbli għall-pubbliku, u għandhom jiżguraw li dawk il-listi jinżammu aġġornati. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ dawn is-siti web nazzjonali fuq is-sit web tagħha.”

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

    Il-President    Il-President

    (1)    COM(2023)168.
    (2)    Ir-Regolament (KE) Nru 80/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89, ĠU L 35, 4.2.2009, p. 47.
    (3)     https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2020)9&lang=mt
    (4)    Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE, ĠU L 295 12.11.2010, p. 35.
    (5)    Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq, ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1.
    (6)    ĠU C , , p. .
    (7)    ĠU C , , p. .
    (8)    Ir-Regolament (KE) Nru 80/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 (ĠU L 35, 4.2.2009, p. 47).
    (9)    Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295 12.11.2010, p. 35).
    (10)    Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).
    (11)    COM(2023)168.
    (12)     https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2020)9&lang=mt
    (13)    Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).
    Top