IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.10.2023
COM(2023) 584 final
2023/0356(COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2007/2/KE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti tar-rappurtar għal infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030”, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta’ sistema regolatorja li tiżgura li l-objettivi jintlaħqu b’kostijiet minimi. Għaldaqstant, hija impenjat ruħha biex tagħti spinta ġdida lir-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti tar-rapportar, bl-għan aħħari li tnaqqas b’25 % il-piżijiet relatati, mingħajr ma timmina l-objettivi ta’ politika relatati.
Ir-rekwiżiti tar-rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ infurzar korrett u ta’ monitoraġġ kif suppost tal-leġiżlazzjoni. B’mod ġenerali, il-kostijiet tagħhom jiġu fil-biċċa l-kbira kkumpensati mill-benefiċċju li jġibu magħhom, b’mod partikolari fil-monitoraġġ u l-iżgurar tal-konformità ma’ miżuri ta’ politika ewlenin. Madankollu, ir-rekwiżiti tar-rapportar jistgħu jimponu wkoll piżijiet sproporzjonati fuq il-partijiet ikkonċernati, li jaffettwaw b’mod partikolari lill-SMEs u lill-mikrokumpaniji, anke minħabba l-iżviluppi organizzattivi u teknoloġiċi li jitolbu li r-rekwiżiti tar-rapportar oriġinali jiġu aġġustati. Maż-żmien, l-akkumulazzjoni tagħhom tista’ tirriżulta f’obbligi żejda, doppji, jew li ma għadhomx applikabbli, fi frekwenza u twaqqit ineffiċjenti, jew f’metodi tal-ġbir inadegwati. Għal din ir-raġuni, diversi strumenti tal-UE li joħolqu obbligi tar-rapportar jinkludu limiti speċifiċi għal kumpaniji iżgħar.
Għaldaqstant, is-simplifikazzjoni tal-obbligi tar-rapportar u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huma ta’ prijorità. F’dan il-kuntest, din il-proposta għandha l-għan li tissimplifika inizjattiva inkluża fl-ambizzjonijiet ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u Ewropa lesta għall-era diġitali fil-qasam ta’ politika tal-Ambjent u li taffettwa s-setturi li ġejjin: servizzi pubbliċi u servizzi professjonali.
Il-proposta se tirrazzjonalizza l-obbligi tar-rapportar skont id-Direttiva 2007/2/KE billi tnaqqas il-frekwenza tar-rekwiżiti tar-rapportar.
Ir-razzjonalizzazzjoni tal-obbligi tar-rappurtar indirizzati b’din il-proposta tikkonċerna l-awtoritajiet pubbliċi, u tista’ twassal indirettament għal riduzzjoni fil-piż fuq in-negozji. B’mod aktar speċifiku, rappurtar inqas frekwenti se jnaqqas il-piż fuq l-industriji u l-utilitajiet li huma meħtieġa biex jaqsmu s-settijiet tad-data identifikati fl-Annessi tad-Direttiva bħal netwerks tal-utilitajiet, lokalità tal-produzzjoni u faċilitajiet industrijali, eċċ. Mhuma miżjuda ebda obbligi ġodda. L-obbligu ta’ rapportar affettwat minn din il-proposta se jsegwi ċiklu biennali minflok ċiklu annwali.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta dwar l-emenda tad-Direttiva 2007/02/KE hija parti mill-ewwel pakkett ta’ miżuri biex jiġu razzjonalizzati r-rekwiżiti tar-rapportar. Dan huwa pass fi proċess li jħares b’mod komprensiv lejn ir-rekwiżiti tar-rappurtar eżistenti, bil-ħsieb li tiġi vvalutata r-rilevanza kontinwa tagħhom u biex isiru aktar effiċjenti.
Ir-razzjonalizzazzjoni introdotta b’dawn il-miżuri mhix se taffettwa b’mod negattiv il-kisba tal-objettivi fil-qasam ta’ politika, peress li wara ċiklu ta’ rapportar biannwali minflok ċiklu ta’ rapportar annwali xorta jippermetti li jinqabdu x-xejriet u l-evoluzzjonijiet tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Fil-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), il-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha hija adattata għall-użu tagħha, immirata lejn il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati u xxejjen il-piżijiet filwaqt li tilħaq l-objettivi tagħha. Għaldaqstant, din il-proposta hija parti mill-Programm REFIT, li jnaqqas il-kumplessità tal-piżijiet tar-rapportar li jirriżultaw mill-ambjent legali tal-UE.
Filwaqt li ċerti rekwiżiti tar-rapportar huma essenzjali, dawn jeħtieġ li jkunu effiċjenti kemm jista’ jkun, jevitaw id-duplikazzjonijiet, ineħħu piżijiet mhux meħtieġa u jużaw kemm jista’ jkun soluzzjonijiet diġitali u interoperabbli.
Il-proposta attwali tirrazzjonalizza r-rekwiżiti tar-rapportar u b’hekk tagħmel il-kisba tal-objettivi tal-leġiżlazzjoni aktar effiċjenti u anqas ta’ piż għall-awtoritajiet pubbliċi.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għad-Direttiva 2007/2/KE hija l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 192(1) jipprovdi l-bażi ġuridika għal miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent inkluż l-użu ta’ data disponibbli biex tinforma t-tħejjija tal-politika ambjentali.
•Sussidjarjetà
Ir-rekwiżiti tar-rappurtar ikkonċernati huma imposti mid-dritt tal-UE. Ir-razzjonalizzazzjoni tagħhom għalhekk issir l-aħjar fil-livell tal-UE biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-konsistenza tar-rappurtar. Dan se jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti għall-amministrazzjonijiet pubbliċi madwar l-UE, li se jkunu qed jibbenefikaw mir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti tar-rappurtar li jirriżultaw minn din il-proposta.
•Proporzjonalità
Ir-razzjonalizzazzjoni tar-rekwiżiti tar-rapportar tissimplifika l-qafas legali billi tintroduċi bidliet minimi għar-rekwiżiti eżistenti li ma jaffettwawx is-sustanza tal-objettiv ta’ politika usa’. Għaldaqstant, il-proposta hija limitata għal dawk il-bidliet li huma meħtieġa biex jiġi żgurat rapportar effiċjenti mingħajr ma jinbidel l-ebda wieħed mill-elementi sostanzjali tal-leġiżlazzjoni kkonċernata.
•Għażla tal-istrument
Minħabba li l-emenda li għandha ssir fid-Direttiva 2007/2/KE tikkonċerna l-għoti ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni mill-Istati Membri, ma hemmx għalfejn tiġi trasposta. Huwa xieraq għalhekk li f’din is-sitwazzjoni partikolari tintuża deċiżjoni għal emenda bħal din.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
L-evalwazzjoni tal-2022 tad-Direttiva INSPIRE () sabet li l-piż tar-rapportar jista’ jitnaqqas aktar fil-funzjoni tal-allinjament tad-dispożizzjonijiet ta’ INSPIRE mad-dispożizzjonijiet ta’ rapportar regolatorju f’regolamenti ambjentali oħra. Barra minn hekk, jekk INSPIRE ssir teknikament aktar effiċjenti, dan jista’ jappoġġa aktar tnaqqis fil-piż amministrattiv minn INSPIRE.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Din il-proposta ġiet identifikata wara proċess ta’ skrutinju intern tal-obbligi tar-rapportar eżistenti u abbażi tal-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata. Peress li dan huwa pass fil-proċess ta’ valutazzjoni kontinwa tar-rekwiżiti tar-rapportar li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE, l-iskrutinju ta’ dawn il-piżijiet u tal-impatt tagħhom fuq il-partijiet ikkonċernati se jkompli għaddej.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta tikkonċerna bidliet limitati u mmirati tal-leġiżlazzjoni bil-ħsieb li jiġu razzjonalizzati r-rekwiżiti tar-rapportar. Dawn huma bbażati fuq l-esperjenza mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Il-bidliet ma għandhomx impatti sinifikanti fuq il-politika, iżda jiżguraw biss implimentazzjoni aktar effiċjenti u effettiva. Minħabba n-natura mmirata tagħhom u n-nuqqas ta’ għażliet ta’ politika rilevanti, valutazzjoni tal-impatt mhijiex meħtieġa.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Din hija proposta REFIT, li għandha l-għan li tissimplifika l-leġiżlazzjoni u tnaqqas il-piżijiet għall-partijiet ikkonċernati.
Il-proposta tkompli tissimplifika r-rappurtar skont id-Direttiva 2007/2/KE u tikkoinċidi ma’ inizjattivi ta’ simplifikazzjoni oħrajn (jiġifieri, dwar ir-regoli għall-interoperabbiltà tad-data u tas-servizzi tan-network) u l-allinjament ma’ leġiżlazzjoni oħra dwar id-data (id-Direttiva dwar id-Data Miftuħa).
•
Drittijiet fundamentali
Mhux applikabbli.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Minħabba li l-emenda li għandha ssir fid-Direttiva 2007/2/KE tikkonċerna l-għoti ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni mill-Istati Membri, ma hemmx għalfejn tiġi trasposta.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Artikolu 1
L-Artikolu 1 jintroduċi ċiklu ta’ rapportar biennali minflok ċiklu ta’ rapportar annwali. Din il-frekwenza ta’ rapportar hija allinjata mal-frekwenza ta’ rapportar skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/138 dwar is-Settijiet tad-Data ta’ Valur Għoli, li fil-biċċa l-kbira għandha kamp ta’ applikazzjoni tad-data li jikkoinċidi mad-Direttiva 2007/2/KE.
2023/0356 (COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2007/2/KE fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti tar-rappurtar għal infrastrutturi għall-informazzjoni ġeografika
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Ir-rekwiżiti tar-rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ monitoraġġ kif suppost u infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati, biex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li kienu maħsuba għalih u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv.
(2)Huwa meħtieġ li l-frekwenza u t-twaqqit tal-obbligi tar-rapportar dwar l-implimentazzjoni u l-użu tal-infrastrutturi tal-Istati Membri għall-informazzjoni ġeografika jiġu allinjati ma’ leġiżlazzjoni orizzontali aktar reċenti dwar id-data diġitali sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv.
(3)Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u tal-politiki jew tal-attivitajiet li jista’ jkollhom impatt fuq l-ambjent. L-Artikolu 21(2) ta’ dik id-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jaġġornaw, jekk ikun meħtieġ, u jippubblikaw rapport li jinkludi, fost affarijiet oħra, deskrizzjoni fil-qosor tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena.
(4)Filwaqt li tqiesu r-riżultati tar-rapport tal-Kummissjoni dwar Azzjonijiet għas-Simplifikazzjoni tar-Rappurtar Ambjentali u l-Kontroll tal-Idoneità dwar ir-Rappurtar u l-Monitoraġġ tal-Politika Ambjentali tal-Unjoni li jakkumpanjah, id-Direttiva 2007/2/KE ġiet emendata bir-Regolament (UE) 2019/1010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jitnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rapportar għall-governanza għall-implimentazzjoni tagħha u għall-użu mill-ġdid tad-data ġeografika pubblika. L-evalwazzjoni tad-Direttiva 2007/2/KE konkluża mill-Kummissjoni fl-2022 sabet li hemm lok biex din issir teknikament aktar effiċjenti permezz ta’ aktar tnaqqis fil-piż amministrattiv.
(5)Biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, huwa xieraq li l-frekwenza tar-rapportar skont id-Direttiva 2007/2/KE titnaqqas għal darba kull sentejn.
(6)Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2007/2/KE tiġi emendata skont dan.
(7)Minħabba li l-emenda li għandha ssir fid-Direttiva 2007/2/KE tikkonċerna l-għoti ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni mill-Istati Membri, ma hemmx għalfejn tiġi trasposta. Huwa xieraq għalhekk li f’din is-sitwazzjoni partikolari tintuża deċiżjoni għal emenda bħal din.
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emenda għad-Direttiva 2007/2/KE
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2007/2/KE hija sostitwita b’dan li ġej:
“Mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sentejn, mill-31 ta’ Marzu 2025, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw, jekk meħtieġ, rapport ta’ sinteżi. Dawk ir-rapporti, li għandhom jiġu ppubblikati mis-servizzi tal-Kummissjoni, għandhom jinkludu deskrizzjonijiet sommarji ta’:”.
Artikolu 2
Dħul fis-Seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President