Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0143

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, rigward it-tressiq ta’ proposta għal emenda tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS) fil-kuntest tal-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet

    COM/2023/143 final

    Brussell, 17.3.2023

    COM(2023) 143 final

    2023/0074(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, rigward it-tressiq ta’ proposta għal emenda tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS) fil-kuntest tal-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS) b’rabta mat-tressiq ta’ proposti għad-deċiżjonijiet tal-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet biex jiġu emendati l-Appendiċijiet ta’ dik il-Konvenzjoni.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS)

    Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li tikkonserva l-ispeċijiet migratorji tal-art, tal-baħar u avjarji f’kull parti tal-firxa tad-distribuzzjoni tagħhom. Din tikkostitwixxi trattat intergovernattiv, konkluż taħt il-patroċinju tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, li jikkonċerna l-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa u tal-ħabitats fuq skala globali. L-ispeċijiet migratorji li għandhom jiġu kkonservati huma elenkati fl-Appendiċijiet I (speċijiet fil-periklu) u II (speċijiet li għandhom ikunu s-suġġetti ta’ ftehimiet) tal-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru1983.

    L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Konvenzjoni 1 .

    2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet

    Il-Konferenza tal-Partijiet hija korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Konvenzjoni u għandha s-setgħat li tivvaluta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji u, sussegwentement, li temenda l-Appendiċijiet I u II tal-Konvenzjoni. F’konformità mal-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, il-proposti għal emenda jistgħu jsiru minn kwalunkwe Parti, u għandhom jiġu adottati minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet preżenti u li jivvutaw.

    L-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet se ssir f’Samarkand (l-Użbekistan) mit-23 sat-28 ta’ Ottubru 2023. F’konformità mal-Artikolu XI (3), is-Segretarjat tal-Konvenzjoni stabbilixxa d-data tas-26 ta’ Mejju 2023 bħala l-iskadenza għat-tressiq tal-proposti għal emendi. Għalhekk huwa meħtieġ li l-Kunsill jieħu deċiżjoni bil-għan li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni b’rabta mat-tressiq tal-proposti għal emenda fil-kuntest tal-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet.

    Qabel l-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, is-Segretarjat tal-Konvenzjoni jista’ jikkomunika proposti li jkunu saru minn Partijiet oħra sabiex jiġu emendati l-Appendiċijiet I u II tal-Konvenzjoni, li jistgħu jeħtieġu deċiżjoni ulterjuri biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ dawk il-proposti.

    2.3.L-att previst tal-Konferenza tal-Partijiet

    Għall-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, huwa propost li l-Unjoni tressaq proposta biex l-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jiġi emendat biex tiżdied il-protezzjoni ta’ speċi waħda ta’ ċetaċji, id-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali (Phocoena phocoena), tul il-firxa kollha tad-distribuzzjoni tiegħu, inkluż barra mill-Unjoni.

    Jekk jiġi adottat, l-att previst se jsir vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, li jipprevedi li “l-emenda għall-Appendiċi għandha tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha disgħin jum wara l-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li fiha tkun adottata, apparti għal dawk il-Partijiet li jkunu wrew riserva b’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu”.

    3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    Il-proposta tal-Unjoni biex jiġi emendat l-Appendiċi I hija msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin: (1) l-inklużjoni ta’ dawn l-ispeċijiet hija xjentifikament soda; (2) din l-inklużjoni hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE; u (3) l-Unjoni hija impenjata fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità.

    Il-proposta hija konsistenti mat-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali sal-2030 2 u mal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 3 , speċjalment l-impenn ewlieni 14 tal-Pjan tal-UE għar-Restawr tan-Natura li permezz tiegħu l-qbid inċidentali ta’ speċijiet jixxejjen jew jitnaqqas għal livell li jippermetti l-irkupru u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet. Din il-proposta ma teħtieġ l-ebda bidla fid-dritt tal-Unjoni, peress li tikkonċerna speċijiet li diġà jibbenefikaw minn protezzjoni xierqa skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qafas tad-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats 4 (li tipprojbixxi l-qbid jew il-qtil taċ-ċetaċji fl-UE) u fil-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE 5 . Fil-21 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-“Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: Nipproteġu u nirrestawraw l-ekosistemi tal-baħar għal sajd sostenibbli u reżiljenti”, li jirriżulta mill-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, li tistieden lill-Istati Membri tal-UE jadottaw jew jirrakkomandaw miżuri biex jimminimizzaw il-qabdiet aċċessorji tad-denfil iswed tal-Baħar Baltiku (jew inaqqsuh għal-livell li jippermetti l-irkupru sħiħ tal-popolazzjoni) 6 . 

    Il-proposta ma toħloq l-ebda rekwiżit ġdid ta’ monitoraġġ jew ta’ rapportar. L-ippjanar u l-monitoraġġ kollu tal-implimentazzjoni se jkunu parti mill-attivitajiet regolari tal-ippjanar u tar-rapportar fil-qafas ta’ din il-Konvenzjoni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja.

    Sar skambju informali ta’ fehmiet preliminari mal-Istati Membri permezz ta’ konsultazzjoni bil-miktub mal-membri tal-Istati Membri tal-Pjattaforma tal-UE għall-Bijodiversità (EUBP). 

    Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni tkun li tawtorizza lill-Kummissjoni tressaq il-proposti msemmija hawn fuq lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

    4.Bażi ġuridika

    4.1.Bażi ġuridika proċedurali

    4.1.1.Prinċipji

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li għandhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 7 .

    4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    Il-Konferenza tal-Partijiet hija korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS).

    L-att li l-Konferenza tal-Partijiet qed tintalab tadotta huwa att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu XI tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi.

    L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni.

    Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    4.2.Bażi ġuridika sostantiva

    4.2.1.Prinċipji

    Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tagħhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

    L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma marbuta mal-ambjent.

    Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1).

    4.3.Konklużjoni

    Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    2023/0074 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, rigward it-tressiq ta’ proposta għal emenda tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (CMS) fil-kuntest tal-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi (il-“Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE5 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1983.

    (2)Skont l-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet tista’ tadotta deċiżjonijiet biex temenda l-Appendiċijiet I u II tal-Konvenzjoni.

    (3)Il-Konferenza tal-Partijiet, waqt l-erbatax-il laqgħa tagħha mit-23 sat-28 ta’ Ottubru 2023, tista’ tadotta tali emendi. Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni informa lill-Partijiet għall-Konvenzjoni li kwalunkwe proposta għal emenda għandha tiġi kkomunikata, b’konformità mal-Artikolu XI(3) tal-Konvenzjoni, sas-26 ta’ Mejju 2023. L-Unjoni tista’, bħala Parti għall-Konvenzjoni, tressaq tali proposti.

    (4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni biex jitressqu proposti biex jiġu emendati l-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni, minħabba li d-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Partijiet se tkun vinkolanti għall-Unjoni.

    (5)L-inklużjoni tad-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali, il-Phocoena phocoena, fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni se tkun xjentifikament soda minħabba l-istatus ta’ konservazzjoni tagħha fil-Periklu Kritiku, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mal-impenn tal-Unjoni għall-kooperazzjoni internazzjonali biex tiġi protetta l-bijodiversità.

    (6)Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tressaq tali proposta biex temenda l-Appendiċi I tal-Konvenzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkomunika l-proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1. Fil-kuntest tal-erbatax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċi Migratorji tal-Annimali Selvaġġi, il-pożizzjoni tal-Unjoni hija li tressaq proposta għal emenda tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni biex tinkludi d-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali, il-Phocoena phocoena.

    2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din il-proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1982 li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi migratorji tal-annimali selvaġġi, ĠU L 210, 24.6.1982, p. 10.
    (2)     EUR-Lex - 32022D0591 - MT - EUR-Lex (europa.eu)
    (3)     EUR-Lex - 52020DC0380 - MT - EUR-Lex (europa.eu)
    (4)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 0007 - 0050
    (5)

       Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

    (6)    Ara wkoll ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/303 tal-15 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 fir-rigward tal-miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-popolazzjoni residenti tad-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali (Phocoena phocoena) fil-Baħar Baltiku
    (7)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
    Top