EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0067

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-proposti għall-emenda tal-Anness 16, il-Volumi I-III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni tal-ambjent

COM/2023/67 final

Brussell, 10.2.2023

COM(2023) 67 final

2023/0030(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-proposti għall-emenda tal-Anness 16, il-Volumi I-III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni tal-ambjent


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), fir-rigward tal-proposti għall-emenda tal-Anness 16, il-Volumi I-III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni tal-ambjent.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) għandha l-għan li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru. Daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947 u stabbiliet l-ICAO.

L-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.

2.2.L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

L-ICAO hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti. L-għanijiet u l-objettivi tal-Organizzazzjoni huma li tiżviluppa l-prinċipji u t-tekniki tan-navigazzjoni internazzjonali bl-ajru u li trawwem l-ippjanar u l-iżvilupp tat-trasport internazzjonali bl-ajru.

Il-funzjonijiet obbligatorji tal-Kunsill tal-ICAO, elenkati fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, jinkludu l-adozzjoni ta’ Standards u Prattiki Rakkomandati Internazzjonali (SARPs), iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp permanenti tal-ICAO u fih huma msieħba 36 Stat kontraenti eletti mill-Assemblea tal-ICAO għal perjodu ta’ tliet snin. Għadd ta’ Stati Membri huma rrappreżentati fil-Kunsill tal-ICAO.

L-UE hija osservatur ad hoc f’ħafna korpi tal-ICAO (Assemblea u korpi tekniċi oħra).

2.3.L-atti previsti tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali

L-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali (SARPs) dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ġew adottati mill-Kunsill tal-ICAO bħala l-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. L-Anness 16 għandu erba’ volumi, bil-kamp ta’ applikazzjoni li ġej:

il-Volum I jikkonċerna Standards u Prattiki Rakkomandati Internazzjonali relatati mal-istorbju tal-inġenji tal-ajru;

il-Volum II jikkonċerna Standards u Prattiki Rakkomandati Internazzjonali relatati mal-emissjonijiet mill-magni tal-inġenji tal-ajru;

il-Volum III jikkonċerna Standards u Prattiki Rakkomandati Internazzjonali relatati mal-emissjonijiet tas-CO2 tal-ajruplani;

il-Volum IV jikkonċerna Standards u Prattiki rakkomandati internazzjonali relatati mal-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA).

Fil-228 Sessjoni tiegħu mit-13 sal-31 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill tal-ICAO għandu jikkunsidra bidliet possibbli għal dawn il-Volumi. F’Lulju 2022, intbagħtu Ittri lill-Istati 1 , lill-Istati tal-ICAO bil-bidliet mistennija għall-kummenti tagħhom.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1. Sfond

F’konformità mal-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2018/1139 2 , il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda r-referenzi għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Chicago msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) ta’ dak ir-Regolament, sabiex taġġornahom fid-dawl ta’ emendi sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet li jidħlu fis-seħħ wara l-4 ta’ Lulju 2018 u li jsiru applikabbli fl-Istati Membri kollha, diment li tali adattamenti ma jwessgħux il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tat-30 ta’ Mejju 2016 3 , kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/768 tad-9 ta’ Ġunju 2020 4 , stabbiliet il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta’ miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali, jiġifieri l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (“CORSIA”). Dik id-Deċiżjoni tibqa’ fis-seħħ. Għalhekk, tintuża bħala bażi biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-bidliet għall-Anness 16, il-Volum IV.

3.2. Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Jeħtieġ li qabel il-228 Sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, mit-13 sal-31 ta’ Marzu 2023, tiġi adottata l-pożizzjoni f’isem l-Unjoni biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet dwar il-bidliet proposti għall-Anness 16, il-Volumi I-III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

Fir-rigward tal-emendi għall-Volum I, l-emendi proposti mistennija, kif stabbilit fl-Ittra lill-Istati msemmija hawn fuq, jinkludu:

a) emendi rigward l-użu xieraq tal-verbi modali biex l-Anness 16, il-Volum I jiġi allinjat mad-dokument “Directives to Divisional-type Air Navigation Meetings and Rules of Procedure for their Conduct” (Dokument 8143), il-Parti II, “Formulation of Proposals for International Standards, Recommended Practices and Procedures”;

b) gwida rakkomandata għall-kejl tal-istorbju mit-titjir f’punt fiss minn ħelikopters bħala parti mill-Anness 16, il-Volum I, id-Dokument Mehmuż H;

c) emendi biex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet fir-rigward tal-aġġustamenti tal-SPL (livell ta’ pressjoni tal-ħoss) fil-jum tat-test mal-kundizzjonijiet ta’ referenza; u

d) żbalji tipografiċi minuri għall-korrezzjoni.

Fir-rigward tal-emendi għall-Volum II, l-emendi proposti mistennija, kif stabbilit fl-Ittra lill-Istati msemmija hawn fuq, jinkludu:

a) aġġornamenti ta’ ristrutturar u ta’ referenza rilevanti, introdotti f’konformità mad-dokument “Directives to Divisional-type Air Navigation Meetings and Rules of Procedure for their Conduct” (Dokument 8143), il-Parti II, “Formulation of Proposals for International Standards, Recommended Practices and Procedures”;

b) aġġornamenti ta’ konsistenza lingwistika, li, fost l-oħrajn, jintroduċu l-użu xieraq tal-verbi modali, u l-applikazzjoni konsistenti tan-Noti u r-Rakkomandazzjonijiet, f’konformità mad-dokument “Directives to Divisional-type Air Navigation Meetings and Rules of Procedure for their Conduct” (Dokument 8143), il-Parti II, “Formulation of Proposals for International Standards, Recommended Practices and Procedures”;

c) titjib lingwistiku fir-rigward tal-applikabbiltà, biex tirrifletti, fost l-oħrajn, l-applikabbiltà taċ-Ċifra tad-Duħħan u tal-istandards tal-konċentrazzjoni tal-massa ta’ materja partikolata mhux volatili (nvPM) għall-magni;

d) l-introduzzjoni ta’ definizzjoni ġdida għall-“proċedura ekwivalenti” bil-bidliet sussegwenti għall-konsistenza fl-Anness 16, il-Volum II;

e) definizzjonijiet, deskrizzjonijiet, referenzi u titjib lingwistiku, inkluż, fost l-oħrajn, kjarifiki estiżi, deskrizzjonijiet metodoloġiċi, passi proċedurali intermedji, u Noti u Rakkomandazzjonijiet addizzjonali;

f) titjib relatat mal-proċedura ta’ kejl nvPM f’konformità mal-aħħar aġġornamenti fl-SAE ARP 6320A u AIR 6241A dwar il-kampjunar u l-kejl kontinwi tal-emissjonijiet nvPM ta’ magni bit-turbini tal-inġenji tal-ajru; u

g) korrezzjonijiet għal kwistjonijiet ġenerali tekniċi, tipografiċi u dawk tan-nomenklatura, immirati biex iżidu ċ-ċarezza u l-konsistenza fid-dokument kollu.

Fir-rigward tal-emendi għall-Volum III, l-emendi proposti mistennija, kif stabbilit fl-Ittra lill-Istati msemmija hawn fuq, jinkludu:

a) definizzjoni, deskrizzjoni, referenzi u titjib lingwistiku li għandhom l-għan, fost l-oħrajn, li jevitaw miżinterpretazzjoni potenzjali u jintroduċu kjarifiki addizzjonali relatati mal-Fattur Ġeometriku ta’ Referenza (RGF);

b) bidliet għall-konsistenza wara l-introduzzjoni ta’ definizzjoni ġdida għall-“proċedura ekwivalenti” fl-Anness 16, il-Volum III.

L-emendi proposti kollha huma previsti li jsiru applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2024.

Is-suġġett tal-att previst jikkonċerna qasam li għalih l-Unjoni għandha kompetenza esterna esklużiva bis-saħħa tal-aħħar parti tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE peress li l-atti previsti jistgħu jaffettwaw ir-regoli komuni jew ibiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, b’mod partikolari:

— Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea 5 ;

— Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni 6 .

Wara li kkunsidrat il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO għandha tkun li tappoġġa l-emendi proposti għall-Volumi I, II u III.

4.Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni proposta hija konsistenti u komplementari ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikulari l-politiki tal-enerġija, tal-ambjent u tat-trasport.

5.Bażi ġuridika

5.1.Bażi ġuridika proċedurali

5.1.1. Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “ l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hix membru tal-korp jew parti għall-ftehim 7 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede kkonċernata. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 8 .

5.1.2 Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill tal-ICAO huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Chicago.

L-atti previsti għandhom effett legali għall-finijiet tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

F’konformità mal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jadotta Standards u Prattiki Rakkomandati internazzjonali (SARPs), iddeżinjati bħala Annessi tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. Tali SARPs huma vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago sa fejn isiru vinkolanti għall-partijiet kontraenti kollha tal-ICAO sakemm il-maġġoranza ta’ dawn tal-aħħar ma jirreġistrawx id-diżapprovazzjoni tagħhom mal-Kunsill tal-ICAO.

Barra minn hekk, billi potenzjalment iwasslu għal emendi, l-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri r-Regolament (UE) 2018/1139 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 sa fejn jirreferu b’mod espliċitu għall-Anness 16, il-Volumi I-III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Għalhekk, l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ notifiki bħal dawn taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.2.Bażi ġuridika sostantiva

5.2.1 Prinċipju

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att adottat li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

5.2.2 Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlieni tal-att adottat huma relatati mal-politika tat-trasport.

Il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE. F’konformità ma’ dan l-Artikolu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu dispożizzjonijiet xierqa għat-trasport bl-ajru.

5.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFEU, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2023/0030 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-proposti għall-emenda tal-Anness 16, il-Volumi I-III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati relatati mal-protezzjoni tal-ambjent

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) li tirregola t-trasport internazzjonali bl-ajru, daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Din stabbiliet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).

(2)L-Istati Membri kollha huma Stati Kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO.

(3)Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni, ta’ Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jista’ jadotta Standards Internazzjonali u Prattiki Rakkomandati.

(4)L-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali (SARPs) dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ġew adottati mill-Kunsill tal-ICAO bħala l-Anness 16 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, fil-Volumi I-IV.

(5)Il-Kunsill tal-ICAO, waqt il-228 Sessjoni tiegħu li għandha ssir bejn it-13 u l-31 ta’ Marzu, għandu jadotta għadd ta’ emendi għall-Anness 16, il-Volumi I sa III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago.

(6)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-ICAO peress li l-emendi proposti għandhom effett legali, minħabba li huma vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) 2018/1139 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012.

(7)Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni jenħtieġ li tkun li tappoġġa l-emendi għall-Volumi I sa III.

(8)Il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-ICAO, li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.

(9)Il-pożizzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni mill-Kunsill tal-ICAO tal-emendi għall-Anness 16, il-Volumi I-III tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, li għandha titħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-ICAO permezz ta’ proċedura ta’ Ittra tal-Istat tal-ICAO, jenħtieġ li tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni u li tiġi notifikata l-konformità ma’ dawk il-miżuri. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-SARPs li jkunu għadhom kif ġew adottati wara data tal-applikazzjoni prevista ta’ dawk l-SARPs, id-differenza minn dawk l-SARPs partikolari jenħtieġ li tiġi notifikata lill-ICAO.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

(1)Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-228 Sessjoni tal-Kunsill tal-ICAO, jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti, fir-rigward tal-Anness 16, il-Volumi I-III tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tal-emendi ta’ dawn il-Volumi għandha tkun li tappoġġa l-emendi proposti fl-intier tagħhom.

(2)Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, dment li l-Kunsill tal-ICAO jadotta mingħajr ebda bidla sostanzjali l-emendi proposti għall-Anness 16, il-Volumi I-III tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun li ma tiġix irreġistrata diżapprovazzjoni u li tiġi nnotifikata l-konformità mal-miżura adottata bi tweġiba għall-Ittra rispettiva tal-Istat tal-ICAO. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddevja mill-SARPs li jkunu għadhom kif ġew adottati wara d-data tal-applikazzjoni prevista ta’ dawk l-SARPs, id-differenza minn dawk l-SARPs partikolari għandha tiġi notifikata lill-ICAO. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha, fi żmien xieraq u mill-inqas xahrejn qabel kwalunkwe skadenza stabbilita mill-ICAO biex jiġu nnotifikati d-differenzi, tissottometti lill-Kunsill, għad-diskussjoni u l-approvazzjoni, dokument preparatorju li jistabbilixxi d-differenzi dettaljati li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-ICAO f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tiġi espressa mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    SL 22/58, SL 22/59, SL 22/60 u SL 22/61.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tat-30 ta’ Mejju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta’ miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali (ĠU L 153, 10.6.2016, p. 32).
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/768 tad-9 ta’ Ġunju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2016/915 rigward il-perjodu ta’ referenza maħsub li jintuża għall-kejl taż-żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2, sabiex jitqiesu l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fil-kuntest ta’ CORSIA (ĠU L 187, 12.6.2021, p. 10).
(5)    ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.
(6)    ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1.
(7)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(8)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
Top