Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023PC0046

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim

    COM/2023/46 final

    Brussell, 1.2.2023

    COM(2023) 46 final

    2023/0017(NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.Suġġett tal-proposta

    Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq iffirmat f’Lyon fid-29 ta’ Ġunju 2022 1 (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), rigward

    ·l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt f’konformità mal-Artikolu 7(6) tal-Ftehim;

    ·il-kontinwazzjoni tal-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 7(2) tiegħu.

    2.Kuntest tal-proposta

    2.1.Sommarju tal-Ftehim

    Il-Ftehim għandu l-għan li jiffaċilita temporanjament it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn u mill-Ukrajna u mill-Unjoni Ewropea, bl-għoti ta’ drittijiet addizzjonali tat-tranżitu u tat-trasport tal-prodotti bejn l-Ukrajna u l-UE wara l-aggressjoni illegali kontra l-Ukrajna mir-Russja u t-tfixkil sinifikanti li ġġib magħha għall-modi kollha tat-trasport bit-triq fl-Ukrajna. Dan jinkludi wkoll miżuri li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tad-dokumenti tas-sewwieqa. Bħalissa dan japplika sat-30 ta’ Ġunju 2023.

    Ġie stabbilit Kumitat Konġunt biex jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Jiddeċiedi b’mod partikolari dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu u dwar il-kontinwazzjoni tal-Ftehim. Fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jiddeċiedi mhux aktar tard minn 3 xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, jiġifieri mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2023. Skont l-Artikolu 7(5) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’konsensus.

    2.2.Monitoraġġ tal-Ftehim

    L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim introduċa obbligu għall-monitoraġġ tal-Ftehim permezz, b’mod partikolari, ta’ rieżami perjodiku tal-funzjonament tiegħu fid-dawl tal-objettivi tiegħu. F’dak il-kuntest, l-awtoritajiet Ukreni pprovdew lill-Kummissjoni b’data dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Din id-data tkopri b’mod partikolari t-tielet kwart tal-2022, jiġifieri l-ewwel tliet (3) xhur tal-applikazzjoni tal-Ftehim, u turi dan li ġej:

    ·Il-Ftehim ikkontribwixxa b’suċċess biex jippermetti l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli Ukreni permezz tal-Korsiji ta’ Solidarjetà. Sal-1 ta’ Awwissu 2022, il-Korsiji ta’ Solidarjetà kienu l-uniċi kurituri kummerċjali disponibbli għall-Ukrajna għall-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli tagħha. Fl-ewwel xahar ta’ applikazzjoni tiegħu (Lulju 2022), il-Ftehim ippermetta l-esportazzjoni ta’ kważi nofs miljun tunnellata ta’ prodotti agrikoli Ukreni – żieda sinifikanti meta mqabbla ma’ 320,000 tunnellata esportati f’Ġunju 2022.

    ·Mill-1 ta’ Awwissu 2022, l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali iffaċilitat ukoll l-esportazzjoni ta’ aktar ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti relatati mill-Ukrajna minn tlieta mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed tal-Ukrajna. Il-Ftehim, madankollu, ikkomplementa l-esportazzjonijiet li jgħaddu mill-Baħar l-Iswed, u b’hekk ikkontribwixxa għas-sigurtà globali tal-ikel u għall-ekonomija tal-Ukrajna. Tabilħaqq, l-esportazzjonijiet agrikoli bit-triq komplew jiżdiedu anke wara l-bidu tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali, u laħqu 640,000 tunnellata f’Ottubru 2022.

    ·Il-Ftehim iffaċilita l-esportazzjoni ta’ prodotti Ukreni oħra li mhumiex koperti mill-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali. Fil-fatt, dan tal-aħħar ikopri biss iċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-prodotti relatati. Għalhekk, il-Ftehim ippermetta l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli oħra, bħal-laħam tal-pollam u frott. F’Lulju, Awwissu u Settembru 2022, il-prodotti agrikoli mhux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali kienu jirrappreżentaw kważi nofs l-esportazzjonijiet agrikoli kollha mċaqalqa bit-triq.

    ·Il-Ftehim iffaċilita wkoll l-esportazzjoni ta’ prodotti mhux agrikoli, b’mod partikolari prodotti industrijali, li ma jistgħux jiġu esportati skont l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali. L-esportazzjonijiet mhux agrikoli bit-triq f’Ġunju, Lulju u Awwissu 2022 daħħlu aktar minn USD 1,6 biljun għan-negozji Ukreni, u pprovdew appoġġ tant meħtieġ għall-ekonomija tal-Ukrajna.

    ·Barra minn hekk, għad fadal ħafna inċertezzi dwar l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali, li hija wkoll limitata fid-durata (estiża fit-18 ta’ Novembru 2022 għal 120 jum addizzjonali). Fl-ispezzjonijiet ġew irrappurtati wkoll punti ta’ konġestjonijiet, li jħeġġu lil ħafna partijiet ikkonċernati biex minflok jiddependu fuq il-Korsiji ta’ Solidarjetà – inkluż it-trasport bit-triq. F’dan il-kuntest, il-Ftehim jipprovdi xibka ta’ sikurezza għall-bdiewa u n-negozji Ukreni, kif ukoll għas-sigurtà tal-ikel globali.

    ·Il-Ftehim awtorizza wkoll it-tranżitu ta’ prodotti Ukreni (kemm agrikoli kif ukoll mhux agrikoli) bit-triq mill-UE lejn pajjiżi terzi. F’Lulju, Settembru u Awwissu 2022, il-Ftehim ippermetta l-esportazzjoni ta’ prodotti Ukreni lejn pajjiżi terzi għal valur ta’ aktar minn USD biljun, u b’hekk ġab sors addizzjonali ta’ introjtu għall-ekonomija tal-Ukrajna.

    ·Fl-istess ħin, il-Ftehim għen lill-Ukrajna timporta l-prodotti li teħtieġ – bħall-ikel, l-għajnuna umanitarja jew l-enerġija. Bħala eżempju, ir-Rumanija stabbiliet konvojs dedikati ta’ trakkijiet biex iġibu fjuwil tant meħtieġ lill-Ukrajna.

    ·Il-Ftehim kien ukoll ta’ benefiċċju kbir għall-UE. L-esportazzjonijiet mill-Istati Membri lejn l-Ukrajna jekk inqabblu l-perjodu bejn April u Ġunju 2022 qabel l-iffirmar tal-Ftehim (USD 4,222 miljun) żdiedu b’ 38,3 % u l-perjodu bejn Lulju u Settembru 2022 immedjatament wara l-iffirmar tal-Ftehim (USD 5,849 miljun). L-esportazzjonijiet bit-triq mill-UE lejn l-Ukrajna jibqgħu ogħla mill-importazzjonijiet bit-triq lejn l-UE mill-Ukrajna. Il-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-impatt tal-importazzjonijiet fuq is-swieq tal-UE.

    ·Id-drittijiet mogħtija lit-trasportaturi Ukreni mill-Ftehim irriżultaw f’żieda ta’ madwar 40 % fl-għadd ta’ operazzjonijiet tat-trasport bit-triq mit-trasportaturi Ukreni fit-toroq tal-UE. B’mod aktar preċiż, f’Lulju, f’Awwissu u f’Settembru 2021 saru 106,641 operazzjoni tat-trasport bit-triq mit-trasportaturi Ukreni fit-toroq tal-UE meta mqabbla ma’ 152,534 f’Lulju, f’Awwissu u f’Settembru 2022, li jirrappreżentaw żieda ta’ 43 %.

    ·Il-Ftehim naqqas il-piż b’mod sinifikanti wkoll għall-industrija tat-trasport bit-triq tal-Ukrajna u għall-awtoritajiet tal-Istat fir-rigward tal-formalitajiet amministrattivi relatati mal-ħruġ tal-permessi. Hu ta ukoll perspettiva fuq perjodu medju lil din l-industrija billi ppermetta ippjanar aħjar tal-attività tiegħu.

    ·Il-Ftehim ippermetta li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkollhom aċċess għal sistema għall-verifika tal-liċenzji tas-sewqan, li ttejjeb b’mod sinifikanti l-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni. Għadhom għaddejjin azzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-għodod ta’ verifika għal-liċenzji tas-sewqan diġitali u ċ-ċertifikati ta’ kompetenza professjonali.

    2.3.Il-Kumitat Konġunt

    L-Artikolu 7 tal-Ftehim stabbilixxa Kumitat Konġunt biex jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim u jirrieżamina mill-ġdid perjodikament il-funzjonament tiegħu fid-dawl tal-objettivi tiegħu. Skont dik id-dispożizzjoni, il-Kumitat Konġunt huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’konsensus u huma vinkolanti fuq il-Partijiet.

    Skont l-Artikolu 7(2), il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’, mhux aktar tard minn 3 xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, sabiex jivvaluta u jiddeċiedi l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-Ftehim, u d-durata tiegħu.

    F’konformità mal-Artikolu 7(6) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt irid jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    2.4.L-att previst tal-Kumitat Konġunt fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tiegħu

    Matul l-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kumitat Konġunt irid jadotta deċiżjoni dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, f’konformità mal-Artikolu 7(5) u 7(6) tal-Ftehim. L-iskop tagħhom hu li jsostnu l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Kumitat Konġunt, sabiex jippermettu l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim.

    2.5.L-att previst tal-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-Ftehim

    Matul l-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2025, f’konformità mal-Artikolu 7(2) u 7(5) tal-Ftehim.

    Ir-raġunijiet għall-estensjoni huma diversi:

    L-ewwel nett, il-monitoraġġ tal-Ftehim wera li kellu rwol essenzjali fil-kuntest tal-Korsiji ta’ Solidarjetà, u għalhekk ipprovda għajnuna vitali lill-bdiewa Ukreni u kkontribwixxa wkoll għas-sigurtà tal-ikel globali. Filwaqt li l-portijiet Ukreni tal-Baħar l-Iswed baqgħu mhux disponibbli, il-Ftehim iffaċilita l-esportazzjoni ta’ ċereali, żrieragħ taż-żejt u prodotti relatati Ukreni permezz tat-triq. Minn meta ġiet stabbilita l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali, l-esportazzjoni ta’ ċereali Ukren permezz tat-triq kompliet tiżdied, u b’hekk kompliet tikkomplementa l-esportazzjonijiet permezz tal-Baħar l-Iswed.

    It-tieni, il-Ftehim iffaċilita l-esportazzjoni ta’ prodotti mhux agrikoli Ukreni, mhux koperti mill-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali. Għalhekk għen biex l-ekonomija Ukrena tibqa’ għaddejja.

    It-tielet, il-Ftehim iffaċilita l-esportazzjonijiet tal-UE lejn l-Ukrajna u għalhekk ipprovda benefiċċji lill-UE. Dan ippermetta lill-Ukrajna timporta l-prodotti li teħtieġ mill-UE, b’mod partikolari l-enerġija u l-għajnuna umanitarja tant meħtieġa.

    Ir-raba’, il-Ftehim ma pproduċiex żieda drammatika fl-għadd ta’ operaturi tat-trasport bit-triq Ukreni fit-toroq tal-UE. L-operaturi tat-trasport tal-UE għadhom isibuha bi tqila li jmorru fl-Ukrajna minħabba li t-trasport fit-territorju Ukren ħafna drabi mhuwiex kopert mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni tal-UE u minħabba li x-xufiera tal-UE mhumiex ħerqana li jmorru fl-Ukrajna għal raġunijiet ovvji. Il-Ftehim għalhekk ma joħloqx theddida kompetittiva għall-operaturi tat-trasport tal-UE, u dan x’aktarx mhux se jinbidel matul il-perjodu li għalih qed tiġi proposta l-estensjoni.

    Il-ħames, jenħtieġ li l-Ftehim ifisser ukoll li mal-milja taż-żmien jiffaċilita r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, lil hinn mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra dan il-pajjiż.

    L-estensjoni tal-Ftehim għandha għalhekk tinftiehem bħala tweġiba lill-Kunsill Ewropew li, fil-laqgħa tiegħu tal-20 u l-21 ta’ Ottubru 2022 appella “lill-Unjoni Ewropea ser tkompli ttejjeb l-effiċjenza tal-Korsiji ta’ Solidarjetà kollha” peress li “għamlu possibbli l-esportazzjoni ta’ volumi sinifikanti ta’ għelejjel, prodotti agrikoli u fertilizzanti Ukreni lejn il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn” 2 .

    Il-kontinwazzjoni tal-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2025 hija meħtieġa, minħabba li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-Ftehim oriġinali għadhom jgħoddu, u probabbilment se jdumu jgħoddu għal xi żmien. L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna qiegħda tintensifika, u l-biċċa l-kbira tal-osservaturi jipprevedu li din l-aggressjoni mhux se tintemm fil-futur qarib. Dan ifisser ukoll li t-trasport marittimu mill-Portijiet tal-Baħar l-Iswed jibqa’ fraġli ħafna. L-Inizjattiva tan-NU tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali ġabet soluzzjoni parzjali. Madankollu, l-estensjoni ta’ din l-inizjattiva hija fiha nnifisha inċerta u għalissa, l-ambitu tagħha għadu limitat għall-prodott agroalimentari u l-fertilizzanti. L-operazzjonijiet militari kontinwi fl-Ukrajna fin-naħat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha, u l-qerda assoċjata tal-infrastruttura tat-trasport fiż-żoni relatati, se jibqgħu fattur ta’ limitazzjoni fil-futur prevedibbli, li jimpedixxi l-esportazzjonijiet tal-Ukrajna lejn is-swieq tradizzjonali tagħha.

    Fl-aħħar nett, l-estensjoni tal-Ftehim se tippermetti li jitkompla l-appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni.

    3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

    Għalhekk, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-adozzjoni tal-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuża ma’ din il-proposta.

    4.Bażi ġuridika

    L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

    Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede kkonċernata. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.

    Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq.

    Id-deċiżjoni, li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta, tikkostitwixxi att b’effetti legali. L-ewwel nett, l-att previst dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 7(5) u 6 tal-Ftehim; it-tieni, l-att previst dwar l-estensjoni tad-durata tal-Ftehim se jkun vinkolanti wkoll skont id-dritt internazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 7(2) u (5) tal-Ftehim.

    L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta tal-Kunsill hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

    Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

    L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mat-trasport bit-triq.

    Il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE.

    5.Pubblikazzjoni tal-att previst

    Jixraq li d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.

    2023/0017 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq 3 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat mill-Unjoni u japplika b’mod provviżorju mid-29 ta’ Ġunju 2022.

    (2)L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt biex jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim u jirrieżamina perjodikament il-funzjonament tiegħu fid-dawl tal-objettivi tiegħu.

    (3)Il-Kumitat Konġunt irrid jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    (4)Kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-Ftehim, il-Ftehim għandu japplika sat-30 ta’ Ġunju 2023. Madankollu, il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ wkoll sa mhux aktar tard minn 3 xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, biex jivvaluta u jiddeċiedi l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

    (5)Sabiex kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Ukrajna jkomplu jibbenefikaw mill-effetti pożittivi tal-Ftehim dwar l-iffaċilitar tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn u permezz tal-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea u dwar l-iżgurar ta’ Korsiji ta’ Solidarjetà li jiffunzjonaw tajjeb fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li dan jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2025.

    (6)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati.

    (7)Għalhekk, il-Kumitat Konġunt, irrid jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu u dwar il-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu.

    (8)Għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim, peress li d-deċiżjonijiet tiegħu se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 7 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq (“il-Ftehim”), fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu, għandhom ikunu bbażati fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt kif mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu ma’ tibdiliet minuri fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Id-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4.
    (2)    Il-Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (l-20 u l-21 ta’ Ottubru 2022); il-punt 15; EUCO 31/22 tal-21 ta’ Ottubru 2022.
    (3)    ĠU L 179, 6.7.2022, p.4.
    Top

    Brussell, 1.2.2023

    COM(2023) 46 final

    ANNESS

    proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-pożiizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, fir-rigward tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim


    Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim

    ta’ …

    IL-KUMITAT KONĠUNT,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq 1 iffirmat fid-29 ta’ Ġunju 2022, u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2), (5) u (6) tiegħu,

    Billi:

    (1)Kif stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), il-Ftehim għandu japplika sat-30 ta’ Ġunju 2023.  

    (2)Kif stabbilit fl-Artikolu 7(2) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ mhux iktar tard minn tliet (3) xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim sabiex jivvaluta u jiddeċiedi l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu.

    (3)Il-monitoraġġ tal-Ftehim wera li sar essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-Korsiji ta’ Solidarjetà.

    (4)Għalhekk l-estensjoni tal-Ftehim hija tweġiba għat-talba tal-kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-Unjoni Ewropea lill-Unjoni Ewropea biex “tkompli ttejjeb l-effiċjenza tal-Korsiji ta’ Solidarjetà kollha” peress li “għamlu possibbli l-esportazzjoni ta’ volumi sinifikanti ta’ għelejjel, prodotti agrikoli u fertilizzanti Ukreni lejn il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn” 2 .

    (5)Il-Ftehim kien ukoll pożittiv għall-Unjoni Ewropea peress li ppermetta żieda fl-esportazzjonijiet lejn l-Ukrajna. Min-naħa l-oħra, il-Ftehim wassal biss għal żieda limitata fl-operazzjonijiet mill-operaturi tat-trasport bit-triq Ukreni fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, u ma għolliex il-livell ta’ kompetizzjoni għall-operaturi tat-trasport bit-triq tal-UE b’mod inaċċettabbli.

    (6)Il-ftehim appoġġa wkoll l-azzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri kompetenti għall-kontroll tad-dokumenti tas-sewwieqa rigward il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni.

    (7)Jenħtieġ li l-estensjoni tal-Ftehim tinftiehem bħala kontribut ukoll għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

    (8)Għalhekk jidher xieraq li l-Ftehim jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2025.

    (9)Kif stabbilit fl-Artikolu 7(6) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    (10)Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura kif stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jiġu adottati,

     

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Kontinwazzjoni tal-Ftehim

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq hu b’dan estiż sal-31 ta’ Diċembru 2025.

    Artikolu 2

    Regoli ta’ proċedura

    Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stipulati fl-Anness, huma b’dan adottati.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi ….,

    Għall-Kumitat Konġunt

       Il-Kopresidenti

    ANNESS

    Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt f’konformità mal-Artikolu 7(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq

    Artikolu 1
    Kapijiet tad-delegazzjoni

    1.Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Kull parti għandha taħtar il-Kap u, fejn hu meħtieġ, Viċi Kap tad-delegazzjoni tagħha. Il-Kap tad-Delegazzjoni jista’ jiġi sostitwit mill-Viċi Kap jew minn persuna ddeżinjata għal laqgħa partikolari.

    2.Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut b’rotazzjoni minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tal-Ukrajna. Il-Kap tad-delegazzjoni rilevanti, jew fin-nuqqas tiegħu, il-Viċi Kap jew il-persuna ddeżinjata biex tissostitwixxihom għandhom jaġixxu bħala president.

    Artikolu 2
    Laqgħat

    1.Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ kif u meta jkun meħtieġ. Kwalunkwe Parti tista’ titlob li tissejjaħ laqgħa. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ wkoll sa mhux aktar tard minn 3 xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, sabiex jivvaluta u jiddeċiedi l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 6(2).

    2.Il-Kumitat Konġunt għandu jorganizza laqgħat wiċċ imb wiċċ jew permezz ta’ mezzi oħra (eż. konferenzi telefoniċi jew vidjokonferenzi).

    3.Il-laqgħat għandhom isiru, kemm jista’ jkun, b’mod alternat bejn post fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u fl-Ukrajna sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.

    4.Il-lingwa ta’ ħidma għandha tkun l-Ingliż.

    5.Ladarba l-Partijiet ikunu qablu dwar id-data u l-post tal-laqgħat, il-laqgħat għandhom jissejħu mill-Kummissjoni Ewropea għall-Unjoni Ewropea u mill-Ministeru inkarigat mit-trasport bit-triq għall-Ukrajna.

    6.Sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tiġi abbozzata stqarrija għall-istampa bi ftehim reċiproku fi tmiem il-laqgħa.

    Artikolu 3
    Delegazzjonijiet

    1.Qabel kull laqgħa, il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jinformaw lil xulxin dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tagħhom għal-laqgħa.

    2.Ir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija tat-trasport bit-triq jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat jew partijiet mil-laqgħat bħala osservaturi, jekk il-Kumitat Konġunt ikun jaqbel b’konsensus li jsir hekk.

    3.Jekk ikun hemm qbil dwar dan b’konsensus, il-Kumitat Konġunt jista’ jistieden lil partijiet interessati jew lil esperti oħra biex jattendu l-laqgħat jew partijiet minnhom sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

    4. L-osservaturi ma għandhomx jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt.

    Artikolu 4 
    Segretarjat

    L-uffiċjal tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u l-uffiċjal tal-Ministeru inkarigat mit-trasport bit-triq tal-Ukrajna għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tal-Kumitat Konġunt.

    Artikolu 5
    Aġenda tal-laqgħat

    1.Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jistabbilixxu l-aġenda proviżorja ta’ kull laqgħa bi ftehim reċiproku. L-aġenda proviżorja għandha tintbagħat mis-segretarji lill-membri tad-delegazzjonijiet mhux iktar tard minn 15-il jum qabel id-data tal-laqgħa.

    2.Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħra minbarra dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiġu inklużi fl-aġenda jekk il-Kumitat Konġunt jaqbel li jsir hekk.

    3.Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limitu ta’ żmien speċifikat fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu r-rekwiżiti jew l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.

    Artikolu 6
    Minuti

    1.Wara kull laqgħa, tal-Kumitat Konġunt għandhom jitfasslu abbozzi tal-Minuti ta’ kull laqgħa. Dawn għandhom jindikaw il-punti diskussi u d-deċiżjonijiet adottati.

    2.Fi żmien xahar wara l-laqgħa, l-abbozz tal-Minuti għandu jintbagħat mill-Kap tad-Delegazzjoni ospitanti lill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor, permezz tas-segretarji tal-Kumitat Konġunt, għall-approvazzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub.

    3.Meta jiġu approvati, il-Minuti għandhom jiġu ffirmati f’duplikati mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni u għandha tiġi ppreżentata kopja oriġinali waħda minn kull waħda mill-Partijiet. Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni jistgħu jiddeċiedu li l-iffirmar u l-iskambju ta’ kopji elettroniċi jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

    4.Il-Minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu pubbliċi sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor minn waħda mill-Partijiet.

    Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limitu ta’ żmien speċifikat fil-paragrafu 2 u jaqblu dwar data fir-rigward tal-approvazzjoni speċifikata fil-paragrafu 3 sabiex jitqiesu r-rekwiżiti jew l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.

    Artikolu 7
    Proċedura bil-miktub

    Fejn meħtieġ u debitament motivat, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub, f’konformità mal-Artikolu 7(5) tal-Ftehim. Għal dak il-għan, il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jiskambjaw l-abbozz tal-miżuri li dwarhom tintalab d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, li mbagħad jistgħu jiġu kkonfermati permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza. Madankollu, il-Partijiet jistgħu jitolbu li l-Kumitat Konġunt jitlaqqa’ biex tiġi diskussa l-kwistjoni.

    Artikolu 8
    Deliberazzjonijiet

    1.Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ konsensus tal-Partijiet.

    2.Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandu jkollhom it-titolu “Deċiżjoni” segwit b’numru tas-serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

    3.Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ffirmati mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni u għandhom jiġu mehmuża mal-Minuti.

    4.Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt għandhom jiġu implimentati mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom stess.

    5.Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu ppubblikati mill-Partijiet fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali rispettivi tagħhom. Kopja oriġinali waħda tad-deċiżjonijiet għandha tintbagħat minn kull waħda mill-Partijiet.

    Artikolu 9
    Gruppi ta’ Ħidma

    1.Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma biex jassistu lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq ta’ dmirijietu. It-termini ta’ referenza għal grupp ta’ ħidma għandhom jiġu approvati mill-Kumitat Konġunt f’konformità mal-Artikolu 7(5) tal-Ftehim u għandhom jiġu inklużi f’Anness tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-grupp ta’ ħidma.

    2.Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-Partijiet.

    3.Il-grupp ta’ ħidma għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt u għandhom jipprovdulu rapport wara kull laqgħa li jkollhom. Dawn ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet iżda jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.

    4.Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jabolixxi gruppi ta’ ħidma eżistenti, li jimmodifika t-termini ta’ referenza tagħhom jew li jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma ġodda biex jgħinuh fit-twettiq ta’ dmirijietu.

    Artikolu 10
    Spejjeż

    1.Kull waħda mill-Partijiet għandha tħallas l-ispejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta’ ħidma, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tan-nefqa ta’ sussistenza kif ukoll tal-kostijiet tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

    2.Kwalunkwe nefqa oħra relatata mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

    Artikolu 11
    Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

    Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jemenda dawn ir-Regoli ta’ Proċedura permezz ta’ deċiżjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 7(5) ta’ dan il-Ftehim.

    (1)    ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4.
    (2)    Il-Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta’ Ottubru 2022, punt 15 (EUCO 31/22, 21.10.2022).
    Top