This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023IR4650
Opinion of the European Committee of the Regions – Improving the social inclusion of children by implementing the European Child Guarantee at local and regional level (Own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Inżidu l-inklużjoni soċjali tat-tfal permezz tal-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal fil-livell lokali u reġjonali (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Inżidu l-inklużjoni soċjali tat-tfal permezz tal-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal fil-livell lokali u reġjonali (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
COR 2023/04650
ĠU C, C/2024/3669, 26.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3669/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
C/2024/3669 |
26.6.2024 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Inżidu l-inklużjoni soċjali tat-tfal permezz tal-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal fil-livell lokali u reġjonali
(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(C/2024/3669)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),
Kummenti introduttorji
1. |
jinnota bi tħassib kif il-faqar fost it-tfal jirrappreżenta waħda mill-aktar sfidi soċjali serji ta’ żminijietna. Madwar 20 % tal-popolazzjoni tal-UE huma tfal, li 25 % minnhom jgħixu f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali. Għalhekk, it-tfal jirrappreżentaw l-aktar grupp vulnerabbli fejn il-faqar u l-esklużjoni soċjali huma l-aktar prevalenti. Din il-kundizzjoni ggravat minħabba l-impatti ekonomiċi tal-pandemija u taż-żieda fl-għoli tal-ħajja; |
2. |
jinnota li l-faqar fl-Ewropa huwa għalhekk marbut mill-qrib mal-età u mal-kompożizzjoni tal-familja, bi sfidi, gruppi vulnerabbli u indikaturi li jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE; jitlob fi kwalunkwe każ għal attenzjoni speċjali biex jiġu appoġġjati politiki għall-familji bit-tfal u azzjoni konċertata biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tat-tnaqqis tal-faqar stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; |
3. |
jikkonferma d-differenza sinifikanti fir-rati tal-faqar fost it-tfal madwar l-Istati Membri, waqt li jindika l-kumplessità tal-isfidi ffaċċjati f’kuntesti reġjonali u urbani differenti, b’hekk jindika l-ħtieġa ta’ rispons politiku olistiku u varjat. Jinnota wkoll, kif ikkonfermat mill-aħħar Report Card 18 tal-UNICEF, li l-ġid nazzjonali ta’ pajjiż ma jiggarantixxix rati baxxi ta’ faqar fost it-tfal u li, għall-kuntrarju, uħud mill-pajjiżi l-aktar sinjuri raw żieda sinifikanti fil-faqar fost it-tfal f’dawn l-aħħar 10 snin; |
4. |
jixtieq jesprimi l-apprezzament tiegħu għaż-żieda fl-investiment soċjali fl-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari għall-isforzi biex tiġi promossa l-kostruzzjoni ta’ crèches u servizzi għall-indukrar tat-tfal madwar l-UE kollha. Dawn l-investimenti mhux biss itejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, iżda għandhom ukoll impatt pożittiv fuq l-ekonomija, jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi, l-appoġġ għall-paternità u t-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn il-ġeneri; |
5. |
jindika r-riskju reali li ma tintlaħaqx il-mira tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li l-faqar fost it-tfal jitnaqqas b’ħames miljun tifel u tifla fl-Ewropa. Jitlob, fl-aħħar nett, reviżjoni tar-regoli tat-taxxa sabiex jiġi stimulat l-investiment meħtieġ biex jiġu appoġġjati l-familji u t-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ prekarjetà; |
6. |
jenfasizza l-importanza strateġika tal-investiment fl-ewwel snin tal-ħajja tal-persuna, b’mod partikolari fl-ewwel 1 000 jum tal-ħajja, sabiex jitqiegħdu l-pedamenti għall-iżvilupp ta’ individwi f’saħħithom u soċjetajiet prosperi, u li dan jenħtieġ li l-UE u l-Istati Membri jipprovdu finanzjament u leġiżlazzjoni adegwati. Għalhekk, l-indukrar tat-tfal ma huwiex spiża iżda investiment, jiġifieri azzjoni strateġika li tiżgura żvilupp aħjar għas-soċjetà kollha kemm hi u biex jinħolqu opportunitajiet indaqs għal kulħadd, waqt li jitnaqqas id-distakk edukattiv bejn it-tfal minn familji b’livelli differenti ta’ introjtu u jiġu promossi opportunitajiet edukattivi ugwali minn età bikrija; |
7. |
jenfasizza wkoll li l-miżuri għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal, b’mod partikolari l-aċċess għal servizzi ta’ edukazzjoni u ta’ kura bikrija tat-tfal, huma essenzjali wkoll biex jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri u jgħinu biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, li spiss tiġi mxekkla minn appoġġ insuffiċjenti għall-indukrar tat-tfal; |
8. |
ifakkar f’sitwazzjonijiet ta’ tħassib partikolari f’kuntesti ta’ emerġenza. Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu gwerer li għandhom impatt dirett fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-Istati Membri, bħall-kriżijiet tal-Ukrajna u tal-Lvant Nofsani. Huma jesponu aktar lit-tfal għal riskji ta’ abbuż, sfruttament u privazzjoni ta’ kura bażika, u jagħmlu l-miżuri mmirati u ffinanzjati kif xieraq saħansitra aktar urġenti; |
9. |
fost il-miżuri stabbiliti mill-Ewropa fil-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali, ifakkar b’mod partikolari fil-Garanzija Ewropea għat-Tfal, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropew adottata fl-14 ta’ Ġunju 2021, li għandha bħala l-objettiv ewlieni tagħha l-espansjoni tal-aċċess għat-tfal fil-bżonn għal servizzi bażiċi bħall-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni adegwata, in-nutrizzjoni tajba għas-saħħau l-kura tas-saħħa, għal approċċ olistiku biex jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal; |
10. |
jilqa’ kemm il-Fażi III tal-Azzjoni Preparatorja għall-Garanzija għat-Tfal (imwettqa b’appoġġ u assistenza teknika mill-UNICEF) kif ukoll il-preżentazzjoni mill-Istati Membri kollha tal-pjani ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom tal-garanzija għat-tfal. Filwaqt li l-pjani jvarjaw ħafna, ir-rwol ewlieni tal-korpi lokali huwa denominatur komuni. Il-livell lokali mhux biss huwa kruċjali fil-ġestjoni ta’ ħafna servizzi essenzjali, bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal jew il-kura soċjali u tas-saħħa, kif ukoll fil-kejl tal-objettivi, l-ipproċessar u l-ġbir tad-data, l-iskambju ta’ prattiki tajba, il-monitoraġġ tal-progress, iżda wkoll biex jiżgura l-involviment tat-tfal u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika; |
11. |
jesprimi dispjaċir għall-fatt li xi Stati Membri ppreżentaw il-pjan nazzjonali tagħhom kważi sentejn wara l-iskadenza oriġinali, u li fi Stati Membri oħra l-preżentazzjoni tal-pjan ma segwietx l-implimentazzjoni u l-miżuri ta’ implimentazzjoni konkreti. Jittama wkoll li, flimkien mal-istituzzjonijiet Ewropej, l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jieħdu passi fil-konfront tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-pjani, u jappella għal monitoraġġ effettiv u deċiżiv mill-Kummissjoni Ewropea tal-implimentazzjoni tal-politiki marbuta mal-Garanzija għat-Tfal, u b’mod partikolari l-użu effettiv u konsistenti tal-fondi ddedikati għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal fl-ambitu tal-FSE+; |
12. |
jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea, fid-dawl tal-impatt kbir tal-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna fuq it-tfal u l-familji, iżżid is-sehem tal-FSE+ iddedikat għall-inizjattiva u tkompli tiffinanzja pakketti ta’ appoġġ għat-tfal f’ambjenti ta’ emerġenza, b’mod partikolari billi tappoġġja lill-awtoritajiet lokali fil-ġestjoni tal-kriżijiet. |
Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fl-indirizzar tal-faqar fost it-tfal u fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal
13. |
iqis li, fid-dawl tal-monitoraġġ biennali ppjanat mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali tal-garanzija għat-tfal (Marzu 2024) , l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jiżguraw li l-Istati Membri jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompitu ewlieni li jinvestu fit-tfal, u jistgħu jiffukaw fuq il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali ta’ garanzija għat-tfal u r-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin; |
14. |
jirrikonoxxi r-rwol strateġiku tal-awtoritajiet lokali fil-fehim tal-ispeċifiċitajiet lokali li jikkawżaw il-faqar fost it-tfal fil-komunitajiet tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ Pjani ta’ Azzjoni ta’ Garanzija għat-Tfal lokali u reġjonali li jqisu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull reġjun u komunità, jippromovu l-inklużjoni soċjali tat-tfal u jimmiraw lejn il-forniment ta’ pakkett minimu ta’ servizzi essenzjali li għandhom jiġu pprovduti lit-tfal u l-bniet l-aktar vulnerabbli, inklużi l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-ikliet fl-iskejjel, il-kura soċjali u s-saħħa; |
15. |
jemmen li l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal teħtieġ fehim tal-kawżi tagħha, li huma kumplessi u varjati, u għalhekk l-intervent għandu jiġi organizzat fuq diversi livelli ta’ azzjoni, li jmorru lil hinn mill-kuntest lokali. Għalhekk huwa essenzjali li jkun hemm data dettaljata dwar l-inċidenza tal-faqar f’territorji differenti, kemm sabiex jiġu allokati r-riżorsi u l-appoġġ kif ukoll sabiex jiġu implimentati l-istrateġiji ta’ intervent tal-UE; |
16. |
jappoġġja mudell ta’ governanza f’diversi livelli u deċentralizzat, li jqis il-prinċipju tas-sussidjarjetà u jirrispetta l-kompetenzi fil-livell nazzjonali, li jipprevedi rwol dejjem aktar attiv u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għall-awtoritajiet lokali fil-ġestjoni tar-riżorsi u l-ippjanar ta’ politiki soċjali, tas-saħħa u edukattivi effettivi, speċjalment b’rispons dirett għall-ħtiġijiet tat-tfal; |
17. |
jappella għall-promozzjoni ta’ kollaborazzjonijiet u sħubijiet, inklużi s-sħubijiet pubbliċi-privati taħt is-sorveljanza ta’ korp pubblikament responsabbli, fil-livell lokali għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi, bl-għan li dawn is-servizzi jsiru aktar aċċessibbli u allinjati aħjar mal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni tat-tfal, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti taħriġ u appoġġ kontinwu lill-persunal tal-awtoritajiet lokali sabiex jittejbu l-ħiliet u l-effiċjenza fl-implimentazzjoni ta’ programmi ddedikati għat-tfal; |
18. |
jitlob li l-aċċess dirett tal-awtoritajiet lokali għall-fondi Ewropej għat-tfal jiġi ffaċilitat permezz ta’ proċeduri ssemplifikati u anqas piżijiet amministrattivi, u jirrikonoxxi l-importanza tal-involviment lokali fl-għażliet tal-infiq u fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi, b’referenza partikolari għall-Fond Soċjali Ewropew+ iżda wkoll għall-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku u Next Generation EU; |
19. |
jitlob li tingħata aktar assistenza teknika lill-awtoritajiet lokali dwar il-politiki tal-kura tat-tfal, kemm permezz tal-iskambju ta’ prattiki tajba lokali u reġjonali kif ukoll permezz ta’ attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċitajiet u ta’ monitoraġġ. L-assistenza teknika tista’ tiġi ffinanzjata permezz tal-Fond Soċjali Ewropew u għandu jkollha bħala l-objettiv primarju tagħha n-networking tal-aħjar prattiki Ewropej, “disponibbli” għall-awtoritajiet lokali u r-reġjuni b’anqas ħiliet u kompetenzi, iżda wkoll ir-rieda li jinvestu riżorsi fil-politiki tal-kura tat-tfal, b’mod partikolari l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal; |
20. |
jitlob attenzjoni kontinwa u koordinazzjoni akbar mill-programmi Ewropej u nazzjonali biex isir investiment fl-iżvilupp u t-titjib ta’ servizzi għat-tfal fiż-żoni interni tar-reġjuni, u b’mod partikolari fiż-żoni b’riskju ogħla ta’ depopolazzjoni; |
L-isfidi u l-azzjonijiet ewlenin
21. |
fost id-diversi servizzi msemmija fil-Garanzija Ewropea għat-Tfal, jixtieq jiffoka fuq dawk ġestiti direttament mill-awtoritajiet lokali, bħall-kura u l-indukrar tat-tfal u l-iskejjel preprimarji (f’xi Stati Membri integrati direttament fis-sistema edukattiva), in-nutrizzjoni u s-saħħa. L-objettiv li jinħoloq pakkett ta’ servizzi essenzjali minimi mill-awtoritajiet lokali – garantiti, universali u mingħajr ħlas, li jinkludu l-indukrar tat-tfal, kantin tal-iskola affordabbli, mingħajr ħlas u ta’ kwalità għolja għal tfal minn ambjenti żvantaġġati u sistema tas-saħħa adegwata – huwa meqjus bħala l-aħjar mod biex jingħataw opportunitajiet indaqs għat-tfal residenti fl-Ewropa, u fl-istess ħin jinnota l-implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti ta’ dawn is-servizzi; |
22. |
iqis li huma strateġiċi b’mod partikolari l-investimenti mmirati biex iżidu l-offerta ta’ servizzi edukattivi, sabiex din tkun mingħajr ħlas (jew fejn dan ma jkunx possibbli, bi prezzijiet affordabbli) għat-tfal kollha residenti fl-Ewropa sabiex tintlaħaq il-mira ta’ Barċellona (jiġifieri 50 % ta’ kopertura pubblika sal-2030), u b’hekk jitnaqqsu b’mod partikolari l-inugwaljanzi fl-aċċess, b’attenzjoni partikolari għat-tfal l-aktar vulnerabbli, bl-għan li jiġi indirizzat il-faqar fl-edukazzjoni; |
23. |
iqis li huwa ta’ prijorità li tiġi ggarantita alimentazzjoni tajba għas-saħħa, adegwata u ta’ kwalità permezz ta’ aċċess universali għall-ikliet tal-iskola għat-tfal kollha residenti fl-Ewropa, u li l-ikel tal-iskola affordabbli (mingħajr ħlas għat-tfal li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati) jiġi rikonoxxut bħala dritt fundamentali u universali fl-istabbilimenti edukattivi kollha għall-grupp ta’ età bejn 0 u 6 snin u fl-iskejjel primarji (6-11-il sena); |
24. |
iqis li huwa kruċjali li jiżdied l-investiment immirat biex jappoġġja s-saħħa fiżika u mentali tat-tfal, bi programmi li jmorru lil hinn mill-qasam tas-saħħa, inklużi l-attivitajiet sportivi u ta’ divertiment, b’mod partikolari dawk aċċessibbli għal tfal b’diżabilità; |
25. |
fil-qasam tas-saħħa, iqis li l-adozzjoni ta’ approċċi inklużivi u mmirati hija prijorità biex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw it-tfal u l-familji b’diżabilità. Is-servizzi, l-appoġġ tal-familja, il-parteċipazzjoni u t-taħriġ iridu jkunu aċċessibbli b’mod partikolari għall-bniet u s-subien b’diżabilità u għall-awtoritajiet lokali li qed dejjem aktar jintalbu jintervjenu u li spiss ma jkollhomx l-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex jiggarantixxu d-drittijiet essenzjali; |
26. |
jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi u appoġġjati ċerti kategoriji speċifiċi, bħal tfal mingħajr status legali, tfal minn minoranzi, jew tfal mingħajr residenza fissa, tfal li jinsabu f’faċilitajiet ta’ kura alternattiva, tfal b’diżabilità jew tfal refuġjati, tfal bi sfond ta’ migrazzjoni, iżda wkoll miżuri mmirati għal tfal vulnerabbli f’ambjenti transfruntiera u appoġġ għall-awtoritajiet lokali fil-koordinazzjoni tas-servizzi ta’ akkoljenza għat-tfal refuġjati. |
Il-parteċipazzjoni u l-involviment
27. |
jitlob li jissaħħu l-għodod għall-parteċipazzjoni tat-tfal u tal-pubbliku ġenerali sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal u l-parteċipazzjoni inklużiva tat-tfal u ż-żgħażagħ fil-ħajja tal-komunità u fit-tfassil tal-politiki għat-tfal. Huwa għalhekk li għandu jissaħħaħ id-djalogu usa’ bejn l-awtoritajiet lokali, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, is-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tat-tfal u taż-żgħażagħ biex jiġi żgurat li l-vuċi tat-tfal tingħata widen fl-istadji kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom; |
28. |
jappoġġja l-proposta tal-Parlament Ewropew biex tiġi stabbilita Kapitali Ewropea tat-Tfal, fuq il-mudell tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, b’enfasi speċifika fuq it-tfal, id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom għall-parteċipazzjoni demokratika, u jirrikonoxxi l-importanza tal-promozzjoni tad-drittijiet u l-benesseri tat-tfal fil-livelli lokali u reġjonali u jirrikonoxxi s-suċċess ta’ inizjattivi bħall-Kapitali Ewropea tal-Kultura biex irawmu l-iskambju u l-iżvilupp kulturali; |
29. |
jenfasizza l-ħtieġa li jiġu organizzati kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika u inizjattivi edukattivi dwar id-drittijiet tat-tfal, bl-appoġġ finanzjarju u loġistiku mill-UE, u b’aktar sforzi u strateġiji ta’ komunikazzjoni; |
30. |
jirrikonoxxi l-komplementarjetà bejn il-Garanzija Ewropea għat-Tfal u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw koerenza u sinerġiji bejn il-politiki kontra l-faqar u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, li jkopru l-medda kollha tal-ħajja minn tfal sa adulti; |
31. |
jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fl-implimentazzjoni u l-attwazzjoni tal-pjani ta’ azzjoni nazzjonali. Il-pjani lokali tal-garanzija għat-tfal għandhom jiġu appoġġjati minn sħubijiet lokali b’saħħithom li jinkludu l-awtoritajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi flimkien ma’ atturi oħra tal-komunità lokali, inklużi l-ġenituri, l-iskejjel u l-atturi tas-settur privat; |
32. |
iqis li hija essenzjali l-parteċipazzjoni tal-atturi lokali, inkluż fil-fażi ta’ analiżi u ta’ monitoraġġ tal-ħtiġijiet, peress li l-istħarriġ dwar il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali u l-kwalità tal-ħajja fil-livell nazzjonali u reġjonali jista’ ma jipprovdix data komprensiva dwar il-fenomenu fil-livell lokali, inkluż minħabba kampjuni li xi kultant ikunu ta’ daqs limitat; |
33. |
jenfasizza, bil-għan ta’ monitoraġġ aktar effettiv, il-ħtieġa li jiġi ppubblikat aġġornament kontinwu mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri dwar il-ħidma u r-riżultati tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS) u s-Sottogrupp tal-Indikaturi tiegħu, fir-rigward tad-definizzjoni ta’ indikaturi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, li huma relatati b’mod partikolari mal-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal. |
Brussell, 18 ta’ April 2024
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Vasco ALVES CORDEIRO
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3669/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)