EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IR1537

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-mentoraġġ: għodda b’saħħitha u konkreta għall-Ewropa ta’ għada”

COR 2023/01537

ĠU C, C/2023/1325, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1325/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1325/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/1325

22.12.2023

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Il-mentoraġġ: għodda b’saħħitha u konkreta għall-Ewropa ta’ għada”

(C/2023/1325)

Relatur:

Anne RUDISUHLI (FR/Renew Europe)

Kunsilliera tad-Dipartiment ta’ Bouches-du-Rhône

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

I.   INTRODUZZJONI

1.

ifakkar li l-għan tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet huwa li tipprovdi l-mezzi biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet il-ġodda li jirriżultaw mit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, tappoġġja l-innovazzjoni u l-kompetittività, tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet fl-UE u trawwem mentalità ta’ titjib tal-ħiliet (1) u ta’ tagħlim tul il-ħajja; jenfasizza li s-Sena ser tippermetti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu appoġġjati fl-isforzi tagħhom biex jimplimentaw politiki adatti dwar l-impjieg u l-edukazzjoni;

2.

jirrimarka li l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi persistenti fl-Unjoni Ewropea għandhom impatt negattiv fuq l-ekonomija, il-koeżjoni soċjali u l-istabilità politika tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha;

3.

jenfasizza li aktar minn tliet kwarti tal-kumpaniji tal-UE jirrapportaw diffikultajiet biex isibu ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa, filwaqt li 37 % biss tal-adulti jattendu t-taħriġ b’mod regolari (2);

4.

jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet għall-popolazzjoni Ewropea, u l-ħtieġa urġenti li jissaħħu d-direzzjoni tal-karriera, l-impjegabbiltà, ir-reżiljenza u l-involviment soċjali tagħhom sabiex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni Ewropea;

5.

jirrimarka li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jimplimentaw politiki innovattivi u inklużivi, billi jirrikonoxxu l-ħiliet formali u informali, sabiex ikun hemm edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja, u li jipprovdu appoġġ skont il-ħtiġijiet sabiex jitjiebu l-prospetti ta’ impjieg (3);

6.

iwissi dwar id-disparitajiet territorjali fl-impjieg u l-ispariġġ tal-ħiliet fl-UE, speċjalment fost iż-żgħażagħ, b’xi reġjuni u bliet b’rati ta’ qgħad ogħla mill-medja u/jew li jbatu minn eżodu konsiderevoli ta’ mħuħ;

II.   IL-MENTORAĠĠ BĦALA GĦODDA B’SAĦĦITHA BIEX TIĠI INDIRIZZATA L-INUGWALJANZA

7.

jinnota li l-mentoraġġ ġeneralment jitqies bħala relazzjoni interpersonali ta’ akkumpanjament u appoġġ ibbażata fuq it-tagħlim reċiproku, bil-għan li titrawwem l-awtonomija tal-mentees permezz ta’ objettivi li huma adattati għall-ħtiġijiet tagħhom, u b’hekk ikunu jistgħu jiksbu ħiliet u għarfien u jsaħħu l-prospetti tagħhom;

8.

jiġbed l-attenzjoni għall-effetti pożittivi tiegħu fir-rigward tar-responsabbilizzazzjoni personali u professjonali u l-impenn ċiviku (inkluż għal individwi u komunitajiet emarġinati), li huma fatturi ewlenin għall-koeżjoni soċjali, għall-promozzjoni tal-mobilità soċjali u għall-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti;

9.

jilqa’ l-fatt li, fi Franza, il-mentoraġġ naqqas ir-riskju ta’ tluq bikri matul l-ewwel sena tal-edukazzjoni terzjarja bi 30 % u żied bi 18 % iċ-ċansijiet li wieħed isib xogħol fi żmien sitt xhur wara li jintemmu l-istudji (4); jindika li l-ħolqien ta’ grupp nazzjonali ta’ assoċjazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-mentoraġġ wassal biex f’sentejn in-numru ta’ pari mentor/mentee żdied minn 30 000 għal 200 000;

10.

jilqa’ kemm id-deċiżjoni tal-Gvern Franċiż li jindirizza l-mentoraġġ bħala waħda mill-kwistjonijiet nazzjonali ewlenin kif ukoll l-organizzazzjoni tas-Summit Ewropew dwar il-Mentoraġġ f’Pariġi fl-2024;

11.

jilqa’ l-inizjattiva reġjonali tal-Gvern ta’ Navarra fi Spanja biex jappoġġja l-ekonomija soċjali u solidali permezz ta’ skema ta’ mentoraġġ għall-intraprendituri soċjali; jenfasizza li dan il-pjan jikkontribwixxi biex il-kumpaniji li għandhom impatt fuq is-soċjetà u l-ambjent jiġu kkonsolidati u ttrasformati, u jikbru;

12.

jinnota li fl-Italja, studju juri li l-professjonisti żgħażagħ li bbenefikaw minn mentoraġġ għandhom rata ta’ suċċess ogħla fil-karrieri tagħhom u huwa aktar probabbli li jiksbu pożizzjoni ta’ responsabbiltà, meta mqabbla ma’ dawk li ma rċevewx dat-tip ta’ appoġġ (5);

13.

jargumenta li, b’mod ġenerali, il-mentoraġġ huwa għodda effettiva biex jissaħħu l-ħiliet, biex l-individwi jkollhom fiduċja fihom infushom u jkunu mmotivati, u jgħin biex jingħelbu l-ostakli għall-impjieg, għas-suċċess professjonali u għall-integrazzjoni;

14.

jirrimarka li l-użu tal-mentoraġġ għadu frammentat wisq fl-Unjoni Ewropea, b’disparitajiet sinifikanti bejn il-pajjiżi u r-reġjuni;

15.

jenfasizza li minkejja l-mod li bih jitwettaq il-mentoraġġ jista’ jvarja skont il-pajjiżi u l-kulturi fl-Ewropa, l-għan tiegħu huwa li jtejjeb il-ħiliet u li jiġġieled kontra l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi, kif ukoll dawk relatati mat-twelid, it-territorju, l-etniċità, il-ġeneru u oħrajn; jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq definizzjoni u qafas Ewropej komprensivi għall-mentoraġġ;

16.

jappoġġja l-idea li jiġu standardizzati l-prattiki sabiex jiġi żgurat mentoraġġ ta’ kwalità għolja fir-reġjuni u l-bliet, bil-għan li dan isir aktar mifrux fl-Unjoni Ewropea;

17.

jenfasizza li hemm bżonn li jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet ta’ mentoraġġ biex tinħoloq kultura Ewropea ta’ mentoraġġ;

III.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

A)    Punti ġenerali

18.

jipproponi din id-definizzjoni ġenerali tal-mentoraġġ: il-mentoraġġ huwa proċess li jinvolvi t-trasferiment tal-għarfien, il-ħiliet u l-għerf li jappoġġja l-iżvilupp individwali, edukattiv u professjonali kif ukoll iħeġġeġ l-inklużjoni soċjali, is-solidarjetà u t-tolleranza. Għandu rwol essenzjali fl-istabbiliment ta’ rabtiet bejn il-kulturi, il-ġenerazzjonijiet u s-soċjetajiet, u joħloq pjattaforma għall-iskambju interġenerazzjonali u interkulturali. Jippermetti lill-mentors jiżviluppaw ħiliet formali u informali u jsaħħaħ l-involviment ċiviku tagħhom. Il-parteċipanti involuti fi proċess ta’ mentoraġġ għandhom l-opportunità li jiskambjaw l-għarfien, l-esperjenzi u l-perspettivi tagħhom, u b’hekk joħolqu ambjent ta’ tagħlim dinamiku u li jarrikkixxi ħajjet dawk kollha involuti. Il-mentor, li jkun diġà għadda minn esperjenza simili, jipprovdi rikonoxximent, iservi bħala mudell ta’ referenza, u joffri inkoraġġiment u attenzjoni personali għall-aspirazzjonijiet personali, professjonali jew akkademiċi tal-mentee;

19.

huwa konvint li l-mentoraġġ jaħdem b’mod komparabbli għal diversi suġġetti, gruppi fil-mira, objettivi u organizzazzjonijiet differenti minkejja d-differenzi fil-kuntest kulturali, tradizzjonali u legali tal-Istati Membri;

20.

jirrikonoxxi li l-programmi ta’ mentoraġġ jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Unjoni Ewropea, bħall-involviment fil-ħajja demokratika, il-kisba ta’ ekonomija aktar kompetittiva u sostenibbli u ta’ soċjetà aktar inklużiva u kif ukoll il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi;

21.

jappella biex il-programmi ta’ mentoraġġ jiġu integrati fil-programmi edukattivi u ta’ taħriġ, u li dawn jiġu promossi permezz ta’ inizjattivi Ewropej u nazzjonali biex itejbu l-aċċessibbiltà u r-rilevanza tagħhom;

22.

jitlob ukoll li jiġu rikonoxxuti u appoġġjati l-programmi ta’ mentoraġġ li jilħqu lill-persuni li bħalissa jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET), fil-ħabsijiet jew li b’xi mod ieħor huma vulnerabbli, sabiex jgħinuhom jintegraw (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol;

23.

huwa favur li jinħoloq network Ewropew ta’ mentorġġ, responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ laqgħat, konferenzi, workshops u korsijiet ta’ taħriġ online għall-iskambju tal-aħjar prattiki;

24.

jappella biex tinħoloq tikketta ta’ kwalità għall-mentoraġġ, biex jiġu żgurati l-professjonaliżmu, il-prestazzjoni u l-effettività tal-programmi fl-Unjoni Ewropea kollha, f’konformità mar-regoli legali fis-seħħ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi reġistru pubbliku ta’ inizjattivi ta’ mentoraġġ li ngħataw it-tikketta Ewropea, biex b’hekk tingħata viżibbiltà u rikonoxximent akbar lill-programmi ta’ mentoring ta’ kwalità tajba fl-Ewropa;

25.

jappella biex tinħoloq tikketta Ewropea ta’ mentoraġġ, li tikkontribwixxi biex jinħolqu standards ta’ kwalità, imsejsa fuq it-trasparenza u l-aderenza ma’ kodiċi ta’ etika, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja tal-benefiċjarji u tal-imsieħba potenzjali fil-proċess, abbażi tal-kriterji li ġejjin:

l-esperjenza, it-taħriġ u l-ħiliet tal-mentors;

il-kompatibbiltà tar-relazzjoni tal-mentoraġġ;

it-trasparenza;

l-aderenza mal-linji gwida etiċi;

l-ippjanar tal-programmi;

l-attendenza regolari;

il-kunfidenzjalità,

il-valutazzjoni tal-impatt;

26.

jappella sabiex l-organizzazzjonijiet tat-taħriġ u tal-apprendistat, inklużi l-universitajiet u l-universitajiet tax-xjenzi applikati jirrikonoxxu r-rwol tal-mentors biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ kurrikuli universitarji u l-ħolqien ta’ ambjent abilitanti għall-iżvilupp personali u professjonali tal-istudenti;

27.

jappella biex jiġu rikonoxxuti u promossi l-ħiliet formali, informali u trasversali miksuba mill-mentors, bħall-komunikazzjoni, is-soluzzjoni tal-problemi, il-kollaborazzjoni u l-empatija, inkluż fil-kumpaniji;

28.

jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-kontinwità tal-finanzjament Ewropew, tal-istat u dak tal-awtorità lokali u reġjonali permezz ta’ ftehimiet pluriennali, sabiex jiġu żgurati l-iżvilupp u l-ġestjoni effettiva tal-programmi ta’ mentoraġġ. Huwa kruċjali li l-finanzjament u s-“sjieda” tal-programmi ta’ mentoraġġ ikunu ankrati lokalment (meta jkun possibbli), biex tiġi evitata l-interruzzjoni tal-programmi f’każ li jintemm il-finanzjament estern;

29.

jirrakkomanda li l-fondi eżistenti tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew (FSE), jintużaw b’mod strateġiku biex jappoġġjaw inizjattivi ta’ mentoraġġ, b’enfasi fuq ir-reġjuni u l-gruppi żvantaġġati li jistgħu jibbenefikaw l-aktar minn din il-prattika;

30.

iħeġġeġ lill-kumpaniji u lill-assoċjazzjonijiet privati oħra jippermettu ekosistema ta’ mentoraġġ ta’ appoġġ permezz ta’ programmi ta’ sponsorizzazzjoni, komunitajiet ta’ mentoraġġ u networks biex jippermettu li jinħolqu mentors fost l-impjegati tagħhom;

31.

jilqa’ l-appoġġ kollu espress mill-membri tal-Parlament Ewropew. Jappella fl-istess ħin għal inizjattivi konkreti mill-Parlament Ewropew biex jissaħħaħ ir-rikonoxximent tal-mentoraġġ bħala mezz biex tinħoloq bidla sistemika u soċjetà aktar inklużiva u jinsab lest li jikkontribwixxi b’esperjenza fil-prattika;

B)    Perspettivi lokali u reġjonali għall-iżvilupp tal-mentoraġġ

32.

jenfasizza r-rwol ċentrali tal-bliet u r-reġjuni biex imexxu programmi ta’ mentoraġġ, jiżguraw implimentazzjoni adattata għall-ħtiġijiet lokali tal-popolazzjoni u jindirizzaw b’mod adegwat it-talbiet u l-ispeċifiċitajiet lokali;

33.

jistieen lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu network inklużiv, ekwu u aċċessibbli ta’ mentoraġġ kif ukoll opportunitajiet ta’ mentoraġġ;

34.

jistiden lir-reġjuni Ewropej jikkooperaw u jiskambjaw l-esperjenzi u l-għarfien fil-qasam tal-mentoraġġ, u b’hekk jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’ sħubijiet transnazzjonali biex irawmu t-tagħlim reċiproku u t-tixrid tal-aħjar prattiki;

35.

jissġġerixxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu sħubijiet mal-universitajiet, l-iskejjel, l-organizzazzjonijiet ta’ mentoraġġ, in-negozji u korpi oħra sabiex joħolqu ekosistema kollaborattiva u ta’ appoġġ li tippromovi l-benefiċċji tal-mentoraġġ, u jħeġġeġ l-implimentazzjoni mifruxa tagħha fil-kuntest lokali;

C)    Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri

36.

jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu politiki nazzjonali biex jippromovu programmi ta’ mentoraġġ effettivi, aċċessibbli u inklużivi; jinnota li l-għan ta’ dawn il-programmi għandu jkun li jittejjeb l-aċċess għall-ħiliet, għar-riżorsi u għan-networks meħtieġa biex ikun hemm suċċess fl-istadji ewlenin tal-iżvilupp, u jkunu jinkludu programm ta’ taħriġ għall-mentors u l-mentees, u jħeġġu l-parteċipazzjoni ta’ diversi setturi tas-soċjetà;

37.

jistieden lill-Istati Membri “jallokaw” fondi mill-programm tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) biex jappoġġjaw il-programmi ta’ mentoraġġ li wrew li jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet lokali u tal-gruppi vulnerabbli u jagħmluhom faċilment aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

D)    Rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea

38.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra mill-ġdid u tippromovi b’mod attiv is-CV tal-Europass eżistenti sabiex isir aktar magħruf fost iċ-ċittadini fl-Istati Membri kif ukoll tenfasizza aktar l-esperjenza tal-volontarjat u tal-involviment ċiviku, b’mod partikolari l-esperjenza miksuba permezz tal-mentoraġġ; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni mill-qrib mas-servizzi pubbliċi nazzjonali tal-impjiegi u l-entitajiet privati ad hoc biex jiġi żgurat li dan fil-fatt jitqies fil-proċessi ta’ reklutaġġ;

39.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib mal-imsieħba lokali, reġjonali, statali u Ewropej biex jiġi żviluppat qafas komuni għall-iżvilupp ta’ mentoraġġ ta’ kwalità tajba fl-Unjoni Ewropea;

40.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-ħolqien ta’ programmi ta’ mentoraġġ transfruntier għaċ-ċittadini billi tenfasizza l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi għal dawk li jipparteċipaw fihom;

41.

jappella lill-Kummissjoni tappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet sabiex ikollhom ir-riżorsi finanzjarji u umani u l-għodod meħtieġa biex jiżguraw ġestjoni effettiva tal-programmi ta’ mentoraġġ;

42.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiffaċilita l-aċċess għar-riżorsi finanzjarji għall-organizzazzjonijiet u l-inizjattivi ta’ mentoraġġ fl-Ewropa, billi tissemplifika l-proċeduri amministrattivi, tipprovdi informazzjoni u pariri dwar is-sorsi ta’ finanzjament disponibbli u tinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki b’rabta mal-iffinanzjar tal-mentoraġġ;

43.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi tikketta Ewropea ta’ mentoraġġ, biex jiġu rikonoxxuti inizjattivi ta’ mentoraġġ li jissodisfaw kriterji ta’ kwalità stabbiliti minn qabel, u b’hekk jitrawmu l-fiduċja u l-eċċellenza fil-mentoraġġ fl-Ewropa;

44.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tesplora mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi, bħal sħubijiet b’impatt soċjali, fondi ta’ investiment b’impatt jew inizjattivi ta’ finanzjament kollettiv, biex tappoġġja proġetti ta’ mentoraġġ u tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom;

45.

jaqbel mal-valutazzjoni li l-“baġit tal-UE [m’għadux] biżżejjed biex jiġu indirizzati l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja l-UE, aħseb u ara l-ħtiġijiet futuri possibbli fis-snin li ġejjin” (6); jinsisti għalhekk fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-fondi riżervati għall-FSE+;

46.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tħejji rapport dwar l-impatt tal-mentoraġġ u tappoġġja r-riċerka rigward din il-prattika sabiex tkun tista’ tintuża bħala bażi għall-iżvilupp ta’ politiki u miżuri konkreti mmirati biex isaħħu u jippromovu din l-għodda ta’ politika pubblika fl-Ewropa, b’mod partikolari billi jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-ħiliet formali u informali tal-mentors u billi jiġu mħeġġa programmi ta’ mentoraġġ f’oqsma u setturi differenti;

47.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiżviluppa l-fattur ta’ mentoraġġ tal-Programm Erasmus+ u tikkunsidra li tinkludih bħala parti mill-programmi, ġestiti direttament mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA);

Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2023.

Vasco ALVES CORDEIRO

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Kummissjoni Ewropea (mingħajr data), “Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023”. commission.europa.eu. Paġna aċċessata fil-11 ta’ Marzu 2023. https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/europe-fit-digital-age/european-year-skills-2023_mt

(2)  Kummissjoni Ewropea (mingħajr data), “Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023”. commission.europa.eu. https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/europe-fit-digital-age/european-year-skills-2023_mt

(3)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (2021/C 66/01).

(4)  Rapport ta’ informazzjoni tas-Senat (Franza) Nru 848 (2020-2021), ippreżentat fit-23 ta’ Settembru 2021.

(5)  Rapport ta’ riċerka, Meyer & Associates, 2012.

(6)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027, p. 13.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1325/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top