Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IP0271

    P9_TA(2023)0271 — It-tħeġġiġ u l-adattament tat-taħriġ vokazzjonali bħala għodda għas-suċċess tal-impjegati u element kostitwenti għall-ekonomija tal-UE fl-industrija 4.0 l-ġdida — Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Lulju 2023 dwar it-tħeġġiġ u l-adattament tat-taħriġ vokazzjonali bħala għodda għas-suċċess tal-impjegati u element kostitwenti għall-ekonomija tal-UE fl-industrija 4.0 l-ġdida (2022/2207(INI))

    ĠU C, C/2024/3998, 17.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3998/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3998/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje C


    C/2024/3998

    17.7.2024

    P9_TA(2023)0271

    It-tħeġġiġ u l-adattament tat-taħriġ vokazzjonali bħala għodda għas-suċċess tal-impjegati u element kostitwenti għall-ekonomija tal-UE fl-industrija 4.0 l-ġdida

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Lulju 2023 dwar it-tħeġġiġ u l-adattament tat-taħriġ vokazzjonali bħala għodda għas-suċċess tal-impjegati u element kostitwenti għall-ekonomija tal-UE fl-industrija 4.0 l-ġdida (2022/2207(INI))

    (C/2024/3998)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 179, 180 u 181 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikoli 6, 9, 41, 153, 162, 165, 166 u 174 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 14, 15, 23, 25 u 26 tagħha,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD),

    wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), b’mod partikolari l-SDGs 4, 8 u 9,

    wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ Ottubru 2021 fil-Kawża BX vs Unitatea Administrativ Teritorială D. (C-909-19) (1),

    wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u, b’mod partikolari, il-prinċipji 1, 3, 4 u 5 tiegħu,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (2),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Lulju 2020 bit-titolu “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza” (COM(2020)0274),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Frar 2019 dwar politika industrijali Ewropea komprensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2023 dwar strateġija tal-UE biex tingħata spinta lill-kompetittività industrijali, lill-kummerċ u lill-impjiegi ta’ kwalità (5),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2020 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Parteċipazzjoni u l-Benesseri ta’ Persuni Akbar fl-Età fl-Era tad-Diġitalizzazzjoni,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (6),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Osnabruck tat-30 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala faċilitatur tal-rkupru u tranżizzjonijiet ġusti lejn ekonomiji diġitali u ekoloġiċi,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (7),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż (8),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (9),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2021 bit-titolu “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021)0118),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 2016 bit-titolu “Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea – Ingawdu l-benefiċċji kollha ta’ Suq Uniku Diġitali” (COM(2016)0180),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 bit-titolu “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” (COM(2021)0350),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali” (COM(2020)0103),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Lulju 2020 bit-titolu “Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” (COM(2020)0276),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2022 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ Ewropej: l-impjiegi u l-irkupru soċjali wara l-pandemija (10),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2017 bit-titolu “Ninvestu f’industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli: Strateġija mġedda għall-politika industrijali tal-UE” (COM(2017)0479),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 bit-titolu “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010)0546),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2020 dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (COM(2020)0625), u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2020)0212),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2022 dwar l-istabbiliment taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 – mikrokredenzjali, kontijiet ta’ apprendiment individwali u apprendiment għal ambjent sostenibbli (11),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Settembru 2020 bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027: Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali” (COM(2020)0624) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha (SWD(2020)0209),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu “Digital Economy and Society Index (DESI) 2020: Human capital” (Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) 2020: Kapital uman),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2020 dwar it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet bħala bażi biex jiżdiedu s-sostenibbiltà u l-impjegabbiltà, fil-kuntest ta’ appoġġ għall-irkupru ekonomiku u l-koeżjoni soċjali,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2020 dwar il-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 fl-edukazzjoni u t-taħriġ,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-13 ta’ Lulju 2016 bit-titolu “L-industrija 4.0 u t-trasformazzjoni diġitali: It-triq ’il quddiem”,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2020 bit-titolu “Il-finanzjament sostenibbli għat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet, fil-kuntest tal-għadd insuffiċjenti ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzat”,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta’ Marzu 2018 bit-titolu “Il-futur tax-xogħol – il-ksib ta’ għarfien u ħiliet adegwati sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-impjiegi futuri”,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta’ April 2023 bit-titolu “Żvilupp ta’ kompetenza u ħiliet fil-kuntest tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali”,

    wara li kkunsidra l-proposta tal-21 ta’ April 2021 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni (COM(2021)0206),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2023/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet (12),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali pproklamata fil-15 ta’ Diċembru 2022,

    wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Global Gateway tal-UE,

    wara li kkunsidra l-istudju Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) ta’ Frar 2020 bit-titolu “Empowering adults through upskilling and reskilling pathways” (It-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-adulti permezz ta’ perkorsi ta’ taħriġ ta’ aġġornament u ta’ taħriġ mill-ġdid),

    wara li kkunsidra r-rapport konġunt tas-Cedefop u tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) tat-30 ta’ Marzu 2023 bit-titolu “Fostering skills use for sustained business performance: Evidence from the European Company Survey” (It-trawwim tal-użu tal-ħiliet għal prestazzjoni sostnuta tan-negozju: Evidenza mill-Istħarriġ tal-Kumpaniji Ewropej) (13),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 2021 dwar aġenda Ewropea ġdida għat-tagħlim għall-adulti 2021 - 2030 (14),

    wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0232/2023),

    A.

    billi l-politiki dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet huma kompetenza tal-Istati Membri; billi l-UE għandha rwol dejjem aktar importanti biex tappoġġja, tistimola, tikkoordina u tikkomplementa l-azzjonijiet tal-Istati Membri;

    B.

    billi l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), u b’mod partikolari t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u ta’ dawk li jkunu qed ifittxu impjieg, se jkomplu jiżdiedu, b’mod partikolari b’riżultat tat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika; billi kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti huma essenzjali biex jinżammu u jiġu attirati ħaddiema tas-sengħa; billi t-taħriġ ipprovdut lill-ħaddiema minn min jimpjegahom ma jridx jaffettwa b’mod negattiv ir-remunerazzjoni tal-ħaddiema;

    C.

    billi t-tqabbil tal-ħiliet u l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-UE li qed jevolvu huwa wieħed mill-għanijiet ewlenin tas-Sena tal-Ħiliet tal-UE;

    D.

    billi fost l-akbar sfidi li qed jiffaċċjaw l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi (CVET) bħalissa hemm l-attraenza baxxa tagħhom meta mqabbla mal-edukazzjoni akkademika, in-nuqqas ta’ interess fost l-istudenti u n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa;

    E.

    billi t-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika jista’ biss ikollhom suċċess jekk il-ħaddiema jingħataw il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa;

    F.

    billi l-implimentazzjoni ta’ CVET ta’ kwalità għolja tista’ timponi piż finanzjarju sinifikanti, speċjalment fuq l-intrapriżi mikro u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs);

    G.

    billi l-aċċess ugwali għall-VET, inklużi l-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, kif ukoll opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd, huwa kruċjali;

    H.

    billi, fl-2021, 45 % tal-ħaddiema rrappurtaw li rċevew taħriġ imħallas minn min iħaddimhom matul l-aħħar 12-il xahar; billi dan is-sehem kien aktar baxx fost il-ħaddiema żgħażagħ, in-nisa, u l-ħaddiema b’kuntratti ta’ aġenzija għal żmien fiss u temporanji, u dan jindika inugwaljanzi fl-aċċess għat-taħriġ (15);

    I.

    billi, fl-2021, 9,7 % ta’ dawk bejn it-18 u l-24 sena fl-UE kienu temmew biss l-edukazzjoni sekondarja għolja u ma kinux qed jipparteċipaw f’edukazzjoni jew taħriġ ulterjuri; billi 56 % ta’ nies Rom ta’ bejn is-16 u l-24 sena ma kinux impenjati fl-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) fl-2021;

    J.

    billi, fl-2021, il-proporzjon ta’ persuni fl-UE ta’ bejn il-25 u l-64 sena fl-edukazzjoni jew it-taħriġ kien ta’ 10,8 %, u s-sehem ta’ persuni ta’ bejn il-25 u l-64 sena fl-edukazzjoni u t-taħriġ żdied b’1,7 punt perċentwali meta mqabbel mal-2020, u b’hekk reġa’ lura għal-livelli tal-2019, jew għal-livelli ta’ qabel il-COVID-19 (16);

    K.

    billi l-Ewropa qed tesperjenza swieq tax-xogħol li qed jiċkienu u, sal-2030, 40 % tal-Ewropej se jkunu qed jgħixu f’reġjuni fejn in-numru ta’ impjiegi qed jonqos (17); billi 77 % tal-kumpaniji tal-UE rrapportaw diffikultajiet biex isibu ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa; billi din id-diskrepanza fil-ħiliet bejn il-ħaddiema u l-impjiegi fis-suq tax-xogħol tal-UE ġġib magħha spejjeż sinifikanti għall-ekonomiji, il-kumpaniji u l-individwi; billi t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-fatturi li jindikaw il-kwalità tax-xogħol bħalma hija l-paga, l-awtonomija tal-impjegat u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, flimkien mal-investimenti fil-ħiliet u fit-tagħlim fil-livell tal-kumpaniji, jistgħu jwasslu biex in-nuqqas ta’ ħaddiema jittaffa (18);

    L.

    billi objettiv wieħed tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa huwa li sal-2025 ikun hemm rata ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim ta’ 50 % fost dawk ta’ bejn il-25 u l-64 sena (meta mqabbel ma’ 38 % fl-2016); billi l-objettiv għall-parteċipazzjoni fost dawk ta’ bejn is-16 u l-74 sena b’minn tal-inqas ħiliet diġitali bażiċi huwa ta’ 70 % (meta mqabbel ma’ 56 % fl-2019); billi madwar 42 % tal-Ewropej ma għandhomx ħiliet diġitali bażiċi, inklużi 37 % ta’ dawk fil-forza tax-xogħol; billi l-Unjoni trid li sal-2030 iżżid is-sehem tal-popolazzjoni b’minn tal-inqas il-ħiliet diġitali bażiċi għal 80 %;

    M.

    billi l-VET u t-tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità jistgħu jikkontribwixxu biex jinkisbu l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR); billi wieħed mill-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-EPSR huwa li sal-2030 jintlaħaq sehem ta’ 60 % tal-adulti fit-taħriġ kull sena u mill-inqas 78 % f’impjieg;

    N.

    billi l-mira tal-UE fl-ambitu tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) għall-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti (15 % fl-2020) ma ntlaħqitx fiċ-ċiklu li għadda, b’mod partikolari fir-rigward tal-persuni li jagħmlu parti mill-gruppi vulnerabbli u emarġinati u/jew b’inqas opportunitajiet; billi l-anzjani huma l-grupp ta’ età bl-inqas probabbiltà li jipparteċipaw fit-tagħlim għall-adulti; billi dimensjonijiet oħra ta’ esklużjoni evalwati mill-Eurostat huma relatati mal-ġeneru u relatati mal-livell edukattiv u mal-istatus attiv tal-individwu fis-suq tax-xogħol;

    O.

    billi l-inugwaljanzi fl-aċċess għat-tagħlim għall-adulti u l-VET għall-ħaddiema u għall-persuni li qed ifittxu xogħol għadhom jippersistu; billi l-livell ta’ edukazzjoni milħuq, il-grupp okkupazzjonali, is-settur ekonomiku tal-attività u d-daqs tal-istabbiliment kollha flimkien jiddeterminaw il-parteċipazzjoni tal-adulti fil-VET; billi l-ostakli l-aktar frekwenti fl-aċċess għat-tagħlim għall-adulti huma l-ispejjeż, l-inaċċessibbiltà, in-nuqqas ta’ infrastruttura tal-kura, il-litteriżmu baxx u l-istima personali baxxa; billi waħda minn kull tliet kumpaniji li ma jorganizzawx taħriġ isemmu l-ammont kbir ta’ xogħol u n-nuqqas ta’ ħin bħala raġunijiet, filwaqt li 28 % jindikaw spejjeż għoljin ta’ taħriġ vokazzjonali kontinwu (19); billi kemm il-ħin kif ukoll l-ispiża huma ostakli kbar għat-tagħlim għall-adulti minn perspettiva individwali;

    P.

    billi 45 % biss tal-ħaddiema fl-Unjoni jistgħu jużaw l-għarfien u l-ħiliet attwali tagħhom fl-impjieg ewlieni tagħhom, filwaqt li għall-kumplament, parti mill-għarfien u l-ħiliet tagħhom mhumiex utilizzati biżżejjed (20); billi minbarra n-nuqqas ta’ ħaddiema u d-diskrepanzi fil-ħiliet, id-diffikultajiet biex jiġu reklutati ħaddiema tas-sengħa jirriflettu wkoll kwalità batuta tax-xogħlijiet disponibbli, nuqqas ta’ politika tar-riżorsi umani orjentata lejn in-nies u opportunitajiet ta’ tfassil tax-xogħol mhux sfruttati (21);

    Q.

    billi r-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali, li tinkludi d-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-provvista tas-servizzi u tal-proċessi ta’ produzzjoni, qed tfassal is-swieq tax-xogħol u tal-edukazzjoni u s-soċjetajiet tal-lum, billi toħloq kemm sfidi u kif ukoll opportunitajiet għall-ħaddiema u l-kumpaniji bħalma huma l-għajbien ta’ xi kompiti u okkupazzjonijiet u l-ħolqien ta’ oħrajn, ir-riallokazzjoni dinamika tal-kompiti tax-xogħol u t-tfassil mill-ġdid tal-kontenut tax-xogħlijiet; billi jeħtieġ aktar investiment mill-kumpaniji biex jiżviluppaw VET b’saħħithom madwar l-Unjoni u jippromwovu kompetenzi adattati għall-ħidma b’teknoloġiji ġodda, bħall-produzzjoni u l-makkinarju intelliġenti, ir-robotika avvanzata, il-cloud computing, l-intelliġenza artifiċjali, l-ipproċessar tad-data u l-Internet tal-Oġġetti; jissottolinja l-importanza li, minn naħa, nakkomodaw il-ħtieġa ta’titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid u min-naħa l-oħra nindirizzaw id-distakk diġitali;

    R.

    billi s-sehem tal-impjegati (11,8 %) u l-ħaddiema (11,5 %) fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti huwa ogħla meta mqabbel mal-popolazzjoni adulta inġenerali, iżda wera xejriet simili f’dawn l-aħħar snin; billi hemm differenzi sinifikanti f’dan ir-rigward bejn l-Istati Membri (22);

    S.

    billi ċ-ċifri tal-Eurostat dwar l-intrapriżi fl-UE b’10 impjegati jew aktar (bl-esklużjoni tal-intrapriżi tas-settur finanzjarju) juru li 98 % jużaw il-kompjuters u 97 % għandhom aċċess għall-internet; billi madwar 60 % tal-persuni kollha attivi fis-suq tal-impjiegi jużaw kompjuters, laptops, smartphones, tablets jew apparat portabbli ieħor fuq ix-xogħol (23);

    T.

    billi tnaqqis fin-numru ta’ impjiegi b’livell medju ta’ ħiliet u b’paga medja jista’ jiġi osservat favur żieda fl-impjiegi b’pagi baxxi u b’livell baxx ta’ ħiliet minħabba l-awtomatizzazzjoni tax-xogħol;

    U.

    billi 21 % tal-ħaddiema fl-Ewropa jindikaw li l-funzjonijiet tax-xogħol primarju tagħhom inbidlu minħabba l-introduzzjoni ta’ software jew hardware ġdid (24);

    V.

    billi l-edizzjoni tal-2022 tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea turi riżultati mtejba fl-innovazzjoni matul is-snin 2015-2022; billi għad hemm disparitajiet serji bejn l-Istati Membri (25);

    W.

    billi tlieta minn kull erba’ kumpaniji tal-UE jiffaċċjaw diffikultajiet biex isibu persunal bil-ħiliet it-tajba (26); billi hemm diskrepanza emerġenti fil-ħiliet;

    X.

    billi l-ħiliet trażversali bħalma huma l-ħiliet ta’ man-nies, il-multilingwiżmu, il-ħiliet ta’ tagħlim, il-komunikazzjoni, it-trattament tal-klijent, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ħsieb kritiku, l-intraprenditorija, il-kreattività, il-kompetenzi interkulturali, il-ħidma f’tim u l-litteriżmu diġitali u fil-media qed jiġu vvalutati dejjem aktar minn min iħaddem bħala kruċjali għall-impjieg; billi l-ħiliet trażversali għandhom impatt li jmur lil hinn mill-impjieg u jirrikjedu bidla fil-mentalità tal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-VET;

    Y.

    billi l-kompetenzi li ġejjin ġew identifikati u maqbula mill-Istati Membri kollha bħala essenzjali biex jiġi żgurat approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja: il-litteriżmu, il-multilingwiżmu, il-kompetenzi fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), il-kompetenzi diġitali, il-kompetenzi personali, soċjali u ta’ tagħlim dwar kif wieħed jitgħallem kompetenzi, il-kompetenza ċivika, il-ħiliet interkulturali u l-intraprenditorija; billi hemm nuqqas sproporzjonat ta’ nisa li jipparteċipaw fl-iSTEM;

    Z.

    billi bejn l-2020 u l-2021 sitta minn kull għaxar ħaddiema tal-UE+ wettqu mill-inqas attività ta’ edukazzjoni u taħriġ formali jew mhux formali biex jitgħallmu ħiliet relatati mal-impjieg (27);

    AA.

    billi l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt negattiv sinifikanti fuq l-implimentazzjoni sistematika tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ; billi l-kriżi relatata biddlet il-mod tax-xogħol u saħħet il-ħtieġa li naġġornaw ir-repertorju tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol Ewropea, speċjalment f’termini ta’ ħiliet diġitali;

    AB.

    billi hemm domanda dejjem akbar għall-ħiliet diġitali; billi teknoloġiji diġitali ġodda ġew introdotti f’44 % tal-postijiet tax-xogħol bejn l-2020 u l-2021; billi erbgħa minn kull għaxar impjegati adulti aktar spiss użaw teknoloġiji diġitali biex iwettqu xi parti mill-kompiti tax-xogħol tagħhom u madwar terz (36 %) ipparteċipaw aktar f’tagħlim online li għandu x’jaqsam mal-impjieg milli offline (28); billi t-tranżizzjoni diġitali lejn industrija 4.0 tirrikjedi li jiżdiedu l-ħiliet diġitali bażiċi għall-ħaddiema kollha u li jiġi aġevolat l-akkwist ta’ ħiliet diġitali aktar avvanzati, filwaqt li jiġi żgurat ir-rikonoxximent xieraq tagħhom fl-Istati Membri kollha; billi għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-riskji u għalhekk għall-forniment ta’ ħiliet relatati maċ-ċibersigurtà u s-sikurezza diġitali;

    AC.

    billi l-kompiti jistgħu jiġu awtomatizzati f’ħafna setturi u sa punti differenti, u dan jirriżulta f’bidliet sinifikanti fl-impjiegi, fil-produttività tax-xogħol, fir-rekwiżiti tal-ħiliet u fid-daqs tal-forza tax-xogħol fl-Unjoni b’differenzi reġjonali qawwija; billi 35 % tal-ħaddiema jibżgħu li t-teknoloġiji diġitali ġodda jistgħu jew sejrin iwettqulhom xogħolhom kompletament jew parzjalment fil-futur (29); billi 45 % huma mħassba wkoll dwar il-ħiliet teknoloġiċi li ma għadhomx jintużaw u l-ħtieġa li jinkisbu għarfien u ħiliet ġodda; billi 49 % tal-attivitajiet li n-nies huma mħallsa jagħmlu fl-ekonomija globali hemm potenzjal li jsiru awtomatizzati billi t-teknoloġija li qed tintwera bħalissa tiġi adattata (30);

    AD.

    billi wieħed minn kull ħames ħaddiema adulti tal-UE+ (u 31 % ta’ dawk li ma jużawx it-teknoloġija diġitali) jibbenefikaw minn taħriġ fl-aktar ħiliet diġitali bażiċi, jiġifieri n-navigazzjoni fuq l-internet; billi minn 70 % sa 90 % jistgħu jiġu mħarrġa mill-ġdid f’bażijiet ta’ data aktar avvanzati u f’ħiliet ta’ programmazzjoni tal-kompjuter (31);

    AE.

    billi, skont il-miri tal-UE, 75 % tal-kumpaniji tal-UE għandhom jużaw teknoloġiji tal-cloud computing, Intelliġenza Artifiċjali u big data u aktar minn 90 % tal-SMEs għandhom jilħqu mill-inqas livell bażiku ta’ intensità diġitali (32);

    AF.

    billi l-allinjament tal-kurrikuli u l-aspirazzjonijiet tan-nies mal-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa biex jinkiseb kemm it-tisħiħ personali u professjonali u kif ukoll jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà huwa waħda mill-isfidi ewlenin għas-sistemi edukattivi tal-Istati Membri; billi aktar minn nofs it-tfal li jidħlu fl-iskola primarja se jkunu impjegati f’impjiegi li ma jeżistux bħalissa;

    AG.

    billi huwa kruċjali li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet u inċentivi ottimali biex jippermettu lil min iħaddem ikollu aċċess għal VET ta’ kwalità għolja li se jiżguraw esperjenza ta’ tagħlim utli u l-iżvilupp ta’ sett ta’ ħiliet rilevanti għall-impjegati;

    AH.

    billi l-promozzjoni ta’ proċess ta’ tagħlim ibbażat fuq il-kompetenza tista’ tiżgura l-adattabbiltà bla xkiel tal-proċess ta’ tagħlim għall-ħtiġijiet tal-istudenti u l-bidliet soċjetali li qed iseħħu b’ritmu mgħaġġel;

    AI.

    billi, matul is-snin, in-natura, il-kwalità, il-perċezzjoni u l-evalwazzjoni soċjetali tal-VET evolvew, u dan sar bis-saħħa, fost l-oħrajn, ta’ kampanji u politiki dwar il-VET, prospetti ta’ karriera aħjar, opportunitajiet ta’ mobilità, u s-soluzzjonijiet diġitali fl-edukazzjoni; billi, minkejja t-titjib fl-istatus u l-immaġni tal-VET, ta’ spiss għadhom ma humiex l-ewwel għażla fost iż-żgħażagħ u huma meqjusa bħala għażla sekondarja u inqas attraenti, wara l-edukazzjoni ġenerali;

    AJ.

    billi l-bidliet demografiċi fl-Istati Membri qed jaċċelleraw u huma mistennija jkomplu jagħmlu dan fid-deċennji li ġejjin, u jsaħħu l-ħtieġa li jsir użu mill-potenzjal sħiħ tal-adulti kollha fl-età tax-xogħol permezz ta’ investimenti kontinwi fil-ħiliet tagħhom, l-għarfien u l-kwalifiki kif ukoll permezz tat-tqegħid ta’ aktar persuni f’impjieg attiv; billi l-kumpaniji jistgħu jgħaddu minn problemi relatati mat-telf ta’ għarfien meta l-ħaddiema li jkollhom l-esperjenza jirtiraw; billi l-postijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol li qed tixjieħ; billi huwa kruċjali li jitrawwem it-tagħlim bejn ħaddiema b’aktar esperjenza u dawk b’inqas esperjenza fil-kumpaniji u li jiġi żgurat it-trasferiment tal-għarfien, anki minn ġenerazzjoni għal oħra, permezz ta’ programmi ta’ tutoraġġ, coaching u mentoraġġ;

    AK.

    billi kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u aċċess għal sistemi ta’ sigurtà soċjali, servizzi soċjali ta’ kwalità u ambjent ta’ għajxien attraenti se jkollhom rwol prominenti fiż-żamma u l-attrazzjoni ta’ ħaddiema tas-sengħa; billi t-tisħiħ tal-iżvilupp personali u l-gwida għat-tagħlim minn età bikrija u l-appoġġ għall-aċċess ugwali għall-informazzjoni jistgħu jgħinu lin-nies jagħżlu perkorsi ta’ tagħlim adatti għal opportunitajiet ta’ impjieg ta’ kwalità;

    AL.

    billi għadhom għaddejjin bidliet demografiċi; billi huwa stmat li l-popolazzjoni tal-Ewropa fl-età tax-xogħol (ta’ bejn l-20 u l-64 sena) se tkun qed tonqos b’0,4 % kull sena minn issa sal-2040; billi t-tnaqqis demografiku qed jikkawża wkoll bidliet fl-istruttura tas-suq tax-xogħol u domanda dejjem akbar għal ħaddiema f’ċerti setturi, bħalma huwa s-settur tal-kura tas-saħħa jew is-settur tal-kura;

    AM.

    billi 28 settur ġew ikklassifikati bħala li għandhom nuqqasijiet ta’ ħaddiema tas-sengħa, inklużi l-kura tas-saħħa, l-ospitalità, il-kostruzzjoni, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà; billi hemm nuqqas ġenerali ta’ ħaddiema, b’mod partikolari nisa, bi sfondi ta’ STEM; billi l-għalliema huma wieħed mill-aktar ħames impjiegi bi skarsezzi fl-Ewropa, b’differenzi bbażati fuq ir-reġjuni ġeografiċi u s-suġġetti, li jħallu impatt fuq il-kapaċità li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ li l-istudenti kollha jeħtieġu sabiex jadattaw għat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika kif ukoll ir-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali;

    AN.

    billi d-domanda dejjem tikber ta’ min iħaddem għal ħiliet speċifiċi turi l-ħtieġa ta’ impenn aktar b’saħħtu tal-kumpaniji fil-VET;

    AO.

    billi l-Parlament Ewropew ikkundanna ripetutament il-prattika ta’ traineeships mhux imħallsa bħala forma ta’ sfruttament ta’ ħaddiema żgħażagħ u ksur tad-drittijiet tagħhom;

    AP.

    billi, bħala parti mill-Istrateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippermetti lill-persuni b’diżabilità jgħixu b’mod indipendenti u jipparteċipaw bis-sħiħ fl-aspetti kollha tal-ħajja; billi huwa kruċjali li jiġu pprovduti opportunitajiet aħjar għall-persuni b’diżabilità biex jipparteċipaw fil-VET u jiksbu ħiliet ġodda, u dan huwa prerekwiżit għall-impjieg u l-indipendenza;

    1.

    Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inklużi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, biex il-potenzjal sħiħ tal-individwi jiġi sfruttat bl-aktar mod għaqli, kif ukoll biex ikun hemm żvilupp sostenibbli tal-Unjoni, filwaqt li tingħata attenzjoni għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi l-aktar vulnerabbli jew żvantaġġati; itenni t-talba tiegħu biex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (EVETA) (33);

    2.

    Jenfasizza li l-impjegati għandu jkollhom aċċess għal taħriġ vokazzjonali matul il-ħinijiet tax-xogħol;

    3.

    Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żgurata t-tranżizzjoni doppja tal-postijiet tax-xogħol li tkun sostenibbli u ġusta, filwaqt li tinżamm il-forza tax-xogħol eżistenti; jisħaq li min iħaddem għandu jipprovdi taħriġ intern lill-ħaddiema, filwaqt li jiżgura miżuri ta’ appoġġ għall-persuni li jiffaċċjaw diffikultajiet fir-rigward tat-taħriġ;

    4.

    Jisħaq li kull persuna teħtieġ opportunitajiet biex tiżviluppa, taġġorna u ttejjeb il-ħiliet tagħha sabiex tlaħħaq mar-realtajiet tax-xogħol li qed jinbidlu malajr fid-dinja tax-xogħol u biex tirnexxi fil-ħajja personali u fil-karriera tagħha; jisħaq li dan jirrikjedi approċċ sistemiku għat-tagħlim u l-iżvilupp tal-ħiliet tul il-ħajja, appoġġjat minn edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali (IVET) li jkunu aċċessibbli, ta’ kwalità u inklużivi, kif ukoll sistemi ta’ CVET li jiffunzjonaw tajjeb u moderni biex l-adulti kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ, u biex jingħata appoġġ lil min iħaddem biex jipprovdi tali taħriġ; jiddispjaċih dwar il-fatt li n-nisa huma sottorappreżentati fl-iSTEM u fil-VET; jissottolinja l-importanza li jiżdied l-appoġġ għall-parteċipazzjoni tan-nisa f’dan ir-rigward u li kwalunkwe sterjotip marbut ma’ dan jiġi indirizzat;

    5.

    Jissottolinja l-ħtieġa ta’ inklużjoni attiva taż-żgħażagħ u l-anzjani fil-proċess ta’ tagħlim vokazzjonali sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fir-rigward tal-ħiliet u t-taħriġ vokazzjonali;

    6.

    Jenfasizza li xi wħud mill-fatturi li jfixklu l-VET fil-livell tal-kumpanija huma:

    in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-VET bħala opportunità ta’ karriera u mod ta’ kif jitjiebu r-reżiljenza u l-eċċellenza;

    it-twemmin ta’ min iħaddem li l-ħiliet u l-kwalifiki disponibbli tal-persunal tiegħu huma suffiċjenti u xierqa;

    il-preferenza tal-kumpaniji li jirreklutaw persunal ġdid minflok ma jipprovdu taħriġ mill-ġdid u jtejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti tagħhom;

    l-ostakli għall-forniment ta’ taħriġ, inkluż l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet u l-aċċessibbiltà għat-taħriġ ipprovdut minn min iħaddem (f’termini kemm ta’ post kif ukoll ta’ u ħin) u l-ammont kbir ta’ xogħol tal-impriżi;

    it-tentattivi biex ir-responsabbiltà tat-taħriġ tiġi ttrasferita minn fuq min iħaddem għall-ħaddiema;

    id-diskriminazzjoni abbażi tal-età, bħal meta l-ħaddiema akbar fl-età ma jitħallewx jipparteċipaw fit-taħriġ;

    in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-ħiliet miksuba lil hinn mill-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u bl-iskop li jwasslu għall-iżvilupp individwali tal-ħaddiem;

    7.

    Jenfasizza r-rwol ewlieni tas-sħab soċjali fir-rigward tal-VET; jisħaq fuq l-importanza ta’ djalogu soċjali li jiffunzjona tajjeb u r-rwol tal-ftehimiet kollettivi biex jiġi żgurat il-forniment tal-VET lill-ħaddiema kollha;

    8.

    Ifakkar li n-nuqqas ta’ ħiliet u ħaddiema huwa, f’xi każijiet, ir-riżultat ta’ impjiegi mhux attraenti u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena; jenfasizza għalhekk li l-indirizzar ta’ dawk il-kwistjonijiet, permezz ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u politiki ta’ żamma, huwa importanti għal suq tax-xogħol futur li jiffunzjona tajjeb; jisħaq li t-titjib tal-kwalità tal-impjiegi f’setturi u kumpaniji b’kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol huwa element importanti biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-eżodu ta’ mħuħ, li tirriżulta f’inugwaljanzi dejjem jikbru bejn ir-reġjuni, żvilupp mhux ugwali kif ukoll kapaċità mhux ugwali biex tiġi xprunata l-innovazzjoni u jinħolqu l-impjiegi;

    9.

    Jinnota li l-kisba ta’ firxa ta’ ħiliet relatati mal-użu ta’ software bażiku jew magni kompjuterizzati sempliċi għandha tiġi pprovduta u mħallsa minn kull min iħaddem, peress li din il-kisba ta’ ħiliet tifforma l-qalba tat-tranżizzjoni doppja;

    10.

    Jenfasizza li l-politiki tal-VET jibqgħu frammentati fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu lejn konverġenza akbar bejn is-sistemi nazzjonali abbażi tal-aħjar prattiki; jirrimarka li s-sistemi tal-VET effiċjenti jirrikjedu l-iżvilupp ta’ strateġiji sistematiċi u riżorsi xierqa, allinjati mal-istrateġiji marbuta mal-ħiliet, żviluppati permezz tad-djalogu soċjali biex in-nies jingħataw is-setgħa, biex jiksbu għajnuna ħalli jisfruttaw bl-aħjar mod il-potenzjal tagħhom u biex tiġi żgurata kompetittività ekonomika sostenibbli;

    11.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprojbixxu l-prattika tat-traineeships mhux imħallsa u jipproponu qafas legali komuni biex tiġi żgurata remunerazzjoni ġusta għat-traineeships u għall-apprendistati sabiex jiġu evitati prattiki ta’ sfruttament;

    12.

    Jenfasizza l-importanza tal-VET għall-persuni b’diżabilità u b’diffikultajiet fit-tagħlim; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji u li jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali għal kulħadd, b’mod partikolari għall-persuni NEET, għal dawk li jitilqu kmieni mill-iskola, għall-ħaddiema ta’ età akbar, għall-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet u għal dawk li qegħdin ifittxu impjieg, kif ukoll għall-persuni li jgħixu f’żoni remoti jew rurali jew għan-nies li jagħmlu parti minn gruppi emarġinati li jesperjenzaw ostakli istituzzjonali, ambjentali u ta’ attitudni, biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-ħiliet u n-nuqqasijiet ta’ ħaddiema; jissottolinja li tali opportunitajiet ta’ taħriġ għandhom jipprovdu ħiliet għall-impjiegi lesti għall-futur, inkluż matul it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lit-titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid ta’ persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni attiva tagħhom fis-suq tax-xogħol billi, pereżempju, jadattaw it-titjib tat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid għall-kapaċitajiet u x-xewqat tagħhom u jiżguraw appoġġ imfassal apposta għall-bżonnijiet tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili peress li dawn għandhom rwol ewlieni biex jilħqu nies minn sfondi differenti;

    13.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu pprovduti VET għall-adulti fil-livell individwali, inkluż għal persuni bi kwalifiki baxxi u b’livell baxx ta’ ħiliet, għal dawk li għandhom l-inqas aċċess għal taħriġ fil-ħiliet u l-kompetenzi bażiċi, kif ukoll għal persuni ta’ età akbar, nisa, persuni b’diżabilità u dawk li qed jipprovaw jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol wara assenzi twal ikkawżati minn, fost l-oħrajn, problemi tas-saħħa kroniċi jew serji, jew ikkawżati mill-bżonn li jagħtu kura informali; jisħaq li għandhom jiġu pprovduti appoġġ u inċentivi xierqa u li l-perkorsi ta’ tagħlim tal-VET għandhom ikunu flessibbli, iffokati fuq l-istudent u orjentati lejn ir-riżultati; jissottolinja l-importanza tal-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju, tal-iżvilupp ta’ gwida għall-karrieri u tal-kampanji ta’ informazzjoni dwar il-VET biex tinkiseb parteċipazzjoni ogħla u inklużiva fl-opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ; jissottolinja, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-leave mħallas għat-taħriġ;

    14.

    Itenni l-appell tiegħu lil min iħaddem biex jinvesti fl-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema tiegħu, speċjalment fir-rigward tal-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika kif ukoll il-ħiliet personali trażversali;

    15.

    Jirrimarka li l-impriżi, b’mod partikolari l-SMEs, l-organizzazzjonijiet ta’ ekonomija soċjali u dawk mingħajr skop ta’ qligħ, jeħtiġilhom ikunu involuti, imħeġġa u appoġġjati b’mod estensiv mill-Unjoni Ewropea biex jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim u taħriġ; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet aċċessibbli u inklużiv għal kulħadd, li ma jħalli lil ħadd jibqa’ lura;

    16.

    Jinnota li l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol ta’ persuni NEET u gruppi vulnerabbli oħra għandha ssir enfasi ewlenija u pedament ta’ VET ta’ kwalità għolja, u din tirrikjedi ħiliet trażversali speċifiċi mill-għalliema u minn min iħarreġ; ifakkar li l-ħiliet u l-kompetenzi trażversali qed jintużaw dejjem aktar fil-kurrikuli tal-VET tal-Istati Membri; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-validazzjoni u r-rikonoxximent formali tal-ħiliet u l-kompetenzi, b’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba permezz tal-edukazzjoni jew l-esperjenza mhux formali u informali, bħall-għoti ta’ kura fit-tul jew il-volontarjat, kif ukoll fir-rigward tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba f’pajjiżi terzi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-għodod attwali u jiġu esplorati għodod oħra biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi; jappella għal qafas komuni għar-rikonoxximent tal-ħiliet trażversali;

    17.

    Jissottolinja l-ħtieġa ta’ kultura ta’ tagħlim ġdida orjentata lejn l-iżvilupp ta’ ħiliet trażversali f’ambjenti ta’ tagħlim formali, informali u mhux formali, li tiżgura li l-adulti kollha, l-adulti żgħażagħ u ż-żgħażagħ kollha jingħataw is-setgħa għall-impjiegi kif ukoll għal parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u fl-iżvilupp personali, b’mod partikolari permezz tal-kisba ta’ ħiliet bħalma huma s-servizz lill-konsumatur, il-ħiliet interpersonali, li jinkludu l-ħidma f’tim u l-komunikazzjoni, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ġestjoni, li tinkludi l-ġestjoni tal-ħin, il-ħsieb kritiku, it-tagħlim dwar kif titgħallem, il-kompetenzi fir-rigward tas-sostenibbiltà, u l-ħiliet diġitali, inklużi l-kompetenzi fiċ-ċibersigurtà;

    18.

    Jissottolinja l-importanza ta’ tagħlim ibbażat fuq il-post tax-xogħol u li tinkiseb esperjenza prattika; jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-eżempji tal-aħjar prattiki relatati mas-sistemi ta’ edukazzjoni doppji, li jgħaqqdu apprendistati ta’ kwalità f’impriżi ma’ edukazzjoni skolastika vokazzjonali, u b’hekk jgħaqqdu d-dinja tax-xogħol mad-dinja tal-edukazzjoni u jagħtu liż-żgħażagħ l-aċċess għas-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw is-sistemi ta’ edukazzjoni doppja; jistieden għalhekk lill-kumpaniji jagħtu aktar attenzjoni lir-rwol tal-VET u lit-tagħlim tul il-ħajja; jisħaq fuq il-ħtieġa li min iħaddem jiddedika parti sostanzjali mir-riżorsi tiegħu biex jiżgura li l-impjegati tiegħu jkollhom il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex ikunu jistgħu jaħdmu bl-aħħar teknoloġiji u f’ambjenti organizzattivi ġodda, kif ukoll biex jipprevjeni l-esklużjoni diġitali; jistieden ukoll lill-kumpaniji jippermettu livelli għoljin ta’ diskrezzjoni tal-kompiti u parteċipazzjoni organizzattiva tal-ħaddiema, peress li dawn il-forom ta’ organizzazzjoni tax-xogħol huma assoċjati ma’ aċċess aħjar għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet; jirrimarka li min iħaddem għandu jistinka biex jipprovdi kundizzjonijiet xierqa u spazju sikur għall-ħaddiema li jkunu fi triqithom biex jiksbu jew li jkunu jixtiequ jiksbu edukazzjoni formali jew mhux formali u biex jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lill-SMEs, li għalihom huwa partikolarment ta’ sfida li jissodisfaw dawk il-ħtiġijiet; jisħaq li l-kumpaniji, inklużi l-SMEs, jibbenefikaw minn kooperazzjoni strutturata ma’ esperti mill-VET;

    19.

    Ifakkar fir-rwol fundamentali tal-għalliema u ta’ dawk li jħarrġu li jaħdmu b’mod parallel fl-istituzzjonijiet tal-VET u fil-kumpaniji, u li jistgħu jgħinu biex jorbtu l-provvista tal-VET aktar mill-qrib mal-ħtiġijiet tal-impjegaturi billi jġibu l-innovazzjoni fl-iskejjel u jindirizzaw in-nuqqas ta’ għalliema tal-VET; ifakkar li kooperazzjoni aħjar bejn l-istituzzjonijiet tal-VET u l-kumpaniji tista’ tindirizza b’mod effiċjenti n-nuqqas ta’ għalliema tal-VET u tqarreb il-kurrikuli tal-VET lejn il-ħtiġijiet tal-impjegaturi; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-għalliema u dawk li jħarrġu jakkwistaw kompetenzi ġodda billi jkollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ titjib fil-ħiliet u taħriġ mill-ġdid; jissottolinja li l-ftuħ ta’ korsijiet ta’ żvilupp professjonali kontinwu (CPD) mogħtija fl-iskejjel tal-VET lil dawk li jħarrġu u, bil-maqlub, l-offerta ta’ taħriġ fil-kumpanija lill-għalliema tal-iskejjel tal-VET, jistgħu jkunu ta’ benefiċċju reċiproku biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom filwaqt li jassoċjawhom fit-tfassil tal-kurrikuli; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet edukattivi jinvestu b’mod urġenti u jelaboraw aktar l-istrateġiji ta’ CPD tagħhom għall-għalliema tal-VET u għal dawk li jħarrġu u jipprovdulhom rikonoxximent aħjar;

    20.

    Jisħaq li sabiex jirrispondu b’mod adegwat għall-ħtiġijiet tal-industriji li qed jittrasformaw u l-isfidi maħluqa mit-tranżizzjoni doppja, kif ukoll biex l-industrija Ewropea tinżamm kompetittiva fis-swieq globali, se jkun meħtieġ investiment kontinwu fl-infrastruttura tas-CVET, fit-taħriġ tal-għalliema, u fis-sistemi tal-aċċertament tal-kwalità;

    21.

    Jistieden lill-Istati Membri kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kkonċernati jsaħħu l-miżuri għall-ġlieda kontra l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż permezz tat-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, il-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja u miżuri ddedikati ċċentrati fuq l-iżvilupp professjonali;

    22.

    Jenfasizza li l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, huma strumenti importanti fil-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw miżuri mmirati lejn gruppi żvantaġġati u b’livell baxx ta’ ħiliet, b’enfasi fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ li jippermettu l-iżvilupp ta’ ħiliet soċjali, xjentifiċi u professjonali, b’mod partikolari l-ħiliet diġitali bażiċi; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kkonċernati jiżguraw id-diversifikazzjoni tal-offerta tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

    23.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa li min iħaddem irawwem it-tagħlim bejn il-ħaddiema ta’ aktar esperjenza u dawk ta’ inqas u b’hekk jonqsu d-differenzi fil-ħiliet; jirrakkomanda, għalhekk, anki fid-dawl tal-bidla demografika, li jinħolqu inċentivi għall-mentoraġġ biex il-ħiliet u l-esperjenza jkunu jistgħu jinqasmu, anki bejn il-ġenerazzjonijiet, biex jitħeġġeġ it-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema kollha u biex jiġu indirizzati l-iskarsezzi ta’ ħaddiema u d-diskrepanzi fir-rigward tax-xogħol; jissottolinja l-importanza tal-volontarjat, li jista’ jikkontribwixxi fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali;

    24.

    Jistieden lill-kumpaniji jużaw metodi biex ibassru l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali fuq l-impjiegi, bħat-tagħlim sorveljat tal-magni bil-għan, fost l-oħrajn, li jidentifikaw l-okkupazzjonijiet fejn il-bidliet huma l-aktar probabbli u jadattaw għalihom fl-aħjar ħin;

    25.

    Iħeġġeġ lill-kumpaniji jgħinu lill-ħaddiema jassumu responsabbiltà akbar għall-karrieri tagħhom billi jindikaw perkorsi tal-karrieri alternattivi u jgħinuhom jiddeterminaw dak li għandhom jimmiraw għalih, jissuġġerixxu l-ħiliet meħtieġa għal dan u jorganizzaw taħriġ xieraq f’dan ir-rigward; jirrakkomanda li din l-offerta tiġi pprovduta wkoll għall-persuni li jkunu għaddejjin minn edukazzjoni professjonali/industrijali (studenti u apprendisti) permezz ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpaniji u l-istabbilimenti edukattivi;

    26.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-opportunitajiet u l-isfidi li jirriżultaw mill-għadd dejjem akbar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-UE, bħala riżultat, fost affarijiet oħra, tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna; jissottolinja l-importanza li jingħata appoġġ lill-migranti, lill-applikanti għall-ażil u lir-rifuġjati biex itejbu l-ħiliet tagħhom u jitħarrġu mill-ġdid u jkollhom aċċess għal impjiegi ta’ kwalità u informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali; jenfasizza li l-miżuri ewlenin biex isir użu aħjar mill-potenzjal tagħhom jinkludu l-finanzjament tat-tagħlim tal-lingwi bħala bażi għall-komunikazzjoni u x-xogħol, kif ukoll l-iffaċilitar tar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom; jissottolinja r-rwol kruċjali tas-sistemi u l-mogħdijiet tal-VET, inklużi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, bħala għodod ewlenin għall-integrazzjoni soċjali u ekonomika taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-applikanti għall-ażil, il-migranti, u r-refuġjati;

    27.

    Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ tagħlim tul il-ħajja għall-persuni kollha fis-soċjetà, speċjalment l-anzjani, li jippermettilhom jitgħallmu u jiksbu ħiliet ġodda u jibqgħu attivi fiżikament u mentalment;

    28.

    Jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni vokazzjonali u l-kisba ta’ ħiliet u kompetenzi ġodda, speċjalment dawk meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u t-tranżizzjoni diġitali; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw, f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-VET, inklużi s-sħab soċjali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali rilevanti, kurrikuli li jenfasizzaw fuq impjiegi meħtieġa biex jadattaw għall-isfidi tat-tranżizzjoni ekoloġika u t-tranżizzjoni diġitali;

    29.

    Filwaqt li jqis l-fatt li l-promozzjoni tal-Patt għall-Ħiliet hija wieħed mill-modi biex jinkiseb dan, jistieden lill-Kummissjoni tfassal is-Sena Ewropea tal-Ħiliet 2023 b’mod olistiku fuq bażi wiesgħa, filwaqt li tevita r-rappreżentazzjoni tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet bħala sempliċement mezz biex jiżdiedu l-kompetittività u l-impjegabbiltà;

    30.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni ma’ korpi konsultattivi tripartitiċi u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistat, iwettqu kampanji u attivitajiet edukattivi, inkluż matul is-Sena Ewropea tal-Ħiliet u permezz ta’ avvenimenti bħall-Euroskills, sabiex jippromwovu l-attraenza u l-opportunitajiet offruti mill-VET ta’ kwalità u t-tagħlim għall-adulti, kif ukoll iwettqu skambju tal-aħjar prattiki f’dan il-qasam;

    31.

    Jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi relatati mal-VET u jipprovdu assistenza, bħal servizzi ta’ konsulenza, lil ċerti impriżi, bħall-SMEs u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, biex jidentifikaw il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u japplikaw għal appoġġ finanzjarju; jindika li, meta l-SMEs ma jkunux jistgħu joffru korsijiet ta’ taħriġ, tali taħriġ ikun jista’ jiġi pprovdut minn organizzazzjonijiet bħall-kmamar tal-artiġjanat jew il-kmamar tal-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-investiment f’miżuri li għandhom l-għan li jintegraw iż-żgħażagħ żvantaġġati u lill-persuni NEET fis-suq tax-xogħol kif ukoll li jnaqqsu t-tluq bikri mill-iskola, li huwa fatt partikolarment prominenti fost il-persuni Rom; jistieden lill-Istati Membri jinvestu fis-saħħa tat-tfal tal-iskola u tal-istudenti, jipprevjenu t-tluq bikri mill-iskola u jappoġġjaw il-konsulenza dwar l-istudji u l-karriera; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), mill-Fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta f’dan il-kuntest;

    32.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-investiment permezz tal-FSE+ biex jappoġġjaw miżuri li għandhom l-għan li jintegraw liż-żgħażagħ żvantaġġati u lill-persuni NEET fis-suq tax-xogħol kif ukoll biex inaqqsu r-rata tat-tluq bikri mill-iskola;

    33.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, jistabbilixxu mekkaniżmu għaċ-ċertifikazzjoni tal-kumpaniji li joffru apprendistati u taħriġ ta’ kwalità għolja f’konformità mal-istandards ta’ kwalità tal-Qafas Ewropew għall-Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati u appoġġjati;

    34.

    Jenfasizza l-benefiċċji li l-mobbiltà internazzjonali tipprovdi kemm lill-istudenti kif ukoll lill-edukaturi fil-VET u jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati skemi ta’ mobbiltà, filwaqt li jitnaqqsu l-ostakli eżistenti għall-mobbiltà; ifakkar li l-parteċipanti fil-VET huma eliġibbli għall-Erasmus+ u jissottolinja li l-appoġġ fi ħdan dan il-programm għandu jkun adattat għall-isfond soċjoekonomiku u l-ħtiġijiet tal-parteċipanti, filwaqt li jitqies ukoll l-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri ospitanti; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw is-Sena Ewropea tal-Ħiliet biex joħolqu momentum ħalli jkomplu jsaħħu l-qafas ta’ mobbiltà tat-tagħlim vokazzjonali;

    35.

    Jisħaq li jeżistu kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet relatati mal-iżviluppi teknoloġiċi, partikolarment dawk fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali u r-realtà virtwali, li se jibdlu l-qasam tal-VET, anke f’termini li se jagħmlu l-opportunitajiet ta’ taħriġ aktar aċċessibbli u bi prezz raġonevoli għal ammont akbar ta’ kumpaniji u ħaddiema; jenfasizza r-responsabbiltà li l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem għandhom biex jippreparaw lill-istudenti, lill-apprendisti u lill-ħaddiema għall-preżenza tal-intelliġenza artifiċjali fuq il-post tax-xogħol u biex jiżviluppaw, b’mod partikolari, ħiliet fil-ħsieb kritiku f’dan ir-rigward; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u min iħaddem sabiex jissaħħu l-kompetenzi diġitali u l-għarfien dwar l-għodod li jużaw l-intelliġenza artifiċjali u l-ġestjoni algoritmika;

    36.

    Jilqa’ l-inizjattivi li għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-tagħlim, bħar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kontijiet tat-tagħlim individwali (34), u l-politiki ta’ valur tal-Istati Membri, bħal-leave edukattiv b’remunerazzjoni;

    37.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 2021, BX vs Unitatea Administrativ Teritorială D., C-909/19, ECLI:EU:C:2021:893.

    (2)   ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

    (3)   ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1.

    (4)   ĠU C 449, 23.12.2020, p. 37.

    (5)  Testi adottati, P9_TA(2023)0053.

    (6)   ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1.

    (7)   ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.

    (8)   ĠU C 444, 10.12.2018, p. 1.

    (9)   ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.

    (10)   ĠU C 342, 6.9.2022, p. 265.

    (11)   ĠU C 479, 16.12.2022, p. 65.

    (12)   ĠU L 125, 11.5.2023, p. 1.

    (13)   https://www.eurofound.europa.eu/system/files/2023-03/ef21010en.pdf

    (14)   ĠU C 504, 14.12.2021, p. 9.

    (15)   “Working conditions in the time of COVID-19: Implications for the future” (Il-kundizzjonijiet tax-xogħol fi żmien il-COVID-19: Implikazzjonijiet għall-futur), Eurofound, 29 ta’ Novembru 2022, disponibbli fuq: https://www.eurofound.europa.eu/mt/publications/report/2022/working-conditions-in-the-time-of-covid-19-implications-for-the-future.

    (16)  L-istatistika tal-Eurostat dwar it-tagħlim fost l-adulti, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Adult_learning_statistics.

    (17)  McKinsey Global Institute, “The future of work in Europe: Automation, workforce transitions and the shifting geography of employment” (Il-futur tax-xogħol fl-Ewropa: Awtomatizzazzjoni, tranżizzjonijiet fil-forza tax-xogħol u l-ġeografija tal-impjiegi li qed tinbidel”, p. iv.

    (18)   https://www.eurofound.europa.eu/en/news/2023/skills-alone-will-not-solve-labour-shortages-europe.

    (19)  Stħarriġ dwar it-Taħriġ Vokazzjonali Kontinwu 2015.

    (20)  Cedefop, “European Skills and Jobs survey” (Stħarriġ Ewropew dwar il-Ħiliet u l-Impjiegi)

    (21)   https://www.cedefop.europa.eu/files/3092_en.pdf

    (22)  L-annessi tal-proposta għal rapport konġunt dwar l-impjiegi mill-Kummissjoni u l-Kunsill li takkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2019 dwar l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli għall-2020 (COM(2019)0653), disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52019DC0653&rid=5.

    (23)  Eurostat (2018), il-Bażi tad-Data tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, 2018.

    (24)  Eurostat, il-Bażi tad-Data tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, 2018.

    (25)  Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea, https://research-and-innovation.ec.europa.eu/statistics/performance-indicators/european-innovation-scoreboard_mt.

    (26)  Sommarju ta’ politika tas-Cedefop, “Challenging digital myths – First findings from Cedefop’s second European skills and jobs survey” (Nisfidaw il-miti diġitali – L-ewwel sejbiet mit-tieni stħarriġ tas-Cedefop dwar il-ħiliet u l-impjiegi),

    https://www.cedefop.europa.eu/files/9173_en.pdf

    (27)  CEEFOP, “European Skills and Jobs survey” (Stħarriġ Ewropew dwar il-Ħiliet u l-Impjiegi).

    (28)   https://www.cedefop.europa.eu/files/9173_en.pdf, p.9.

    (29)   https://www.cedefop.europa.eu/files/9173_en.pdf, p.16.

    (30)   https://www.cedefop.europa.eu/files/9173_en.pdf, p.16.

    (31)   https://www.cedefop.europa.eu/files/9173_en.pdf, p. 14.

    (32)  Il-Kummissjoni Ewropea, Deċennju Diġitali tal-Ewropa: miri diġitali għall-2030, disponibbli fuq: https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/europe-fit-digital-age/europes-digital-decade-digital-targets-2030_mt.

    (33)  Kif imsemmi fil-paragrafu 32 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: approċċ olistiku kondiviż, ĠU C 205, 20.5.2022, p. 17.

    (34)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment, (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 26).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3998/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top