EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IP0245

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2023 dwar Jum Ewropew għall-vittmi tal-kriżi klimatika globali (2023/2740(RSP))

ĠU C, C/2024/488, 23.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/488/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/488/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2024/488

23.1.2024

P9_TA(2023)0245

Jum tal-UE għall-vittmi tal-kriżi klimatika globali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2023 dwar Jum Ewropew għall-vittmi tal-kriżi klimatika globali (2023/2740(RSP))

(C/2024/488)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP21) f’Pariġi fit-12 ta’ Diċembru 2015 (il-Ftehim ta’ Pariġi),

wara li kkunsidra s-sitt rapport ta’ valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, ir-rapport ta’ sinteżi tiegħu dwaru u b’mod partikolari l-evidenza xjentifika l-aktar reċenti u l-aktar komprensiva dwar l-effetti dannużi tat-tibdil fil-klima pprovduti fir-rapport,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 intitolata “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (2),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2021 intitolata “Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” (COM(2021)0082),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi t-tibdil fil-klima qed ikollu impatti mifruxa u profondi fuq l-ekosistemi, l-insedjamenti, l-infrastruttura, l-agrikoltura u l-ktajjen tal-provvista tal-ikel, u jagħmel pressjoni fuq is-sistemi naturali u umani madwar id-dinja, inkluż fl-Ewropa, biex jadattaw ruħhom għal estremi ġodda tat-temp u tal-klima;

B.

billi t-tibdil fil-klima qed iwassal għal fenomeni tat-temp aktar imprevedibbli, inklużi mewġiet ta’ sħana, nirien fil-foresti u għargħar aktar frekwenti u intensi, għal theddid għall-ikel, is-sikurezza u s-sigurtà tal-ilma, u għal mard infettiv li jitfaċċa u jinxtered malajr, u li qed jintensifikaw u jiswew għadd saħansitra ogħla ta’ ħajjiet kemm globalment kif ukoll fl-Ewropa;

C.

billi huwa xieraq li jiġu kkommemorati l-vittmi tal-kriżi klimatika u fl-istess ħin titqajjem kuxjenza dwar it-telf dejjem akbar ta’ ħajjiet umani, l-impatti fuq is-saħħa fiżika u mentali, it-theddid dejjem jikber għall-għajxien u l-kriżijiet umanitarji kkawżati mit-tibdil fil-klima li qed iwasslu għall-ispostament ta’ persuni minn djarhom;

D.

billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni għandhom l-għan li jipproteġu, jikkonservaw u jsaħħu l-kapital naturali tal-Unjoni, u li jipproteġu s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent.

E.

billi hemm ukoll il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar l-azzjonijiet konkreti li jistgħu jittieħdu għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal diżastri bħal dawn; billi għandu jingħata ġieħ lil dawk impenjati f’dan ix-xogħol;

F.

billi l-ħolqien ta’ “Jum tal-UE għall-vittmi tal-kriżi klimatika globali” annwali jgħin biex titqajjem kuxjenza dwar dawn il-kwistjonijiet;

1.

Jitlob li jiġi stabbilit “Jum tal-UE għall-vittmi tal-kriżi klimatika globali” u li l-UE tosserva dan il-jum kull sena fil-15 ta’ Lulju, u dan jibda fl-2023;

2.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jappoġġjaw din l-inizjattiva bil-ħsieb tal-adozzjoni konġunta tagħha mit-tliet istituzzjonijiet kollha kemm huma;

3.

Jipproponi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jikkooperaw mal-Parlament f’dan il-“Jum tal-UE għall-vittmi tal-kriżi klimatika globali” annwali, dwar inizjattivi konġunti li jikkommemoraw lill-vittmi tal-kriżi klimatika globali fl-Ewropa u, permezz tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, fid-dinja, dwar it-tqajjim ta’ kuxjenza fost il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku ġenerali dwar il-passi konkreti li jistgħu jieħdu biex jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta’ dawn id-diżastri milli jseħħu u jkunu ppreparati aħjar għad-diżastri klimatiċi u jirreaġixxu għalihom;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)   ĠU L 114, 12.4.2022, p. 22.

(2)   ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1.

(3)   ĠU C 445, 29.10.2021, p. 156.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/488/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top