Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IP0205

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Mejju 2023 lejn settur tal-algi tal-UE b'saħħtu u sostenibbli (2023/2547(RSP))

    ĠU C, C/2023/1074, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1074/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1074/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2023/1074

    15.12.2023

    P9_TA(2023)0205

    Lejn settur tal-algi tal-UE b'saħħtu u sostenibbli

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Mejju 2023 lejn settur tal-algi tal-UE b'saħħtu u sostenibbli (2023/2547(RSP))

    (C/2023/1074)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-“Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640), l-“Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt” (COM(2020)0381) u l-“Ekonomija blu sostenibbli” (COM(2021)0240),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar it-tliet komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq (1)(2)(3),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Linji gwida strateġiċi għal akkwakultura tal-UE li tkun aktar sostenibbli u kompetittiva għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030” (COM(2021)0236),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Ottubru 2022 dwar l-impenn favur akkwakultura sostenibbli u kompetittiva fl-UE: it-triq ’il quddiem (4),

    wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar “Lejn settur tal-algi tal-UE b’saħħtu u sostenibbli” (O-000015/2023 – B9-0018/2023),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għas-Sajd,

    1.

    Jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn settur tal-algi tal-UE b’saħħtu u sostenibbli” (COM(2022)0592) u jaqbel li hemm potenzjal mhux sfruttat f’dan is-settur; jirrimarka li, filwaqt li d-domanda ġenerali għall-algi hija mistennija tiżdied fis-snin li ġejjin, jistgħu jinħolqu 85 000 impjieg addizzjonali fl-UE jekk tinkiseb iż-żieda prevista fil-produzzjoni tal-algi;

    2.

    Jilqa’ l-objettiv li jiġu żviluppati swieq għall-applikazzjonijiet tal-algi tal-ikel u mhux tal-ikel u li dawn isiru aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali; jenfasizza li l-algi jistgħu jintużaw ukoll għall-għalf tal-annimali u tal-ħut, għall-farmaċewtiċi, għall-imballaġġ, għall-kożmetiċi u għall-bijofjuwils, fost skopijiet oħra;

    3.

    Jirrimarka li s-settur jeħtieġ li jiżviluppa b’mod li ma jaffettwax l-ekwilibriju tal-ekosistemi tal-baħar u għandu jevita li jirrepeti l-istess żbalji ambjentali li saru qabel fuq l-art;

    4.

    Jissottolinja li settur tal-algi tal-UE li qed jikber jista’ jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-UE f’termini tal-iżvilupp ta’ ekonomija blu, li mhux biss jipprovdilna prodotti u materjal tal-ikel ġodda b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, iżda jikkontribwixxi wkoll għas-servizzi tal-ekosistema bħas-sekwestru tal-karbonju u l-assorbiment tan-nutrijenti, kif ukoll inaqqas it-tniġġis, u b’hekk jikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni tal-ekosistemi kostali tagħna; jemmen, f’dan ir-rigward, li jeħtieġ li jiġu mobilizzati aktar fondi tal-UE għal skopijiet ta’ riċerka;

    5.

    Jirrimarka li l-algi u l-mikroalgi jistgħu jirrappreżentaw sors komplementari importanti ta’ proteina fil-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u fis-sigurtà globali tal-ikel, kif enfasizzat fl-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, u jistieden lill-Kummissjoni tqis dan il-potenzjal mhux sfruttat fir-rieżami tagħha tal-politika tal-UE dwar il-proteini;

    6.

    Jinnota li l-komunikazzjoni tidentifika żoni vasti fl-Ewropa adattati għall-kultivazzjoni tal-makroalga; jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-Istati Membri jintegraw il-kultivazzjoni tal-algi fil-pjanijiet spazjali nazzjonali jew reġjonali tagħhom skont id-Direttiva għall-ippjanar tal-ispazju marittimu (5);

    7.

    Jemmen li jeħtieġ li jsir aktar biex tingħata aktar informazzjoni dwar il-metodi ta’ produzzjoni tal-algi u l-kundizzjonijiet tas-suq, u huwa meħtieġ qafas ta’ politika aktar koeżiv sabiex jitnaqqsu l-ostakli li jxekklu t-tkabbir tas-settur tal-algi; jenfasizza l-ħtieġa għal aktar riċerka sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tas-settur biex jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-ambjent, kemm f’termini ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll bħala bjar tal-karbonju blu;

    8.

    Jitlob qafas regolatorju aktar koerenti għas-settur, li jħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu “punti uniċi ta’ servizz” għall-atturi interessati li jibdew jew jespandu l-operazzjonijiet tal-algakultura;

    9.

    Jilqa’ l-azzjonijiet previsti tal-Kummissjoni biex tiżviluppa standards għal tipi differenti ta’ prodotti bbażati fuq l-algi u l-impenn tagħha li tiżviluppa sett ta’ għodod ġdid għall-bdiewa tal-algi; jilqa’ bl-istess mod l-intenzjoni li tiġi żviluppata gwida speċifika biex jiġi promoss l-ikkomplementar tal-għalf ibbażat fuq il-ħut b’għalf ibbażat fuq l-algi; jilqa’ l-proposta li jiġu ffinanzjati proġetti pilota għas-sajjieda li jfittxu li jiżviluppaw il-kultivazzjoni tal-makroalga;

    10.

    Iqis li d-diversifikazzjoni tal-introjtu u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għall-komunitajiet kostali meta jiżviluppaw il-biedja fl-oċeani għandhom jitqiesu li jikkumplementaw b’mod pożittiv il-prattiki tas-sajd sostenibbli;

    11.

    Jilqa’ l-intenzjoni li jitwettqu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni sabiex jiżdied l-għarfien tal-konsumaturi dwar prodotti bbażati fuq l-algi; jinnota li l-pjattaforma EU4Ocean tista’, b’mod konġunt mal-Istati Membri, tqajjem kuxjenza fl-iskejjel u fl-universitajiet dwar il-potenzjal tal-ekonomija blu;

    12.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi finanzjament adegwat għas-settur tal-algi tal-UE, u lill-Istati Membri jkomplu jinkoraġġixxu l-promozzjoni tal-algakultura u jiffaċilitaw l-użu u l-iżvilupp tal-algi bħala ikel u għalf, b’mod partikolari billi jimplimentaw proċessi ta’ awtorizzazzjoni aktar rapidi, mingħajr ma jittraskuraw speċijiet oħra mrobbija fl-akkwakultura;

    13.

    Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta inizjattiva speċifika biex tappoġġa l-konsum tal-algi fl-UE;

    14.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.

    (1)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, ĠU C 270, 7.7.2021, p. 2.

    (2)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent, ĠU C 184, 5.5.2022, p. 2.

    (3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Mejju 2022 lejn ekonomija blu sostenibbli fl-UE: ir-rwol tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, ĠU C 465, 6.12.2022, p. 2.

    (4)   ĠU C 132, 14.4.2023, p. 2.

    (5)  Id-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1074/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top