Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0657

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-Ħżin Ġeoloġiku tad-Diossidu tal-Karbonju

    COM/2023/657 final

    Brussell, 24.10.2023

    COM(2023) 657 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-Ħżin Ġeoloġiku tad-Diossidu tal-Karbonju


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-Ħżin Ġeoloġiku tad-Diossidu tal-Karbonju

    1.INTRODUZZJONI

    Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju 1 (magħrufa bħala d-Direttiva dwar il-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju, jew id-Direttiva CCS) tistabbilixxi qafas legali għall-ħżin ġeoloġiku ambjentalment sikur tad-diossidu tal-karbonju (CO2). Id-Direttiva CCS għandha l-għan li tiżgura li ma jkun hemm l-ebda riskju sinifikanti ta’ tnixxija ta’ CO2 jew ta’ ħsara għas-saħħa jew għall-ambjent, u li tipprevjeni kull effett negattiv fuq is-sigurtà tan-network tat-trasport jew fuq is-siti tal-ħżin.

    Dan ir-rapport jikkostitwixxi r-raba’ rapport ta’ implimentazzjoni dwar id-Direttiva CCS u jkopri l-perjodu ta’ Mejju 2019 - April 2023. Huwa janalizza l-progress li sar mit-tielet rapport ta’ implimentazzjoni 2 . Huwa bbażat fuq ir-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni Ewropea, u mill-Istati taż-ŻEE-EFTA, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (ESA) 3 , f’konformità mal-Artikolu 27 tad-Direttiva CSS. Ħamsa u għoxrin pajjiż 4 ippreżentaw ir-rapporti tagħhom fil-ħin sabiex jiġu kkunsidrati f’dan ir-rapport.

    2.KWISTJONIJIET SPEĊIFIĊI TAL-IMPLIMENTAZZJONI FL-ISTATI MEMBRI

    2.1 Tibdil, rieżamijiet u aġġornamenti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-implimentazzjoni

    Mit-tielet rapport ta’ implimentazzjoni, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Greċja, Franza, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Finlandja, l-Iżvezja u l-Iżlanda rrapportaw bidliet fil-leġiżlazzjoni tagħhom li timplimenta d-Direttiva CCS. Dawn il-bidliet jinkludu l-ftuħ ta’ żoni għall-ħżin, l-istabbiliment ta’ proċessi għall-ħruġ tal-permessi u l-ħatra ta’ awtoritajiet kompetenti.

    Wara li ppermettiet proġetti ta’ esplorazzjoni u riċerka mill-2015, mill-2021 l-Iżlanda ppermettiet il-ħżin ġeoloġiku fuq skala industrijali tad-diossidu tal-karbonju (CO2) fit-territorju tagħha. L-Ungerija stabbiliet regoli dettaljati għall-istrutturi ġeoloġiċi adatti għall-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

    Id-Danimarka stabbiliet leġiżlazzjoni sabiex tiftaħ ċerti oqsma għall-għoti kontinwu ta’ permessi għall-esplorazzjoni u għall-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, filwaqt li ħatret l-awtorità nazzjonali għall-ħruġ tal-permessi u ppermettiet il-parteċipazzjoni tal-Istat f’kull permess għall-ħżin. Il-Greċja ħatret l-awtorità kompetenti u stabbiliet proċessi għall-ħruġ tal-permessi għall-operaturi ekonomiċi bid-drittijiet eżistenti għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi fiż-żoni rilevanti.

    Franza speċifikat u ssimplifikat il-proċeduri għall-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali meħtieġa fil-kuntest tal-permessi għall-esplorazzjoni jew għall-ħżin. Il-Finlandja tagħti prijorità lill-proġetti tas-CCS fil-ħruġ tal-permessi ambjentali. Il-Bulgarija u l-Iżvezja ċċaraw il-mod kif jimplimentaw ir-rekwiżiti ta’ wara l-għeluq stabbiliti fid-Direttiva. Reviżjonijiet addizzjonali tal-leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni għadhom għaddejjin fil-Belġju u fl-Iżlanda.

    Fiż-żmien tar-rapportar, il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju huwa permess fl-Istati Membri kollha, fl-Iżlanda u fin-Norveġja ħlief fil-Ġermanja, fl-Estonja, fl-Irlanda 5 , f’Ċipru, fil-Latvja 6 , fl-Awstrija, fil-Finlandja u fis-Slovenja. Fil-Litwanja, il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju ilu pprojbit minn Lulju 2020.

    2.2 Permessi għall-esplorazzjoni u permessi għall-ħżin

    a) Proċess/applikazzjoni għall-ħruġ tal-permessi

    Id-Danimarka, Franza, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Iżlanda u n-Norveġja stabbilew proċessi li permezz tagħhom l-applikanti għall-permessi għall-ħżin jistgħu jikkomunikaw mal-awtorità kompetenti għall-ħruġ tal-permessi. Dawn l-Istati Membri jistiednu lill-applikanti potenzjali biex jikkuntattjaw u jikkomunikaw mal-awtoritajiet għal informazzjoni u pariri. Malta beħsiebha tikkomunika b’mod proattiv ma’ applikanti futuri potenzjali. Il-Portugall bħalissa qiegħed jiżviluppa proċessi għal applikazzjonijiet futuri għal permessi. Il-liġi tal-Iżlanda tipprevedi l-għażla ta’ konsultazzjoni minn qabel bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt ambjentali. Il-liġi Norveġiża tobbliga lill-awtoritajiet Norveġiżi jipprovdu gwida lill-partijiet ikkonċernati.

    b) Permessi għall-ħżin

    Mit-tielet rapport ta’ implimentazzjoni, in-Netherlands huwa l-uniku pajjiż rapportatur li ħareġ permessi għall-ħżin. Fl-2021 u fl-2022, inħarġu żewġ permessi, bħala parti mill-proġett ta’ Porthos, li se jaħżen is-CO2 f’sit tat-tħaffir għall-gass eżawrit fil-Baħar tat-Tramuntana.

    c) Permessi għall-esplorazzjoni

    Mill-aħħar rapport ta’ implimentazzjoni, id-Danimarka kkonkludiet l-ewwel proċess ta’ sejħa għall-offerti tagħha għal liċenzji lil hinn mill-kosta għall-esplorazzjoni u għall-ħżin fuq skala sħiħa tas-CO2 f’żoni speċifiċi fuq il-blata kontinentali Daniża. Id-Danimarka tat tliet permessi għall-esplorazzjoni offshore.

    Il-Greċja ħarġet permess wieħed għall-esplorazzjoni għall-ħżin tas-CO2 sabiex tesplora l-potenzjal tal-ħżin fil-kumpless ta’ Prinos, fejn id-detentur tal-permess bħalissa għandu d-drittijiet għall-esplorazzjoni u għall-produzzjoni taż-żejt u tal-gass.

    In-Norveġja tat tliet permessi għall-esplorazzjoni fl-2022, tnejn għal żoni fil-Baħar tat-Tramuntana u wieħed għal żona fil-Baħar ta’ Barents. Fl-2023, in-Norveġja tat żewġ permessi oħrajn għall-esplorazzjoni fil-Baħar tat-Tramuntana.

    L-Istati ta’ rapportar l-oħrajn ma taw l-ebda permess għall-esplorazzjoni fil-perjodu ta’ rapportar u ma rrapportaw l-ebda applikazzjoni ppreżentata.

    d) Pjanijiet tal-operaturi li japplikaw għall-permessi għall-ħżin

    In-Netherlands innotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bi tliet applikazzjonijiet għall-ħżin għaż-żoni offshore, jiġifieri għall-K14-FA minn Shell International Exploration u Production B.V. u Shell Gas & Power Developments B.V., għall-P18-6 minn TAQA Offshore B.V. u EBN CCS B.V., u L04-A minn TotalEnergies EP Nederland B.V..

    L-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja jinnotifikaw l-applikazzjonijiet għall-permessi lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA (ESA). L-ESA bħalissa qiegħda tirrieżamina applikazzjoni waħda għal permess għall-ħżin mill-Iżlanda u waħda min-Norveġja. L-Iżlanda tistenna li tirċievi applikazzjoni oħra fil-bidu tal-2024.

    L-Istati Membri li ġejjin qed jistennew li jirċievu diversi applikazzjonijiet għall-permessi għall-ħżin fl-2023 u fl-ewwel nofs tal-2024: In-Netherlands (2-3), il-Greċja (1), u r-Rumanija (1).

    Id-Danimarka u Franza qed jistennew li jirċievu aktar applikazzjonijiet fis-snin li ġejjin, Franza fil-bidu tal-2024 u d-Danimarka sal-2028, skont il-progress tal-proġetti li għaddejjin.

    2.3 Għażla taż-żoni għas-siti tal-ħżin

    Ħames Stati Membri jirrapportaw li ddeterminaw żoni li minnhom jistgħu jintgħażlu s-siti tal-ħżin. Franza u Spanja semmew b’mod espliċitu t-territorju kollu tagħhom bħala sit tal-ħżin potenzjali. L-Ungerija, ir-Rumanija u l-Iżlanda ma semmew l-ebda limitazzjoni speċifika fiż-żoni tagħhom, filwaqt li n-Netherlands jeskludi ż-żoni fuq l-art. Id-Danimarka ħatret żoni speċifiċi għall-ħżin ġeoloġiku potenzjali tas-CO2 u bħalissa qiegħda twettaq valutazzjoni biex tagħżel sa tmien siti ta’ ħżin addizzjonali. Fiż-żmien tar-rapportar, l-Iżvezja kienet ukoll fil-proċess li tinvestiga u tiddefinixxi siti ta’ ħżin potenzjali speċifiċi. Il-Polonja tiddikjara li ddefiniet iż-żoni ta’ ħżin fl-2014 u minn dak iż-żmien ’l hawn ma ddefiniet l-ebda żona ġdida.

    Il-Greċja qiegħda tippjana li tiddetermina żoni addizzjonali li minnhom jistgħu jintgħażlu s-siti tal-ħżin u bħalissa tinsab fil-proċess li twettaq l-istudji ġeoloġiċi rispettivi. Fiż-żmien tar-rapportar, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovenja kienu fi stadji differenti ta’ investigazzjoni u definizzjoni ta’ siti ta’ ħżin addizzjonali. Iċ-Ċekja tiddikjara li l-akwiferi tal-ilma mielaħu s-siti tat-tħaffir għaż-żejt u għall-gass eżawriti jkunu disponibbli bħala siti tal-ħżin, iżda b’kapaċità limitata biss.

    Fost il-pajjiżi li qegħdin jippjanaw li jiddeterminaw żoni ta’ ħżin addizzjonali, għaxra jagħtu prijorità lil possibbiltajiet ġeoloġiċi speċifiċi, jiġifieri akwiferi tal-ilma mielaħ (CZ, DK, EL, HU, PL, PT, SE, NO), siti tat-tħaffir għall-idrokarbur eżawriti (CZ, EL, PL, RO) jew formazzjonijiet tal-blat mafiċi (EL, PT, IS).

    In-Netherlands u r-Rumanija huma l-uniċi pajjiżi ta’ rapportar fejn ċerti żoni mhux neċessarjament jirrikjedu permess għall-esplorazzjoni biex jiġġeneraw l-informazzjoni meħtieġa għall-għażla tas-siti tal-ħżin. Dan jikkonċerna l-ħżin tas-CO2 f’siti taż-żejt jew tal-gass eżawriti, li ma jirrikjedux attivitajiet ġodda ta’ esplorazzjoni, minħabba li d-data eżistenti titqies suffiċjenti. Fil-pajjiżi ta’ rapportar l-oħrajn kollha, huma meħtieġa permessi għall-esplorazzjoni għall-kumpaniji kollha biex tiġi ġġenerata l-informazzjoni meħtieġa dwar is-sottoswol.

    Sitt Stati Membri (iċ-Ċekja, id-Danimarka, Spanja, Franza, in-Netherlands, u r-Rumanija) kif ukoll l-Iżlanda jirrapportaw li hemm jew li se jkun hemm informazzjoni disponibbli għaċ-ċittadini dwar ir-riskji ambjentali u/jew tas-saħħa relatati mal-ħżin ġeoloġiku tas-CO2. Fin-Netherlands u fir-Rumanija tali informazzjoni se tkun disponibbli għall-pubbliku flimkien mal-applikazzjonijiet rispettivi għall-permessi. Fl-2023, Franza wettqet konsultazzjoni pubblika dwar il-linji gwida strateġiċi inizjali tagħha biex tiggwida l-varar tat-teknoloġiji tal-Qbid, il-Ħżin u l-Użu tal-karbonju (CCUS).

    2.4 Aċċess ġust u miftuħ ta’ partijiet terzi

    Fiż-żmien tar-rapportar, l-ebda pajjiż ta’ rapportar ma jaf dwar operaturi prospettivi tat-trasport u/jew tal-ħżin li jirrifjutaw li jagħtu aċċess għall-faċilitajiet tagħhom minħabba raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kapaċità. Madankollu, diversi pajjiżi ta’ rapportar għandhom proċeduri stabbiliti biex jiżguraw li l-utenti potenzjali jkunu jistgħu jiksbu aċċess ġust u miftuħ għan-networks tat-trasport u għas-siti tal-ħżin. Fil-Belġju, fid-Danimarka, fil-Ġermanja, fi Franza, fin-Netherlands, fl-Awstrija, fil-Polonja, fil-Portugall, fis-Slovenja, fl-Iżlanda u fin-Norveġja hemm stabbiliti miżuri leġiżlattivi għal dak l-iskop.

    2.5 Kooperazzjoni transfruntiera

    Il-postijiet tal-opportunitajiet ta’ ħżin ġeoloġiku inizjali tas-CO2 u l-industriji intensivi fl-enerġija li diffiċli jitnaqqsu, li jistgħu jaqbdu l-emissjonijiet tas-CO2 ma humiex imqassma b’mod ugwali fost l-Istati Membri u l-pajjiżi taż-ŻEE. Dan jirrikjedi kooperazzjoni transfruntiera fir-rigward tas-siti tat-trasport u/jew tal-ħżin tas-CO2.

    B’kollox, diversi pajjiżi ta’ rapportar appoġġaw 18-il applikazzjoni għal Proġetti ta’ Interess Komuni (PCI) jew Proġetti ta’ Interess Reċiproku (PMI) li jkopru t-trasport transfruntier tas-CO2, f’konformità mar-Regolament TEN-E rivedut 7 (BE, DK, DE, ES, FR, HR, LV, LT, HU, NL, PL, SE, NO).

    Il-Belġju u d-Danimarka rrapportaw proġett transfruntier li għaddej fejn is-CO2 li jinqabad fil-Belġju jiġi ttrasportat lejn id-Danimarka għall-ħżin. In-Netherlands irrapportaw dwar il-PCI tal-ARAMIS li għaddej, li għandu l-għan li jimporta s-CO2 għall-ħżin fin-Netherlands.

    Il-Belġju jirrapporta diversi proġetti tranżnazzjonali li għaddejjin dwar it-trasport u l-ħżin. Il-Kroazja u l-Ungerija qegħdin iħejju proġett għat-trasport tas-CO2 għall-ħżin fil-Kroazja. Il-Litwanja (2) u l-Polonja (1) appoġġaw applikazzjonijiet ta’ proġetti li għandhom jingħataw l-istatus ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni. Il-kumpaniji Żvediżi li qed jippjanaw li jaqbdu s-CO2 jinsabu f’kuntatt mal-operaturi tal-ħżin fin-Norveġja u fid-Danimarka. Fl-Iżlanda, il-proġett tat-Terminal Coda għandu l-għan li jimporta s-CO2 maqbud għall-ħżin ġeoloġiku u huwa appoġġat mill-Fond għall-Innovazzjoni tal-ETS.

    Tliet Stati Membri li huma parti għall-Protokoll internazzjonali tal-1996 għall-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis Marittimu permezz tar-Rimi tal-Iskart u ta’ Materja Oħra, 1972 (“il-Protokoll ta’ Londra”) – il-Belġju, id-Danimarka u n-Netherlands – iffirmaw Memoranda ta’ Qbil konġunti dwar it-trasport transfruntier tas-CO2 bejniethom bl-iskop ta’ ħżin ġeoloġiku.

    Dawn il-Memoranda ta’ Qbil kienu limitati għal kwistjonijiet residwi li ma humiex koperti mid-dritt tal-Unjoni, bħall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-permessi. Id-Direttiva 2009/31 u d-Direttiva 2003/87 huma l-qafas legali applikabbli stabbilit fiż-Żona Ekonomika Ewropea għall-qbid, għat-trasport transfruntier u għall-ħżin ġeoloġiku sikur tad-diossidu tal-karbonju bejn l-Istati Membri tal-UE u ż-ŻEE.

    Għaldaqstant, kwalunkwe operatur tan-networks tat-trasport tas-CO2 u/jew tas-siti tal-ħżin tas-CO2 igawdi l-benefiċċju sħiħ tal-qafas legali tal-UE għall-importazzjoni jew l-esportazzjoni tas-CO2 maqbud. Il-qafas legali implimentat tal-UE 8 jaġixxi bħala l-“arranġament” rilevanti bejn il-Partijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 6(2) tal-Protokoll ta’ Londra, minħabba l-allinjament sostantiv mar-rekwiżiti tal-Protokoll ta’ Londra 9 .

    2.6 Programmi nazzjonali u internazzjonali u proġetti ta’ riċerka

    Maġġoranza tal-pajjiżi ta’ rapportar (BE, DK, DE, ES, FR, LT, NL, PT, RO, SI, FI SE, IS, NO) għandhom stabbiliti programmi jew pjanijiet operazzjonali nazzjonali biex jappoġġaw ir-riċerka, id-dimostrazzjoni u l-użu tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-programmi ma humiex iddedikati esklużivament għall-qbid u għall-ħżin tal-karbonju.

    Seba’ pajjiżi ta’ rapportar għandhom stabbiliti miżuri/programmi biex jappoġġaw finanzjarjament l-iżvilupp jew l-użu tas-CCS. Dawn il-pajjiżi huma l-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands, is-Slovenja u n-Norveġja. Il-Greċja u l-Iżvezja qed jippjanaw tali appoġġ.

    16-il Stat Membru (BE, DK, DE, EE, EL, ES, FR, LT, MT, NL, AT, PL, PT, RO, FI, SE) huma involuti fi proġetti ta’ riċerka nazzjonali jew Ewropej li għaddejjin li jindirizzaw suġġetti rilevanti għall-implimentazzjoni tad-Direttiva, bħall-ENCASE 10  (iffinanzjat permezz tal-Programm Orizzont Ewropa), SHARP u RETURN (iffinanzjat permezz tal-ERA-NET ACT (Aċċellerazzjoni tat-Teknoloġiji tas-CCS)) 11 , CCS4CEE 12 , u PilotSTRATEGY 13 . L-Istati Membri involuti f’tali proġetti huma l-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, il-Finlandja u l-Iżvezja.

    Lil hinn minn dawn il-proġetti, għaxar Stati Membri jirrapportaw li għandhom pjanijiet ulterjuri biex jappoġġaw l-evalwazzjoni tas-siti tal-ħżin tas-CO2, sabiex iħejju għall-infrastruttura tat-trasport tas-CO2 jew għall-istabbiliment ta’ ċentri u raggruppamenti tas-CO2. Dawn l-Istati Membri huma ċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza, il-Litwanja, l-Ungerija, in-Netherlands, il-Polonja u l-Iżvezja. Dawk il-pjanijiet jinsabu fi stadji differenti ta’ żvilupp.

    2.7 Prontezza għall-qbid tas-CO2

    Skont l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2001/80/KE 14 , meta operatur japplika għal liċenzja biex imexxi impjant ta’ kombustjoni bi produzzjoni elettrika nominali ta’ 300 megawatt jew aktar, dan irid jivvaluta l-fattibbiltà teknika u ekonomika tal-qbid, tat-trasport u tal-ħżin tal-karbonju. Jekk din il-valutazzjoni tkun pożittiva, irid jitħalla l-ispazju fuq is-sit tal-installazzjoni għat-tagħmir meħtieġ għall-ġbir u għall-kompressjoni tas-CO2.

    Il-Belġju, il-Ġermanja u l-Polonja biss għandhom impjanti tal-kombustjoni bi produzzjoni elettrika nominali ta’ 300 MW jew aktar li rċevew permess mill-aħħar rapport ta’ implimentazzjoni. Fiż-żmien tar-rapportar, kien hemm ħames impjanti bħal dawn ippjanati fil-Belġju, li erbgħa minnhom qed jippjanaw li jħallu l-ispazju għal modifika possibbli tat-teknoloġija tal-qbid tal-karbonju.

    Fil-Polonja, hemm tmien impjanti tal-enerġija bħal dawn, li erbgħa minnhom kienu ppjanati jew qegħdin jinbnew, u erbgħa minnhom kienu qegħdin joperaw fiż-żmien tar-rapportar. Dawn l-impjanti kollha ħallew jew qegħdin jippjanaw li jħallu żona speċifika għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet ta’ qbid tas-CO2.

    Fil-Ġermanja, tali żewġ impjanti tal-enerġija rċevew permess mill-aħħar rapport. L-impjanti bdew joperaw fl-2020 u fl-2022, rispettivament, u t-tnejn li huma ħallew żoni għall-modifika ta’ faċilitajiet ta’ qbid tas-CO2. Fil-Litwanja, tali impjant tal-enerġija rċieva permess mill-aħħar rapport.

    2.8. Oħrajn

    Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa finanzjarjament proġetti għall-qbid ta’ 4,6 miljun tunnellata ta’ CO2 fis-sena u għażlet diversi proġetti li jirrappreżentaw 5,8 miljun tunnellata oħra ta’ CO2 għall-ftehimiet ta’ għotja fl-ambitu tal-Fond għall-Innovazzjoni tal-ETS għall-ħżin permanenti fiż-ŻEE 15 . Mill-aħħar rapport ta’ implimentazzjoni, il-proġetti li applikaw għall-Fond għall-Innovazzjoni tal-ETS ippjanaw li jaqbdu aktar minn 20 miljun tunnellata ta’ CO2, filwaqt li jissottolinjaw il-ħtieġa urġenti u l-opportunità tas-suq biex jiġu żviluppati siti tal-ħżin tas-CO2 f’konformità mad-Direttiva CCS fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

    3.KONKLUŻJONIJIET

    Id-Direttiva CCS ġiet applikata b’mod korrett matul il-perjodu ta’ rapportar fl-Istati Membri tal-UE, li kienu ppreżentaw rapporti lill-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Lulju 2023.

    Mit-tielet rapport ta’ implimentazzjoni fl-2019, ġie rrapportat progress konsiderevoli fir-rigward tal-użu ta’ siti ta’ ħżin tas-CO2 b’mod partikolari iżda mhux biss fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana fil-forma ta’ permessi għall-esplorazzjoni mogħtija (jew li dalwaqt se jingħataw), li huma pass importanti lejn permess għall-ħżin.

    L-Istati Membri tal-UE u n-Norveġja jkomplu jappoġġaw jew jippjanaw li jappoġġaw fil-futur qrib, permezz tal-programmi jew il-fondi nazzjonali tagħhom, l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ dimostrazzjoni dwar is-CCS. Barra minn hekk, bosta pajjiżi huma involuti f’għadd ta’ proġetti Ewropej ta’ riċerka u kollaborazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju mal-Fond għall-Innovazzjoni tal-ETS, inklużi proġetti tal-katina tal-valur sħiħa li jikkombinaw il-qbid, it-trasport u l-ħżin.

    (1)

    Id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114-135

    (2)

    COM(2019)566, Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/31/KE dwar il-Ħżin Ġeoloġiku tad-Dijossidu tal-Karbonju

    (3)

    Rapport li ġej mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont id-Direttiva CCS għall-Istati taż-ŻEE-EFTA

    (4)

    Il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, Ċipru, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja

    (5)

    Informazzjoni bbażata fuq rapportar preċedenti.

    (6)

    Ibid.

    (7)

    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.L_.2022.152.01.0045.01.ENG&toc=OJ%3AL%3A2022%3A152%3ATOC

    (8)

    It-trattat taż-ŻEE u l-inkorporazzjoni taż-żewġ direttivi kkonċernati fir-reġim legali taż-ŻEE jipprovdu l-arranġament meħtieġ mas-sħab taż-ŻEE.

    (9)

    Għat-trasport tas-CO2 minn Stat Membru għal ieħor fiż-Żona Ekonomika Ewropea, l-Istati Membri li huma partijiet għall-Protokoll ta’ Londra għadhom meħtieġa li l-ewwel jiddepożitaw mas-Segretarjat tal-Protokoll ta’ Londra dikjarazzjoni formali ta’ applikazzjoni provviżorja tal-emenda tal-2009 għall-Protokoll ta’ Londra, anke jekk ma jkun hemm l-ebda kwistjoni addizzjonali li għandha tiġi koperta. Għalhekk, ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġi ffirmat ftehim jew arranġament bilaterali.

    (10)

    https://cordis.europa.eu/project/id/101094664

    (11)

    http://www.act-ccs.eu/

    (12)

    https://ccs4cee.eu/

    (13)

    https://pilotstrategy.eu/about-the-project

    (14)

    Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni

    (15)

    https://climate.ec.europa.eu/eu-action/funding-climate-action/innovation-fund/what-innovation-fund_en

    Top