Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0641

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-pjan direzzjonali tal-UE biex jiġi miġġieled it-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata

    COM/2023/641 final

    Brussell, 18.10.2023

    COM(2023) 641 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar il-pjan direzzjonali tal-UE biex jiġi miġġieled it-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata


    1.Introduzzjoni

    1 Il-kummerċ tad-drogi mmexxi mill-kriminalità organizzata huwa wieħed mill-aktar theddidiet serji għas-sigurtà li qed tiffaċċja l-Ewropa llum, u s-sitwazzjoni qed teskala: dan huwa muri b’mod ċar biż-żieda bla preċedent ta’ drogi illeċiti disponibbli fl-Ewropa, b’mod partikolari l-kokaina mill-Amerka t’Isfel. F’Awwissu 2023, ir-rekord ta’ 8 tunnellati ta’ kokaina maqbuda f’Rotterdam (in-Netherlands) dam biss ġimagħtejn peress li dan inkiser bil-qabda ta’ 9,5 tunnellati ta’ droga fil-port ta’ Algeciras (Spanja). Hemm ukoll tħassib dejjem akbar dwar il-produzzjoni u l-proliferazzjoni ta’ drogi sintetiċi fl-Ewropa, li huma ttraffikati globalment. Analiżi konġunta li saret mill-Europol u miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) uriet li t-traffikar tad-droga huwa waħda mill-attivitajiet ewlenin li jiġġeneraw il-profitti tal-kriminalità organizzata, stmat li tirrappreżenta madwar għoxrin fil-mija tar-rikavati mill-kriminalità globali.

    2 3 4 Fl-isforzi tagħhom biex jagħmlu profitti kbar, in-networks kriminali jużaw vjolenza, korruzzjoni u intimidazzjoni estremi. Barra minn hekk, huma kapaċi ħafna jagħmlu rabtiet u jaħbu l-pjanijiet tagħhom, kif muri miż-żarmar ta’ għodod ta’ komunikazzjoni kriptati bħall-EncroChat, li wassal għal mill-inqas 6 558 arrest madwar id-dinja. Ir-reati ekonomiċi u finanzjarji huma kruċjali biex jiġu appoġġati l-attivitajiet kriminali kollha, u l-korruzzjoni hija strumentali għan-networks kriminali. Skont l-istimi tal-Europol, 60 % tan-networks kriminali li joperaw fl-UE jużaw metodi korrotti biex jilħqu l-objettivi illeċiti tagħhom. Fl-2020 u fl-2021 ġew issekwestrati bħala medja fis-sena madwar EUR 4,1 biljun ta’ assi kriminali fl-Istati Membri tal-UE. Dan jirrappreżenta żieda sostanzjali meta mqabbel mas-snin preċedenti, iżda xorta għadu inqas minn 2 % tar-rikavati annwali stmati tal-kriminalità organizzata. Dan id-dħul kbir li jinkiseb permezz ta’ attivitajiet illeċiti jintuża għal attivitajiet kriminali oħra u għal ħasil minn kartelli professjonali tal-ħasil tal-flus. Id-dħul imbagħad jiġi investit biex jinfiltra l-ekonomija legali, u dan għandu konsegwenzi estensivi u destabbilizzanti għas-soċjetà, għall-istat tad-dritt u għall-fiduċja fl-awtoritajiet pubbliċi.

    5 Bħala konsegwenza viżibbli ħafna ta’ din it-theddida, il-firxa globali tal-kriminali u l-ħakma qawwija tal-ktajjen tal-provvista tat-traffikar tad-droga wasslu għal mewġa ta’ vjolenza fit-toroq. L-għadd kbir ta’ vittmi ma huwiex biss fost il-gruppi rivali nfushom, iżda wkoll fost persuni innoċenti. Fl-2023, dan inkluda tifel ta’ 11-il sena f’Antwerp (il-Belġju) f’Jannar, tifel ta’ 10 snin f’Awwissu f’Nîmes (Franza) u tifel ta’ 13-il sena fi Stokkolma (l-Iżvezja), li lkoll mietu bħala konsegwenza ta’ vjolenza relatata mad-droga. Barra minn hekk, huwa stmat li fl-2021, 6 200 persuna fl-UE mietu minn doża eċċessiva ta’ droga.

    Id-daqs tat-theddida u l-firxa tagħha madwar id-dinja jitolbu li tittieħed azzjoni b’saħħitha u sostenibbli fil-livelli tal-UE u globali. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi pjan direzzjonali tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata. Il-pjan direzzjonali jistabbilixxi 17-il azzjoni f’erba’ oqsma ta’ prijorità: li tissaħħaħ ir-reżiljenza taċ-ċentri loġistiċi b’Alleanza Ewropea għall-Portijiet, li jiġu eliminati n-networks kriminali, li jiżdiedu l-isforzi ta’ prevenzjoni u li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati fl-2024 u fl-2025.

    2.L-istrateġija u r-rispons tal-UE

    6 7 L-istrateġija tal-UE biex tindirizza l-kriminalità organizzata għall-2021-2025 u l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar id-drogi għall-2021-2025 (“l-istrateġiji tal-UE”) jistabbilixxu politiki olistiċi tal-UE biex jindirizzaw dawn it-theddidiet ibbażati fuq azzjoni konġunta mill-UE u mill-Istati Membri.

    Bħalissa, l-UE qed timplimenta dawn l-istrateġiji u se tkompli taħdem biex tilħaq l-objettivi tagħha kif enfasizzat fis-Sitt Rapport ta’ Progress dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 8 . L-istrateġija tal-UE għall-indirizzar tal-kriminalità organizzata qed tikkontribwixxi biex jiġu intensifikati l-isforzi kollettivi tal-UE fil-ġlieda kontra n-networks kriminali. Fl-istess ħin, bl-istrateġija dwar id-drogi u bil-pjan ta’ azzjoni, l-UE stabbiliet il-ħidma għal approċċ ibbilanċjat u multidixxiplinari li għandu l-għan li jnaqqas il-provvisti tad-droga billi jtejjeb is-sigurtà, inaqqas id-domanda għad-droga b’servizzi ta’ prevenzjoni, ta’ trattament u ta’ kura u jindirizza l-ħsara relatata mad-droga. Kif stabbilit fl-istrateġija, fl-2024, il-Kummissjoni se tniedi evalwazzjoni esterna dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar id-drogi bil-għan li tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rebbiegħa tal-2025.

    9 10 11 12 13 F’termini ta’ inizjattivi ta’ politika, il-Kummissjoni ressqet diversi proposti leġiżlattivi biex issaħħaħ il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra n-networks kriminali. Dan jinkludi t-tisħiħ tad-Direttiva dwar l-Irkupru u l-Konfiska tal-Assi, l-emenda tad-Direttiva 2019/1153 li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jaċċessaw reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji, li jiffaċilita l-investigazzjonijiet finanzjarji, u pakkett għat-tisħiħ tar-regoli tal-UE kontra l-ħasil tal-flus. Il-Kummissjoni adottat ukoll proposta biex tiġi riformata l-Unjoni Doganali tal-UE. Dan se jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-kapaċità tad-dwana li twaqqaf merkanzija mhux sikura jew illegali milli tidħol fl-UE u jtejjeb b’mod sostanzjali l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u tal-infurzar tal-liġi. Barra minn hekk, f’Mejju 2023, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

    14 15 16 17 Il-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi żdiedu bit-tisħiħ tal-mandat tal-Europol, il-proposta għal Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija, li wassal għal rakkomandazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni operazzjonali tal-pulizija, u l-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Ir-reviżjoni proposta tar-Regolament ta’ Prüm se tkompli tikkontribwixxi għal dawn l-isforzi.

    18 19 F’dawn l-aħħar snin, ir-rispons ġudizzjarju tal-UE ttejjeb ukoll: l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) twaqqaf bħala uffiċċju indipendenti tal-prosekuzzjoni pubblika, responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, u t-tressiq ta’ reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE quddiem il-ġustizzja. L-UPPE huwa kompetenti wkoll għal reati rigward il-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, jekk l-enfasi tal-attività kriminali ta’ tali organizzazzjoni tkun li jitwettqu reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Barra minn hekk, biex l-UE tagħmilha aktar faċli u aktar malajr li l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji jaċċessaw l-informazzjoni li jeħtieġu, hija adottat pakkett dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika.

    20 Sabiex jiġi appoġġat ir-rispons kollettiv tal-UE għad-drogi, issaħħaħ il-mandat tal-EMCDDA. Dan għandu l-għan, b’mod partikolari, li jtejjeb il-valutazzjoni tat-theddid u l-kapaċità ta’ twissija bikrija tiegħu u li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għall-użu ta’ polidroga, is-swieq u l-provvista tad-droga, u l-prekursuri tad-droga. L-EMCDDA se jsir l-Aġenzija l-ġdida tal-UE kontra d-Drogi u se jibda jopera fit-2 ta’ Lulju 2024. L-Aġenzija l-ġdida se twettaq valutazzjonijiet tat-theddid għas-saħħa u s-sigurtà fuq id-drogi sintetiċi. L-Aġenzija se timmonitorja mill-qrib ukoll l-iżviluppi tad-droga sintetika fl-UE u se tqis dan fl-iżvilupp ta’ kontromiżuri. L-iżvilupp ta’ sistema Ewropea ta’ twissija kontra d-drogi biex l-awtoritajiet nazzjonali u l-utenti (potenzjali) tad-droga jiġu infurmati malajr meta jidħlu fis-suq sustanzi perikolużi ġodda se jkun ukoll pass importanti. Fl-aħħar nett, il-mandat il-ġdid jipprevedi li l-Aġenzija teżamina l-prekursuri tad-droga u tistabbilixxi network ta’ laboratorji forensiċi u tossikoloġiċi biex tidentifika sustanzi ġodda u xejriet possibbli.

    21 22 Fil-livell operazzjonali, l-UE saħħet l-appoġġ tagħha għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri. Il-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), l-approċċ operazzjonali mmexxi mill-Istati Membri għas-sigurtà interna tal-UE, issa hija strument permanenti b’finanzjament akbar. Il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali se tkompli fl-EMPACT bl-appoġġ tal-Kummissjoni. In-Network Operazzjonali Kontra l-Gruppi Kriminali Organizzati bi Stil Mafjuż jappoġġa investigazzjonijiet kumplessi kontra networks kriminali b’riskju għoli. Diġà fl-2022, dan wassal għal riżultati operazzjonali eċċellenti: Saru 121 arrest u ġew sekwestrati EUR 12-il miljun fi flus. Ġew identifikati 42 network kriminali, u aktar minn 50 kriminal ta’ livell għoli ġew investigati u tressqu l-qorti bl-appoġġ tal-Europol u tal-Eurojust. Attwalment immexxija mill-Belġju fl-2022-2023 u mill-Italja mill-2024-2025, il-Kummissjoni tappoġġa l-objettivi u l-approċċ innovattiv ta’ din il-prijorità l-ġdida u tistieden lill-Istati Membri u lis-sħab internazzjonali kollha biex jieħdu sehem. Barra minn hekk, l-eliminazzjoni tan-networks ta’ komunikazzjoni kriptati, EncroChat, SkyECC u AN0M, appoġġata mill-Europol, wasslet għal ħafna arresti u sekwestri. B’mod partikolari, dan ta intuwitu siewi dwar l-attivitajiet tan-networks kriminali u dwar il-metodi tagħhom. L-Europol appoġġat ħafna investigazzjonijiet oħra ta’ suċċess li twettqu mill-Istati Membri, bħall-Operazzjoni Desert Light f’Novembru 2022, li fiha ġie eliminat “kartell kbir ħafna” ta’ traffikanti tal-kokaina. 

    23 24 Is-suċċess taċ-Ċentru għall-Analiżi u l-Operazzjonijiet Marittimi – Narkotiċi (MAOC (N)) fl-appoġġ tal-interdizzjonijiet marittimi s’issa wassal għall-qbid ta’ 327,653 tunnellata ta’ kokaina u 667,344 tunnellata ta’ kannabis. Barra minn hekk, il-Belġju u l-Ġermanja bdew il-proċess biex jissieħbu fl-MAOC (N). L-Istrateġija riveduta tal-UE dwar is-Sigurtà Marittima u l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha jikkonfermaw l-impenn għal operazzjonijiet konġunti fil-pajjiżi tat-tluq u fil-portijiet tal-UE, li jinvolvu l-MAOC-N, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri, u s-Servizzi/l-Aġenziji tal-Kummissjoni Ewropea.

    Peress li l-kriminalità organizzata hija kważi dejjem tranżnazzjonali, l-UE qed iżżid is-sħubijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari ma’ dawk fuq rotot ewlenin tal-provvista tad-droga. Dan jinkludi kooperazzjoni msaħħa mal-Amerka Latina u l-Karibew, bl-Aġenda l-Ġdida għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew 25 , id-Dikjarazzjoni tas-Summit tal-Komunità tal-UE ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew (CELEX) bejn is-17 u t-18 ta’ Lulju 2023 26 u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kumitat tal-Amerka Latina dwar is-Sigurtà Interna (CLASI), li jikkonferma l-impenn li jiżdiedu l-isforzi fl-oqsma tal-ġustizzja, tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra n-networks kriminali tranżnazzjonali. Il-programmi ta’ assistenza teknika reġjonali, bħal EL PAcCTO, EUROFRONT u COPOLAD III kif ukoll il-Programm Globali tal-Flussi Illeċiti, urew li huma strumenti effettivi biex jagħtu spinta lill-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. 

    Fl-Afrika tal-Punent, il-kooperazzjoni tagħmel enfasi fuq il-bini tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-istat u tal-organizzazzjonijiet reġjonali biex jindirizzaw it-traffikar tad-droga bil-baħar. L-UE ilha mill-2018 li stabbiliet sett ta’ programmi reġjonali komplementari mmirati biex jappoġġaw l-isforzi tal-pajjiżi ECOWAS sabiex jiġġieldu l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali u t-traffikar illeċitu, iċ-ċiberkriminalità kif ukoll il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu 27 . Fil-Qarn tal-Afrika, l-Operazzjoni tal-Forza Navali ATALANTA tal-UE tikkontribwixxi għat-tfixkil tat-traffikar tad-droga u tat-traffikar tal-armi, kif ukoll għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja. L-UE hija impenjata bis-sħiħ ukoll li tindirizza l-flussi tal-flus illegali permezz ta’ Inizjattiva ddedikata ta’ Tim Ewropa dwar il-Flussi Finanzjarji Illeċiti għall-Afrika sub-Saħarjana.

    L-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani huma sors ewlieni, tranżitu u destinazzjoni ta’ drogi illeċiti u n-negozju illeċitu tad-droga qed jikber. Il-programmi ffinanzjati mill-UE bħall-Monitoraġġ tad-Drogi UE4 analizzaw il-ħolqien ta’ rotot ġodda ta’ traffikar tad-droga, l-espansjonijiet tas-swieq online u d-disponibbiltà ta’ spettru usa’ ta’ sustanzi.

    Barra minn hekk, fl-Asja Ċentrali, l-UE fasslet żewġ programmi ta’ sigurtà reġjonali importanti biex timplimenta l-istrateġija tagħha li tgħin lis-sħab tal-Asja Ċentrali jindirizzaw uħud mir-riskji assoċjati mal-kriminalità marbuta mad-droga, inklużi dawk li jorġinaw mill-Afganistan. Il-Programm ta’ Azzjoni dwar id-Drogi tal-Asja Ċentrali (CADAP) jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-użu tad-droga u jappoġġa l-politiki tal-Gvernijiet tal-Asja Ċentrali dwar id-droga, u b’mod aktar speċifiku jtejjeb l-aċċess għal interventi ta’ kwalità għat-tnaqqis tad-domanda għad-droga. Il-Programm ta’ Ġestjoni tal-Fruntieri fl-Asja Ċentrali (BOMCA), irawwem l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli permezz ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri, filwaqt li jagħmel enfasi fuq il-bini tal-kapaċitajiet u l-iżvilupp istituzzjonali, jiffaċilita l-kummerċ, itejjeb is-sistemi ta’ ġestjoni tal-fruntieri, u jelimina t-traffikar illeċitu fl-Asja Ċentrali.

    Il-kooperazzjoni tal-UE mal-Balkani tal-Punent tibqa’ prijorità. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni tas-sħab tagħna tal-Balkani tal-Punent f’operazzjonijiet internazzjonali tal-pulizija, il-kooperazzjoni aktar mill-qrib tagħhom mal-Europol permezz tal-istazzjonar ta’ uffiċjali ta’ kollegament fil-kwartieri ġenerali tal-Europol, l-involviment tagħhom fl-EMPACT u l-parteċipazzjoni fi Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta ġabu riżultlati operazzjonali sinifikanti. L-appoġġ finanzjarju u tekniku tal-UE se jkompli jiġi pprovdut. Huwa kruċjali li s-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent jistabbilixxu Sistemi ta’ Twissija Bikrija u Osservatorji Nazzjonali dwar id-Drogi li jiffunzjonaw biex itejbu l-iskambju tad-data tagħhom mal-EMCDDA u jikkonkludu Arranġamenti ta’ Ħidma mal-Aġenzija tal-UE.

    Fl-aħħar nett, Sitt Stati Membri (il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja u n-Netherlands) stabbilew Koalizzjoni kontra l-Kriminalità Serja u Organizzata, li fiha jipparteċipaw il-Kummissjoni, il-Europol u l-Eurojust. Il-Koalizzjoni ressqet diversi azzjonijiet operazzjonali importanti ta’ interess komuni, li huma ġeneralment konformi mal-istrateġiji tal-UE u jinvolvu l-aġenziji, il-korpi u l-oqfsa tal-UE, bħall-EMPACT. L-azzjonijiet jagħmlu enfasi, b’mod partikolari, fuq l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet operazzjonali, it-tisħiħ tas-sigurtà taċ-ċentri loġistiċi u s-sigurtà marittima, it-tfixkil tal-flussi tal-flus kriminali, l-għoti tas-setgħa lill-infurzar tal-liġi bit-teknoloġija u l-innovazzjoni, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Koalizzjoni u qed tistabbilixxi dan il-pjan direzzjonali biex ittejjeb din il-ħidma u turi impenn tal-UE ħalli tintensifika l-isforzi.

    3.Azzjonijiet ta’ prijorità

    Il-kriminali malajr jadattaw għal opportunitajiet ġodda biex jagħmlu profitt. Barra minn hekk, huma kapaċi ħafna li jieħdu vantaġġ miż-żieda fl-interkonnettività u l-avvanzi teknoloġiċi tas-soċjetajiet. Fl-isfond ta’ dan il-fenomenu li qed jinbidel b’mod kostanti, huwa essenzjali li jingħaqdu flimkien l-isforzi tal-Kummissjoni, tar-Rappreżentant Għoli, tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-aġenziji u tal-korpi tal-UE madwar sett ta’ azzjonijiet ta’ prijorità. Sabiex jitwettqu, il-miżuri jeħtieġ li jiġu implimentati permezz ta’ kooperazzjoni effettiva madwar l-UE, involviment mas-sħab internazzjonali strateġiċi tagħna, u impenn politiku determinat minn kull min huwa involut.

    Dan il-Pjan Direzzjonali jagħmel enfasi fuq erba’ oqsma ta’ prijorità għal azzjoni akbar.

    L-ewwel nett, il-kriminali jużaw ċentri loġistiċi fl-UE u f’pajjiżi mhux tal-UE biex iwettqu l-attivitajiet illegali tagħhom u jimmiraw persuni vulnerabbli biex iwettqu attivitajiet kriminali. Għalhekk, l-UE jeħtieġ li ssaħħaħ ir-reżiljenza taċ-ċentri loġistiċi milli jiġu sfruttati mill-kriminali. Dan irid isir f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ xulxin peress li l-kriminali qed ifittxu kontinwament l-aktar rabta dgħajfa.

    It-tieni, in-networks kriminali huma dinamiċi u qed jużaw dejjem aktar fornituri speċjalizzati ta’ servizzi kriminali, u b’hekk jinvolvu aktar atturi. L-arresti individwali huma meħtieġa ħafna iżda ma humiex biżżejjed: huwa vitali li jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji biex jeliminaw in-networks kriminali, ixekklu l-mudelli tan-negozju tagħhom u jikkonfiskaw il-profitti tagħhom.

    Hija meħtieġa wkoll enfasi qawwija fuq il-prevenzjoni: sabiex in-nies u n-negozji ma jiġux sfruttati minn networks kriminali, jeħtieġ li nindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-kriminalità organizzata u nieħdu azzjoni kontra attivitajiet kriminali bħala soluzzjoni permanenti. Dan jirrikjedi mhux biss sforzi mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, iżda wkoll mill-muniċipalitajiet u mill-komunitajiet lokali.

    Fl-aħħar nett, il-kriminalità organizzata dejjem kienet fenomenu globali, iżda l-iżviluppi teknoloġiċi reċenti komplew ippermettew lill-kriminali joperaw globalment u jmexxu n-negozji illeċiti tagħhom minn barra l-UE. Għalhekk, il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex jiġu mfixkla r-rotot tal-provvisti kriminali u biex jiġi appoġġat it-titjib kemm fl-infurzar tal-liġi kif ukoll fil-kooperazzjoni ġudizzjarja.

    3.1.L-Alleanza Ewropea għall-Portijiet: it-tisħiħ tar-reżiljenza taċ-ċentri loġistiċi

    Iċ-ċentri loġistiċi huma portali kruċjali biex jippermettu l-prosperità ekonomika tal-UE, it-trasport tal-merkanzija madwar l-UE u l-funzjonament xieraq tas-suq uniku. Il-portijiet jikkontribwixxu għal madwar 75 % tal-volumi tal-kummerċ estern tal-UE u għal 31 % tal-volumi tal-kummerċ intern tal-UE. Kull sena, 400 miljun passiġġier jimbarkaw u jiżbarkaw fil-portijiet tal-UE 28 . Madankollu, ir-rwol strateġiku li għandhom iċ-ċentri loġistiċi jagħmilhom vulnerabbli għall-kuntrabandu tad-droga u l-isfruttament minn networks kriminali b’riskju għoli u mill-faċilitaturi tagħhom, kif rikonoxxut fl-istrateġija u fil-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar id-drogi.

     

    Kif enfasizzat fir-rapport konġunt imħejji mill-Europol u mill-Kumitat ta’ Tmexxija tas-Sigurtà tal-portijiet ta’ Antwerp, Hamburg/Bremerhaven u Rotterdam dwar networks kriminali fil-portijiet 29 tal-UE, hemm ħafna opportunitajiet għal infiltrazzjoni kriminali u l-użu ta’ dawn il-portijiet għal vjeġġi illeċiti. Il-kriminali jużaw varjetà ta’ metodi biex jittrasportaw id-drogi permezz ta’ kontejners marittimi. Dawn il-metodi jinkludu l-qlib għal kontejners li jiġu vverifikati inqas ta’ spiss, permezz ta’ kodiċijiet ta’ referenza tal-kontejners misruqa (frodi tal-PIN), il-klonazzjoni tan-numri ta’ reġistrazzjoni tal-kontejners, u l-użu ta’ timijiet ta’ estrazzjoni li jistennew mumenti opportuni biex jirkupraw vjeġġ. B’mod kruċjali, dawn il-metodi komuni jibbażaw fuq il-korruzzjoni sabiex jirnexxu peress li n-networks kriminali jużaw persuni ġewwa l-port biex jorganizzaw it-trasport ta’ kontejners li jkun fihom id-drogi u l-oġġetti illeċiti fl-UE 30 .

    In-networks kriminali jadattaw malajr ir-rotot tal-provvista tagħhom għal portijiet inqas protetti jew iżgħar. Għalhekk, it-tisħiħ tas-sigurtà taċ-ċentri loġistiċi jitlob approċċ komuni tal-UE fejn dawk involuti jaħdmu flimkien b’mod koordinat. Azzjoni effettiva għall-protezzjoni tal-portijiet tibda b’valutazzjoni ċara tal-lakuni u d-dgħufijiet kurrenti. Għalhekk, il-Kummissjoni bdiet Evalwazzjoni Tematika ta’ Schengen dwar it-traffikar tad-drogi fil-portijiet. Dan se jirriżulta f’rapport ta’ evalwazzjoni bl-aħjar prattiki fl-2023 u proposta għal rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fil-bidu tal-2024.

    Barra minn hekk, il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga – inkluż it-tfixkil downstream tat-traffikar tad-droga wara l-wasla fil-portijiet – se tkun parti minn żewġ studji li l-Kummissjoni nediet fl-2023 dwar id-data marittima u dwar il-ħtiġijiet tal-infurzar tal-liġi dwar it-trasport bil-ferrovija u bit-triq, li r-riżultati tagħhom se jkunu mistennija fl-2024.

    Biex timplimenta dawn is-sejbiet u oħrajn u l-aħjar prattiki, il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-portijiet permezz ta’ Alleanza Ewropea għall-Portijiet. Dan se jirrikjedi l-mobilizzazzjoni tal-komunità doganali bħala l-ewwel linja ta’ difiża kontra l-kummerċ illegali, kooperazzjoni aħjar fl-infurzar tal-liġi biex jiġu eliminati n-networks kriminali wara t-traffikar tad-droga u l-istabbiliment ta’ sħubija pubblika-privata biex jingħaqdu l-isforzi sabiex jiġi indirizzat it-traffikar tad-droga u jiġu protetti l-loġistika, it-teknoloġija tal-informazzjoni, ir-riżorsi umani u proċessi operazzjonali kontra l-infiltrazzjoni kriminali. 

    Azzjoni 1: Il-mobilizzazzjoni tal-komunità doganali kontra t-traffikar tad-droga

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi, l-Istati Membri (b’mod partikolari l-awtoritajiet doganali)

    L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri huma l-ewwel linja ta’ difiża fil-fruntieri esterni tal-UE biex jipproteġu lill-UE mill-kummerċ illegali, jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini tagħha u jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħha 31 . F’dan il-kuntest, fejn kważi 70 % tas-sekwestri kollha tad-drogi mill-awtoritajiet doganali jseħħu fil-portijiet tal-UE, huwa essenzjali li jissaħħu l-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni effettivi bejn l-awtoritajiet doganali, li jridu jaġixxu bħala ħaġa waħda, u partijiet ikkonċernati oħra, speċjalment l-awtoritajiet tal-pulizija. Sabiex tiddefendi l-fruntieri tal-UE, id-dwana għandha tkompli tuża l-politiki u l-għodod disponibbli għall-ġestjoni tar-riskju u għall-kontrolli b’mod effettiv.

    Għalhekk, permezz tal-Alleanza Ewropea għall-portijiet, u ffinanzjata taħt il-programm Doganali 32 , il-Kummissjoni se tistabbilixxi qafas li jiffaċilita l-ġestjoni effettiva tar-riskju u l-kontrolli doganali marbuta mad-drogi illeċiti u l-kuntrabandu tal-prekursuri tad-droga biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet doganali, flimkien mal-Kummissjoni. Bħala l-ewwel pass, se jiġi stabbilit grupp ta’ proġetti dedikat, li jinvolvi rappreżentanti mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fil-livell ta’ maniġment u ta’ esperti. Il-grupp ta’ proġetti se jidentifika s-sitwazzjoni fil-prattika, se jaħdem favur fehim komuni u approċċ koordinat, se jidentifika lakuni u dgħufijiet fis-superviżjoni doganali, se jfassal valutazzjoni tat-theddid u tar-riskju, se jistabbilixxi kriterji komuni ta’ mmirar u se jikkondividi l-aħjar prattiki.

    Dan se jħejji t-triq għal kontrolli doganali saħansitra aktar koordinati u effiċjenti billi jistabbilixxi kriterji komuni ta’ riskju u kontrolli doganali ta’ prijorità fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni se tipproponihom lill-Istati Membri biex dawn jiġu implimentati, filwaqt li tgħaqqad l-għodod tal-UE u dawk nazzjonali għall-ġestjoni tar-riskju. Dawn il-kontrolli ta’ prijorità se jtejbu l-analiżi f’ħin reali, il-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u se jipprovdu soluzzjonijiet biex jiġu koperti l-punti mhux viżibbli fil-portijiet u fil-katina tal-provvista. Il-kontrolli se jittestjaw ukoll approċċ għall-iskambju strutturat ta’ informazzjoni (interoperabbiltà jew qafas sistematiku għall-iskambju ta’ data) biex jappoġġaw il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u tal-prekursuri.

    Bħala kontinwazzjoni ta’ din l-azzjoni u minn nofs l-2024, il-Kummissjoni se tistabbilixxi tim ġdid ta’ esperti fl-ambitu tal-Programm Doganali. Dan it-tim se jibbenefika minn baġit u minn riżorsi ddedikati u se jibni fuq il-metodoloġija u s-suċċess ta’ wieħed mit-timijiet ta’ esperti l-aktar produttivi u operazzjonali tiegħu 33 . L-evoluzzjoni tal-grupp tal-proġett għal dan it-tim ta’ esperti ġdid se tiżgura li l-azzjoni doganali koordinata tkun aktar flessibbli, kemm tematikament kif ukoll ġeografikament. Dan se jkun ibbażat fuq kooperazzjoni operazzjonali mtejba, mhux biss fil-portijiet, iżda wkoll fi fruntieri oħra (art, ajru). Dan għaliex approċċ effettiv kontra t-traffikar tad-droga jirrikjedi li titteħed azzjoni koordinata tal-UE li tkopri l-modi kollha tat-trasport. Dan l-approċċ jikkontribwixxi wkoll għal kooperazzjoni operazzjonali aktar effiċjenti ma’ pajjiżi terzi u ma’ awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi.

    Barra minn hekk, mill-2024, il-Kummissjoni se tuża l- 34 programm tal-Istrument għat-Tagħmir ta’ Kontroll Doganali (CCEI) biex tappoġġa din il-prijorità tal-UE billi talloka aktar minn EUR 200 miljun biex tiffinanzja tagħmir tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku li jista’ jgħin lill-awtoritajiet doganali jiskennjaw il-kontejners u mezzi oħra tat-trasport, u b’hekk tiżdied l-effettività tal-ġestjoni tar-riskju doganali u tal-kontrolli relatati mad-drogi illeċiti u mal-prekursuri tad-droga. Dan jinkludi appoġġ għal-laboratorji doganali li se jingħataw ukoll tagħmir biex janalizzaw id-drogi u jindirizzaw l-isfidi dejjem akbar tal-prekursuri tad-disinjaturi.

    Azzjoni 2: It-tisħiħ tal-operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġi fil-portijiet

    Atturi ewlenin: L-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, l-Europol, l-Eurojust, l-UPPE

    Approċċ ta’ suċċess għat-traffikar tad-droga ma jiqafx f’ċentri loġistiċi jew fi kwalunkwe parti oħra tal-katina tal-provvista tad-droga. Hekk kif l-UE kollettivament iżżid l-effettività tagħha fl-identifikazzjoni bikrija tad-drogi illeċiti, huwa vitali li jiġi żgurat li t-traffikar tad-droga jiġi investigat bir-reqqa u jitressaq quddiem il-qorti biex jintwera li ħadd ma jaqbillu jagħmel dan ir-reat. Dan jista’ jsir billi jiġu kkaċċjati l-awturi u n-networks li huma jagħmlu parti minnhom. L-infurzar ikkoordinat tal-liġi huwa vitali biex jiġu investigati n-networks kriminali wara s-sekwestri. F’xi każijiet, pereżempju, l-awtoritajiet tal-pulizija jistgħu jagħżlu li jimmonitorjaw il-kontejners għall-finijiet ta’ sorveljanza f’koordinazzjoni mad-dwana, minflok ma jissekwestraw il-kontenut immedjatament. Possibbiltà oħra hija li jitnedew investigazzjonijiet diġitali biex jiġu identifikati abbużi possibbli fis-sistemi ta’ kontroll tas-software li jintużaw fil-portijiet. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jistgħu jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, inkluż billi jaġixxu bħala punt ta’ kuntatt għall-informaturi.

    Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-EMPACT u l-operazzjonijiet tagħha bħala l-pjattaforma għal approċċ olistiku għat-traffikar tad-droga. Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi wkoll il-kooperazzjoni fl-EMPACT bħala waħda mill-katalizzaturi ewlenin fl-iżvilupp tal-Alleanza Ewropea għall-Portijiet.

    Fl-EMPACT, hemm żewġ prijoritajiet operazzjonali fejn il-pulizija u d-dwana jaħdmu flimkien biex jiġġieldu t-traffikar tad-droga: il-kannabis, il-kokaina u l-eroina (CCH) u d-drogi sintetiċi u sustanzi psikoattivi ġodda (SYN-NPS). Hawnhekk, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkomplu jinvestigaw u jikkondividu l-intelligence dwar il-produzzjoni u l-individwazzjoni tad-droga, ir-rotot tat-traffikar, u l-metodi tan-networks tat-traffikar tad-droga li jistgħu jiġu operazzjonalizzati biex jiġu mmirati l-kriterji u l-profili ta’ riskju. Il-miżuri jinkludu kondiviżjoni aktar strutturata u sistematika tal-informazzjoni rilevanti dwar ir-riskju, it-tisħiħ tal-istampa tal-intelligence strateġika u tattika tal-abbuż tal-istrutturi tan-negozju legali, l-identifikazzjoni u ż-żarmar ta’ laboratorji klandestini involuti fil-produzzjoni u fl-esportazzjoni ta’ drogi sintetiċi u sustanzi psikoattivi ġodda, u l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet transfruntiera speċifiċi mmirati lejn il-movimenti tal-kokaina, tal-kannabis, tal-eroina, tad-drogi sintetiċi u ta’ sustanzi psikoattivi ġodda. Minħabba n-natura globali tat-traffikar tad-droga, il-Kummissjoni tikkoordina, tħeġġeġ u tappoġġa l-parteċipazzjoni internazzjonali madwar dawn iż-żewġ prijoritajiet. Bħalissa, 18-il pajjiż mhux tal-UE huma attivi fis-CCH u 13 fl-SYN-NPS. Bejn l-2024 u l-2025, il-Kummissjoni se tagħti spinta lill-kooperazzjoni billi tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-integrazzjoni ulterjuri ta’ pajjiżi mhux tal-UE f’dawn iż-żewġ prijoritajiet. L-involviment attiv tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kif ukoll ta’ pajjiżi terzi se jkun indispensabbli.

    Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa u tiżviluppa wkoll iż-żewġ networks ta’ laboratorji (in-Network Ewropew tal-Laboratorji Doganali u n-Network Ewropew tal-Istituti tax-Xjenza Forensika). Dawn il-laboratorji jgħinu lill-pulizija u lid-dwana fl-investigazzjonijiet u fil-kontrolli tagħhom u se jħeġġu ż-żieda tal-kooperazzjoni tal-laboratorji mal-infurzar tal-liġi. Barra minn hekk, it-teknoloġiji li jirriżultaw mill-proġetti tal-Orizzont 2020 tal-UE jgħammru l-infurzar tal-liġi b’kapaċitajiet ġodda, u jippermettu detezzjoni aktar effettiva ta’ drogi u prekursuri illeċiti fil-fruntieri 35 .

    Azzjoni 3: Sħubija pubblika-privata kontra l-kuntrabandu tad-droga u l-infiltrazzjoni kriminali

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-Europol, l-EMCDDA, il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati

    Ħafna atturi pubbliċi u privati, mill-awtoritajiet tal-port sal-kumpaniji tat-tbaħħir u fornituri oħra ta’ servizzi, għandhom rwol kruċjali biex jipproteġu s-sigurtà tal-portijiet Dawn huma l-ewwel punt ta’ kuntatt fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu tad-droga u l-infiltrazzjoni kriminali. Dan minħabba li huma jużaw proċessi, sistemi u tagħmir li jistgħu jgħinu jidentifikaw theddid minn informazzjoni privileġġata fil-ktajjen tal-provvista marittimi, mill-identifikazzjoni tal-oriġini tal-vjeġġi, saċ-ċentri ta’ tranżitu u ta’ trażbord, u sad-destinazzjoni finali. L-awtoritajiet tal-port u l-kumpaniji privati tat-tbaħħir iridu jkunu konxji tar-rwol tagħhom fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-infiltrazzjoni kriminali. Huma għandu jkollhom l-għodod meħtieġa biex jittraċċaw il-kontejners u biex jiżguraw iż-żoni tal-port b’kameras, b’sensuri u bi skeners. Huma għandu jkollhom ukoll il-mezzi biex jiskrinjaw u jiskrutinizzaw kif xieraq lill-impjegati tagħhom sabiex jevitaw tentattivi ta’ korruzzjoni minn networks kriminali.

    Madankollu, ma jistgħux jagħmlu dan waħedhom. Sabiex jiġu evitati t-traffikar tad-droga u l-infiltrazzjoni kriminali, l-UE trid tgħaqqad il-forzi tagħha flimkien. It-tlaqqigħ flimkien tas-settur privat u tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jista’ jikkontribwixxi biex jiġu identifikati u implimentati soluzzjonijiet operazzjonali u konkreti sabiex jiġi pprevenut milli networks kriminali jinfiltraw il-portijiet tal-UE u jisfruttawhom għat-traffikar tad-droga. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija favur implimentazzjoni u infurzar sħaħ u bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE 36 (inkluż l-iskrutinju tas-sigurtà jew il-kontrolli tal-isfond fuq il-persunal ewlieni).

    Biex tissaħħaħ ir-reżiljenza taċ-ċentri loġistiċi, il-Kummissjoni se tlaqqa’ flimkien l-atturi pubbliċi u privati rilevanti kollha fi sħubija pubblika-privata: L-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, inklużi d-dwana, l-aġenziji tal-UE u l-operaturi privati fil-portijiet. Abbażi tal-għarfien espert u l-esperjenza tas-settur pubbliku u privat, l-Alleanza se tippromwovi l-aħjar prattiki u d-diliġenza dovuta. Hija se tistabbilixxi miżuri kkoordinati maħsuba biex iżidu l-isforzi sabiex jiġi indirizzat it-traffikar tad-droga u sabiex jipproteġu lil ċentri loġistiċi kontra infiltrazzjoni kriminali. Il-ħidma tal-Alleanza se tinkludi enfasi fuq l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika u operazzjonali. Il-Kummissjoni se tirrifletti fuq kif għandha tiġi skambjata l-informazzjoni bl-aktar mod effettiv bejn il-membri tal-Alleanza.

    3.2. Eliminazzjoni ta’ networks kriminali b’riskju għoli

    In-networks kriminali evolvew malajr biex isegwu kisbiet finanzjarji kbar. Il-kumplessità u l-flessibbiltà dejjem akbar tax-xenarju kriminali jagħmlu l-investigazzjonijiet dwar il-kriminalità organizzata partikolarment diffiċli, peress li membru wieħed ta’ network jista’ jiġi sostitwit faċilment minn oħrajn meta jinqabdu. Barra minn hekk, in-networks kriminali jużaw tekniki sofistikati biex jaħbu l-assi tagħhom milli jiġu identifikati. Huma jużaw is-servizzi ta’ sensara ta’ livell għoli, li jmexxu sistemi paralleli sotteranji, bħal hawala, li huma barra mis-sistema finanzjarja formali 37 .

    Kif stabbilit fl-istrateġija tal-UE dwar il-kriminalità organizzata, biex issir differenza reali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, in-networks kriminali jridu jiġu eliminati bħala tali. Dan jirrikjedi stampa mtejba tal-intelligence; servizzi speċjalizzati mħarrġa tajjeb bl-għodod ix-xierqa; azzjoni effettiva, immirata u koordinata mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji; u qafas legali sod kontra l-kriminalità organizzata li wieħed għandu jopera taħtu.

    Azzjoni 4: L-immappjar tan-networks kriminali li jippreżentaw l-akbar theddid għas-soċjetà

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-Europol, l-Eurojust, is-CEPOL

    Sabiex ikollhom l-akbar impatt, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji għandhom jagħtu attenzjoni speċifika lil dawk in-networks li jippreżentaw l-akbar theddid għas-soċjetà tagħna u għall-pubbliku. Dawn in-networks kriminali b’riskju għoli jużaw il-korruzzjoni, jinfiltraw l-ekonomija legali, iwettqu atti ta’ vjolenza, inkluż l-intimidazzjoni, u jmexxu sistemi finanzjarji paralleli sotteranji.

    Biex jiġu mmirati dawn l-organizzazzjonijiet kriminali, hija meħtieġa bidla fundamentali: it-tbegħid minn fokus fuq kriminali individwali u reati speċifiċi għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tan-networks b’mod ġenerali. In-networks kriminali ta’ prijorità u b’riskju għoli ġodda, fl-EMPACT stabbilew il-pedament għal din il-ħidma konġunta, li tlaqqa’ flimkien l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji tal-Istati Membri tal-UE u s-sħab internazzjonali (inklużi 37 pajjiż mhux tal-UE fl-2023), bl-appoġġ tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE.

    Bħala l-pass li jmiss, l-Europol, bl-appoġġ tal-Istati Membri, se twettaq eżerċizzju ta’ mmappjar fil-bidu tal-2024 biex tidentifika n-networks kriminali li jippreżentaw l-akbar theddid, kemm jekk qed joperaw f’pajjiżi tal-UE kif ukoll jekk qed joperaw f’dawk il-pajjiżi li ma humiex fl-UE. Dan se jgħin ukoll biex jiġu identifikati membri jew faċilitaturi ewlenin ta’ networks kriminali b’riskju għoli. L-immappjar se jtejjeb b’mod konsiderevoli l-istampa tal-intelligence tal-kriminalità, li se tikkontribwixxi għal valutazzjonijiet iddedikati għat-theddid u se tgħin biex jiġu pprijoritizzati l-investigazzjonijiet. L-immappjar għandu jiġi aġġornat regolarment sabiex l-awtoritajiet ikunu konxji tal-bidliet fl-attivitajiet u fil-metodi tan-networks. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Europol għandhom jaħdmu fl-EMPACT biex jiżviluppaw indikaturi u valutazzjonijiet komuni sabiex jippermettu l-komparabbiltà tad-data sal-2025. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltajiet li l-UE toħloq sinerġiji mal-analiżi tal-intelligence kriminali tal-Interpol.

    Azzjoni 5: Network ta’ prosekuturi u mħallfin speċjalizzati biex jiġu żmantellati n-networks kriminali

    Atturi ewlenin: L-Eurojust, l-Europol, l-Istati Membri.

    In-networks kriminali u l-attivitajiet illeċiti tagħhom spiss ikopru ġuriżdizzjonijiet differenti, iżda dan mhux dejjem ikun magħruf fil-bidu tal-investigazzjonijiet fi Stat Membru wieħed. Anke jekk l-investigaturi jkunu konxji tal-firxa ġeografika tan-network kriminali, huma jiffaċċjaw ostakli prattiċi. Dawn l-ostakli jinkludu diffikultajiet biex jidentifikaw il-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra jew għarfien insuffiċjenti ta’ regoli speċifiċi fi Stati Membri oħra, pereżempju dwar il-kundizzjonijiet biex jitwettqu miżuri investigattivi.

    Biex jiġu eliminati n-networks kriminali u l-mudelli tan-negozju tagħhom madwar l-UE, l-awtoritajiet iridu jibnu fiduċja u rabtiet biex jiskambjaw informazzjoni kmieni u jniedu investigazzjonijiet paralleli f’dawk l-Istati Membri fejn jiġu identifikati r-rabtiet. Matul il-proċedimenti, huwa essenzjali li jsir djalogu regolari bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji involuti biex jiġi żgurat li l-istrateġiji investigattivi jiġu allinjati u biex jitħaffef il-ġbir transfruntier tal-evidenza.

    Sabiex jissaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji dwar investigazzjonijiet transfruntieri kumplessi dwar il-kriminalità organizzata, għandu jinħoloq network ta’ prosekuturi u mħallfin speċjalizzati, mill-Istati Membri bl-appoġġ tal-Eurojust. In-network se jkun ċentru ta’ għarfien espert speċjalizzat li jappoġġa lill-awtoritajiet ġudizzjarji u jiffaċilita l-iskambju ta’ għarfien espert, l-aħjar prattiki u għarfien ieħor dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità organizzata. Dawn se jrawmu d-djalogu fost l-awtoritajiet nazzjonali differenti involuti, jipprovdu forum biex jiġu diskussi problemi legali u prattiċi u jippromwovu l-użu tal-Eurojust f’każijiet ta’ kriminalità transfruntiera organizzata.

    Azzjoni 6: L-iffaċilitar tal-investigazzjonijiet finanzjarji

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-Europol, l-Eurojust, is-CEPOL

    Peress li l-prijorità tal-kriminalità organizzata hija li jsir profitt, l-approċċ “segwi l-flus” huwa l-aktar mod effettiv biex il-kriminali jiġu mċaħħda mill-qligħ illeċitu kbir tagħhom. Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-investigazzjonijiet finanzjarji fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata 38 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jtejbu l-investigazzjonijiet finanzjarji bħala parti kruċjali mill-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. L-adozzjoni li ġejja mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-konfiska u l-irkupru tal-assi se tagħti spinta lill-investigazzjonijiet finanzjarji sistematiċi. Dawn l-investigazzjonijiet se jiġu ffaċilitati mill-ftehim reċenti dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontijiet bankarji kif ukoll mir-regoli msaħħa dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Ladarba jiġi adottat il-pakkett leġiżlattiv tal-AML/CFT, l-Awtorità futura għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA) se tipprovdi appoġġ operazzjonali lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja meta twettaq analiżijiet konġunti. Dan se jikkontribwixxi għal detezzjoni u analiżi aktar effettivi ta’ każijiet transfruntieri.

    Bħala komplement għar-regoli kontra l-ħasil tal-flus, xi Stati Membri stabbilew sħubijiet pubbliċi-privati li jippermettu li jsir l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali fost l-awtoritajiet u l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu. Dawn is-sħubijiet jgħinu lill-korpi privati, li huma fuq quddiem nett biex jidentifikaw flussi finanzjarji illeċiti fost biljuni ta’ tranżazzjonijiet ta’ kuljum, sabiex jidentifikaw attività diffiċli biex tinstab. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ dan it-tip ta’ kooperazzjoni madwar l-Istati Membri, is-Sħubija Pubblika-privata tal-Intelligence Finanzjarja tal-Europol se tiżviluppa, fil-limiti tal-mandat tal-Europol, pjan ta’ azzjoni li jiġbor fil-qosor l-oqfsa legali u l-passi prattiċi meħuda fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi biex jiġu stabbiliti sħubijiet kontra l-ħasil tal-flus sa nofs l-2024. Dan il-pjan ta’ azzjoni għandu jqis l-aħjar prattiki u kunsiderazzjonijiet legali stabbiliti fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett 39 u l-eżitu tan-negozjati dwar il-pakkett kontra l-ħasil tal-flus. B’mod partikolari, dan għandu jibni fuq il-passi li diġà ħadu l-Istati Membri biex jiżguraw li l-iskambju ta’ data personali jkun limitat għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat għall-fini tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati ta’ ħasil tal-flus u s-salvagwardji stabbiliti għall-protezzjoni tad-data personali.

    L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandhom jużaw investigazzjonijiet finanzjarji paralleli b’mod aktar sistematiku meta jinvestigaw il-kriminalità organizzata. Madankollu, it-twettiq ta’ investigazzjonijiet finanzjarji kumplessi jirrikjedi għarfien espert, kapaċità u għodod teknoloġiċi speċjalizzati. Iċ-Ċentru tal-Kriminalità Finanzjarja u Ekonomika tal-Europol, li fl-2022 appoġġa lil aktar minn 400 investigazzjoni finanzjarja 40 , u l-Eurojust, li tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b’linji gwida u bl-aħjar prattiki dwar l-irkupru ta’ assi illeċiti huma kruċjali biex jappoġġaw lill-Istati Membri. B’mod partikolari, iċ-Ċentru jista’ jipprovdi appoġġ siewi għal attivitajiet konġunti dwar investigazzjonijiet f’sistema bankarja sotterranja. Barra minn hekk, il-kapaċitajiet ta’ taħriġ tas-CEPOL jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jżidu l-ħiliet u l-għarfien espert tal-infurzar tal-liġi fl-investigazzjonijiet finanzjarji.

    Il-bini tal-profil finanzjarju ta’ network kriminali jirrikjedi t-tqegħid flimkien u l-analiżi ta’ sorsi differenti ta’ informazzjoni, inkluża informazzjoni dwar il-kriptoassi, li spiss jintużaw minn gruppi tat-traffikar tad-droga biex jaħbu l-passaġġ finanzjarju tagħhom. Dan jirrikjedi wkoll li jiġu armonizzati l-formati differenti tad-data miġbura, jiġu identifikati l-entitajiet f’settijiet ta’ data mhux strutturati u jiġu skambjati għadd kbir ta’ suġġetti. Xi Stati Membri, bħal-Latvja, is-Slovenja u Spanja, żviluppaw jew qed jiżviluppaw l-għodod tagħhom stess għall-analiżi tat-tranżazzjonijiet finanzjarji għal dan l-għan. L-għodda ma³tch fl-FIU.net, li ilha tiġi ospitata u ġestita mill-Kummissjoni mill-2021, tippermetti lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja jikkondividu informazzjoni (eż., dwar it-tranżazzjonijiet) b’mod psewdonimizzat u tippermettilhom jistabbilixxu f’ħin reali jekk suġġett ikunx diġà magħruf minn unità oħra. Jekk dan ikun il-każ, l-informazzjoni tista’ tiġi skambjata, u l-każijiet jinbnew flimkien. L-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja huma mħeġġa bil-qawwa biex jagħmlu użu sħiħ mill-funzjonalità ta’ ma³tch tal-FIU.net.

    Barra minn hekk, fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa, f’Ġunju 2024 il-Kummissjoni se tippubblika sejħa għar-riċerka u l-innovazzjoni dwar is-sigurtà li se tipprovdi aktar opportunitajiet ta’ finanzjament għall-iżvilupp u għall-użu ta’ għodod speċifiċi biex jitwettqu investigazzjonijiet finanzjarji effettivi 41 .

    Azzjoni 7: L-iffaċilitar tal-investigazzjonijiet diġitali

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-Europol, l-Eurojust, is-CEPOL

    Hekk kif l-attivitajiet tagħna ta’ kuljum qed isiru online aktar minn qatt qabel, l-istess qed jagħmlu l-attivitajiet illegali. L-investigaturi qed jiffaċċjaw ir-realtà li l-kriminali malajr sfruttaw il-possibbiltajiet offruti mid-dinja online u qed ikomplu jużaw dejjem aktar teknoloġiji avvanzati biex jilħqu l-għanijiet tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni tfittex li tesplora diversi fergħat ta’ ħidma biex tirrispondi għal dawn l-iżviluppi. Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-aċċess għad-data għall-infurzar effettiv tal-liġi tnieda mill-Kummissjoni f’Ġunju 2023 42 . Il-Grupp ta’ Livell Għoli jlaqqa’ flimkien lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji, lill-esperti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, tal-privatezza u taċ-ċibersigurtà, is-settur privat, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-akkademja. Il-grupp jesplora sfidi li l-prattikanti tal-infurzar tal-liġi jiffaċċjaw fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom u soluzzjonijiet potenzjali biex jegħlbuhom, bil-għan li jiżgura aċċess adegwat għad-data, biex tiġi miġġielda l-kriminalità u tissaħħaħ is-sigurtà pubblika fl-era diġitali. Fl-2024, il-grupp se joħroġ rapport b’rakkomandazzjonijiet tekniċi, operazzjonali jew legali.

    Il-Kummissjoni qed tgħin ukoll biex tiżdied il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li jwettqu investigazzjonijiet diġitali billi tappoġġa lill-Grupp Ewropew ta’ Taħriġ u Edukazzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità 43 fl-iżvilupp ta’ riżorsi ta’ taħriġ. Fl-aħħar 3 snin, dan il-grupp ħarreġ lil mill-inqas 1 000 uffiċjal tal-pulizija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiffinanzja l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Iżvilupp tat-Teknoloġija kontra ċ-Ċiberkriminalità 44 biex tiżviluppa għodod diġitali sabiex tappoġġa l-investigazzjonijiet, li mbagħad isiru disponibbli mingħajr ħlas għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-UE u għall-Europol. L-Eurojust tappoġġa l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità permezz tan-Network Ġudizzjarju Ewropew kontra ċ-Ċiberkriminalità b’appoġġ strateġiku u bl-aqwa prattiki.

    It-traffikar tad-droga nnifsu jsir ukoll online kemm fis-swieq tad-darknet kif ukoll fuq il-clearnet, inkluż permezz tal-media soċjali. Hemm sfidi sinifikanti biex jiġi indirizzat dan it-tip ta’ traffikar. Il-Kummissjoni se taħdem biex tindirizza t-traffikar tad-droga online, inkluż permezz ta’ kollaborazzjoni mas-settur privat permezz tal-Forum tal-UE dwar l-Internet. Fl-2024, il-Forum se jipprovdi pakkett ta’ għarfien li għandu l-għan li jappoġġa lill-kumpaniji tal-media soċjali fil-moderazzjoni aħjar tal-kontenut tad-drogi fuq il-pjattaformi tagħhom. Barra minn hekk, fl-2024 il-Kummissjoni se tiżviluppa għodda tal-IT biex tgħin lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jimmonitorjaw id-darknet sabiex jiġġieldu t-traffikar tad-droga 45 . Fl-aħħar nett, fl-ambitu tal-Programm Orizzont Ewropa, minn Novembru 2023, il-Kummissjoni se tiffinanzja proġett ta’ riċerka dwar is-sigurtà permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali biex tiġġieled kontra l-produzzjoni u t-traffikar illeċiti tad-drogi.

    Azzjoni 8: L-isfruttar tal-potenzjal tat-twissijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-Europol

    L-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali bejn il-fruntieri huwa vitali biex jiġu identifikati u jinqabdu l-kriminali. Il-karatteristiċi tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) – permezz ta’ qafas legali ġdid li daħal fis-seħħ f’Marzu 2023 46 – jgħinu biex jipprevjenu milli l-kriminali u t-terroristi jiċċaqilqu fi ħdan l-UE jew jidħlu fiha mingħajr ma jiġu individwati. Is-SIS aġġornata tinkludi kategoriji ġodda ta’ twissijiet u ta’ bijometrika (bħall-marki tal-pala tal-id, il-marki tas-swaba’ u r-rekords tad-DNA) biex jiġu identifikati b’mod korrett in-nies li jivvjaġġaw b’identità falza u b’informazzjoni falza dwar il-karozzi jew oġġetti oħra li jkunu qed jużaw. Twissijiet ġodda dwar persuni u oġġetti għal kontrolli diskreti, kontrolli ta’ investigazzjoni jew kontrolli speċifiċi jippermettu lill-awtoritajiet jiġbru informazzjoni mmirata dwar persuni suspettati ta’ kriminalità serja jew organizzata jew terroriżmu.

    Barra minn hekk, il-mandat imsaħħaħ reċentement tal-Europol jippermetti lill-aġenzija tappoġġa lill-Istati Membri jipproċessaw id-data li tintbagħat minn pajjiżi mhux tal-UE jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Europol tista’ tipproponi wkoll li l-Istati Membri jdaħħlu allerti ta’ informazzjoni fis-SIS 47 .

    Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa bil-qawwa biex jagħmlu użu sħiħ mill-għodod disponibbli fis-SIS sabiex jiġġieldu l-kriminalità serja u organizzata. B’mod partikolari, huwa kruċjali li l-Istati Membri joħorġu allerti dwar membri jew faċilitaturi ta’ networks kriminali b’riskju għoli fis-sistema u jirrapportaw hits lill-Europol. F’Marzu 2023, il-Kummissjoni nediet studju biex tesplora, tivvaluta u tipproponi diversi għażliet għall-innovazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari dwar allerti tas-SIS mill-uffiċċji nazzjonali (l-Uffiċċji SIRENE) biex tippermetti użu aħjar ta’ din l-informazzjoni. Fl-2026, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni ġenerali tas-SIS ċentrali, l-iskambju ta’ informazzjoni supplimentari bejn l-awtoritajiet nazzjonali, inkluża valutazzjoni tas-sistema awtomatizzata ta’ identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’, u kampanji ta’ informazzjoni tas-SIS.

    Azzjoni 9: Lejn qafas legali aktar sod kontra l-kriminalità organizzata

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, ir-Rappreżentant Għoli

    Qafas legali effettiv tal-UE huwa essenzjali biex jipprovdi lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji l-għodod meħtieġa għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Studju ppubblikat fi Frar 2023 li jivvaluta l-effettività tad-Deċiżjoni Qafas tal-2008 dwar il-Kriminalità Organizzata 48 enfasizza diverġenzi kbar fost l-Istati Membri fir-reati, fil-pieni u fl-għodod investigattivi relatati mal-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali. Dawn id-differenzi joħolqu ostakli fil-kooperazzjoni transfruntiera u jistgħu jiskoraġġixxu lill-awtoritajiet milli jinvestigaw networks kriminali u l-membri tagħhom.

    Biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew, mal-aġenziji u mal-korpi tal-UE u ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex issaħħaħ il-qafas legali kontra l-kriminalità organizzata u l-implimentazzjoni tiegħu. Valutazzjoni tal-qafas legali eżistenti se jkollha bżonn ukoll teżamina d-definizzjonijiet legali armonizzatital-kriminalità organizzata u tadattahom għar-realtà tan-networks kriminali u tal-membri ewlenin tagħhom biex jiġu żgurati sanzjonijiet dissważivi għall-parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali jew it-tmexxija tagħha. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw u jinvestigaw aħjar l-attivitajiet kriminali organizzati, ir-rieżami għandu jesplora miżuri li jiżguraw li l-awtoritajiet ikollhom it-tekniki investigattivi speċjali xierqa għad-dispożizzjoni tagħhom. Għandha ssir riflessjoni dwar il-ħtieġa ta’ miżuri addizzjonali, bħal strateġiji nazzjonali tal-kriminalità organizzata, kif ukoll unitajiet speċjalizzati b’għarfien espert minn diversi dixxiplini biex jiġu indirizzati investigazzjonijiet kumplessi. Barra minn hekk, ir-rieżami għandu jesplora jekk ikunux meħtieġa miżuri fil-livell tal-UE biex tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni tax-xhieda tal-istat.

    Speċifikament dwar it-traffikar tad-droga, id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi 49 se tiġi evalwata fl-2024. Ir-regoli, speċjalment dawk dwar sanzjonijiet kriminali, jistgħu jiġu emendati, modernizzati u msaħħa.

    Għandhom isiru aktar riflessjonijiet fil-livell tal-UE dwar jekk jistgħux ikunu rilevanti miżuri oħra li jillimitaw il-kapaċità tal-membri tan-networks kriminali biex jaċċessaw is-suq intern tal-UE. Ċerti miżuri, li ġew applikati minn pajjiżi terzi, jistgħu jkunu komplement siewi għall-isforzi tal-infurzar tal-liġi, billi jwasslu biex il-kriminali ma jibqgħux jibbenifikaw minn fondi sabiex jinfiltraw l-ekonomija u jillimitaw il-kapaċità tagħhom li joperaw bejn il-fruntieri, speċjalment meta l-persuna suspettata tkun tinsab barra mill-UE.

    3.3.Prevenzjoni

    Il-Kummissjoni tqis li l-prevenzjoni tal-kriminalità hija parti integrali minn rispons fit-tul għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Il-politika tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità tagħmel enfasi fuq li jinħolqu ostakli tekniċi jew amministrattivi li jipprevjenu lill-individwi milli jwettqu reat. Barra minn hekk, din tippromwovi skambji ta’ esperjenza u tal-aħjar prattiki biex jiġu mmitigati fatturi li jħeġġu l-kriminalità u r-reċidività, inklużi sforzi biex jiġi evitat li n-nies jispiċċaw f’sitwazzjonijiet vulnerabbli li jistgħu jwassluhom għal imġiba kriminali. Il-prevenzjoni hija parti integrali mill-politika tas-sigurtà tal-UE, li tkopri d-drogi 50 , il-korruzzjoni 51 , iċ-ċiberkriminalità 52 u ħafna oqsma oħra.

    Approċċ multidixxiplinari u bejn l-aġenziji għall-prevenzjoni tal-kriminalità għandu jinkludi kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u mas-soċjetà ċivili. Dan jista’ jikkontribwixxi biex titnaqqas il-probabbiltà ta’ attività kriminali billi jibni ostakli, iżid is-sensibilizzazzjoni ta’ vittmi potenzjali u jappoġġa individwi u komunitajiet vulnerabbli sabiex jitnaqqas ir-riskju li wieħed jispiċċa fil-kriminalità. Il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri u lil dawk li jfasslu l-politika u lill-prattikanti lokali jippromwovu politiki u għodod ibbażati fuq l-evidenza għall-prevenzjoni tal-kriminalità. Il-Kummissjoni tisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li dawk li jfasslu l-politika u l-prattikanti fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali jingħaqdu ma’ xulxin u jiskambjaw l-informazzjoni permezz ta’ kanali ta’ tixrid u komunikazzjoni ddeżinjati b’mod ċar u stabbiliti sew.

    Azzjoni 10: Il-prevenzjoni ta’ attivitajiet ta’ kriminalità organizzata permezz ta’ miżuri amministrattivi

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-Europol, in-Network Ewropew dwar l-Approċċ Amministrattiv

    Aktar minn 80 % tan-networks kriminali attivi llum fl-UE jużaw strutturi legali tan-negozju għall-attivitajiet kriminali tagħhom 53 . Pereżempju, huma stabbilew negozji żgħar biex jaħslu l-qligħ illeċitu tagħhom jew jikkompetu f’sejħiet għall-offerti pubbliċi, filwaqt li jiffrodaw lill-istituzzjonijiet pubbliċi. Għalhekk, huwa vitali li l-awtoritajiet amministrattivi jkunu konxji mir-rwol ewlieni li jista’ jkollhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Barra minn hekk, iridu jiġu stabbiliti proċeduri xierqa fil-livelli nazzjonali u lokali biex jingħalaq negozju, jitwettqu kontrolli tal-isfond qabel ma jingħataw permessi, offerti u sussidji u jiġu stabbiliti ostakoli oħra, bħal spezzjonijiet (pereżempju spezzjonijiet tas-saħħa jew tax-xogħol) li jipprevjenu lill-kriminali milli jwettqu reat.

    Diversi Stati Membri għandhom stabbiliti oqfsa żviluppati fejn l-awtoritajiet lokali jingħataw is-setgħa li jużaw għodod amministrattivi biex jipprevjenu l-infiltrazzjoni kriminali tan-negozji legali u tal-infrastruttura amministrattiva. Madankollu, fi Stati Membri oħra, l-approċċ amministrattiv għadu mhux żviluppat biżżejjed. Barra minn hekk, id-differenzi fl-oqfsa u l-prattiki nazzjonali jikkumplikaw il-kollaborazzjoni transfruntiera, u dan jirriżulta biex il-kriminali sempliċiment jaqsmu l-fruntiera sabiex jistabbilixxu negozji frodulenti ġodda jekk in-negozju preċedenti tagħhom jingħalaq mill-awtoritajiet.

    Għalhekk, l-iskambju tal-aħjar prattiki u gwida fost l-Istati Membri kollha għandu jissaħħaħ ulterjorment biex jgħin lill-Istati Membri jistabbilixxu oqfsa nazzjonali sabiex japplikaw l-approċċ amministrattiv. Il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida prattika fl-2024 dwar l-użu ta’ għodod amministrattivi u l-iskambju ta’ informazzjoni fil-ġlieda kontra l-infiltrazzjoni kriminali. Din il-ħidma se tibbaża fuq l-esperjenza taċ-Ċentru Reġjonali tal-UE għall-Informazzjoni u l-Għarfien Espert 54 (proġett iffinanzjat mill-UE li jappoġġa l-approċċ amministrattiv transfruntier bejn il-Belġju, il-Ġermanja u n-Netherlands), in-Network Ewropew dwar l-Approċċ Amministrattiv 55 u l-EMPACT.

    L-approċċ amministrattiv huwa wieħed mid-disa’ għanijiet strateġiċi orizzontali komuni tal-EMPACT. Il-Kummissjoni tħeġġeġ bis-saħħa lill-Istati Membri u lill-Europol biex iwettqu miżuri operazzjonali speċifiċi fl-2024 u fl-2025 li jikkontribwixxu għal dan il-għan.

    Azzjoni 11: Il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-prekursuri tad-disinjaturi

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-EMCDDA

    Il-kriminali jużaw u jiddevjaw is-sustanzi kimiċi meħtieġa fil-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kuljum għall-manifattura ta’ drogi illegali. Sabiex jiġi limitat u kkontrollat l-aċċess għal dawn il-prekursuri tad-droga, l-UE diġà stabbiliet regoli. 56 Madankollu, il-kriminali jistgħu faċilment jevitaw il-kontrolli eżistenti għal dawn is-sustanzi billi joħolqu prekursuri ġodda tad-disinjaturi: qraba kimiċi mill-qrib ta’ prekursuri tradizzjonali tad-droga. Dawn isiru biex jiġu evitati l-kontrolli doganali u ma għandhom l-ebda użu leġittimu magħruf.

    Il-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-UE dwar il-prekursuri tad-droga 57 jsegwi approċċ ta’ “skedar sustanza b’sustanza” li jieħu ż-żmien, u li jagħmilha diffiċli li wieħed ilaħħaq mal-pass mgħaġġel tal-innovazzjoni tal-kriminalità organizzata. Kull darba li sustanza ġdida tiġi identifikata bħala prekursur tad-droga u sussegwentement skedata għall-kontroll u l-monitoraġġ, il-gruppi tal-kriminalità organizzata jirrispondu billi jibdlu l-istruttura molekulari bi ftit u joħolqu prekursur tad-disinjatur ġdid. Dan jista’ jsir ħafna aktar malajr miż-żmien meħtieġ biex tiġi skedata (ikkontrollata) sustanza.

    Għalhekk, mill-2024, il-Kummissjoni qed tippjana li tistabbilixxi modi innovattivi biex tħaffef u twessa’ l-approċċ eżistenti għall-iskedar tal-prekursuri tad-droga. Il-firxa ta’ sustanzi skedati se tiġi estiża għal derivattivi identifikati b’mod ċar u għal sustanzi kimiċi relatati li jistgħu jiġu kkonvertiti faċilment għal jew jintużaw bħala sostituti matul il-produzzjoni illeċita. Dwar il-ħin tal-iskedar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tagħmel kull sforz biex tħaffef il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti delegati futuri li jiskedaw sustanzi addizzjonali, billi taħdem id f’id mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill. Il-Kummissjoni se tipproponi li dan l-approċċ il-ġdid jiġi implimentat sal-massimu possibbli fi ħdan il-qafas legali eżistenti tal-UE meta jiġu skedati sustanzi addizzjonali.

    Fi stadju aktar tard, wara eżami fil-fond tal-kwistjonijiet involuti u s-soluzzjonijiet possibbli, u filwaqt li tibni fuq l-eżitu tal-evalwazzjoni tar-regolamenti tal-UE dwar il-prekursuri tad-droga, 58 il-Kummissjoni tista’ tirrieżamina dawn ir-regolamenti 59 wkoll bil-għan li tindirizza l-kwistjonijiet identifikati tal-prekursuri tad-disinjaturi. Il-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi internazzjonali u se tkompli tagħmel dan fil-futur. L-UE qed issegwi kooperazzjoni multilaterali aktar b’saħħitha dwar l-isfidi li jimponu s-sustanzi mhux skedati u tqajjem sensibilizzazzjoni dwar dan, b’mod partikolari l-perkursuri tad-disinjaturi. L-UE qed timmonitorja mill-qrib ukoll u tikkontribwixxi għall-ħidma tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi, li regolarment tirrieżamina u tanalizza s-sitwazzjoni globali tad-droga. L-UE se tkompli taħdem mill-qrib mal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi u ma’ pajjiżi tal-istess fehma li qed jimxu fil-passi tagħha, jiġifieri li jsegwu azzjoni konkreta kontra dan il-fenomenu. Huwa vitali li jiżdied ir-rispons, peress li bħalissa, il-kriminali għandhom żmien biżżejjed biex jiskopru kif għandhom jevitaw il-kontrolli.

    Azzjoni 12: Il-prevenzjoni ta’ networks kriminali milli jirreklutaw tfal u żgħażagħ

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, l-Istati Membri (inklużi l-awtoritajiet lokali), l-EMCDDA, in-Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

    Networks kriminali, inklużi traffikanti tad-droga, jisfruttaw persuni vulnerabbli u jużaw iż-żgħażagħ jew saħansitra t-tfal biex iwettqu attivitajiet kriminali. Dawn l-attivitajiet jinkludu s-serq, is-serq mill-ħwienet, it-tbattil ta’ kontejners mimlijin bid-drogi, it-tqegħid ta’ splussivi, it-twettiq ta’ frodi online, jew is-“self” ta’ kontijiet bankarji. Bil-għan li jiksbu flus faċli, iż-żgħażagħ ikollhom it-tentazzjoni li jitilqu mill-iskola jew mill-impjieg. Sabiex iż-żgħażagħ jiġu protetti u sabiex tiġi mxekkla l-attività kriminali, huwa essenzjali li jsir investiment f’politiki u f’għodod effettivi għall-prevenzjoni tal-kriminalità.

    Il-prevenzjoni tal-kriminalità tinvolvi lill-komunitajiet lokali, lill-familji, lill-iskejjel, lis-settur tal-benessri soċjali, lis-soċjetà ċivili, lill-infurzar tal-liġi, lill-ġudikatura, lill-awtoritajiet tal-ħabs u lis-settur privat. L-użu effettiv tar-riżorsi tal-UE u dawk nazzjonali biex tittejjeb il-koeżjoni soċjali, jiġi indirizzat il-qgħad u jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ma jabbandunawx l-edukazzjoni tagħhom huwa rilevanti ħafna f’dan il-kuntest. Permezz tal-Fond Soċjali Ewropew+, il-Kummissjoni se tkompli tgħin liż-żgħażagħ vulnerabbli jilħqu l-potenzjal tagħhom billi tappoġġa inizjattivi lokali biex jiġu miġġielda l-faqar, l-inklużjoni soċjali u l-qgħad fost iż-żgħażagħ, f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 60 .

    Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza tan-Network Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità, in-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni u l-EMPACT, il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità. Flimkien mal-Istati Membri, in-Network tal-UE għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u partijiet ikkonċernati oħra, fl-2024 il-Kummissjoni se tlaqqa’ flimkien lill-prattikanti tal-prevenzjoni tal-kriminalità u lil dawk li jfasslu l-politika għal konferenza ta’ livell għoli dwar il-prevenzjoni tal-kriminalità u se tippreżenta ġabra tal-aħjar prattiki dwar ir-reklutaġġ fil-kriminalità organizzata.

    Azzjoni 13: It-titjib tas-sikurezza pubblika u tas-saħħa pubblika f’żoni affettwati mill-użu u mill-bejgħ tad-drogi u tal-kriminalità relatata mad-droga.

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-EMCDDA

    F’diversi pajjiżi tal-UE, qed jiżviluppaw ċentri kriminali relatati mad-droga. Xi postijiet, bħal inħawi urbani, stazzjonijiet tal-ferrovija u tal-metrò u postijiet urbani mwarrba, huma partikolarment affettwati mill-bejgħ ta’ drogi, l-użu tad-droga u reati relatati mad-droga. Dan huwa dovut għal ħafna fatturi, inklużi l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dan iwassal għal nuqqas ta’ sigurtà għall-komunitajiet lokali, u n-nies li jużaw id-drogi f’dawn iż-żoni għadhom ibatu minn problemi tas-saħħa, stigma u ħsara soċjali. L-isfidi ppreżentati minn din il-konċentrazzjoni ta’ attivitajiet illeċiti ma jistgħux jiġu solvuti mill-awtoritajiet lokali waħedhom u jirrikjedu soluzzjonijiet sostenibbli.

    Minħabba differenzi sinifikanti fis-sitwazzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali, iridu jiġu identifikati soluzzjonijiet immirati li jikkombinaw rispons għall-infurzar tal-liġi ma’ miżuri soċjali u tas-saħħa. Huwa kruċjali li jinħoloq spazju għall-iskambju tal-aħjar prattiki u approċċi bbażati fuq l-evidenza bejn dawk ikkonċernati. Fl-2024, il-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-EMCDDA, se torganizza konferenza ta’ livell għoli, li tlaqqa’ flimkien l-infurzar tal-liġi, il-professjonisti tas-saħħa u soċjali u l-awtoritajiet lokali, inklużi s-servizzi tas-saħħa, biex tfassal l-aħjar prattiki. Bħala parti mill-EMPACT, l-azzjoni konġunta u t-taħriġ se jsiru abbażi tal-Kurrikulu Ewropew tal-EMCDDA għall-Prevenzjoni 61 .

    3.4.Kooperazzjoni internazzjonali

    Il-firxa globali tan-networks kriminali u l-interkonnettività tagħhom għamlitha aktar urġenti għall-UE li tħares lil hinn mill-fruntieri tagħha għal soluzzjonijiet komprensivi. Fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, tingħata prijorità lill-kooperazzjoni ma’ dawk il-pajjiżi u r-reġjuni li fihom joperaw ir-rotot ewlenin tal-provvista tad-droga u li huma partikolarment affettwati mill-effetti negattivi tat-traffikar tad-droga. Il-kooperazzjoni ma’ sħab ewlenin li jistgħu jgħinu biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet hija kruċjali wkoll. L-azzjoni esterna u s-sħubijiet tal-UE huma komprensivi, b’enfasi kemm fuq il-prevenzjoni kif ukoll fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

    L-UE għandha tkompli ttejjeb l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ dawk il-pajjiżi li l-oqfsa legali nazzjonali tagħhom jiġu abbużati mill-kriminali sabiex jaħbu lilhom infushom jew l-assi tagħhom. Barra minn hekk, taħt l-umbrella tal-Istrateġija Global Gateway 62 , l-UE se tkompli tinvesti fil-ħtiġijiet infrastrutturali tas-sħab, b’mod partikolari billi telimina l-vulnerabbiltajiet f’ċentri loġistiċi permezz ta’ Inizjattivi ddedikati ta’ Tim Ewropa li jappoġġaw ukoll is-sigurtà u t-titjib teknoloġiku.

    Fir-rigward tal-protezzjoni tal-portijiet kontra l-infiltrazzjoni kriminali, fl-involviment tagħha ma’ pajjiżi mhux tal-UE, il-Kummissjoni tisħaq fuq l-importanza li dawn jaderixxu bis-sħiħ mal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) (speċjalment il-miżuri speċjali biex tittejjeb is-sigurtà marittima) u l-Kodiċi Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Vapuri u tal-Faċilitajiet tal-Port (ISPS) 63 .

    Azzjoni 14: It-tisħiħ tal-appoġġ għal operazzjonijiet operazzjonali kontra t-traffikar tad-droga fl-Afrika tal-Punent

    Atturi ewlenin tal-UE: Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-MAOC (N), l-Europol.

    Il-Golf tal-Guinea sar wieħed mir-rotot ewlenin tat-traffikar tad-droga mill-Amerka t’Isfel. Id-drogi jaslu fl-Ewropa mill-Golf tal-Guinea fil-bastimenti tas-sajd, fl-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni, fid-dgħajjes tat-tbaħħir u f’tipi ta’ bastimenti oħrajn li jitilqu mill-Amerka t’Isfel. Dawn il-bastimenti jġorru l-merkanzija illeċita tagħhom ’il barra mill-kosta u jbaħħru lejn il-Golf tal-Guinea biex iwasslu d-drogi lil bastimenti oħra. Dawn il-bastimenti mbagħad iċaqilqu l-vjeġġ lejn ix-xatt, u minn hemm, id-drogi jiġu ttraffikati mid-Deżert tas-Saħara lejn l-Ewropa.

    F’konformità mal-Istrateġija tas-Sigurtà Marittima tal-UE għat-theddid marittimu li qed jevolvi u l-pjan ta’ azzjoni 64 u l-istrateġija tal-UE dwar il-Golf tal-Guinea 65 , il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri tal-UE, se taħdem biex tindirizza din ir-rotta ta’ provvista tad-droga b’mod koordinat. Huma se jagħmlu dan billi jiskambjaw informazzjoni, isaħħu l-preżenza marittima nazzjonali fiż-żona, jiffaċilitaw operazzjonijiet konġunti bl-appoġġ taċ-Ċentru għall-Analiżi u l-Operazzjonijiet Marittimi – Narkotiċi (MAOC (N)) u jappoġġaw ulterjorment l-iżvilupp tal-kapaċità tal-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent biex jiġġieldu t-traffikar tad-droga, pereżempju permezz tal-Programm dwar il-Flussi Illeċiti Globali (GIFP).

    Il-programm li jmiss dwar is-sigurtà marittima “Insaħħu s-sigurtà marittima fl-Afrika” (Ibħra sikuri għall-Afrika) għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex jindirizzaw it-traffikar tan-narkotiċi fuq il-baħar, kemm fir-reġjun tal-Golf tal-Guinea, kif ukoll tul il-kosta tas-Swahili u fir-reġjun gżira tal-Oċean Indjan tal-Punent.

    Barra minn hekk, għall-Afrika tal-Punent, l-UE tinsab fil-proċess li tesplora intervent reġjonali futur potenzjali ggwidat minn approċċ komprensiv ta’ “kurituri u ċentri tat-traffikar”. Tali programm jikkontribwixxi ulterjorment għall-isforzi ta’ stabbilizzazzjoni, b’mod partikolari billi jindirizza rabtiet eżistenti potenzjali bejn il-kriminalità organizzata u l-proliferazzjoni ta’ attivitajiet terroristiċi fl-Afrika tal-Punent.

    Azzjoni 15: It-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi fl-Amerka Latina u l-Karibew fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata

    Atturi ewlenin tal-UE: Il-Kummissjoni, l-Europol, l-Eurojust, l-Istati Membri.

    Peress li t-theddid kriminali li qed jiffaċċjaw l-Amerka Latina u l-Karibew (LAC) u l-UE jaffettwa serjament is-sigurtà u l-benessri tan-nies fiż-żewġ reġjuni, irridu ningħaqdu biex niġġieldu t-theddida. Bħala kwistjoni ta’ prijorità, biex tittejjeb il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi mal-Amerka Latina, il-Kummissjoni qed tinnegozja ftehimiet internazzjonali dwar l-iskambju ta’ data personali mal-Europol mal-Bolivja, il-Brażil, l-Ekwador, il-Messiku u l-Perù. Il-Kummissjoni qed tintensifika wkoll il-ħidma biex jiġu konklużi negozjati dwar ftehimiet internazzjonali ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja mal-Eurojust, mal-Brażil, l-Arġentina u l-Kolombja. Il-Kummissjoni se tqis ukoll li tipproponi li testendi l-mandat tal-Kunsill b’mod partikolari għal pajjiżi oħra tal-Amerka Latina għall-involviment futur tal-Eurojust dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fir-reġjun.

    Bħala parti mis-sħubija msaħħa bejn l-UE u l-LAC dwar il-Ġustizzja u s-Sigurtà u l-Inizjattiva Tim Ewropa tagħha, hemm programmi reġjonali li jappoġġaw l-isforzi integrati ta’ ġestjoni tal-fruntieri u l-ġlieda kontra t-traffikar u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin f’diversi pajjiżi tal-Amerka t’Isfel 66 (EUROFRONT) kif ukoll li jnaqqsu l-provvista u d-domanda tad-drogi fl-Amerka Latina u fil-Karibew (COPOLAD) u l-Programm Globali tal-Flussi Illeċiti, li jfittex li jibni l-kapaċità li tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata madwar l-Amerka Latina u l-Karibew (fost reġjuni oħra). Id-djalogu ta’ livell għoli se jissaħħaħ ukoll permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni u Kooperazzjoni dwar id-Drogi tal-UE-CEAC. F’dan ir-rigward, l-edizzjoni l-ġdida tal-EL PAcCTO 2.0 se tipprovdi riżorsi addizzjonali biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Latina u tal-Karibew, inkluż l-appoġġ għall-AMERIPOL. Bħala parti mill-EL PAcCTO 2.0., proġett konġunt se jappoġġa u jsaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni u intelligence, se jissimplifika l-operazzjonijiet, u se jimmassimizza l-użu ta’ data bejn il-Europol u l-Kolombja biex jiġu mfixkla n-networks tat-traffikar tad-droga kriminali. Wara l-approċċ ta’ Tim Ewropa, il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-possibbiltajiet biex jiġu appoġġati timijiet investigattivi speċjali lokali sabiex iwettqu investigazzjonijiet kumplessi f’pajjiżi mhux tal-UE.

    Fl-2022, inqabdu 44 tunnellata ta’ kokaina f’Guayaquil fl-Ekwador. Il-portijiet fiż-żona ta’ Guayaquil saru wieħed mill-aktar ċentri loġistiċi li jintużaw għat-traffikar tad-drogi lejn l-Ewropa permezz ta’ kontejners. Flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni se tniedi valutazzjoni speċifika tal-vulnerabbiltajiet tal-portijiet ta’ Guayaquil u ż-żona tal-bajja tagħha biex tagħti prijorità lill-attivitajiet futuri, inkluż l-appoġġ tal-UE.

    Azzjoni 16: Il-ħolqien ta’ alleanzi biex jiġu indirizzati t-theddidiet tad-drogi sintetiċi

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, l-Europol, l-EMCDDA u l-Istati Membri

    Id-drogi sintetiċi jistgħu jiġu manifatturati faċilment u malajr madwar id-dinja kollha fi kwantitajiet kbar u minn sustanzi kimiċi rħas. Id-drogi sintetiċi żdiedu fl-aħħar 10 snin fil-livelli internazzjonali u reġjonali u huma ta’ theddida reali għas-saħħa u s-sikurezza. Hemm ukoll tħassib dejjem akbar dwar il-produzzjoni ta’ drogi sintetiċi fl-Ewropa, li huma esportati madwar id-dinja. Għalhekk, l-UE għandha tieħu r-responsabbiltà u għandha tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra dan il-fenomenu, b’mod partikolari billi tfittex sħab internazzjonali. L-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ esperjenzi huma siewja ħafna, speċjalment ma’ pajjiżi tal-Amerka ta’ Fuq fejn il-problemi relatati mal-użu tal-fentanil huma l-aktar prevalenti. L-UE jeħtieġ li żżid it-tħejjija u tistabbilixxi miżuri ta’ sorveljanza sodi.

    Fis-7 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni kkonfermat li l-UE se tingħaqad mal-Koalizzjoni Globali biex Tindirizza t-Theddid tad-Drogi Sintetiċi li tnediet mill-Istati Uniti. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, flimkien mal-aġenziji rilevanti tal-UE u l-Istati Membri, se jikkontribwixxu għall-ħidma tal-Koalizzjoni biex ittejjeb il-kapaċità ta’ sorveljanza globali, issaħħaħ it-tħejjija għall-isfidi mill-manifattura u t-traffikar ta’ drogi sintetiċi u tiżviluppa approċċi biex tnaqqas id-domanda għad-droga u l-ħsara relatata mad-droga. Il-Kummissjoni tappoġġa wkoll l-isforzi tal-Istati Uniti biex jippreżentaw riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar id-drogi sintetiċi għall-approvazzjoni f’Diċembru 2023.

    Il-Kummissjoni se torganizza wkoll aktar skambji maċ-Ċina, b’mod partikolari permezz tad-Djalogu tal-UE dwar id-Drogi, biex tagħti spinta lill-kooperazzjoni dwar il-produzzjoni tad-drogi illeċiti u d-devjazzjoni u t-traffikar tal-prekursuri tad-droga u sustanzi kimiċi essenzjali oħra għall-manifattura illeċita tad-drogi. Flimkien mad-Djalogu li jmiss bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drogi li għandu jsir fl-2024, il-Kummissjoni beħsiebha terġa’ tibda l-assistenza amministrattiva reċiproka bħala parti mill-Grupp ta’ Segwitu Konġunt dwar il-Prekursuri bejn l-UE u ċ-Ċina biex tiġi skambjata l-informazzjoni. Dan se jgħin ukoll biex tiġi pprevenuta d-devjazzjoni tal-prekursuri u tas-sustanzi kimiċi li spiss jintużaw fil-manifattura ta’ drogi illeċiti nnegozjati bejn l-UE u ċ-Ċina.

    Azzjoni 17: It-tisħiħ tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ ġuriżdizzjonijiet mhux kooperattivi

    Atturi ewlenin: Il-Kummissjoni, l-Istati Membri

    In-networks kriminali moderni huma ta’ natura transfruntiera. Huma jużaw rotot kummerċjali internazzjonali biex jittraffikaw kull tip ta’ merkanzija illegali u jisfruttaw il-lakuni bejn il-ġuriżdizzjonijiet sabiex jittraffikaw id-drogi u jaħbu u jaħslu d-dħul kriminali kbir tagħhom 67 . Fl-istess ħin, il-ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx jintużaw bħala kenn sikur għall-maħrubin ta’ valur għoli biex jaħarbu mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni. Barra minn hekk, dawk li jmexxu sistemi bankarji sotteranji normalment jinħbew f’pajjiżi fejn il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja mal-UE hija kumplessa u fejn jistgħu jgawdu standard għoli ta’ għajxien.

    L-investigazzjonijiet ewlenin reċenti, bħall-Operazzjoni b’suċċess Desert Light appoġġata mill-Europol f’Novembru 2022 68 , urew ukoll il-ħtieġa kruċjali li jkun hemm kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva ma’ pajjiżi mhux tal-UE biex jiġi żgurat li l-kriminali maqbuda jiġu estraditi, jitressqu quddiem il-qorti u jiġu kkundannati. Għalhekk huwa essenzjali li jissaħħu kemm l-infurzar tal-liġi kif ukoll il-kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-estradizzjoni, lill-investigazzjonijiet finanzjarji u lill-irkupru ta’ assi kriminali barra mill-UE, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib tal-uffiċjali ta’ kollegament tal-Istati Membri jew tal-Aġenzija tal-UE stazzjonati f’pajjiżi mhux tal-UE. Biex tiżdied il-koordinazzjoni, jiġi mmassimizzat l-impatt tal-UE u jittejjeb l-involviment ma’ pajjiżi mhux tal-UE, għandhom jitqiesu l-ħolqien u l-użu tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi tal-UE u tal-kollegament ġudizzjarju f’pajjiżi ewlenin mhux tal-UE.

    Flimkien ma’ attivitajiet operazzjonali mtejba, huwa importanti wkoll li jkun hemm qafas legali komuni għal kooperazzjoni effettiva fil-liġi kriminali fil-livell internazzjonali. Fl-involviment tagħha ma’ pajjiżi mhux tal-UE, il-Kummissjoni tistedinhom isiru partijiet għall-konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam tal-estradizzjoni 69 u l-iffriżar u l-konfiska 70 tal-assistenza legali reċiproka 71 .

    Il-Kummissjoni se taħdem biex tidentifika l-kwistjonijiet kurrenti li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri ma’ pajjiżi mhux tal-UE biex tgħaqqad l-isforzi diplomatiċi għal kooperazzjoni aktar effettiva li hija konformi mal-istandards tad-drittijiet fundamentali tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltà li tniedi negozjati biex tikkonkludi ftehimiet speċifiċi tal-UE dwar l-estradizzjoni, fejn jiġu ssodisfati l-prekundizzjonijiet għall-konklużjoni ta’ tali ftehimiet.

    3.5.Il-ħidma flimkien u l-għoti ta’ appoġġ

    Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji u l-korpi tal-UE ilhom mill-adozzjoni tal-istrateġiji tal-UE jiltaqgħu regolarment biex jibnu komunità multidixxiplinari ta’ dawk li jfasslu l-politika u tal-prattikanti u jinvolvu ruħhom fi djalogu regolari. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-partijiet ikkonċernati kollha dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar il-kriminalità organizzata u l-azzjonijiet ippreżentati f’din il-Komunikazzjoni biex jiskambjaw l-aħjar prattiki, jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali u jirriflettu dwar il-ħtiġijiet futuri.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni mmobilizzat finanzjament biex tappoġġa l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata b’finanzjament iddedikat tal-UE għall-2023-2025. Hija se torganizza sejħiet għal proposti taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna dwar diversi suġġetti, inklużi l-korruzzjoni, l-investigazzjonijiet diġitali, u l-appoġġ għall-EMPACT. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tniedi sejħa għal proposti dwar il-kriminalità organizzata għal total ta’ EUR 20 miljun sal-aħħar tal-2023.

    4.Konklużjonijiet

    L-iskala, is-sofistikazzjoni u l-konsegwenzi vjolenti tal-kriminalità organizzata saru theddida serja għas-sigurtà tal-UE. Hekk kif il-metodi tan-networks kriminali jsiru aktar sofistikati, l-istess għandhom isiru dawk tal-UE: ir-rispons biex dawn in-networks jiżżarmaw jeħtieġ li jiżdied b’mod urġenti. Għalhekk, dan id-dokument stabbilixxa l-azzjonijiet ewlenin meħtieġa fil-livell tal-UE biex tiġi intensifikata l-ġlieda kontra n-networks kriminali b’riskju għoli u t-traffikar tad-droga. Il-ħidma fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġiji tal-UE dwar il-kriminalità organizzata u d-drogi għandha tkompli b’ritmu massimu. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li timplimenta dawn l-azzjonijiet addizzjonali fl-2024 u fl-2025, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-aġenziji u l-korpi tal-UE.

    Regoli komuni, sodi u effettivi huma essenzjali biex tingħata spinta lill-miżuri nazzjonali, kif ukoll lill-kooperazzjoni tal-UE u internazzjonali kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-droga u biex jiġu protetti l-vittmi ta’ dawn ir-reati. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw sa tmiem il-leġiżlatura, id-Direttiva dwar il-Konfiska u l-Irkupru tal-Assi, ir-reviżjoni tar-Regolament ta’ Prüm, ir-regoli dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontijiet bankarji, il-pakkett leġiżlattiv propost kontra l-ħasil tal-flus, u l-abbozz ta’ Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni permezz tal-liġi kriminali. Il-Kummissjoni ttenni l-impenn tagħha li taħdem mill-qrib mal-koleġiżlaturi biex jintlaħaq dan l-għan.

    Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-droga trid tkun prijorità għall-UE u għall-Istati Membri tagħha. Irridu nindirizzaw it-theddid li qed niffaċċjaw flimkien, u din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw bis-sħiħ il-prijoritajiet u l-miżuri fuq terminu medju sa twil stabbiliti f’dan il-pjan direzzjonali.

    (1)

      https://www.emcdda.europa.eu/publications/eu-drug-markets_en

    (2)

      https://www.europol.europa.eu/publications-events/main-reports/socta-report

    (3)

    https://www.europol.europa.eu/media-press/newsroom/news/dismantling-encrypted-criminal-encrochat-communications-leads-to-over-6-500-arrests-and-close-to-eur-900-million-seized

    (4)

      The Other Side of the Coin: An Analysis of Financial and Economic Crime | Europol (europa.eu)  

    (5)

    Rapport Ewropew dwar id-Droga 2023, EMCDDA, https://www.emcdda.europa.eu/publications/european-drug-report/2023/drug-induced-deaths_en  

    (6)

    COM/2021/170 final.

    (7)

    COM/2020/ 606 final.

    (8)

    COM/2023/ [referenza eżatta sejra tiġi inkluża ladarba din tkun disponibbli].

    (9)

    COM/2022/245 final.

    (10)

    COM/2021/429 final.

    (11)

    COM/2021/421 final, COM/2021/420 final, COM/2021/423 final u r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).

    (12)

    COM/2023/257 final.

    (13)

    COM/2023/234 final.

    (14)

    Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016).

    (15)

    COM/2021/780 final.

    (16)

    Id-Direttiva (UE) 2023/977 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI (ĠU L 134, 22.5.2023).

    (17)

    COM/2021/784 final.

    (18)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

    (19)

    Ir-Regolament (UE) 2023/1543 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej u l-Ordnijiet ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ kustodja wara proċedimenti kriminali (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 118) u

    Id-Direttiva (UE) 2023/1544 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta’ stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-fini ta’ ġbir ta’ evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 181).

    (20)

    Ir-Regolament (UE) 2023/1322 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2023 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi (EUDA) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1920/2006 (ĠU L 166, 30.6.2023).

    (21)

    Iffinanzjata permezz tal-Fond għas-Sigurtà Interna, EUR 2 miljun għall-2024-2025.

    (22)

    https://www.europol.europa.eu/media-press/newsroom/news/heat-rising-european-super-cartel-taken-down-in-six-countries  

    (23)

      Statistika – MAOC (N) .

    (24)

    L-EUMSS riveduta intbagħtet lill-Kunsill għall-approvazzjoni tiegħu

    (25)

    JOIN 2023/17 final

    (26)

      https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12000-2023-INIT/en/pdf

    (27)

    Ir-rispons tal-Punent tal-Afrika dwar iċ-Ċibersigurtà u l-Ġlieda kontra ċ-Ċiberkriminalità (OCWAR-C), ir-rispons tal-Punent tal-Afrika għall-ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-finanzjament tat-Terroriżmu (OCWAR-M) u r-rispons tal-Afrika tal-Punent għat-Traffikar (OCWAR-T).

    (28)

    Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport, Assessment of potential of maritime and inland ports and inland waterways and of related policy measures, including industrial policy measures – Rapport finali, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2020, https://data.europa.eu/doi/10.2832/03796

    (29)

    https://www.europol.europa.eu/cms/sites/default/files/documents/Europol_Joint-report_Criminal%20networks%20in%20EU%20ports_Public_version.pdf

    (30)

    Ibid.

    (31)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni doganali fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-kontribut tagħha għas-sigurtà interna tal-UE.

    (32)

    Ir-Regolament (UE) 2021/444 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-programm “Dwana” għal kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana (ĠU L 87, 15.3.2021).

    (33)

    Is-CELBET (Tim ta’ Esperti Doganali fil-qasam tal-Fruntieri tal-Art tal-Lvant u tax-Xlokk) huwa tim ta’ esperti tal-Istati Membri li jlaqqa’ lill-11-il Stat Membru tal-fruntieri tal-art tal-Lvant u tax-Xlokk (BG, FI, EE, EL, HR, HU, LT, LV, PL, SK, RO), u li huwa ffinanzjat taħt il-programm Doganali. Dan kien partikolarment effettiv biex jimplimenta soluzzjonijiet operazzjonali fil-prattika, wera esperjenza fil-kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi u fl-aħħar mill-aħħar jiżgura li l-kontrolli doganali jitwettqu b’mod armonizzat fil-fruntiera tal-art tal-UE.

    (34)

    Ir-Regolament (UE) 2021/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali (ĠU L 234, 2.7.2021).

    (35)

    Id-detezzjoni fil-fruntiera ta’ drogi u prekursuri illeċiti permezz ta’ elettrosensuri akkurati ħafna | BorderSens | Proġett | Skeda informattiva | H2020 | CORDIS | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

    (36)

    Ara r-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib tas-sigurtà fuq il-vapuri u fil-faċilitajiet tal-portijiet, ĠU 129/6 u d-Direttiva 2005/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet (ĠU L310/28).

    (37)

      The Other Side of the Coin: An Analysis of Financial and Economic Crime | Europol (europa.eu)

    (38)

    ST 8927/20, https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8927-2020-INIT/mt/pdf .

    (39)

    Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-użu ta’ sħubijiet pubbliċi-privati fil-qafas tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, Brussell, 27.10.2022 (SWD/2022. 347 final).

    (40)

    https://www.europol.europa.eu/about-europol/european-financial-and-economic-crime-centre-efecc

    (41)

    https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/portal/screen/opportunities/topic-details/horizon-cl3-2024-fct-01-08  

    (42)

    COM/2023/3647 final

    (43)

      https://www.ecteg.eu/

    (44)

      https://www.eactda.eu/

    (45)

    L-implimentazzjoni tal-azzjoni preparatorja dwar il-monitoraġġ tad-darknet ikkoordinat mill-UE biex jiġu miġġielda l-attivitajiet kriminali proposti mill-Parlament Ewropew, bl-involviment tal-EMCDDA kif ukoll tal-Europol, f’konformità mal-istrateġija tal-UE dwar id-drogi u mal-pjan ta’ azzjoni.

    (46)

    Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).

    (47)

    Ir-Regolament (UE) 2022/991 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/794, fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-Europol ma’ partijiet privati, tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol b’appoġġ għal investigazzjonijiet kriminali, u tar-rwol tal-Europol fir-riċerka u fl-innovazzjoni, (ĠU L 169, 27.6.2022, p. 1).

    (48)

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, (ĠU L 300, 11.11.2008).

    (49)

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta’ drogi (ĠU L 335, 11.11.2004, p. 8).

    (50)

    COM/2020/ 606 final.

    (51)

    COM/2023/ 234 final.

    (52)

      https://home-affairs.ec.europa.eu/policies/internal-security/cybercrime_en

    (53)

      https://www.europol.europa.eu/publications-events/main-reports/socta-report

    (54)

      EURIEC .

    (55)

      Paġna ewlenija - Network Ewropew dwar l-Approċċ Amministrattiv .

    (56)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1–10, u r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga, ĠU L47, 18.2.2004.

    (57)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, (ĠU L 22, 26.1.2005, p.  1–-10), u r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (ĠU L 47, 18.2.2004).

    (58)

     COM/2020/ 768 final.

    (59)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat- 22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1–), u r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (ĠU L47, 18.2.2004).

    (60)

    COM/2017/ 250 final.

    (61)

    https://www.emcdda.europa.eu/publications/manuals/european-prevention-curriculum_en

    (62)

     JOIN/2021/30 final

    (63)

      SOLAS XI-2 u l-Kodiċi ISPS (imo.org) .

    (64)

    L-EUMSS riveduta intbagħtet lill-Kunsill għall-approvazzjoni tiegħu.

    (65)

    L-Istrateġija tal-UE dwar il-Golf tal-Guinea, 17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea https://www.consilium.europa.eu/media/28734/141582.pdf

    (66)

    Il-Kolombja, l-Ekwador, il-Perù, il-Bolivja, l-Arġentina, il-Paragwaj u l-Brażil.

    (67)

      https://www.europol.europa.eu/publications-events/main-reports/socta-report

    (68)

      https://www.europol.europa.eu/media-press/newsroom/news/heat-rising-european-super-cartel-taken-down-in-six-countries

    (69)

    Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Assistenza Legali Reċiproka (ETS Nru 30), https://rm.coe.int/16800656ce

    (70)

    Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Estradizzjoni (ETS Nru 24), https://rm.coe.int/1680064587  

    (71)

    Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn Attività Kriminali u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (CTS Nru 198), https://rm.coe.int/168008371  

    Top