EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0624

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tas-Slovenja

COM/2023/624 final

Brussell, 24.5.2023

COM(2023) 624 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tas-Slovenja

{SWD(2023) 624 final}


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 tas-Slovenja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 , li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, li jinvolvu impuls fiskali ffinanzjat mill-UE. F’konformità mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew, hija tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u soċjali u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti sostenibbli, b’mod partikolari biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u tagħmel l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. Tgħin ukoll biex issaħħaħ il-finanzi pubbliċi u tagħti spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil, ittejjeb il-koeżjoni territorjali fl-UE u tappoġġa t-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.

(2)Fit-22 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2023 3 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2023 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-istħarriġ madwar l-erba’ dimensjonijiet tas-sostenibbiltà kompetittiva fit-23 ta’ Marzu 2023. Fit-22 ta’ Novembru 2022, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 2023, li fih ma identifikatx lis-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li jista’ jiġi affettwat jew li jista’ jkun f’riskju li jiġi affettwat mill-iżbilanċi, u li għalih tkun meħtieġa analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll opinjoni dwar l-abbozz ta’ pjan baġitarju tal-2023 tas-Slovenja. Il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li l-Kunsill adotta fis-16 ta’ Mejju 2023, kif ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2023 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li l-Kunsill adotta fit-13 ta’ Marzu 2023.

(3)Filwaqt li l-ekonomiji tal-UE qed juru reżiljenza notevoli, il-kuntest ġeopolitiku għad għandu impatt negattiv. Hekk kif l-UE qed tappoġġa b’mod sod lill-Ukrajna, l-aġenda tal-politika ekonomika u soċjali tal-UE hija ffukata fuq it-tnaqqis tal-impatt negattiv tax-xokkijiet tal-enerġija kemm fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli kif ukoll fuq il-kumpaniji fuq terminu qasir, u fuq iż-żamma tal-isforzi biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà makroekonomika u tiżdied ir-reżiljenza fuq terminu medju. Hija tiffoka ħafna wkoll fuq iż-żieda fil-kompetittività u l-produttività tal-UE.

(4)Fl-1 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni ħarġet il-Komunikazzjoni Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għall-Era b’Emissjonijiet Żero Netti 4 biex tagħti spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE u tappoġġa t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Il-pjan jikkomplementa l-isforzi li għaddejjin bil-Patt Ekoloġiku Ewropew u r-REPowerEU. Huwa għandu l-għan li jipprovdi ambjent aktar ta’ appoġġ biex tiżdied il-kapaċità tal-manifattura tal-UE għat-teknoloġiji u l-prodotti b’emissjonijiet żero netti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri klimatiċi ambizzjużi tal-UE, kif ukoll jiġi żgurat l-aċċess għal materja prima kritika rilevanti, inkluż billi jiġi diversifikat l-akkwist, jiġu sfruttati kif xieraq ir-riżorsi ġeoloġiċi fl-Istati Membri u jiġi massimizzat ir-riċiklaġġ tal-materja prima. Il-pjan huwa msejjes fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Fis-16 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll il-Komunikazzjoni, Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030 5 , strutturata fuq disa’ muturi li jsaħħu lil xulxin bil-għan li ssir ħidma lejn qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir. Hija tistabbilixxi prijoritajiet ta’ politika mmirati biex jiżguraw b’mod attiv titjib strutturali, investiment ffukat tajjeb u miżuri regolatorji għall-kompetittività fit-tul tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt jgħinu biex jiġu indirizzati dawk il-prijoritajiet.

(5)Fl-2023, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika qed ikompli jevolvi f’konformità mal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tibqa’ essenzjali għat-twettiq tal-prijoritajiet ta’ politika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kollha jew subsett sinifikanti minnhom maħruġa f’dawn l-aħħar snin. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019, l-2020 u l-2022 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241.

(6)Ir-Regolament REPowerEU 6 adottat fis-27 ta’ Frar 2023 għandu l-għan li jelimina malajr id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi. Dan se jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, filwaqt li jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika. Ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżidu kapitolu ġdid tar-REPowerEU mal-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza sabiex jiffinanzjaw riformi u investimenti ewlenin li se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tar-REPowerEU. Dawn se jgħinu wkoll biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-industrija b’emissjonijiet żero netti tal-UE kif deskritt fil-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti u se jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relatati mal-enerġija maħruġa lill-Istati Membri fl-2022 u, fejn applikabbli, fl-2023. Ir-Regolament REPowerEU jintroduċi kategorija ġdida ta’ appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, li ssir disponibbli għall-Istati Membri biex jiffinanzjaw riformi u investimenti ġodda relatati mal-enerġija skont il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

(7)Fit-8 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi gwida għall-politika fiskali għall-2024. Hija għandha l-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika 7 . Il-Kummissjoni fakkret li l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Hija appellat għal politiki fiskali fl-2023 u l-2024 li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll iżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. L-Istati Membri ġew mistiedna jistabbilixxu fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tagħhom tal-2023 kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw li l-valur ta’ referenza tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG jiġi rispettat kif ukoll it-tnaqqis plawżibbli u kontinwu tad-dejn, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jeliminaw gradwalment il-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija, u jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Hija indikat li, jekk ikun meħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ jiġu estiżi minħabba pressjonijiet imġedda fuq il-prezzijiet tal-enerġija, jenħtieġ li l-Istati Membri jimmiraw tali miżuri ħafna aħjar milli fil-passat lejn unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli. Il-Kummissjoni pproponiet li r-rakkomandazzjonijiet fiskali jkunu kwantifikati u differenzjati u fformulati fuq il-bażi tan-nefqa primarja netta, kif propost fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE 8 . Hija rrakkomandat li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettivi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u tar-reżiljenza. Il-Kummissjoni indikat li se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti.

(8)Fis-26 ta’ April 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta riforma komprensiva tar-regoli ta’ governanza ekonomika tal-UE. L-objettiv ċentrali tal-proposti huwa li jsaħħu s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jippromwovu t-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta’ riformi u investimenti. Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu lill-Istati Membri aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq terminu medju, filwaqt li jistabbilixxu reġim ta’ infurzar aktar strett biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jwettqu l-impenji li ttieħdu fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq terminu medju. L-objettiv huwa li tiġi konkluża l-ħidma leġiżlattiva fl-2023.

(9)Fit-30 ta’ April 2021, is-Slovenja ppreżentat il-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-28 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għas-Slovenja 9 . Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li s-Slovenja laħqet b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.

(10)Fl-14 ta’ April 2023, is-Slovenja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2023 u, fis-26 ta’ April 2023, il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2023, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2023 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tas-Slovenja dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.

(11)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2023 għas-Slovenja 10 fl-24 ta’ Mejju 2023. Huwa vvaluta l-progress tas-Slovenja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill bejn l-2019 u l-2022, u ħa kont tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li huma indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti. Huwa vvaluta wkoll il-progress tas-Slovenja fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

(12)Fuq il-bażi tad-data vvalidata mill-Eurostat 11 , id-defiċit tal-gvern estiż tas-Slovenja naqas minn 4,6 % tal-PDG fl-2021 għal 3,0% fl-2022, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż naqas minn 74,5 % tal-PDG fl-aħħar tal-2021 għal 69,9 % fl-aħħar tal-2022. Fl-24 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE 12 ; ir-rapport iddiskuta s-sitwazzjoni baġitarja tas-Slovenja, billi d-defiċit tal-gvern estiż tagħha hija ppjanata li taqbeż it-3 % tal-PDG fl-2023. Ir-rapport ikkonkluda li ma ġiex issodisfat il-kriterju tad-defiċit. F’konformità mal-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Marzu 2023 13 , il-Kummissjoni ma pproponietx li jinfetħu proċeduri ġodda ta’ defiċit eċċessiv fir-rebbiegħa 2023; min-naħa tagħha, il-Kummissjoni indikat li tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ proċeduri ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024, fuq il-bażi tad-data tal-eżitu għall-2023. Jenħtieġ li s-Slovenja tqis dan fl-eżekuzzjoni tal-baġit tagħha tal-2023 u fit-tħejjija tal-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2024.

(13)Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie impattat mill-miżuri ta’ politika fiskali adottati biex inaqqsu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2022, tali miżuri li jnaqqsu d-dħul kienu jinkludu t-tnaqqis temporanju tal-VAT fuq l-elettriku, il-gass, it-tisħin distrettwali u l-ħatab għan-nar, u fuq id-dazju tas-sisa fuq il-fjuwils, il-gass u l-elettriku u t-tnaqqis temporanju tat-taxxa tas-CO2 fuq il-fjuwils; filwaqt li tali miżuri li jżidu n-nefqa kienu jinkludu żieda fl-allowance tat-tfal għal xahrejn, allowance tal-enerġija għal persuni soċjalment vulnerabbli u sussidji għan-negozji ibbażati fuq il-prezzijiet imħallsa meta mqabbla mal-2021. Il-Kummissjoni tistma l-ispiża baġitarja netta ta’ dawn il-miżuri fil-livell ta’ 1,0 % tal-PDG fl-2022. Il-bilanċ tal-gvern estiż ġie impattat ukoll mill-ispiża baġitarja tal-protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li hija stmata fil-livell ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2022. Fl-istess ħin, l-ispiża stmata tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 naqqset għal 1,0 % tal-PDG fl-2022, minn 4,1 % fl-2021.

(14)Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill irrakkomanda li fl-2022 is-Slovenja 14 żżomm pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ, inkluż mill-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreżerva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.

(15)Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni fiskali 15 fl-2022 kienet ta’ appoġġ, fil-livell ta’ –1,2 % tal-PDG, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Kif irrakkomandat mill-Kunsill, is-Slovenja kompliet tappoġġa l-irkupru b’investimenti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE ammontat għal 0,7 % tal-PDG fl-2022 (0,8 % tal-PDG fl-2021). L-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,7 punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali 16 . Is-Slovenja għalhekk ippreżervat l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri ġodda ta’ dħul) ipprovda kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,4 % punt perċentwali għall-pożizzjoni fiskali. Din il-kontribuzzjoni espansjonarja sinifikanti kienet tinkludi l-impatt addizzjonali tal-miżuri ta’ politika fiskali biex inaqqsu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija (spejjeż baġitarji netti addizzjonali ta’ 1,0 % tal-PDG), kif ukoll l-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spustati mill-Ukrajna (0,1 % tal-PDG). Is-Slovenja għalhekk żammet taħt kontroll b’mod suffiċjenti t-tkabbir fin-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali.

(16)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Stabbiltà huwa ottimist fl-2023 u realistiku minn hemm ’il quddiem. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber b’1,8 % fl-2023 u 2,5 % fl-2024. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir aktar baxx tal-PDG reali ta’ 1,2 % fl-2023 u 2,2 % fl-2024, prinċipalment minħabba kontribuzzjoni aktar baxxa għat-tkabbir mill-esportazzjonijiet netti.

(17)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2023, il-Gvern jistenna li l-proporzjon tad-defiċit tal-gvern estiż se jiżdied għal 4,1 % tal-PDG fl-2023. Iż-żieda fl-2023 prinċipalment tirrifletti investiment pubbliku ogħla minħabba t-tmiem tal-perjodu ta’ assorbiment tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 preċedenti u sussidji ogħla. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż mistenni jonqos minn 69,9 % fl-aħħar tal-2022 għal 68,9 % fl-aħħar tal-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 3,7 % tal-PDG għall-2023. Dan huwa aktar baxx mid-defiċit ipproġettat fil-Programm ta’ Stabbiltà, prinċipalment minħabba investiment pubbliku aktar baxx minħabba limitazzjonijiet fil-kapaċità ta’ assorbiment u assorbiment aktar baxx tas-sussidji/tal-miżuri relatati mal-enerġija adottati biex itaffu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż, ta’ 69,1 % fl-aħħar tal-2023.

(18)Il-bilanċ tal-gvern fl-2023 mistenni jkompli jiġi impattat mill-miżuri fiskali adottati biex inaqqsu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Dawn jikkonsistu minn miżuri estiżi mill-2022 (b’mod partikolari: it-tnaqqis temporanju tal-VAT fuq l-elettriku, il-gass, it-tisħin distrettwali u l-ħatab għan-nar, u tad-dazji tas-sisa fuq il-fjuwils, il-gass u l-elettriku u t-tnaqqis temporanju tat-taxxa fuq is-CO2 fuq il-fjuwils) u miżuri ġodda bħal skema ġdida u akbar għal sussidji għan-negozji ibbażata fuq il-prezzijiet imħallsa mqabbla mal-2021 u kumpens għad-distributuri tal-elettriku u tal-gass naturali li jfornu klijenti (pereżempju unitajiet domestiċi u SMEs) li l-prezzijiet tagħhom tal-elettriku u tal-gass naturali huma soġġetti għal limiti massimi tal-prezzijiet stabbiliti mill-Gvern. L-ispiża baġitarja netta tal-miżuri ta’ appoġġ hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun 0,9 % tal-PDG fl-2023 17 . Il-biċċa l-kbira tal-miżuri fl-2023 ma jidhrux li huma mmirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli, u ħafna minnhom ma jippreżervawx bis-sħiħ is-sinjal tal-prezz biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. B’riżultat ta’ dan, l-ammont ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati, li għandu jitqies fil-valutazzjoni ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni fiskali għall-2023, huwa stmat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li jkun 0,1 % tal-PDG fl-2023 (meta mqabbel maż-0,6 % tal-PDG fl-2022). Fl-aħħar nett, il-bilanċ tal-gvern għall-2023 mistenni jibbenefika mit-tneħħija gradwali tal-miżuri temporanji ta’ emerġenza tal-COVID-19 ta’ 1,0 % tal-PDG.

(19)Fit-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill irrakkomanda 18 li s-Slovenja tieħu azzjoni biex tiżgura fl-2023 li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali tkun f’konformità ma’ pożizzjoni ta’ politika newtrali ġenerali 19 , filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu lill-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għal żidiet fil-prezz tal-enerġija u lill-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Jenħtieġ li s-Slovenja tkun lesta taġġusta l-infiq kurrenti għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. Is-Slovenja ġiet irrakkomandata wkoll tespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija filwaqt li tqis l-inizjattiva REPowerEU, inkluż billi tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni.

(20)Fl-2023, il-pożizzjoni fiskali hija pproġettata fit-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni li tkun espansjonarja (-1,2 % tal-PDG), f’kuntest ta’ inflazzjoni għolja. Din issegwi pożizzjoni fiskali espansjonarja fl-2022 (-1,2 % tal-PDG). It-tkabbir fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali ta’ dħul) fl-2023 huwa pproġettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,3 % tal-PDG għall-pożizzjoni fiskali. Dan minkejja t-tnaqqis fl-ispiża ta’ miżuri ta’ appoġġ immirati lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għal żidiet fil-prezz tal-enerġija b’0,5 % tal-PDG. Il-kontribuzzjoni espansjonarja tan-nefqa kurrenti primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali għalhekk mhijiex minħabba l-appoġġ immirat lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għal żidiet fil-prezz tal-enerġija u lill-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna. It-tkabbir espansjonarju fin-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri diskrezzjonali ta’ dħul) huwa xprunat minn sussidji ogħla u żieda fil-kont tal-pagi tas-settur pubbliku. Fil-qosor, it-tkabbir ipproġettat tan-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali mhuwiex f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. In-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE ammontat għal 1,6 % tal-PDG fl-2023, filwaqt li l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali pprovda kontribuzzjoni espansjonarja lill-pożizzjoni fiskali ta’ 0,1 % punt perċentwali 20 . Għalhekk, is-Slovenja qed tippjana li tiffinanzja investiment addizzjonali permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, u hija pproġettata li tippreżerva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali. Hija qed tippjana li tiffinanzja l-investiment pubbliku għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u għas-sigurtà tal-enerġija, bħall-infrastruttura tal-ferroviji, il-prevenzjoni kontra l-għargħar, is-saħħa, u r-riċerka u l-innovazzjoni, li huma ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE.

(21)Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, id-defiċit tal-gvern estiż mistenni jonqos għal 2,8 % tal-PDG fl-2024. It-tnaqqis fl-2024 jirrifletti prinċipalment sussidji aktar baxxi wara rtirar ta’ miżuri adottati biex itaffu l-impatt ekonomiku taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u investiment pubbliku aktar baxx wara li fl-2023 jintemm l-assorbiment ta’ fondi tal-UE mill-qafas finanzjarju pluriennali preċedenti. Il-programm jistenna li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż jonqos għal 66,5 % fl-aħħar tal-2024. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data limitu tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern ta’ 2,9 % tal-PDG fl-2024. Dan huwa ogħla mid-defiċit ipproġettat fil-programm, prinċipalment minħabba l-kumpens ogħla tal-impjegati u l-benefiċċji soċjali. It-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon simili tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż, ta’ 66,6 % fl-aħħar tal-2024.

(22)Il-Programm ta’ Stabbiltà jipprevedi t-tneħħija gradwali tal-miżuri kollha ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Il-Kummissjoni tassumi wkoll it-tneħħija gradwali sħiħa tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024. Dan jiddependi fuq is-suppożizzjoni li ma jkunx hemm żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija.

(23)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jappella għal titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali lejn l-objettiv ta’ terminu medju ta’ 0,5 % tal-PDG bħala punt ta’ riferiment 21 . Filwaqt li jitqiesu konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali 22 u l-ħtieġa li jitnaqqas id-defiċit għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG, ikun adatt titjib fil-bilanċ strutturali ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PDG għall-2024. Biex jiġi żgurat tali titjib, it-tkabbir fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali 23 fl-2024 jenħtieġ li ma jaqbiżx il-5,5 %, kif rifless f’din ir-rakkomandazzjoni. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija li jifdal (attwalment stmati mill-Kummissjoni fil-livell ta’ 0,9 % tal-PDG fl-2023) jitneħħew gradwalment, kontinġenti fuq l-iżviluppi tas-suq tal-enerġija u jibdew minn dawk l-inqas immirati, u jenħtieġ li l-iffrankar relatat jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Fuq il-bażi tal-istimi tal-Kummissjoni, dan iwassal għal tkabbir aktar baxx fin-nefqa primarja netta mir-rata ta’ tkabbir massimu rrakkomandat għall-2024. Barra minn hekk, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir fin-nefqa netta kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2023 mhuwiex f’konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Jekk dan jiġi kkonfermat, ikun adatt tkabbir aktar baxx fin-nefqa primarja netta fl-2024.

(24)Filwaqt li jassumi li l-politiki ma jinbidlux, it-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni jipproġetta li n-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali tikber fl-2024 fil-livell ta’ 3,0 %, li huwa taħt ir-rata ta’ tkabbir rakkomandata.

(25)Skont il-programm, l-investiment tal-gvern mistenni jonqos minn 6,4 % tal-PDG fl-2023 għal 5,5 % tal-PDG fl-2024. L-investiment aktar baxx jirrifletti investiment aktar baxx iffinanzjat fil-livell nazzjonali u investiment ġenerali aktar baxx iffinanzjat mill-UE, iżda investiment ogħla permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-programm jirreferi għal riformi u investimenti, li huma mistennija jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dawn jinkludu investimenti fl-infrastruttura tal-ferroviji, is-saħħa, ir-riċerka u l-innovazzjonijiet u elementi tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali li huma wkoll parti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(26)Il-Programm ta’ Stabbiltà jiddeskrivi perkors fiskali fuq terminu medju sal-2026. Skont il-programm, id-defiċit tal-gvern estiż mistenni jonqos għal 2,2 % tal-PDG fl-2025 u għal 1,3 % sal-2026. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa għalhekk ippjanat li jibqa’ aktar baxx mit-3 % tal-PDG mill-2024 sal-aħħar tal-perjodu tal-programm. Skont il-programm, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern estiż mistenni jonqos minn 66,5 % fl-aħħar tal-2024 għal 63,5 % sal-aħħar tal-2026.

(27)L-infiq fuq il-kura tas-saħħa huwa mistenni li jiżdied b’1,5 punti perċentwali tal-PDG bejn l-2019 u l-2070 u l-ispejjeż tal-kura fit-tul se jirduppjaw sal-2055. Is-Slovenja qed tiffaċċja riskji għoljin għas-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju u fit-tul, xprunati mill-infiq relatat mal-popolazzjoni li qed tixjieħ. Il-pajjiż beda riformi komprensivi fil-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, l-implimentazzjoni tar-riforma tal-kura fit-tul iddewmet u l-finanzjament tagħha fuq terminu medju u fit-tul għadu mhux żgurat. L-ippjanar tar-riforma tal-kura tas-saħħa jissuġġerixxi wkoll li din se tiġi implimentata f’diversi stadji, b’enfasi fuq l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità għolja u t-titjib tad-drittijiet soċjali u l-inklużjoni. Billi dan se jpoġġi pressjoni addizzjonali fuq il-finanzi pubbliċi, se jkun kruċjali għas-Slovenja li tippreżenta sett ta’ miżuri li jistabbilixxu bażi ta’ dħul stabbli li ma ddgħajjifx il-bilanċ fiskali fuq terminu medju u fit-tul.

(28)L-emendi ta’ Diċembru 2022 tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu Personali reġġgħu lura l-biċċa l-kbira tal-bidliet preċedenti approvati f’Marzu 2022 li kellhom l-għan li jnaqqsu t-tassazzjoni tax-xogħol u kienu jwasslu għal impatt baġitarju negattiv sal-livell ta’ 1,3 % tal-PDG sal-2025. Meta mqabbel mal-aggregat tal-UE, id-dħul mit-taxxa tas-Slovenja bħala sehem mill-PDG huwa kemxejn aktar baxx, u xi taxxi relattivament favorevoli għat-tkabbir mhumiex użati biżżejjed. Is-Slovenja tiddependi ħafna fuq it-tassazzjoni tax-xogħol: is-sehem tat-taxxi fuq ix-xogħol fid-dħul totali mit-taxxa huwa ogħla mill-aggregat tal-UE. It-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà immobbli huma relattivament baxxi fis-Slovenja (0,5 % tal-PDG vs medja tal-UE ta’ 1,1 % tal-PDG). Riforma tat-taxxa ekoloġika u favorevoli għat-tkabbir tista’ tappoġġa l-konsolidazzjoni fiskali u t-tkabbir sostenibbli aktar fit-tul. Riforma tat-taxxa bħal din tista’ tiffaċilita bidla lil hinn mit-tassazzjoni tax-xogħol, permezz ta’ sehem ogħla ta’ taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, u tappoġġa l-ħolqien ta’ impjiegi fl-era b’emissjonijiet żero netti u f’industriji oħra b’valur miżjud ogħla. Taxxi aktar baxxi fuq ix-xogħol jistimulaw ukoll il-provvista ta’ ħaddiema, inkluż minn ħaddiema barranin u tas-sengħa.

(29)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b) u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tas-Slovenja tinsab għaddejja, madankollu b’riskju ta’ dewmien li qed jiżdied. Is-Slovenja ppreżentat talba waħda għal pagament, li tikkorrispondi għal 12-il stadju importanti u mira fil-pjan u li tirriżulta fi żborż ġenerali ta’ madwar EUR 49,6 miljun. Biex tavvanza aktar malajr bl-implimentazzjoni tal-RRP tagħha fl-ambjent ta’ sfida attwali, huwa meħtieġ li jissaħħu l-istruttura ta’ governanza u l-kapaċità amministrattiva tas-Slovenja, kif ukoll jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet meħtieġa jittieħdu mingħajr dewmien. Dan jikkonċerna b’mod partikolari r-riformi strutturali tal-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul, il-pensjonijiet u t-tassazzjoni. L-addendum tal-RRP u l-kapitolu addizzjonali dwar ir-REPowerEU jenħtieġ li jistabbilixxu skeda ta’ żmien realistika għat-talbiet għal pagament li jifdal u jenħtieġ li jiġu ppreżentati malajr biex jiġi evitat kull dewmien jew tfixkil ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-pjan. L-inklużjoni rapida tal-kapitolu l-ġdid tar-REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza se tippermetti li jiġu ffinanzjati riformi u investiment addizzjonali b’appoġġ għall-objettivi strateġiċi tas-Slovenja fil-qasam tal-enerġija u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-involviment sistematiku u effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.

(30)Il-Kummissjoni approvat id-dokumenti kollha ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tas-Slovenja fl-2022. It-tkomplija tal-implimentazzjoni rapida tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’komplementarjetà u sinerġija mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija kruċjali biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali kif ukoll jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat fis-Slovenja.

(31)Is-Slovenja kienet effettivament dipendenti fuq ir-Russja bħala l-fornitur uniku tal-gass naturali għall-pajjiż qabel ma r-Russja invadiet l-Ukrajna. Mill-2023, madankollu, is-Slovenja setgħet tiżgura madwar terz tal-provvista tal-gass naturali tagħha permezz ta’ importazzjonijiet mill-Alġerija. Il-gass għad għandu rwol importanti fit-taħlita tal-enerġija tas-Slovenja (12 %) u huwa sors essenzjali tal-enerġija għall-industrija, filwaqt li jipprovdi wkoll flessibbiltà fis-settur tal-enerġija. Għalhekk, jenħtieġ li d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija u tas-settur tal-enerġija tiġi avvanzata permezz tal-użu aċċellerat ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u miżuri ta’ effiċjenza enerġetika. Fil-pjan nazzjonali tagħha għall-enerġija u l-klima, is-Slovenja stabbiliet mira ta’ 27 % bħala l-kontribut tagħha għall-mira tal-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030. Dan huwa ferm inqas mis-sehem rinnovabbli ta’ 37 % fl-2030 fuq il-bażi tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999 24 . Is-Slovenja laħqet il-mira għas-sehem tagħha tal-2021 ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija (25 %) billi użat il-mekkaniżmu tal-UE għal kooperazzjoni transfruntiera f’konformità mad-Direttiva 2018/2001/UE 25 (permezz ta’ trasferimenti statistiċi). Il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli fuq skala tal-grilja jibqgħu ostaklu, prinċipalment minħabba l-proċeduri ambjentali kumplessi u pjuttost twal, speċjalment għall-installazzjonijiet eoliċi, li għalihom il-proċeduri jistgħu jdumu sa diversi snin. Is-Slovenja teħtieġ li ssaħħaħ b’mod sostanzjali l-mira tagħha tal-enerġija rinnovabbli fil-pjan nazzjonali aġġornat tagħha għall-enerġija u l-klima biex tirrifletti l-miri aktar ambizzjużi tal-UE tal-klima u tal-enerġija fil-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” u fil-Pjan REPowerEU. Il-konsum tal-gass naturali tas-Slovenja niżel b’14 % fil-perjodu bejn Awwissu 2022 u Marzu 2023, meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul l-istess perjodu fil-ħames snin preċedenti, kemxejn taħt il-mira ta’ tnaqqis ta’ 15 %. Is-Slovenja tista’ ssaħħaħ l-isforzi biex tnaqqas temporanjament id-domanda għall-gass sal-31 ta’ Marzu 2024 26 .

(32)Il-pjan Sloven għall-irkupru u r-reżiljenza diġà jinkludi riformi u investiment sinifikanti li għandhom l-għan li: (i) iżidu s-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija; (ii) jiffaċilitaw l-aċċess għall-grilja tal-elettriku u l-integrazzjoni fiha għal faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; (iii) itejbu l-effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjonijiet tal-bini pubbliku; u (iv) jippermettu l-użu ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Filwaqt li l-miżuri skont il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza huma pass importanti fid-diversifikazzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili, jistgħu jsiru aktar sforzi biex jitħaffef l-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi kollha. Dan jista’ jinvolvi d-deżinjazzjoni ta’ oqsma ta’ prijorità għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli, is-simplifikazzjoni u t-tqassir ulterjuri ta’ proċeduri għall-għoti ta’ permessi, it-tisħiħ tal-grilja u t-titjib tal-ġestjoni ġenerali tal-grilja (biex tippermetti l-konnessjoni ta’ aktar installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli, speċjalment fil-livelli ta’ vultaġġ baxxi u medji). Aktar enfasi fuq it-trasport u l-infrastruttura b’emissjonijiet żero tkompli tgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili.

(33)In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet fis-setturi u l-okkupazzjonijiet ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika, inklużi l-manifattura, l-użu u l-manutenzjoni ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, qed joħolqu ostakli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti. Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu u miżuri mmirati ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma kruċjali biex jitnaqqas in-nuqqas ta’ ħiliet u jiġu promossi l-inklużjoni u r-riallokazzjoni tax-xogħol. Biex tiġi sfruttata l-provvista tax-xogħol mhux sfruttata, dawn il-miżuri jeħtieġ li jkunu aċċessibbli, b’mod partikolari għall-individwi u fis-setturi u r-reġjuni l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. It-tisħiħ tat-tagħlim fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika jista’ jsaħħaħ il-kapaċità tas-sistema tal-edukazzjoni biex tgħammar b’suċċess lill-istudenti b’kompetenzi għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Fl-2022, ġie rrapportat nuqqas ta’ ħaddiema fis-Slovenja għal 66 okkupazzjoni li kienu jirrikjedu ħiliet jew għarfien speċifiċi għat-tranżizzjoni ekoloġika. Ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti żdiedet f’setturi ewlenin bħall-kostruzzjoni (minn 3,5 % fl-2015 għal 7,0 % fl-2022) u l-manifattura (minn 1,2 % fl-2015 għal 2,6 % fl-2022), biż-żewġ setturi jkunu ogħla mill-medja tal-UE ta’ 4,0 % u 2,3 %, rispettivament, fl-2022.

(34)Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2023 u l-opinjoni tiegħu 27 hija riflessa fir-Rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(35)Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro u l-kontribut kollettiv tagħhom għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Kunsill irrakkomanda li l-Istati Membri taż-Żona tal-Euro jieħdu azzjoni, inkluż permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, biex (i) jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn u joqogħdu lura minn appoġġ fuq bażi wiesgħa għad-domanda aggregata fl-2023, jimmiraw aħjar il-miżuri fiskali meħuda biex itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u jirriflettu dwar modi xierqa biex jitnaqqas l-appoġġ hekk kif jonqsu l-pressjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija; (ii) isostnu investiment pubbliku għoli u jippromwovu l-investiment privat biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali; (iii) jappoġġaw l-iżviluppi fil-pagi li jtaffu t-telf fil-kapaċità tal-akkwist filwaqt li jillimitaw l-effetti sekondarji fuq l-inflazzjoni, ikomplu jtejbu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet; (iv) itejbu l-ambjent tan-negozju u jiżguraw li l-appoġġ għall-enerġija lill-kumpaniji jkun kosteffettiv, temporanju, immirat lejn ditti vijabbli u li jżomm l-inċentivi għat-tranżizzjoni ekoloġika; u (v) jippreservaw l-istabbiltà makrofinanzjarja u jimmonitorjaw ir-riskji filwaqt li jkomplu jaħdmu fuq it-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Għas-Slovenja, ir-Rakkomandazzjonijiet (1), (2) u (3) jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ewwel, it-tieni u t-tielet rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro. 

B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fl-2023 u fl-2024 biex:

1.Tnaqqas il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fis-seħħ sal-aħħar tal-2023, bl-użu tal-iffrankar relatat biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern. Jekk iż-żidiet ġodda fil-prezzijiet tal-enerġija jeħtieġu miżuri ta’ appoġġ, tiżgura li dawn ikunu mmirati lejn il-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli, fiskalment affordabbli, u jippreservaw l-inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija.

Tiżgura politika fiskali prudenti, b’mod partikolari billi tillimita ż-żieda nominali fin-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali fl-2024 għal mhux aktar minn 5,5 %.

Tippreserva l-investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali u tiżgura l-assorbiment effettiv tal-għotjiet RRF u fondi oħra tal-UE, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Għall-perjodu lil hinn mill-2024, tkompli ssegwi strateġija fiskali fuq terminu medju ta’ konsolidazzjoni gradwali u sostenibbli, flimkien ma’ investimenti u riformi li jwasslu għal tkabbir sostenibbli ogħla, biex tikseb pożizzjoni fiskali prudenti fuq terminu medju.

Tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fit-tul tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul. Tibbilanċja mill-ġdid id-dħul mit-taxxa lejn sorsi aktar sostenibbli u favorevoli għat-tkabbir.

2.Tiżgura struttura ta’ governanza effettiva u ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva biex tippermetti implimentazzjoni rapida u kostanti tal-pjan tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza. Tiffinalizza malajr il-kapitolu REPowerEU bil-ħsieb li tibda b’mod rapidu l-implimentazzjoni tiegħu. Tipproċedi bl-implimentazzjoni rapida ta’ programmi tal-politika ta’ koeżjoni, f’komplementarjetà u sinerġija mill-qrib mal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. 

3.Tkompli bl-isforzi biex tiddiversifika l-importazzjonijiet tal-gass u tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari billi tkompli tissimplifika u tqassar il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi, u ssaħħaħ il-grilja tal-elettriku, kif ukoll ittejjeb il-ġestjoni tagħha, inkluż permezz tad-diġitalizzazzjoni. Iżżid l-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari fis-settur tal-bini, tippromwovi l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport, u żżid l-isforzi ta’ politika mmirati lejn il-forniment u l-akkwist tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p 17).
(3)    COM(2022) 780 final.
(4)    COM(2023) 62 final.
(5)    COM(2023) 168 final.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
(7)    COM(2023) 141 final.
(8)    COM(2022) 583 final.
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Lulju 2021 dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għas-Slovenja (ST 10612/2021; ST 10612/2021 ADD 1).
(10)    SWD(2023) 624 final.
(11)    Eurostat-Euro Indicators, 47/2023, 21.4.2023
(12)    COM(2023) 631 final, 24.5.2023.
(13)    COM(2023) 141 final, 8.3.2023.
(14)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tas-Slovenja, ĠU C 304, 29.7.2021, p. 116.
(15)    Il-pożizzjoni fiskali titkejjel bħala l-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri diskrezzjonali ta’ dħul), esklużi l-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi tal-COVID-19 iżda inkluża n-nefqa ffinanzjata minn appoġġ mhux ripagabbli (għotjiet) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-UE, relattivi mat-tkabbir potenzjali fuq terminu medju. Għal aktar dettalji ara l-Kaxxa 1 fit-Tabelli Statistiċi Fiskali.
(16)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fil-livell nazzjonali pprovdiet kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 punt perċentwali tal-PDG.
(17)    Iċ-ċifra tirrappreżenta l-livell tal-ispiża baġitarja annwali ta’ dawk il-miżuri, inklużi d-dħul u n-nefqa kurrenti kif ukoll – fejn rilevanti – miżuri tan-nefqa kapitali.
(18)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2022 dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2022 tas-Slovenja, ĠU C 334, 1.9.2022, p. 197. 
(19)    Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2023 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-output potenzjali fuq terminu medju (medja ta’ 10 snin) tas-Slovenja, li jintuża biex titkejjel il-pożizzjoni fiskali, huwa stmat fil-livell ta’ 10,1 % f’termini nominali.
(20)    Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fil-livell nazzjonali hija pproġettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali ta’ 0,0 punt perċentwali tal-PDG.
(21)    Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, li jirrikjedi wkoll aġġustament ta’ aktar minn 0,5 % tal-PDG għall-Istati Membri b’dejn tal-gvern li jaqbeż is-60 % tal-PDG, jew b’riskji aktar evidenti għas-sostenibbiltà tad-dejn.
(22)    Il-Kummissjoni stmat li s-Slovenja teħtieġ żieda annwali medja fil-bilanċ primarju strutturali bħala sehem tal-PDG ta’ 0,45 punt perċentwali biex tikseb tnaqqis tad-dejn plawżibbli jew tiżgura li d-dejn tal-gvern jinżamm f’livelli prudenti fuq terminu medju. Din l-istima kienet ibbażata fuq it-tbassir tal-ħarifa 2022 tal-Kummissjoni. Il-punt tat-tluq għal din l-istima kien id-defiċit u d-dejn ipproġettati tal-gvern għall-2024 li assumew l-irtirar tal-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija fl-2024.
(23)    In-nefqa primarja netta hija ddefinita bħala n-nefqa ffinanzjata fil-livell nazzjonali netta mill-miżura diskrezzjonali ta’ dħul u eskluża n-nefqa f’imgħax kif ukoll in-nefqa ċiklika fuq il-qgħad.
(24)    Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).
(25)    Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p 82).
(26)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/706
(27)    Skont l-Artikoli 5(2) u 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
Top