Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0442

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inizjattiva tal-UE dwar il-Web 4.0 u d-dinjiet virtwali: vantaġġ inizjali fit-tranżizzjoni teknoloġika li jmiss

    COM/2023/442 final

    Strasburgu, 11.7.2023

    COM(2023) 442 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Inizjattiva tal-UE dwar il-Web 4.0 u d-dinjiet virtwali: vantaġġ inizjali fit-tranżizzjoni teknoloġika li jmiss

    {SWD(2023) 250 final}


    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Inizjattiva tal-UE dwar il-Web 4.0 u d-dinjiet virtwali: vantaġġ inizjali fit-tranżizzjoni teknoloġika li jmiss

    1.Introduzzjoni

    Il-Komunikazzjoni riċenti dwar il-kompetittività fit-tul tal-UE 1 identifikat il-Web 4.0 bħala tranżizzjoni teknoloġika rivoluzzjonarja lejn dinja ta’ interkonnessjonijiet bla xkiel. Il-Kunsill Ewropew appella lill-Unjoni Ewropea biex tibqa’ fuq quddiem fl-iżvilupp tal-Web 4.0 2 . Id-dinjiet virtwali huma parti importanti minn din it-tranżizzjoni tal-Web 4.0. Diġà qed jiftħu baħar ta’ opportunitajiet f’ħafna setturi soċjetali, industrijali u pubbliċi. Il-kunċett ta’ dinjiet virtwali ilu magħna għal għexieren ta’ snin, iżda issa sar fattibbli mil-lat tekniku u ekonomiku bis-saħħa ta’ avvanzi teknoloġiċi malajr u titjb fl-infrastruttura tal-konnettività. Id-dinjiet virtwali se jkunu aspett importanti tad-Deċennju Diġitali tal-Ewropa u se jħallu impatt fuq il-mod kif in-nies jgħixu, jaħdmu, joħolqu u jaqsmu l-kontenut, u fuq il-mod kif in-negozji joperaw, jinnovaw, jipproduċu u jinteraġixxu mal-klijenti 3 , 4 , 5 ,  6 . Dan joħloq opportunitajiet daqskemm riskji li jeħtieġ jiġu indirizzati.

    Dwar xiex qed nitkellmu?

    Id-dinjiet virtwali huma ambjenti persistenti u immersivi, ibbażati fuq teknoloġiji bħat-3D u r-realtà estiża (XR), li permezz tagħhom id-dinjiet fiżiċi u diġitali jitwaħħdu fil-ħin reali, għal bosta skopijiet bħad-disinjar, il-ħolqien ta’ simulazzjonijiet, kollaborazzjoni, tagħlim, soċjalizzazzjoni, twettiq tat-tranżazzjonijiet jew servizzi tad-divertiment.

    Il-Web 3.0 hi t-tielet ġenerazzjoni tal-World Wide Web. Il-karatteristiċi prinċipali tagħha huma l-ftuħ, id-deċentralizzazzjoni, u l-għoti tas-setgħa kollha f’idejn l-utenti biex ikunu jistgħu jikkontrollaw u jwettqu l-valur ekonomiku tad-data tagħhom, imexxu l-identitajiet online tagħhom u jieħdu sehem fit-tmexxija tal-web. Bis-saħħa tal-kapaċitajiet semantiċi tal-web jkunu jistgħu jsiru kollegamenti tad-data bejn il-paġni web, l-applikazzjonijiet u l-fajls. Bit-teknoloġiji deċentralizzati u t-tewmin diġitali jkunu jistgħu jsiru tranżazzjonijiet bejn il-pari, b’tant trasparenza, demokrazija tad-data u innovazzjoni tul il-ktajjen tal-valur kollha.

    Il-Web 4.0 hi r-raba’ ġenerazzjoni mistennija tal-World Wide Web. B’intelliġenza artifiċjali u ambjentali avvanzata, l-internet tal-oġġetti, it-tranżazzjonijiet fdati tal-blockchain, id-dinjiet virtwali u l-kapaċitajiet XR, l-oġġetti u l-ambjenti diġitali u reali huma integrati għalkollox u jikkomunikaw bejniethom biex jippermettu esperjenzi tassew intwittivi u immersivi, li mingħajr xkiel iwaħħdu d-dinja fiżika mad-dinjiet diġitali.

    Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-istrateġija u l-azzjonijiet proposti dwar id-dinjiet virtwali u l-Web 4.0. Hi msejsa fuq konsultazzjonijiet man-nies, mal-akkademja, mas-soċjetà ċivili u man-negozji. L-ilħna taċ-ċittadini tal-UE li ħadu sehem fil-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar id-Dinjiet Virtwali 7 , organizzat bħala segwitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, kienu partikolarment rilevanti minħabba l-impatt dirett tad-dinjiet virtwali fuq il-mod kif in-nies se jinvolvu ruħhom fl-ambjenti diġitali l-ġodda.

    Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż jagħti informazzjoni kuntestwali dwar il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, ix-xejriet ġenerali tas-suq, l-opportunitajiet għad-diversi ekosistemi industrijali, ix-xejriet teknoloġiċi u l-qafas regolatorju attwali. Ir-rapport mill-Panel taċ-Ċittadini hu dokument ta’ ħidma tal-persunal separat li qed jinhemeż ma’ din il-Komunikazzjoni.

    2.X’jinvolvi dan l-iżvilupp teknoloġiku li jmiss?

    X’jinvolvi għas-soċjetà tagħna?

    Id-dinjiet virtwali joħolqu opportunitajiet bla preċedent f’ħafna oqsma tas-soċjetà, bħal servizzi tas-saħħa aħjar, aktar involviment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, forom ġodda ta’ interazzjoni u kollaborazzjoni fost in-nies, jew esperjenzi kulturali immersivi. Is-servizzi pubbliċi jistgħu jibnu kuntatti man-nies biex jipprovdu servizzi amministrattivi aktar personalizzati, assistenza mill-bogħod bħal f’żoni remoti u rurali, u jtejbu l-ippjanar territorjali u l-ħajja komunitarja. Barra minn hekk, id-dinjiet virtwali jinsabu f’salib it-toroq tat-teknoloġija u l-kultura, u s-setturi kulturali u kreattivi Ewropej mistennija jaqdu rwol ewlieni bħala fornituri tal-kontenut.

    Eżempji:

    ·Bis-simulazzjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u tal-kirurġiji jew bl-interazzjoni mal-ġisem tal-bniedem fl-ambjent 3D, l-istudenti u l-professjonisti jistgħu jitħarrġu għal xenarji mediċi speċifiċi, jonqsu r-riskji ta’ kumplikazzjonijiet kirurġiċi, u tiżdied il-preċiżjoni tad-dijanjożi 8 .

    ·Fl-edukazzjoni u t-taħriġ, proċess tat-tagħlim ibbażat aktar fuq l-esperjenza jista’ jgħin lill-istudenti jifhmu suġġetti astratti jew kumplessi b’mod aktar faċli, u jħaffef it-tagħlim u l-fehim tagħhom tad-dinja.

    ·It-tewmin diġitali jistgħu jgħinu fil-ħarsien u l-bini mill-ġdid ta’ ċerti binijiet tal-wirt kulturali, bħal pereżempju l-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi.

    ·Id-dinjiet virtwali jistgħu jgħinu biex jittejbu l-flussi tat-traffiku permezz ta’ simulazzjonijiet fil-ħin reali, u b’hekk jikkontribwixxu biex jonqsu l-konġestjonijiet tat-traffiku u l-emissjonijiet.

    ·Id-dinjiet virtwali jistgħu jtejbu l-parteċipazzjoni demokratika billi joffru possibbiltajiet ġodda lin-nies biex jesprimu l-ideat, l-opinjonijiet u t-tħassib tagħhom b’modi aktar parteċipattiv.

    Iżda mil-lezzjonijiet li ħadna dwar l-internet ta’ żmienna, l-iżvilupp tad-dinjiet virtwali aktarx joħloq ukoll sfidi għad-drittijiet fundamentali u għal għanijiet importanti ta’ interess pubbliku ġenerali f’soċjetà demokratika, bħal pereżempju fejn jidħlu d-drittijiet tat-tfal, il-protezzjoni ta’ data personali u tal-privatezza, id-diżinformazzjoni, iċ-ċibersigurtà, iċ-ċiberkriminalità, iċ-ċibervjolenza (abbażi tal-ġeneru), id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni u d-diskors ta’ mibegħda 9 , kif ukoll il-protezzjoni u s-sikurezza tal-konsumaturi. Id-dinjiet virtwali jistgħu wkoll iqajmu mistoqsijiet dwar ir-responsabbiltà, l-obbligazzjonijiet u r-regoli kuntrattwali. Fil-qasam tal-impjiegi, hemm riskju ta’ attentati biex jiġu evitati l-istandards soċjali tal-UE, pereżempju billi jiġu imposti oħrajn inqas stretti fuq l-utenti tad-dinjiet virtwali.

    L-iżvilupp tad-dinjiet virtwali joħloq il-kwistjoni tal-impatt ambjentali tagħhom, għax jiżdied il-konsum tal-enerġija mill-apparati, iċ-ċentri tad-data u n-networks tat-telekomunikazzjoni. Madankollu, it-tewmin diġitali u d-dinjiet immersivi joffru wkoll baħar ta’ għarfien u fehim dwar kif jistgħu jittejbu u jitfasslu mill-ġdid il-proċessi industrijali kumplessi, kif jistgħu jinkisbu ċikli tal-produzzjoni aktar effiċjenti, jitnaqqas l-iskart tal-materjali, jew biex il-produzzjoni tiġi aġġustata skont id-domanda. Id-dinjiet virtwali jippermettu wkoll għarfien aktar profond u aktar mirqum dwar it-tibdil fil-klima u jgħinuna nantiċipaw aħjar il-perikli naturali.

    X’jinvolvi għall-ekonomija tagħna?

    Id-dinjiet virtwali u l-interfaċċi avvanzati jistgħu jippermettu interazzjoni aktar malajr, aktar sikura u aktar faċli bejn in-nies u l-magni fl-ekosistemi industrijali kollha tal-UE. L-applikazzjonijiet industrijali tad-dinjiet virtwali se jippermettu operazzjonijiet intelliġenti, reżiljenti u konnessi, bi proċessi diġitali u mudelli diġitali ġodda li huma orħos, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli mill-proċessi industrijali ta’ żmienna. Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema jeħtieġ jadattaw għal teknoloġiji ġodda.

    Ħafna setturi industrijali bħall-industriji tal-karozzi, tal-manifattura avvanzata jew tal-loġistika diġà qed jużaw l-ambjenti virtwali biex jiddisinjaw, jiżviluppaw, jissimulaw u jittestjaw prodotti, servizzi jew flussi tax-xogħol ġodda, biex iħaffu l-ħruġ tal-permessi, iżda anki biex jottimizzaw l-inventarji tul il-linja tal-produzzjoni.

    Hekk kif l-applikazzjonijiet għad-dinjiet virtwali qed jespandu, hemm ħemel ta’ opportunitajiet għan-negozji Ewropej biex jiżviluppaw prodotti, servizzi u kontenut ta’ valur għoli li jaqdu l-ħtiġijiet ta’ utenti differenti, u jaħtfu l-vantaġġ ta’ mudelli tan-negozju ġodda u innovattivi. Id-dinjiet virtwali fil-logħob diġitali diġà joħolqu spazji biex miljuni ta’ persuni jkunu jistgħu joħolqu u jimmonetizzaw il-kontenut, u biex jesploraw u jkollhom interazzjonijiet sinifikattivi 10 . Qed toħroġ ukoll firxa ta’ applikazzjonijiet industrijali ġodda li jiffokaw fuq oqsma differenti tal-produzzjoni, bħad-disinjar tal-prodotti, l-ittestjar tal-kwalità, l-inġinerija, il-manifattura, il-manutenzjoni u t-taħriġ.

    Il-previżjonijiet ġenerali tal-iżvilupp tas-suq huma promettenti. Pereżempju, id-daqs tas-suq globali tad-dinjiet virtwali hu stmat li se jikber minn EUR 27 biljun fl-2022 għal aktar minn EUR 800 biljun sal-2030 11 . F’setturi speċifiċi, bħall-industrija tal-karozzi, il-previżjonijiet jipprevedu żieda minn EUR 1,9 biljun fl-2022 għal EUR 16,5-il biljun sal-2030 12 . It-teknoloġiji XR, bħar-realtà virtwali (VR) u r-realtà awmentata (AR) huma elementi kostitwenti ewlenin tad-dinjiet virtwali. L-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji se jkollu benefiċċji sinifikanti fis-suq tax-xogħol għax hu stmat li sal-2025 se jinħolqu madwar 860 000 impjieg ġdid li huma relatati mal-XR fl-Ewropa 13 .

    Eżempji:

    ·L-interazzjoni bejn in-nies u l-magni fil-fabbriki ħafna drabi tkun perikoluża u teħtieġ miżuri tas-sikurezza li jiswew il-flus, il-ħin u l-ispazju. It-teknoloġiji XR jipprovdu modi sikuri ġodda ta’ interazzjoni bejn in-nies u l-magni li ma jeħtiġux qrubija fiżika bejniethom. B’hekk, il-bniedem ikun jista’ juża l-intelliġenza u d-destrezza tiegħu mingħajr ir-riskju ta’ dannu fiżiku.

    ·Bit-tewmin diġitali fl-industriji tal-manifattura u tal-karozzi, in-negozji jkunu jistgħu jimmudellaw, joħolqu prototipi u jittestjaw għadd kbar ta’ iterazzjonijiet tad-disinn fil-ħin reali u f’ambjent immersiv ibbażat fuq il-fiżika, qabel ma jimpenjaw ruħhom b’ċerti riżorsi fiżiċi u umani għal xi proġett partikolari.

    ·Id-dinjiet virtwali jistgħu jkunu ta’ ġid ukoll għall-agrikoltura permezz tal-assistenza mill-bogħod għall-użu u t-tiswija tal-makkinarju u għal trattament aktar preċiż u aktar sikur tal-annimali.

    ·Id-dinjiet virtwali jistgħu jagħtu spinta lill-industrija kulturali u kreattiva, mill-moda sal-logħob diġitali, il-wirt kulturali, il-mużika, l-arti viżwali u d-disinn, għax joffru modi ġodda kif jinħoloq, jitħeġġeġ u jixtered il-kontenut Ewropew u kif jinbena l-kuntatt mal-udjenzi.

    3.Viżjoni u strateġija

    Il-Kummissjoni timmira li l-Web 4.0 u d-dinjiet virtwali jkunu xhieda tal-valuri u l-prinċipji tal-UE u tad-drittijiet fundamentali, biex in-nies ikunu sikuri, kunfidenti u jingħataw ir-riedni f’idejhom, biex id-drittijiet tan-nies bħala utenti, konsumaturi, ħaddiema jew kreaturi jiġu rrispettati, u biex in-negozji Ewropej jiżviluppaw applikazzjonijiet ewlenin fid-dinja, jespandu u jikbru. Barra minn hekk, il-Kummissjoni timmira li l-Web 4.0 ikun jitmexxa b’teknoloġiji u standards miftuħa u distribwiti ħafna li jippermettu l-interoperabbiltà bejn il-pjattaformi u n-networks u l-libertà tal-għażla għall-utenti, u fejn is-sostenibbiltà, l-inklużjoni u l-aċċessibilità 14 jkunu fil-qalba tal-iżviluppi teknoloġiċi. Is-Suq Uniku tal-UE, il-kultura rikka u diversa, il-kontenut kreattiv, il-bażi industrijali b’saħħitha, l-eċċellenza fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni, u qafas leġiżlattiv sod għandhom ikunu dawk li jixprunaw it-tmexxija, il-kompetittività u s-sovranità teknoloġika tal-Ewropa f’dan il-qasam.

    Il-qafas leġiżlattiv sod tal-UE

    L-UE għandha qafas leġiżlattiv sod u orjentat lejn il-futur li diġà hu applikabbli għal bosta aspetti tal-iżvilupp tad-dinjiet virtwali u tal-Web 4.0.

    B’rabta mal-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tan-nies u tan-negozji li joperaw fid-dinjiet virtwali, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) 15 u l-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA) 16 jintroduċu sistema komprensiva ta’ responsabbiltajiet u obbligi għall-pjattaformi online. L-Att dwar il-Governanza tad-Data 17 u l-Att dwar id-Data 18 jistabbilixxu regoli orizzontali għall-kondiviżjoni tad-data u jagħtu kontroll lill-utenti fuq id-data ġġenerata mill-apparati konnessi tagħhom. L-Att propost dwar l-AI se jindirizza r-riskji li toħloq l-intelliġenza artifiċjali (AI) u se jippromwovi l-innovazzjoni f’AI affidabbli.

    Anki r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 19 , li hu teknoloġikament newtrali, japplika kollu kemm hu wkoll għall-ipproċessar tad-data personali fid-dinjiet virtwali. Barra minn hekk, l-utenti tad-dinjiet virtwali huma protetti mil-liġi tal-konsumatur tal-UE, b’mod partikolari r-Regolament Ġenerali dwar is-Sigurtà tal-Prodotti 20 , u d-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti 21 li tipprovdi protezzjoni minn prattiki tal-kummerċjalizzazzjoni qarrieqa.

    Ir-Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi (MiCA) li għadu kif ġie adottat 22 ikopri l-kriptoassi mhux regolati mil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-servizzi finanzjarji. Għandu l-għan li jżid it-trasparenza dwar ir-riskji tal-kriptoassi, jipproteġi lid-detenturi ta’ dawk l-assi u jiżgura l-integrità tas-swieq tal-kriptoassi. L-Identità Diġitali Ewropea 23 se tagħti kontroll sħiħ lill-utenti fuq l-identitajiet diġitali tagħhom.

    B’rabta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-drittijiet tal-proprjetà industrijali, il-qafas legali eżistenti tal-UE (bħad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali 24 , ir-Regolament dwar it-Trademark tal-UE 25 u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tas-Sigrieti Kummerċjali 26 ) japplika b’mod ġenerali għall-Web 4.0 u għad-dinjiet virtwali.

    L-aċċess tal-persuni b’diżabbiltà għal servizzi diġitali ewlenin hu indirizzat fl-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità 27 u fid-Direttiva dwar l-Aċċessibilità tal-Web 28 .

    Barra minn hekk, il-persuni bbażati fl-UE li se jaħdmu fid-dinjiet virtwali se jkunu jistgħu jiddependu fuq l-istandards tax-xogħol tal-UE, inkluż ir-regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u s-sistemi tas-sigurtà soċjali. Hu kruċjali, iżda, li jkollna mekkaniżmi effettivi għall-infurzar ta’ dawn id-drittijiet.

    Din l-istrateġija tippreżenta firxa ta’ azzjonijiet biex jinbena l-pedament għat-tranżizzjoni fit-tul lejn il-Web 4.0 u l-iżvilupp tad-dinjiet virtwali. L-azzjonijiet huma strutturati fuq l-objettivi tal-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali u fuq tlieta mill-punti kardinali tiegħu: il-ħiliet, in-negozji u l-gvern. Ir-raba’ punt kardinali, l-infrastrutturi, hu indirizzat mill-pakkett tal-konnettività tal-Kummissjoni 29 u l-isforzi usa’ tiegħu b’rabta mal-kapaċitajiet tal-computing, tal-cloud u tal-edge 30 . L-istrateġija tindirizza wkoll il-governanza globali tad-dinjiet virtwali u tal-Web 4.0 bħala fergħa speċifika tal-azzjonijiet.

    3.1.In-nies u l-ħiliet

    L-għarfien, l-aċċess għal informazzjoni affidabbli, u l-ħiliet diġitali huma aspetti essenzjali biex titħeġġeġ l-aċċettazzjoni mill-utenti tal-iżviluppi teknoloġiċi u biex in-nies ta’ kull età jingħataw ir-riedni f’idejhom, speċjalment dawk b’livell baxx ta’ ħiliet diġitali, biex jinvolvu ruħhom u jużaw id-dinjiet virtwali u l-Web 4.0. L-aċċettazzjoni mill-utenti ħarġet bħala aspett kruċjali mill-Panel taċ-Ċittadini. L-għarfien, it-titjib tal-litteriżmu u tal-ħiliet teknoloġiċi, u ż-żieda fl-aċċess għat-teknoloġija huma kruċjali għall-aċċettazzjoni u l-użu kontinwu mill-pubbliku 31 ,  32 .

    L-iżvilupp tad-dinjiet virtwali jeħtieġ ħiliet teknoloġiċi u kreattivi 33 . Hemm ħtieġa urġenti għal speċjalisti fit-teknoloġiji ewlenin tad-dinja virtwali bħall-XR. Il-kumpaniji qed ibatu biex isibu speċjalisti fl-ICT b’ħiliet diġitali avvanzati fl-Ewropa 34 . Barra minn hekk, is-settur tal-ICT qed iġarrab żbilanċ serju bejn il-ġeneri għax waħda biss minn kull ħames speċjalisti fl-ICT hija mara 35 . Hu kruċjali li jkollna riżerva tat-talenti biex jinbnew id-diversi saffi tal-Web 4.0 u jitwettqu l-aspirazzjonijiet tal-UE li tkun pijuniera fl-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji. Il-punti tal-azzjoni ta’ hawn taħt huma proposti biex jindirizzaw l-isfidi ta’ hawn fuq.

    3.1.1.Insawru riżerva tat-talenti ta’ speċjalisti fid-dinja virtwali

    Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet tħeġġeġ lin-nies madwar l-UE jitgħallmu ħiliet ġodda f’oqsma ewlenin. L-iżvilupp, l-attirar u ż-żamma tat-talent huma waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni 36 . Għal dan il-għan, l-UE se tħaddem bosta programmi tal-finanzjament biex tinvesti fl-ispeċjalisti futuri tal-ICT f’teknoloġiji relatati mal-Web 4.0 u mad-dinjiet virtwali, u fi kreaturi tal-kontenut għall-iżvilupp ta’ dinjiet virtwali iperrealistiċi 37 . Barra minn hekk, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u l-Komunitajiet tal-Konoxxenza u Innovazzjoni (KICs) tiegħu se jissieħbu ma’ istituzzjonijiet edukattivi, organizzazzjonijiet tar-riċerka u negozji ewlenin biex jixprunaw il-kapaċità teknoloġika virtwali tal-UE.

    L-UE se tuża l-Bord tad-Deċennju Diġitali u l-fora u l-gruppi ta’ esperti rilevanti biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni. Barra minn hekk, l-UE se tiffaċilita sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati, b’inizjattivi bħall-Patt għall-Ħiliet 38 , biex tibni appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet għad-dinjiet virtwali fil-livelli nazzjonali u reġjonali.

    Fil-livell internazzjonali, l-UE se taħdem biex l-UE ssir destinazzjoni attraenti għall-ispeċjalisti fl-ICT tal-ogħla livell li jkunu minn pajjiżi mhux tal-UE, biex tespandi r-riżerva tat-talenti meħtieġa fl-UE. Id-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE 39 , b’mod partikolari, ssemmi l-maniġers u l-professjonisti fl-ICT bħala kategorija ta’ okkupazzjoni b’ħiliet għolja koperta minn dik id-Direttiva. Dan il-qafas legali jgħin biex jattira talenti barranin. Dan ġie rivedut fl-2021, meta ddaħħlet ir-Riżerva tat-Talenti tal-UE 40 .

    3.1.2.Sett ta’ għodod tad-dinjiet virtwali għall-pubbliku ġenerali

    Bħala rispons għar-rakkomandazzjonijiet li għamel il-Panel taċ-Ċittadini dwar il-ħtieġa li ċ-ċittadini jifhmu aħjar kif għandhom imexxu l-identitajiet virtwali tagħhom, il-kreazzjonijiet virtwali tagħhom, l-assi virtwali tagħhom u d-data tagħhom, sett ta’ għodod se jipprovdi linji gwida speċifiċi dwar id-diversi aspetti tal-parteċipazzjoni u l-involviment fid-dinjiet virtwali u jfakkar lin-nies dwar id-drittijiet tagħhom skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE. Is-sett ta’ għodod se jkopri l-użu ta’ identità diġitali affidabbli u soluzzjonijiet tal-kartieri diġitali għal awtentikazzjoni sikura u sigura, tranżazzjonijiet virtwali, ġestjoni tad-data u tal-assi diġitali, protezzjoni tad-data u privatezza, protezzjoni tal-konsumaturi, ċibersigurtà, drittijiet tal-awtur u tal-proprjetà intellettwali.

    Suġġett kruċjali ieħor diskuss mill-Panel taċ-Ċittadini hu d-diżinformazzjoni online. Is-sett ta’ għodod se jinkludi għodod għall-verifika tal-kontenut u għall-għoti tas-setgħa lin-nies biex isiru kreaturi attivi ta’ informazzjoni affidabbli. Se jsir tentattiv biex jinbnew sinerġiji ma’ inizjattivi attwali, bħall-Osservatorju Ewropew tal-Midja Diġitali 41 u l-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni.

    Il-Panel taċ-Ċittadini speċifika sett ta’ prinċipji gwida għal dinjiet virtwali mixtieqa u ġusti. Dawn ikopru tmien aspetti fundamentali tad-Dikjarazzjoni Ewropea tad-drittijiet u l-prinċipji: il-libertà tal-għażla, is-sostenibbiltà, iċ-ċentriċità tal-bniedem, is-saħħa, l-edukazzjoni, is-sikurezza u s-sigurtà, it-trasparenza, u l-inklużjoni. Il-Kummissjoni se tippromwovi dawn il-prinċipji tul din l-inizjattiva. Fir-rigward tal-prinċipju gwida tas-saħħa, il-Kummissjoni se tappoġġa r-riċerka dwar l-impatt tad-dinjiet virtwali fuq is-saħħa fiżika u mentali u l-benessri tan-nies bi qbil mal-approċċ komprensiv għas-saħħa mentali 42 . 

    3.1.3.Tfal emanċipati u protetti fid-dinjiet virtwali

    It-tfal u ż-żgħażagħ huma nattivi diġitali, iżda jeħtieġ jifhmu aħjar kwistjonijiet speċifiċi relatati mas-sikurezza, is-sigurtà u l-privatezza tagħhom, mal-protezzjoni tad-data personali tagħhom u drittijiet oħra, u mal-obbligi fl-ambjenti immersivi. Għandhom drittijiet fundamentali għal din il-protezzjoni, kif inhu meħtieġ għall-benesseri tagħhom, fid-dawl tal-età u l-maturità tagħhom, bħal pereżempju protezzjoni mill-abbuż sesswali tat-tfal online. Bi qbil mal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal 43 , id-drittijiet ta’ kull tifel jew tifla jenħtieġ li jiġu rispettati fid-dinjiet virtwali bħal fid-dinja reali, inkluż b’miżuri li jiżguraw is-sikurezza u l-privatezza tat-tfal mid-disinn.

    L-istrateġija l-ġdida għal Internet Aħjar għat-Tfal (BIK+) tiddefinixxi l-azzjonijiet tal-UE biex tipproteġi u tagħti s-setgħa lit-tfal fl-ambjenti online u virtwali. Il-kodiċi tal-kondotta ppjanat għal disinn xieraq għall-età se jikkontribwixxi biex ikollna dinjiet virtwali xierqa għat-tfal. Il-Portal BIK 44 se jintuża biex jipprovdi riżorsi edukattivi dwar l-ambjenti virtwali għaż-żgħażagħ, għall-ġenituri u għall-edukaturi kif ukoll attivitajiet miċ-Ċentri ta’ Safer Internet madwar l-UE biex jixtered l-għarfien. Ir-riformulazzjoni proposta tad-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal se tindirizza l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati tal-abbuż sesswali kontra tfal fid-dinjiet virtwali u permezz tagħhom.

    Il-Kummissjoni se:

    ·Azzjoni 1: Tappoġġa l-iżvilupp tal-ħiliet għat-teknoloġiji tad-dinja virtwali (il-programm Ewropa Diġitali), inkluż għan-nisa u l-bniet, u għall-kreaturi tal-kontenut diġitali u l-professjonisti awdjoviżivi (il-programm Ewropa Kreattiva) [2024]; u tippromwovi lill-UE bħala destinazzjoni attraenti għal speċjalisti b’ħiliet għoljin minn barra l-UE [Q3 2023].

    ·Azzjoni 2: Tippromwovi l-prinċipji gwida għad-dinjiet virtwali mressqa mill-Panel taċ-Ċittadini u tappoġġa r-riċerka b’Orizzont Ewropa dwar l-impatt tad-dinjiet virtwali fuq is-saħħa u l-benesseri tan-nies, inkluż riċerka speċifika dwar l-impatt fuq is-saħħa u l-benesseri tat-tfal [Q4 2023].

    ·Azzjoni 3: Tiżviluppa Sett ta’ Għodod tad-dinjiet virtwali maħsuba għall-pubbliku ġenerali, u riżorsi tal-ambjenti virtwali għaż-żgħażagħ bl-istrateġija Internet Aħjar għat-Tfal [Q1 2024].

    3.2.In-negozji: jappoġġaw ekosistema industrijali Ewropea tal-Web 4.0

    L-Ewropa għandha potenzjal industrijali qawwi fil-qasam tad-dinjiet virtwali u tal-Web 4.0. Jeżistu bosta ċentri reġjonali promettenti madwar l-UE, b’oqsma speċifiċi ta’ speċjalizzazzjoni li jvarjaw mill-immudellar 3D, sal-kontenut VR u AR, il-gaming, u t-teknoloġiji awdjo u ottiċi. Iżda l-ekosistema hi frammentata u qed issib sfidi relatati mal-adozzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda u l-aċċess għall-finanzi.

    Biex tinħoloq ekosistema industrijali Ewropea ta’ suċċess u pijuniera fid-dinja għall-Web 4.0 u għad-dinjiet virtwali, hemm bżonn urġenti li jiżdiedu u jingħaqdu l-kapaċitajiet teknoloġiċi, titħaffef l-adozzjoni tas-soluzzjonijiet innovattivi u jitrawwem ambjent tan-negozju ta’ appoġġ.

    3.2.1.Nixprunaw il-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-UE

    L-UE hi soda fejn jidħlu r-riċerka u l-innovazzjoni fil-middleware u s-software, u tilqa’ bosta atturi kbar u SMEs ta’ livell għoli li qed joperaw tul il-katina tal-valur, minn manifatturi tal-apparat sa fornituri tas-soluzzjonijiet u kreaturi tal-kontenut. L-Ewropa hi wkoll kontinent ta’ kreattività, bis-setturi kulturali u kreattivi jirrappreżentaw 1.2 miljun negozju fl-UE 45 , 46 .

    Il-Kummissjoni bħalissa qed tesplora, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, Sħubija Ewropea ġdida 47 għall-partijiet ikkonċernati ewlenin biex tifrex is-sisien teknoloġiċi ħalli jinbnew sistemi u applikazzjonijiet tad-dinjiet virtwali utli, inklużivi, sostenibbli u affidabbli. Din is-sħubija se tibni fuq l-investimenti ewlenin tal-UE: (i) fl-aktar teknoloġiji u applikazzjonijiet ewlenin avvanzati li hemm fil-qalba tad-dinjiet virtwali, bħall-XR, it-tewmin diġitali, l-intelliġenza artifiċjali, il-blockchain u ċ-ċibersigurtà; (ii) fi spazji komuni Ewropej tad-data; u (iii) fl-inizjattiva tal-Internet tal-Ġenerazzjoni Li Jmiss, li tiffinanzja beni diġitali. Barra minn hekk, it-teknoloġiji tar-realtajiet virtwali huma meqjusa fost it-teknoloġiji potenzjalment kritiċi, profondi u diġitali li jistgħu jibbenefikaw mill-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) 48 proposta dan l-aħħar mill-Kummissjoni u maħsuba biex tipprovdi sa EUR 160 biljun għal investimenti addizzjonali f’għadd ta’ oqsma strateġiċi tat-teknoloġija.

    3.2.2.Inħaffu l-adozzjoni ta’ mudelli u soluzzjonijiet ġodda tan-negozju

    Noħolqu networks u norbtu l-iżviluppaturi tad-dinja virtwali mal-utenti tal-industrija

    Madwar l-UE jeżistu bosta ċentri dinamiċi ħafna tad-dinjiet virtwali, li jinsabu fil-qalba tal-ekosistemi nazzjonali u reġjonali. Filwaqt li jikkonformaw mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri xorta jistgħu jkomplu jappoġġaw lil dawn l-ekosistemi nazzjonali /reġjonali biex jattiraw l-investiment privat. Iċ-ċentri tad-dinjiet virtwali jaqdu rwol ewlieni biex jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn l-iżviluppaturi tad-dinja virtwali u l-utenti industrijali. Dawn jibbenefikaw minn aktar appoġġ mingħand iċ-ċentri tal-kompetenzi u ċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali li joffru aċċess għal opportunitajiet ta’ ttestjar, esperimentazzjoni u taħriġ.

    Filwaqt li tibni fuq il-politiki tagħha tar-raggruppamenti, il-Kummissjoni se tippromwovi l-kollaborazzjoni u l-iskambji fost iċ-ċentri tad-dinjiet virtwali. Se żżid ukoll il-ħidma mal-Koalizzjoni Industrijali tar-Realtà Virtwali u Awmentata (VR/AR) li tlaqqa’ flimkien lil diversi atturi tal-industrija tul il-katina tal-valur. Il-Kummissjoni se trawwem it-tlaqqigħ bejn l-iżviluppaturi tad-dinja virtwali u l-utenti industrijali. Barra minn hekk, in-network taċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali, iffinanzjat mill-programm Ewropa Diġitali, u n-Network Enterprise Europe jenħtieġ li jkunu katalisti billi jinvolvu lil firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati biex iħeġġu l-adozzjoni tat-teknoloġiji tad-dinja virtwali.

    Aċċess għall-finanzjament biex jiġu appoġġati l-kreaturi u biex jespandu l-mudelli tan-negozju innovattivi

    Bi programmi bħal Ewropa Kreattiva, il-kreaturi Ewropej fl-industriji kulturali u kreattivi se jkunu jistgħu jittestjaw mudelli tan-negozju innovattivi u għodod tal-ħolqien fid-dinjiet virtwali, u jiżviluppaw mudelli tan-negozju u swieq sostenibbli ġodda. Il-MediaInvest 49 se jippermetti aċċess għal finanzjament tal-ekwità lill-kumpaniji li jridu jespandu, u jappoġġa l-kondiviżjoni, il-ħżin u l-monetizzazzjoni usa’ tal-assi diġitali mill-atturi tal-midja fl-Ewropa. Hemm disponibbli wkoll Fondi ta’ Koeżjoni biex jappoġġaw l-innovazzjoni u lill-industriji kreattivi, inkluż lin-negozji ġodda, u t-tkabbir tan-negozji madwar l-UE kollha. It-tisħiħ tal-Aċċeleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni bil-proposta STEP se jippermetti appoġġ bl-ekwità biss lill-SMEs mhux bankabbli u lill-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja li jeħtieġ iwettqu investimenti ta’ bejn il-EUR 15-il miljun u l-EUR 50 miljun, fis-setturi tat-teknoloġija profonda, bħar-realtajiet virtwali, li jistgħu juru ċerta importanza strateġika. InvestEU tista’ tintuża biex tappoġġa t-tranżizzjoni teknoloġika usa’ lejn il-Web 4.0, inkluż billi jsiru djalogi apposta mad-diversi sħab li qed jimplimentaw InvestEU, il-promoturi tal-proġetti u l-intermedjarji finanzjarji.

    3.2.3.Inrawmu ambjent tan-negozju ta’ appoġġ

    Inħeġġu l-innovazzjoni b’ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji għad-dinjiet virtwali u għall-Web 4.0

    L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji jistgħu jkunu skemi utli għall-ittestjar tas-soluzzjonijiet ġodda f’ambjent ikkontrollat tad-dinja reali għal żmien limitat, b’rispett lejn is-salvagwardji regolatorji u bis-superviżjoni ta’ awtorità kompetenti. Minħabba l-karatteristiċi ġodda li qed ifeġġu fid-dinjiet virtwali u fil-Web 4.0, bl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni n-negozji ġodda fl-UE jkunu jistgħu jesperimentaw b’teknoloġiji, prattiki, servizzi, applikazzjonijiet u mudelli tan-negozju ġodda, filwaqt li r-regolaturi u l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jiksbu għarfien dwar diversi aspetti rilevanti tad-dinjiet virtwali, bħat-tokinizzazzjoni tal-assi virtwali 50 . Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tidentifika temi speċifiċi fejn l-esperimentazzjoni jenħtieġ li tingħata prijorità u biex tiżgura approċċ ikkoordinat fl-UE.

    Nappoġġaw lill-SMEs u n-negozji ġodda innovattivi

    In-negozji ġodda innovattivi se jkunu l-muturi tal-ekosistema industrijali Ewropea tal-Web 4.0. Fid-Dikjarazzjoni dwar l-Istandard ta’ Eċċellenza tan-Nazzjonijiet għan-Negozji l-Ġodda tal-UE (EU SNS), il-Kummissjoni, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra identifikaw uħud mill-aqwa prattiki għal ambjent favur in-negozji ġodda. L-Alleanza Ewropea tan-Nazzjonijiet għan-Negozji l-Ġodda (ESNA) taħdem mill-qrib mal-pajjiżi li ffirmaw id-Dikjarazzjoni EU SNS biex tappoġġahom fil-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki tagħha u fit-teħid tal-azzjoni fil-livell nazzjonali biex jimplimentawhom. In-negozji ġodda fid-dinjiet virtwali u fil-Web 4.0 se jibbenefikaw minn miżuri orizzontali li jtejbu l-ambjent tan-negozju tal-UE għall-SMEs u li jappoġġaw lin-negozji ġodda, u dawn se jiġu riflessi fil-Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs li ġej.

    Niffaċilitaw iż-żieda tal-mudelli kooperattivi innovattivi fl-industrija

    L-aktar teknoloġiji avvanzati bħall-blockchain u t-tewmin diġitali qed iwittu t-triq għal kollaborazzjoni aħjar fost l-intrapriżi, il-kreaturi, il-konsumaturi u ċ-ċittadini f’kuntesti diġitali deċentralizzati. Qedifeġġu forom diġitali ġodda tal-organizzazzjonijiet, bħal organizzazzjonijiet awtonomi deċentralizzati, u dawn qed joffru mod differenti ta’ kooperazzjoni u kollaborazzjoni. Il-Kummissjoni qed tniedi studju biex tanalizza u tippromwovi l-opportunitajiet tan-negozju li din il-forma ġdida ta’ kooperazzjoni diġitali toffri u biex tidentifika ostakli legali, amministrattivi u ekonomiċi li jxekklu l-adozzjoni tagħhom.

    Il-proprjetà intellettwali

    Ir-riproduzzjoni u d-distribuzzjoni mhux awtorizzati tal-assi virtwali jistgħu joħolqu theddida sinifikanti għall-konsumaturi daqskemm għas-sidien tal-proprjetà intellettwali, u jnaqqsu l-fiduċja u l-integrità tal-pjattaformi virtwali. Għas-sidien tal-proprjetà intellettwali, il-falsifikazzjoni fid-dinjiet virtwali tfisser riskju sostanzjali ta’ telf tad-dħul u dilwizzjoni tal-valur tal-marka. Il-Kummissjoni se toħloq sett ta’ għodod kontra l-falsifikazzjoni biex tagħti gwida lid-detenturi tal-proprjetà intellettwali u rakkomandazzjonijiet dwar kif jinfurzaw id-drittijiet tagħhom fl-ambjenti offline u online, inkluż fid-dinjiet virtwali. 

    Interoperabbiltà u standardizzazzjoni

    Il-pjattaformi kbar tal-distribuzzjoni (fis-segment bejn negozju u ieħor, u fis-segment bejn negozju u l-konsumatur) huma fost dawk li jaġixxu kmieni fid-dinjiet virtwali. Dawn l-atturi kbar tas-suq għandhom preżenza dinjija qawwija, inkluż fl-UE. Din id-dinamika tas-suq twassal għal żewġ elementi ta’ tħassib kbir. L-ewwel nett, l-entitajiet kbar jistgħu jikkontribwixxu għal ekosistema magħluqa billi jistabbilixxu standards de facto. It-tieni, jistgħu jsiru gwardjani futuri tad-dinjiet virtwali billi jisfruttaw l-effetti tan-networks, u b’hekk joħolqu ostakli ġodda għad-dħul fis-suq lill-SMEs u lin-negozji ġodda fl-UE.

    L-istandardizzazzjoni se tkun kruċjali biex tippermetti l-interoperabbiltà bejn pjattaformi u networks differenti, li tippermetti l-użu bla xkiel tal-identitajiet, l-avatars, id-data, l-assi virtwali, l-esperjenzi jew l-ambjenti, u d-drittijiet assoċjati bejn il-pjattaformi u n-networks.

    Standards miftuħa huma kruċjali biex ikun żgurat li l-ekosistema futura tal-Web 4.0 ma tkunx iddominata minn ftit magħżula li jistabbilixxu standards de facto u jinħolqu ostakli għad-dħul fis-suq. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, se taħdem id f’id ma’ organizzazzjonijiet ewlenin attivi fl-iżvilupp tal-istandards għal dinjiet virtwali u Web 4.0 miftuħa u interoperabbli. Dawn l-isforzi se jikkontribwixxu għall-Istrateġija tal-UE dwar l-Istandardizzazzjoni 51 u se jibbażaw fuq il-ħidma tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea 52 .

    Nappoġġaw lill-komunità ta’ sors miftuħ 

    L-UE għandha komunità soda u attiva ħafna ta’ innovaturi ta’ sors miftuħ li jistgħu jikkontribwixxu għal beni diġitali rilevanti li jipprovdu ċerti karatteristiċi ewlenin lid-dinjiet virtwali. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-innovazzjoni ta’ sors miftuħ għall-Web 4.0, bħal fejn jidħol l-użu tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit u teknoloġiji oħra meħtieġa għall-awtentiċità, il-ġestjoni u s-sigurtà tal-oġġetti u l-identitajiet virtwali. 

    Il-Kummissjoni se:

    ·Azzjoni 4: Tesplora, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, it-tnedija ta’ Sħubija Ewropea ġdida biex tiżviluppa pjan direzzjonali industrijali u teknoloġiku [Q1 2024].

    ·Azzjoni 5: Tappoġġa lill-Industriji Kulturali u Kreattivi tal-UE biex jittestjaw mudelli ġodda tan-negozju fid-dinjiet virtwali permezz ta’ Ewropa Kreattiva [Q1 2024]; Trawwem it-tlaqqigħ bejn l-iżviluppaturi tad-dinja virtwali u l-utenti industrijali [Q1 2024]; u tisfrutta ċ-Ċentri Ewropej tal-Innovazzjoni Diġitali u n-Network Enterprise Europe biex tappoġġa liċ-ċentri tad-dinjiet virtwali u tippromwovi l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda tad-dinja virtwali [Q4 2023].

    ·Azzjoni 6: Tappoġġa l-iżvilupp ta’ standards għal dinjiet virtwali miftuħa u interoperabbli [Q4 2023]; tesplora l-potenzjal ta’ mudelli ġodda ta’ kooperazzjoni diġitali [Q4 2023]; tiżviluppa sett tal-għodod għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni inkluż fid-dinjiet virtwali [Q4 2023]; u tippromwovi l-użu ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji għad-dinjiet virtwali mill-Istati Membri [Q2 2024].

    3.3.Il-gvernijiet: jappoġġaw il-progress tas-soċjetà u jtejbu s-servizzi pubbliċi

    Il-gvernijiet fil-livell nazzjonali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni biex inkunu pijunieri fejn tidħol lejn il-Web 4.0: l-ewwel billi jtejbu b’mod kostanti d-disinn u l-għoti tas-servizzi pubbliċi u tas-servizzi ta’ interess ġenerali fl-ambjenti urbani u rurali permezz tad-diġitalizzazzjoni, u t-tieni billi jindirizzaw l-isfidi soċjali ewlenin bħas-saħħa, it-tibdil fil-klima u t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Il-gvernijiet jenħtieġ li jivvalutaw bir-reqqa l-kostijiet u l-benefiċċji tal-iżvilupp tas-servizzi fid-dinjiet virtwali u fil-Web 4.0, meta mqabbla mal-mudelli tradizzjonali.

    It-tewmin diġitali, primarjament użati fil-manifattura industrijali, qed jidħlu f’diversi setturi marbuta mas-servizzi pubbliċi u mal-oqsma ta’ interess pubbliku. L-UE diġà qed tinvesti f’għadd ta’ inizjattivi ewlenin, bħal Destinazzjoni d-Dinja (DestinE) 53 , it-tewmin diġitali lokali għal komunitajiet intelliġenti 54 , id-Digital Twin Ocean Ewropew (DTO Ewropew) 55 , l-Infrastruttura Ewropea tas-Servizzi tal-Blockchain 56 u t-tewmi diġitali tal-grilja tal-elettriku Ewropea 57 . Dan l-investiment hu maħsub biex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-politika pubblika.

    Xi bliet pijunieri qed jersqu lejn id-dinjiet virtwali, iżda b’mod ġenerali l-adozzjoni madwar l-UE miexja bil-mod. Il-ħidma tal-Grupp Konsultattiv dwar ir-Regolamenti Favur l-Innovazzjoni se sservi ta’ tagħrif għal azzjonijiet futuri dwar l-għoti tas-servizzi pubbliċi fid-dinjiet virtwali 58 .

    L-UE se tappoġġa proġett ewlieni ta’ interess pubbliku msejjaħ is-CitiVerse Ewropew. Dan l-ambjent immersiv se jgħin biex jiġu ottimizzati l-ippjanar u l-ġestjoni spazjali, b’kunsiderazzjoni xierqa għad-dimensjoni soċjali, arkitettonika, sostenibbli u tal-wirt kulturali. Permezz tal-programm Orizzont Ewropa se jitnedew bosta spazji komuni Ewropej tad-data rilevanti li se jsaħħu l-applikazzjonijiet ewlenin u pilota.

    L-Ispazju tad-Data dwar il-Wirt Kulturali u l-Cloud Kollaborattiv Ewropew għall-Wirt Kulturali se jippermettu kollaborazzjoni bejn il-professjonisti tal-wirt kulturali madwar l-UE biex iħarsu t-teżori kulturali permezz tad-diġitizzazzjoni b’applikazzjonijiet potenzjali għall-iżvilupp tad-dinjiet virtwali.

    Barra minn hekk, il-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali jippermetti t-tnedija ta’ Konsorzji Ewropej tal-Infrastruttura Diġitali (EDIC) li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri biex iħaffu u jissimplifikaw il-ħolqien u t-twettiq ta’ proġetti ta’ kollaborazzjoni bejn diversi pajjiżi. L-EDICs, b’mod partikolari f’oqsma bħat-teknoloġija tal-lingwa u l-blockchain, jistgħu jappoġġaw direttament l-użu konġunt tas-soluzzjonijiet virtwali.

    Fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp tat-Tewmi Uman Virtwali Ewropew 59 li se jirreplika ġisem il-bniedem b’mod diġitali, billi jlaqqa’ flimkien teknoloġiji diġitali avvanzati, l-aċċess għal computing ta’ prestazzjoni għolja u l-aċċess għal data mir-riċerka u l-kura tas-saħħa ffaċilitata mill-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa 60 . Din l-inizjattiva ewlenija tat-Tewmi Uman Virtwali se tkun ta’ benefiċċju għas-sistemi ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet kliniċi, l-għodod personali ta’ tbassir tas-saħħa, u l-approċċi tal-mediċina personalizzata.

    Il-Kummissjoni se:

    ·Azzjoni 7: Tappoġġa inizjattivi ewlenin pubbliċi għal bliet u komunitajiet intelliġenti u sostenibbli, is-CitiVerse, u għall-iżvilupp tat-Tewmi Uman Virtwali Ewropew permezz tal-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali [Q4 2023]; u se tħeġġeġ it-twaqqif ta’ Konsorzji għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea (EDICs) f’oqsma rilevanti għad-dinjiet virtwali u l-Web 4.0 [Q4 2023].

    3.4.Governanza

    3.4.1.Il-governanza fil-livell tal-UE u fil-livell dinji

    Il-bidla teknoloġika quddiemna mhix se tħalli kollox kif inhu. L-iskala enormi tal-iżvilupp teknoloġiku, tal-integrazzjoni teknoloġika u tal-iżviluppi tas-suq teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tniedi grupp ta’ esperti biex tlaqqa’ lill-Istati Membri flimkien biex jaqsmu approċċi komuni u l-aqwa prattiki dwar l-iżvilupp tad-dinjiet virtwali u t-tranżizzjoni teknoloġika usa’ lejn il-Web 4.0.

    Lil hinn mill-UE, din il-bidla teknoloġika tinvolvi wkoll forom ġodda ta’ governanza dinjija. Il-Panel taċ-Ċittadini u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati ħarġu fid-dieher bil-qawwa l-ħtieġa li jkun żgurat li d-dinjiet virtwali jitfasslu bħala spazji miftuħa u interoperabbli mill-bidu nett biex l-utenti jkollhom ir-riedni f’idejhom u jippermettu parteċipazzjoni diversa, inkluż mill-gruppi sottorappreżentati, li min-naħa tagħhom jistgħu jrawmu l-innovazzjoni, il-kollaborazzjoni u l-kreattività.

    Biex ikun żgurat li l-Web 4.0, qabelxejn mid-dinjiet virtwali, tinħoloq bħala spazju miftuħ u sigur li jirrispetta l-valuri u r-regoli tal-UE, hu meħtieġ involviment internazzjonali rigward l-ambitu wiesa’ tat-temi, li jvarjaw mill-kwistjonijiet teknoloġiċi (bħall-istandards għall-interoperabbiltà, il-ġestjoni tal-identità jew il-konnettività) sal-kontenut u l-prattika (bħall-ħolqien tal-kontenut kontra d-diżinformazzjoni u l-aċċess għalih, iċ-ċensura kontra l-libertà tal-espressjoni, u s-sorveljanza tal-privatezza).

    Il-Kummissjoni se tappoġġa l-ħolqien ta’ proċess tekniku ta’ governanza li jinvolvi lil diversi partijiet ikkonċernati biex jiġu indirizzati aspetti essenzjali tad-dinjiet virtwali u tal-Web 4.0 li jmorru lil hinn mill-mandat tal-istituzzjonijiet eżistenti tal-governanza tal-internet. Dan il-proċess ikollu l-għan li jindirizza s-sistema tal-interoperabbiltà tad-dinjiet virtwali daqskemm il-komponenti essenzjali fuqhom jissejjes il-funzjonament tad-dinjiet virtwali bħall-ġestjoni tad-drittijiet, it-tranżazzjonijiet fid-dinjiet virtwali, u l-ġestjoni tal-identità, kif ukoll temi relatati mal-adozzjoni industrijali tas-soluzzjonijiet tad-dinjiet virtwali.

    3.4.2.Nimmonitorjaw l-iżvilupp tad-dinjiet virtwali u tal-Web 4.0

    Hekk kif id-dinjiet virtwali se jsiru aktar integrati, hu aktar u aktar kruċjali li nibqgħu aġġornati dwar l-impatt tagħhom fuq in-nies, fuq id-diversi tipi ta’ utenti tal-industrija, fuq il-movimenti tas-suq, u fuq l-iżviluppi teknoloġiċi ġodda. Il-monitoraġġ kontinwu, bi pjattaformi ta’ skambju jew osservatorji, hu essenzjali għal dawk li jfasslu l-politika, għan-negozji u għar-riċerkaturi biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati: (i) biex jiġu identifikati u appoġġati opportunitajiet ġodda għat-tkabbir u l-innovazzjoni, (ii) biex jinftiehmu aħjar u jitħeġġu l-prattiki u l-forom emerġenti ta’ kooperazzjoni bħall-kooperattivi diġitali u r-rwol tal-organizzazzjonijiet awtonomi deċentralizzati u (iii) biex jiġu identifikati u indirizzati l-isfidi li joħloq l-użu tad-dinjiet virtwali b’mod speċjali dawk relatati mal-etika, il-benesseri tas-soċjetà, id-drittijiet fundamentali, objettivi importanti ta’ interess pubbliku ġenerali f’soċjetà demokratika, u l-protezzjoni tal-konsumaturi.

    Il-ħidma f’din il-fergħa se tingrana l-ekosistemi industrijali u tistrieħ fuq l-għarfien espert taċ-Ċentru Ewropew tat-Trasparenza Algoritmika 61 li tnieda dan l-aħħar, l-Osservatorju u l-Forum tal-Blockchain tal-UE 62 , iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, il-Lab tal-Innovazzjoni tal-Europol 63 , il-Forum Industrijali, id-Djalogu Strutturat dwar it-Teknoloġiji ta’ Trasformazzjoni u studji b’għarfien fuq mudelli ġodda ta’ governanza 64 , 65 , 66 . Is-sħab soċjali Ewropej se jiġu mistiedna wkoll jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar l-impatt tad-dinjiet virtwali fuq il-ħaddiema u n-negozji.

    Il-Kummissjoni se:

    ·Azzjoni 8: Tlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri fi grupp ta’ esperti biex jaqsmu bejniethom approċċi komuni u l-aqwa prattiki dwar l-iżvilupp tad-dinjiet virtwali u t-tranżizzjoni teknoloġika usa’ lejn il-Web 4.0 [Q4 2023].

    ·Azzjoni 9: Tinvolvi ruħha ma’ diversi partijiet ikkonċernati mill-istituzzjonijiet eżistenti tal-governanza tal-internet biex jitfasslu dinjiet virtwali miftuħa u interoperabbli [minn Q4 2023]; u tappoġġa l-ħolqien ta’ forum tekniku li jinkludi lil diversi partijiet ikkonċernati biex jindirizza ċerti aspetti tad-dinjiet virtwali u tal-Web 4.0 lil hinn mill-mandat tal-entitajiet eżistenti tal-governanza tal-internet [minn Q1 2024].

    ·Azzjoni 10: Tniedi approċċ strutturat biex timmonitorja l-iżvilupp tad-dinjiet virtwali fl-ekosistemi industrijali kollha, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati [minn Q1 2024].

    4.Konklużjoni

    L-iżvilupp tad-dinjiet virtwali u t-tranżizzjoni fit-tul lejn il-Web 4.0 se jiftħu bibien ġodda ta’ tkabbir għan-negozji Ewropej u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi sikuri, affidabbli, inklussivi u ġusti għan-nies biex jaħdmu, jitgħallmu, jissoċjalizzaw u jissodisfaw il-potenzjal tagħhom.

    L-UE għandha taġixxi issa biex issir attur ewlieni fis-swieq emerġenti relatati mal-Web 4.0 u mad-dinjiet virtwali, filwaqt li żżomm il-valuri tal-UE u d-drittijiet fundamentali u tiżgura li n-nies ikunu protetti u mogħtija s-setgħa.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw l-istrateġija u jaħdmu flimkien fuq l-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jippromwovu l-viżjoni ppreżentata mill-Kummissjoni fid-djalogi tagħhom mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, mal-partijiet ikkonċernati ekonomiċi u soċjali, u mas-soċjetà ċivili.

    (1)

         COM(2023) 168 final.

    (2)

         Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropea, it-23 ta’ Marzu 2023.

    (3)

         Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481.

    (4)

         Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-metavers – dinjiet virtwali, sfidi reali, Marzu 2022.

    (5)

         Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Inizjattiva dwar id-dinjiet virtwali, bħall-metavers, April 2023.

    (6)

         Basdevant A, François C, Ronfard R, Mission exploratoire sur les métavers, Ottubru 2022.

    (7)

          https://citizens.ec.europa.eu/virtual-worlds-panel_mt

    (8)

          https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/library/extended-reality-opportunities-success-stories-and-challenges-health-and-education

    (9)

         Il-Europol (2022) Policing in the metaverse: what law enforcement needs to know.

    (10)

         Il-European Media Industry Outlook, The European Media Industry Outlook.

    (11)

          https://www.bloomberg.com/press-releases/2022-07-13/metaverse-market-size-worth-824-53-billion-globally-by-2030-at-39-1-cagr-verified-market-research

    (12)

          https://www.globenewswire.com/en/news-release/2022/09/27/2523235/0/en/Metaverse-Market-for-Automotive-worth-16-5-billion-by-2030-Exclusive-Report-by-MarketsandMarkets.html

    (13)

         VR/AR Industrial Coalition - Strategic paper, tinsab fuq https://data.europa.eu/doi/10.2759/197536

    (14)

         Skont l-Istrateġija għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà 2021-2030, COM(2021) 101 final.

    (15)

         Ir-Regolament (UE) 2022/2065.

    (16)

         Ir-Regolament (UE) 2022/1925.

    (17)

         Ir-Regolament (UE) 2022/868.

    (18)

         Proposta għal Regolament COM/2022/68 final.

    (19)

         Ir-Regolament (UE) 2016/679.

    (20)

         Ir-Regolament (UE) 2023/988.

    (21)

         Id-Direttiva 2005/29/KE.

    (22)

         Ir-Regolament (UE) 2023/1114.

    (23)

          https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/europe-fit-digital-age/european-digital-identity_mt

    (24)

         Id-Direttiva (UE) 2019/790.

    (25)

         Ir-Regolament (UE) 2017/1001.

    (26)

         Id-Direttiva (UE) 2016/943.

    (27)

         Id-Direttiva (UE) 2019/882.

    (28)

         Id-Direttiva (UE) 2016/2102.

    (29)

          https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_985

    (30)

         Fix-xenarju dinji, l-istrateġija Global Gateway tappoġġa t-trasformazzjoni lejn il-Web 4.0 b’investimenti fil-pajjiżi sieħba għall-użu ta’ netwerks u infrastrutturi diġitali.

    (31)

         VR/AR Industrial Coalition – Strategic paper, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022

    (32)

         Extended reality – Opportunities, success stories and challenges (health, education): final report, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023, https://data.europa.eu/doi/10.2759/121671 .

    (33)

         Il-European Media Industry Outlook, The European Media Industry Outlook.

    (34)

          https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/ISOC_SKE_ITRCRN2__custom_6527549/

    (35)

          https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/ISOC_SKS_ITSPS/

    (36)

         Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni ġdida, COM(2022) 332 final; Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali, COM(2020) 624 final; proposti għal Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-fatturi abilitanti ewlenin għas-suċċess tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali, COM(2023) 205 final, u dwar it-titjib tal-forniment tal-ħiliet diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, COM(2023) 206 final; u dwar l-isfruttar tat-talent fir-reġjuni tal-Ewropa, COM(2023) 32 final.

    (37)

         Pereżempju, permezz taċ-ċentru tar-riżorsi AccessibleEU, il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-professjonisti inkluż fl-aċċessibbiltà diġitali biex tappoġġa l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà fil-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE u tipprevjeni ostakli ġodda għall-aċċessibbiltà inkluż fil-Web.4.0.

    (38)

          https://pact-for-skills.ec.europa.eu/index_en

    (39)

         Id-Direttiva (UE) 2021/1883.

    (40)

          https://eures.ec.europa.eu/eu-talent-pool-pilot_en

    (41)

          https://edmo.eu/

    (42)

         COM(2023) 298 final.

    (43)

         COM(2021) 142 final.

    (44)

          http://betterinternetforkids.eu

    (45)

          https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Culture_statistics_-_cultural_employment

    (46)

         COM(2020) 784 final.

    (47)

         Kif speċifikat fil-programm qafas Orizzont Ewropa tal-UE.

    (48)

         COM(2023) 335 final.

    (49)

          https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/news/commission-launches-mediainvest-boost-europes-audiovisual-industry

    (50)

         It-tokins, bħat-tokins nonfunġibbli (NFTs), huma komponenti importanti tat-tranżazzjonijiet virtwali. Huma unitajiet uniċi u mhux interkambjabbli tad-data li jipprovdu ċertifikat pubbliku tal-awtentiċità jew prova tas-sjieda. L-użu usa’ tal-NFTs joħloq bosta sfidi, pereżempju dawk relatati mat-tassazzjoni jew ma’ tipi ġodda ta’ falsifikazzjoni.

    (51)

         COM(2022) 31 final.

    (52)

          https://single-market-economy.ec.europa.eu/single-market/european-standards/standardisation-policy/high-level-forum-european-standardisation_en

    (53)

          https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/policies/destination-earth

    (54)

         C(2021) 7914 final, it-tema 2.2.1.2.3 tal-programm ta’ ħidma Ewropa Diġitali għall-2021-2022

    (55)

          https://research-and-innovation.ec.europa.eu/funding/funding-opportunities/funding-programmes-and-open-calls/horizon-europe/eu-missions-horizon-europe/restore-our-ocean-and-waters/european-digital-twin-ocean-european-dto_en

    (56)

          https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/policies/european-blockchain-services-infrastructure

    (57)

         COM(2022) 552 final.

    (58)

          https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/expert-groups/consult?lang=mt&groupId=3855&fromNews=true

    (59)

         Kif enfasizzat fil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, COM(2021) 44 final.

    (60)

         COM/2022/197 final.

    (61)

          https://algorithmic-transparency.ec.europa.eu/index_en

    (62)

          https://www.eublockchainforum.eu/  

    (63)

          https://www.europol.europa.eu/operations-services-and-innovation/innovation-lab

    (64)

         Hupont Torres I et al (2023) Next Generation Virtual Worlds: Societal, Technological, Economic & Policy Challenges for the EU, il-JRC.

    (65)

         Craglia M et al (2021) Digitranscope: key findings, il-JRC.

    (66)

         Millard J (2023) Impact of digital transformation on public governance, il-JRC.

    Top