Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0409

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2022

    COM/2023/409 final

    Brussell, 11.7.2023

    COM(2023) 409 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2022

    {SWD(2023) 244 final}


    WERREJ

    1    Introduzzjoni    

    2    L-iżviluppi makroekonomiċi fil-pajjiżi sħab    

    2.1    Sħubija tal-Lvant    

    2.2    Il-Viċinat tan-Nofsinhar    

    2.3    Il-Balkani tal-Punent    

    3    Operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja fl-2022    

    3.1    Sħubija tal-Lvant    

    Il-Moldova: operazzjoni tal-AMF ġdida

    L-Ukrajna: AMF ta’ emerġenza

    L-Ukrajna: AMF eċċezzjonali

    L-Ukrajna: AMF+

    3.2    Il-Viċinat tan-Nofsinhar    

    Il-Ġordan: AMF-III

    It-Tuneżija: L-AMF għall-COVID-19

    3.3    Il-Balkani tal-Punent    

    AMF għall-COVID-19 għall-Bożnija-Ħerzegovina

    4    L-iżgurar tal-użu xieraq tal-fondi tal-AMF: valutazzjonijiet operazzjonali, evalwazzjonijiet u awditi    

    4.1    Valutazzjonijiet operazzjonali    

    4.2    Evalwazzjonijiet    

    5    Żviluppi ġenerali relatati mal-istrument tal-AMF    

    5.1    Il-funzjonament tal-istrument tal-AMF    

    5.2    L-AMF fil-qafas finanzjarju pluriennali ta’ bejn l-2021 u l-2027    

    6    Inħarsu ’l quddiem – l-operazzjonijiet tal-AMF u s-sitwazzjoni Baġitarja fl-2023    

     

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-implimentazzjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi fl-2022 ( 1 )

    1Introduzzjoni

    L-assistenza makrofinanzjarja, jew l-AMF, hija strument finanzjarju tal-UE( 2 ) estiż għall-pajjiżi sħab li jkunu qegħdin jesperjenzaw kriżi fil-bilanċ tal-pagamenti. Sa mill-bidu tagħha fl-1990, l-AMF għenet biex ittejjeb l-istabbiltà makroekonomika u finanzjarja f’pajjiżi ġirien jew ġeografikament qrib l-UE, filwaqt li ħeġġet riformi strutturali. Normalment din tikkomplementa u hija kundizzjonali fuq arranġament ta’ kreditu mhux prekawzjonarju miftiehem mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), iżda saret eċċezzjoni minn din il-prekondizzjoni fl-istabbiliment tal-appoġġ eċċezzjonali pprovdut lill-Ukrajna wara l-invażjoni fuq skala sħiħa mir-Russja fi Frar 2022. It-tnaqqis ta’ ftit mill-pressjoni minn fuq il-pajjiż sieħeb biex jindirizza problemi tal-bilanċ tal-pagament jippermettilu jżid l-ispazju fiskali tiegħu, itejjeb is-sostenibbiltà tad-dejn tiegħu u jiffoka fuq li jagħmel ir-riformi meħtieġa. Billi jagħmlu l-pjan ta’ aġġustament makroekonomiku eħfef, l-operazzjonijiet tal-AMF jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjali, u b’hekk il-pajjiż ikollu aktar ħin u ambitu akbar biex jindirizza l-kawżi ewlenin tal-kriżi tiegħu.

    L-AMF ħafna drabi tieħu l-forma ta’ self, li biex tiffinanzjah, il-Kummissjoni tissellef mis-swieq kapitali li mbagħad terġa’ tagħti b'self lill-pajjiż benefiċjarju bl-istess termini. F’xi każijiet, tieħu l-forma ta’ għotjiet iffinanzjati mill-baġit tal-UE. Xi drabi, tista’ tkun taħlita ta’ self u għotjiet.

    L-AMF tinħareġ f’pagamenti parzjali u biss jekk jiġu ssodisfati l-kriterji speċifiċi ta’ riforma strutturali kollha maqbula mal-pajjiż. Dan isaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ aġġustament u ta’ riforma b’saħħithom, immirati lejn l-indirizzar tal-għeruq tal-kriżi sottostanti, it-tisħiħ tas-sistemi ta’ finanzjament pubbliku u l-appoġġ għal tkabbir sostenibbli u inklużiv u l-ħolqien tal-impjiegi. Barra minn hekk, prekondizzjoni għall‐għoti tal-AMF hija l-aderenza ta’ pajjiż benefiċjarju għal mekkaniżmi demokratiċi effettivi, li jinkludu li jkun hemm sistema parlamentari b’diversi partiti u li jiġi osservat l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż. B’dan il-mod, l-AMF tikkomplementa l-assistenza ta’ kooperazzjoni regolari tal-UE, u tikkontribwixxi għall-mira usa’ tal-preservazzjoni tal-istabbiltà u tal-promozzjoni tal-prosperità u l-valuri fundamentali tal-UE lil hinn mill-fruntieri tagħha. L-AMF hija rikonoxxuta b’mod wiesgħa bħala strument effettiv biex iwieġeb għall-kriżijiet, li jippermetti li l-UE tintervjeni b’mod viżibbli u flessibbli u b’ingranaġġ politiku ( 3 ) . Dan huwa appoġġat mis-sejbiet ta’ diversi evalwazzjonijiet indipendenti tal-operazzjonijiet kompluti tal-AMF ( 4 ) kif ukoll mill-metaevalwazzjoni riċenti tal-aħħar 10 snin tal-operazzjonijiet ( 5 ) .

    Wara l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-2022 uriet li kienet sena eċċezzjonali għall-AMF, billi wriet b’aktar saħħa r-rilevanza u l-flessibbiltà kontinwi tagħha biex l-UE tkun tista’ testendi appoġġ finanzjarju mdaqqas fuq medda qasira ta’ żmien lill-Ukrajna f’ċirkostanzi straordinarji, filwaqt li tappoġġa wkoll pajjiżi oħra fil-Viċinat tal-UE li ġew affettwati ħafna mill-konsegwenzi ekonomiċi ta’ din il-gwerra. Dawn l-operazzjonijiet u l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom huma għalhekk fost il-kwistjonijiet ewlenin irrapportati f’dan ir-rapport annwali.

    Ir-rapport tal-2022 huwa mħejji f’konformità mal-obbligi ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni kif stipulati fid-deċiżjonijiet varji mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill rigward l-operazzjonijiet tal-AMF( 6 ) . Flimkien mar-rapport hemm dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jipprovdi analiżi aktar dettaljata tal-kuntest makroekonomiku kif ukoll tal-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet tal-AMF individwali.

    2L-iżviluppi makroekonomiċi fil-pajjiżi sħab

    Fl-2022, l-iżviluppi ekonomiċi fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-UE u dawk tat-tkabbir kienu affettwati direttament u indirettament mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Filwaqt li l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) kienu l-aktar affettwati direttament mill-effetti konsegwenzjali li rriżultaw, ir-riperkussjonijiet inħassu wkoll fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE u fil-Balkani tal-Punent.

    Fil-pajjiżi tas-SL, il-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna wasslet għal deprezzament monetarju u għal pressjonijiet qawwija fuq il-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija. Il-fiduċja tal-konsumatur u tan-negozju ġiet affettwata ħafna wkoll, u flussi sinifikanti ta’ migrazzjoni fir-reġjun saħħew il-pressjonijiet inflazzjonarji f’xi pajjiżi. Ir-Repubblika tal-Moldova kienet l-aktar affettwata hekk kif żdiedet l-inflazzjoni (lil hinn mil-livelli fl-Ukrajna), filwaqt li l-fiduċja tal-konsumatur u tan-negozju ġiet affettwata b’mod negattiv. B’kuntrast għal dan, l-Armenja u l-Georgia bbenefikaw mill-flussi mdaqqsa taċ-ċittadini Russi u mit-trasferimenti finanzjarji assoċjati kif ukoll mill-bidla fir-rotot tat-trasport minħabba l-gwerra.

    Fil-Viċinat tan-Nofsinhar, minkejja l-iskopertura tan-negozjar ġenerali baxxa, il-pressjoni ħadet il-forma ta’ prezzijiet ogħla tal-ikel u theddid għas-sigurtà tal-ikel (xi pajjiżi jiddependu ħafna fuq ir-Russja u fuq l-Ukrajna għall-importazzjonijiet tal-qamħ tagħhom, oġġett essenzjali kritiku u ssussidjat ħafna) kif ukoll ta’ prezzijiet tal-enerġija dejjem jogħlew (għalkemm ħafna drabi ssussidjati ħafna). Madankollu, il-pajjiżi kollha tal-Viċinat tan-Nofsinhar - ħlief għal-Libanu - komplew bl-espansjoni ekonomika fl-2022.

    Fil-Balkani tal-Punent, iż-żidiet sostnuti fil-prezzijiet tal-enerġija, tal-ikel u tat-trasport skattaw aċċellerazzjoni ulterjuri fl-inflazzjoni, li naqqsu l-introjtu nett reali tal-unitajiet domestiċi u l-konsum privat. It-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista internazzjonali u t-tnaqqis fid-domanda minħabba l-prospetti ta’ tkabbir aktar baxxi tas-sħab kummerċjali ewlenin, inkluża l-UE, komplew ikunu ta’ piż għall-perspettiva ekonomika għat-tliet reġjuni kollha, inkluż għall-esportazzjonijiet u l-investiment barrani dirett, u b’hekk komplew jaggravaw l-iżbilanċi esterni eżistenti.

    Din it-taqsima teżamina l-isfidi reġjonali li qegħdin jiffaċċjaw il-Pajjiżi tal-Viċinat tal-UE u l-Balkani tal-Punent, filwaqt li l-prestazzjoni ekonomika tagħhom hija vvalutata ulterjorment skont il-pajjiż fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament.

    2.1Sħubija tal-Lvant 

    Fl-2022, l-iżviluppi ekonomiċi fil-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant kienu kkaratterizzati mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, filwaqt li l-effetti tal-pandemija naqsu gradwalment. Madankollu, l-iżviluppi ekonomiċi varjaw ħafna bejn dawn il-pajjiżi. Minn naħa waħda, l-output ekonomiku kkollassa (b’madwar -30 % fl-Ukrajna) jew naqas b’mod konsiderevoli (tnaqqis ta’ 4,7 % fil-PDG tal-Belarussja u tnaqqis ta’ 5,9 % fil-Moldova). Dawn il-pajjiżi ġew affettwati jew direttament (l-Ukrajna li ġarrbet il-gwerra ħarxa ta’ aggressjoni tar-Russja u l-konsegwenzi umanitarji, soċjali u ekonomiċi devastanti tagħha, inkluż permezz ta’ telf kbir ta’ kapital fiżiku u qerda tal-infrastruttura kif ukoll ammont sinifikanti ta’ refuġjati internazzjonali u interni) jew permezz ta’ effetti konsegwenzjali li kkawżaw ħsara fil-fiduċja tal-konsumatur u tal-investitur. Min-naħa l-oħra, l-attività ekonomika fit-tliet pajjiżi tal-Kawkasu laħqet massimi impressjonanti. Għall-Armenja u l-Georgia, bi tkabbir tal-PDG ta’ 12,6 % u 10,1 % rispettivament, dan irrifletta influss ta’ ċittadini u ta’ negozji Russi wara l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa u żieda li takkumpanja fit-trasferimenti finanzjarji. L-Ażerbajġan (tkabbir tal-PDG ta’ 4,6 %) ibbenefika wkoll minn flussi finanzjarji ogħla mir-Russja u minn termini ta’ kummerċ pożittivi fuq prezzijiet tal-enerġija ogħla, kif ukoll mill-irkupru kontinwu ta’ wara l-pandemija.

    L-inflazzjoni għolja, li f’ħafna każijiet laħqet livelli li ma dehrux għal deċenni, baqgħet karatteristika komuni tas-Sħubija tal-Lvant fl-2022. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-konsumatur laħqet il-quċċata tagħha (li laħqet ċifri doppji fil-pajjiżi kollha) f’nofs is-sena bħala riżultat tax-xokk fil-prezzijiet (l-iktar fir-rigward tal-ikel u l-enerġija) assoċjat mal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u mad-dgħufija tal-muniti lokali wara l-kunflitt. Il-flussi ta’ migrazzjoni sinifikanti fir-reġjun saħħew ukoll il-pressjonijiet inflazzjonarji f’xi wħud mill-pajjiżi. Biex itaffu l-inflazzjoni, il-banek ċentrali komplew bl-isforzi tagħhom ta’ ssikkar monetarju fl-2022 anki jekk il-pass taż-żidiet fir-rati naqas b’mod konsiderevoli minn nofs is-sena, wara l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet globali tal-komoditajiet u tal-muniti lokali.

    Billi bbenefikaw mill-attività ekonomika robusta, it-tliet pajjiżi tal-Kawkasu rrapportaw eżiti fiskali b’saħħithom fl-2022 hekk kif id-defiċits tal-baġit kienu taħt il-miri, filwaqt li l-proporzjonijiet tad-dejn pubbliku għall-PDG naqsu b’mod konsiderevoli. B’kuntrast għal dan, fost żidiet qawwija - b’mod partikolari fl-infiq fuq id-difiża - u kollass fid-dħul mill-ekonomija domestika li kienet milquta mill-gwerra, l-Ukrajna rreġistrat defiċit baġitarju enormi li kien prinċipalment iffinanzjat minn sħab internazzjonali, b’mod partikolari l-UE. Fuq il-front estern, kien hemm ukoll xejriet diverġenti. It-tliet pajjiżi tal-Kawkasu rreġistraw tkabbir qawwi fil-kummerċ, parzjalment relatat mal-bidliet fir-rotot tat-trasport li rriżultaw mill-gwerra u, fil-każ tal-Ażerbajġan, maż-żieda fil-prezzijiet globali tal-enerġija. B’kuntrast għal dan, il-kummerċ ikkollassa fl-Ukrajna minħabba l-qerda tal-istokk kapitali mir-Russja u l-imblokki ta’ rotot kummerċjali ewlenin, b’mod partikolari l-Baħar l-Iswed, mir-Russja. Is-sanzjonijiet komprensivi tal-Punent kontra l-Belarussja kkontribwew għat-tnaqqis fil-kummerċ tal-pajjiż. Mil-lat pożittiv, ir-rimessi lill-ġirien tal-Lvant b’mod sorprendenti baqgħu reżiljenti għall-gwerra u kkontribwew biex inaqqsu d-defiċit tal-kont kurrenti, u b’hekk appoġġaw - flimkien mal-finanzjament uffiċjali - l-akkumulazzjoni kontinwa ta’ riżervi internazzjonali fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fir-reġjun.

    Il-perspettiva b’terminu qasir għar-reġjun hija li x’aktarx se jkompli jiġi ffurmat mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Fattur ewlieni ieħor huwa dgħufija potenzjali tad-domanda esterna globali minħabba l-issikkar monetarju kontinwu mill-banek ċentrali ewlenin. Dan jista’ jiġi paċut parzjalment minn politiki fiskali u monetarji kemxejn aktar akkomodanti fil-ġirien tal-Lvant peress li l-inflazzjoni bdiet tonqos gradwalment.

    2.2Il-Viċinat tan-Nofsinhar

    Minkejja r-riperkussjonijiet tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna f’termini ta’ prezzijiet tal-komoditajiet u inflazzjoni ogħla li jikkawżaw l-issikkar tal-kundizzjonijiet ta’ finanzjament, il-pajjiżi kollha tal-Viċinat tan-Nofsinhar - ħlief għal-Libanu - komplew jaraw espansjoni ekonomika fl-2022. Minkejja l-impatt ekonomiku tat-tnaqqis gradwali tal-pandemija, it-tkabbir ekonomiku naqas u kien taħt l-aspettattivi ta’ qabel il-gwerra, b’mod partikolari fit-trimestru ta’ wara t-tifqigħa tal-gwerra. Id-data preliminari tissuġġerixxi li t-tkabbir reali tal-PDG laħaq bejn 2,0 % fil-Marokk u 7,7 % fl-Iżrael fl-ewwel nofs tal-2022.

    It-tkabbir ekonomiku kien xprunat mill-irkupru kontinwu tas-settur tas-servizzi, b’mod partikolari t-turiżmu, l-ospitalità, ir-ristoranti u s-servizzi tat-trasport. L-espansjoni tal-esportaturi tal-enerġija bbenefikat b’mod partikolari minn domanda robusta u minn prezzijiet internazzjonali tal-enerġija għoljin wara l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u s-sanzjonijiet (tal-Punent) kontra r-Russja. Il-qgħad laħaq il-livelli ta’ qabel il-pandemija fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, wara l-irkupru tal-attività ekonomika. L-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur aċċellerat fil-pajjiżi kollha, xprunata mill-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u tal-ikel. B’reazzjoni għaż-żieda fl-inflazzjoni, il-banek ċentrali rrestrinġew il-pożizzjoni monetarja billi żiedu r-rati tal-imgħax b’mod partikolari fit-tieni trimestru tal-2022, wara li żammew il-pożizzjoni ta’ politika akkomodattiva tagħhom fl-2021 u fil-bidu tal-2022.

    Wara d-deterjorament qawwi tal-bilanċi fiskali matul il-pandemija fl-2020, id-defiċits tal-gvern naqsu fil-pajjiżi kollha. Id-dħul, b’mod partikolari l-introjtu mit-taxxa, żdied bl-irkupru tal-attività ekonomika u bis-saħħa tal-inflazzjoni li qed tiżdied, filwaqt li l-infiq, b’mod partikolari fuq is-setturi soċjali u tas-saħħa, ġeneralment naqas mill-ogħla livelli tiegħu tal-2020. Dan kien parzjalment ikkumpensat minn pressjonijiet fuq l-infiq fiskali mill-konsegwenzi tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, peress li l-parti l-kbira tal-ġirien tan-Nofsinhar jissussidjaw il-qamħ u/jew il-fjuwil. Barra minn hekk, id-dejn pubbliku baqa’ f’livelli rekord bħala konsegwenza tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament sostanzjali matul il-pandemija. Id-dinamika tal-kont kurrenti tvarja ħafna fil-Viċinat tan-Nofsinhar, minħabba d-differenzi kbar fl-istrutturi ekonomiċi u fil-profili tal-kummerċ. Xprunati minn żidiet fil-prezzijiet globali tal-komoditajiet wara l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, iż-żidiet fil-prezzijiet għall-fjuwil u għall-gass għamlu pressjoni fuq il-kontijiet kurrenti tal-importaturi kollha tal-enerġija. L-irkupru tas-settur tat-turiżmu u r-rimessi kellhom effetti ta’ mitigazzjoni għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. Ir-reġjun kompla jibbenefika wkoll minn appoġġ estern minn selliefa istituzzjonali internazzjonali.

    Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna għandha wkoll impatt fuq il-perspettiva tal-Viċinat tan-Nofsinhar, għalkemm fi grad inqas mis-SL. Il-konsegwenza ta’ dan timplika riskji ta’ tnaqqis sinifikanti għall-irkupru kontinwu, peress li l-ġirien tan-Nofsinhar għadhom affettwati b’mod partikolari minn prezzijiet ogħla tal-ikel, tal-enerġija u ta’ komoditajiet oħrajn, li jżidu l-inflazzjoni u jaffettwaw il-konsum domestiku filwaqt li jżidu l-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi. It-tfixkil tal-ktajjen tal-provvista u tal-flussi tal-kummerċ diġà għamlu pressjoni kbira fuq is-swieq, il-finanzi pubbliċi, il-produtturi u l-konsumaturi madwar ir-reġjun, b’mod partikolari fuq il-pajjiżi li kienu jiddependu mill-esportazzjoni tal-ħbub mill-Ukrajna u mir-Russja, bħall-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk u t-Tuneżija.

    2.3Il-Balkani tal-Punent 

    L-irkupru ekonomiku fil-Balkani tal-Punent immodera b’mod sinifikanti fl-2022 minħabba l-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-kriżi tal-enerġja u l-inflazzjoni għolja li rriżultaw. Minkejja l-ftuħ mill-ġdid tal-ekonomiji wara l-pandemija tal-COVID-19 u t-turiżmu li reġa’ qabad, it-tkabbir tal-output kompla jonqos fit-tielet trimestru tal-2022, bil-PDG tar-reġjun jikber b’2,1 % sena wara sena, meta mqabbel ma’ 4,3 % fit-3 xhur preċedenti. Il-konsum u l-esportazzjonijiet privati baqgħu l-ixprunaturi ewlenin tat-tkabbir madwar ir-reġjun filwaqt li l-investiment wera prestazzjoni mħallta, bi tnaqqis sena wara sena rreġistrat f’xi wħud mill-pajjiżi. Il-konsum pubbliku naqas f’xi pajjiżi, u dan jirrifletti parzjalment l-irtirar gradwali ta’ miżuri ta’ appoġġ relatati mal-pandemija. 

    It-tkabbir fl-impjiegi sar marġinalment negattiv fil-Balkani tal-Punent fi Q3-2022 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Minkejja dan, ir-rati tal-qgħad naqsu jew baqgħu l-istess, u dan jirrifletti tnaqqis fil-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol f’xi pajjiżi. Żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, tal-ikel u tat-trasport xprunaw aċċellerazzjoni sinifikanti tal-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-konsumatur fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent fl-2022, li wasslet lill-banek ċentrali tar-reġjun b’awtonomija monetarja biex iżidu r-rati ta’ politika ewlenin tagħhom. Bl-għajnuna tad-deċellerazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija, l-inflazzjoni ewlenija naqset xi ftit fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fl-aħħar xhur tal-2022.

    L-irkupru ekonomiku kontinwu u l-inflazzjoni għolja appoġġaw it-tkabbir tad-dħul mill-baġit, u l-bilanċi baġitarji żdiedu aktar madwar il-Balkani tal-Punent fl-ewwel 11-il xahar tal-2022. B’mod parallel, il-proporzjon tad-dejn pubbliku mal-PDG naqas fil-pajjiżi kollha meta mqabbel ma’ tmiem l-2021, u dan jirrifletti parzjalment iż-żieda fil-PDG nominali. Bejn Settembru 2021 u Settembru 2022, id-defiċit tal-kont kurrenti tar-reġjun kien ta’ 6,8 % tal-PDG, it-tieni l-ogħla livell minn Q3-2020. Dan kien dovut l-aktar għaż-żieda xprunata mill-bilanċ tal-enerġija fid-defiċit kummerċjali tal-merkanzija li kienet akbar mill-irkupru qawwi nnotat fl-esportazzjonijiet tas-servizzi u l-influssi ogħla ta’ rimessi.

    Hemm riskji negattivi sinifikanti għall-perspettiva ekonomika tal-Balkani tal-Punent minħabba l-gwerra kontinwa ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, prinċipalment permezz tal-impatt ta’ inflazzjoni għolja fuq id-dħul u l-konsum disponibbli reali, kif ukoll kundizzjonijiet finanzjarji aktar stretti.

    3    Operazzjonijiet ta’ assistenza makrofinanzjarja fl-2022

    Fir-rebbiegħa tal-2022, tlestew iż-żewġ operazzjonijiet tal-AMF li kien fadal taħt il-pakkett tal-AMF għall-COVID-19 ( 7 ). Filwaqt li t-Tuneżija rċeviet l-iżborż tal-pagament parzjali finali fil-25 ta’ Mejju 2022, it-tieni pagament parzjali għall-Bożnija-Ħerzegovina ġie kkanċellat, minħabba li sebgħa minn disa’ kundizzjonijiet ta’ politika ma ġewx issodisfati.

    Bit-tlestija tal-pakkett tal-AMF għall-COVID-19, fl-2022 saret enfasi biex jinstabu modi kif tiġi pprovduta assistenza finanzjarja ġdida lill-Ukrajna, minħabba l-gwerra kontinwa ta’ aggressjoni tar-Russja, b’mod raġonevolment sikur (bir-rikonoxximent tal-inċertezza eċċezzjonali madwar l-operazzjonijiet u minħabba li, il-prekondizzjoni tas-soltu tal-operazzjoni tal-AMF li tkun appoġġata minn programm tal-FMI komplut ma ġietx issodisfata). Wara l-bidu tal-gwerra, fit-28 ta’ Frar 2022, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw deċiżjoni li jipprovdu assistenza makrofinanzjarja ta’ emerġenza lill-Ukrajna sa EUR 1,2 biljun f’self, u b’hekk jawtorizzaw is-sitt operazzjoni tal-AMF fl-Ukrajna mill-2014.

    F’sitwazzjoni ta’ ħtiġijiet ta’ finanzjament intensifikati u akuti għall-Ukrajna, fit-tieni nofs tal-2022, l-UE adottat żewġ operazzjonijiet eċċezzjonali addizzjonali tal-AMF, li awtorizzat l-iżborż ta’ EUR 6 biljun oħra lill-pajjiż sa Diċembru 2022. Għaż-żewġ operazzjonijiet eċċezzjonali tal-AMF, ir-rata ta’ proviżjonament żdiedet minn 9 %, kif stipulat mill-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - ir-Regolament “Ewropa Globali” (ir-Regolament NDICI), għal 70 % (tal-anqas temporanjament, bl-adegwatezza tar-rata ta’ proviżjonament li għandha tiġi rieżaminata darbtejn fis-sena fid-dawl tal-inċertezza dwar is-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti fl-Ukrajna sakemm il-gwerra tkun għadha għaddejja).

    Inqas minn xahrejn wara t-talba mill-Kunsill Ewropew fl-20-21 ta’ Ottubru biex tiġi stabbilita soluzzjoni aktar strutturali għall-għoti ta’ assistenza lill-Ukrajna fl-2023, ir-Regolament “AMF+” daħal fis-seħħ fis-17 ta’ Diċembru. Dan l-istrument il-ġdid se jiżgura finanzjament aktar prevedibbli, kontinwu, ordnat u f’waqtu biex l-Ukrajna tkun tista’ tkopri parti tajba mill-ħtiġijiet ta’ finanzjament immedjati tagħha, ir-riabilitazzjoni tal-infrastruttura kritika u l-appoġġ inizjali lejn ir-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra, bil-għan li jappoġġa lill-pajjiż fit-triq tiegħu lejn l-integrazzjoni Ewropea.

    Barra minn hekk, kif rifless fl-isem “AMF+”, dan l-istrument il-ġdid jintroduċi ċerti bidliet fil-prattiki standard tal-AMF biex dan jiġi adattat għaċ-ċirkostanzi straordinarji li jipprovdi appoġġ lil pajjiż fil-gwerra, b’mod partikolari għall-ħtiġijiet għoljin ta’ inċertezza, riskji u flessibbiltà. Il-bidliet jinkludu żieda preferenzjali tas-self (maturità ogħla sa 35 sena b’perjodu ta’ grazzja ta’ 10 snin u sussidju tar-rata tal-imgħax), flessibbiltà bil-kundizzjonalità tal-politika strutturali (progress sodisfaċenti lejn l-implimentazzjoni meħtieġa biss, għall-iżborżi kollha ħlief tal-aħħar), it-tneħħija kontinwa mill-iżborż tal-programm tal-FMI u r-rekwiżiti ta’ rapportar imtejba. Dawn l-elementi huma spjegati f’aktar dettall fit-Taqsima 3.1 hawn taħt u fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha. L-20 kundizzjoni ta’ politika mmirati li fuqhom hija bbażata din l-operazzjoni tfasslu bir-reqqa biex jiżguraw ir-rilevanza u l-fattibbiltà tagħhom fis-sitwazzjoni attwali. Dawn ikopru l-erba’ oqsma ta’ stabbiltà makrofinanzjarja, riformi strutturali u governanza tajba, l-istat tad-dritt, u l-enerġija.

    F’Novembru 2021, wara kriżi tal-gass fil-Moldova, li kellha impatt qawwi fuq l-ekonomija u li xprunat il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha, l-awtoritajiet ippreżentaw talba għal AMF ġdida. Bi tweġiba għal dan, l-UE qablet fuq operazzjoni ġdida għall-Moldova ta’ EUR 150 miljun, li tinkludi EUR 120 miljun f’self u EUR 30 miljun f’għotjiet. L-operazzjoni hija sostnuta minn programm ta’ riforma ekonomika li jkopri 15-il azzjoni dwar l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-governanza tas-settur finanzjarju, it-titjib tal-ambjent tan-negozju u r-riformi tas-settur tal-enerġija. L-ewwel u t-tieni pagament parzjali ngħataw b’suċċess f’Lulju 2022 u f’Marzu 2023.

    L-ekonomija tal-Moldova kellha impatt partikolarment qawwi mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li kkontribwiet għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament ogħla tagħha, amplifikati ulterjorment mill-kriżi tal-enerġija li għaddejja. Fid-dawl ta’ dan, l-awtoritajiet talbu aktar appoġġ internazzjonali. Fl-10 ta’ Novembru 2022, il-President von der Leyen ħabbret pakkett ta’ appoġġ finanzjarju addizzjonali għall-Moldova ta’ EUR 250 miljun, li għandu jiġi pprovdut parzjalment permezz tal-AMF. Fl-24 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni adottat proposta biex iżżid l-appoġġ tal-AMF ta’ bħalissa b’EUR 145 miljun, inklużi EUR 100 miljun f’self fuq termini preferenzjali, u EUR 45 miljun f’għotjiet.

    Minbarra l-assistenza finanzjarja pprovduta għall-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, fl-2022 ġiet stabbilita wkoll it-tielet AMF regolari għall-Ġordan. Wara t-twettiq tal-14-il riforma ta’ politika pendenti kollha ħlief waħda, bil-kundizzjoni li jsiru emendi għal-Liġi dwar l-Arrikkiment Illeċitu rrinunzjati bi qbil mal-kumitat tal-Istati Membri għall-AMF, it-tielet u l-aħħar pagament parzjali ngħataw fil-31 ta’ Marzu 2023.

    L-istatus ta’ implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-AMF fl-2022 (skont ir-reġjun):

    3

    3.1Sħubija tal-Lvant

    ·Il-Moldova: operazzjoni tal-AMF ġdida

    F’Novembru 2021, wara t-tifqigħa ta’ kriżi tal-enerġija li tirrifletti d-dipendenza enerġetika tal-pajjiż fuq ir-Russja, minkejja l-irkupru ekonomiku wara l-pandemija, il-Moldova talbet uffiċjalment operazzjoni AMF ġdida. Wara valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtiġijiet tal-finanzjament, il-Kummissjoni ħejjiet proposta għal appoġġ sa EUR 150 miljun, inkluż EUR 120 miljun f’self u EUR 30 miljun f’għotjiet. Id-deċiżjoni li tiġi pprovduta AMF addizzjonali lill-Moldova ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fis-6 ta’ April 2022. Wara r-ratifika mill-Parlament tal-Moldova, l-AMF daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2022. Wara li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet ta’ politika miftiehma fil-Memorandum ta’ Qbil (MtQ), l-ewwel pagament parzjali ngħata f’Lulju 2022 u t-tieni pagament parzjali f’Marzu 2023, it-tnejn ta’ EUR 50 miljun f’self kif ukoll f’għotjiet. Taħt l-operazzjoni kurrenti, il-Moldova għad għandha EUR 50 miljun disponibbli x’jiġu żborżjati f’pagament parzjali wieħed. Barra minn hekk, fl-24 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni adottat proposta biex iżżid l-appoġġ tal-AMF li għaddej bħalissa b’EUR 145 miljun. L-AMF addizzjonali hija parti minn pakkett ta’ appoġġ akbar mill-Kummissjoni lill-Moldova fid-dawl tal-pożizzjoni esterna li qed tiddeterjora tal-pajjiż minħabba l-kriżi serja tal-enerġija fil-ħarifa/fix-xitwa tal-2022/2023. Wara l-adozzjoni mill-Kunsill u mill-Parlament, huwa mistenni li l-AMF addizzjonali titħallas f’żewġ pagamenti parzjali fit-tieni nofs tal-2023, meta l-azzjonijiet ta’ politika korrispondenti jkunu ġew issodisfati.

    L-operazzjoni regolari tal-AMF kif ukoll iż-żieda proposta jibqgħu soġġetti għal rekord pożittiv tal-programm tal-FMI għall-Moldova tal-Faċilità ta’ Kreditu Estiż/Faċilità ta’ Fond Estiża, adottati f’Diċembru 2021 u miżjuda f’Mejju 2022. Wara ż-żieda, il-programm tal-Fond jammonta għal USD 815 miljun. F’Jannar 2023, il-FMI kkonkluda b’suċċess it-tieni rieżami tiegħu, filwaqt li vvaluta l-progress ġenerali fuq il-programm bħala wieħed pożittiv.

    ·L-Ukrajna: AMF ta’ emerġenza 

    L-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna bi tweġiba għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja żdied progressivament, b’mod parallel mas-sitwazzjoni diffiċli li qed tiżviluppa fil-prattika u abbażi ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna. Dan l-approċċ gradwali rriżulta fil-forniment ta’ tliet operazzjonijiet tal-AMF lill-Ukrajna fl-2022, fejn l-inċertezza għolja u ċ-ċirkostanzi straordinarji talbu għal elementi ġodda u eċċezzjonali ta’ flessibbiltà akbar, iżda wkoll għal proviżjonament ogħla, kif spjegat aktar ’il quddiem u fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż. Operazzjoni ta’ emerġenza tal-AMF sa EUR 1,2 biljun ġiet segwita minn pakkett eċċezzjonali tal-AMF li jikkonsisti f’żewġ operazzjonijiet sa EUR 1 biljun u EUR 5 biljun, rispettivament.

    Fil-kuntest tat-tensjonijiet ġeopolitiċi dejjem jiżdiedu ta’ qabel il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u bi tweġiba għal talba uffiċjali mill-Ukrajna tas-16 ta’ Novembru 2021 għal operazzjoni ta’ AMF fit-tul ta’ EUR 2,5 biljun, fl-1 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta dwar il-forniment ta’ AMF ta’ emerġenza ġdida lill-Ukrajna sa EUR 1,2 biljun f’self, li għandha titħallas f’żewġ pagamenti parzjali ndaqs. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw b’mod rapidu d-Deċiżjoni fit-28 ta’ Frar 2022, b’hekk awtorizzaw is-sitt operazzjoni tal-AMF fl-Ukrajna mill-2014. Il-Kummissjoni u l-Ukrajna ffirmaw il-MtQ relatat fit-3 ta’ Marzu, li ppermetta l-iżborż rapidu ħafna tal-ewwel pagament parzjali ta’ EUR 600 miljun f’żewġ segmenti fil-11 u fit-18 ta’ Marzu 2022. Barra minn hekk, iċ-ċirkostanzi tal-gwerra jikkostitwixxu avveniment ta’ force majeure li impedixxa t-tlestija effettiva tal-miżuri ta’ politika strutturali - prekondizzjoni għall-iżborż tat-tieni pagament parzjali tal-AMF, anki jekk l-awtoritajiet kienu ħadu passi biex jindirizzawhom kollha. Bħala reazzjoni eċċezzjonali għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament akuti tal-Ukrajna, u peress li l-kundizzjonalità miftiehma fil-MtQ ma setgħetx tinkiseb f’dan l-istadju minħabba raġunijiet ta’ force majeure, il-Kummissjoni ddeċidiet, wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Istati Membri għall-AMF, li tipproċedi bl-iżborż tat-tieni pagament parzjali ta’ EUR 600 miljun f’Mejju, bħala kwistjoni ta’ urġenza.

    ·L-Ukrajna: AMF eċċezzjonali 

    Is-sitwazzjoni ta’ finanzjament saret dejjem aktar akuta matul is-sajf tal-2022 bl-Ukrajna jkollha tistampa dejjem aktar flus u tiġbed ir-riżervi. Bħala parti mill-appoġġ straordinarju tal-UE lill-Ukrajna, fl-1 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni pproponiet operazzjoni AMF ġdida ta’ EUR 1 biljun għall-Ukrajna fil-forma ta’ self b’valur għoli u fit-tul (meta mqabbel mal-kundizzjonijiet tas-soltu - ara hawn taħt). Din il-proposta kienet l-ewwel parti tal-appoġġ eċċezzjonali tal-AMF sa EUR 9 biljun imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna lill-Ukrajna u r-Rikostruzzjoni tagħha tat-18 ta’ Mejju 2022 u approvata mill-Kunsill Ewropew fit-23-24 ta’ Ġunju 2022. Din l-AMF eċċezzjonali kellha l-għan li tipprovdi assistenza finanzjarja immedjata f’sitwazzjoni ta’ ħtiġijiet ta’ finanzjament akuti u li tiżgura l-funzjonament kontinwu tal-aktar funzjonijiet kritiċi tal-istat Ukren. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni fit-12 ta’ Lulju 2022, bl-użu tal-flessibbiltajiet proċedurali kollha disponibbli biex adottawha b’veloċità rekord. Il-Kummissjoni u l-Ukrajna ffirmaw il-MtQ relatat fid-19 ta’ Lulju, li ppermetta l-iżborż tal-ammont kollu ta’ din l-AMF f’żewġ segmenti fil-bidu ta’ Awwissu 2022.

    Fis-7 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni pproponiet operazzjoni ġdida tal-AMF ta’ EUR 5 biljun f’self bħala t-tieni parti tal-pakkett eċċezzjonali tal-AMF. Id-Deċiżjoni dwar l-AMF ġiet adottata malajr ħafna mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-20 ta’ Settembru 2022, u għal darb’oħra għamlet użu mill-flessibbiltajiet proċedurali kollha disponibbli biex tħaffef il-proċess. Wara d-dħul fis-seħħ tal-MtQ fl-4 ta’ Ottubru, l-ewwel pagament parzjali ta’ EUR 2 biljun ġie żborżat lill-Ukrajna fit-18 ta’ Ottubru. It-tieni żborż ta’ EUR 2,5 biljun segwa fit-22 ta’ Novembru 2022. It-tielet u l-aħħar pagament ta’ EUR 500 miljun ġew rilaxxati fl-14 ta’ Diċembru 2022. L-operazzjonijiet eċċezzjonali tal-AMF, li ġabu l-appoġġ finanzjarju immedjat tal-UE lill-Ukrajna mill-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa Russa għal total ta’ EUR 7,2 biljun, kienu vitali biex tinżamm l-istabbiltà makroekonomika fil-pajjiż.

    Minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji fl-Ukrajna minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-pajjiż, dawn l-operazzjonijiet eċċezzjonali tal-AMF introduċew xi novitajiet, li ma għandhomx jitqiesu bħala preċedent għal operazzjonijiet futuri tal-AMF ( 8 ). Maturità medja ġenerali sa massimu ta’ 25 sena, meta mqabbla mal-15-il sena tradizzjonali, u l-possibbiltà li l-baġit tal-UE jkopri l-kostijiet tar-rati tal-imgħax u l-pagamenti tat-tariffi amministrattivi saħħew in-natura konċessjonali tal-assistenza. Biex tissaħħaħ il-flessibbiltà fis-sitwazzjoni straordinarja tal-gwerra, u għall-kuntrarju ta’ operazzjonijiet regolari tal-AMF, l-AMF eċċezzjonali ma kellha l-ebda rabta formali ma’ programm tal-FMI ta’ żborż. Il-kundizzjonalità tal-politika, li wriet li hija valur miżjud ewlieni tal-assistenza makrofinanzjarja, kienet limitata għall-kundizzjonijiet rilevanti li tqiesu fattibbli u li setgħu jkunu mistennija li jiġu implimentati malajr b’livell ta’ ċertezza raġonevolment għoli. Fl-aħħar nett, ġiet introdotta sistema ta’ rekwiżiti ta’ rapportar li għandha l-għan li tiżgura li l-fondi riċevuti ntefqu b’mod effiċjenti, trasparenti u responsabbli.

    L-awtoritajiet Ukreni impenjaw ruħhom li jipprovdu rapporti ta’ kull xahar dwar id-dħul u l-infiq tal-baġit tal-Istat għal-linji ewlenin tan-nefqa u li jinkludu dettalji dwar il-miżuri amministrattivi u finanzjarji fis-seħħ u l-kontrolli interni. Barra minn hekk, l-appoġġ ta’ dawn l-operazzjonijiet żdied permezz ta’ rata ta’ proviżjonament ta’ 70 % minflok id-9 % tas-soltu kif stipulat mir-Regolament NDICI. L-istandard ta’ 9 % jibqa’ fil-forma ta’ proviżjonament ta’ riżerva u dak ta’ 61 % fil-forma ta’ garanzija tat-tieni telf mill-Istati Membri. Dan kien kopert mill-baġit tal-UE għall-ewwel operazzjoni, f’konformità mal-proċeduri operazzjonali regolari, filwaqt li għat-tieni parti, kien appoġġat minn garanziji mill-Istati Membri (ara l-Kaxxa 1).

    Dawn l-elementi ġodda u eċċezzjonali, f’termini ta’, pereżempju, żieda fir-rata preferenzjali, flessibbiltà u rapportar imsaħħaħ ispiraw ukoll it-tfassil tal-istrument AMF+ li jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Ukrajna għall-2023.

    ·L-Ukrajna: AMF+

    Fi żmien xahar wara t-talba tal-Kunsill Ewropew tal-20-21 ta’ Ottubru biex jiġi stabbilit approċċ aktar strutturat għall-għoti ta’ assistenza lill-Ukrajna għall-2023, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta biex tipprovdi EUR 18-il biljun ta’ appoġġ fil-forma ta’ self preferenzjali ħafna lill-Ukrajna għall-2023 permezz ta’ strument AMF+ ġdid. Dan l-istrument il-ġdid jiżgura finanzjament aktar prevedibbli, kontinwu, ordnat u f’waqtu biex jagħti kontribut imdaqqas għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament immedjati tal-Ukrajna, għar-riabilitazzjoni tal-infrastruttura kritika u għall-appoġġ inizjali għar-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra, bil-ħsieb li jappoġġa lill-pajjiż fit-triq tiegħu lejn l-integrazzjoni Ewropea.

    L-istrument tal-AMF+, minbarra li jintegra l-elementi ġodda introdotti mill-pakkett eċċezzjonali tal-AMF, eż. self preferenzjali msaħħaħ permezz ta’ maturitajiet tas-self itwal u sussidju tar-rata tal-imgħax, it-tneħħija kontinwa minn programm tal-FMI ta’ żborż, flessibbiltà akbar bil-kundizzjonalità tal-politika strutturali u rekwiżiti ta’ rapportar imtejba, jippermetti d-direzzjonar ta’ kontribuzzjonijiet bilaterali ta’ partijiet terzi lejn ir-rikostruzzjoni ta’ infrastruttura kritika fl-Ukrajna ( 9 ). Wara proċess rapidu ieħor bl-użu tal-flessibbiltajiet proċedurali kollha, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament li jistabbilixxi l-AMF+ fl-14 ta’ Diċembru 2022. L-20 kundizzjoni ta’ politika mmirati li fuqhom hija bbażata din l-operazzjoni għal darb’oħra ġew imfassla bir-reqqa biex jiżguraw ir-rilevanza u l-fattibbiltà tagħhom fis-sitwazzjoni attwali. Dawn ikopru l-erba’ oqsma ta’ stabbiltà makrofinanzjarja - riformi strutturali u governanza tajba, l-istat tad-dritt, u l-enerġija. Filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza bil-pakkett eċċezzjonali tal-AMF u jirrikonoxxu l-impatt tas-sitwazzjoni straordinarja kontinwata, minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet li jimplimentaw ir-riformi, huwa meħtieġ progress sodisfaċenti fl-implimentazzjoni tal-politika biex ikun jista’ jsir l-iżborż tal-pagamenti parzjali, ħlief għall-iżborż finali li jkun kundizzjonali fuq implimentazzjoni sħiħa. Il-possibbiltà għal rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) tipprevedi flessibbiltà addizzjonali biex tiġi ttestjata l-fattibbiltà ta’ dawn il-kundizzjonijiet minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna li għaddejja.

    Il-Kummissjoni u l-Ukrajna ffirmaw il-MtQ u l-Ftehim dwar Faċilità ta’ Self (LFA) fis-16 ta’ Jannar 2023, li t-tnejn li huma daħlu fis-seħħ fl-istess jum. L-ewwel pagament parzjali ta’ EUR 3 biljun f’self ġie żborżat fis-17 ta’ Jannar 2023, bit-tieni pagament parzjali ta’ EUR 1,5 biljun li segwa xahrejn wara fil-21 ta’ Marzu. Sakemm ikun hemm konformità mal-prekondizzjoni politika, ir-rekwiżiti ta’ rapportar imsaħħa dwar l-użu tal-fondi u aktar progress sodisfaċenti fl-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità tal-politika strutturali miftiehma, l-istrument tal-AMF+ huwa maħsub biex jipprovdi lill-Ukrajna b’assistenza ta’ madwar EUR 1,5 biljun fix-xahar sa tmiem l-2023 (u li ppermettew dan l-iżborż fil-25 ta’ April). 

    3.2Il-Viċinat tan-Nofsinhar

    ·Il-Ġordan: AMF-III 

    Wara t-tielet AMF lill-Ġordan ta’ EUR 500 miljun f’self li daħlet fis-seħħ f’Jannar 2020, l-awtoritajiet tal-Ġordan talbu assistenza addizzjonali f’April 2020, fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, u l-UE qablet li jkun hemm “pagament supplimentari” tal-AMF ta’ EUR 200 miljun f’self. Il-kundizzjonalità tal-politika tal-AMF tiffoka primarjament fuq it-titjib tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u fuq ir-riformi fis-settur tal-utilitajiet, il-politika soċjali u tas-suq tax-xogħol, u fuq il-governanza.

    L-ewwel pagament parzjali (EUR 100 miljun, flimkien ma’ EUR 150 miljun bħala pagament supplimentari relatat mal-COVID-19) ġie żborżat fil-25 ta’ Novembru 2020. It-tieni u t-tielet pagamenti parzjali huma soġġetti għall-kundizzjonalità speċifika tal-politika maqbula bejn il-Ġordan u l-UE fil-MtQ. It-tieni pagament parzjali (EUR 200 miljun u pagament supplimentari ta’ EUR 50 miljun) ġew żborżati fl-20 ta’ Lulju 2021, u kkonkludew b’suċċess il-parti tal-assistenza relatata mal-COVID-19. It-tielet pagament parzjali ta’ EUR 200 miljun ġie rilaxxat fil-31 ta’ Marzu 2023, wara valutazzjoni pożittiva tal-kundizzjonalità tal-politika relatata.

    Dawn l-operazzjonijiet tal-AMF huma pprovduti flimkien mar-riżorsi minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u minn donaturi bilaterali, inkluż il-FMI. Fil-25 ta’ Marzu 2020, il-FMI approva programm ta’ Faċilità ta’ Fond Estiża ta’ 4 snin mal-Ġordan ta’ madwar USD 1,3 biljun inizjalment (270 % tal-kwota tiegħu), li żdied darbtejn fl-2021/2022 għal madwar USD 1,49 biljun (334 % tal-kwota tiegħu) biex iżid l-appoġġ biex jgħin lill-pajjiż ilaħħaq mal-impatt tal-pandemija fuq il-popolazzjoni, filwaqt li ospita 1,3 miljun rifuġjat Sirjan. Il-FMI approva l-ħames rieżami tal-EFF f’Diċembru 2022, li għamel madwar USD 343 miljun disponibbli minnufih. Dan iġib l-ammont totali ta’ ħlasijiet tal-FMI lill-Ġordan mill-bidu tal-2020 għal madwar USD 1,7 biljun, li jinkludu madwar EUR 366 miljun f’assistenza ta’ emerġenza skont l-Istrument ta’ Finanzjament Rapidu f’Mejju 2020 biex jgħin lill-pajjiż jittratta l-impatt tal-pandemija. Filwaqt li d-dejn pubbliku tal-Ġordan baqa’ għoli b’113,2 % tal-PDG fl-2022, dan ġie vvalutat bħala sostenibbli mill-FMI f’Diċembru 2022.

    ·It-Tuneżija: L-AMF għall-COVID-19

    Bħala parti mill-pakkett tal-AMF għall-COVID-19 adottat f’Mejju 2020, l-UE qablet fuq programm ta’ AMF ta’ EUR 600 miljun f’self għat-Tuneżija. B’riflessjoni għal proċeduri twal fil-pajjiż sieħeb, saret l-operazzjoni relatata mal-COVID-19 ta’ qabel tal-aħħar li għandha tidħol fis-seħħ: il-MtQ u l-LFA ġew iffirmati fl-24 ta’ Novembru 2020, ratifikati mill-Parlament tat-Tuneżija fil-15 ta’ April 2021 u daħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2021 mal-pubblikazzjoni f’Il-Gazzetta Uffiċjali tat-Tuneżija. Għalhekk, il-perjodu ta’ disponibbiltà ta’ 12-il xahar tal-programm baqa’ għaddej sa Mejju 2022. Il-kundizzjonalità tal-politika tal-AMF iffokat primarjament fuq erba’ oqsma tematiċi, jiġifieri l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u r-riforma tas-settur ċivili, ir-riformi fl-intrapriżi tal-Istat, il-protezzjoni soċjali u l-klima tal-investiment. 

    L-AMF ġiet ipprovduta f’żewġ pagamenti parzjali ta’ EUR 300 miljun kull wieħed. L-ewwel pagament parzjali kien soġġett għall-prekondizzjonijiet politiċi ġenerali għall-AMF u ġie żborżat fl-1 ta’ Ġunju 2021. Ir-riformi ta’ politika meħtieġa għall-iżborż tat-tieni segment jew ġew issodisfati jew ġew issodisfati b’mod wiesa’ matul l-2022. Minkejja t-tħassib dwar il-prekondizzjonijiet politiċi wara d-deterjorament fis-sitwazzjoni politika minn nofs l-2021, u wara valutazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni u ittra mill-awtoritajiet li jipprovdu assigurazzjonijiet u li jistabbilixxu impenji fuq kalendarju politiku, it-tieni pagament parzjali ġie żborżat fil-25 ta’ Mejju 2022.

    L-assistenza kkomplementat ir-riżorsi magħmula disponibbli minn donaturi oħrajn, inkluż il-FMI, fl-ambitu tal-programm tiegħu ta’ Faċilità ta’ Finanzjament Rapidu ta’ EUR 685 miljun mat-Tuneżija approvat fl-10 ta’ April 2020.

    3.3Il-Balkani tal-Punent 

    ·AMF għall-COVID-19 għall-Bożnija-Ħerzegovina

    Wara talba uffiċjali għall-AMF mill-Bożnija-Ħerzegovina fl-14 ta’ April 2020 biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, ġew inklużi EUR 250 miljun għall-Bożnija-Ħerzegovina f’self fil-pakkett tal-AMF għall-COVID-19. Il-MtQ u l-LFA ġew iffirmati fil-15 ta’ Jannar 2021 u daħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Ġunju 2021, li għamilha l-aħħar waħda mill-operazzjonijiet relatati mal-COVID-19 li għandha tidħol fis-seħħ. Dan id-dewmien sostanzjali kien ikkawżat mill-proċessi twal tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-pajjiż. Il-kundizzjonijiet ta’ politika tal-AMF għat-tieni pagament kellhom l-għan li jindirizzaw uħud mid-dgħufijiet fil-governanza ekonomika u fil-bini tal-istituzzjonijiet, kif ukoll fl-istabbiltà tas-settur finanzjarju u fit-trasparenza, u biex jappoġġaw il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u funzjonament aħjar tas-suq tax-xogħol.

    L-AMF kellha tiġi provduta f’żewġ pagamenti parzjali ta’ EUR 125 miljun kull wieħed. L-ewwel pagament parzjali ġie żborżat fis-7 ta’ Ottubru 2021 mingħajr kundizzjonijiet, filwaqt li t-tieni segment ma ġiex żborżat minħabba implimentazzjoni insuffiċjenti tal-kundizzjonijiet ta’ politika miftiehma fil-perjodu ta’ disponibbiltà tal-AMF, b’sebgħa minn disa’ riformi ma tlestewx.

    L-assistenza kkomplementat ir-riżorsi magħmula disponibbli minn donaturi oħrajn, inkluż il-FMI, fl-ambitu tal-programm tiegħu ta’ Faċilità ta’ Finanzjament Rapidu (RFI) ta’ EUR 330 miljun għall-Bożnija-Ħerzegovina, approvat fl-20 ta’ April 2020.

    4L-iżgurar tal-użu xieraq tal-fondi tal-AMF: valutazzjonijiet operazzjonali, evalwazzjonijiet u awditi

    4.1Valutazzjonijiet operazzjonali

    F’konformità mar-Regolament Finanzjarju tal-UE, il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta’ konsulenti esterni, twettaq valutazzjonijiet operazzjonali bil-għan li tikseb assigurazzjonijiet raġonevoli dwar il-funzjonament tal-proċeduri amministrattivi u ċ-ċirkwiti finanzjarji fil-pajjiżi benefiċjarji.

    Il-valutazzjonijiet operazzjonali jiffokaw fuq is-sistemi ta’ ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari fuq kif jiġu organizzati l-ministeri għall-finanzi u l-banek ċentrali u liema proċeduri jimplimentaw u, b’mod aktar speċifiku, fuq kif jiġu ġestiti l-kontijiet li jirċievu fondi tal-UE. Tingħata wkoll attenzjoni speċjali għall-funzjonament, l-indipendenza u l-programmi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-awditjar esterni, u għal kemm huma effettivi l-kontrolli tagħhom. Jiġu eżaminati wkoll il-proċeduri tal-akkwist pubbliku fil-livell ċentrali.

    Fl-2022, inbdiet valutazzjoni operazzjonali ġdida tal-Ukrajna fil-kuntest tal-operazzjoni tal-AMF+. Il-konsulenti esterni kkonkludew li, minkejja l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, iċ-ċirkwiti u l-proċeduri finanzjarji tal-pajjiż jitqiesu xierqa biżżejjed għall-finijiet tal-AMF. Huma kkonfermaw li s-sistemi pubbliċi ta’ ġestjoni finanzjarja tal-Ukrajna u ċirkwiti finanzjarji oħra tjiebu b’mod konsiderevoli fis-snin ta’ wara l-valutazzjoni operazzjonali tal-2018 u li l-gvern tal-Ukrajna jibqa’ impenjat li jtejjeb is-sistemi u l-proċessi, b’biżżejjed evidenza li tissuġġerixxi li seħħew diversi riformi kruċjali jew li kienu għaddejjin qabel ma ġew interrotti f’daqqa mill-invażjoni fuq skala sħiħa Russa.

    4.2Evalwazzjonijiet 

    F’konformità mar-Regolament Finanzjarju tal-UE u d-deċiżjonijiet korrispondenti tal-AMF, il-Kummissjoni twettaq evalwazzjonijiet ( 10 ) wara t-tlestija tal-operazzjonijiet tal-AMF sabiex tivvaluta l-impatt tagħhom. Iż-żewġ objettivi ewlenin ta’ dawn l-evalwazzjonijiet huma li:

    I.jiġi analizzat l-impatt tal-AMF fuq l-ekonomija tal-pajjiż benefiċjarju, u b’mod partikolari fuq is-sostenibbiltà tal-pożizzjoni esterna tiegħu; u

    II.jiġi vvalutat il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE.

    F’Settembru 2022, wara t-tlestija tal-istudju estern fl-2021, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ ħidma tal-persunal li jistabbilixxi r-riżultati tal-evalwazzjoni konġunta tal-operazzjonijiet mat-Tuneżija u mal-Ġordan.

    Barra minn hekk u lil hinn mill-obbligi legali, il-Kummissjoni lestiet metaevalwazzjoni tal-operazzjonijiet kollha tal-AMF matul l-2010-2020 li diġà ġew ippreżentati fir-rapport tas-sena l-oħra, filwaqt li qieset ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Il-metaevalwazzjoni vvalutat il-prinċipji u l-karatteristiċi li jirregolaw l-istrument tal-AMF, u mmirat li tipprovdi input dwar kif jittejbu r-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza, il-valur miżjud u l-kapaċità tagħha li tirrispondi għall-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-UE. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ akkumpanjament ġie ppubblikat f’Jannar 2023.

    ·It-Tuneżija u l-Ġordan: l-evalwazzjoni kopriet l-operazzjoni tal-AMF mat-Tuneżija fl-2017-2019 u mal-Ġordan fl-2017-2019, li f’kull każ kien it-tieni pakkett ta’ appoġġ bħal dan lill-pajjiż. Din sabet li d-daqs, il-forma u ż-żmien tal-operazzjonijiet kienu rilevanti u xierqa għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-pajjiżi, u pprovdew valur miżjud tal-UE. Fiż-żewġ pajjiżi, l-AMF kellha impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà tad-dejn u kellha rwol pożittiv fil-promozzjoni tal-istabbilizzazzjoni makroekonomika. Il-kundizzjonalità kienet rilevanti u ffokat fuq oqsma ewlenin ta’ riforma. L-operazzjonijiet appoġġaw bidla pożittiva f’xi oqsma ta’ riforma, minkejja l-progress imħallat f’xi riformi speċifiċi oħrajn. Din kienet l-ewwel darba li żewġ operazzjonijiet, minħabba similaritajiet reġjonali, perjodi ta’ żmien ta’ implimentazzjoni li jikkoinċidu u kundizzjonalità komparabbli, ġew raggruppati f’evalwazzjoni waħda sabiex jaslu għal konklużjonijiet li jmorru lil hinn mill-operazzjoni speċifika. Minn perspettiva reġjonali, l-impatt pożittiv u l-effetti konsegwenzjali fuq ir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq (MENA) taż-żewġ AMFs kienu anqas kwantifikabbli minħabba d-daqs relattivament żgħir tal-ekonomiji appoġġati u l-integrazzjoni intrareġjonali baxxa, l-impatti pożittivi possibbli kienu fil-biċċa l-kbira relatati mal-effett ta’ fiduċja. Iż-żewġ operazzjonijiet instabu li kienu konsistenti mal-qafas politiku ġenerali tal-UE, allinjati mal-aġenda ta’ riforma tal-awtoritajiet u ma’ programmi ta’ donaturi oħra. Minħabba l-esperjenza pożittiva ġenerali bil-ġbir flimkien taż-żewġ operazzjonijiet f’evalwazzjoni waħda, huwa ppjanat li l-ħidma titkompla bl-istess mod għal li jmiss, b’mod partikolari fuq l-operazzjonijiet tal-2017-2020 fis-SL u għall-pakkett tal-COVID-19, rispettivament, fejn dan l-approċċ jidher partikolarment rilevanti u promettenti minħabba x-xokk komuni li jissottolinja l-ħtieġa ta’ appoġġ.

    ·Il-metaevalwazzjoni tal-operazzjonijiet tal-AMF għall-2010-2020: l-evalwazzjoni kopriet 15-il operazzjoni tal-AMF mal-pajjiżi tas-SL, il-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, il-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni u pajjiżi oħra; ikkomplementata minn esperjenzi aktar riċenti bil-pakkett tal-COVID-19 u l-operazzjonijiet tal-AMF tal-2022 mal-Ukrajna. Din sabet li dawn l-operazzjonijiet kienu effiċjenti, rilevanti u koerenti, u ġġeneraw valur miżjud tal-UE. Barra minn hekk, l-istrument tal-AMF kien effettiv biex jgħin biex tiġi restawrata s-sostenibbiltà esterna u biex jiġu promossi r-riformi strutturali. L-effettività tal-AMF kienet appoġġata b’mod partikolari (i) mill-fokus fuq pajjiżi fil-viċinanza diretta tal-UE u r-rabtiet b’saħħithom ma’ dawk il-pajjiżi, (ii) mill-preferenza għas-self u l-perjodu ta’ disponibbiltà standard ta’ sentejn u nofs li huwa twil biżżejjed biex jinċentiva r-riformi u l-implimentazzjoni tagħhom, u (iii) mill-fatt li l-kundizzjonijiet tal-politika (li nstabu li kienu rilevanti u sekwenzjati bir-reqqa) żguraw sforz komprensiv ta’ riforma. L-evalwazzjoni kkonfermat ukoll li l-objettivi, it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet tal-AMF kienu fil-biċċa l-kbira komplementari u konsistenti ma’ inizjattivi oħra tal-UE u mal-operazzjonijiet tal-FMI. Madankollu, l-evalwazzjoni indikat ukoll xi limitazzjonijiet. Il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ operazzjonijiet tal-AMF ġew ivvalutati bħala twal għal strument ta’ kriżi, u b’hekk jimminaw kemxejn l-effettività tagħhom. Dan kien il-każ speċjalment għall-proċeduri standard tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-esperjenzi riċenti bil-pakkett tal-COVID-19 u l-appoġġ tal-AMF tal-2022 lill-Ukrajna wrew li l-użu tal-flessibbiltajiet proċedurali kollha disponibbli għen b’mod sinifikanti. In-nuqqas ta’ flessibbiltà tal-MtQ deher ukoll li naqqas l-effettività tal-AMF fi żminijiet ta’ bidliet profondi. L-evalwazzjoni indikat ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-AMF fil-pajjiżi benefiċjarji. Minn perspettiva metodoloġika, instab li l-evalwazzjonijiet tal-AMF twettqu bi standard għoli, speċjalment wara li l-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-2015 daħlu fis-seħħ.

    Informazzjoni addizzjonali dwar iż-żewġ evalwazzjonijiet hija pprovduta fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport.

    5Żviluppi ġenerali relatati mal-istrument tal-AMF

    5.1Il-funzjonament tal-istrument tal-AMF 

    Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-AMF ( 11 ) tqis l-assistenza bħala waħda ta’ natura makroekonomika u finanzjarja u tiddikjara b’mod ċar li għandha l-għan li “tirkupra sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għall-pajjiżi u għat-territorji eleġibbli li jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ finanzjament estern.” Sabiex l-AMF tirnexxi bħala strument ta’ “emerġenza”, huwa għalhekk importanti li tiġi mmobilizzata b’mod effettiv u fil-ħin. Fl-istess ħin, ġie nnutat kemm mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif ukoll fil-metaevalwazzjoni msemmija hawn fuq tal-operazzjonijiet tal-AMF (2010-2020) li d-dewmien fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-AMF mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja jista’ jkun nuqqas kbir għal strument li huwa maħsub biex iwieġeb għal kriżi tal-bilanċ tal-pagamenti, u bħala konsegwenza “jenħtieġ li l-Kummissjoni tesplora mal-koleġiżlaturi tagħha l-għażliet disponibbli biex jiġu aċċellerati l-proċeduri ta’ approvazzjoni ta’ programmi tal-AMF sussegwenti, b’mod partikolari għall-finanzjament ta’ emerġenza( 12 ) .

    Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-esperjenzi bil-pakkett tal-AMF tal-COVID-19 u l-operazzjonijiet tal-AMF tal-2022 għall-Ukrajna (AMF ta’ emerġenza, AMF eċċezzjonali, AMF+) urew li l-istruttura attwali tal-AMF tista’ tippermetti adozzjoni rapida ħafna, jekk l-istituzzjonijiet kollha jaqblu li jagħmlu użu sħiħ mill-flessibbiltajiet proċedurali disponibbli. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni ħadmet mal-Parlament u mal-Kunsill biex taqbel fuq l-użu ta’ proċeduri ta’ urġenza eżistenti li ppermettew l-adozzjoni tal-assistenza korrispondenti fi żmien xahar mill-proposti rispettivi tal-Kummissjoni miż-żewġ koleġiżlaturi. Il-Parlament Ewropew semma’ klawżola speċifika (Artikolu 163) fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li ppermettiet li d-Deċiżjoni tiġi adottata minnufih fil-Plenarja, mingħajr ma jkollha tgħaddi mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA), kif inhi l-prattika regolari. Dan il-proċess ta’ adozzjoni veloċi kien ir-riżultat ta’ sens kondiviż ta’ urġenza mill-istituzzjonijiet kollha f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida straordinarji.

    Għalhekk, ir-Regoli ta’ Proċedura kemm tal-Kunsill kif ukoll tal-Parlament Ewropew jipprevedu proċedura aċċellerata meħtieġa għal adozzjoni rapida f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza. Billi kien hemm kuntatti f’waqthom u kostruttivi, kien possibbli li jkun hemm proċess ta’ adozzjoni aktar mgħaġġel skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, bl-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew, li ma kienx ikun il-każ kieku l-Kummissjoni kienet ipproponiet miżuri abbażi tal-Artikolu 213 tat-TFUE (applikabbli għal każijiet fejn tkun meħtieġa assistenza finanzjarja urġenti u biss billi l-Kunsill jadotta l-operazzjoni tal-AMF).

    5.2L-AMF fil-qafas finanzjarju pluriennali ta’ bejn l-2021 u l-2027

    Hekk kif il-Viċinat u t-Tkabbir tal-UE jibqgħu esposti għal inċertezza ġeopolitika għolja u jkomplu jesperjenzaw instabbiltà ekonomika, aggravati ulterjorment mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-ħtieġa li l-UE tikkunsidra li tipprovdi AMF x’aktarx li tibqa’ għolja fis-snin li ġejjin. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju għal dan ikunu fis-seħħ.

    Is-self tal-AMF huwa garantit mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna li nħolqot mir-Regolament NDICI, b’rata ta’ proviżjonament ta’ 9 % kif kien il-każ taħt il-QFP preċedenti ( 13 ). Fid-dawl tal-ħtiġijiet straordinarji ta’ appoġġ mill-bidu tal-QFP u b’mod partikolari l-appoġġ imdaqqas tal-UE lill-Ukrajna permezz tal-AMF fl-2022, diġà ntuża ħafna mill-proviżjonament disponibbli. Il-Kaxxa 1 tipprovdi xi dettall dwar it-trattament baġitarju tal-appoġġ lill-Ukrajna fl-2022.

    1.Kaxxa – trattament baġitarju tal-appoġġ lill-Ukrajna fl-2022

    L-appoġġ finanzjarju tal-UE lill-Ukrajna b’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa evolva progressivament, u dan jirrifletti l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha. Dan l-approċċ gradwali rriżulta fil-forniment ta’ tliet operazzjonijiet tal-AMF fl-2022, bl-introduzzjoni ta’ diversi arranġamenti baġitarji eċċezzjonali ġodda meta mqabbla ma’ operazzjonijiet regolari tal-AMF.

    L-ewwel nett, l-AMF ta’ emerġenza lill-Ukrajna ta’ massimu ta’ EUR 1,2 biljun f’self, adottata fit-28 ta’ Frar 2022 segwiet ix-xejra regolari tal-operazzjonijiet tal-AMF, u ġiet ipproviżjonata għal 9 % tal-valur nominali tas-self, f’konformità mar-Regolament NDICI.

    It-tieni, fid-dawl tas-sitwazzjoni straordinarja fl-Ukrajna, jiġifieri li tiffinanzja l-ħtiġijiet ta’ finanzjament immedjat wara l-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja, ġie deċiż li s-self lill-Ukrajna taħt l-AMF eċċezzjonali (EUR 6 biljun f’żewġ operazzjonijiet ta’ biljun u 5 biljuni rispettivament), minħabba r-riskju ogħla tiegħu fil-kuntest tal-gwerra, ikun kopert għal 70 % tal-valur tiegħu ( 14 ). Minħabba d-disponibbiltà baġitarja limitata skont l-AMF, dan jissarraf f’dispożizzjonijiet imħallsa skont il-baġit tal-UE bir-rata ta’ proviżjonament tradizzjonali ta’ 9 % u garanziji nazzjonali bilaterali eżerċitabbli addizzjonali mill-Istati Membri għall-61 % tal-ammonti li jifdal.

    Fl-aħħar, minħabba l-persistenza u l-eskalazzjoni tal-gwerra, il-koleġiżlaturi adottaw appoġġ ulterjuri u aktar strutturat għas-sena 2023 ta’ EUR 18-il biljun f’self fil-forma ta’ AMF+ ġdida. Sabiex jiġi limitat l-effett ta’ esklużjoni tal-appoġġ imdaqqas lill-Ukrajna fuq operazzjonijiet tal-AMF futuri f’pajjiżi sħab oħra, ġie deċiż li r-riskji assoċjati ma’ dan is-self ikunu koperti b’mod differenti. B’mod aktar preċiż, l-obbligazzjoni finanzjarja korrispondenti hija ggarantita mill-marġni disponibbli taħt il-limitu massimu tar-“riżorsi proprji” (jiġifieri l-“marġni ta’ manuvra”). Dan huwa relatat mal-flessibbiltà mogħtija mill-fatt li r-riżorsi jistgħu jiġu mmobilizzati lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP u sal-limiti tal-limiti massimi tar-riżorsi proprji tal-UE. Dan l-arranġament jippermetti li s-self isir mingħajr il-proviżjonament li normalment jistipula r-Regolament NDICI.

    Għalhekk, l-iżviluppi reċenti ħallew vojt sinifikanti fil-baġit tal-AMF għal self minħabba d-daqs u n-natura tal-appoġġ lill-Ukrajna. Sa issa ntużaw aktar minn 60 % tal-baġit allokat biex ikopri l-proviżjonament ta’ self tal-AMF skont il-QFP attwali, sentejn biss wara d-dħul fis-seħħ tal-QFP attwali. Peress li l-AMF hija strument ta’ kriżi, il-ħtiġijiet ma humiex programmabbli u huma diffiċli li wieħed ibassarhom, iżda x’aktarx li jibqgħu mdaqqsa fil-kuntest attwali ta’ inċertezza ġeopolitika għolja u l-konsegwenzi ekonomiċi mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna li jżidu mal-iżbilanċi makrofiskali eżistenti f’ħafna pajjiżi sħab. Jidher importanti li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli sabiex it-talbiet eliġibbli jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati u possibbilment imwieġba b’mod favorevoli b’mod li jkun konsistenti bejn il-pajjiżi u maż-żmien.

    Il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna qed tiġi ġestita permezz tal-Fond ta’ Proviżjonament Komuni. Fil-kuntest tal-esponiment tal-UE għall-Ukrajna u r-reġjun, il-Kummissjoni bdiet valutazzjoni tar-riskji involuti.

    6Inħarsu ’l quddiem – l-operazzjonijiet tal-AMF u s-sitwazzjoni Baġitarja fl-2023 

    L-ekonomija tal-Moldova kienet affettwata ħafna mill-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja tal-Ukrajna, li kkontribwiet għal ħtiġijiet ta’ finanzjament ogħla, amplifikati aktar mill-kriżi tal-enerġija li għaddejja. Fid-dawl ta’ dan, l-awtoritajiet talbu aktar appoġġ internazzjonali. Għalhekk, fl-10 ta’ Novembru 2022, il-President tal-Kummissjoni ħabbar pakkett ta’ appoġġ finanzjarju addizzjonali għall-Moldova ta’ EUR 250 miljun, li għandu jitħallas parzjalment permezz tal-istrument tal-AMF. Fl-24 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni adottat proposta biex iżżid l-operazzjoni tal-AMF li għaddejja b’sa EUR 145 miljun, inkluż sa EUR 100 miljun f’self fuq termini preferenzjali u sa EUR 45 miljun f’għotjiet. Iż-żieda għandha titħallas f’żewġ pagamenti parzjali addizzjonali, previsti b’mod tentattiv għal Q3/Q4-2023, soġġetta għal kundizzjonijiet ta’ politika ġodda miżjuda mal-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) eżistenti. L-adozzjoni tal-proposta mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill saret f’Mejju 2023.

    Fis-6 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni adottat proposta biex tipprovdi AMF sa EUR 100 miljun lill-Maċedonja ta’ Fuq wara deterjorament fis-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-pajjiż mill-ewwel talba tiegħu f’April 2022. L-AMF hija mistennija li titħallas f’żewġ pagamenti parzjali, previsti b’mod tentattiv għal Q3-2023 u Q1-2024, rispettivament. Ir-rilaxx ta’ kull pagament parzjali se jkun jiddependi mill-progress li jkun qed isir bl-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ miżuri ta’ politika li għandhom jiġu miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet u elenkati f’MtQ, kif ukoll rekord sodisfaċenti fl-implimentazzjoni tal-programm tal-FMI mal-Bord Eżekuttiv tal-FMI li jadotta linja ta’ prekawzjoni u likwidità (PLL) ta’ 24 xahar għall-Maċedonja ta’ Fuq sa EUR 530 miljun fit-22 ta’ Novembru 2022. Il-proposta tal-AMF lill-Maċedonja ta’ Fuq ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’Ġunju 2023. 

    It-Tuneżija talbet assistenza makrofinanzjarja addizzjonali tal-UE ta’ EUR 1,2 biljun f’Novembru 2022 biex tappoġġa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha fil-kuntest ta’ rkupru ta’ wara l-pandemija bil-mod u l-konsegwenzi ekonomiċi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Dan segwa l-ftehim fil-livell tal-persunal milħuq mal-FMI għal Faċilità ta’ Fond Estiża ġdida (4 snin, USD 1,9 biljun) f’Ottubru 2022. Madankollu, il-FMI għadu ma adottax il-programm minħabba l-ħtieġa għal assigurazzjonijiet ta’ finanzjament addizzjonali u għat-tlestija ta’ azzjonijiet preċedenti. Minħabba l-kriżi li qed tikber, id-diskrepanza fil-finanzjament residwu estern tat-Tuneżija qed tikber u l-implimentazzjoni tar-riformi biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet tal-pajjiż saret saħansitra aktar urġenti. Abbażi ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-prekondizzjonijiet tal-AMF u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tat-Tuneżija, il-Kummissjoni qed tħejji proposta għal AMF ġdida li għandha tiġi adottata fl-2023 ladarba l-programm tal-FMI jkun fis-seħħ.

    Il-Kummissjoni tinsab lesta li tikkunsidra kwalunkwe talba oħra li għad trid tiġi għall-AMF, u jekk xieraq, se tipproponi operazzjonijiet tal-AMF ġodda u/jew ta’ segwitu għas-sħab eliġibbli.

    It-Tabella 1 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-impenji u l-pagamenti tal-għotjiet tal-AMF u tal-iżborż tas-self tal-AMF għall-2020, għall-2021, għall-2022 u (b’mod provviżorju) għall-2023.



    Tabella 1: Impenji u pagamenti għal għotjiet tal-AMF u żborżi ta’ self tal-AMF għal bejn l-2020 u l-2023 (EUR) 15  

    Approprjazzjonijiet ta’ impenn għal għotjiet fil-baġit

    2020

    20 000 000

    2021

    227 200

    2022

    30 114 460

    2023

    56 710 579

    Valutazzjonijiet operazzjonali, evalwazzjonijiet ex post

    Operazzjonijiet tal-AMF oħrajn possibbli

    Impenji, totali

    293 900

    -

    293 900

    227 200

    -

    227 200

    114 460

    30 000 000

    30 114 460

    350 000

    45 000 000

    45 350 000

    Allokazzjonijiet tal-baġit mhux impenjati

    19 706 100

    Għad irid jiġi deċiż

    Approprjazzjonijiet ta’ pagament għal għotjiet fil-baġit

    27 000 000

    362 400

    20 868 187

    55 350 000

    Valutazzjonijiet operazzjonali, evalwazzjonijiet ex post

    AMF Georgia III (mitmuma)

    AMF Moldova (mitmuma)

    AMF Moldova

    Operazzjonijiet tal-AMF oħrajn possibbli

    Pagamenti, totali

    284 600

    5 000 000

    10 000 000

    -

    -

    15 284 600

    362 400

    -

    -

    -

    -

    362 400

    -

    -

    -

    15 000 000

    -

    -

    350 000

    -

    -

    55 000 000

    -

    55 350 000

    Allokazzjonijiet mhux użati għal pagamenti ta’ għotjiet

    11 715 400

    5 868 187

    Żborżi ta’ self tal-AMF

    AMF Georgia III (mitmuma)

    AMF Moldova (mitmuma)

    AMF Ukrajna IV (mitmuma)

    AMF Ġordan II (mitmuma)

    AMF Ġordan III (mitmuma)

    AMF Tuneżija II (mitmuma)

    AMF Moldova

    AMF ta’ Emerġenza Ukrajna

    AMF eċċezzjonali l-Ukrajna

    Żieda fl-AMF lill-Moldova

    AMF+ Ukrajna

    Żborżi ta’ self tal-AMF, total

    20 000 000

    20 000 000

    500 000 000

    -

    100 000 000

    -

    -

    -

    -

    -

    -

    640 000 000

    -

    -

    -

    -

    200 000 000

    -

    -

    -

    -

    -

    -

    200 000 000

    -

    -

    -

    -

    -

    -

    35 000 000

    1 200 000 000

    6 000 000 000

    -

    -

    7 235 000 000

    -

    -

    -

    -

    200 000 000

    -

    35 000 000

    -

    -

    140 000 000

    18 000 000 000

    18 375 000 000

    Operazzjonijiet tal-AMF għall-COVID-19:

    AMF Georgia (parzjalment żborżata)

    AMF Moldova (mitmuma)

    AMF Ukrajna (mitmuma)

    AMF Ġordan (mitmuma)

    AMF Tuneżija (mitmuma)

    AMF Albanija (mitmuma)

    AMF Bożnija-Ħerzegovina (parzjalment żborżata)

    AMA Kosovo (mitmuma)

    AMF Montenegro (mitmuma)

    AMF Maċedonja ta’ Fuq (mitmuma)

    Żborżi ta’ self tal-AMF għall-COVID-19, total

    75 000 000

    50 000 000

    600 000 000

    150 000 000

    -

    -

    -

    50 000 000

    30 000 000

    80 000 000

    1 035 000 000

    -

    50 000 000

    600 000 000

    50 000 000

    300 000 000

    180 000 000

    125 000 000

    50 000 000

    30 000 000

    80 000 000

    1 465 000 000

    -

    -

    -

    -

    300 000 000

    -

    -

    -

    -

    -

    300 000 000

    -

    -

    -

    -

    -

    -

    -

    -

    -

    -

    -

    Żborżi ta’ self tal-AMF kollha, total

    1 675 000 000

    1 665 000 000

    7 535 000 000

    18 375 000 000

    (1)

     Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-informazzjoni disponibbli sa April 2023.

    (2)

    Il-bażi legali għall-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi mhux tal-UE għajr pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp hija l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Artikolu 213 tat-TFUE jista’ jintuża bħala bażi legali meta l-pajjiż terz ikun jirrikjedi assistenza finanzjarja urġenti.

    (3)

     L-AMF tikkomplementa wkoll azzjonijiet jew strumenti esterni oħrajn tal-UE għall-Viċinat u għall-Balkani tal-Punent, inkluż appoġġ baġitarju li għalih total ta’ EUR 1 384 miljun ta’ għotjiet ġew ipprovduti lir-reġjuni fl-2022. Ir-rapport dwar l-appoġġ għall-baġit l-aktar reċenti huwa disponibbli fuq: https://international-partnerships.ec.europa.eu/system/files/2022-10/budget-support-trends-and-results-2022_en.pdf

    (4)

     L-evalwazzjonijiet kollha huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/info/evaluation-reports-economic-and-financial-affairs-policies-and-spending-activities_en

    (5)

     COM(2023) 0016, final; Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Evaluation of Macro financial assistance to third countries (Meta-evaluation of operations for 2010-2020)”.

    (6)

    Id-Deċiżjoni (UE) 2022/313; Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201; Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1628; Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2463; Id-Deċiżjoni (UE) 2022/563; Id-Deċiżjoni (UE) 2020/701; Id-Deċiżjoni (UE) 2020/33.

    (7)

    Id-Deċiżjoni (UE) 2020/701 li tipprovdi EUR 3 biljun f’self tal-AMF lil 10 pajjiżi tat-tkabbir u tal-viċinat. 

    (8)

    Minn perspettiva baġitarja, in-novità ewlenija hija l-introduzzjoni ta’ rata ta’ kopertura ġenerali ta’ 70 % tas-self eċċezzjonali tal-AMF lill-Ukrajna, fejn ir-rata ta’ proviżjonament tradizzjonali ta’ 9 % skont il-baġit tal-UE tiżdied b’garanziji nazzjonali bilaterali għall-61 % tal-kopertura li jifdal.

    (9)

    Minn perspettiva baġitarja, in-novità ewlenija tal-istrument tal-AMF+ hija l-kopertura tal-iskoperturi tas-self tal-AMF+ mill-marġni tal-baġit tal-EUR, u b’hekk ma għandha l-ebda implikazzjoni immedjata għad-disponibbiltà li jifdal tal-allokazzjonijiet baġitarji fil-perjodu attwali tal-QFP.

    (10)

    L-evalwazzjonijiet kollha huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/info/evaluation-reports-economic-and-financial-affairs-policies-and-spending-activities_en

    (11)

     Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-deċiżjoni li tipprovdi assistenza makro-finanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja (Deċiżjoni (UE) 2013/778 tat-12 ta’ Awwissu 2013). Disponibbli fuq:  
    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32013D0778&from=MT  

    (12)

     Ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (Nru 03/2017) disponibbli fuq: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR17_3/SR_TUNISIA_MT.pdf .

    (13)

    L-istrument “Ewropa Globali” tal-NDICI daħal fis-seħħ f’Ġunju 2021, wara l-adozzjoni formali tiegħu mill-Kunsill u mill-Parlament. Għalhekk, filwaqt li r-Regolament għandu rwol importanti fl-istruttura baġitarja tal-AMF, l-istrument bħala tali jibqa’ separat mill-NDICI-Ewropa Globali, u l-operazzjonijiet speċifiċi tal-AMF għadhom jiġu attivati, kif meħtieġ, permezz ta’ deċiżjonijiet ad hoc separati abbażi tal-bażi ġuridika applikabbli tat-Trattat.

    (14)

    Ir-Regolament jinkludi wkoll klawżola ta’ rieżami tar-rata ta’ proviżjonament, kull 6 xhur, minħabba l-inċertezza eċċezzjonali b’konsegwenza tal-gwerra attwali.

    (15)

     It-tabella ma tqis l-ebda proposta għal operazzjonijiet ġodda tal-AMF wara April 2023.

    Top