Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0365

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 2015/2366/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern

    COM/2023/365 final

    Brussell, 28.6.2023

    COM(2023) 365 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

    LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW



    dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 2015/2366/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern


    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

    dwar ir-rieżami tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern

    Werrej

    1.    INTRODUZZJONI    

    2.    L-APPLIKAZZJONI U L-IMPATTI TAL-PSD2 B’MOD ĠENERALI    

    3.    ASPETTI SPEĊIFIĊI TAL-PSD2    

    3.1.    Servizzi bankarji miftuħa    

    3.2.    Kamp ta’ applikazzjoni    

    3.3.    Protezzjoni tal-konsumatur    

    3.4.    Is-sigurtà u l-prevenzjoni tal-frodi    

    3.5.    It-tneħħija tar-riskji u kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni    

    3.6.    Infurzar    

    3.7.    Kwistjonijiet oħra    

    4.    KONKLUŻJONIJIET    


    ABBREVJAZZJONIJIET

    AIS

    Servizz ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet

    AISP

    Fornitur ta’ servizz ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet

    API

    Interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet

    ASPSP

    Fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jġestixxi l-kont

    ATM

    Automated teller machine

    DORA

    Att dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali

    EBA

    Awtorità Bankarja Ewropea

    EDIW

    Kartiera tal-identità diġitali Ewropea

    ECB

    Bank Ċentrali Ewropew

    EEA

    Żona Ekonomika Ewropea

    EMD

    Direttiva dwar il-flus elettroniċi

    EMI

    Istituzzjoni tal-flus elettroniċi

    GDPR

    Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data 

    IBAN

    Numru internazzjonali tal-kont tal-bank

    IP

    Pagament istantanju

    MIT

    Tranżazzjoni mibdija min-negozjant

    MOTO

    Ordni bil-posta jew bit-telefown

    NCA

    Awtorità nazzjonali kompetenti

    OB

    Servizzi bankarji miftuħa

    OF

    Finanzi miftuħa

    PI

    Istituzzjoni ta’ pagament

    PISA

    Skemi u arranġamenti ta’ strumenti ta’ pagament

    POS

    Punt tal-bejgħ

    PSD2

    It-tieni Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas

    PSP

    Fornitur ta’ servizzi ta’ pagament

    PSU

    Utent ta’ servizzi ta’ pagament

    RPS

    Strateġija dwar il-pagamenti bl-imnut

    RTS

    Standard(s) tekniċi regolatorji

    SCA

    Awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur

    SEPA

    Żona unika ta’ pagamenti bl-euro

    SFD

    Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu

    TMM

    Mekkaniżmu/mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet

    TPP

    Fornitur terz

    TSP

    Fornitur ta’ servizz tekniku

    1.INTRODUZZJONI 

    It-tieni Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas (PSD2 1 ) tipprovdi qafas għall-pagamenti kollha bl-imnut fl-UE, bl-euro u mhux bl-euro, domestiċi u transfruntieri. L-ewwel Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas (PSD1 2 ), adottata fl-2007, stabbiliet qafas legali armonizzat għall-ħolqien ta’ suq integrat tal-pagamenti tal-UE. Filwaqt li tibni fuq il-PSD1, il-PSD2 indirizzat l-ostakli għal tipi ġodda ta’ servizzi ta’ pagament u tejbet il-livell ta’ protezzjoni u sigurtà tal-konsumatur. Il-klawżola ta’ rieżami tal-PSD2 (l-Artikolu 108, ara l-Appendiċi 1) kienet titlob li l-Kummissjoni tirrapporta dwar l-applikazzjoni u l-impatt tal-PSD2 sat-13 ta’ Jannar 2021, b’mod partikolari dwar l-imposti, l-ambitu, il-limiti u l-aċċess għal sistemi ta’ pagament. Ir-rieżami ma setax iseħħ sa dik id-data minħabba t-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva minn xi Stati Membri u d-dewmien fl-applikazzjoni ta’ xi wħud mir-regoli tagħha, bħal dwar l-Awtentikazzjoni Qawwija tal-Konsumatur (SCA, ara §3.4 ta’ hawn taħt) 3 . Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-PSD2 saret biss fl-2022 4 . Wara l-evalwazzjoni, u fid-dawl tal-Komunikazzjoni tagħha tal-2020 dwar Strateġija dwar il-Pagamenti bl-Imnut (RPS) għall-UE 5 , il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-PSD2. Dan ir-rapport ta’ rieżami jakkumpanja ż-żewġ proposti leġiżlattivi li jirrevedu l-PSD2 6 . 

    2.L-APPLIKAZZJONI U L-IMPATTI TAL-PSD2 B’MOD ĠENERALI

    Dawn l-aħħar snin raw ħafna bidliet fis-suq tas-servizzi ta’ pagament. Il-pagamenti elettroniċi fl-UE żdiedu b’mod kostanti, u laħqu EUR 240 triljun f’valur fl-2021 (meta mqabbla ma’ EUR 184,2 triljun fl-2017) 7 . Flimkien mal-użu dejjem akbar tal-kards, daħlu fis-suq fornituri ġodda bis-saħħa tat-teknoloġiji diġitali. Pereżempju, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament (PSPs) mhux bankarji bħall-istituzzjonijiet ta’ pagament (PIs) u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi (EMIs) issa huma preżenti b’mod wiesa’. Is-servizzi bankarji miftuħa, inklużi s-servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet u s-servizzi ta’ bidu ta’ pagament, żdiedu b’mod sinifikanti matul dan il-perjodu (ara §3.1 ta’ hawn taħt).

    Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-PSD2 jikkonkludi li l-PSD2 kellha gradi differenti ta’ suċċess biex tilħaq l-objettivi tagħha. Qasam wieħed ta’ impatt pożittiv ċar kien dak tal-prevenzjoni tal-frodi, permezz tal-introduzzjoni tal-SCA; għalkemm hija aktar diffiċli biex tiġi implimentata milli antiċipat, l-SCA diġà kellha impatt sinifikanti fit-tnaqqis tal-frodi. Il-PSD2 kienet ukoll partikolarment effettiva fir-rigward tal-għan tagħha li żżid l-effiċjenza, it-trasparenza u l-għażla tal-istrumenti ta’ pagament għall-utenti ta’ servizzi ta’ pagament. Madankollu, l-evalwazzjoni sabet li hemm limiti għall-effettività tal-PSD2 fil-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwi, b’mod partikolari l-iżbilanċ persistenti bejn il-PSPs bankarji u dawk mhux bankarji li jirriżulta min-nuqqas ta’ aċċess dirett minn dawn tal-aħħar għal ċerti sistemi ta’ pagament ewlenin. Minkejja l-ħolqien ta’ mijiet ta’ fornituri mhux bankarji ġodda li jaqdu lil miljuni ta’ klijenti, kien hemm suċċess imħallat fl-adozzjoni tas-servizzi bankarji miftuħa (OB) fl-UE, bi kwistjonijiet relatati mal-prestazzjoni tal-interfaċċi għall-aċċess għad-data għall-fornituri tas-servizzi OB. Filwaqt li l-forniment transfruntier ta’ servizzi ta’ pagament qed jiżdied, ħafna sistemi ta’ pagament (speċjalment sistemi ta’ kards ta’ debitu) għadhom fil-biċċa l-kbira nazzjonali. Għadha ma ħarġet l-ebda soluzzjoni ta’ pagament kompletament pan-Ewropea ġdida. L-Inizjattiva Ewropea għall-Pagamenti (EPI) 8 bħalissa qed tiżviluppa l-ewwel soluzzjoni ta’ pagament pan-Ewropea tagħha. It-tnaqqis antiċipat fil-kostijiet għan-negozjanti minn mezzi ġodda ta’ pagament orħos, pereżempju abbażi ta’ OB, għadu ma mmaterjalizzax kompletament. B’mod ġenerali, l-evalwazzjoni tikkonkludi li minkejja ċerti nuqqasijiet, il-qafas tal-PSD2 kurrenti ppermetta progress lejn l-objettivi tiegħu.

    Dawn il-kwistjonijiet u oħrajn huma ttrattati f’aktar dettall fit-taqsima 3 ta’ hawn taħt, li tinkludi l-kwistjonijiet enfasizzati fl-Artikolu 108 tal-PSD2 u tiġbor fil-qosor l-eżitu tar-rieżami tal-PSD2 b’mod aktar ġenerali.

    3.ASPETTI SPEĊIFIĊI TAL-PSD2

    3.1.Servizzi bankarji miftuħa

    Servizzi bankarji miftuħa (OB) huwa t-terminu mogħti lill-proċess li bih il-fornituri ta’ servizz ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet (AISPs) u l-fornituri ta’ servizz ta’ bidu ta’ pagament (PISPs), magħrufa b’mod kollettiv bħala fornituri terzi (TPPs), jipprovdu jew jiffaċilitaw servizzi rregolati mill-PSD2 lill-utenti abbażi tal-aċċess – fuq talba tal-utent – tad-data tal-kontijiet tagħhom miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jġestixxu l-kont (ASPSPs). Għalkemm is-servizzi bankarji miftuħa kienu jeżistu fl-UE qabel il-PSD2, it-TPPs kienu joperaw f’ambjent fil-biċċa l-kbira mhux regolat. Il-PSD2 tat lill-OB qafas regolatorju stabbli, b’salvagwardji għall-utenti. Din imponiet obbligu fuq l-ASPSPs biex jiffaċilitaw l-aċċess tat-TPP għad-data dwar il-pagamenti mingħajr ebda obbligu kuntrattwali obbligatorju, bl-objettiv li jiġi stimulat l-iżvilupp ta’ OB, filwaqt li tistabbilixxi miżuri biex jiġu pprovduti sigurtà u protezzjoni akbar lill-utenti.

    Filwaqt li xejra ta’ tkabbir fl-OB diġà setgħet tiġi osservata qabel il-PSD2, is-suq fis-servizzi tal-OB kompla jikber mill-2018. L-għadd ta’ TPPs u utenti tas-servizzi tal-OB fl-UE qed jiżdied, u laħaq kważi 19-il miljun utent fl-2021 9 . Il-qafas legali lleġittima l-aċċess regolat tat-TPPs għall-kontijiet ta’ pagament u s-sigurtà tal-utenti u tad-data tagħhom ġew żgurati. Madankollu, l-evalwazzjoni tal-PSD2 żvelat problemi rikorrenti fir-rigward tal-aċċess effettiv u effiċjenti mit-TPPs għad-data miżmuma mill-ASPSPs. It-TPPs għadhom jiffaċċjaw ostakli sostanzjali u ta’ spiss jirrapportaw li l-interfaċċi li ġew iddisinjati biex jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għad-data 10 jvarjaw fil-kwalità u fil-prestazzjoni. L-ASPSPs jirrapportaw kostijiet sinifikanti ta’ implimentazzjoni għall-iżvilupp tal-APIs 11 u jiddispjaċihom li l-qafas leġiżlattiv tal-PSD2 jżommhom milli jitolbu imposti mingħand it-TPP biex jiffaċilitaw l-aċċess għad-data tal-klijenti permezz tal-APIs. L-ASPSPs spiss jesprimu wkoll nuqqas ta’ sodisfazzjon bil-livell baxx ta’ użu tal-APIs tagħhom mit-TPPs u l-użu kontinwu minn xi TPPs tal-interfaċċa tal-klijenti tagħhom aktar milli tal-API.

    F’dan l-isfond, l-għażla li saret mill-Kummissjoni wara r-rieżami tal-PSD2 hija li jsiru għadd ta’ emendi mmirati għall-qafas tal-OB biex jittejjeb il-funzjonament tiegħu, iżda li jiġu evitati bidliet radikali li jistgħu jiddistabbilizzaw is-suq jew jiġġeneraw aktar kostijiet sinifikanti ta’ implimentazzjoni. Minkejja l-eżistenza ta’ standards differenti tal-API fl-UE 12 , il-Kummissjoni tqis li jkun preferibbli li ma tiġix imposta interfaċċa ġdida tal-UE għall-aċċess tad-data kompletament standardizzata. Dan jippreżenta xi vantaġġi ovvji f’termini ta’ aċċess għad-data mit-TPPs. Madankollu, l-adattament għal standard ġdid ikun pjuttost għali għas-suq kollu kemm hu. L-istandards tal-API tal-PSD2 stabbiliti fl-UE, filwaqt li għadhom jippreżentaw xi differenzi, ikkonverġew sostanzjalment maż-żmien. U wieħed miż-żewġ standards prinċipali tal-API jsostni li jammonta għal 80 % tal-APIs Ewropej tas-servizzi bankarji miftuħa 13 . Barra minn hekk, għalkemm jeżistu differenzi (spiss ikkawżati minn varjazzjonijiet minn ASPSPs individwali tal-istandards prinċipali), l-“aggregaturi” tal-API jipprovdu punt ta’ implimentazzjoni uniku, li jippermetti l-konnessjoni simultanja mit-TPPs ma’ għadd kbir ta’ APIs differenti. Għalhekk, il-Kummissjoni, fil-biċċa l-kbira appoġġata mis-suq, tqis li l-kostijiet tal-introduzzjoni ta’ standard uniku ġdid tal-API fl-UE ġeneralment jisbqu l-benefiċċji.

    Il-Kummissjoni lanqas ma tara l-merti li tbiddel ir-regola prestabbilita tal-PSD2 li tippermetti l-aċċess għad-data mit-TPPs mingħajr relazzjoni kuntrattwali obbligatorja u għalhekk mingħajr kumpens finanzjarju għall-ASPSPs. L-introduzzjoni ta’ bidla radikali bħal din fl-ekosistema tas-servizzi bankarji miftuħa tkun potenzjalment ta’ tfixkil kbir, mingħajr l-ebda garanzija li l-prestazzjoni tal-interfaċċi tittejjeb malajr u b’mod sinifikanti. Madankollu, is-suq għandu jkun liberu li jikkonkludi ftehimiet, akkumpanjati minn reġim ta’ kumpens, għal servizzi li jmorru lil hinn minn dawk regolati fil-PSD2 riveduta, 14 iżda għandu dejjem ikun possibbli għal kwalunkwe TPP li jibbenefika mis-servizzi “bażi” tal-PSD2 mingħajr ftehim kuntrattwali minn qabel jew impost. Min-naħa l-oħra, fl-atti li jirrevedu l-PSD2 se jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi ġodda għat-twettiq tal-interfaċċi dedikati, inkluż sett mhux eżawrjenti ta’ ostakli projbiti ta’ OB, biex jiġi żgurat li t-TPP ikollhom aċċess ottimali għad-data għall-benefiċċju sħiħ tal-klijenti tagħhom.

    Bħalissa, bil-PSD2, l-ASPSPs jeħtiġilhom iżommu - ħlief jekk jibbenefikaw minn eżenzjoni - żewġ interfaċċi tad-data tal-OB, interfaċċa prinċipali u “interfaċċa ta’ riżerva”. Madankollu, dan ir-reġim pjuttost kumpless għandu jiġi ssimplifikat: jekk l-ASPSPs joffru interfaċċi dedikati konformi li jipprovdu lit-TPPs id-data li jeħtieġu biex jaqdu lill-klijenti tagħhom, ma hemm l-ebda raġuni biex jitkompla dan ir-rekwiżit ta’ żewġ interfaċċi. L-ASPSPs għandhom pjuttost ikunu meħtieġa biss li jżommu b’mod permanenti interfaċċa waħda “dedikata” tal-OB 15 . Iżda t-tneħħija tal-interfaċċa ta’ riżerva permanenti, li ħafna TPPs għadhom jużaw ta’ spiss minħabba l-kwalità inferjuri ta’ ċerti APIs, trid tkun akkumpanjata b’mod essenzjali minn titjib sostanzjali tal-livell tal-prestazzjoni tal-interfaċċi u minn reġim ta’ infurzar robust. Dawn huma żewġ prerekwiżiti indispensabbli għas-simplifikazzjoni tas-sitwazzjoni kurrenti u għall-abbandun tar-rekwiżit li tinżamm interfaċċa “ta’ riżerva” permanenti. Madankollu, anke jekk ta’ kwalità għolja, l-APIs xi drabi jista’ jkollhom ħsara u t-TPPs jeħtiġilhom, f’dawn iċ-ċirkostanzi, jiġu offruti mezz biex tiġi ppreżervata l-kontinwità tal-operat permezz ta’ aċċess temporanju ta’ kontinġenza għad-data. Fl-aħħar nett, biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi fl-OB u jiġi ffaċilitat l-użu min-naħa tagħhom tas-servizzi tal-OB u biex tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur, il-banek u ASPSPs oħra se jkunu meħtieġa joffru lill-klijenti tagħhom li jagħmlu użu mis-servizzi tal-OB, għodda tal-IT (“dashboard”) li tippermettilhom jaraw mad-daqqa t’għajn x’drittijiet ta’ aċċess għad-data taw u lil min u, jekk jixtiequ, li jikkanċellaw l-aċċess tat-TPP għad-data tagħhom permezz ta’ din l-għodda.

    Flimkien maż-żewġ proposti li jirrevedu l-PSD2, il-Kummissjoni qed tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-aċċess għad-data dwar l-informazzjoni finanzjarja (FIDA), li testendi l-obbligu li jiġi pprovdut aċċess għad-data finanzjarja lil hinn mid-data tal-kont ta’ pagament (“Finanzi Miftuħa”). Il-Kummissjoni eżaminat il-possibbiltà li l-AISPs jiġu ttrasferiti mill-PSD għall-qafas futur tal-FIDA. Għalkemm trasferiment bħal dan fl-aħħar mill-aħħar jista’ jagħmel sens, minħabba n-natura tan-negozju tal-AISPs, ikun hemm riskju sinifikanti ta’ tfixkil u ta’ interruzzjonijiet tad-drittijiet tal-aċċess għad-data mill-AISPs jekk tali trasferiment kellu jsir b’mod prematur, jiġifieri qabel l-eżistenza ta’ “skema”, li se tkun prerekwiżit għall-Finanzi Miftuħa 16 . Bħalissa ma hemm l-ebda skema bħal din fis-suq tal-OB, għalkemm bħalissa l-parteċipanti fis-suq qed ifasslu waħda. Għalhekk, jitqies preferibbli mill-Kummissjoni li jkollha approċċ fi stadji u tipprevedi trasferiment bħal dan meta l-qafas tal-FIDA jkun kompletament operazzjonali u biss jekk u meta l-kundizzjonijiet għal trasferiment bla xkiel jitqiesu xierqa.

    3.2.Kamp ta’ applikazzjoni 17

    Ġew żviluppati mezzi ġodda ta’ pagament minn meta ġiet adottata l-PSD2, bħal pagamenti istantanji jew tokens tal-flus elettroniċi (EMTs, tip ta’ kriptoassi 18 ). Prodotti ġodda oħra huma l-portafolli elettroniċi (speċifikament “kartieri pass-through”) li jippermettu, permezz tat-tokenizzazzjoni, l-użu ta’ strument ta’ pagament permezz ta’ apparat mobbli biex isiru pagamenti online jew mingħajr kuntatt. Inħolqu wkoll servizzi ġodda li jiffaċilitaw il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament mingħajr ma huma stess ikunu servizzi ta’ pagament, bħal “buy-now-pay-later” jew “request-to-pay”.

    Ħafna fornituri ta’ servizzi ġodda bħal dawn huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-PSD2 bħala “fornituri ta’ servizzi tekniċi” (TSPs). Dawn jinkludu l-operaturi tas-sistema ta’ pagament u l-fornituri ta’ servizzi bħal proċessuri jew gateways tal-pagamenti li, għalkemm ma humiex PSPs infushom, jappoġġaw il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament minn PSPs regolati. Xi wħud minn dawn it-TSPs, bil-PSD2, kisbu rwol sinifikanti ħafna fil-katina tal-pagamenti u xi wħud minnhom, bħall-proċessuri tad-data dwar il-pagamenti l-kbar, saħansitra kisbu status kważi sistemiku f’xi Stati Membri. Din is-sitwazzjoni tista’ ovvjament tiġġenera riskji ġodda fix-xenarju tal-pagamenti tal-UE.

    F’dan l-isfond, l-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA) huwa rilevanti 19 . Il-PSPs skont it-tifsira tal-PSD2 huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-DORA li d-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw direttament għalihom. Madankollu, l-operaturi tas-sistema ta’ pagament, li bħalissa ma humiex soġġetti għal reġim ta’ liċenzjar skont il-PSD2 20 , jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-DORA peress li d-DORA tapplika biss għal entitajiet finanzjarji li huma regolati u ssorveljati skont il-leġiżlazzjoni tal-UE. Id-DORA tat mandat lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-rieżami tal-PSD2, biex tikkunsidra l-inklużjoni ta’ “operaturi ta’ sistemi ta’ pagament u entitajiet involuti f’attivitajiet ta’ pproċessar tal-pagamenti” fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-PSD2, li konsegwentement tippermetti l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-DORA 21 .

    Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li tali inklużjoni, f’dan l-istadju, tkun prematura. Ma hemm l-ebda fehma prevalenti dwar din il-kwistjoni fost il-partijiet ikkonċernati - kemm jekk privati kif ukoll jekk pubbliċi - ikkonsultati mill-Kummissjoni matul ir-rieżami tagħha tal-PSD2, u għadu ma ġie osservat l-ebda detriment jew riskju ċar għall-konsumaturi jew għal atturi oħra tas-suq. Ħafna mis-servizzi li bħalissa huma esklużi u l-fornituri tagħhom huma diġà - jew se jkunu dalwaqt - soġġetti għas-sorveljanza tal-Bank Ċentrali Ewropew/Eurosistema (abbażi tal-Artikolu 127§2 tat-Trattat). L-iskemi u l-hekk imsejħa “arranġamenti” (bħall-kartieri diġitali) huma koperti mill-qafas ta’ sorveljanza l-ġdid “PISA” tal-Eurosistema, li bħalissa qed jiġi introdott b’mod progressiv. Għalhekk ikun hemm riskju sinifikanti ta’ duplikazzjoni jekk jiżdied saff ġdid ta’ superviżjoni tal-UE mas-saff eżistenti tas-sorveljanza tal-BĊE/Eurosistema, mingħajr evidenza robusta tal-ħtieġa għalih. Barra minn hekk, il-loġika prinċipali tal-PSD2 hija li jiġu rregolati s-servizzi pprovduti lill-utenti finali (konsumaturi, negozjanti) u mhux is-servizzi relatati mal-operat tal-infrastrutturi ta’ pagament, lanqas servizzi li jappoġġaw l-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ pagament mingħajr ma jkunu servizzi ta’ pagament huma stess (pereżempju l-ipproċessar tad-data dwar il-pagamenti, l-operat ta’ terminals ta’ pagament, servizzi tal-cloud eċċ.) jew servizzi li jiffaċilitaw biss l-użu ta’ strument ta’ pagament, mingħajr ma jkun involut l-ebda servizz ta’ pagament regolat. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji għandha t-tendenza li tissepara kwistjonijiet relatati mal-konsumatur u r-regolamentazzjoni ta’ kwistjonijiet tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-infrastruttura f’biċċiet separati ta’ leġiżlazzjoni 22 .

    Madankollu, il-Kummissjoni hija konxja bis-sħiħ tal-importanza dejjem akbar ta’ dawn l-operaturi mhux taħt superviżjoni fil-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, u tar-riskji potenzjali li l-attivitajiet tagħhom jistgħu potenzjalment jikkawżaw għas-sistemi ta’ pagament u għall-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk, fi żmien 3 snin mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni riveduta, il-Kummissjoni se twettaq rieżami bir-reqqa, ibbażat fuq evidenza u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE/Eurosistema, li jivvaluta b’mod partikolari jekk huwiex meħtieġ reġim dedikat tal-UE għal-liċenzjar u s-superviżjoni għal xi wħud mill-entitajiet li s’issa kienu esklużi flimkien mar-reġim ta’ sorveljanza eżistenti. Dan il-perjodu ta’ żmien huwa meħtieġ sabiex tinġabar biżżejjed evidenza tal-implimentazzjoni.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-proposta ta’ reviżjoni tal-PSD2 tagħmel biss kjarifiki essenzjali dwar ir-regoli rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-PSD2 fejn bħalissa hemm ambigwitajiet, iżda mingħajr ma tintroduċi bidliet sinifikanti fil-kamp ta’ applikazzjoni eżistenti tal-PSD2.

    L-aċċess għall-flus kontanti huwa prijorità tal-Kummissjoni. Il-proposta l-ġdida tikkontribwixxi għal dan il-għan billi tiffaċilita l-aċċess għall-flus kontanti. Bħalissa, skont il-PSD2, bejjiegħ bl-imnut jista’ jipprovdi flus kontanti lil klijent mingħajr liċenzja ta’ PSP, iżda biss b’rabta ma’ xiri (“cashback”). Sabiex tkompli żżid l-aċċess għall-flus kontanti, il-Kummissjoni tipproponi li tippermetti lill-bejjiegħa bl-imnut joffru servizz ta’ forniment ta’ flus anke fin-nuqqas ta’ xiri minn klijent, mingħajr ma jkollhom jiksbu liċenzja ta’ PSP jew li jkunu aġent ta’ istituzzjoni ta’ pagament. Dan huwa assoċjat ma’ xi kundizzjonijiet, bħal limitu massimu ta’ EUR 50 23 għal kull ġbid ta’ flus u obbligu li tiġi żvelata kwalunkwe tariffa mitluba.

    Id-distribuzzjoni tal-flus kontanti permezz tal-ATMs b’mod ġenerali tirrikjedi liċenzja ta’ PSP, iżda hemm esklużjoni fil-PSD2 għal ċerti operaturi tal-ATMs mhux bankarji, b’kundizzjonijiet speċifiċi 24 . Din l-esklużjoni wriet li hija diffiċli biex tiġi applikata fil-prattika. Għalhekk qed jiġi propost li titneħħa l-esklużjoni, iżda li fil-kamp ta’ applikazzjoni jiġu inklużi l-operaturi tal-ATMs li ma joffrux kontijiet ta’ pagament b’reġim ta’ reġistrazzjoni eħfef u b’livell xieraq ta’ regolamentazzjoni (pereżempju, se tkun meħtieġa trasparenza dwar it-tariffi).

    3.3.Protezzjoni tal-konsumatur

    i.    Regoli dwar l-imposti 25  

    Il-PSD2 tippermetti lill-benefiċjarji jimponu imposti fuq il-pagaturi sabiex imexxuhom lejn l-użu ta’ strumenti ta’ pagament speċifiċi (l-hekk imsejħa “sovraimposti”). Madankollu, il-benefiċjarji ma jitħallewx jitolbu imposti għall-użu ta’ strumenti ta’ pagament li għalihom it-tariffi tal-interkambju huma regolati skont ir-Regolament dwar it-tariffi tal-interkambju 26 , jiġifieri għall-kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumatur maħruġa skont skemi ta’ kards b’erba’ partijiet, u għal dawk is-servizzi ta’ pagament li għalihom japplika r-Regolament dwar is-SEPA 27 , jiġifieri trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro. L-Istati Membri bħalissa jistgħu jipprojbixxu jew jillimitaw is-sovraimposti b’mod aktar wiesa’, għażla li ntużat f’aktar minn nofs l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tqis li ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġu allinjati jew immodifikati aktar il-prattiki tal-imposti bejn l-Istati Membri, peress li l-projbizzjoni tas-sovraimposti diġà tapplika għal 95 % tal-pagamenti fl-UE. Din il-konklużjoni hija appoġġata mill-biċċa l-kbira tar-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika. Madankollu, il-projbizzjoni tas-sovraimposti fil-PSD2 bħalissa ma testendix għat-trasferimenti ta’ kreditu u għad-debiti diretti denominati f’muniti tal-UE li ma humiex l-euro. Peress li ma hemm l-ebda raġuni ċara għal din ir-restrizzjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi li testendi l-projbizzjoni tas-sovraimposti għat-trasferimenti ta’ kreditu u d-debiti diretti kollha fil-muniti kollha.

    ii.    Regoli dwar it-tranżazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi 28  

    Il-PSD2 tapplika għal tranżazzjonijiet ta’ pagament fl-UE u minn u lejn pajjiżi terzi fi kwalunkwe munita (inklużi muniti mhux tal-UE); madankollu, id-dispożizzjonijiet tagħha huma limitati għal dawk il-partijiet ta’ tranżazzjoni li jitwettqu fl-UE. It-tariffi u t-trasparenza tat-tariffi għall-pagamenti intra-UE huma koperti mir-Regolament dwar il-pagamenti transfruntieri 29 , iżda dak ir-Regolament ma jkoprix tranżazzjonijiet ta’ rimessa u trasferimenti ta’ kreditu mill-UE lejn pajjiżi terzi. Meta tkun meħtieġa konverżjoni tal-munita, il-kostijiet relatati ma’ dan spiss ikunu sehem importanti mill-kostijiet totali. Għat-tranżazzjonijiet mill-UE lejn pajjiżi terzi, mingħajr trasparenza sħiħa dwar il-kostijiet u t-tariffi, huwa diffiċli għall-konsumaturi li jqabblu l-imposti ta’ fornituri differenti; konsegwentement, huma jistgħu jagħżlu fornitur li ma huwiex l-aktar adatt għall-ħtiġijiet tagħhom. Barra minn hekk, skont il-PSD2 kurrenti ma hemm l-ebda rekwiżit għall-PSPs li jagħtu lill-utent ta’ servizz ta’ pagament stima tal-ħin massimu ta’ eżekuzzjoni għal tali tranżazzjonijiet.

    Il-promozzjoni tal-kompetizzjoni u t-tnaqqis tat-tariffi għat-trasferimenti ta’ kreditu u għar-rimessi internazzjonali huma wieħed mill-objettivi tal-Pjan Direzzjonali tal-G20 dwar il-pagamenti transfruntieri 30 . Għalhekk, għat-trasferimenti ta’ kreditu u għar-rimessi ta’ flus mill-UE lejn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni qed tipproponi obbligu li tinforma lill-utent ta’ servizz ta’ pagament dwar l-imposti stmati għall-konverżjoni tal-munita, f’konformità mar-rekwiżiti kurrenti ta’ informazzjoni għat-tranżazzjonijiet intra-UE, kif ukoll iż-żmien stmat biex il-fondi jaslu għand il-fornitur ta’ servizz ta’ pagament tal-benefiċjarju f’pajjiż terz. Madankollu, il-Kummissjoni ma tipproponix li tistabbilixxi żmien massimu għall-eżekuzzjoni tat-trasferimenti ta’ kreditu u t-trasferimenti ta’ fondi mill-UE lejn pajjiżi terzi, peress li dan jiddependi parzjalment minn banek barra mill-UE li ma humiex soġġetti għar-regoli tal-UE.

    iii. Limiti relatati mal-esklużjoni tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi 31

    Il-PSD2 teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha t-tranżazzjonijiet ta’ pagament imwettqa minn fornitur ta’ network ta’ komunikazzjoni elettronika li jitwettqu minn apparat elettroniku jew permezz tiegħu, jew għax-xiri ta’ kontenut diġitali jew ta’ servizzi bbażati fuq il-vuċi (eż. ringtones, mużika u servizzi primjum tal-SMS), fejn it-tranżazzjoni tiġi imposta fuq il-kont tal-abbonat. Din l-esklużjoni hija limitata għal EUR 50 għal kull tranżazzjoni u EUR 300 fix-xahar. Fir-rieżami tagħha tal-PSD2, il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda kwistjoni relatata mal-livelli kurrenti tad-diversi limiti stabbiliti fil-PSD2. Fid-dawl tal-evidenza li rċeviet fir-rieżami tagħha, il-Kummissjoni ma hijiex qed tipproponi bidliet fil-limiti iżda se tkompli timmonitorja l-adegwatezza tagħhom.

    iv.    Regoli dwar l-imblukkar tal-fondi 32

    Meta kard tal-ħlas tintuża għall-ħlas ta’ ammont inċert (pereżempju f’pompa tal-petrol, f’lukanda jew għall-kiri ta’ karozza), il-fondi normalment jiġu mblukkati fuq il-kard mill-PSP tal-pagatur wara li jkun ingħata l-kunsens mill-pagatur. L-utent ma jkunx jista’ jonfoq il-fondi mblukkati sakemm ma dawn jiġu rilaxxati, u dan jista’ jikkawża diffikultajiet finanzjarji. L-evidenza turi li l-fondi mblukkati jistgħu jkunu sproporzjonati jew għoljin b’mod mhux raġonevoli meta mqabbla mal-ammont finali, meta jkun magħruf. Il-kwistjoni tal-ammonti eċċessivi mblukkati ma tistax tiġi solvuta bl-introduzzjoni ta’ limiti massimi, peress li sitwazzjonijiet differenti jistgħu jirrikjedu ammonti mblukkati differenti ħafna (xiri ta’ fjuwil, kiri ta’ karozza, soġġorn f’lukanda, eċċ.). Dan ġie rifless mill-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati fil-konsultazzjoni pubblika 33 . Kwistjoni relatata oħra tikkonċerna varjazzjonijiet fiż-żmien tar-rilaxx ta’ fondi mblukkati mhux użati, fejn, skont ir-rispons li wasal, jistgħu jgħaddu sa diversi ġimgħat biex jiġu rilaxxati jew saħansitra jirrikjedu talba espliċita mingħand il-pagatur. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni qed tipproponi bidliet biex tħaffef il-ħlas ta’ fondi mblukkati mhux użati u biex tirrikjedi li l-ammont imblukkat ikun proporzjonat mal-ammont finali mistenni, minflok ma tipproponi l-introduzzjoni ta’ ammonti massimi assoluti.

    3.4.Is-sigurtà u l-prevenzjoni tal-frodi

    Fil-qasam tal-frodi, l-innovazzjoni ewlenija tal-PSD2 kienet l-introduzzjoni tal-SCA. Dan jinvolvi żewġ fatturi ta’ awtentikazzjoni bbażati fuq l-għarfien (eż. password), il-pussess (bħal kard) jew l-inerenza (bħal marka tas-swaba’). Il-PSD2 tirrikjedi li l-PSPs japplikaw l-SCA meta l-pagatur jaċċessa kont ta’ pagament online, jibda tranżazzjoni ta’ pagament elettronika jew iwettaq kwalunkwe azzjoni permezz ta’ mezz remot li jista’ jimplika riskju ta’ frodi ta’ pagament jew abbużi oħra. L-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni turi li l-SCA diġà kellha suċċess kbir biex tnaqqas il-frodi. Pereżempju, fir-rigward ta’ pagamenti bil-kard mill-bogħod, it-tranżazzjonijiet awtentikati bl-SCA għandhom livell ta’ frodi ta’ bejn 70 u 80 % aktar baxx minn dawk li ma humiex 34 . Madankollu, l-introduzzjoni progressiva tal-SCA mis-suq kienet ta’ sfida, u kkawżat dewmien kbir għall-introduzzjoni sħiħa tagħha. Il-parteċipanti fis-suq jisħqu regolarment fuq il-kostijiet imġarrba mill-introduzzjoni tal-SCA 35 u ħafna jippreferu approċċ aktar ibbażat fuq l-iskop sabiex titnaqqas il-frizzjoni relatata mal-SCA fi tranżazzjonijiet elettroniċi. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-introduzzjoni tal-SCA setgħet kienet aktar faċli u ċertament setgħet tiġi antiċipata aħjar mis-suq, li fil-biċċa l-kbira ssottovaluta l-kumplessità u l-impatt ta’ din il-migrazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tbiddel l-approċċ tagħha dwar l-SCA, minħabba r-riżultati pożittivi ħafna li diġà kellha fuq il-livelli ta’ frodi u l-fatt li, sa issa u wara l-introduzzjoni progressiva tagħha, l-SCA saret familjari mal-biċċa l-kbira tal-utenti tagħha.

    L-introduzzjoni tal-SCA ppreżentat xi sfidi konkreti għal ħafna konsumaturi tal-UE, u affettwat il-possibbiltà tagħhom li jwettqu pagamenti elettroniċi. Il-Kummissjoni temmen li kulħadd għandu jkun kapaċi jwettaq l-SCA, irrispettivament mis-saħħa, l-età jew il-kundizzjoni tiegħu. Għalhekk, il-PSPs jeħtiġilhom ikollhom stabbiliti mezzi biex iwettqu l-SCA li taħseb għall-klijenti kollha tagħhom u mhux biss għal dawk li, pereżempju, ikollhom smartphone jew ikunu familjari mat-teknoloġija. Il-Kummissjoni se tirrikjedi lill-PSPs jiffaċilitaw l-użu tal-SCA minn, pereżempju, persuni b’diżabilità, persuni anzjani, u oħrajn li qed jesperjenzaw diffikultajiet bl-użu tal-SCA, f’konformità mal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà 36 .

    Minkejja s-suċċess tagħha, l-SCA ma tindirizzax it-tipi kollha ta’ frodi. Quddiem il-ħolqien ta’ tipi ġodda ta’ frodi, b’mod partikolari frodi relatata mas-“social engineering”, li biha l-frodaturi jimmanipulaw lill-vittmi tagħhom biex jiżvelaw il-kredenzjali tagħhom jew jibagħtu fondi lil benefiċjarju illeġittimu, li għalih l-SCA ftit li xejn ikollha effett, il-Kummissjoni tipproponi miżuri ġodda kemm fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi kif ukoll tar-rimedju 37 . Dawn jinkludu titjib fl-applikazzjoni tal-SCA (eż. kjarifiki ta’ meta tranżazzjoni tikkwalifika bħala tranżazzjoni mibdija min-negozjant jew ordni bil-posta jew bit-telefown), il-ħolqien ta’ bażi ġuridika għall-PSPs biex jaqsmu informazzjoni relatata mal-frodi b’rispett sħiħ tal-GDPR, kif mitlub b’mod universali mis-suq, obbligu mill-PSPs li jwettqu azzjonijiet edukattivi biex iżidu s-sensibilizzazzjoni tal-klijenti dwar il-frodi tal-pagamenti u estensjoni għat-trasferimenti ta’ kreditu kollha - mhux biss pagamenti istantanji - tas-servizzi ta’ verifika tal-IBAN/isem, li diġà wrew l-effiċjenza tagħhom kontra l-frodi u l-iżbalji f’dawk is-swieq fejn ġew introdotti 38 .

    Il-PSD2 introduċiet dritt ta’ rifużjoni għall-konsumaturi iżda biss fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ kreditu mhux awtorizzati, jiġifieri dawk fejn il-pagatur ma jkunx ta l-kunsens tiegħu għall-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni ta’ pagament. Madankollu, dan ma jkoprix it-tipi ta’ frodi li ħarġu sa mill-adozzjoni tagħha u li saru dejjem aktar mifruxa, bħall-frodi relatat mas-social engineering imsemmi hawn fuq. Filwaqt li l-applikazzjoni tal-SCA introdotta mill-PSD2 diġà wasslet għal tnaqqis sinifikanti fil-livell ta’ frodi relatata ma’ tranżazzjonijiet ta’ pagament mhux awtorizzati, hija fil-biċċa l-kbira ineffiċjenti fil-prevenzjoni ta’ dawn it-tipi ġodda ta’ frodi. Il-Kummissjoni tqis li, bis-social engineering, id-differenza bejn tranżazzjonijiet awtorizzati u mhux awtorizzati qed issir aktar mhux ċara u kumplessa biex tiġi applikata fil-prattika, filwaqt li twassal ukoll għal mistoqsijiet legali dwar jekk tranżazzjoni tistax titqies awtorizzata sempliċiment minħabba li twettqet l-SCA.

    Il-Kummissjoni temmen li kwalunkwe bidla fil-qafas tar-responsabbiltà tal-PSD2 għandha tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-frodi iżda mingħajr ma toħloq periklu morali ġdid, li dritt ġenerali ta’ rifużjoni jista’ joħloq, jew sempliċiment talloka mill-ġdid il-konsegwenzi finanzjarji tal-frodi. Għalhekk tipproponi li jiġu introdotti drittijiet ta’ rifużjoni addizzjonali għall-konsumaturi lil hinn minn tranżazzjonijiet mhux awtorizzati, iżda biss għal xi sitwazzjonijiet speċifiċi - u soġġetti għal xi kundizzjonijiet. Il-loġika segwita mill-Kummissjoni hija li meta, minħabba l-azzjonijiet jew in-nuqqas ta’ azzjonijiet tagħha, jingħata lok għar-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizz ta’ pagament, id-dritt ta’ rifużjoni jista’ jkun ġustifikat. Waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet hija fejn il-konsumatur sofra danni kkawżati minn nuqqas tas-servizz ta’ verifika tal-IBAN/isem. Sitwazzjoni oħra li fiha d-dritt ta’ rifużjoni jkun ġustifikat hija meta konsumatur ikun vittma ta’ frodi fejn il-frodatur jagħmilha ta’ impjegat tal-bank tal-konsumatur, pereżempju bl-użu tan-numru tat-telefown jew tal-indirizz tal-posta elettronika tal-bank (“frodi ta’ impustura”, jew “spoofing”). F’dan il-każ tal-aħħar, il-PSP, wara li jkollu l-kredenzjali u l-persunal tiegħu użurpati b’mod frawdolenti, jista’ jitqies ukoll bħala vittma, bħall-konsumatur. Madankollu, għadd dejjem akbar ta’ banek tal-Istati Membri, imħassba tassew mill-impatt ta’ tali frodi fuq ir-reputazzjoni tagħhom u fuq il-fiduċja tal-konsumaturi fis-sistema bankarja, qed jagħżlu dejjem aktar li jirrimborżaw tali tranżazzjonijiet frawdolenti ta’ “spoofing”. Xi deċiżjonijiet tal-qorti nazzjonali jidhru li jsegwu l-istess xejra. Madankollu, huwa indispensabbli li jkun hemm xi eċċezzjonijiet u salvagwardji għal tali drittijiet ta’ rifużjoni, b’mod partikolari fejn ikun hemm negliġenza serja mill-konsumatur jew fejn il-konsumatur ikun parti mill-iscam.

    Il-Kummissjoni tagħti importanza kbira lill-kwistjoni tal-frodi. Hija se tissorvelja mill-qrib l-evoluzzjoni tal-frodi tal-pagamenti, f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, u se tkun lesta, jekk ikun meħtieġ, li tipproponi aġġustamenti għall-qafas legali, inkluż dwar it-twessigħ ulterjuri tat-trasferiment tar-responsabbiltà. Il-Kummissjoni tistenna li kull attur fil-katina tal-pagamenti, privat jew pubbliku, regolat jew le, jagħmel il-parti sħiħa tiegħu fil-prevenzjoni tal-frodi. In-negozjanti, l-iskemi ta’ pagament, il-fornituri tas-servizzi tekniċi, l-operaturi tan-network mobbli, il-pjattaformi tal-internet u oħrajn għandhom jagħmlu bis-sħiħ il-parti tagħhom fl-isforz kollettiv flimkien mal-PSPs regolati, u f’xi sitwazzjonijiet jista’ wkoll jingħata lok għar-responsabbiltà tagħhom.

    3.5.It-tneħħija tar-riskji u kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni 39

    Il-PSPs mhux bankarji kibru fin-numru u fl-importanza sa mid-dħul fis-seħħ tal-PSD2. Għalkemm jistgħu joffru servizzi ta’ kont ta’ pagament, għall-kuntrarju tal-banek huma ma jistgħux isellfu u jeħtiġilhom jissalvagwardjaw il-fondi tal-klijenti ma’ bank kummerċjali sabiex jiksbu liċenzja. Għalhekk, il-PIs u l-EMIs jeħtieġ li jkollhom kont ma’ bank kummerċjali. Barra minn hekk, l-offerta ta’ servizzi ta’ pagament tirrikjedi aċċess għal infrastrutturi ta’ pagament ewlenin li jipproċessaw u jħallsu l-pagamenti.

    Il-problemi ta’ “tneħħija tar-riskji” mill-banek kummerċjali ltaqgħu magħhom il-PIs u l-EMIs, kif muri mill-EBA fl-Opinjoni tagħha ta’ Jannar 2022 40 . Fir-rigward tal-aċċess għall-kontijiet tal-bank kummerċjali, għalkemm il-banek huma meħtieġa mill-PSD2 li jispjegaw u jiġġustifikaw kwalunkwe rifjut li jagħtu aċċess għall-kont lil PI jew EMI, dawn spiss jagħtu spjegazzjonijiet pro forma superfiċjali biex jagħmlu dan, jew inkella jagħtu aċċess iżda sussegwentement jirrevokawh, u l-PSD2 ma tobbligahomx jispjegaw ir-raġuni għal dan. Dan jista’ jikkawża tfixkil kbir fl-attività tal-PIs u tal-EMIs.

    Barra minn hekk, id-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu (SFD 41 ), kif inhi, tipprevjeni l-aċċess minn PSPs mhux bankarji għal infrastrutturi ta’ pagament li ġew iddeżinjati mill-Istati Membri skont dik id-Direttiva, billi ma ssemmihomx bħala parteċipanti possibbli. Dan iġiegħel lill-PIs u lill-EMIs jibbażaw saħansitra aktar fuq il-banek kummerċjali, mhux biss għas-salvagwardja tal-fondi tal-klijenti iżda wkoll għall-eżekuzzjoni tal-pagamenti, bl-istabbiliment ta’ dipendenza strutturali tal-PSPs mhux bankarji fuq il-banek u kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni ddenunzjati minn bosta parteċipanti fis-suq.

    Għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi l-PSD2 fiha miżuri biex jiġu rrimedjati dawn in-nuqqasijiet u biex il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jsiru aktar ekwi. Ir-rekwiżiti fuq il-banek fir-rigward tas-servizzi tal-kontijiet bankarji lill-PSPs mhux bankarji se jkunu konsiderevolment imsaħħa, b’rekwiżit aktar b’saħħtu biex jiġi spjegat ir-rifjut, li jkopri wkoll, għall-kuntrarju tal-PSD2, l-irtirar tas-servizz. Il-banek ċentrali se jitħallew ukoll jipprovdu servizzi ta’ kont lil PSPs mhux bankarji, skont id-diskrezzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li temenda l-SFD biex tinkludi l-PIs 42 bħala parteċipanti possibbli f’sistemi ta’ pagament iddeżinjati. Ir-regoli ta’ pagament riveduti se jinkludu regoli msaħħa dwar l-ammissjoni tal-PIs bħala parteċipanti fis-sistemi ta’ pagament, b’valutazzjoni tar-riskju xierqa.

    3.6.Infurzar

    Huwa essenzjali infurzar adegwat biex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni armonizzati tar-regoli tal-PSD2. Il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni sħiħa jirrikjedi li l-Istati Membri ma jżommux jew ma jintroduċux dispożizzjonijiet għajr dawk stabbiliti fil-PSD2. Madankollu, ir-regoli tal-PSD2 huma interpretati u implimentati b’mod differenti mid-diversi partijiet ikkonċernati fis-suq tal-pagamenti, minkejja l-fatt li hemm gwida interpretattiva mhux vinkolanti disponibbli, fost l-oħrajn, fil-qafas tal-għodda għall-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet, fl-Opinjonijiet u fil-linji gwida tal-EBA 43 . Is-superviżjoni tal-PIs titwettaq skont linji nazzjonali bl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli fil-ġuriżdizzjoni tagħhom. Jeżistu kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni b’potenzjal ta’ arbitraġġ regolatorju fejn il-PSPs jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru li japplika r-regoli tal-PSD2 b’mod li jkun ta’ vantaġġ għalihom u minn hemm iwettqu servizzi transfruntieri lil Stati Membri oħra b’interpretazzjonijiet aktar stretti.

    F’dan l-isfond, huwa xieraq li jissaħħu s-setgħat ta’ infurzar tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, b’mod partikolari fil-qasam tal-penali, u li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-UE dwar il-pagamenti billi l-parti l-kbira tar-regoli fil-PSD2 jiġu ttrasformati f’Regolament applikabbli b’mod dirett.

    3.7.Kwistjonijiet oħra

    I.Istituzzjonijiet ta’ pagament iżgħar 44

    Il-PSD2 tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu l-PIs iżgħar soġġetti għal rekwiżiti superviżorji eħfef, dment li jiġu rispettati ċerti limiti rigward tranżazzjonijiet ta’ pagament eżegwiti 45 . Ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni sostanzjali relatata mal-livell kurrenti tal-limiti, u għalhekk ma hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex il-Kummissjoni tipproponi bidliet fil-limiti; madankollu, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu aġġornati l-limiti għall-inflazzjoni u li dan isir perjodikament fil-futur, bl-użu ta’ leġiżlazzjoni delegata. 

    II.Simplifikazzjoni: is-simplifikazzjoni mas-servizzi tal-flus elettroniċi

    It-tieni Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi (EMD2 46 ) fiha regoli dwar l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi (EMIs). Il-PSD2 fiha regoli dwar l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-PIs u tistabbilixxi drittijiet u obbligi u rekwiżiti ta’ trasparenza fir-relazzjoni bejn il-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ pagament (inklużi l-EMIs) u l-utenti ta’ servizzi ta’ pagament. Peress li t-tranżazzjonijiet ta’ pagament li jużaw il-flus elettroniċi diġà huma rregolati fil-biċċa l-kbira mill-PSD2, il-qafas legali applikabbli għall-EMIs u l-PIs diġà huwa raġonevolment konsistenti. Madankollu, ir-rekwiżiti tal-liċenzjar, b’mod partikolari l-kapital inizjali u l-kapital kontinwu, u xi kunċetti ewlenin li jirregolaw in-negozju tal-flus elettroniċi, bħall-ħruġ ta’ flus elettroniċi, id-distribuzzjoni tal-flus elettroniċi u l-kapaċità ta’ fidi, huma pjuttost distinti meta mqabbla mas-servizzi pprovduti mill-istituzzjonijiet ta’ pagament. L-awtoritajiet superviżorji esperjenzaw diffikultajiet prattiċi biex jiddelinjaw b’mod ċar iż-żewġ reġimi u biex jiddistingwu prodotti/servizzi tal-flus elettroniċi minn servizzi ta’ pagament offruti mill-PIs. Dan wassal għal tħassib dwar l-arbitraġġ regolatorju u kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, kif ukoll għal kwistjonijiet b’ċirkomvenzjoni possibbli tar-rekwiżiti tal-EMD2 fejn xi istituzzjonijiet li joħorġu flus elettroniċi, filwaqt li jieħdu vantaġġ mis-similarità bejn is-servizzi ta’ pagament u s-servizzi tal-flus elettroniċi, japplikaw għall-awtorizzazzjoni biss bħala istituzzjoni ta’ pagament.

    L-esperjenza miksuba issa hija biżżejjed biex jiġi konkluż li l-fużjoni taż-żewġ reġimi 47 hija xierqa, biex jingħaqdu flimkien f’biċċa leġiżlazzjoni waħda u jiġu armonizzati sa fejn ikun possibbli, filwaqt li xorta jibqa’ lok għall-ispeċifiċitajiet fejn ikun ġustifikat. Dan se jindirizza t-tħassib u l-isfidi fir-rigward tad-delineazzjoni taż-żewġ oqfsa legali, b’mod partikolari fl-istadju tal-liċenzjar. Barra minn hekk, dan se jiżgura livell ogħla ta’ armonizzazzjoni, simplifikazzjoni u applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti legali għall-PIs u l-EMIs, filwaqt li jipprevjeni l-arbitraġġ regolatorju, jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u qafas legali li jibqa’ validu fil-futur.

    4.KONKLUŻJONIJIET

    Fid-dawl tar-riżultati tar-rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-PSD2, il-Kummissjoni kkonkludiet, minn naħa waħda, li huma meħtieġa emendi mmirati u f’waqthom iżda, min-naħa l-oħra, li dawk l-emendi għandhom jirrappreżentaw evoluzzjoni iżda mhux rivoluzzjoni għall-qafas ta’ pagamenti tal-UE. F’ċerti oqsma – pereżempju l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni jew is-sovraimposti – ma nstabet l-ebda evidenza ta’ problemi li jiġġustifikaw bidliet kbar u immedjati, għalkemm dan se jinżamm taħt rieżami, speċjalment fir-rigward tal-operaturi tas-sistemi ta’ pagament fid-dawl tal-klawżola ta’ rieżami tad-DORA. F’oqsma oħra, pereżempju fis-servizzi bankarji miftuħa, meta jitqies il-legat li tirrappreżenta l-PSD2 u l-investimenti li diġà saru biex jiġu implimentati l-istandards tal-PSD2, u l-kostijiet li jkunu meħtieġa biex jinbidlu b’mod profond dawn ir-rekwiżiti, il-Kummissjoni tqis li huwa essenzjali li tiġi skartata kwalunkwe għażla assoċjata ma’ kostijiet sinifikanti ġodda ta’ implimentazzjoni u/jew eżiti inċerti.

    Ir-reviżjonijiet proposti għall-PSD2 jirrappreżentaw pakkett ta’ bidliet li se jtejbu l-funzjonament tas-suq tal-pagamenti tal-UE u jsaħħu sostanzjalment il-protezzjoni tal-konsumatur. Dawn il-bidliet huma kompletament konformi mal-objettivi tal-istrateġija tal-pagamenti bl-imnut tal-Kummissjoni u komplementari għal inizjattivi li għaddejjin bħall-proposta leġiżlattiva dwar il-pagamenti istantanji u l-proposta dwar “finanzi miftuħa” (FIDA) li l-Kummissjoni qed tipproponi wkoll mar-reviżjonijiet tagħha tal-PSD2.



    APPENDIĊI 1

    L-Artikolu 108 tad-Direttiva (UE) 2015/2366

    Klawżola ta’ reviżjoni

    “Il-Kummissjoni għandha, sat-13 ta’ Jannar 2021, tippreżenta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-BĊE u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni u l-impatt ta’ din id-Direttiva, u b’mod partikolari dwar:

    (a) l-adegwatezza u l-impatt tar-regoli dwar l-imposti kif stabbilit fl-Artikolu 62(3), (4) u (5);

    (b) l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) u (4), inkluża valutazzjoni ta’ jekk it-Titolu III u IV jistgħux, fejn ikun teknikament fattibbli, jiġu applikati b’mod sħiħ għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament imsemmijin f’dawk il-paragrafi;

    (c) l-aċċess għas-sistemi ta’ pagament, partikolarment f’rabta mal-livell ta’ kompetizzjoni;

    (d) l-adegwatezza u l-impatt tal-limiti massimi għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament imsemmijin fil-punt (l) tal-Artikolu 3;

    (e) l-adegwatezza u l-impatt tal-limiti massimi għall-eżenzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 32(1);

    (f) jekk, meta wieħed iqis l-iżviluppi, ikun aħjar, biex jiġu kkomplementati d-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 75 dwar tranżazzjonijiet ta’ pagament fejn l-ammont ma jkunx magħruf minn qabel u l-fondi jkunu mblukkati, li jiġu introdotti limiti massimi għall-ammonti li għandhom jiġu mblukkati għall-pagament tal-pagatur f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

    Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta leġiżlattiva flimkien mar-rapport tagħha.”



    APPENDIĊI 2

    L-Artikolu 58(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554 (DORA)

    “Fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva (UE) 2015/2366, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa għal aktar reżiljenza ċibernetika ta’ sistemi ta’ pagament u attivitajiet ta’ pproċessar ta’ pagamenti u l-adegwatezza li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal operaturi ta’ sistemi ta’ pagament u entitajiet involuti f’attivitajiet ta’ pproċessar ta’ pagamenti. Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, bħala parti mir-rieżami tad-Direttiva (UE) 2015/2366, rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard minn sas-17 ta’ Lulju 2023.

    Abbażi ta’ dak ir-rapport ta’ rieżami, u wara konsultazzjoni mal-ESAs, il-BĊE u l-BERS, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta, fejn xieraq u bħala parti mill-proposta leġiżlattiva li tista’ tadotta skont l-Artikolu 108, it-tieni paragrafu, tad-Direttiva (UE) 2015/2366, proposta biex tiżgura li l-operaturi kollha ta’ sistemi ta’ pagament u entitajiet involuti f’attivitajiet ta’ pproċessar ta’ pagamenti jkunu soġġetti għal sorveljanza xierqa, filwaqt li titqies is-sorveljanza eżistenti mill-bank ċentrali.”

    (1)

    Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern.

    (2)

    Id-Direttiva 2007/64/KE tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern.

    (3)

    Il-biċċa l-kbira tar-regoli fil-PSD2 ilhom applikabbli minn Jannar 2018, iżda dawk dwar l-SCA ilhom japplikaw biss minn Settembru 2019.

    (4)

    Ir-Rapport ta’ Evalwazzjoni jista’ jinstab fl-Anness 5 tal-Valutazzjoni tal-Impatt, SWD 2023/231 final. L-evalwazzjoni kienet parzjalment ibbażata fuq rapport minn kuntrattur, VVA/CEPS, li huwa disponibbli f’ dan il-link .

    (5)

      COM/2020/592 final , tal-24 ta’ Settembru 2020.

    (6)

    COM (2023) 366 final u COM(2023) 367 final.

    (7)

    BĊE, Statistical Data Warehouse, Payments Statistics Report , Lulju 2022.

    (8)

    Ara https://www.epicompany.eu/.

    (9)

    Ċifra mir-riċerka ta’ Juniper, imsemmija minn Statista . Ma hemm l-ebda statistika uffiċjali dwar is-servizzi bankarji miftuħa fl-UE.

    (10)

    Normalment l-APIs, peress li l-maġġoranza l-kbira tal-ASPSPs għażlu API bħala interfaċċa għas-servizzi bankarji miftuħa.

    (11)

    Skont rapport mill-kuntrattur tal-Kummissjoni VVA/CEPS, aktar minn EUR 2 biljun f’kostijiet ta’ implimentazzjoni ta’ darba.

    (12)

    Essenzjalment hemm żewġ standards prinċipali tal-API tal-PSD2 fl-UE (l-istandard tal-“Grupp ta’ Berlin” u l-istandard “STET”).

    (13)

      STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA - Il-Grupp ta’ Berlin qed joffri appoġġ lil skemi ta’ pagament Ewropej ġodda (berlin-group.org)

    (14)

    Bħal pereżempju l-Iskema ta’ Aċċess għall-Kontijiet ta’ Pagament tas-SEPA li bħalissa qiegħda tiġi diskussa mis-suq. Aċċess għall-Kontijiet ta’ Pagament tas-SEPA | Kunsill Ewropew tal-Pagamenti  

    (15)

    Ħlief meta, minħabba raġunijiet ta’ proporzjonalità, l-awtorità superviżorja tagħhom tagħtihom eżenzjoni milli jkollhom interfaċċa dedikata fid-dawl tal-mudell tan-negozju tagħhom.

    (16)

    Ara l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha (l-Att dwar id-Data), COM(2022) 68 final tat-23 ta’ Frar 2022.

    (17)

    Din it-taqsima twieġeb għall-Artikolu 58(2) tad-DORA; ara l-Appendiċi 2.

    (18)

    Dawn huma rregolati, flimkien ma’ kriptoassi oħrajn li ma humiex adatti għall-użu bħala mezz ta’ pagament, fir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi (MiCA).

    (19)

    Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju.

    (20)

    Madankollu, artikolu wieħed tal-PSD2, l-Artikolu 35, jimponi rekwiżiti fuq l-operaturi tas-sistema ta’ pagament.

    (21)

    L-Artikolu 58(2) tad-DORA. Ara l-Appendiċi 2.

    (22)

    Pereżempju, il-MiFID (id-Direttiva 2014/65/UE tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji) u r-Regolament dwar Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (ir-Regolament (UE) Nru 909/2014) fil-qasam tat-titoli.

    (23)

    B’mod partikolari sabiex tiġi ppreżervata l-kompetizzjoni ġusta mal-ATMs u sabiex jiġi evitat li l-ħwienet jispiċċaw malajr mingħajr flus kontanti.

    (24)

    L-Artikolu 3(o) tal-PSD2.

    (25)

    Din it-taqsima twieġeb għall-Artikolu 108(a) tal-PSD2; ara l-Appendiċi 1.

    (26)

    Ir-Regolament (UE) 2015/751 tad-29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-tranżazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard.

    (27)

    Ir-Regolament (UE) 260/2012 tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro.

    (28)

    Din it-taqsima twieġeb għall-Artikolu 108(b) tal-PSD2; ara l-Appendiċi 1. “Pajjiżi terzi” għandhom jinftiehmu bħala pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea.

    (29)

    Ir-Regolament (UE) 2021/1230, li fih obbligi ta’ trasparenza għall-ammont totali stmat u l-imposti ta’ konverżjoni tal-munita applikabbli.

    (30)

      https://www.fsb.org/wp-content/uploads/P131021-1.pdf .

    (31)

    Din it-taqsima twieġeb għall-Artikolu 108(d) tal-PSD2; ara l-Appendiċi 1.

    (32)

    Din it-taqsima twieġeb għall-Artikolu 108(f) tal-PSD2; ara l-Appendiċi 1.

    (33)

    It-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika huma disponibbli fuq din il-link .

    (34)

    L-Awtorità Bankarja Ewropea, Dokument ta’ diskussjoni dwar l-osservazzjonijiet preliminari tal-EBA dwar data magħżula dwar il-frodi fil-pagamenti skont il-PSD2, kif irrapportat mill-industrija, EBA/DP/2022/01, 17 ta’ Jannar 2022.

    (35)

    Skont rapport mill-kuntrattur VVA/CEPS, aktar minn EUR 5 biljun f’kostijiet ta’ implimentazzjoni ta’ darba, iżda paċuti bi tnaqqis annwali fil-frodi ta’ kważi EUR 1 biljun fis-sena.

    (36)

    Id-Direttiva 2019/882 tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi.

    (37)

    Is-servizzi tal-Kummissjoni stmaw il-valur tal-frodi relatat mas-social engineering għal EUR 323 miljun fis-sena, abbażi tad-data tal-EBA. Ara l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-pagamenti istantanji, SWD(2022)546 final.

    (38)

    Tali servizzi, li jeżistu fil-livell domestiku f’ċerti Stati Membri, iwissu lil pagatur qabel ma jiġi ffinalizzat pagament bi kwalunkwe diskrepanza bejn in-numru tal-kont (IBAN) u l-isem tal-benefiċjarju. Diġà qed jiġi propost obbligu fuq il-PSPs li joffru sistema bħal din (iżda biss għal trasferimenti ta’ kreditu istantanji fl-euro) mill-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar pagamenti istantanji (COM(2022) 546 final tas-26 ta’ Ottubru 2022).

    (39)

    Din it-taqsima twieġeb għall-Artikolu 108(c) tal-PSD2; ara l-Appendiċi 1.

    (40)

      EBA Opinion and annexed report on de-risking.pdf (europa.eu)

    (41)

    Id-Direttiva 98/26/KE tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli, kif emendata.

    (42)

    Mhux l-EMI billi l-istatus ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi se jiġi kkombinat ma’ dak ta’ istituzzjoni ta’ pagament fil-qafas futur; ara §3.7(ii) hawn taħt.

    (43)

      Single Rulebook Q&A | L-Awtorità Bankarja Ewropea (europa.eu)

    (44)

    Din it-taqsima twieġeb għall-Artikolu 108(e) tal-PSD2; ara l-Appendiċi 1.

    (45)

    L-Artikolu 108(e) flimkien mal-Artikolu 32 tal-PSD2.

    (46)

    Id-Direttiva 2009/110/KE tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, kif emendata.

    (47)

    Ara r- rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tad-Direttiva 2009/110/KE , b’mod partikolari dwar l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti prudenzjali għall-Istituzzjonijiet tal-Flus Elettroniċi.

    Top