EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0336

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal- Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021 – 2027

COM/2023/336 final

Brussell, 20.6.2023

COM(2023) 336 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-


















Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021 – 2027






























{SWD(2023) 336 final}


1.INTRODUZZJONI

Mill-2020, l-Unjoni ffaċċjat sensiela ta’ sfidi mingħajr preċedent u mhux mistennija. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u n-NextGenerationEU pprovdew rispons qawwi għall-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tagħha. Huma ppermettew lill-Unjoni tirkupra malajr mill-kriżi, u qed jagħmlu l-Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti, filwaqt li jindirizzaw l-inugwaljanzi u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Madankollu, hekk kif l-UE għada kemm ħarġet minn waħda mill-aktar kriżijiet ekonomiċi globali profondi f’aktar minn seklu, hi qed tiffaċċja kriżi kbira oħra: bl-invażjoni brutali tal-Ukrajna mir-Russja, tfaċċaw sfidi addizzjonali ġodda u mhux mistennija, bħall-kriżi tal-enerġija. Fil-limiti tiegħu, il-baġit tal-UE ta spinta għal rispons b’saħħtu tal-UE, billi ħa mill-flessibbiltajiet inkorporati limitati tiegħu. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi multipli wassal ir-riżorsi tal-baġit tal-UE sal-punt ta’ eżawriment.

Il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ġabet il-gwerra lura fit-territorju Ewropew b’effett devastanti. L-Unjoni se tkompli tappoġġa lill-Ukrajna sakemm hemm bżonn u se tgħin bis-sħiħ lill-Ukrajna fil-perkors Ewropew tagħha. L-ewwel u qabel kollox il-gwerra kellha effett devastanti fuq l-Ukrajna u l-poplu tagħha, iżda kellha wkoll riperkussjonijiet kbar għall-Ewropa u għall-pajjiżi terzi, min-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna sal-kriżijiet tal-enerġija u tal-ikel. Il-gwerra kienet teħtieġ ukoll mobilizzazzjoni massiva ta’ assistenza umanitarja, li jeħtieġ li tinżamm, kif ukoll appoġġ għall-produzzjoni agroalimentari u l-protezzjoni ċivili f’pajjiżi terzi. L-Ukrajna se jkollha bżonn ta’ appoġġ sostenibbli għal għajnuna u rkupru fuq terminu qasir kif ukoll rikostruzzjoni fit-tul.

Il-migrazzjoni rpiljat wara l-pandemija, u poġġiet pressjoni fuq il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza u integrazzjoni tal-Istati Membri. L-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, it-titjib tal-ġestjoni tal-fruntieri, u ż-żamma ta’ sħubijiet effettivi fil-qasam tal-migrazzjoni ma’ pajjiżi terzi – kemm jekk pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, kif ukoll dawk li jospitaw għadd kbir ta’ refuġjati – se jeħtieġu appoġġ finanzjarju addizzjonali. Barra minn hekk, fir-rigward kemm tad-dimensjoni interna kif ukoll dik esterna tal-migrazzjoni, l-Approċċ Ġenerali maqbul mill-Kunsill fit-8 ta’ Ġunju 2023 dwar l-elementi ewlenin tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ssodisfati r-responsabbiltajiet il-ġodda li se jassumu l-Unjoni u l-Istati Membri, u l-ispejjeż li dawn jimplikaw.

Iż-żieda fl-instabbiltà ġeopolitika, il-kriżijiet u d-diżastri naturali – lil hinn mill-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna, u intensifikati mit-tibdil fil-klima – qed ikollhom impatt drammatiku fuq il-pajjiżi fil-viċinat tal-UE u fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw globalment, filwaqt li jżidu l-ħtieġa għal għajnuna ta’ emerġenza u appoġġ umanitarju.

Huwa meħtieġ investiment sinifikanti biex titrawwem il-kompetittività fit-tul. L-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni doppja tal-Ewropa tipprovdi l-opportunità għall-Unjoni biex terġa’ tikseb tmexxija f’setturi ewlenin permezz ta’ investiment pubbliku u privat intelliġenti f’setturi strateġiċi, filwaqt li tippreserva kondizzjonijiet ekwivalenti fis-suq uniku u għalhekk il-koeżjoni. Dan huwa importanti wkoll fl-isfond tad-dipendenzi strateġiċi attwali, it-tibdil demografiku li għaddej bħalissa u biex jiġi żgurat aċċess affordabbli għall-enerġija.

Mill-2022, l-UE u ekonomiji ewlenin oħra raw żieda qawwija fl-inflazzjoni, l-ogħla f’aktar minn 40 sena, aggravata mill-ostakli fil-fażi ta’ rkupru ta’ wara l-pandemija u l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. B’riżultat ta’ dan, il-banek ċentrali fid-dinja ssikkaw il-politika monetarja. Ir-rati tal-imgħax fuq is-swieq kapitali internazzjonali żdiedu b’pass bla preċedent. Ir-rata tal-imgħax tal-Bonds tal-UE fuq 10 snin żdiedet minn madwar żero fiż-żmien tal-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal aktar minn 3% f’inqas minn sena. Din il-volatilità taffettwa b’mod dirett u qawwi l-baġit tal-UE.

Il-kompiti numerużi addizzjonali mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-UE mill-bidu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, flimkien ma’ inflazzjoni għolja, qed ipoġġu l-amministrazzjoni tal-UE taħt pressjoni. Filwaqt li jagħmlu sforzi eċċezzjonali biex jipprijoritizzaw mill-ġdid u jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, l-istituzzjonijiet tal-UE issa għandhom diffikultajiet biex jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom mingħajr żieda korrispondenti fil-persunal.

Din il-Komunikazzjoni tipproponi t-triq ’il quddiem biex jiġi pprovdut l-aktar finanzjament essenzjali biex ikunu jistgħu jitwettqu l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet kondiviżi tal-Unjoni. Ċertament ma tindirizzax jew tissuġġerixxi l-korrezzjoni tal-impatt sħiħ li d-diversi kriżijiet kellhom fuq il-baġit tal-UE, iżda tiffoka fuq l-aktar oqsma urġenti, fejn aġġustament huwa inevitabbli biex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista’ twettaq il-ħtiġijiet u l-objettivi komuni tagħha f’ambjent globali kompletament ġdid.

2.IL-BAĠIT TAĦT PRESSJONI

Filwaqt li n-natura pluriennali tal-baġit tal-UE tipprovdi stabbiltà u prevedibbiltà, hu għandu kapaċità limitata biex jirrispondi għal avvenimenti kbar mhux mistennija, u l-flessibbiltajiet tiegħu qed jonqsu. 90 % tal-baġit tal-UE u tan-NextGenerationEU diġà huma allokati minn qabel għal skopijiet, programmi jew programmi nazzjonali speċifiċi. 75 % tal-marġnijiet inizjali mhux allokati għall-perjodu 20212027 (li kienu biss EUR 5.5 biljun, jew 0.45 % tan-nefqa totali) diġà ntużaw jew ġew allokati biex jadattaw għal ħtiġijiet ġodda u jirrispondu għal kriżijiet mhux mistennija. L-Istrument ta’ Flessibbiltà, li jipprovdi xi flessibbiltà addizzjonali limitata lil hinn mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal madwar EUR 1 biljun fis-sena, intuża kompletament. Dan idgħajjef il-kapaċità tal-Unjoni li tindirizza l-aktar emerġenzi urġenti, li tipprovdi appoġġ biex tingħata spinta lill-kompetittività fit-tul tal-Ewropa f’oqsma kritiċi, biex iżżomm u ssaħħaħ il-mudell soċjali Ewropew uniku, biex ma nsemmux il-kapaċità li tirreaġixxi għal sfidi ġodda li huma mistennija li jinqalgħu fl-erba’ snin li ġejjin minħabba l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku volatili.

L-użu estensiv ta’ riallokazzjonijiet u riprogrammazzjoni, minbarra l-flessibbiltajiet baġitarji eżistenti, kien meħtieġ biex jiġu indirizzati l-isfidi mhux previsti. Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni ġew mobilizzati b’mod estensiv biex jappoġġaw lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna kif ukoll lill-Istati Membri ospitanti bil-pakketti tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa u tal-Assistenza Flessibbli għat-Territorji (CARE u FAST-CARE). L-emendi għall-programmi 20142020 u 20212027 taffew il-pressjoni baġitarja fuq l-Istati Membri u ppermettew użu aktar rapidu u aktar flessibbli tal-finanzjament disponibbli. REPowerEU, li għandu l-għan li jtemm id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi u jindirizza l-kriżi klimatika, huwa ffinanzjat fil-biċċa l-kbira tiegħu mir-riallokazzjoni u l-adattament għal skop ġdid ta’ fondi oħra 1 . Il-Programm għal Konnettività Sigura, li jirrispondi għat-theddid ibridu u ċibernetiku li qed jiżdied kif ukoll għad-diżastri naturali, irċieva finanzjament minn diversi programmi tal-UE li jikkondividu objettivi simili ma’ din l-inizjattiva 2 kif ukoll marġnijiet baġitarji mhux allokati. L-Att propost b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon (ASAP) biex tiġi ffaċilitata ż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-munizzjon fl-UE huwa ffinanzjat b’riallokazzjonijiet ta’ EUR 260 miljun mill-Fond Ewropew għad-Difiża għall-2024 u ta’ EUR 240 miljun inizjalment previsti għat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Att dwar l-Akkwist Komuni (EDIRPA) fl-20232024. L-Att dwar iċ-Ċipep huwa ffinanzjat permezz tal-marġni tal-Intestatura 1 u riallokazzjonijiet minn programmi oħra jew il-fergħat tagħhom. Barra minn hekk, ir-Riżerva ta’ sfidi u l-prijoritajiet emerġenti tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali ntużat b’mod estensiv – EUR 7.4 biljun minn EUR 9.3 biljun – biex tipprovdi appoġġ għall-vaċċini kontra l-COVID-19 globalment, l-Ukrajna (inkluż il-proviżjonament tas-self tal-AMF), ir-refuġjati Sirjani fit-Turkija, fost l-oħrajn. Possibbiltajiet ulterjuri ta’ riallokazzjoni jew riprijoritizzazzjoni huma għalhekk estremament limitati.

Quddiem din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni ma tara l-ebda alternattiva biex tiżgura li l-UE tkun tista’ twettaq l-objettivi kollha tagħha, urġenti u tradizzjonali, sa tmiem l-2027, ħlief li tipproponi reviżjoni mmirata tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 20212027.

3.Aġġustament immirat u bbilanċjat tal-BAĠIT biex iwieġeb għal sfidi ġodda 

Appoġġ sod u fit-tul lill-Ukrajna permezz tal-Faċilità l-ġdida għall-Ukrajna

L-UE tinsab totalment mal-Ukrajna biex tappoġġa r-reżistenza tagħha kontra l-invażjoni tar-Russja u biex tibni l-futur Ewropew tal-Ukrajna flimkien. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 20212027 ma tfassalx biex jindirizza l-konsegwenzi diretti u indiretti ta’ gwerra fit-territorju tal-Ewropa u dawn l-avvenimenti u l-ħtiġijiet drammatiċi ma setgħux jiġu antiċipati. Madankollu, sa Ġunju 2023, il-baġit tal-UE kien immobilizza EUR 30.5 biljun biex jappoġġa lill-Ukrajna. Dan jinkludi l-istrument ġdid ta’ Assistenza Makrofinanzjarja Plus li se jipprovdi sa EUR 18-il biljun fl-2023 garantiti mill-baġit tal-UE. 

Barra minn hekk, diversi programmi eżistenti ngħataw skop ġdid biex jappoġġaw lill-Ukrajna u jindirizzaw il-konsegwenzi tal-gwerra. Pereżempju, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li issa hija assoċjata magħha l-Ukrajna, tagħmel provvediment għall-korsiji ta’ solidarjetà tal-UE – li huma essenzjali biex l-ekonomija tal-Ukrajna tinżamm marbuta mas-suq uniku u mal-bqija tad-dinja – u l-mobbiltà militari. Ġew mobilizzati fondi reġjonali biex jgħinu lill-Istati Membri jappoġġaw lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra jew jindirizzaw il-prezzijiet għoljin tal-enerġija li rriżultaw, b’ammont totali ta’ EUR 17-il biljun. Il-Fondi għall-Affarijiet Interni tal-UE ngħataw aktar flessibbiltà biex jiffaċilitaw l-użu tal-fondi 20142020 li ma ntefqux. Saru disponibbli EUR 400 miljun għall-Istati Membri l-aktar esposti permezz tal-Fond għall-Ġestjoni tal-Ażil u l-Integrazzjoni u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi, biex jassistu fl-ewwel akkoljenza u l-integrazzjoni bikrija tal-Ukreni li jidħlu fl-UE. Il-programm Erasmus+ qed jikkontribwixxi wkoll biex jappoġġa lill-poplu Ukren, inklużi ħafna tfal u żgħażagħ, b’tisħiħ ta’ EUR 100 miljun addizzjonali fl-2023 biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

Qed jingħata appoġġ addizzjonali barra mill-baġit tal-UE, b’EUR 5.6 biljun ta’ assistenza militari taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) li għadha kif twaqqfet. L-EPF kienet għodda ewlenija biex tappoġġa l-awtodifiża tal-Ukrajna.

Meħud flimkien, l-appoġġ sħiħ immobilizzat mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha jammonta għal EUR 70 biljun.

Mill-bidu tal-gwerra, l-Unjoni imponiet ukoll sanzjonijiet bla preċedent kontra r-Russja, u żiedet ma’ dawk imposti mill-UE wara l-annessjoni illegali tal-Krimea f’Marzu 2014. Għaddejja ħidma dwar l-użu possibbli ta’ assi ffriżati biex jiġu appoġġati l-irkupru u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.

L-Unjoni Ewropea hija impenjata li żżomm sod u bis-sħiħ mal-Ukrajna u li tkompli tipprovdi appoġġ politiku, ekonomiku, militari, finanzjarju u umanitarju b’saħħtu lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha għal kemm hemm bżonn żmien. Il-finanzjament huwa meħtieġ għall-ħtiġijiet immedjati tal-Ukrajna, għall-irkupru u għar-rikostruzzjoni fit-tul. L-istrument ta’ Assistenza Makrofinanzjarja Plus ikopri biss l-2023 u jista’ jiffinanzja biss il-ħtiġijiet baġitarji immedjati l-aktar urġenti. Hu la jista’ jkopri l-oqsma kollha li l-Unjoni impenjat ruħha li tappoġġa, u lanqas jipprovdi appoġġ fit-tul għal irkupru rapidu. Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tilqa’ l-isfida billi tikkonferma l-appoġġ lill-Ukrajna fuq bażi pluriennali. 

L-appoġġ għall-irkupru rapidu tal-Ukrajna għandu jimxi ’l quddiem hekk kif tevolvi s-sitwazzjoni. Is-sostenn tal-attività ekonomika u l-bini mill-ġdid tal-infrastruttura bażika jiġġeneraw l-impjiegi u d-dħul, jagħtu lir-refuġjati perspettiva li jirritornaw id-dar u jnaqqsu l-volum ta’ assistenza internazzjonali meħtieġa. Skont l-istimi tal-Fond Monetarju Internazzjonali 3 , id-distakk finanzjarju tal-Ukrajna jammonta għal USD 81.6 biljun għall-2024 – 2027. Barra minn hekk, f’Marzu 2023, il-Bank Dinji flimkien mal-Gvern Ukren, il-Kummissjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti ppreżentaw il-valutazzjoni aġġornata tad-danni li tkopri sena sħiħa tal-aggressjoni Russa mhux provokata kontra l-Ukrajna. Il-valutazzjoni sabet li l-ħtiġijiet kumplessivi stmati ta’ rikostruzzjoni tal-Ukrajna matul l-10 snin li ġejjin jammontaw għal EUR 384 biljun, u għal EUR 142 biljun għall-perjodu 2023-2027. Il-programm tal-Fond Monetarju Internazzjonali konkluż fil-31 ta’ Marzu se jkopri USD 10.2 biljun minn dawn il-ħtiġijiet flimkien mal-pakkett ta’ appoġġ ta’ 5 snin tan-Norveġja ta’ EUR 7 biljun.

L-Unjoni hija determinata li tipprovdi impenn strutturat ma’ donaturi internazzjonali oħra, b’mod partikolari permezz tal-Pjattaforma ta’ Koordinazzjoni tad-Donaturi b’Diversi Aġenziji, u sħubija pluriennali mal-Ukrajna li tgħin lill-pajjiż fit-triq tar-riforma u l-adeżjoni tiegħu mal-UE. Dan għandu jippermetti lill-Ukrajna tkopri l-ħtiġijiet finanzjarji l-aktar immedjati tagħha u tiffoka fuq ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt, l-integrazzjoni gradwali fis-suq uniku, u ġestjoni finanzjarja soda (inklużi miżuri kontra l-korruzzjoni u kontra l-frodi). Dan jista’ jipprovdi lill-Ukrajna bil-possibbiltà li tagħmel progress filwaqt li tibni mill-ġdid, trawwem it-tranżizzjoni lejn ekonomija reżiljenti, newtrali għall-kliema, diġitali u inklużiva, issaħħaħ id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza fl-Ukrajna.

Hija meħtieġa soluzzjoni sostenibbli biex l-Ukrajna tiġi appoġġata għall-bqija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali. Jeħtieġ li l-Unjoni tgħaqqad l-impenn qawwi tagħha mal-flessibbiltà biex tadatta għas-sitwazzjoni li qed tevolvi. L-appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna għandu għalhekk jinkludi taħlita flessibbli ta’ self u għotjiet. Is-self iffinanzjat permezz ta’ self u ggarantit mill-baġit tal-UE, bħal fil-każ tal-istrument ta’ Assistenza Makrofinanzjarja Plus, se jkollu rwol ewlieni biex tiġi żgurata l-likwidità lill-gvern Ukren. L-UE tista’ toffri li tkopri r-rati tal-imgħax fuq dan is-self. Fl-istess ħin, sehem xieraq mill-għotjiet se jappoġġa s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Ukrajna u jiffinanzja miżuri ta’ investiment jew assistenza teknika speċifiċi.

L-appoġġ kontinwu tal-UE jrid jipprovdi wkoll fiduċja lis-settur privat Ewropew u Ukren biex jinvesti fl-Ukrajna u r-rikostruzzjoni tagħha. Maż-żmien, hekk kif jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-involviment tas-settur privat, għandu jiġi pprovdut appoġġ permezz ta’ garanziji, b’kontribuzzjonijiet addizzjonali minn Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, biex jitneħħa r-riskju tal-investimenti tas-settur privat u jiżdied l-ingranaġġ tal-fondi tal-UE. Jenħtieġ li dan jiżgura l-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-ktajjen tal-provvista Ewropej u fis-suq uniku, għall-benefiċċju reċiproku taċ-ċittadini u tan-negozji tal-UE u tal-Ukrajna.

Biex taqdi l-ħtiġijiet immedjati, l-irkupru u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta’ strument integrat u flessibbli b’kapaċità globali sa EUR 50 biljun għall-2024 – 2027. L-appoġġ se jingħata fil-forma ta’ self, għotjiet u garanziji. Dan se jiżgura finanzjament stabbli u prevedibbli filwaqt li jipprovdi qafas xieraq li jiżgura l-prijoritizzazzjoni tar-riformi u l-investimenti mirfuda minn Pjan tal-Ukrajna, is-sostenibbiltà tal-finanzi tal-Ukrajna, kif ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-UE. L-appoġġ mhux ripagabbli se jiġi ffinanzjat permezz ta’ Riżerva għall-Ukrajna, li tipprovdi riżorsi lill-Faċilità tal-Ukrajna fuq bażi annwali lil hinn mil-limiti massimi tan-nefqa. L-appoġġ għas-self se jiġi ffinanzjat permezz ta’ self fis-swieq finanzjarji u appoġġat mill-marġni ta’ manuvra bejn il-limiti massimi tar-riżorsi proprji u n-nefqa tal-baġit tal-UE. Dan l-approċċ flessibbli huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-pajjiż sal-2027.

Il-ġestjoni tal-migrazzjoni, it-tisħiħ tas-sħubijiet ma’ pajjiżi terzi ewlenin u l-indirizzar tal-emerġenzi

Il-baġit tal-UE qed jikkontribwixxi għal approċċ komprensiv, li jiġbor flimkien il-politika fl-oqsma tal-migrazzjoni, l-ażil, l-integrazzjoni, ir-ritorn u l-ġestjoni tal-fruntieri, filwaqt li jirrikonoxxi r-rabta tad-dimensjonijiet interni u esterni tal-migrazzjoni kif ukoll il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-konsegwenzi globali tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna, bħas-sigurtà tal-ikel u t-theddid ibridu. Fir-rigward tad-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni, l-Unjoni Ewropea se tkompli tapprofondixxi l-kooperazzjoni bħala parti minn sħubijiet komprensivi, ibbilanċjati u mfassla apposta ma’ pajjiżi ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu. Filwaqt li l-isfidi tal-finanzjament jippreżentaw ruħhom kullimkien, is-sitwazzjoni hija partikolarment ta’ sfida fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar u fit-Turkija. Il-ħtiġijiet rigward ir-refuġjati Sirjani fit-Turkija u fir-reġjun usa’ mhumiex qed jonqsu u jistgħu jiżdiedu saħansitra aktar meta jitqiesu l-isfidi addizzjonali wara t-terremoti reċenti. Għall-2024 – 2027, il-ħtiġijiet fir-reġjun kollu huma fil-biċċa l-kbira magħrufa. Se jinqalgħu wkoll ħtiġijiet addizzjonali wara l-għeluq tal-Fond Fiduċjarju għall-Afrika, peress li hemm aspettattiva dejjem tikber dwar il-preservazzjoni ta’ mill-inqas l-istess livelli ta’ finanzjament għar-rotta tan-Nofsinhar tal-Mediterran (EUR 208 miljun fis-sena), li l-Kummissjoni kienet impenjat ruħha għalihom ukoll. Dan huwa punt ta’ aktar attenzjoni wara l-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Frar 2023, li enfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu r-ritorni billi tiġi intensifikata l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu u jiġu koperti r-rotot migratorji kollha, “anke b’riżorsi adegwati”, inkluż taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali.

Fir-rigward tad-dimensjoni interna tal-ġestjoni tal-migrazzjoni kif ukoll tal-ġestjoni tal-fruntieri, l-għajnuna lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw il-pressjoni migratorja dejjem tiżdied u l-implimentazzjoni tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil se jeħtieġu finanzjament addizzjonali. Dan huwa b’mod partikolari l-każ għall-proċedura tal-iskrinjar u tal-fruntieri, għall-kapaċità ta’ akkoljenza, għaż-żieda fir-rilokazzjonijiet u għar-ritorni. Fir-rigward tal-Patt, qed isir progress tajjeb, bil-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimmiraw li jadottaw il-proposti leġiżlattivi sa Frar 2024 4 u għadd ta’ files diġà miftiehma. Il-bidliet proposti fil-proċess leġiżlattiv żiedu l-ħtiġijiet meta mqabbla mal-istimi oriġinali. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fejn jidħlu l-istabbiliment u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ta’ akkoljenza, iż-żieda fir-ritorni u r-rilokazzjonijiet. Illum, l-ammonti disponibbli għall-prijoritajiet eżistenti u biex jiġi ospitat għadd dejjem akbar ta’ refuġjati huma diġà allokati. F’dak ir-rigward, 30% tal-fondi fil-qasam ta’ politika tal-Migrazzjoni 5 huma implimentati taħt il-Faċilitajiet Tematiċi, li fil-prinċipju jipprovdu ċerta flessibbiltà. Madankollu, il-Faċilitajiet Tematiċi qed jintużaw b’pass mgħaġġel biex jindirizzaw l-emerġenzi u jappoġġaw lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw pressjoni eċċezzjonali, bħall-kriżi fl-Afganistan jew il-kriżi orkestrata mir-reġim tal-Belarussja, u dan l-aħħar qed jospitaw il-miljuni ta’ persuni li qed jaħarbu mill-gwerra Russa fl-Ukrajna. Għalhekk, dawn il-fondi ma jistgħux jiġu allokati għall-implimentazzjoni tal-Patt.

Iż-żieda fl-instabbiltà ekonomika u politika globali qed iżżid il-ħtiġijiet globali, iżda l-baġit tal-UE kif inhu ma jistax jibqa’ jipprovdi bis-sħiħ ir-rispons meħtieġ tal-Unjoni għall-kriżijiet f’pajjiżi terzi. Lil hinn mill-impatt tagħha fuq l-Ukrajna, il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja taffettwa wkoll lill-pajjiżi ġirien bħall-Moldova, pajjiż kandidat tal-UE li se jkun jeħtieġ appoġġ addizzjonali 6 . Barra minn hekk, kriżijiet kbar fil-Jemen, is-Sudan u l-Afganistan, u l-kriżi globali tal-ikel li rriżultat u l-instabbiltà li qed tiżdied fl-Afrika sub-Saħarjana u f’partijiet oħra tad-dinja għamlu l-ħtieġa għall-assistenza u l-għajnuna umanitarja tal-UE saħansitra aktar akuta milli seta’ kien previst.

Il-programm ta’ Għajnuna Umanitarja kellu jserraħ fuq rinforzi baġitarji sinifikanti mir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza, wara r-riallokazzjonijiet u l-użu tal-marġini ġew sfruttati bis-sħiħ. F’għadd ta’ kriżijiet fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika b’mod partikolari, l-organizzazzjonijiet umanitarji diġà qed japplikaw tnaqqis fir-razzjonijiet u fil-programmi. Il-marġni mhux allokat li jifdal fl-Intestatura 6 (Viċinat u d-dinja) huwa bħala medja ta’ EUR 83 miljun fis-sena fl-2024 – 2027. Id-disponibbiltajiet limitati li fadal fil-Fond ta’ Proviżjonament Komuni għall-provvediment ta’ self addizzjonali ta’ Assistenza Makrofinanzjarja – b’mod partikolari l-aħbar reċenti ta’ self tal-Assistenza Makrofinanzjarja ta’ EUR 900 miljun lit-Tuneżija – jimplikaw li se jkun hemm ftit li xejn lok għal miżuri ulterjuri ta’ dan it-tip taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali, jekk ikun hemm il-ħtieġa. Barra minn hekk, madwar 80 % tad-disponibbiltà għall-2021 – 2027 tar-Riżerva ta’ sfidi u prijoritajiet emerġenti tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali diġà ntużat jew ġiet allokata biex tipprovdi appoġġ b’rispons għal firxa wiesgħa ta’ ħtiġijiet. Dan iġib fix-xejn ir-raġunament tar-riżerva li kienet maħsuba biex tipprovdi riżerva flessibbli biex twieġeb għal ħtiġijiet mhux mistennija.

B’mod parallel, u fid-dawl tax-xenarju ġeopolitiku mibdul huwa saħansitra aktar kruċjali li nżidu l-appoġġ lis-sħab tagħna tal-Balkani tal-Punent, li naċċelleraw il-konverġenza mal-Istati Membri tal-UE u li nimmiraw li nappoġġaw soċjetajiet demokratiċi stabbli, prosperi u li jiffunzjonaw tajjeb fi triqithom lejn is-sħubija mal-UE.

Ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza qed tgħin biex jiġu indirizzati diżastri naturali kbar jew kriżijiet tas-saħħa pubblika kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, iżda dan kien ferm ’il bogħod milli jkun biżżejjed biex jissodisfa t-talbiet kollha sa mill-bidu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali. Fl-2021 u l-2022 l-allokazzjoni ġiet eżawrita kompletament biex jiġu indirizzati avvenimenti kbar mhux previsti, inklużi diżastri naturali (eż. għargħar, nirien fil-foresti, terremoti) u t-talbiet riċevuti kienu ferm ogħla mid-disponibbiltà tal-baġit ta’ EUR 1.2 biljun (fi prezzijiet tal-2018) fis-sena. B’riżultat ta’ dan, mhux il-ħtiġijiet kollha setgħu jiġu ssodisfati. Diġà hu mistenni li lejn nofs l-2023, ir-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza ta’ din is-sena tkun intużat totalment minħabba t-terremoti fit-Turkija u s-Sirja, u għalhekk ma jkun fadal xejn iktar għal mobilizzazzjonijiet addizzjonali sal-aħħar tas-sena.

Sabiex tipprovdi finanzjament suffiċjenti biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġestjoni tal-isfidi urġenti relatati mal-migrazzjoni u l-fruntieri kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil ladarba jiġi adottat, il-Kummissjoni tipproponi li żżid il-limitu massimu tal-intestatura 4 b’EUR 2 biljun.

Sabiex l-Unjoni tkun tista’ tipprovdi l-ħtiġijiet assoluti f’kuntest ta’ tensjoni ġeopolitika straordinarja, il-Kummissjoni tipproponi li l-limitu massimu tal-Intestatura 6 jiżdied b’EUR 10.5 biljun addizzjonali.

Il-kapaċità tal-Unjoni li tindirizza l-kriżijiet u s-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza għandha bżonn tissaħħaħ. Jenħtieġ li r-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza tiżdied b’EUR 2.5 biljun fis-sena.

Il-promozzjoni tal-kompetittività fit-tul fit-teknoloġiji kritiċi permezz ta’ Pjattaforma għat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa

It-tisħiħ tal-kompetittività u t-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi tal-ekonomija Ewropea permezz tat-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali kienu l-boxxla tal-UE matul l-aħħar snin. Bin-NextGenerationEU, il-programm ewlieni ta’ rkupru ekonomiku tal-UE, fis-sajf tal-2021 l-UE kienet diġà għalqet id-distakk mal-livelli tal-output ta’ qabel il-pandemija. Il-fondi diretti lejn it-trasformazzjoni doppja ekoloġika u diġitali jagħmlu l-ekonomija aktar kompetittiva filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. L-isforzi bla preċedent mill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw riformi kruċjali qed jagħmlu lill-UE aktar reżiljenti. Jenħtieġ li l-isforzi f’din id-direzzjoni ikomplu, biex l-UE tkun tista’ tibqa’ fuq quddiem nett biex tindirizza l-isfidi eżistenti u emerġenti, inklużi d-dipendenzi strateġiċi f’setturi ewlenin. Barra minn hekk, it-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali kienu fil-qalba tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali: 30 % tal-EUR 2 triljun tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021 – 2027 u l-programm ta’ rkupru NextGenerationEU qed jintefqu fuq politiki dwar il-klima u aktar minn 20 % tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija ddedikata għall-politiki diġitali. Il-politika ta’ koeżjoni tikkontribwixxi b’EUR 110 biljun għat-tranżizzjoni klimatika u EUR 37 biljun għat-tranżizzjoni diġitali. Barra minn hekk, il-Programm Ewropa Diġitali jappoġġa t-twassil tat-teknoloġija diġitali lin-negozji, liċ-ċittadini u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi. Il-baġit tal-UE huwa wkoll l-għodda aħħarija tal-UE biex tirfed azzjoni komuni fil-livell tal-UE, tippreserva l-integrità tas-Suq Uniku, tiżgura ekonomiji ta’ skala, effettività, konverġenza, solidarjetà u tgħaddi messaġġ politiku ċar li l-UE tinsab flimkien quddiem l-isfidi.

L-industrija tal-UE wriet ukoll ir-reżiljenza intrinsika tagħha iżda qed tiġi sfidata minn inflazzjoni għolja, nuqqas ta’ ħaddiema, interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista, żieda fir-rati tal-imgħax, u żidiet qawwija fil-kostijiet tal-enerġija u fil-prezzijiet tal-input. Dan huwa akkumpanjat minn kompetizzjoni qawwija, iżda mhux dejjem ġusta, f’suq globali frammentat. Filwaqt li l-finanzjament tal-UE spiss ikun iffukat fuq l-użu ta’ teknoloġija nadifa, bijoteknika u diġitali u profonda, is-sħab globali tagħna qed jiffukaw dejjem aktar fuq l-appoġġ tal-manifattura ta’ dawn it-teknoloġiji, bħal fl-Istati Uniti bl-Att reċenti dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni u aktar qabel minn hekk fiċ-Ċina.

L-adozzjoni u l-espansjoni tal-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji strateġiċi fl-Unjoni se jkunu essenzjali biex jinħatfu l-opportunitajiet u jintlaħqu l-objettivi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u b’hekk jissaħħu s-sovranità u s-sigurtà ekonomika Ewropea. Għalhekk hija meħtieġa azzjoni immedjata biex tappoġġa l-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji strateġiċi fl-Unjoni, b’mod partikolari ta’ teknoloġiji kritiċi tat-teknoloġija nadifa, bijoteknika u diġitali u profonda. Is-salvagwardja, it-tisħiħ u l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur ġodda u b’hekk it-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni jenħtieġ li jgawdu minn appoġġ akbar. Kif muri mill-pandemija tal-COVID-19, ktajjen tal-valur globali kumplessi għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti bħall-farmaċewtiċi jistgħu jirriżultaw f’nuqqas ta’ oġġetti essenzjali. Jeħtieġ ukoll li l-Unjoni tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet f’dawk is-setturi strateġiċi, filwaqt li tattira ħaddiema addizzjonali permezz ta’ impjiegi ta’ kwalità, taħriġ u apprendistati.

L-UE diġà ressqet diversi inizjattivi biex tappoġġa l-industrija tagħha. Il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku se jfittex li jtejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-Ewropa b’emissjonijiet żero netti, jappoġġa t-tranżizzjoni rapida għan-newtralità klimatika u joħloq impjiegi ta’ kwalità. Hu se jipprovdi ambjent li joffri aktar appoġġ għaż-żieda fil-kapaċità tal-manifattura tal-UE fit-teknoloġija nadifa. Il-pjan huwa bbażat fuq erba’ pilastri: ambjent regolatorju prevedibbli u simplifikat, li jħaffef l-aċċess għall-finanzi, itejjeb il-ħiliet, u jiftaħ il-kummerċ għal ktajjen tal-provvista reżiljenti. Permezz tal-Aġenda Ewropea tal-Innovazzjoni, l-UE fittxet li tpoġġi lill-Ewropa fuq quddiem nett fil-mewġa l-ġdida ta’ innovazzjoni teknoloġika profonda u ta’ negozji ġodda f’dan il-qasam. Fl-istess ħin, l-Istati Membri tal-UE bħalissa qed jemendaw ukoll il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza biex jinkludu Kapitli tar-REPowerEU, li hija opportunità kruċjali biex jingħata appoġġ immedjat lill-kumpaniji u tingħata spinta lill-kompetittività tagħhom, mingħajr ma jinħolqu dipendenzi ġodda.

Filwaqt li dawn is-soluzzjonijiet ta’ tranżizzjoni jipprovdu appoġġ rapidu u mmirat, l-UE teħtieġ tweġiba aktar strutturali għall-ħtiġijiet ta’ investiment tal-industriji tagħha biex tippreserva vantaġġ Ewropew fuq teknoloġiji kritiċi u emerġenti rilevanti għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, minn teknoloġiji relatati mal-komputazzjoni, inkluż il-mikroelettronika, il-computing kwantistiku, u l-intelliġenza artifiċjali; għall-bijoteknoloġija u l-bijomanufattura, u teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti. L-adozzjoni ta’ dawn l-investimenti fl-UE se jkollha impatt pożittiv sinifikanti fuq l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE, billi tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi tagħha, filwaqt li tappoġġa t-tranżizzjoni nadifa u diġitali.

Bħala l-pass li jmiss, Pjattaforma ġdida għat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) se ssaħħaħ u tingrana l-istrumenti eżistenti tal-UE għal użu rapidu tal-appoġġ finanzjarju. L-UE għandha diversi fondi u programmi fil-baġit u barra mill-baġit biex jipprovdu appoġġ għat-teknoloġija nadifa, il-bijoteknoloġija u d-diġitalizzazzjoni. Dawn l-istrumenti jinkludu, b’mod partikolari, il-Fond għall-Innovazzjoni, InvestEU, Orizzont Ewropa, il-Fond Ewropew għad-Difiża, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Marzu talab li “jiżguraw il-mobilizzazzjoni sħiħa tal-finanzjament disponibbli u tal-istrumenti finanzjarji eżistenti u li jintużaw f’mod aktar flessibbli, sabiex jiġi pprovdut appoġġ f'waqtu u mmirat f'setturi strateġiċi mingħajr ma jiġu affettwati l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni.” L-ingranaġġ ta’ strumenti eżistenti u oqfsa governattivi se jħaffef l-implimentazzjoni u se jippermetti biex jiġu mmobilizzati ammonti ogħla ta’ appoġġ finanzjarju.

STEP se tgħin biex tidderieġi l-finanzjament eżistenti lejn proġetti ta’ sovranità u tħaffef l-implimentazzjoni fuq subsett ta’ oqsma li se jiġu identifikati bħala kruċjali għat-tmexxija tal-Ewropa, filwaqt li tissalvagwardja l-koeżjoni u tippreserva l-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku. Dan jinvolvi żieda tal-limitu massimu minn 4 % għal 10 % għall-użu tar-riżorsi mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza taħt InvestEU, li se jkollha tieqa ġdida ddedikata għall-investimenti fis-sovranità. Fir-rigward tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, li jirrappreżentaw l-akbar politika unika tal-UE ffinanzjata mill-baġit tal-UE, il-Kummissjoni tipproponi prijorità ġdida għal STEP fil-fondi ewlenin kollha – il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. F’konformità mal-objettivi ta’ koeżjoni u l-kontribut għall-kompetittività tar-reġjuni fis-Suq Uniku, il-Kummissjoni tipproponi li tappoġġa l-investimenti STEP f’intrapriżi li mhumiex SMEs, li jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-iżvilupp ta’ reġjuni inqas żviluppati u ta’ tranżizzjoni, kif ukoll f’reġjuni aktar żviluppati ta’ Stati Membri b’PDG per capita taħt il-medja tal-UE. Taħt dawk il-fondi, il-Kummissjoni tipproponi wkoll prefinanzjament ta’ 30 % fl-2024 biex tinċentiva l-użu kif ukoll żieda tal-kofinanzjament tal-UE għal 100 % għall-proġetti Ewropej ta’ STEP. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet maniġerjali jistgħu jieħdu l-opportunità biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u jippromwovu impjiegi ta’ kwalità attraenti u aċċessibbli.

STEP għandha tkun appoġġata wkoll minn rinforzi ta’ programmi magħżula. Fil-każ ta’ InvestEU, dan se jippermetti l-ħolqien ta’ qasam ta’ politika ġdid (“il-ħames tieqa”) immirat biex jappoġġa l-investimenti fis-sovranità. Ir-riżorsi se jipprovdu garanziji lill-isħab ta’ implimentazzjoni biex ikunu jistgħu jsiru investimenti fis-setturi tas-sovranità permezz ta’ dejn (inklużi garanziji) u prodotti finanzjarji ta’ ekwità għall-kumpaniji, inklużi l-SMEs, u proġetti fis-setturi appoġġati minn STEP. InvestEU se jingrana investiment addizzjonali, b’mod partikolari mis-settur privat, billi jindirizza l-fallimenti tas-suq u s-sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali esperjenzati fis-setturi fil-mira ta’ STEP. L-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu riżorsi lill-kompartimenti tal-Istati Membri tal-InvestEU biex jappoġġaw prodotti finanzjarji f’konformità mal-objettivi ta’ STEP.

Il-Fond għall-Innovazzjoni huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin fil-livell tal-UE li jimmira lejn l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ż-żieda fil-manifattura tat-teknoloġija nadifa. Għalhekk huwa l-istrument ewlieni tal-Ewropa biex tintensifika l-istrateġija industrijali ekoloġika tagħha filwaqt li tippreserva l-objettivi ta’ koeżjoni. Iż-żieda tal-effettività tal-flus allokati minnha u l-ħolqien ta’ sinerġiji ma’ flussi oħra ta’ finanzjament permezz tas-Siġill ta’ Sovranità se jkunu parti essenzjali mit-tweġiba tal-UE fid-dawl tat-tellieqa globali għall-manifattura tat-teknoloġija nadifa u t-tranżizzjoni newtrali għall-klima għall-industriji. Sabiex jiġi aċċellerat l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi u netti żero fl-Unjoni kollha, il-Fond għall-Innovazzjoni se jkun mgħammar b’riżorsi addizzjonali li se jiġu allokati għall-Istati Membri li l-PDG per capita tagħhom huwa taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2015 – 2017.

Żieda għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni taħt Orizzont Ewropa se tappoġġa l-innovazzjoni li tbiddel is-sitwazzjoni attwali, mir-riċerka fi stadju bikri sal-bidu u l-espansjoni.

L-Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) se jipprovdi appoġġ ta’ ekwità biss bejn EUR 15 u 50 miljun lil SMEs mhux bankabbli b’riskju għoli, inklużi negozji ġodda, u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja b’riskju għoli mhux bankabbli, filwaqt li jżid l-innovazzjoni rivoluzzjonarja fit-teknoloġiji kritiċi appoġġati minn STEP. Investimenti bħal dawn, permezz ta’ kompartiment ġdid ta’ STEP tal-Fond tal-EIC se jingranaw investimenti privati u jistgħu jiġu supplimentati b’finanzjament komplementari pprovdut mill-Grupp tal-BEI u/jew mill-Istati Membri, bl-użu ta’ bosta possibbiltajiet biex jiġi appoġġat il-finanzjament ta’ riskju skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-komplementarjetà bejn il-Fond tal-EIC u InvestEU se tiġi żgurata peress li l-Fond tal-EIC se jinvesti biss f’kumpaniji bi profil tar-riskju tal-investiment biex imbagħad jgħaddu għall-appoġġ tal-InvestEU. L-investimenti tal-Fond tal-EIC għandhom l-għan li jingranaw madwar ħames darbiet f’koinvestimenti addizzjonali minn investituri azzjonarji oħra u jiġu kkomplementati minn finanzjament addizzjonali mill-Grupp tal-BEI. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistieden lill-BEI biex ikompli jipprovdi konsulenza dwar l-investiment lill-Fond tal-EIC biex jiżgura ftehimiet ta’ kwalità għolja u jattira koinvestiment addizzjonali; u l-Kummissjoni se tikkunsidra li tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni attwali ta’ dan il-parir.

Ix-xenarju globali nbidel. L-aggressjoni mhux provokata tar-Russja turi li din hija u se tkompli tkun ta’ theddida għas-sigurtà tal-Ewropa fis-snin li ġejjin. Għalhekk, STEP se ssaħħaħ il-Fond Ewropew għad-Difiża, li se jagħti spinta lill-kapaċità tal-innovazzjoni tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea, u b’hekk jikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni. Iż-żieda tal-Fond Ewropew għad-Difiża se tintuża għal azzjonijiet iffukati fuq teknoloġiji profondi u diġitali li jistgħu jagħtu spinta sinifikanti lill-prestazzjoni tal-kapaċitajiet futuri fl-Unjoni, bl-għan li tiġi massimizzata l-innovazzjoni u jiġu introdotti prodotti u teknoloġiji ġodda tad-difiża.

STEP se tippromwovi wkoll sinerġiji fost l-istrumenti eżistenti. Il-flessibbiltajiet addizzjonali proposti taħt STEP se jippermettu lill-Istati Membri jiffinanzjaw proġetti mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, jew fuq bażi awtonoma jew flimkien ma’ fondi oħra tal-UE, pereżempju billi jużaw il-benefiċċji tas-“Siġill ta’ Sovranità” propost. F’dak ir-rigward, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jagħtu appoġġ direttament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond Soċjali Ewropew+ lil proġetti li jkunu ngħataw Siġill ta’ Sorveljanza.

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex timmassimizza s-sinerġiji bejn ir-regoli tal-Fond għall-Innovazzjoni u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex tiżgura proċess aktar simplifikat. Il-Kummissjoni se tkompli tallinja l-kriterji u tissimplifika l-proċessi biex tiżgura li d-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tittieħed fl-istess ħin tad-deċiżjoni ta’ finanzjament għall-Fond għall-Innovazzjoni, dment li ssir notifika sħiħa mill-Istat Membru fi żmien debitu. Tali sinerġiji qed jiġu vvalutati wkoll għal strumenti magħżula oħra tal-UE, inkluż il-Fond tal-EIC. Il-Kummissjoni se tikkonsulta wkoll lill-Istati Membri dwar proposta li tippermetti rati ogħla ta’ għajnuna permezz ta’ bonus għal proġetti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ STEP f’reġjuni megħjuna biex jiġi xprunat aktar żvilupp ekonomiku, filwaqt li jiġu ppreservati l-objettivi ta’ koeżjoni. Se jinħoloq “One-Stop-Shop” ġdid biex imexxi l-prijoritajiet il-ġodda fi tliet livelli: (i) fi ħdan il-Kummissjoni, se tħejji gwida rilevanti biex tipprovdi direzzjoni strateġika u tikkoordina t-twettiq tal-prijoritizzazzjoni ta’ STEP fil-programmi ta’ ħidma tal-Kummissjoni u fid-deċiżjonijiet ta’ investiment tad-diversi strumenti; (ii) bħala punt ta’ dħul għall-promoturi tal-proġetti li jfittxu fondi tal-UE għall-investimenti, u b’hekk jiċċentralizzaw l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji rilevanti kollha fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; (iii) fl-aħħar nett, se tassisti lill-Istati Membri billi tipprovdi pariri dwar kwistjonijiet regolatorji u żżomm komunikazzjoni bidirezzjonali mal-awtoritajiet nazzjonali maħtura, filwaqt li tiżgura koordinazzjoni u promozzjoni adegwati ta’ investimenti kritiċi fil-pajjiżi tal-UE.

Filwaqt li STEP tiddependi fuq ir-riprogrammazzjoni u t-tisħiħ tal-programmi eżistenti għall-appoġġ ta’ investimenti strateġiċi, hija wkoll bażi importanti għall-ittestjar għal aktar passi lejn Fond Ewropew ta’ Sovranità.

Il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta’ strument ġdid (Pjattaforma STEP), li jingrana programmi eżistenti bħal InvestEU, il-Fond għall-Innovazzjoni, Orizzont Ewropa, il-Fond Ewropew għad-Difiża, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.

Biex tingħata spinta lill-kapaċità ta’ investiment iddedikata speċifikament għall-promozzjoni tal-investimenti fi STEP, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li talloka EUR 10 biljun għal programmi mmirati:

·EUR 3 biljun għal InvestEU, li jirriżulta f’EUR 75 biljun ta’ investimenti minħabba r-rata ta’ proviżjonament ta’ 40 % u multiplikatur medju ta’ 10;

·EUR 0.5 biljun għal Orizzont Ewropa, ikkomplementati b’EUR 2.1 biljun ta’ riallokazzjoni u użu ta’ ammonti diżimpenjati, li jirriżultaw f’EUR 13-il biljun ta’ investimenti b’multiplikatur medju ta’ 5;

·EUR 5 biljun għall-Fond għall-Innovazzjoni, li l-implimentazzjoni tagħhom s’issa turi li tista’ tirriżulta f’madwar EUR 20 biljun ta’ investimenti;

·EUR 1.5 biljun għall-Fond Ewropew għad-Difiża, li jistgħu jirriżultaw f’investimenti ta’ sa EUR 2 biljun.

Abbażi ta’ dawn il-fondi biss, STEP tista’ tirriżulta f’investimenti ġodda stmati għal EUR 110 biljun.

Barra minn hekk, din il-Pjattaforma se tippermetti li l-finanzjament eżistenti jiġi dirett lejn proġetti ta’ sovranità ta’ STEP u li titħaffef l-implimentazzjoni fuq subsett ta’ oqsma li se jiġu identifikati bħala kritiċi għat-tmexxija tal-Ewropa. L-Istati Membri huma mħeġġa jerġgħu jipprijoritizzaw il-programmi tagħhom, Billi jipprovdu inċentivi finanzjarji fil-fondi tal-politika ta’ koeżjoni fil-forma ta’ prefinanzjament u kofinanzjament ogħla. Kull 5 % tar-riprogrammazzjoni lejn il-prijoritajiet ta’ STEP twassal għal EUR 18.9-il biljun ta’ riżorsi disponibbli, flimkien ma’ EUR 6 biljun li għandhom jitħallsu mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.

Fil-programmi kollha, il-Kummissjoni tipproponi “Siġill ta’ Sovranità” li għandu jingħata lil proġetti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma STEP, dment li l-proġett ikun intgħażel taħt Orizzont Ewropa, il-programm Ewropa Diġitali, il-Fond Ewropew għad-Difiża, il-programm l-UE għas-Saħħa, jew il-Fond għall-Innovazzjoni. Is-Siġill se jintuża bħala tikketta ta’ kwalità biex jgħin jattira l-investimenti u se jippermetti wkoll li proġett li ma jirċevix finanzjament taħt programm wieħed minħabba nuqqas ta’ finanzjament ikollu aċċess aħjar għall-finanzjament fi strumenti oħra. Iż-żieda tal-limitu massimu taħt l-RRF biex jintużaw riżorsi għall-prodotti InvestEU permezz tal-kompartimenti nazzjonali tiegħu tirrappreżenta flessibbiltà addizzjonali għall-Istati Membri ta’ EUR 30 biljun potenzjalment disponibbli għal investimenti ta’ sovranità bħal dawn.

B’kollox, l-ammont totali stmat ta’ investimenti ġodda permezz ta’ STEP jista’ jilħaq sa EUR 160 biljun.

Biex timplimenta dawn il-bidliet, il-Kummissjoni tipproponi li żżid il-limitu massimu tal-Intestatura 1 b’EUR 3.5 biljun, l-Intestatura 3 b’EUR 5 biljun u l-Intestatura 5 b’EUR 1.5 biljun.

Aġġustamenti tekniċi għar-realtajiet ekonomiċi l-ġodda

(I)Soluzzjoni sostenibbli għall-ispejjeż ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU

Il-Kummissjoni waqqfet programm solidu ta’ għoti u teħid b’self sostnut minn infrastruttura affidabbli ta’ pagamenti, saldu u kontabbiltà f’perjodu qasir ta’ żmien. Din l-infrastruttura tipprovdi l-kapaċità għall-ġestjoni tas-self relatat ma’ diversi programmi ta’ politika tal-UE attwali u futuri rilevanti f’konformità mal-aħjar prattiki internazzjonali. Il-finanzjament tal-programmi tal-UE permezz ta’ ħruġ konġunt tal-UE kien jeħtieġ aġġornament sinifikanti tal-arkitettura tal-ġestjoni tad-dejn tal-Kummissjoni. L-adegwatezza tal-metodu ta’ finanzjament tal-UE fl-issodisfar tal-ħtiġijiet tan-NextGenerationEU ġiet ikkonfermata mir-rapport speċjali tal-QEA dwar il-ġestjoni tad-dejn tan-NextGenerationEU 7 li nnota li l-proċeduri ta’ ġestjoni tad-dejn tal-Kummissjoni ppermettew it-teħid b’self tal-fondi meħtieġa fil-ħin, f’konformità mal-limiti regolatorji u bil-kostijiet li jikkorrispondu għall-pożizzjoni tagħha fis-suq. Taħt in-NextGenerationEU biss, il-Kummissjoni se tissellef sa madwar EUR 800 biljun sa tmiem l-2026, bi ħruġ ulterjuri wara dik id-data minħabba ħtiġijiet ta’ rifinanzjament. Minn dan l-ammont, sa EUR 420 biljun se jintużaw għall-għoti ta’ appoġġ mhux ripagabbli li għalih il-baġit se jkopri l-kostijiet tas-servizz tad-dejn. Il-Kummissjoni tkompli tiżviluppa aktar il-kapaċità tal-ġestjoni tad-dejn tagħha, b’enfasi partikolari fuq it-tisħiħ tad-domanda billi tiżviluppa l-likwidità u l-infrastruttura tas-suq sekondarju biex tiżgura l-aħjar prezz possibbli għall-benefiċċju tal-baġit u tal-Istati Membri kollha tal-UE.

Is-suċċess tal-programm ta’ finanzjament tal-UE sal-lum huwa rifless f’fiduċja qawwija tal-investituri fis-saħħa tal-kreditu tal-UE bħala emittent u fl-interess tal-investituri fil-bonds tal-UE, inklużi l-bonds ekoloġiċi. Sa tmiem Mejju 2023, l-UE għandha EUR 394 biljun ta’ bonds pendenti, bil-maġġoranza tar-rikavati mill-bonds allokati għan-NextGenerationEU.

Mill-2022, is-swieq finanzjarji esperjenzaw żieda qawwija fir-rati tal-imgħax bħala riżultat ta’ politiki monetarji aktar stretti biex irażżnu l-inflazzjoni. L-ispejjeż tal-finanzjament żdiedu sostanzjalment għall-emittenti kollha tal-bonds, inkluż għall-UE. Ir-rata tal-imgħax tal-bonds tal-UE fuq 10 snin żdiedet minn madwar żero fiż-żmien tal-ewwel ħruġ tal-bonds għan-NextGenerationEU fl-2021 għal aktar minn 3 %. B’riżultat ta’ dan, il-pakkett sħiħ tal-2021 – 2027 ta’ EUR 14.9-il biljun biex ikopri l-ispejjeż ta’ finanzjament huwa mistenni li jintuża sas-sajf tal-2023. Il-volatilità tar-rati tal-imgħax hija ħafna ogħla minn dak li seta’ kien mistenni fiż-żmien tal-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, li jagħmel il-limiti massimi pluriennali fissi mhux adatti għan-nefqa relatata mal-kostijiet tas-self.

F’kuntest bħal dan ta’ volatilità għolja fis-swieq finanzjarji, il-baġit tal-UE għandu jkollu l-flessibbiltà meħtieġa biex jipprovdi għal żieda fil-kostijiet tas-self. Filwaqt li l-qafas legali eżistenti jipprovdi għall-mekkaniżmi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-Unjoni dejjem tkopri l-obbligi tagħha lejn id-detenturi tal-bonds fiċ-ċirkostanzi kollha, il-baġit tal-UE jenħtieġ li jkun mgħammar bil-mezzi u l-għodod biex iħallas id-dejn tagħha bl-aktar mod effiċjenti.

Għalhekk qed jiġi propost strument speċjali ġdid għall-iskop uniku li jkopri l-kostijiet addizzjonali relatati mas-self tan-NextGenerationEU. Il-finanzjament tan-NextGenerationEU se jibqa’ kopert taħt il-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali. It-teknika baġitarja biex tiġi indirizzata l-volatilità tal-imgħax tkun strument speċjali ġdid, lil hinn mil-limiti massimi, biex ikopri esklussivament il-kostijiet żejda fir-rigward tal-ammonti ppjanati għas-self tan-NextGenerationEU. Il-mobilizzazzjoni tiegħu tiġi attivata matul il-proċedura baġitarja abbażi ta’ previżjoni tal-aħjar sforz.

Il-Kummissjoni tipproponi strument speċjali ġdid, lil hinn mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, biex ikopri l-kostijiet ta’ finanzjament addizzjonali tan-NextGenerationEU. L-istrument speċjali l-ġdid se jkun limitat għall-kostijiet ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU li jaqbżu l-ammonti inizjalment ipprogrammati għall-2021 – 2027. Dan se jippermetti provvediment f’waqtu ta’ approprjazzjonijiet baġitarji addizzjonali f’każ ta’ żidiet biex tiġi koperta n-nefqa tal-imgħax.

(II)Iż-żamma ta’ amministrazzjoni li tiffunzjona biex jitwettqu l-prijoritajiet politiċi tal-UE

Ir-riżorsi tal-amministrazzjoni Ewropea (intestatura 7) jinsabu taħt pressjoni qawwija minħabba kompiti addizzjonali mogħtija lill-Unjoni, prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew u inflazzjoni għolja.

Il-bosta inizjattivi ġodda introdotti matul l-aħħar sentejn taw kompiti addizzjonali sostanzjali lill-Unjoni mill-bidu ta’ dan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali mingħajr żieda korrispondenti fil-persunal. Ir-realtà ġeopolitika l-ġdida qed iżżid ma’ dan. Minbarra l-koordinazzjoni tal-appoġġ finanzjarju, umanitarju u militari lill-Ukrajna, l-eżempji jinkludu l-Interoperabbiltà, iċ-Ċibersigurtà, il-Konnettività Sigura, il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen, il-Faċilità Ewropea għall-Paċi, l-Att dwar is-Swieq Diġitali u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa, il-pakkett Fit-for-55 (inkluż il-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri), REPowerEU, jew il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE. Dawn l-inizjattivi l-ġodda jissarrfu, għall-Kummissjoni, f’600 post addizzjonali ta’ stabbiliment sal-2027, kif muri fid-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji Leġiżlattivi li jakkumpanjaw il-proposti legali. Meta jitqiesu wkoll l-istituzzjonijiet l-oħra u l-ħtiġijiet relatati maċ-ċibersigurtà, dan jammonta għal 885 kariga addizzjonali. Dan wassal biex ir-riżorsi tal-amministrazzjoni Ewropea jitwasslu sal-limitu tagħhom. L-amministrazzjoni Ewropea mhux se tkun tista’ tkompli twettaq għadd dejjem akbar ta’ kompiti bil-livell attwali ta’ riżorsi.

Il-Kummissjoni għamlet sforzi eċċezzjonali biex tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u biħsiebha tkompli tapplika bidliet strutturali. Il-Kummissjoni qassmet mill-ġdid aktar minn 900 kariga internament mill-2019 ’l hawn, inkluż permezz ta’ sforz kbir biex jiġu mmodernizzati s-servizzi eżistenti, li jwassalhom biex jaħdmu b'inqas nies u jkunu aktar effiċjenti, iżda l-possibbiltajiet għall-iffrankar ġew eżawriti. Ġew introdotti metodi ta’ ħidma ġodda u ġiet żviluppata politika ġdida dwar il-bini, li tkopri l-perjodu 20222030, madwar użu aktar intelliġenti tal-ispazji, li jissostitwixxi l-konfigurazzjonijiet standard tal-uffiċċju biex tiġi ottimizzata s-superfiċje użata.

Għalkemm il-volatilità sinifikanti tad-data makroekonomika toħloq diffikultà oġġettiva fit-tbassir xieraq u effettivament ixxekkel kwalunkwe ppjanar fit-tul għall-Intestatura 7, virtwalment it-tbassir kollu disponibbli bħalissa jindika li l-livell ta’ approprjazzjonijiet kif miftiehem f’Diċembru 2020, li kien ibbażat fuq deflatur annwali ta’ 2 %, mhuwiex biżżejjed u jeħtieġ li jissaħħaħ.

Biex jiġu ssodisfati d-dmirijiet legali tal-Istituzzjonijiet u biex jiġu ttrattati r-responsabbiltajiet addizzjonali assenjati mill-koleġiżlaturi lill-Kummissjoni, huwa meħtieġ li l-limitu massimu tal-Intestatura 7 jiżdied b’EUR 1.9 biljun.

(III)Il-baġit tal-UE jiġi mgħammar bi flessibbiltà għal ħtiġijiet mhux previsti

Diġà ntużaw tliet kwarti tal-marġnijiet tal-20212027. Għas-snin 20242027, baqa’ biss total ta’ madwar EUR 1.4 biljun, inklużi l-marġnijiet tal-passat fl-Istrument ta’ Marġini Uniku, u s-sitwazzjoni f’diversi intestaturi hija prekarja. F’dan l-istadju tal-perjodu ta’ programmazzjoni u f’ambjent mill-aktar volatili, il-livell baxx ta’ marġnijiet huwa bla preċedent li jirriskja li jpoġġi aktar pressjoni fuq l-Istrument ta’ Flessibbiltà minn dak li kien ippjanat oriġinarjament. L-Istrument ta’ Flessibbiltà huwa fil-fatt l-unika possibbiltà li jappoġġa kwalunkwe tip ta’ ħtiġijiet jew kriżijiet addizzjonali irrispettivament min-natura tagħhom. Biex jintlaħaq dan l-objettiv, se jintuża bis-sħiħ fl-20212024 bl-EUR 4 biljun kollha użati, u mhu se jħalli l-ebda ammont biex jiġi riportat għas-snin ta’ wara. Minħabba l-pressjonijiet kbar fl-intestaturi differenti, l-Istrument ta’ Flessibbiltà se jkollu rwol kruċjali biex jiżgura li l-baġit tal-UE jkun jista’ jagħti r-riżultati.

Il-baġit tal-Unjoni jeħtieġ li jkun mgħammar biex iwieġeb għal ħtiġijiet mhux previsti li jistgħu jinqalgħu. Peress li l-marġnijiet baġitarji huma limitati ħafna għall-bqija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, l-Istrument ta’ Flessibbiltà jenħtieġ li jiżdied b’EUR 3 biljun.

(IV)Sostenibbiltà tal-limitu massimu tal-pagamenti

Il-pagamenti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali huma mistennija li jilħqu l-quċċata fl-2026 u fl-2027 bħal fil-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti – għalkemm aggravati mid-dewmien minħabba l-adozzjoni tardiva tal-atti legali rilevanti. Sabiex jiġi żgurat li ż-żidiet proposti jkunu jistgħu jitqabblu bis-sħiħ mad-disponibbiltajiet tal-pagamenti, il-limitu massimu rilevanti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għandu jiżdied.

Il-baġit tal-Unjoni jeħtieġ li jkun jista’ jonora l-impenji tiegħu b’livell suffiċjenti ta’ pagamenti. Għalhekk, il-limitu massimu tal-pagamenti għall-2026 għandu jiżdied b’EUR 7.7 biljun fi prezzijiet tal-2018 u għall-2027 b’EUR 2.8 biljun fi prezzijiet tal-2018, ugwali għal 50 % tal-proposta biex jiżdied il-limitu massimu għall-impenji fi prezzijiet tal-2018.

4.KONKLUŻJONIJIET U L-PASSI LI JMISS

Id-disponibbiltajiet attwali fil-baġit tal-UE m’għadhomx biżżejjed biex jiġu indirizzati l-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja l-UE, aħseb u ara l-ħtiġijiet futuri possibbli fis-snin li ġejjin. F’dan l-isfond, din il-Komunikazzjoni tipproponi reviżjoni limitata, immirata u bbilanċjata tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 20212027 biex jiġi żgurat li l-baġit tal-UE jkun jista’ jagħti r-riżultati fis-snin li ġejjin.

Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:

-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jipprovdi analiżi dettaljata tal-implimentazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 20212027 (SWD(2023)336);

-Proposta li temenda r-Regolament tal-Kunsill 2020/2093 li jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill 2022/2496 tal-15 ta’ Diċembru 2022 8 (COM(2023)337);

-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (COM(2023)338).

-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) (COM(2023)335).

Minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji urġenti, li diġà se jimmaterjalizzaw fl-2024, il-Kummissjoni tappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiżguraw li dan il-pakkett ikun fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fit-Trattati. Il-Kummissjoni se tagħmel dak kollu li tista’ biex tagħmel possibbli ftehim malajr 9 . 



Anness 1 – Tabella ta’ ħarsa ġenerali

 Prijoritajiet Politiċi

 

Faċilità għall-Ukrajna (self u għotjiet)

50.0

Self

33.0

Għotjiet

17.0

Migrazzjoni u sfidi esterni

15.0

Migrazzjoni

2.0

Refuġjati Sirjani (is-Sirja, il-Ġordan, il-Libanu)

1.7

Rotta tal-migrazzjoni tan-Nofsinhar (il-linja tal-Viċinat tan-Nofsinhar)

0.3

Riżerva tal-NDICI

3.0

Refuġjati Sirjani (it-Turkija)

3.5

Balkani tal-Punent

2.0

Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza

2.5

Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa

10.0

Fond għall-Innovazzjoni

5.0

InvestEU

3.0

Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni f’Orizzont Ewropa

0.5

Fond Ewropew għad-Difiża (EDF)

1.5

Aġġustamenti Tekniċi

 

Amministrazzjoni Totali

1.9

Strument EURI

18.9 (***)

Strument ta’ Flessibbiltà

3.0

(*) Barra minn hekk, EUR 0.6 biljun ta’ riallokazzjonijiet fi ħdan il-Viċinat tal-Lvant tal-NDICI se jikkontribwixxu biex jiżdied l-appoġġ għall-Moldova u l-provvediment għall-AMF

(**) Barra minn hekk, EUR 2.1 biljun ta’ riallokazzjonijiet se jżidu l-kontribuzzjoni fi ħdan il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni: EUR 0.8 biljun minn trasferiment mill-pilastru 2 għall-pilastru 3 tal-EIC; EUR 1.2 biljun ta’ riċiklaġġ u EUR 0.1 biljun mill-użu ta’ rimborżi

(***) Ammont indikattiv ibbażat fuq it-tbassir tas-suq tas-16 ta’ Ġunju 2023. Abbażi tas-suppożizzjonijiet differenti għall-evoluzzjoni tar-rati tal-imgħax użati mill-akbar Uffiċċji Ewropej tal-Ġestjoni tad-Dejn, dan l-ammont jista’ jvarja minn EUR 17-il biljun għal EUR 27 biljun.

Anness 2 – Finanzjament tal-Faċilità għall-Ukrajna – ħarsa ġenerali


Anness 3 – Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP)

(1)

Is-self li jifdal taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza sa EUR 225 biljun, riżorsi addizzjonali mill-bejgħ ta’ kwoti tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) (barra mill-baġit tal-UE) sa EUR 20 biljun; trasferimenti volontarji mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit. L-Appoġġ għall-Flessibilitàlessibbiltà tal-Enerġija Affordabbli (SAFE) ġie introdott fil-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni 2014 – 2020 biex jippermetti appoġġ dirett lill-familji vulnerabbli u lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li qed jiffaċċjaw żieda fl-ispejjeż tal-enerġija.

(2)

Orizzont Ewropa, il-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali.

(3)

Sors: https://www.imf.org/-/media/Files/Publications/CR/2023/English/1UKREA2023001.ashx  

(4)

Pjan Direzzjonali Konġunt tal-Parlament Ewropew u l-Presidenzi b’Rotazzjoni tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-iskeda ta’ żmien għan-negozjati bejn il-koleġiżlaturi dwar is-SEKA u l-Patt Ewropew Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.

(5)

Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi (BMVI).

(6)

L-istabbiliment tal-Faċilità għall-Ukrajna se jippermetti li r-riżorsi mill-NDICI jiġu riallokati lejn pajjiżi oħra tal-viċinat inkluża l-Moldova.

(7)

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, "Rapport speċjali 16/2023: Il-ġestjoni tad-dejn tal-NGEU fi ħdan il-Kummissjoni – Bidu inkoraġġanti, iżda jenħtieġ aktar allinjament mal-aħjar prattika", ippubblikat fit-12 ta’ Ġunju 2023, disponibbli fi https://www.eca.europa.eu/mt/publications/SR-2023-16 (aċċessat fil-15 ta’ Ġunju 2023)

(8)

 ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11–22 u ĠU L 325, 20.12.2022, p. 11–12. 

(9)

Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tal-leġiżlatur fir-rigward tal-Fond Soċjali għall-Klima kif adottata fl-10 ta’ Mejju 2023, u l-fatt li l-opportunità li jiġi stabbilit mekkaniżmu għal ħlas lura bikri tal-kapital tas-self ta’ NextGenerationEU naqset fid-dawl taż-żieda qawwija fir-rati tal-imgħax, jagħmlu l-proposti li jinsabu f’COM(2021)569 skaduti. Il-Kummissjoni għalhekk se tirtira l-proposta tagħha tal-2021 fl-2024.

Top