Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0205R(01)

    Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-fatturi abilitanti ewlenin għas-suċċess tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali

    COM/2023/205 final/2

    Strasburgu, 18.4.2023

    COM(2023) 205 final

    2023/0099(NLE)

    Proposta għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-fatturi abilitanti ewlenin għas-suċċess tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali

    {SWD(2023) 205 final}


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

    L-edukazzjoni u t-taħriġ huma essenzjali għall-iżvilupp personali, għall-koeżjoni soċjali, għall-kompetittività u għall-innovazzjoni. Dawn huma wkoll element kruċjali għal Ewropa aktar ġusta, aktar reżiljenti u aktar sostenibbli. Dan huwa rifless fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) 1 , li tinkludi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fost il-prijoritajiet strateġiċi tagħha.

    Illum, l-edukazzjoni diġitali tinsab fil-qalba ta’ dawn l-isforzi. Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa li tittejjeb il-prontezza diġitali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’termini ta’ reżiljenza, kwalità għolja, inklużività, aċċessibilità u sigurtà. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 2  tal-Kummissjoni Ewropea jistabbilixxi żewġ prijoritajiet strateġiċi biex jinkiseb dan: it-trawwim tal-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja u l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi għat-tranżizzjoni diġitali.

    L-Istati Membri laqgħu l-pjan ta’ azzjoni fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni diġitali fis-soċjetajiet tal-għarfien tal-Ewropa 3 . Huma rrikonoxxew il-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar mill-qrib u stiednu lill-Kummissjoni biex tniedi proċess ta’ riflessjoni strateġika dwar il-fatturi abilitanti tal-edukazzjoni diġitali ta’ suċċess. Wara s-sejħa fl-2021 tal-President von der Leyen għall-“attenzjoni tal-mexxejja u għal djalogu strutturat fl-ogħla livell” dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali, il-Kummissjoni wettqet djalogu strutturat dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali mal-Istati Membri kollha fl-2022.

    Fil-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza tagħhom, l-Istati Membri allokaw EUR 130 biljun għal miżuri li jappoġġaw it-trasformazzjoni diġitali – 26 % tal-allokazzjoni totali tal-pjanijiet. Minn dawn, EUR 16,5 biljun huma ddedikati għat-titjib tal-konnettività u kważi EUR 23 biljun għall-iżvilupp tal-edukazzjoni diġitali u tal-ħiliet diġitali 4 . L-implimentazzjoni issa hija ta’ importanza kbira.

    Filwaqt li tirrifletti l-ħtieġa għal ekosistema tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja (inklużi l-infrastruttura, il-konnettività, l-organizzazzjoni, il-kapaċità), il-proposta kurrenti tibni fuq il-fatturi abilitanti ewlenin għal edukazzjoni diġitali b’suċċess identifikati fil-pjan ta’ azzjoni u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill, kif ukoll fuq is-sejbiet tad-djalogu strutturat. Din tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar kif tista’ tinkiseb edukazzjoni diġitali aċċessibbli, ta’ kwalità għolja u inklużiva għal kulħadd. Il-proposta tiffoka fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ formali u l-investimenti, il-bini tal-kapaċitajiet u l-kooperazzjoni meħtieġa biex jinkiseb benefiċċju mill-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali biex jissaħħu t-tagħlim, l-apprendiment u l-valutazzjoni, u jittejbu l-eżiti tal-apprendiment tal-istudenti kollha. F’dan ir-rigward, din tenfasizza l-importanza ta’ integrazzjoni sinifikanti tat-teknoloġiji diġitali fl-iskejjel u fl-universitajiet relatati ma’ metodi pedagoġiċi u organizzazzjonali fit-tagħlim tas-suġġetti kollha.

    Edukazzjoni diġitali ta’ suċċess hija dwar il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar għall-apprendiment u għat-tagħlim għal kulħadd fl-era diġitali. Is-soluzzjonijiet diġitali għamlu s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE aktar aċċessibbli matul dawn l-aħħar ftit snin. Madankollu, f’dinja li qiegħda tiżviluppa b’rata mgħaġġla u li hija aktar inċerta, huwa meħtieġ li jkomplu jittejbu l-effettività u l-effiċjenza tal-edukazzjoni u li tiġi appoġġata d-diversifikazzjoni tat-tagħlim u tal-apprendiment, inkluż permezz ta’ soluzzjonijiet diġitali eżistenti u emerġenti. Filwaqt li s-soċjetajiet tagħna jinbidlu, l-edukazzjoni tibqa’ dritt bażiku tal-bniedem, u l-aċċess universali għaliha jrid jiġi ggarantit u estiż għad-dinja diġitali.

    L-għodod diġitali ċċentrati fuq l-utent jistgħu jġibu soluzzjonijiet innovattivi għall-edukazzjoni u jappoġġaw lill-għalliema billi jnaqqsu l-piż amministrattiv tagħhom. Barra minn hekk, dawn jgħinu lill-għalliema jadattaw ix-xogħol tagħhom u s-sistemi edukattivi għal teknoloġiji ta’ tfixkil bħall-intelliġenza artifiċjali ġenerattiva u teknoloġiji emerġenti oħrajn li malajr jidħlu fl-ambjenti tal-istudenti bl-opportunitajiet u bir-riskji potenzjali li dan jinvolvi. L-għodod ġenerattivi tal-IA qegħdin joħolqu opportunitajiet ġodda għall-apprendiment u jistgħu jappoġġaw lill-istudenti fit-titjib tal-pass tal-apprendiment u tal-awtoeffikaċja tagħhom filwaqt li jqajmu mistoqsijiet ġodda inkluż pereżempju dwar il-valutazzjoni jew l-awtur tax-xogħol. L-edukazzjoni diġitali ta’ suċċess hija għalhekk prekundizzjoni għall-istudenti biex jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu biex jirnexxu fid-dinja tal-lum.

    Din il-proposta hija parti mill-inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex tiġi żgurata trasformazzjoni diġitali ċċentrata fuq il-bniedem. Din hija konformi mal-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, il-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali 5 , id-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali 6 u l-istrateġija Ewropea għal internet aħjar għat-tfal 7 . Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, il-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali, l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 8 , il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 9 , u l-istrateġiji tal-Unjoni ta’ Ugwaljanza jistabbilixxu miri ambizzjużi fil-livell tal-UE biex jinkoraġġixxu azzjoni dwar it-trasformazzjoni diġitali u jiżguraw tkabbir u innovazzjoni sostenibbli fl-UE. Il-proposta tqis ukoll il-ħidma li għaddejja dwar it-tranżizzjoni diġitali fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u hija allinjata mal-eżiti tar-Rapport tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

    Il-proposta hija bbażata fuq l-ewwel prijorità strateġika (il-promozzjoni ta’ ekosistema tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja) tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u tikkomplementa l-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-forniment tal-ħiliet diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ. 

    Sfidi ewlenin li għandhom jiġu indirizzati mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta

    L-esperjenzi mill-kriżi tal-COVID-19 u d-djalogu strutturat żvelaw ir-rikkezza tal-investimenti u tal-politiki mwettqa mill-Istati Membri biex jappoġġaw l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali. Madankollu, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom strateġiji relatati mat-trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-forniment tal-ħiliet diġitali, dawn mhux dejjem huma speċifiċi, dettaljati jew komprensivi biżżejjed. Analiżi tal-politiki fl-Unjoni tiżvela nuqqas ta’ ħarsa ġenerali strateġika li tgħaqqad il-livelli settorjali u territorjali differenti tal-approċċ ta’ politika. Hemm diversi sfidi komuni li l-Istati Membri jiffaċċjaw fl-iżvilupp ta’ ekosistemi diġitali ta’ edukazzjoni u taħriġ bi prestazzjoni għolja:

    in-nuqqas ta’ approċċ ta’ gvern sħiħ sistemiku b’rabta mal-politiki tal-edukazzjoni diġitali u sfidi f’dak li għandu x’jaqsam mal-koordinazzjoni effettiva fil-livelli kollha tal-gvern u bejniethom;

    in-nuqqas ta’ enfasi strateġika tal-investiment fl-infrastruttura, fit-tagħmir u fil-kontenut tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali, inkluż fuq disparitajiet soċjoekonomiċi u territorjali;

    taħriġ diġitali insuffiċjenti tal-għalliema u tal-persunal fl-adozzjoni u fl-aħjar użu tat-teknoloġija għat-tagħlim u għall-apprendiment;

    monitoraġġ u evalwazzjoni insuffiċjenti tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali u l-impatt tagħhom.

    Governanza tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali

    Minkejja l-progress u l-eżempji eċċellenti tal-innovazzjoni, l-isforzi għadhom ma wasslux għal trasformazzjoni diġitali sistemika fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. B’mod partikolari, hemm żewġ sfidi ewlenin.

    L-ewwel, l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji diġitali fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tirrikjedi approċċ ta’ gvern sħiħ li jiżgura l-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ dipartimenti differenti tal-gvern. Pereżempju, id-diġitalizzazzjoni effettiva ta’ skola tirrikjedi allinjament mill-qrib fost l-awtoritajiet responsabbli għall-infrastruttura biex tiġi żgurata l-konnettività, il-finanzi biex jiġi pprovdut finanzjament għall-investimenti, u l-edukazzjoni biex il-kurrikuli jiġu allinjati u l-għalliema jiġu appoġġati. Barra minn hekk, fl-Istati Membri b’livelli għoljin ta’ awtonomija reġjonali jew lokali, il-koordinazzjoni fil-livelli differenti tal-gvern hija kruċjali. Id-djalogu strutturat wera li dawn l-isforzi ta’ koordinazzjoni huma kumplessi u ta’ sfida, li jirriżultaw f’ħafna Stati Membri li jkollhom strateġiji settorjali multipli li huma implimentati indipendentement minn xulxin. Dan jirriskja strutturi ta’ silo jew sovrapożizzjonijiet, u b’hekk ma jkunx hemm opportunitajiet għal sinerġiji u impatt akbar. In-nuqqas ta’ dan l-approċċ ta’ gvern sħiħ ġie identifikat bħala l-isfida ewlenija għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali.

    It-tieni, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet diġitali sinifikanti u l-adozzjoni mifruxa tagħhom jiddependu ħafna fuq l-involviment ta’ ħafna partijiet ikkonċernati rilevanti u s-sjieda tagħhom. Dan jimplika l-ħtieġa għal djalogu mill-qrib fost dawk li jfasslu l-politika, il-prattikanti, il-fornituri tas-soluzzjoni diġitali, is-sħab soċjali, in-negozji, il-ġenituri u l-istudenti. Id-djalogu strutturat wera li filwaqt li ħafna pajjiżi għandhom pjattaformi formali għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fis-seħħ, il-kollaborazzjoni aktar mill-qrib għadha fl-istadji bikrija, speċjalment fir-rigward tal-interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, l-għalliema u l-industrija, inklużi l-fornituri tat-teknoloġija u l-impjegaturi. L-Istati Membri wrew interess dejjem akbar li jinvolvu ruħhom fi sħubijiet pubbliċi-privati, inkluż mas-settur tat-teknoloġija tal-edukazzjoni (EdTech), biex jissoktaw jespandu u jsaħħu l-ekosistema tal-edukazzjoni diġitali filwaqt li jqisu kwistjonijiet importanti bħas-salvagwardja tal-privatezza tad-data.

    Investiment fl-infrastruttura diġitali għall-edukazzjoni u t-taħriġ

    Il-konnettività tal-iskejjel għadha mhux uniformi bejn u fi ħdan il-pajjiżi tal-UE, u l-konnessjonijiet tal-internet b’veloċità għolja fl-iskejjel għadhom rari 10 , b’mod partikolari f’żoni rurali u remoti fejn il-konnettività għadha lura 11 . Skont l-aktar data reċenti, 11 % biss tal-istudenti tal-UE fil-primarja, 17 % fl-edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell u 18 % fl-edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell kienu fi skejjel li kellhom veloċità tal-internet ta’ aktar minn 100 Mbps, ’il bogħod mill-mira fil-livell tal-UE tal-2025 ta’ konnettività tal-broadband b’veloċità għolja (mill-anqas 1 Gbps jew aktar) għall-iskejjel kollha 12 . Fir-rigward tat-tagħmir tal-iskejjel, is-sehem ta’ studenti li jattendu skejjel fejn aktar minn 90 % tat-tagħmir diġitali kien operazzjonali varja minn 61 % fil-livell tal-iskola primarja għal 73 % fil-livell sekondarju tat-tieni livell 13 . L-għalliema qiesu li l-provvista insuffiċjenti ta’ apparat diġitali (b’mod partikolari tablets u laptops) kienet l-akbar ostakolu għall-użu ta’ teknoloġiji diġitali għat-tagħlim u għall-apprendiment 14 . L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom it-tendenza li jkunu konnessi u mgħammra aħjar, iżda l-integrazzjoni u l-adozzjoni ta’ prattiki effettivi tal-edukazzjoni diġitali għadhom bil-mod.

    Filwaqt li l-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat b’mod sinifikanti l-użu tat-teknoloġija fit-tagħlim u fl-apprendiment, din enfasizzat ukoll u aggravat l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. L-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti jkompli jkun l-aktar fattur determinanti b’saħħtu tal-eżiti edukattivi. Dan huwa rifless ukoll fil-forniment tal-edukazzjoni diġitali: studenti żvantaġġati bħal dawk ġejjin minn kuntesti ta’ edukazzjoni baxxa, ta’ dħul baxx, tar-Rom jew ta’ migrazzjoni għandhom anqas aċċess għall-kompjuters fid-dar 15 u jibdew jużaw apparati diġitali aktar tard fil-ħajja meta mqabbla mal-pari aktar vantaġġati tagħhom 16 . In-nuqqas ta’ teknoloġiji diġitali aċċessibbli u ta’ assistenza joħloq ostakoli kbar għall-persuni b’diżabilità, u jimpedixxi l-kapaċità tagħhom li jistudjaw f’ambjenti ta’ edukazzjoni formali b’mod awtonomu u indipendenti.

    Id-djalogu strutturat dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali u l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jikkonfermaw l-importanza li l-Istati Membri jagħtu biex l-infrastruttura diġitali effettiva u ekwa ssir disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni. Il-konnettività, it-tagħmir diġitali, il-pjattaformi u l-kontenut qed jingħataw prijorità fir-riformi u fl-investimenti f’dan il-qasam mill-Istati Membri.

    Rapport speċjali li jmiss tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri se jipprovdi aktar evidenza dwar l-effettività tal-appoġġ tal-UE għad-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel 17 .

    Tħassib ieħor huwa relatat maż-żamma tat-tagħmir u l-apparati u l-isfida biex jintlaħaq il-pass rapidu tal-bidla teknoloġika fir-rigward tal-kontenut, l-approċċi u l-għodod tat-tagħlim u tal-apprendiment. Il-pajjiżi b’firxa ta’ għodod u pjattaformi diġitali jesprimu tħassib dejjem akbar dwar l-interoperabilità bejn is-sistemi u s-servizzi. L-Istati Membri qegħdin ifittxu wkoll modi biex iżidu d-disponibilità u l-aċċess għal kontenut ta’ edukazzjoni diġitali ta’ kwalità għolja fil-lingwi tagħhom stess. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni fil-livelli kollha huma mħassba dwar l-issodisfar tal-obbligi tal-protezzjoni tad-data, is-salvagwardja tal-privatezza tal-istudenti u l-prevenzjoni tat-theddid taċ-ċibersigurtà.

    Taħriġ diġitali tal-għalliema u tal-persunal

    L-għalliema huma sħab ewlenin li fuqhom tiddependi l-adozzjoni b’suċċess tat-teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u jeħtieġ li jkunu involuti mill-qrib u kkonsultati fl-integrazzjoni tagħhom. Bosta studji jissuġġerixxu li l-għalliema huma aktar probabbli li jużaw it-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim tagħhom jekk l-iskejjel tagħhom jinkoraġġixxu l-ippjanar u l-kollaborazzjoni rilevanti meta jużaw it-teknoloġija fl-edukazzjoni 18 . L-għalliema jinsabu f’pożizzjoni unika billi jedukaw il-ġenerazzjonijiet futuri abbażi tal-ogħla standards. Dawn jeħtieġu appoġġ immirat biex jintegraw id-diġitalizzazzjoni fil-pedagoġija tagħhom b’kunfidenza u bl-aħjar mod possibbli sabiex tkun tista’ taqdi lill-istudenti tagħhom u tiffaċilita l-apprendiment inklużiv u aċċessibbli. Xi skejjel għandhom koordinaturi tal-ICT li jappoġġaw lill-għalliema fil-kompiti amministrattivi kollha tal-ICT u jippermettulhom jiffokaw fuq il-kompiti ewlenin tagħhom. Madankollu, approċċ sistemiku u fit-tul għall-integrazzjoni tat-teknoloġija fl-attivitajiet tal-iskejjel bħalissa huwa l-eċċezzjoni aktar milli n-norma. Pereżempju, qabel il-pandemija tal-COVID-19, madwar terz biss tal-istudenti attendew skejjel li kellhom dikjarazzjonijiet bil-miktub dwar l-użu ta’ teknoloġiji diġitali għal skopijiet pedagoġiċi 19 . Għal ħafna istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kapaċitajiet insuffiċjenti jfissru li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija istituzzjonali għall-edukazzjoni diġitali li tqis il-ħtiġijiet tal-edukaturi u tal-istudenti għadhom sfida. Inizjattivi biex jgħollu l-kapaċitajiet tal-mexxejja tal-istituzzjonijiet edukattivi biex imexxu t-trasformazzjoni diġitali jeżistu f’xi Stati Membri, iżda ma humiex mifruxa.

    Wieħed mill-fatturi ewlenin li influwenzaw il-kwalità tal-esperjenza tal-apprendiment matul il-lockdowns tal-COVID-19 kien il-kompetenza diġitali tal-edukaturi 20 . Madankollu, bħala medja fl-UE, anqas minn nofs l-għalliema (49,1 %) rrapportaw li l-ICT kienet inkluża fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ formali tagħhom 21 , u 39 % biss tal-għalliema ħassew li kienu lesti li jużaw it-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim 22 . Filwaqt li l-għalliema u l-edukaturi jeħtieġ li jkunu mgħammra bil-ħiliet diġitali meħtieġa tal-pedagoġija 23 , huwa essenzjali li jkun hemm approċċ ibbażat fuq il-fiduċja kemm mill-awtoritajiet kif ukoll mill-partijiet ikkonċernati, li jagħti s-setgħa lill-għalliema u jappoġġahom biex jagħmlu l-aħjar użu mit-teknoloġija għat-tagħlim u għall-apprendiment.

    Il-livell għoli ta’ awtonomija tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li tipikament jipprovdu programmi inizjali tal-edukazzjoni għall-għalliema wassal għal dewmien fl-introduzzjoni ta’ ħiliet tal-pedagoġija diġitali fil-kurrikuli tat-taħriġ tal-għalliema f’diversi pajjiżi. Barra minn hekk, il-fatt li l-popolazzjoni tal-għalliema qed tixjieħ fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE jfisser li l-isfidi tal-pedagoġija diġitali ma jistgħux jiġu indirizzati permezz ta’ taħriġ inizjali waħdu. Id-djalogu strutturat wera li ħafna Stati Membri dan l-aħħar espandew l-offerta tagħhom ta’ opportunitajiet kontinwi ta’ żvilupp professjonali għall-għalliema u għall-edukaturi fir-rigward tal-pedagoġiji diġitali. Madankollu, diversi Stati Membri jindikaw diffikultajiet biex iġiegħlu lill-għalliema jipparteċipaw, u s-sħab soċjali jenfasizzaw li l-għalliema spiss ma jkollhomx biżżejjed ħin għal żvilupp professjonali kontinwu. Filwaqt li l-parteċipazzjoni fl-iżvilupp professjonali kontinwu hija mmonitorjata fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, hemm anqas enfasi fuq il-valutazzjoni tal-impatt tagħha fuq il-ħiliet tal-għalliema. Dan jista’ jwassal għal diskrepanza possibbli bejn l-offerta ta’ taħriġ u l-ħtiġijiet tal-edukaturi.

    Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-politiki u tal-impatt

    Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom strateġiji fis-seħħ biex jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jużaw teknoloġiji diġitali, dawn mhux dejjem huma speċifiċi, dettaljati jew komprensivi biżżejjed. Barra minn hekk, ftit biss jimmonitorjaw jew jevalwaw regolarment l-implimentazzjoni tagħhom jew jimplimentaw reviżjonijiet biex jirriflettu żviluppi ġodda fit-teknoloġija u ħtiġijiet ta’ apprendiment relatati 24 . Barra minn hekk, l-oqfsa li jimmonitorjaw is-sitwazzjoni attwali tal-fatturi abilitanti għall-edukazzjoni diġitali huma żviluppati sew biss f’għadd żgħir ta’ Stati Membri. F’ħafna każijiet, jiġi applikat approċċ frammentat jew ad hoc għall-monitoraġġ. Tħassib partikolari, li jaffettwa l-valutazzjoni ġenerali tal-impatt tal-investimenti, huwa n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-użu tal-apparat kif ukoll in-nuqqas ta’ sistemi għall-monitoraġġ u għaż-żamma tal-kont tal-infrastruttura diġitali tal-istituzzjonijiet edukattivi.

    Fil-livell tal-UE, id-disponibilità tad-data u tal-evidenza tibqa’ sfida ewlenija. L-istudji internazzjonali fuq skala kbira jiġu ppubblikati biss f’intervalli twal ħafna, u dan jagħmilha diffiċli li jinżamm il-pass mad-dominju tal-edukazzjoni diġitali li qed jevolvi malajr u ma jinkludux id-data kollha meħtieġa għat-tfassil tal-politika u tal-istrumenti ta’ appoġġ.

    Objettivi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta

    Din il-proposta għandha l-għan li tippromwovi r-riformi strutturali u l-investimenti meħtieġa fl-Istati Membri biex twassal bidla sinifikanti fit-trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tippermetti l-forniment tal-ħiliet, abbażi ta’:

    strateġija koerenti li tindirizza b’mod speċifiku l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali; u t-titjib tal-feedback dwar il-politika permezz ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni aħjar tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali u integrazzjoni aktar mgħaġġla ta’ dawn ir-riżultati għal aġġustamenti ta’ politika risponsivi;

    approċċ ta’ gvern sħiħ għall-edukazzjoni u għat-taħriġ diġitali u kooperazzjoni u koordinazzjoni msaħħa mal-partijiet ikkonċernati u bejniethom, inkluż mas-settur privat;

    il-bini u t-tisħiħ tas-sħubijiet mal-għalliema, filwaqt li jiġi żgurat l-aċċess għat-taħriġ diġitali għall-għalliema, l-edukaturi u l-persunal kollha u l-appoġġ għall-bini tal-kapaċitajiet diġitali għall-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

    investiment ekwu u ffokat fuq l-impatt f’edukazzjoni u taħriġ diġitali ta’ kwalità għolja, aċċessibbli, inklużivi u siguri.

    Dimensjoni internazzjonali

    Il-proposta hija bbażata fuq il-ħidma fil-livell internazzjonali u tikkomplementaha. Din tikkontribwixxi għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU tal-2030 25 , b’mod partikolari l-SDG 4 dwar edukazzjoni ta’ kwalità.

    L-inizjattiva hija konsistenti mal-ħidma kontinwa tal-pjan direzzjonali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-kooperazzjoni diġitali u allinjata mas-Sejħa għal Azzjoni dwar l-Apprendiment Diġitali tas-Summit Globali dwar l-Edukazzjoni f’Trasformazzjoni.

    Il-proposta tikkontribwixxi wkoll għall-objettivi tal-istrateġija tal-UE tal-Global Gateway biex jinbnew konnessjonijiet sostenibbli u affidabbli li jaħdmu għan-nies u għall-pjaneta.

    L-inizjattiva tirrikonoxxi l-importanza li wieħed jaħdem bejn il-fruntieri, speċjalment mal-pajjiżi sħab tat-tkabbir u tal-viċinat tal-UE, inklużi s-sħab tal-Balkani tal-Punent, biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla lura u li kulħadd ikollu d-dritt għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva.

    Għodod għall-appoġġ tal-implimentazzjoni

    L-intenzjoni tal-Kummissjoni hija li tistabbilixxi Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Edukazzjoni u l-Ħiliet Diġitali biex imexxi ’l quddiem f’ambjent formali l-koordinazzjoni informali bejn il-Koordinaturi Nazzjonali fl-ambitu tad-Djalogu Strutturat. Dan iġib flimkien l-għarfien espert mid-dinjiet tal-edukazzjoni u dawk diġitali u jista’ jintuża biex jiġu żviluppati linji gwida jew għodod oħrajn biex tiġi ffaċilitata l-evoluzzjoni ulterjuri tal-edukazzjoni diġitali.  

    Il-proposta se tkun appoġġata wkoll minn:

    il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Edukazzjoni Diġitali: Apprendiment, Tagħlim u Valutazzjoni;

    Strumenti tal-UE, bħall-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, u l-finanzjament tal-UE, bħall-Erasmus+, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Programm Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa, u NDICI-Ewropa Globali;

    l-għodod, il-pjattaformi u l-komunitajiet eżistenti tal-UE (iċ-Ċentru Ewropew għall-Edukazzjoni Diġitali, iċ-Ċentru Ewropew tar-Riżorsi Diġitali SALTO, il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel, inkluż l-eTwinning, SELFUE, SELFIEforTEACHERS, il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE), il-pjattaforma Internet Aħjar għat-Tfal (BIK), ir-Rokna tat-Tagħlim);

    il-ġbir ta’ evidenza komparattiva dwar fatturi abilitanti ewlenin fl-UE kollha;

    evidenza u analiżi mtejba permezz tal-Laboratorju tal-Apprendiment dwar l-Investiment fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta’ Kwalità;

    rapportar u monitoraġġ fl-ambitu tal-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

    Komplementarjetà ma’ inizjattivi oħrajn

    Il-proposta tikkomplementa u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ inizjattivi oħra tal-Kummissjoni ppreżentati f’dawn li ġejjin:

    Il-Komunikazzjoni dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 26 ;

    Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 27 ;

    L-Aġenda għall-Ħiliet għall Ewropa għall-Kompetittività Sostenibbli, il-Ġustizzja Soċjali u r-Reżiljenza 28 ;

    Il-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali 29 ;

    L-Akkademja tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà.

    2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

    Bażi ġuridika

    Il-proposta hija f’konformità mal-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

    Il-proposta hija f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif previst fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

    Din tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabilità tal-Istati Membri għall-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom, filwaqt li tirrifletti r-rwol supplimentari u ta’ appoġġ tal-UE, u n-natura volontarja tal-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Fil-kuntest taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, l-inizjattiva se tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ politiki u mekkaniżmi, kif xieraq għas-sistemi u l-istrutturi nazzjonali tagħhom.

    L-inizjattiva ma tipproponi l-ebda estensjoni tas-setgħa regolatorja tal-UE jew impenji vinkolanti fuq l-Istati Membri. Il-valur miżjud Ewropew tagħha jinsab fil-kapaċità tal-UE li timmobilizza l-involviment politiku u tappoġġa s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz ta’ linji gwida ta’ politika, għodod u strumenti komuni.

    Proporzjonalità

    Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif previst fl-Artikolu 5(4) tat-TUE.

    La l-kontenut u lanqas il-forma tal-proposta ma jaqbżu dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha. L-impenji li l-Istati Membri se jagħmlu huma ta’ natura volontarja u kull Stat Membru jibqa’ liberu li jiddeċiedi dwar kif jimplimenta l-proposta.

    Għażla tal-istrument

    Sabiex jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi msemmija fl-Artikoli 165 u 166 tat-TFUE, dak it-Trattat jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija strument xieraq fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, fejn l-UE għandha responsabilità ta’ appoġġ, u hija strument li ta’ spiss intuża għal azzjoni Ewropea f’dawn l-oqsma.

    3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

    Saret valutazzjoni tal-opportunitajiet u tal-isfidi li t-trasformazzjoni diġitali ġġib għall-edukazzjoni u t-taħriġ fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 30 .

    Il-Kummissjoni se twettaq rieżami komprensiva tal-pjan ta’ azzjoni fl-2024 biex tivvaluta s-sensibilizzazzjoni u l-impatt tiegħu.

    Din il-proposta tgħaqqad dawk is-sejbiet mal-eżiti tad-djalogu strutturat mal-Istati Membri, li ddiskutew il-prontezza tal-oqfsa u l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti biex jirrispondu għall-ħtiġijiet relatati mal-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali.

    Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

    Il-proposta hija bbażata fuq l-eżiti tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 31 u fuq l-inputs miġbura matul proċess ta’ konsultazzjoni estensiv 32 .

    Ġbir u użu tal-għarfien espert

    Il-proposta hija bbażata fuq:

    eżiti tad-djalogu strutturat mal-Istati Membri dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali;

    tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, il-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ, u l-inputs mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Edukazzjoni Diġitali: Apprendiment, Tagħlim u Valutazzjoni (DELTA);

    firxa wiesgħa ta’ rapporti u studji dwar l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, l-ekwità fl-edukazzjoni, is-sistemi inklużivi, eċċ;

    rapporti tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI);

    rapport tal-OECD “Enabling factors for effective and equitable digital education: is-sitwazzjoni attwali u politiki promettenti”;

    Valutazzjoni tal-impatt

    Minħabba l-approċċ komplementari tal-attivitajiet għall-inizjattivi tal-Istati Membri, in-natura volontarja tal-attivitajiet proposti u l-ambitu tal-impatti mistennija, ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt. L-iżvilupp tal-proposta kien influwenzat minn studji preċedenti, il-konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-konsultazzjoni pubblika 33 .

    Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

    Mhux applikabbli.

    Drittijiet fundamentali

    Din il-proposta hija f’konformità mad-drittijiet u mal-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali stabbilit fl-Artikolu 8, il-libertà akkademika stabbilita fl-Artikolu 13, id-dritt għall-edukazzjoni stabbilit fl-Artikolu 14, u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 21 u d-dritt għall-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fl-Artikolu 26.

    Il-miżuri se jitwettqu f’konformità mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

    4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

    Din l-inizjattiva mhux se tirrikjedi riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE u l-implimentazzjoni tagħha se tkun appoġġata minn strumenti ta’ finanzjament eżistenti tal-UE.

    5.ELEMENTI OĦRAJN

    Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

    Sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, attivitajiet ta’ apprendiment bejn il-pari u l-identifikazzjoni ta’ prattika tajba, kif ukoll tipprovdi riċerka, materjal ta’ gwida u riżultati konkreti oħrajn ibbażati fuq l-evidenza.

    Il-Kummissjoni se tgħin ukoll biex tinbena evidenza komparattiva dwar il-fatturi abilitanti ewlenin għall-edukazzjoni diġitali fl-UE kollha billi twettaq stħarriġ dwar l-Edukazzjoni Diġitali fl-Ewropa fl-Istati Membri.

    Il-Kummissjoni beħsiebha tirrapporta dwar l-użu tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fi ħdan il-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

    Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)

    Mhux applikabbli.

    Deskrizzjoni ġenerali tal-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u dokument ta’ ħidma tal-persunal

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta tirrikonoxxi r-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali fl-appoġġ tar-reżiljenza, l-aċċessibilità, il-kwalità u l-inklużività tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u biex l-istudenti jkunu jistgħu jirnexxu fid-dinja diġitali tal-lum.

    Abbażi tar-riżultati tad-djalogu strutturat mal-Istati Membri, il-proposta tiddeskrivi l-fatturi abilitanti ewlenin għall-aċċess universali għal edukazzjoni u taħriġ diġitali ta’ kwalità għolja, inklużivi u aċċessibbli. Din tinkludi l-indirizzar tad-distakk diġitali bejn il-gruppi u t-territorji, li sar saħansitra aktar evidenti fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19.

    Din tipproponi gwida u azzjoni li jistgħu jiġu segwiti mill-Istati Membri biex jimplimentaw approċċ fuq livell ta’ gvern sħiħ u ta’ diversi partijiet ikkonċernati għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali, akkumpanjati minn investiment immirat u li jħalli impatt. Barra minn hekk, din tippromwovi kultura ta’ innovazzjoni minn isfel għal fuq u diġitalizzazzjoni mmexxija minn persunal tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha jistabbilixxi l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u jipprovdi eżempji ta’ evidenza, politiki u prattiki li jirfdu l-proposta. 

    2023/0099 (NLE)

    Proposta għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-fatturi abilitanti ewlenin għas-suċċess tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 165(4) u l-Artikolu 166(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    BILLI:

    (1)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Frar 2023 enfasizzaw il-ħtieġa għal azzjoni aktar ambizzjuża u aktar kuraġġuża biex jiġu żviluppati aktar il-ħiliet li huma meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tan-nuqqas ta’ ħaddiema u t-trasformazzjoni tal-impjiegi, inkluż fil-kuntest tal-isfidi demografiċi.

    (2)L-edukazzjoni u t-taħriġ huma kruċjali għall-iżvilupp personali, għall-koeżjoni soċjali, għall-kompetittività u għall-innovazzjoni, u għal element kruċjali għal Ewropa aktar ġusta, aktar reżiljenti u aktar sostenibbli. F’dak il-kuntest, il-Komunikazzjoni dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 34 talbet li l-politiki u l-investimenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu mmirati lejn tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali inklużivi għal soċjetà u ekonomija sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi.

    (3)Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat il-ħtieġa li tittejjeb il-prontezza diġitali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’termini ta’ reżiljenza, kwalità għolja, inklużività, aċċessibilità u sigurtà. It-tibdil teknoloġiku li qed javvanza malajr jitlob trasformazzjoni diġitali ċċentrata fuq in-nies u sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li huma adattati għall-era diġitali. Biex tindirizza dawn l-isfidi, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 35 . Il-pjan ta’ azzjoni jfittex li jindirizza d-distakk diġitali u l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, u jenfasizza l-potenzjal tat-teknoloġija li tiffaċilita tagħlim u apprendiment aktar aċċessibbli, flessibbli, personalizzati u ċċentrati fuq l-istudenti.

    (4)L-ewwel prijorità strateġika tal-pjan ta’ azzjoni – it-trawwim tal-iżvilupp ta’ ekosistema tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja – tenfasizza l-ħtieġa għat-tisħiħ tal-kapaċità diġitali u r-reżiljenza fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ b’mod koerenti u sostenibbli. Għal dan il-għan, fil-pjan ta’ azzjoni ġew identifikati fatturi abilitanti bħall-infrastruttura rilevanti, il-konnettività u l-kapaċità diġitali u dawn komplew jiġu ikkomplementati fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni diġitali fis-soċjetajiet tal-għarfien tal-Ewropa 36 .

    (5)B’reazzjoni għall-ħtieġa li jinkisbu edukazzjoni u taħriġ diġitali aċċessibbli, ta’ kwalità għolja u inklużivi, din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tindirizza l-fatturi abilitanti ewlenin li ġejjin: (i) approċċ strateġiku dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali; (ii) koordinazzjoni ta’ gvern sħiħ u involviment ta’ diversi partijiet ikkonċernati; (iii) bini tal-kapaċitajiet għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u għall-għalliema; u (iv) investiment iffokat fuq l-impatt.

    (6)L-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-fatturi abilitanti tirrikjedi azzjoni fl-ogħla livell, li tmur lil hinn mill-ministeri tal-edukazzjoni u t-taħriġ waħedhom. Fid-diskors tagħha tal-2021 dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kummissjoni talbet lill-mexxejja jiffokaw fuq l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali. Dan wassal għat-tnedija ta’ djalogu strutturat mal-Istati Membri dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali 37 . L-eżiti tad-djalogu strutturat enfasizzaw għadd ta’ sfidi komuni li jiffaċċjaw l-Istati Membri fit-trasformazzjoni diġitali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, li juru l-ħtieġa li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki fil-livell tal-Unjoni. 

    (7)F’dan il-kuntest, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) tippromwovi l-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ biex tappoġġa aktar l-iżvilupp ta’ sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri. Dawn huma mmirati biex jiżguraw is-sodisfazzjon personali, soċjali u professjonali taċ-ċittadini kollha, filwaqt li jippromwovu l-valuri demokratiċi, l-ugwaljanza, il-koeżjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u d-djalogu interkulturali, kif ukoll l-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u l-impjegabilità.

    (8)B’riflessjoni tal-ħtieġa għal approċċ fuq livell ta’ gvern sħiħ għat-trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni u t-taħriġ, fl-2022, l-Istati Membri nnominaw ir-rappreżentanti tagħhom għall-grupp ta’ livell għoli ta’ Koordinaturi Nazzjonali għad-djalogu strutturat dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali. Il-mandat tagħhom huwa li jirrappreżentaw lid-dipartimenti rilevanti fil-pajjiżi tagħhom responsabbli għal aspetti differenti tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet diġitali (inklużi l-edukazzjoni, ix-xogħol, id-diġitali, l-industrija u l-finanzi). Dan l-approċċ wera li kien utli u meħtieġ biex jgħaqqad b’mod effettiv l-għarfien espert mis-setturi differenti u jenħtieġ li jitkompla.

    (9)Fid-diskors tagħha tal-2022 dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea 38 , il-President tal-Kummissjoni ddikjarat l-2023 bħala s-Sena Ewropea tal-Ħiliet 39 . Dan jinvolvi wkoll żieda fl-isforzi kontinwi biex jittejbu l-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni diġitali, li issa jiddependu aktar minn qatt qabel fuq l-involviment u l-kontribut koordinat mill-partijiet ikkonċernati mis-setturi kollha tas-soċjetà, l-ekonomija u l-edukazzjoni u t-taħriġ.

    (10)L-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 40 jsostni li “kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex jinżammu u jinkisbu ħiliet li jippermettulhom jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u jiġġestixxu b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol.” Kull ċittadin Ewropew jenħtieġ li jkollu aċċess għall-edukazzjoni diġitali, li tippermettilu jiżviluppa l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetajiet tal-lum li qed isiru dejjem aktar diġitali. Id-dritt tal-bniedem għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità għolja u inklużivi, kif stabbilit u protett mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li jkun garantit f’kull ħin. Kull ċittadin Ewropew għandu jibbenefika minn ambjenti ta’ apprendiment xierqa, aċċessibbli u sikuri, inklużi dawk diġitali.

    (11)L-istrateġiji tal-Unjoni ta’ Ugwaljanza 41  adottati mill-Kummissjoni jenfasizzaw ir-rwol importanti tal-edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva bħala abilitant biex isir progress lejn Unjoni ta’ Ugwaljanza għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru, mill-oriġini razzjali jew etnika, mir-reliġjon jew mit-twemmin, mid-diżabilità, mill-età jew mill-orjentazzjoni sesswali.

    (12)Il-kriżi tal-COVID-19 kompliet taggrava l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, filwaqt li aggravat id-distakk diġitali. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal 42 tistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess effettiv u liberu għall-edukazzjoni u għall-attivitajiet ibbażati fl-iskola għat-tfal fil-bżonn, jiġifieri f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. Barra minn hekk, l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal 43 u l-Istrateġija għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030 jitolbu l-bini ta’ edukazzjoni inklużiva u aċċessibbli u ta’ kwalità.

    (13)L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 44 tistabbilixxi azzjonijiet li jgħinu lill-individwi u lin-negozji jiżviluppaw u jużaw aktar ħiliet u ħiliet aħjar, billi jsaħħu l-kompetittività sostenibbli u jibnu r-reżiljenza biex jirreaġixxu għall-kriżijiet, abbażi tat-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija tal-COVID-19.

    (14)Il-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali 2030 45 u d-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali 46 ppreżentaw pjan biex tinkiseb trasformazzjoni diġitali inklużiva ċċentrata fuq il-bniedem tas-soċjetà u l-ekonomija tal-UE sal-2030. Dan jinkludi qafas ta’ governanza u rapportar mal-Istati Membri bħala parti mill-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali biex jintlaħqu l-miri rilevanti fil-livell tal-Unjoni għad-Deċennju Diġitali, inkluż il-kisba ta’ konnettività universali (gigabit broadband għal kulħadd u 5G kullimkien, inkluż fiż-żoni rurali). Dawn l-inizjattivi jfittxu li jindirizzaw id-distakk diġitali eżistenti f’termini ta’ konnettività u ħiliet billi jippromwovu azzjoni u jistabbilixxu miżuri ta’ mitigazzjoni meħtieġa.

    (15)Dawn l-inizjattivi jenfasizzaw li edukazzjoni u taħriġ diġitali ta’ suċċess ifisser il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar għall-apprendiment u għat-tagħlim għal kulħadd fl-era diġitali. Is-soluzzjonijiet diġitali għamlu s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Unjoni aktar aċċessibbli matul dawn l-aħħar ftit snin. Madankollu, f’dinja li qiegħda tiżviluppa malajr, huwa vitali li jittejbu kontinwament l-effettività u l-effiċjenza tal-edukazzjoni u li jiġu appoġġati approċċi ġodda ta’ tagħlim u apprendiment, inkluż permezz ta’ soluzzjonijiet diġitali eżistenti u emerġenti.

    (16)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni diġitali fis-soċjetajiet tal-għarfien tal-Ewropa 47  jenfasizzaw li d-distribuzzjoni mifruxa tat-teknoloġiji diġitali u l-aċċess għall-internet joħolqu possibbiltajiet ġodda għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja u inklużivi fl-Ewropa. L-edukazzjoni diġitali, bħala parti integrali mill‐edukazzjoni u mit-taħriġ ta’ kwalità għolja u inklużivi, tista’ tikkomplementa t-tagħlim wiċċ imb wiċċ u tikkontribwixxi għat-titjib tal-aċċessibilità tal-kontenut edukattiv u tal-pedagoġiji, inklużjoni soċjali akbar kif ukoll għall-kisba aktar effettiva tal-kompetenzi, filwaqt li tippromwovi s-suċċess edukattiv għal kulħadd.

    (17)Fl-istess ħin, teknoloġiji ġodda u emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali malajr jidħlu f’ambjenti tal-istudenti li jġibu opportunitajiet potenzjali kif ukoll riskji, bħaċ-ċibersigurtà. Għalhekk huwa kruċjali li jiġu appoġġati l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-għalliema fl-iżvilupp ta’ fehim aħjar dwar dawn l-għodod u kif dawn jistgħu jużawhom b’mod kunfidenti u sikur għall-benefiċċju tat-tagħlim u l-apprendiment. L-Istrateġija dwar l-Intelliġenza Artifiċjali 48 , l-istrateġija Ewropea tad-data 49 , il-Proposta għal Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali 50 , l-Att dwar is-Servizzi Diġitali 51 u l-Linji gwida etiċi dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali u d-data fit-tagħlim u fl-apprendiment għall-edukaturi 52 , kif ukoll il-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali propost 53 , huma rilevanti għas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-użu tiegħu tat-teknoloġiji diġitali fil-prattika. Fl-istess ħin, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali qed iqajjem sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fost l-individwi, speċjalment it-tfal u ż-żgħażagħ, u l-organizzazzjonijiet, speċjalment l-SMEs. L-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni mhux biss se jipproteġu kontra t-theddid ċibernetiku iżda se jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp u għad-diversifikazzjoni tal-forza tax-xogħol fiċ-ċibersigurtà, filwaqt li jikkomplementaw l-isforzi tal-Akkademja tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà.

    (18)F’perspettiva tul il-ħajja, l-użu ta’ teknoloġiji diġitali biex jittejbu l-aċċessibilità u l-kwalità tat-tagħlim u tal-apprendiment huwa essenzjali għas-setturi u għal-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, li jibdew minn età bikrija sal-apprendiment għall-adulti, inkluż iċ-ċittadini anzjani.

    (19)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza 54 tipproponi viżjoni ta’ politika tal-Unjoni dwar il-VET immodernizzata, inkluż id-diġitalizzazzjoni tagħha u l-użu tal-apprendiment imħallat. Id-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala abilitant tal-irkupru u tat-tranżizzjonijiet ġusti lejn ekonomiji diġitali u ekoloġiċi 55 tiddikjara li l-apprendiment diġitali jista’ jkollu rwol importanti u komplementari.

    (20)L-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej 56 , li tappoġġa alleanzi transnazzjonali ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, tippromwovi l-ħolqien u l-kondiviżjoni ta’ kontenut diġitali għall-istudenti, għall-persunal, għar-riċerkaturi u għaċ-ċittadini. L-apprendiment online u mħallat jappoġġaw l-għan tal-universitajiet Ewropej li jżidu l-mobilità tal-istudenti u tal-persunal tagħhom, joffru perkorsi tal-apprendiment aktar flessibbli u jżidu approċċi transdixxiplinarji biex l-istudenti u l-persunal jintrabtu mas-settur pubbliku u privat.

    (21)Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti 57 għandhom l-għan li jipprovdu lill-adulti bi kwalifiki baxxi b’opportunitajiet flessibbli biex itejbu l-ħiliet bażiċi tagħhom, inklużi l-kompetenzi diġitali rilevanti għas-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà. Dan jista’ jinkiseb fil-prattika billi jingħata taħriġ f’ambjenti ta’ apprendiment adatti li fihom għalliema u ħarrieġa kwalifikati japplikaw metodi ta’ tagħlim speċifiċi għall-adulti u jisfruttaw il-potenzjal tal-apprendiment diġitali.

    (22)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għalliema u l-ħarrieġa Ewropej għall-futur 58 jirrikonoxxu li l-għalliema, il-ħarrieġa u l-mexxejja tal-iskejjel huma forza indispensabbli li tmexxi l-edukazzjoni u t-taħriġ. Dawn għandhom ikunu involuti fil-ħolqien ta’ politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, b’awtonomija fl-applikazzjoni ta’ dawn il-politiki fil-prattika. Madankollu, dawn jeħtieġu wkoll l-appoġġ ta’ approċċ komprensiv għall-edukazzjoni inizjali, l-induzzjoni u l-iżvilupp professjonali kontinwu.

    (23)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċi ta’ tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva 59 tirrakkomanda l-inkorporazzjoni ta’ approċċi ta’ apprendiment imħallat fl-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u fi programmi ta’ żvilupp professjonali kontinwu. Tirrakkomanda wkoll l-appoġġ lill-persunal edukattiv fl-użu ta’ għodod u materjali diġitali, inkluż l-għarfien dwar kif għandu jopera b’mod sikur u etiku f’ambjenti diġitali.

    (24)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli 60 tenfasizza l-importanza tal-kompetenzi diġitali tal-edukaturi u tal-infrastruttura diġitali, kif ukoll tal-għodod u r-riżorsi biex jissaħħu t-tagħlim u l-apprendiment għas-sostenibilità.

    (25)Għalhekk huwa essenzjali li l-għalliema jiġu ttrattati bħala sħab ewlenin fit-trasformazzjoni diġitali b’suċċess fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Bħala sħab ewlenin f’dan il-proċess jeħtieġ li jkunu involuti mill-qrib u kkonsultati fl-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali, kif ukoll mgħammra bil-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-użu effettiv tagħhom.

    (26)Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. L-Istati Membri se jiddeċiedu, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, kif se jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni,

    JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

    1.Jaqblu, permezz ta’ approċċ ta’ gvern sħiħ, u flimkien mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, fuq strateġija nazzjonali għall-edukazzjoni u għall-ħiliet diġitali, żviluppata jew aġġornata skont il-prinċipji ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, u jimmonitorjaw l-effettività u l-impatt tagħha. Sabiex jilħqu l-istrateġija nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li b’mod partikolari:

    1.1.Jistabbilixxu b’mod integrat objettivi nazzjonali għat-trasformazzjoni diġitali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali, u jiżguraw li dawn jiġu rieżaminati u aġġornati regolarment.

    1.2.Jallinjaw l-objettivi nazzjonali msemmija fil-punt 1.1 mal-prijoritajiet strateġiċi tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021–2027 u l-miri fil-livell tal-Unjoni tal-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali.

    1.3.Jistabbilixxu miri nazzjonali ambizzjużi għall-fatturi abilitanti ewlenin f’konformità ma’ din ir-Rakkomandazzjoni u mal-objettivi nazzjonali għat-trasformazzjoni diġitali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    1.4.Jimmonitorjaw il-progress fl-ilħuq tal-miri nazzjonali msemmija fil-punt 1.3 u jippubblikaw rapporti fuq bażi regolari, inklużi t-tagħlimiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet għat-titjib.

    1.5.Iwettqu evalwazzjonijiet regolari tal-impatt tal-politiki u tal-prattiki tal-edukazzjoni diġitali, inkluż dwar l-eżiti tal-apprendiment, l-aċċessibilità u l-inklużjoni, l-ugwaljanza u l-benesseri, b’approċċ ta’ apprendiment tul il-ħajja, u jiżviluppaw riċerka dwar dawk is-suġġetti.

    2.Iżidu l-effiċjenza, l-effettività u r-reżiljenza tal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali billi jippromwovu sinerġiji u koordinazzjoni fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni u jiżguraw approċċ ta’ gvern sħiħ u ta’ diversi partijiet ikkonċernati. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li:

    2.1.Jorganizzaw djalogi regolari bejn il-partijiet differenti tal-gvern involuti fit-twettiq tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali f’livelli xierqa f’konformità mal-istruttura tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġi żgurat l-allinjament, jittieħdu benefiċċji mis-sinerġiji, u jiġi pprevenut l-infiq doppju.

    2.2.Jiżguraw l-involviment strutturali tal-partijiet ikkonċernati u tas-sħab soċjali fit-tfassil, fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni u fil-proċessi ta’ evalwazzjoni tal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali, inkluża l-parteċipazzjoni attiva ta’ dawk mingħajr korpi rappreżentattivi formali, bħall-ġenituri u l-istudenti, inklużi dawk minn kuntesti soċjoekonomiċi, settorjali u territorjali u ta’ etajiet differenti.

    2.3.Jistabbilixxu kooperazzjoni u skambju sostenibbli mas-settur privat u mal-fornituri tat-teknoloġija, inklużi l-fornituri tat-teknoloġija tal-edukazzjoni, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u n-negozji ġodda fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet li jirriflettu l-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni, inklużi s-sovranità diġitali, l-interoperabilità, is-sigurtà, il-privatezza u t-trasparenza tad-data kif ukoll l-użu sostenibbli ta’ riżorsi u enerġija rari għal skopijiet diġitali, billi:

    2.3.1.jappoġġaw ir-riċerka, l-iżvilupp u l-ittestjar ta’ għodod u teknoloġiji edukattivi diġitali, inklużi dawk ibbażati fuq teknoloġiji emerġenti inklużi r-realtà estiża, ir-realtà virtwali, ir-realtà awmentata, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u l-metaverse;

    2.3.2.jippromwovu sħubijiet pubbliċi-privati għall-iżvilupp u l-iskjerament ta’ soluzzjonijiet ta’ edukazzjoni diġitali, fejn xieraq;

    2.3.3.jipprovdu inċentivi għar-riċerka dwar il-kwalità, l-inklużjoni, l-aċċessibilità u l-impatt tas-soluzzjonijiet tal-edukazzjoni diġitali, inklużi dawk ibbażati fuq teknoloġiji emerġenti.

    2.4.Jinvolvu ruħhom fl-apprendiment bejn il-pari, fl-iskambju ta’ prattiki u fil-koordinazzjoni, inkluż fis-setturi ta’ politika differenti, fil-livell Ewropew u internazzjonali, biex jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-isfidi transfruntiera.

    3.Jiżguraw taħriġ diġitali għall-persunal kollu tat-tagħlim u ta’ appoġġ u jippromwovu l-bini tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li:

    3.1.Jiżguraw li l-għalliema u l-persunal li jgħallem kollha jiġu appoġġati fl-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali fil-pedagoġija tagħhom, jiġifieri fl-użu tat-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim, għall-apprendiment u għall-valutazzjoni. Dak l-appoġġ jenħtieġ li b’mod partikolari jieħu l-forom li ġejjin:

    3.1.1.jinvolvi lill-għalliema fid-deċiżjonijiet istituzzjonali dwar kif għandu jiġi integrat it-tagħmir diġitali fit-tagħlim u fl-apprendiment u fl-għażla u fl-iżvilupp tal-kontenut tal-edukazzjoni diġitali;

    3.1.2.jintroduċi pedagoġija diġitali obbligatorja fil-programmi inizjali kollha tal-edukazzjoni għall-għalliema qabel id-dħul tagħhom fis-servizz, u jappoġġa l-fornituri ta’ dawk il-programmi bir-riżorsi u l-faċilitajiet meħtieġa għal dak il-għan; jikkoopera fil-livell tal-UE dwar l-iżvilupp, it-twassil u l-valutazzjoni tal-kurrikulu tal-pedagoġija diġitali għall-għalliema;

    3.1.3.jiżgura li l-għalliema kollha fis-servizz u l-persunal li jgħallem jiġu pprovduti b’opportunitajiet regolari u bil-ħin biex jiżviluppaw u jaġġornaw il-ħiliet diġitali tagħhom fi żvilupp professjonali kontinwu;

    3.1.4.jirrikonoxxi u jinċentiva formati flessibbli, aċċessibbli u innovattivi ta’ titjib tal-ħiliet diġitali bħat-taħriġ online, korsijiet qosra li jwasslu għal mikrokredenzjali, skambji tal-persunal nazzjonali u internazzjonali, apprendiment bejn il-pari, u titjib tal-ħiliet diġitali permezz ta’ proġetti kollaborattivi, networks, u komunitajiet ta’ prattika u riċerka;

    3.1.5.juża opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ pedagoġija diġitali permezz tal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+;

    3.1.6.jirrifletti l-ħtieġa għall-benesseri diġitali fil-proċess tat-tagħlim u tal-apprendiment u t-tfassil ta’ approċċi u ambjenti ta’ tagħlim u apprendiment diġitali ta’ appoġġ.

    3.2.Jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex irawmu t-trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni u t-taħriġ billi:

    3.2.1.jippromwovu l-bini tal-kapaċitajiet u l-użu ta’ oqfsa u għodod ta’ awtovalutazzjoni bħal SELFIE (għodda ta’ awtoriflessjoni mfassla biex tgħin lill-iskejjel jinkorporaw teknoloġiji diġitali fit-tagħlim, fl-apprendiment u fil-valutazzjoni, abbażi tal-qafas ta’ DigCompOrg għall-mexxejja tal-iskejjel), SELFIEforTEACHERS (abbażi tal-qafas ta’ DigCompEdu), u HEInnovate (għodda ta’ awtovalutazzjoni għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja), biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u l-objettivi istituzzjonali għat-trasformazzjoni u t-titjib tal-ħiliet diġitali;

    3.2.2.jinkludi kriterji dwar il-fatturi abilitanti għall-edukazzjoni u għat-taħriġ diġitali fil-proċessi interni u esterni tal-assigurazzjoni tal-kwalità għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

    3.2.3.jgħinu lill-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jimplimentaw it-trasformazzjoni diġitali, inkluż billi joffru żvilupp professjonali kontinwu;

    3.2.4.jippromwovu żieda fl-iskala ta’ prattika tajba bbażata fuq l-evidenza billi jagħtu rikonoxximent lill-istituzzjonijiet li jadottaw kmieni, li jkunu tejbu t-tagħlim u l-apprendiment permezz tal-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali, u jappoġġaw skambji bejn il-pari;

    3.2.5.jinkoraġġixxu djalogu kontinwu bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-industrija dwar il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet tal-iżvilupp u tat-taħriġ, l-iskambju tal-esperjenza u l-għoti ta’ feedback dwar il-prodotti u t-teknoloġiji użati fit-tagħlim u fl-apprendiment;

    3.2.6.jiżguraw li kull skola jkollha aċċess għall-amministraturi tal-ICT u tal-pedagoġija diġitali biex jgħinu lill-għalliema u lill-istudenti jagħżlu, jużaw, jimmaniġġaw u jżommu b’mod effettiv apparati u għodod diġitali għat-tagħlim, għall-apprendiment u għall-valutazzjoni;

    3.2.7.jieħdu miżuri komprensivi biex jindirizzaw iċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jinkoraġġixxu l-persunal kollu biex jieħu taħriġ fiċ-ċibersigurtà, is-sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fost l-istudenti u l-iżgurar ta’ politiki ta’ sigurtà robusti u kontroll tal-aċċess filwaqt li jsir użu sħiħ minn soluzzjonijiet teknoloġiċi moderni bħall-kriptografija u l-awtentikazzjoni.

    4.Jippromwovu investiment ekwu u ffokat fuq l-impatt f’edukazzjoni u taħriġ diġitali ta’ kwalità għolja, reżiljenti u inklużivi. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li:

    4.1.Iżidu l-effiċjenza u l-impatt tal-infiq fuq il-konnettività, it-tagħmir, l-infrastruttura, l-għodod diġitali u l-kontenut billi:

    4.1.1.jikkoordinaw proċessi ta’ akkwist biex jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala fejn possibbli, filwaqt li jippermettu flessibilità għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li jqisu wkoll il-ħtieġa għal sostenibilità u aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità; jikkooperaw fil-livell tal-UE dwar standards u speċifikazzjonijiet li jistgħu jintużaw għal kwistjonijiet bħall-akkwist organizzat fil-qasam tal-edukazzjoni diġitali;

    4.1.2.iqisu approċċi alternattivi għall-investiment, inklużi sħubijiet pubbliċi-privati, skemi ta’ donazzjoni, ir-rinnovazzjoni ta’ tagħmir użat, kif ukoll it-traduzzjoni u l-użu mill-ġdid, fejn rilevanti, ta’ kontenut ta’ edukazzjoni diġitali minn Stati Membri oħrajn;

    4.1.3.jagħtu appoġġ, għarfien espert u għarfien prattiku mfasslin apposta, pereżempju fil-forma ta’ sħubijiet pubbliċi-privati, korpi konsultattivi jew kmamar ta’ tmexxija/ikklerjar, biex l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu jistgħu jagħżlu soluzzjonijiet ta’ edukazzjoni diġitali xierqa li jkunu mfassla għall-ħtiġijiet ta’ tagħlim u ta’ apprendiment tagħhom u jindirizzaw is-sigurtà diġitali, l-aċċessibilità, il-privatezza tad-data u l-benesseri diġitali b’mod strateġiku;

    4.1.4.jiżguraw li l-investimenti f’tagħmir, f’infrastruttura, f’għodod u f’kontenut diġitali ġodda jkunu akkumpanjati minn taħriġ korrispondenti.

    4.2.Biex jiġi pprovdut aċċess ugwali għall-istudenti kollha, jiġi żgurat investiment adegwat fi:

    4.2.1.konnettività tal-internet b’veloċità għolja biex tinkiseb konnettività tal-internet tal-gigabit 100 % jew ogħla fl-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ u biex jingħalqu d-diskrepanzi territorjali u soċjoekonomiċi billi tintuża varjetà ta’ teknoloġiji u alternattivi differenti, fibra, 5G u satellita, f’konformità mal-miri fil-livell tal-Unjoni għall-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali;

    4.2.2.it-titjib tat-tagħmir diġitali tal-klassi u l-iżgurar li l-għalliema u l-persunal tat-tagħlim kollha jkollhom aċċess għal apparat personalizzat (desktop, laptop jew tablet) biex jarrikkixxu l-prattika pedagoġika tagħhom;

    4.2.3.l-iżgurar li l-istudenti kollha jkollhom aċċess għal apparat personalizzat fl-iskola li jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u li l-apparati kollha jingħataw manutenzjoni regolarment;

    4.2.4.id-diġitalizzazzjoni tal-materjali tat-tagħlim u tal-apprendiment u l-iżvilupp ta’ kontenut edukattiv diġitali modern, aċċessibbli u ta’ kwalità għolja, allinjati mal-kurrikuli u mal-prattiki pedagoġiċi tajbin;

    4.2.5.l-iskjerament u l-integrazzjoni ta’ servizzi ċentralizzati rilevanti, inkluż permezz ta’ soluzzjonijiet cloud, bħal sistemi ta’ apprendiment virtwali u ġestjoni tal-amministrazzjoni (inklużi għodod siguri ta’ komunikazzjoni u kollaborazzjoni, repożitorji tal-kontenut edukattiv, ġestjoni tal-klassijiet u valutazzjonijiet diġitali) fl-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li jiġu żgurati l-interoperabilità, il-privatezza u s-sigurtà tad-data tagħhom;

    4.2.6.l-iżgurar ta’ edukazzjoni inklużiva billi tiġi ssalvagwardjata l-aċċessibilità tal-kontenut u t-teknoloġiji tal-edukazzjoni diġitali għall-istudenti u għall-għalliema b’diżabilità u billi jiġu pprovduti tagħmir u soluzzjonijiet speċjalizzati għall-istudenti bi bżonnijiet edukattivi speċjali, filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni dwar l-aċċessibilità, b’mod partikolari d-Direttivi (UE) 2016/2102 61 u (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 62 .

    JILQA’ L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

    1.Tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni permezz ta’: il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Edukazzjoni u l-Ħiliet Diġitali li għandu jiġi stabbilit b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    Tappoġġa l-kontinwazzjoni u l-funzjonament effettivi tal-Grupp ta’ Livell Għoli stabbilit għad-Djalogu Strutturat mal-Istati Membri bil-għan li jipprovdi gwida dwar suġġetti strateġiċi ewlenin indirizzati f’din ir-Rakkomandazzjoni. Il-grupp jista’ jistabbilixxi sottogruppi tekniċi, notevolment dwar il-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet diġitali, l-iżvilupp tal-kurrikulu, u r-rekwiżiti tal-kwalità għall-għodod u l-kontenut tal-edukazzjoni diġitali. Din il-ħidma jenħtieġ li tiżgura l-konsistenza u l-komplementarjetà mal-ħidma mwettqa mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 63 u mill-Bord tad-Deċennju Diġitali 64 .

    2. Tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattika, l-apprendiment bejn il-pari u l-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni beħsiebha:

    2.1.Tippermetti l-iskambju tal-aħjar prattika, tan-networks u tal-apprendiment bejn il-pari fost l-Istati Membri, dawk li jfasslu l-politika, il-prattikanti u l-partijiet ikkonċernati mis-settur privat u pubbliku permezz ta’ għodod, pjattaformi u komunitajiet eżistenti (Grupp ta’ Ħidma dwar l-Edukazzjoni Diġitali: Apprendiment, Tagħlim u Valutazzjoni (DELTA), iċ-Ċentru Ewropew tar-Riżorsi Diġitali SALTO, il-Pjattaforma Ewropea tal-Edukazzjoni fl-Iskejjel, inkluż l-eTwinning, il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE), pjattaforma tal-Internet Aħjar għat-Tfal, proġetti ta’ Strument ta’ Appoġġ Tekniku), inkluż billi jiġi promoss iċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Diġitali bħala punt ewlieni ta’ dħul għall-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali fl-Unjoni.

    2.2.Tippromwovi l-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-fornituri tas-software u tal-hardware, dwar l-infrastruttura u l-għodod diġitali u l-użu sostenibbli tagħhom fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, filwaqt li tippromwovi l-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni dwar il-privatezza, il-protezzjoni tad-data u l-interoperabilità.

    2.3. Tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-fatturi abilitanti għall-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali.

    3. Tappoġġa t-taħriġ diġitali tal-għalliema, tal-persunal tat-tagħlim u ta’ appoġġ tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ. B’mod partikolari, il-Kummissjoni beħsiebha:

    3.1.Tappoġġa, permezz ta’ Erasmus+, il-mobilità bl-għan li jittejbu l-ħiliet tal-għalliema, tal-persunal tat-tagħlim u ta’ appoġġ tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-użu tat-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim, fl-apprendiment u fl-amministrazzjoni, inkluż fir-rigward tal-kapaċitajiet li jinbidlu malajr tat-teknoloġiji emerġenti.

    3.2.Tippromwovi għodod bħal DigCompEdu u SELFIEforTEACHERS, u tappoġġa l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp u t-twassil ta’ korsijiet dwar il-pedagoġija diġitali għall-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu.

    3.3.Tippromwovi t-tnedija tal-linji gwida etiċi dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali u d-data fit-tagħlim u fl-apprendiment biex tgħin lill-għalliema tal-primarja u tas-sekondarja jintegraw b’mod effettiv l-intelliġenza artifiċjali u d-data fl-edukazzjoni fl-iskejjel, u jibnu fuqhom biex iqisu l-implikazzjonijiet tal-użu ħażin tat-teknoloġiji emerġenti bħall-intelliġenza artifiċjali ġenerattiva u jiġġieldu r-riskji.

    4. Tappoġġa l-investiment iffokat fuq l-impatt fl-infrastruttura u s-servizzi tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali permezz ta’ finanzjament nazzjonali u tal-Unjoni u ssaħħaħ l-evidenza dwar l-effettività u l-effiċjenza tal-politiki u l-għodod tal-edukazzjoni diġitali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni beħsiebha:

    4.1.Tappoġġa l-investiment tal-Istati Membri fl-infrastruttura tal-edukazzjoni diġitali essenzjali (inklużi l-konnettività, it-tagħmir, l-għodod u l-kontenut diġitali) permezz tal-finanzjament tal-Unjoni u ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-politiki eżistenti tal-Unjoni u l-istrumenti u l-programmi ta’ finanzjament u l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali għall-edukazzjoni diġitali u d-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel.

    4.2.Fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi rapidi, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, tappoġġa l-iżvilupp ta’ linji gwida u rekwiżiti ta’ kwalità għal kontenut ta’ edukazzjoni diġitali aċċessibbli, imfassal tajjeb u ta’ kwalità għolja u ambjenti u għodod tal-apprendiment virtwali (bħal sistemi u applikazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-apprendiment awtonomi) biex tgħin lis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jevalwaw b’mod sistematiku l-kwalità, is-sikurezza, l-affidabilità, l-utilità u l-inklużività tagħhom.

    4.3.Tappoġġa lill-Istati Membri u lill-fornituri tat-teknoloġija fl-indirizzar tal-isfidi tal-interoperabilità marbuta mal-pjattaformi u s-servizzi tal-edukazzjoni diġitali f’setturi differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    4.4.Iżżid il-koordinazzjoni tar-riċerka, tippromwovi ż-żieda bbażata fuq l-evidenza tal-aħjar prattiki u appoġġ, permezz tal-programmi Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali u Erasmus+, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-iskjerament ta’ soluzzjonijiet diġitali għat-tagħlim, għall-apprendiment u għall-valutazzjoni, u l-ittestjar tal-impatt tagħhom fuq it-titjib tal-eżiti tal-apprendiment u l-ekwità.

    4.5.Tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ politiki effettivi u effiċjenti tal-edukazzjoni diġitali billi ttejjeb l-evidenza, l-evalwazzjoni u l-analiżi ta’ dawk il-politiki permezz tal-Laboratorju tal-Apprendiment dwar l-Investiment fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta’ Kwalità, kif ukoll tipprovdi gwida mmirata u appoġġ tekniku permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.

    4.6.Tiffaċilita skambji dwar approċċi nazzjonali u l-aħjar prattika dwar l-akkwist effettiv ta’ tagħmir u infrastruttura diġitali għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz, inter alia, tan-Network tas-Servizzi ta’ Konsulenza Nazzjonali dwar l-edukazzjoni diġitali.

    4.7.Tappoġġa t-trasformazzjoni diġitali tal-kredenzjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri, b’mod partikolari bl-introduzzjoni ulterjuri tal-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-infrastruttura tal-Apprendiment.

    5. Ittejjeb it-trasparenza u tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni beħsiebha:

    5.1.Tikkontribwixxi għall-bini ta’ data komparattiva dwar il-fatturi abilitanti ewlenin tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali fl-Unjoni billi twettaq stħarriġ dwar l-Edukazzjoni Diġitali fl-Ewropa kull 3 snin fl-Istati Membri, filwaqt li tibni fuq u tkompli tiżviluppa l-“Istħarriġ Ewropew dwar l-Iskejjel: ICT fl-Edukazzjoni”, bl-għan li jinġabar l-ewwel sett komprensiv ta’ data sal-2025.

    5.2.Timmonitorja u tirrapporta dwar il-progress dwar il-fatturi abilitanti għall-edukazzjoni u għat-taħriġ diġitali, filwaqt li tqis l-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri, fi ħdan il-qafas taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, bħall-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

    5.3.Tappoġġa l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fi stħarriġ internazzjonali li jipprovdi data komparattiva dwar is-sitwazzjoni attwali tal-prontezza tal-għalliema għall-edukazzjoni diġitali, b’mod partikolari l-Istħarriġ Internazzjonali dwar it-Tagħlim u l-Apprendiment tal-OECD.

    5.4.Tirrieżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u tirrapporta lill-Kunsill mhux aktar tard minn ħames (5) snin wara l-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Strasburgu,

       Għall-Kunsill

       Il-President

    (1)    2021/C 66/01
    (2)    COM(2020) 624 final
    (3)    2020/C 415/10
    (4)    Iċ-ċifri f’dan il-paragrafu huma kkalkolati bl-użu tal-Anness VII tar-Regolament RRF.
    (5)    Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481
    (6)    COM(2022) 28 final
    (7)    COM(2022) 212 final
    (8)    COM/2020/274 final
    (9)    COM(2021) 102 final
    (10)    Il-Kummissjoni Ewropea (2019). 2nd Survey of Schools: ICT in Education. Il-Lussemburgu: Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE
    (11)    SWD(2021)167 final
    (12)    COM(2016)587
    (13)    Il-Kummissjoni Ewropea (2019). 2nd Survey of Schools: ICT in Education. Il-Lussemburgu: Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE
    (14)    Ibid.
    (15)    OECD (2018). Getting ready for the digital world, PISA 2018: Insights and Interpretations. Pariġi: OECD Publishing.
    (16)    Biagi F., Rodrigues M. (2017). Digital technologies and learning outcomes of students from low socio-economic background: An analysis of PISA 2015. Rapport tal-JRC dwar ix-Xjenza għall-Politika.
    (17)    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Skeda indikattiva tal-pubblikazzjoni tar-rapporti minn Jannar sa Diċembru 2023, https://www.eca.europa.eu/sites/ep/en/Documents/Timetable_of_upcoming_publications_EN.pdf
    (18)    Fraillon, J. Ainley, J., Schulz, W., Friedman, T., Duckworth, D. (2019). Preparing for Life in a Digital World: International Computer and Information Literacy Study 2018 International Report. Amsterdam: IEA.
    (19)    Il-Kummissjoni Ewropea (2019). 2nd Survey of Schools: ICT in Education. Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
    (20)    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, SWD(2020) 209 final
    (21)    Il-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020
    (22)    OECD (2019), TALIS 2018 Results (Volume I): Teachers and School Leaders as Lifelong Learners, TALIS. Pariġi: OECD Publishing
    (23)    OECD (2019), TALIS 2018 Results (Volume I): Teachers and School Leaders as Lifelong Learners, TALIS. Pariġi: OECD Publishing
    (24)    Il-Kummissjoni Ewropea / l-EACEA / il-EuryEurysia (2019). L-Edukazzjoni Diġitali fl-Iskola fl-Ewropa. Rapport tal-Eurydice. Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
    (25)     https://sdgs.un.org/
    (26)    COM(2020) 625 final
    (27)    COM(2020) 624 final
    (28)    COM(2020) 274 final.
    (29)    Deċiżjoni (UE) 2022/2481
    (30)    SWD/2020/209 final
    (31)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12453-Digital-education-action-plan-update-/public-consultation_mt  
    (32)    Rapport fil-qosor huwa mehmuż mad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal;
    (33)    Referenzi sħaħ huma disponibbli fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. 
    (34)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, COM(2020) 625 final, 30.9.2020.
    (35)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027. Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali”, COM(2020) 624 final, 30.9.2020.
    (36)    ĠU C 415, 1.12.2020, p. 22.
    (37)     Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali – Azzjoni 1 | Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (europa.eu)
    (38)     Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President von der Leyen (europa.eu)
    (39)    COM(2022) 526 final.
    (40)    ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10.
    (41)    Fl-2020 u fl-2021 ġew adottati ħames strateġiji ta’ ugwaljanza biex isir progress lejn Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 ; Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 ; Pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025 ; Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni 2020-2030;  L-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030 .
    (42)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14).
    (43)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal”, COM(2021) 142 final tal-24.3.2021.
    (44)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza” COM(2020) 274 final tal-1.7.2020.
    (45)    Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4).
    (46)    ĠU C 23, 23.1.2023, p. 1.
    (47)    ĠU C 415, 1.12.2020, p. 22
    (48)

       Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa”, COM (2018) 237 final tal-25.4.2018.

    (49)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għad-data”, COM(2020) 66 final, tad-19.2.2020.
    (50)    COM(2021)206 final.
    (51)    Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).
    (52)

       Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura, il-Linji gwida etiċi dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u d-data fit-tagħlim u l-apprendiment għall-edukaturi, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022, https://data.europa.eu/doi/10.2766/153756.

    (53)

       https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/europe-fit-digital-age/european-digital-identity_mt

    (54)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1).
    (55)    Approvata fit-30 ta’ Novembru 2020
    (56)     Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej | Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (europa.eu)
    (57)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1).
    (58)    ĠU C 193, 9.6.2020, p. 11. 
    (59)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 2021 dwar approċċi ta’ tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva (ĠU C 504, 14.12.2021, p. 21).
    (60)    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli (ĠU C 243, 27.6.2022, p. 1).
    (61)    Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibilità tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).
    (62)    Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibilità għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).
    (63)    Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-istruttura ta’ governanza tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (ĠU C 497, 10.12.2021, p. 1).
    (64)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2022 li tistabbilixxi l-grupp ta’ esperti “il-Bord tad-Deċennju Diġitali” - C(2022) 7141.
    Top