IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.3.2023
COM(2023) 141 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
Gwida tal-politika fiskali għall-2024
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023DC0141
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL Fiscal policy guidance for 2024
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Gwida tal-politika fiskali għall-2024
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Gwida tal-politika fiskali għall-2024
COM/2023/141 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.3.2023
COM(2023) 141 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
Gwida tal-politika fiskali għall-2024
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL
Gwida tal-politika fiskali għall-2024
1.Introduzzjoni
L-ekonomija Ewropea daħlet fl-2023 fuq bażi aktar b’saħħitha milli mbassar fil-ħarifa. Il-prezz referenzjarju tal-gass Ewropew waqa’ taħt il-livelli li kienu prevalenti qabel l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, megħjuna mit-trażżin tad-domanda u d-diversifikazzjoni kontinwa tal-provvista. Is-swieq tax-xogħol komplew ukoll jagħtu prestazzjoni tajba ħafna, bir-rata tal-qgħad fl-UE li baqgħet fl-aktar livell baxx qatt qabel f’Diċembru 2022. Tliet xhur ta’ tnaqqis fir-rati tal-inflazzjoni jissuġġerixxu li l-quċċata issa qbiżnieha, filwaqt li l-pressjonijiet inflazzjonarji ewlenin għadhom għoljin u r-riskji qegħdin jikbru. Is-sentiment ekonomiku kompla jitjieb ukoll, li jindika li l-attività ekonomika tal-UE tista’ tevita kontrazzjoni fl-ewwel trimestru tal-2023 u tevita bi żbrixx ir-reċessjoni li kienet mistennija qabel.
Fl-istess ħin, l-ekonomija Ewropea għadha qed tiffaċċja diffikultajiet kbar u livelli għoljin ta’ inċertezza. Bil-pressjonijiet inflazzjonarji persistenti, l-issikkar tal-politika monetarja huwa mistenni li jkompli, u b’hekk titnaqqas id-domanda. It-tkabbir huwa għaldaqstant mistenni li jibqa’ baxx fl-2023, għalkemm it-tbassir tax-xitwa 2023 tal-Kummissjoni tejjeb il-prospettiva tat-tkabbir għal din is-sena. Fil-kuntest tal-qagħda ġeopolitika attwali, għad hemm nuqqas kbir ta’ ċertezza.
Fl-2023-24, jenħtieġ li l-politiki fiskali jkollhom l-għan li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn fuq terminu medju kif ukoll li jżidu t-tkabbir potenzjali b’mod sostenibbli. Il-miżuri fiskali taffew l-impatt tal-kriżi tal-enerġija fuq in-negozji u l-konsumaturi. Madankollu, l-istimolu fiskali fuq bażi wiesgħa għad-domanda aggregata mhuwiex ġustifikat u miżuri ta’ appoġġ għaljin ma jistgħux ikomplu b’mod indefinit: l-enfasi issa trid tkun fuq it-tisħiħ tas-sostenibbiltà fiskali permezz ta’ konsolidazzjoni fiskali gradwali u, fejn għadu meħtieġ, fuq miżuri fiskali mmirati li jappoġġaw unitajiet domestiċi vulnerabbli u ditti affettwati minn prezzijiet għoljin tal-enerġija. Politika fiskali prudenti se tgħin biex tiżgura l-istabbiltà tal-ekonomija Ewropea u tiffaċilita t-trażmissjoni effettiva tal-politika monetarja f’ambjent ta’ inflazzjoni għolja, filwaqt li żżid it-tkabbir potenzjali.
Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi gwida għall-Istati Membri dwar it-twettiq u l-koordinazzjoni tal-politika fiskali, fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċjaw il-finanzi pubbliċi u l-ekonomija u d-diskussjonijiet dwar il-qafas futur tal-governanza ekonomika. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2022 dwar orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE (minn hawn’ il quddiem “orjentazzjonijiet ta’ riforma”) iddikjarat li l-Kummissjoni se tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida fiskali għall-2024 fl-ewwel kwart tal-2023. ( 1 ) Il-qafas fiskali tal-UE bħalissa jinsab f’fażi tranżitorja. Ir-rieżami tal-governanza ekonomika tnieda inizjalment fi Frar 2020, fejn ġew rikonoxxuti l-oqsma tal-qafas li kienu jeħtieġu titjib. Ritorn għall-implimentazzjoni unika tar-regoli tal-qafas legali eżistenti jonqos ukoll milli jirrikonoxxi r-realtà l-ġdida ta’ wara l-pandemija. Peress li għadu mhux fis-seħħ qafas legali ġdid, ibbażat fuq l-eżitu tar-rieżami tal-governanza ekonomika li għaddej, il-qafas legali attwali jkompli japplika. Fl-istess ħin, biex ikun hemm pont effettiv għat-tħaddim tas-sett futur ta’ regoli fiskali tal-UE u biex jitqiesu l-isfidi attwali, xi elementi tal-orjentazzjonijiet ta’ riforma tal-Kummissjoni jistgħu jiġu inkorporati fiċ-ċiklu ta’ sorveljanza fiskali li se jibda fir-rebbiegħa tal-2023. Għalhekk, kif indikat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2022, il-gwida tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika u s-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru kif ukoll dawk l-elementi tal-orjentazzjonijiet ta’ riforma tal-Kummissjoni li huma konsistenti mal-ispirtu tal-qafas legali eżistenti. Se jkun kruċjali li jintlaħaq ftehim dwar il-qafas futur ta’ governanza ekonomika malajr kemm jista’ jkun li jkun hemm sett ta’ regoli fiskali tal-UE li jqisu bis-sħiħ ir-realtà l-ġdida ta’ wara l-pandemija.
Il-gwida tfittex li tinforma t-tħejjijiet tal-Istati Membri dwar il-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Fir-rebbiegħa se tiġi segwita b’rakkomandazzjonijiet fiskali speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) għall-2024 li se jiggwidaw ukoll it-tħejjija u l-valutazzjoni tal-Abbozzi ta’ Pjanijiet Baġitarji fil-ħarifa.
Il-kumplament tal-Komunikazzjoni tikkonsisti f’sitt taqsimiet. It-Taqsima 2 tiddeskrivi l-prospetti ekonomiċi għal din is-sena u ta’ wara, abbażi tat-tbassir tax-xitwa 2023 tal-Kummissjoni. It-Taqsima 3 tipprovdi s-sitwazzjoni attwali tar-rieżami tal-governanza ekonomika li għaddej bħalissa. It-Taqsima 4 tiddiskuti r-rispons tal-politika fiskali għall-kriżi tal-enerġija. It-Taqsima 5 tiddiskuti l-implikazzjonijiet għad-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali għall-gwida fiskali fl-2024. It-Taqsima 6 tiddiskuti l-ftuħ ta’ Proċeduri ta’ Defiċit Eċċessiv (EDPs). Fl-aħħar nett, it-Taqsima 7 tiddeskrivi l-passi li jmiss.
2.Il-qagħda u l-prospettiva ekonomika
It-tbassir tax-xitwa 2023 tal-Kummissjoni neħħa l-prospettiva tat-tkabbir għall-2023. Il-kriżi tal-enerġija u t-termini ta’ telf kummerċjali li rriżultaw minn dan kellhom impatt fuq il-produzzjoni u dgħajfu l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi, b’piż fuq il-fiduċja ekonomika. Madankollu, l-unitajiet domestiċi u d-ditti wrew reżiljenza notevoli u l-inflazzjoni issa tidher li laħqet il-quċċata tagħha, u dan għandu jippermetti li t-tkabbir jirkupra fir-rebbiegħa. Is-swieq tax-xogħol huma mistennija li jibqgħu b’saħħithom minkejja l-ambjent diffiċli, għalkemm l-inflazzjoni tkompli tisboq it-tkabbir fil-pagi, u b’hekk iddgħajjef il-konsum. In-nefqa taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni huma mistennija li tkompli tiżdied, filwaqt li tappoġġa l-investiment pubbliku. Wara staġnar wiesa’ fl-aħħar tliet xhur tal-2022, aktar milli waqa’ kif mistenni, it-tkabbir reali tal-PDG huwa mbassar li jkun ta’ 0.8 % fl-UE fl-2023, flimkien ma’ inflazzjoni ta’ 6.4 %. Fl-2024, it-tkabbir tal-PDG tal-UE huwa mistenni li jilħaq it1.6 % u l-inflazzjoni timmodera għal 2.8 %. Il-kombinazzjoni ta’ tkabbir ekonomiku kajman u inflazzjoni għolja fit-terminu qasir titlob koordinazzjoni b’saħħitha tal-politika fiskali tal-UE u taż-żona tal-euro, abbażi ta’ gwida ċara li tista’ tiġi mmonitorjata b’mod trasparenti. Dan se jgħin ukoll biex tiġi żgurata taħlita ta’ politiki konsistenti.
L-inċertezza dwar il-perspettiva ekonomika Ewropea għadha għolja, għalkemm ir-riskji għat-tkabbir huma ġeneralment ibbilanċjati. Ir-riskji għall-prospettiva tat-tkabbir m’għadhomx imxaqilba ‘l isfel. Id-domanda domestika tista’ tissorprendi b’mod pożittiv, b’mod partikolari jekk it-tnaqqis reċenti fil-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa jgħaddi b’mod aktar qawwi lill-konsumaturi, u filwaqt li t-theddida ta’ nuqqas ta’ gass għadha sinifikanti, tidher inqas serja minn qabel. Madankollu, l-aġġustament għall-ambjent tar-rata tal-imgħax għolja jista’ jkun ta’ sfida u l-inċertezza għadha għolja, minħabba l-gwerra li għaddejja tar-Russja kontra l-Ukrajna. Ir-riskji pożittivi għall-inflazzjoni għadhom fil-biċċa l-kbira marbuta mal-iżviluppi fis-swieq tal-enerġija – fejn irridu nibqgħu viġilanti fir-rigward tal-evoluzzjoni futura tal-prezzijiet tal-enerġija. Fl-2024 b’mod partikolari, jipprevalu riskji pożittivi għall-inflazzjoni, peress li t-tkabbir fil-pagi jista’ jissalda b’rati ogħla mill-medja għal perjodu sostnut.
L-isfidi fuq terminu medju li qed tiffaċċja l-ekonomija Ewropea ma naqsux. L-isfidi ekonomiċi li kienu evidenti qabel il-pandemija, inkluża l-ħtieġa li jissaħħaħ it-tkabbir potenzjali, li titħaffef it-tranżizzjoni doppja b’mod ġust u biex tittejjeb ir-reżiljenza, flimkien mal-iżviluppi demografiċi, se jżidu d-domandi fuq il-finanzi pubbliċi fuq terminu medju. Dawn l-isfidi enfasizzaw l-importanza tal-koeżjoni soċjali u r-reżiljenza, kif immirati mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-politiki fiskali jkollhom l-għan li jippreservaw is-sostenibbiltà tad-dejn kif ukoll li jżidu l-potenzjal tat-tkabbir b’mod sostenibbli u inklużiv, u b’hekk jiffaċilitaw ukoll il-kompitu tal-politika monetarja. Iż-żamma ta’ livell għoli ta’ investiment pubbliku, filwaqt li jitnaqqsu l-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG b’mod sostnut, issaħħaħ il-ħtieġa li n-nefqa tingħata prijorità u li jinbnew riżervi fiskali. B’perspettiva itwal, l-aħħar deċennju kien ikkaratterizzat minn xokkijiet kbar, b’mod partikolari l-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-kriżi tal-COVID-19, l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija sussegwenti u ż-żieda fl-inflazzjoni. Din l-inċertezza tfisser li l-politika fiskali jeħtieġ li tibqa’ aġli fil-futur.
3.Is-sitwazzjoni attwali tar-rieżami tal-governanza ekonomika
Il-Kummissjoni ppubblikat l-orjentazzjonijiet tagħha għal riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika f’Novembru 2022 wara proċess estensiv ta’ konsultazzjoni. L-orjentazzjonijiet ta’ riforma jibnu fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni bl-implimentazzjoni tal-qafas qabel il-pandemija u l-analiżi tagħha, kif ukoll fuq it-tagħlimiet meħuda mir-rispons tal-UE għall-pandemija. Tqis ukoll l-eżitu ta’ konsultazzjoni pubblika li tnediet mill-ġdid f’Ottubru 2021, li involviet firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati inklużi l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, is-sħab soċjali, iċ-ċittadini, u l-akkademja, fost l-oħrajn. Il-qafas rivedut propost ifittex li jsaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn u jnaqqas il-proporzjonijiet għoljin tad-dejn pubbliku filwaqt li jippromwovi tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha. L-objettivi ewlenin tal-proposta huma li ttejjeb is-sjieda nazzjonali, tissimplifika l-qafas u timxi lejn fokus akbar fuq terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar b’saħħtu u aktar koerenti. Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jintegraw l-objettivi fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment huma l-pedament tal-qafas rivedut. Dan se jipprovdi lill-Istati Membri b’aktar flessibbiltà biex jistabbilixxu l-perkors ta’ aġġustament fiskali tagħhom, fi ħdan qafas komuni tal-UE li jimxi id f’id ma’ infurzar aktar b’saħħtu.
Qed isir progress fid-diskussjonijiet dwar il-qafas fiskali rivedut. L-elementi fiskali tal-proposta ġew diskussi fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, kif ukoll fil-livell ministerjali fil-Kunsill ECOFIN u, għal kwistjonijiet speċifikament rilevanti għaż-żona tal-euro, fil-Grupp tal-Euro. Il-Kummissjoni ddiskutiet ukoll l-orjentazzjonijiet tagħha mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, u partijiet ikkonċernati oħra. L-iskambji ffukaw fuq diversi kwistjonijiet, inklużi: id-differenzjazzjoni tar-rekwiżiti fiskali fost l-Istati Membri abbażi tal-valutazzjoni tal-isfidi tad-dejn (bl-użu tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-Kummissjoni); enfasi aktar qawwija fuq terminu medju sa twil permezz tal-impenn tal-Istati Membri għal pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju ta’ żmien speċifiċi għall-pajjiż ibbażati fuq il-gwida tal-Kummissjoni; il-valutazzjoni u l-monitoraġġ ta’ dawk il-pjanijiet; il-ħtieġa li tinżamm EDP ibbażata fuq id-defiċit filwaqt li tissaħħaħ l-EDP ibbażata fuq id-dejn; l-użu ta’ strumenti effiċjenti ta’ monitoraġġ u infurzar, inkluż kont ta’ kontroll, sanzjonijiet finanzjarji iżgħar iżda aktar kredibbli, u sanzjonijiet għar-reputazzjoni; ir-rwol tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti; u r-rwol tal-investiment u r-riformi fl-estensjoni tal-perkorsi ta’ aġġustament u għodda ġdida biex jiġu infurzati dawn l-impenji.
Qed titfaċċa konverġenza ta’ fehmiet dwar diversi kwistjonijiet ewlenin, filwaqt li oħrajn għad iridu jiġu ċċarati. Hemm qbil li jenħtieġ li l-valuri ta’ referenza ta’ 3 % u 60 % tal-PDG tal-Protokoll Nru 12 tat-Trattati jibqgħu l-istess. Il-fehmiet qed jikkonverġu dwar għadd ta’ kwistjonijiet: li l-approċċ propost fuq terminu medju, filwaqt li tinżamm sorveljanza annwali, huwa xieraq biex jiġi żgurat tnaqqis sostnut fil-proporzjonijiet għolja ta’ dejn u li l-pjanijiet strutturali fiskali fuq terminu medju mħejjija mill-Istati Membri jkunu l-pedament tal-qafas rivedut; il-ħtieġa għal inċentivi akbar għall-investiment u r-riformi, li jirriflettu t-tagħlimiet meħuda mill-impatt tal-kriżi finanzjarja globali fuq l-investiment u l-ħtiġijiet sinifikanti ta’ investiment għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali; li huwa meħtieġ infurzar aktar effettiv tar-regoli, inkluż billi jinżammu sanzjonijiet finanzjarji iżda jitnaqqsu l-ammonti tagħhom, filwaqt li jissaħħaħ l-impatt tagħhom fuq ir-reputazzjoni; li r-regoli eżistenti għall-ftuħ u l-għeluq ta’ EDP ibbażata fuq id-defiċit jibqgħu l-istess, filwaqt li l-EDP ibbażata fuq id-dejn tkun teħtieġ li tissaħħaħ; ir-rispett tal-prinċipji ewlenin tal-iżgurar tas-sjieda nazzjonali u t-trattament ugwali; u l-ħtieġa għal differenzjazzjoni xierqa tal-isforzi fiskali. Huma meħtieġa aktar diskussjonijiet dwar l-operazzjonalizzazzjoni ta’ dawn il-prinċipji.
Il-Kummissjoni biħsiebha tressaq proposti leġislattivi wara l-Kunsill ECOFIN li jmiss u l-Kunsill Ewropew f’Marzu 2023, li se jimmiraw li jilħqu qbil dwar elementi ewlenin tal-qafas futur ta’ governanza ekonomika.
4.Reazzjoni tal-politika fiskali għall-kriżi tal-enerġija
Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija wasslet lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri ta’ politika fiskali, bi spejjeż fiskali mdaqqsa. Dawn il-miżuri taffew l-impatt soċjali u ekonomiku taż-żieda f’daqqa fil-prezzijiet tal-enerġija, b’mod partikolari l-gass u l-elettriku, fuq l-unitajiet domestiċi u d-ditti. Skont it-tbassir tal-ħarifa 2022 tal-Kummissjoni, il-kost nett ta’ dawn il-miżuri fl-2022 kien jammonta għal 1.2 % tal-PDG annwali tal-UE. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-ħarifa, il-kost nett tal-miżuri tal-enerġija kien ipproġettat li jonqos għal 0.9 % tal-PDG tal-UE fl-2023. Madankollu, dan jirrikjedi t-tneħħija gradwali ppjanata tal-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ appoġġ li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri. F’xi każijiet, it-tneħħija gradwali qed isseħħ, filwaqt li f’każijiet oħra l-Istati Membri, mill-ħarifa ‘l hawn, estendew xi miżuri eżistenti jew adottaw miżuri ġodda. L-estensjoni tal-miżuri tal-enerġija eżistenti sa tmiem l-2023 tkun tinvolvi żieda sostanzjali fl-ispejjeż baġitarji relatati.
Il-prospettiva tal-prezzijiet tal-enerġija tjiebet. Minn Jannar 2023, il-prezzijiet spot Ewropej tal-gass bl-ingrossa waqgħu lura sew taħt il-livelli ta’ qabel il-gwerra, għalkemm xorta waħda aktar minn tliet darbiet il-prezzijiet tal-2019. Peress li t-trasferiment mill-prezzijiet bl-ingrossa tal-gass u tal-elettriku għall-prezzijiet tal-konsumatur huwa tipikament aktar bil-mod milli għall-fjuwils, l-impatt tat-tnaqqis qawwi reċenti fil-prezzijiet bl-ingrossa għall-inflazzjoni tal-gass u l-elettriku għad irid jidher fil-prezzijiet bl-imnut. Id-domanda domestika tista’ tirriżulta ogħla milli mbassar jekk it-tnaqqis riċenti fil-prezzijiet tal-gass bl-ingrossa jgħaddi għall-prezzijiet tal-konsumatur b’mod aktar qawwi. Fl-istess ħin, il-prezzijiet tal-gass kienu eċċezzjonalment volatili fl-2023 u t-treġġigħ lura ta’ pressjoni riċenti ‘l isfel ma jistax jiġi eskluż qabel ix-xitwa li ġejja.
Graff 1: Il-kost baġitarju tal-miżuri tal-enerġija qabeż
iż-żieda fl-infiq fuq l-enerġija ta’ unitajiet domestiċi vulnerabbli
Nota: Iċ-ċart turi ż-żieda stmata fl-infiq fuq l-enerġija ta’ unitajiet domestiċi b’introjtu aktar baxx (fuq il-fjuwil residenzjali u tat-trasport) meta mqabbla mal-kost baġitarju totali tal-miżuri tal-enerġija fl-2022, nett mid-dħul mit-taxxi u l-imposti fuq profitti mhux mistennija. Il-Portugall u l-Iżvezja tħallew barra minħabba d-disponibbiltà limitata tad-data. Malta tħalliet barra minħabba li l-komponent tal-enerġija tal-inflazzjoni (miżura HICP) ma juri l-ebda żieda fil-prezz.
Sors: Is-servizzi tal-Kummissjoni
L-enfasi issa għandha timxi lejn it-tneħħija gradwali tal-miżuri fiskali nazzjonali introdotti biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti mix-xokk tal-prezz tal-enerġija. Jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu gradwalment il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija, billi jibdew bl-inqas miżuri mmirati. Jekk tkun meħtieġa estensjoni tal-miżuri ta’ appoġġ minħabba pressjonijiet tal-enerġija mġedda, l-Istati Membri jenħtieġ li jimmiraw il-miżuri tagħhom ħafna aħjar milli fil-passat, filwaqt li joqogħdu lura minn appoġġ ġeneralizzat u jipproteġu biss lil dawk li jeħtiġuh, jiġifieri l-unitajiet domestiċi u d-ditti vulnerabbli. Dan se jillimita l-kostijiet fiskali u, b’mod importanti, jiżgura wkoll inċentivi biex jiġi limitat il-konsum tal-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. Fl-2022, aktar minn 70 % tal-ammonti ddedikati għall-appoġġ tal-enerġija kienu jikkorrispondu għal miżuri li ma kinux immirati biżżejjed lejn l-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli. ( 2 ) Barra minn hekk, żewġ terzi tal-miżuri għawġu s-sinjal tal-prezz u setgħu naqqsu l-inċentivi biex jitrażżan il-konsum tal-enerġija u tiżdied l-effiċjenza enerġetika. Madankollu, it-tfassil tal-miżuri qed jitjieb biż-żmien, abbażi tal-esperjenza mir-rispons rapidu inizjali għaż-żieda f’daqqa fil-prezzijiet tal-enerġija.
Is-soluzzjoni dejjiema għall-kriżi tal-enerġija hija li titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-isforzi jiffukaw fuq l-iżgurar tal-implimentazzjoni f’waqtha tar-riformi u l-investimenti biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika, tiġi diversifikata l-provvista tal-enerġija u jitħaffef l-iżvilupp tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, kif deskritt fil-qafas tal-RRF u biex jissaħħu aktar taħt ir-REPowerEU.( 3 ) Il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku se jgħin ukoll biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija żero netti tal-Ewropa u jappoġġa t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika, inkluż permezz tat-trasformazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tagħna.( 4 )
5.Noħorġu mill-klawżola liberatorja ġenerali: implikazzjonijiet għall-gwida fiskali
Il-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir se tiġi diżattivata fi tmiem l-2023. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Semestru Ewropew 2022 f’Mejju 2022 iddikjarat li l-kundizzjonijiet biex tiġi diżattivata l-klawżola liberatorja ġenerali se jitqiesu ssodisfati mill-2024. ( 5 , 6 ) L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli ta’ Novembru 2022 ikkonferma din il-valutazzjoni, filwaqt li nnota li l-ekonomija Ewropea hija barra minn perjodu ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. ( 7 ) Hija rkuprat lil hinn mil-livell tagħha ta’ qabel il-pandemija u issa solviet il-fażi akuta tax-xokk tal-prezz tal-enerġija kkawżat mill-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, għalkemm l-inċertezza għadha għolja.
Il-prinċipji ewlenin li jiggwidaw lill-Istati Membri fit-tħejjija tal-programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom huma meħtieġa fil-kuntest tad-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali mill-2024 u l-ħtieġa għal politiki fiskali prudenti. Hekk kif noħorġu mill-perjodu li matulu kienet fis-seħħ il-klawżola liberatorja ġenerali, it-tkomplija tas-CSRs differenzjati fformulati f’termini kwantitattivi kif ukoll gwida kwalitattiva dwar l-investiment u l-miżuri tal-enerġija se jgħinu biex tiġi pprovduta ċ-ċarezza meħtieġa għall-Istati Membri. Fl-istess ħin, fil-perjodu sakemm jidħol fis-seħħ qafas fiskali ġdid u minħabba s-sitwazzjoni ekonomika speċifika kkaratterizzata minn inċertezza kbira, ma jkunx xieraq li nerġgħu lura għall- “matriċi tar-rekwiżiti ta’ aġġustament” li ntużat fil-kuntest tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir bejn l-2015 u l-2020. ( 8 )
Iċ-ċiklu ta’ sorveljanza fiskali jirrifletti l-ispirtu tal-orjentazzjonijiet ta’ riforma tal-Kummissjoni. Peress li d-dibattitu dwar ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika għadu għaddej, il-qafas legali attwali jkompli japplika. Il-Kummissjoni ma tipproponix bidla għal sistema ġdida ta’ sorveljanza fiskali fl-2024. Fl-istess ħin, biex ikun hemm pont effettiv għat-tħaddim tas-sett futur ta’ regoli fiskali tal-UE u biex titqies ir-realtà post-pandemika, xi elementi tal-orjentazzjonijiet ta’ riforma tal-Kummissjoni jistgħu jiġu inkorporati fiċ-ċiklu ta’ sorveljanza fiskali li jibda fir-rebbiegħa tal-2023. Għalhekk, fl-ispirtu tal-orjentazzjonijiet ta’ riforma tal-Kummissjoni, l-Istati Membri huma mistiedna jippreżentaw Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza li jinkludu l-pjanijiet fiskali u strutturali tagħhom fuq terminu medju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinsab lesta li tipproponi CSRs fiskali għall-2024 inkluż rekwiżit kwantitattiv kif ukoll gwida kwalitattiva dwar l-investiment u l-miżuri tal-enerġija, konsistenti mal-kriterji proposti fl-orjentazzjonijiet ta’ riforma tagħha, filwaqt li tibqa’ konsistenti wkoll ma’ dawk tal-leġiżlazzjoni attwali skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan ikun il-bażi għall-monitoraġġ mill-Kummissjoni tal-eżiti fiskali kontra r-rakkomandazzjonijiet fiskali, li jibdew bl-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro għall-2024 li għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni fil-ħarifa.
L-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom kif il-pjanijiet fiskali tagħhom se jiżguraw ir-rispett tal-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG kif ukoll it-tnaqqis tad-dejn plawżibbli u kontinwu, jew biex id-dejn jinżamm f’livelli prudenti, fit-terminu medju. L-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu miri fiskali fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-2023 li jikkonformaw mal-kriterji ta’ aġġustament fiskali stabbiliti fl-orjentazzjonijiet ta’ riforma tal-Kummissjoni. B’mod aktar preċiż, l-Istati Membri bi sfidi sostanzjali jew moderati tad-dejn pubbliku huma mistiedna jistabbilixxu miri fiskali li jiżguraw tnaqqis tad-dejn plawżibbli u kontinwu jew li d-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju. ( 9 ) Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha huma mistiedna jistabbilixxu miri fiskali li jiżguraw li d-defiċit ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG jew jitniżżel taħt it-3 % tal-PDG fil-perjodu kopert mill-Programm ta’ Stabbiltà jew Konverġenza, u jiżguraw b’mod kredibbli li d-defiċit jinżamm taħt it-3 % tal-PDG mingħajr tibdil fil-politiki fuq terminu medju. L-Istati Membri huma mistiedna wkoll jirrapportaw fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom dwar il-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija ppjanati tagħhom, inkluż l-impatt baġitarju tagħhom, l-eliminazzjoni gradwali tagħhom, u s-suppożizzjonijiet sottostanti dwar l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri huma mistiedna jiddiskutu fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom kif il-pjanijiet ta’ riforma u ta’ investiment tagħhom, inklużi dawk deskritti fil-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom, huma mistennija jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fiskali u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-orjentazzjonijiet ta’ riforma tal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni tinsab lesta li tipproponi CSRs fiskali għall-2024 li huma konformi mal-miri tal-Istati Membri stess, sakemm dawk il-miri jkunu konsistenti mal-iżgurar li l-proporzjon tad-dejn pubbliku jitqiegħed fit-triq tan-niżla jew jibqa’ f’livell prudenti u d-defiċit tal-baġit ikun taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PDG fuq terminu medju. F’konformità mal-approċċ fuq terminu medju u l-enfasi fuq is-sjieda nazzjonali, il-Kummissjoni tinsab lesta li tibbaża s-CSRs fiskali fuq il-miri fiskali stabbiliti fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri stess. L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna jiżguraw li l-miri fiskali fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom ikunu konsistenti mal-kriterji proposti fl-orjentazzjonijiet ta’ riforma tal-Kummissjoni. Meta l-miri fiskali ta’ Stat Membru ma jkunux ambizzjużi biżżejjed, il-Kummissjoni tipproponi CSR fiskali li tkun konsistenti mal-kriterji proposti fl-orjentazzjonijiet ta’ riforma tagħha, filwaqt li tibqa’ konsistenti ma’ dawk tal-leġiżlazzjoni attwali skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. F’dan l-istadju, ir-rekwiżit kwantifikat tas-CSR se jiffoka fuq l-2024.
Il-proposti tal-Kummissjoni għas-CSRs fiskali għall-2024 jiġu kkwantifikati u differenzjati abbażi tal-isfidi tad-dejn pubbliku tal-Istati Membri. Dan se jġib l-enfasi fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri bi sfidi sostanzjali jew moderati tad-dejn pubbliku jpoġġu d-dejn pubbliku fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli u kontinwu. B’mod aktar preċiż, l-Istati Membri bi sfidi sostanzjali jew moderati tad-dejn pubbliku (abbażi tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-Kummissjoni) jiġu rrakkomandati miri fiskali li jiżguraw tnaqqis tad-dejn plawżibbli u kontinwu jew li d-dejn jinżamm f’livelli prudenti fit-terminu medju, filwaqt li jibqgħu konsistenti mal-leġiżlazzjoni attwali skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-Istati Membri bi sfidi baxxi ta’ dejn pubbliku jkunu rrakkomandati li jżommu jew iġibu d-defiċit tagħhom taħt it3 % tal-PDG fil-perjodu kopert mill-Programm ta’ Stabbiltà jew Konverġenza, u jiżguraw li d-defiċit jinżamm taħt it3 % tal-PDG f’politiki mhux mibdula fuq terminu medju.
Is-CSRs fiskali jiġu fformulati abbażi tan-nefqa primarja netta kif propost fl-orjentazzjonijiet ta’ riforma tal-Kummissjoni. ( 10 ) Il-mixja lejn dan l-indikatur se tirrappreżenta bidla fl-enfasi meta mqabbla mal-perjodu meta l-klawżola liberatorja ġenerali kienet fis-seħħ, meta s-sorveljanza fiskali kienet iffukata fuq in-nefqa attwali primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali u l-preservazzjoni tal-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.
Minħabba r-rwol essenzjali tagħha, il-Kummissjoni se tkompli tenfasizza l-investiment pubbliku fir-rakkomandazzjonijiet fiskali tagħha. Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jkomplu jipproteġu l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali u jiżguraw l-użu effettiv tal-RRF u ta’ fondi oħra tal-UE, b’mod partikulari fid-dawl tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u objettivi ta’ reżiljenza. Jenħtieġ li tiġi żgurata kwalità għolja ta’ investiment pubbliku, inkluż permezz ta’ implimentazzjoni bir-reqqa tal-investiment iffinanzjat mill-RRF. Jenħtieġ li l-politiki fiskali jiġu orjentati mill-ġdid biex jappoġġaw it-tranżizzjoni doppja sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv. Jenħtieġ li l-aġġustament fiskali tal-Istati Membri bi sfidi sostanzjali jew moderati tad-dejn pubbliku ma jkunx ta’ piż fuq l-investiment iżda pjuttost għandu jitwettaq billi jiġi limitat it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata nazzjonalment meta mqabbla mat-tkabbir potenzjali tal-output fuq terminu medju. Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu wkoll in-natura temporanja tal-appoġġ ipprovdut mill-RRF, appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli (“għotjiet”). Il-Kummissjoni se tqis il-ħtieġa li ssostni l-investiment meta timmonitorja l-eżiti fiskali kontra r-rakkomandazzjonijiet fiskali.
Is-CSRs għall-2024 se jipprovdu wkoll gwida dwar il-kost fiskali tal-miżuri tal-enerġija. Jekk il-prezzijiet tal-enerġija bl-ingrossa jibqgħu stabbli u l-kostijiet tal-enerġija aktar baxxi jiġu mgħoddija lill-prezzijiet bl-imnut kif previst bħalissa, jenħtieġ li l-miżuri ta’ appoġġ għall-enerġija tal-gvern jitneħħew gradwalment fl-2024 u l-iffrankar relatat għandu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-defiċits tal-gvern. Jekk il-prezzijiet tal-enerġija jerġgħu jiżdiedu u l-appoġġ ma jkunx jista’ jitwaqqaf għalkollox, jenħtieġ li l-miżuri mmirati jipproteġu biss lill-unitajiet domestiċi u lid-ditti vulnerabbli, filwaqt li jenħtieġ li jiġu evitati miżuri usa’, bħal dawk implimentati fl-2022. Pass bħal dan inaqqas il-kostijiet fiskali, jinċentiva l-iffrankar tal-enerġija u jippermetti lill-ekonomija taġġusta b’mod gradwali u sostenibbli fuq perjodu limitat.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex japprova dan l-approċċ.
6.Implimentazzjoni konsistenti tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE)
Fir-rebbiegħa tal-2022, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tivvaluta r-rilevanza li tipproponi l-ftuħ ta’ Proċeduri ta’ Defiċit Eċċessiv fir-rebbiegħa tal-2023, b’mod partikolari b’kont meħud tal-konformità mas-CSRs fiskali indirizzati lill-Istati Membri mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2022. Il-Kummissjoni qed timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri, filwaqt li tfakkar ukoll fl-Opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Abbozzi ta’ Pjanijiet Baġitarji tal-Istati Membri taż-żona tal-euro, li appellaw biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa fil-proċess baġitarju nazzjonali biex jiġi żgurat li l-baġit tal-2023 ikun konsistenti mas-CSRs adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2022. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-konformità mal-kriterji tad-defiċit u tad-dejn skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE bħala parti mir-rawnd ta’ sorveljanza tar-rebbiegħa. Meta titqies l-inċertezza persistentement għolja għall-prospettiva makroekonomika u baġitarja f’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li din ir-rebbiegħa m’għandhiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-Istati Membri għandhomx jitqiegħdu taħt il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill biex jiftaħ Proċeduri ta’ Defiċit Eċċessiv ibbażati fuq id-defiċit fir-rebbiegħa tal-2024 abbażi tad-data tal-eżitu għall-2023, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali eżistenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu dan fl-eżekuzzjoni tal-baġits tagħhom tal-2023 u fit-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom din ir-rebbiegħa u l-Abbozzi ta’ Pjanijiet Baġitarji għall-2024 din il-ħarifa.
7.Il-passi li jmiss
Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi gwida preliminari tal-politika fiskali għall-2024 li se tiġi aġġornata skont il-bżonn bħala parti mill-Pakkett tar-Rebbiegħa tas-Semestru Ewropew f’Mejju 2023. Il-gwida aġġornata se tkompli tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika globali, is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru, il-progress fid-diskussjoni dwar ir-rieżami ta’ governanza ekonomika li għaddej bħalissa u d-dibattiti ta’ orjentazzjoni fil-Kunsill. L-iżvilupp tal-prospettiva ekonomika u baġitarja se jiġi mmonitorjat mill-qrib u se jitqies kif dovut. L-Istati Membri huma mistiedna biex jaraw li din il-gwida tkun riflessa fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom.
Appendiċi
A.Tabelli addizzjonali li għandhom jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-2023
Minbarra d-data baġitarja prevista meħtieġa matul l-orizzont tal-Programm ta’ Stabbiltà u Konverġenza, jenħtieġ li l-istimi korrispondenti għas-sena attwali jiġu inklużi wkoll, flimkien mal-eżiti għall-perjodu 2020-2022 (konsistenti mat-tabelli ta’ notifika tal-PDE). Preferibbilment, jenħtieġ li t-tabelli jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni permezz tal-applikazzjoni web iddedikata.
Tabella tal-impatt tal-RRF fuq il-projezzjonijiet tal-programm - GĦOTJIET |
|||||||
Dħul mill-għotjiet tal-RRF (% tal-PDG) |
|||||||
|
2020 |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
Għotjiet tal-RRF kif inklużi fil-projezzjonijiet tad-dħul |
|||||||
Żborżi ta’ flus tal-għotjiet tal-RRF mill-UE |
|||||||
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-RRF (% tal-PDG) |
|||||||
|
2020 |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
Kumpens lill-impjegati D.1 |
|||||||
Konsum intermedju P.2 |
|||||||
Pagamenti soċjali D.62+D.632 |
|||||||
Nefqa f’imgħax D.41 |
|||||||
Sussidji, pagabbli D.3 |
|||||||
Trasferimenti kurrenti D.7 |
|||||||
NEFQA KURRENTI TOTALI |
|||||||
Formazzjoni grossa tal-kapital fiss P.51g |
|||||||
Trasferimenti kapitali D.9 |
|||||||
NEFQA KAPITALI TOTALI |
|||||||
|
|
|
|
|
|
|
|
Kostijiet oħra ffinanzjati mill-għotjiet tal-RRF (% tal-PDG)1 |
|||||||
|
2020 |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
Tnaqqis fid-dħul mit-taxxa |
|||||||
Kostijiet oħra b’impatt fuq id-dħul |
|||||||
Tranżazzjonijiet finanzjarji |
Tabella tal-impatt tal-RRF fuq il-projezzjonijiet tal-programm - SELF |
|||||||
Fluss ta’ flus minn self mill-RRF ipprojettat fil-programm (% tal-PDG) |
|||||||
|
2020 |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
Żborżi ta’ self mill-RRF mill-UE |
|||||||
Ripagamenti ta’ self mill-RRF lill-UE |
|||||||
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa ffinanzjata mis-self mill-RRF (% tal-PDG) |
|||||||
|
2020 |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
Kumpens lill-impjegati D.1 |
|||||||
Konsum intermedju P.2 |
|||||||
Pagamenti soċjali D.62+D.632 |
|||||||
Nefqa f’imgħax D.41 |
|||||||
Sussidji, pagabbli D.3 |
|||||||
Trasferimenti kurrenti D.7 |
|||||||
NEFQA KURRENTI TOTALI |
|||||||
Formazzjoni grossa tal-kapital fiss P.51g |
|||||||
Trasferimenti kapitali D.9 |
|||||||
NEFQA KAPITALI TOTALI |
|||||||
|
|
|
|
|
|
|
|
Kostijiet oħra ffinanzjati mis-self mill-RRF (% tal-PDG)1 |
|||||||
|
2020 |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
Tnaqqis fid-dħul mit-taxxa |
|||||||
Kostijiet oħra b’impatt fuq id-dħul |
|||||||
Tranżazzjonijiet finanzjarji |
Noti: L-għoti ta’ data dwar il-varjabbli b’karattri b’tipa grassa huwa meħtieġ; l-għoti ta’ data dwar varjabbli oħra huwa fakultattiv.
B.Informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi inkluża fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-2023
L-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu informazzjoni dwar: (i) il-kostijiet baġitarji annwali relatati ma’ persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna, spjegati f’termini tal-kategorija/i ewlenija/ewlenin tal-ESA li hija/huma affettwata/i direttament; u, (ii) l-għadd annwali ta’ persuni ospitati. Dawn il-kostijiet baġitarji jenħtieġ li jkunu limitati għal dawk marbuta direttament mal-influss bla preċedent ta’ persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna u bħala konsegwenza immedjata tagħha. L-għoti ta’ tali informazzjoni jippermetti lill-Kummissjoni tqis dawn l-ispejjeż baġitarji fil-valutazzjoni tagħha tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-2023, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2022.
() Il-Kummissjoni Ewropea “ Komunikazzjoni dwar orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE ”, COM (2022) 583 final tad-9 ta’ Novembru 2022.
() Il-Kummissjoni tuża l-kriterji li ġejjin biex tivvaluta l-kwalità tal-miżuri fiskali relatati mal-enerġija: il-miżuri jenħtieġ li jkunu fiskalment affordabbli, immirati lejn dawk l-aktar vulnerabbli, jippreservaw is-sinjal tal-prezz (jiġifieri, jinkoraġġixxu t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija jew itejbu l-effiċjenza enerġetika) u jkunu jistgħu jiġu implimentati faċilment fl-Istati Membri kollha mingħajr piż amministrattiv eċċessiv. Il-Kummissjoni Ewropea, “ Komunikazzjoni dwar l-Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2023: Valutazzjoni Kumplessiva, ” COM(2022) 900 final tat-22 ta’ Novembru 2022.
() Ara r-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli tar-REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).
() Ara “ A Green Deal Industrial Plan for the Net-Zero Age ” tal-Kummissjoni Ewropea, COM (2023) 62 final tal-1 ta’ Frar 2023.
() Il-Kummissjoni Ewropea “ Is-Semestru Ewropew 2022 - il-Pakkett tar-Rebbiegħa ”, COM (2022) 600 final finali tat-23 ta’ Mejju 2022.
() Dispożizzjonijiet speċifiċi fir-regoli fiskali tal-UE jippermettu devjazzjoni temporanja kkoordinata u ordnata mir-rekwiżiti normali għall-Istati Membri kollha f’sitwazzjoni ta’ kriżi ġeneralizzata kkawżata minn reċessjoni ekonomika severa taż-żona tal-euro jew tal-UE fl-intier tagħha (ara l-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97).
() Il-Kummissjoni Ewropea (2022) “ Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2023 ”, COM(2022) 780 final tat-22 ta’ Novembru 2022.
() Ara l-Kaxxa 1.6, p. 16, tal-Edizzjoni tal-2019 tal- Vade Mecum dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-Kummissjoni Ewropea “ Nagħmlu l-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ”, COM (2015) 12 final tat-13 ta’ Jannar 2015.
() Kif stabbilit fil-Kaxxa 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika (ara n-Nota f’qiegħ il-paġna 1), il-Kummissjoni tipproponi li l-klassifikazzjoni tal-Istati Membri abbażi tal-isfidi tad-dejn tagħhom issir bl-użu tal-qafas tal-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-Kummissjoni.
() In-nefqa primarja netta hija definita bħala nefqa ffinanzjata nazzjonalment netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji u bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax kif ukoll in-nefqa ċiklika fuq il-qgħad.