EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0007

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rapport ta’ valutazzjoni tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tal-Istati Membri għar-Rom

COM/2023/7 final

Brussell, 9.1.2023

COM(2023) 7 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport ta’ valutazzjoni tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tal-Istati Membri għar-Rom

{SWD(2023) 3 final}


INTRODUZZJONI

Bħala parti mill-prijorità politika ġenerali tagħha sabiex tavvanza Unjoni ta’ Ugwaljanza, fis-7 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni adottat Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni 1 (il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom). Abbażi tal-evalwazzjoni tal-Qafas Strateġiku preċedenti tal-UE għar-Rom għall-2011-2020 2 , il-Qafas Strateġiku l-ġdid tal-UE għar-Rom jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-impenn fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, billi l-approċċ jibdel b’mod fundamentali minn wieħed ibbażat fuq l-integrazzjoni soċjoekonomika għal approċċ aktar komprensiv li jippromwovi l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom. L-Istati Membri approvaw dan l-approċċ billi adottaw b’mod unanimu Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom 3 fit-12 ta’ Marzu 2021.

Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu u d-diskriminazzjoni, filwaqt li jqis id-diversità tal-popolazzjoni tar-Rom u l-ħtieġa għal approċċ intersezzjonali rigward il-kombinazzjoni possibbli ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika ma’ karatteristiċi oħra, bħal li tkun mara, persuna akbar fl-età jew żagħżugħa, tfal, persuna LGBTIQ, persuna b’diżabilità, persuna mobbli fl-UE, persuna li ma għandhiex ċittadinanza tal-UE, u/jew persuna mingħajr Stat. Il-qafas jippromwovi wkoll il-parteċipazzjoni tar-Rom permezz tal-emanċipazzjoni, il-kooperazzjoni u l-fiduċja, u l-involviment tagħhom fil-proċessi kollha tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jaffettwawhom. Dan jistabbilixxi seba’ objettivi komuni tal-UE u, għall-ewwel darba, jipproponi miri fil-livell tal-UE għall-2030, sabiex jiġi żgurat progress minimu. Is-seba’ objettivi jindirizzaw l-oqsma orizzontali tal-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni, u l-oqsma settorjali tal-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni. Sabiex jappoġġa l-monitoraġġ effettiv tal-progress, il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom jipproponi wkoll l-użu ta’ portafoll ta’ indikaturi għall-Istati Membri 4 .

Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom, li ġie żviluppat matul il-kriżi tal-COVID-19, iqis l-impatt sproporzjonat fuq il-popolazzjoni tar-Rom espost mill-pandemija billi jistabbilixxi gwida dwar kif għandhom jiġu indirizzati aħjar l-isfidi, kif tingħata spinta lill-inklużjoni diġitali u kif tiġi żgurata l-ġustizzja ambjentali.

Il-kisba tal-objettivi tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom teħtieġ azzjoni kemm tal-UE kif ukoll nazzjonali, fejn l-Istati Membri għandhom il-kompetenzi ewlenin. Din hija r-raġuni għaliex il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill talbu lill-Istati Membri jiżviluppaw oqfsa strateġiċi nazzjonali 5 sa Settembru 2021 u sabiex jikkondividu dawn l-oqfsa mal-Kummissjoni. Minħabba d-diversità tas-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri, kien mistenni li jiġu żviluppati oqfsa nazzjonali (NRSFs) permezz ta’ approċċ komuni iżda differenzjat. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kollha sabiex jinkludu serje ta’ karatteristiċi komuni u impenji minimi, possibbilment ikkumplimentati minn impenji addizzjonali skont kuntesti nazzjonali speċifiċi, u fil-każ ta’ Stati Membri b’popolazzjoni sinifikanti tar-Rom (jiġifieri aktar minn 1 % 6 ), sabiex jinkludu impenji aktar ambizzjużi.

B’mod komplementari għall-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistabbilixxi miżuri sabiex jinkiseb progress fis-seba’ objettivi komuni, skont ir-rilevanza għall-kuntest nazzjonali tagħhom. Huwa jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ monitoraġġ sodi, u li jsir użu sħiħ u ottimali kemm mill-fondi tal-UE kif ukoll minn dawk nazzjonali.

Din il-Komunikazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-oqfsa strateġiċi nazzjonali għar-Rom, tivvaluta l-impenji li saru mill-Istati Membri u tipprovdi gwida għal kwalunkwe titjib meħtieġ. Hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWDs) f’żewġ partijiet li jikkonsistu fi skedi tal-pajjiżi li jiġbru fil-qosor l-analiżi tal-istrateġiji nazzjonali adottati minn Stati Membri individwali, kif ukoll minn diversi pajjiżi kandidati tal-UE u kandidati potenzjali li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Poznań 7 . Għal kull Stat Membru, l-iskedi tal-pajjiżi jivvalutaw kemm il-miżuri ewlenin proposti jikkorrispondu tajjeb mal-objettivi tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom u tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, filwaqt li jenfasizzaw l-oqsma għat-titjib u l-eżempji ta’ prattiki promettenti. It-tieni parti tal-SWD, li jkopri l-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE jsegwi l-istess approċċ. L-ewwel parti tal-SWD tinkludi tabella mħejjija mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) dwar il-miri stabbiliti minn kull Stat Membru, u sommarju tas-sejbiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni tal-pajjiż imħejji mill-inizjattiva ta’ monitoraġġ Ċivili tar-Rom (RCM) 8 .

1.VALUTAZZJONI ĠENERALI TAL-OQFSA STRATEĠIĊI NAZZJONALI GĦAR-ROM

Ħames Stati Membri kkondividew l-oqfsa strateġiċi nazzjonali tagħhom għar-Rom (NRSFs) sa Settembru tal-2021, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ssottomettewhom biss bejn Ottubru tal-2021 u Mejju tal-2022. Żewġ Stati Membri adottaw l-NRSFs tagħhom biss fl-aħħar ta’ Ġunju tal-2022 9 . Sitt Stati Membri għandhom jew strateġiji li għaddejjin li jestendu lil hinn mill-2021, jew sett ta’ miżuri ta’ politika integrata 10 , u Stat Membru wieħed għadu ma ġeddidx l-NSF tiegħu, li skada fil-31 ta’ Diċembru tal-2021. Għal dawn is-seba’ Stati Membri l-valutazzjoni kienet ibbażata fuq kwestjonarju dwar miżuri eżistenti jew ippjanati, li kellu l-għan li jiddetermina sa liema punt l-oqfsa u l-pjanijiet attwali tagħhom jintegraw elementi tal-Qafas Strateġiku l-ġdid tal-UE għar-Rom u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 11 .

1.1 Sommarju tal-valutazzjoni

a) Karatteristiċi komuni, impenji minimi, impenji aktar ambizzjużi

Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom ippropona li l-NRSFs kollha għandhom jinkludu xi karatteristiċi komuni, b’enfasi fuq l-ugwaljanza, il-parteċipazzjoni u d-diversità; taħlita u azzjonijiet ta’ integrazzjoni mmirati; u l-iffissar ta’ miri u ġbir tad-data aħjar. Sabiex dawk il-karatteristiċi jiġu implimentati fil-prattika, l-Istati Membri kollha ġew mistiedna jinkludu fl-NRSF tagħhom, bħala impenn minimu, l-elementi li ġejjin, li huma riflessi wkoll fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill:

·l-istabbiliment ta’ linji bażi u miri lejn l-objettivi ġenerali tal-UE u miri ewlenin, inkluż għal gruppi speċifiċi, sabiex jirriflettu d-diversità tal-persuni Rom;

·l-indirizzar tal-anti-Żingariżmu u d-diskriminazzjoni;

·l-iżgurar tal-inklużjoni soċjoekonomika tar-Rom emarġinati;

·l-ikkombinar ta’ miżuri mmirati u ġenerali;

·l-allokazzjoni ta’ baġit iddedikat u l-ħolqien ta’ mekkaniżmi għall-implimentazzjoni, ir-rapportar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress;

·inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tar-Rom u dawk favur ir-Rom, il-ministeri settorjali, il-korpi tal-ugwaljanza u atturi oħra fi proċess sistematiku ta’ konsultazzjoni u kooperazzjoni;

·il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika u fil-proċessi ta’ pjattaforma nazzjonali u tal-UE; u

·l-għoti lill-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-Rom (NRCP) tal-mandat, ir-riżorsi u l-persunal meħtieġa, u t-tisħiħ tar-rwol tagħhom, inkluż permezz tar-riforma tal-pjattaformi nazzjonali tar-Rom.

B’mod ġenerali, l-Istati Membri rriflettew fl-NRSFs tagħhom il-biċċa l-kbira tan-novitajiet tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom, u segwew l-approċċ ta’ tliet pilastri dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni. Huma ressqu wkoll miżuri proposti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, skont il-kuntesti nazzjonali tagħhom.

Tmien Stati Membri (CZ, EL, ES, FR, HR, LT, SI u SK) inkludew fl-NRSFs tagħhom il-karatteristiċi komuni u l-impenji minimi proposti fil-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom, filwaqt li tnax-il Stat Membru ieħor (AT, BE, BG, DE, EE, FI, HU, IT, LV, NL, PL u RO) inkludewhom parzjalment. L-elementi neqsin huma prinċipalment miri, baġits allokati b’mod ċar għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ, jew miżuri li jipprovdu għad-diversità fi ħdan il-popolazzjoni tar-Rom. Is-sitt Stati Membri li jifdal (CY, DK, IE, LU, PT u SE) inkludew l-impenji minimi sa punt limitat ħafna.

b) Objettivi u miżuri

Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom irrikonoxxa li l-prevenzjoni tal-anti-Żingariżmu u d-diskriminazzjoni u l-ġlieda kontrihom huma kruċjali għall-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-Rom. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri inkludew miżuri f’dan il-qasam kif propost mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Madankollu, dawk il-miżuri ma humiex applikati sistematikament b’mod transversali fl-oqsma settorjali kollha. L-indirizzar tad-diskriminazzjoni intersezzjonali u multipla għar-raġunijiet kollha ta’ vulnerabbiltà huwa inkluż biss f’xi NRSFs.

Ħafna NRSFs jorbtu miżuri relatati mar-Rom li jippromwovu l-inklużjoni soċjali mal-programmi u mal-finanzjament ta’ politika nazzjonali, inklużi l-fondi tal-UE, permezz ta’ approċċ ta’ integrazzjoni li jindirizza l-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-protezzjoni tat-tfal u l-aċċess għall-edukazzjoni u għas-servizzi essenzjali. Madankollu, f’ħafna każijiet, il-punt sa fejn ir-Rom se jibbenefikaw minn dawk il-politiki ġenerali ma huwiex deskritt b’mod ċar.

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-Rom fil-mekkaniżmi konsultattivi, fil-politika u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, ħafna Stati Membri jirreferu għall-kontribut tal-persuni Rom għall-iżvilupp tal-NRSFs, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Pjattaformi Nazzjonali tar-Rom. Madankollu, il-valutazzjoni tas-soċjetà ċivili tar-Rom, imwettqa permezz tal-inizjattiva ta’ Monitoraġġ Ċivili tar-Rom 12 , tindika li involviment u kooperazzjoni aktar mill-qrib huma kemm possibbli kif ukoll meħtieġa.

Il-biċċa l-kbira tal-NRSFs qegħdin jippjanaw li jiżguraw kooperazzjoni kontinwa mar-Rom, billi jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom matul l-implimentazzjoni tal-istrateġiji u fil-proċessi ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar. Barra minn hekk, l-Istati Membri (eż. AT, BE, CZ, DE, EL, ES, FI, HR, HU, LT, LV,

SE, SK u SI) iddeskrivew attivitajiet sabiex jappoġġaw l-emanċipazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tar-Rom, inklużi dawk li jirrappreżentaw lin-nisa Rom u liż-żgħażagħ u lit-tfal, għalkemm b’enfasi iżgħar fuq l-investiment fil-bini tal-kapaċitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

Għall-objettivi settorjali fl-edukazzjoni, fl-impjiegi, fis-saħħa u fl-akkomodazzjoni, ħafna NRSFs jinkludu l-miżuri rakkomandati pjuttost tajjeb. Uħud minn dawn il-miżuri huma marbuta ma’ miri u indikaturi nazzjonali, abbażi tal-istatistika nazzjonali, fejn disponibbli. L-objettiv settorjali ddedikat għall-edukazzjoni huwa l-qasam fejn l-Istati Membri qegħdin jippjanaw li jieħdu l-aktar miżuri estensivi. Madankollu, dwar id-desegregazzjoni fl-edukazzjoni u fl-akkomodazzjoni, il-pjanijiet ma jidhrux li huma biżżejjed sabiex jindirizzaw b’suċċess il-firxa sħiħa tal-problema. Barra minn hekk, il-miżuri fl-oqsma tal-impjiegi, tas-saħħa u tal-akkomodazzjoni mhux dejjem jaqblu mal-iskala u mal-kumplessità tal-isfidi li jiffaċċjaw ir-Rom.

c) Miri 13

Diversi Stati Membri, b’mod partikolari Stati Membri b’popolazzjoni akbar tar-Rom, stabbilew miri nazzjonali li jikkorrispondu għall-miri fil-livell tal-UE fil-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom. Dawk l-Istati Membri huma mistennija jagħtu kontribut tajjeb għall-isforz kollettiv sabiex jintlaħqu dawn il-miri. L-Ungerija u s-Slovakkja stabbilew parzjalment biss miri nazzjonali li jikkorrispondu għal miri fil-livell tal-UE; Ir-Rumanija inkludiet biss xi miri nazzjonali li ma jikkorrispondux mal-miri fil-livell tal-UE.

Stati Membri oħra stabbilew miri nazzjonali kwantitattivi jew kwalitattivi dwar kwistjonijiet differenti minn dawk indirizzati mill-miri fil-livell tal-UE f’objettiv partikolari tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom. Għalhekk, il-firxa tal-kontribut tagħhom lejn il-kisba tal-miri tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom ma tistax titkejjel b’mod preċiż. Xi Stati Membri ma stabbilew l-ebda mira (DE, DK, LU, NL u SE).

Xi Stati Membri b’popolazzjoni iżgħar tar-Rom stabbilew miri nazzjonali li jikkorrispondu mal-miri fil-livell tal-UE (b’mod partikolari l-HR, iżda wkoll l-EE, is-SI, il-FI u l-LT għal xi objettivi) u l-Kummissjoni tilqa’ dawn l-isforzi. Skont l-isfidi u l-kuntesti nazzjonali, aktar Stati Membri jistgħu jsegwu dawn l-eżempji pożittivi.

B’mod ġenerali, u b’mod partikolari l-NRSFs sottomessi mill-Istati Membri b’popolazzjonijiet akbar ta’ Rom, juru li saru sforzi tajbin fl-istabbiliment ta’ miri li jikkorrispondu mal-miri tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom u fl-ippjanar ta’ miżuri relatati. Madankollu, ir-Rumanija ma stabbilietx miri nazzjonali li jikkorrispondu mal-miri tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom. In-nuqqas ta’ miri nazzjonali għall-pajjiż bl-akbar popolazzjoni tar-Rom jirriskja li jkollu impatt negattiv fuq il-kapaċità kollettiva tal-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-miri tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-2030.

1.2 L-istatus u r-rwol tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali għar-Rom (NRCP)

Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom irrakkomanda, bħala minimu, li l-NRSFs għandhom jipprovdu lill-NRCPs b’mandat, riżorsi, kapaċità tal-persunal u awtorità istituzzjonali adegwati. L-NRSFs għandhom jagħtuhom ukoll is-setgħa li jikkoordinaw b’mod effettiv l-azzjoni mal-ministeri settorjali u ma’ awtoritajiet rilevanti oħra, jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ politiki relatati mar-Rom u jsaħħu l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili tar-Rom, inkluż permezz ta’ Pjattaformi Nazzjonali tar-Rom.

Filwaqt li l-NRCPs għandhom rwol ewlieni fl-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili, u fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tar-Rom, l-ambitu tal-mandati tagħhom ivarja minn Stat Membru għal ieħor. B’mod ġenerali, l-istrateġiji l-ġodda ma saħħewx l-NRCPs b’riżorsi finanzjarji u tal-persunal addizzjonali u, filwaqt li xi wħud għandhom mandat wiesa’, għadhom limitati fil-kapaċità tagħhom li jwettqu r-rwol ta’ koordinazzjoni tagħhom b’mod effettiv.

Fl-Istati Membri b’popolazzjoni akbar tar-Rom, il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom irrakkomanda li r-rwol u l-istatus tal-NRCPs għandhom jissaħħu sabiex jiġu żgurati koordinazzjoni u integrazzjoni effettivi tal-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-Rom fis-setturi differenti fil-livelli reġjonali u lokali. Il-qafas stieden ukoll lill-Istati Membri sabiex jinvolvu lill-NRCPs fl-ipprogrammar transfruntier tad-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE għar-Rom u fil-monitoraġġ ta’ dan l-infiq, u jiżguraw li l-politiki u s-servizzi pubbliċi jilħqu lir-Rom b’mod effettiv, inklużi dawk li jgħixu f’żoni remoti u rurali.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri b’popolazzjoni akbar ta’ Rom taw lill-NRCPs tagħhom mandati u rwoli adegwati fil-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-ministeri sabiex jimplimentaw l-NRSFs, inklużi l-fondi tal-UE. Is-Slovakkja, Spanja, il-Kroazja u ċ-Ċekja huma xi eżempji promettenti ta’ dan. Madankollu, anke f’dawk l-Istati Membri, jidher li l-persunal u r-riżorsi finanzjarji tal-NRCPs ma żdidux. Dan jista’ jillimita l-kapaċità tagħhom li jimmonitorjaw u jirrapportaw bir-reqqa dwar l-implimentazzjoni tal-NRSFs u l-involviment tagħhom fl-iżvilupp u l-monitoraġġ ta’ politiki u programmi formali. Fost l-Istati Membri l-oħra, xi NRCPs għandhom riżorsi u kapaċità limitati ħafna.

2.OBJETTIVI ORIZZONTALI

2.1 Il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu u d-diskriminazzjoni u l-prevenzjoni tagħhom

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tappella lill-Istati Membri sabiex jiġġieldu u jipprevjenu l-anti-Żingariżmu u d-diskriminazzjoni, inkluż billi jindirizzaw il-fastidju, ir-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda, kemm online kif ukoll offline. Ir-rakkomandazzjoni titlob ukoll lill-Istati Membri jiżviluppaw u jippromwovu sistema komprensiva ta’ appoġġ għall-vittmi, joħolqu sensibilizzazzjoni dwar l-anti-Żingariżmu, u jippromwovu sensibilizzazzjoni dwar l-istorja tar-Rom, inkluż billi jiġi kkommemorat l-Olokawst tar-Rom u permezz ta’ proċessi ta’ rikonċiljazzjoni fis-soċjetà.

B’mod ġenerali, l-Istati Membri għamlu sforzi sinifikanti sabiex jallinjaw l-NRSFs tagħhom mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri żviluppaw miżuri sabiex jiġġieldu d-diskriminazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, u, sa ċertu punt, sabiex jiġġieldu kontra l-anti-Żingariżmu. Dawn il-miżuri jinkludu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ informazzjoni mmirati lejn il-pubbliku ġenerali, l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-media. Filwaqt li l-Ungerija tirreferi għall-anti-Żingariżmu fit-taqsima analitika tagħha, hija nieqsa minn miżuri espliċiti għall-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu. Il-Bulgarija ssemmi l-ġlieda kontra l-attitudnijiet kontra r-Rom, iżda l-miżuri proposti tagħhom jiffokaw fuq id-diskriminazzjoni aktar milli fuq l-anti-Żingariżmu. Barra minn hekk, xi miżuri għandhom l-għan li jinvolvu sistematikament lill-korpi tal-ugwaljanza fil-miżuri tal-ugwaljanza tar-Rom u li jippromwovu narrattivi pożittivi dwar il-persuni Rom u l-mudelli tar-rwol Rom. Xi NRSFs ipproponew miżuri sabiex jindirizzaw id-diskriminazzjoni intersezzjonali jew multipla, inklużi azzjonijiet iddedikati sabiex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw in-nisa Rom.

Diversi Stati Membri inkludew miżuri sabiex jippromwovu l-istorja u l-kultura tar-Rom fl-NRSFs tagħhom, bħall-iffaċilitar tad-djalogu sabiex jiġu rikonoxxuti l-inġustizzji tal-passat u l-involviment fi proċessi ta’ rikonċiljazzjoni. Eżempji ta’ miżuri għall-promozzjoni tal-istorja u l-kultura tar-Rom jinkludu wkoll l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ elementi speċifiċi fil-kurrikuli u fil-kotba tal-iskola, iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Rom (it-8 ta’ April), u l-kommemorazzjoni tal-Olokawst tar-Rom (it-2 ta’ Awwissu). Dawn il-jiem huma rikonoxxuti mil-liġi f’xi Stati Membri. Diversi Stati Membri jiffinanzjaw programmi tar-radju u tat-televiżjoni u mużewijiet dedikati għall-istorja u l-kultura tar-Rom.

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrikonoxxew fl-NRSFs tagħhom l-eżistenza ta’ razziżmu u diskriminazzjoni, din is-sensibilizzazzjoni tista’ tiġi tradotta f’miżuri saħansitra aktar b’saħħithom sabiex tirrispondi b’mod aktar adegwat għall-isfidi identifikati f’xi wħud mill-Istati Membri.

Xi eżempji ta’ prattiki promettenti jinkludu l-applikazzjoni ta’ għodod legali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-indirizzar tad-diskors ta’ mibegħda fi Franza, u l-adozzjoni ta’ Liġi dwar l-anti-Żingariżmu 14 fir-Rumanija.

L-informazzjoni dwar l-allokazzjonijiet baġitarji għal dan l-objettiv, jew speċifikament għall-NRFS jew relatata mal-programmi ġenerali rilevanti, hija nieqsa jew pjuttost ġenerali u vaga.

Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna wasslet għal flussi sinifikanti ta’ refuġjati, inklużi r-Rom tal-Ukrajna 15 . Din is-sitwazzjoni kixfet firxa ta’ riskji li jaffettwawhom, inkluż dak ta’ trattament mhux ugwali 16 . Filwaqt li jiġu rikonoxxuti l-isforzi tal-Istati Membri sabiex jindirizzaw is-sitwazzjoni s’issa, jenħtieġ li jsir aktar sabiex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet tar-refuġjati Rom mill-Ukrajna billi jsir l-aħjar użu mill-NRSFs sabiex jiġi żgurat li jkollhom aċċess ugwali għall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni, is-saħħa u l-kura soċjali, u servizzi essenzjali oħra.

2.2 It-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali sabiex jitnaqqas id-distakk soċjoekonomiku bejn ir-Rom u l-popolazzjoni ġenerali

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistieden lill-Istati Membri jindirizzaw ir-rata għolja ħafna ta’ riskju ta’ faqar u d-deprivazzjoni materjali u soċjali fost il-popolazzjoni tar-Rom.

Il-miżuri stabbiliti taħt dan l-objettiv għandhom l-għan li jindirizzaw it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar u tal-faqar fost it-tfal u li jnaqqsu l-esklużjoni soċjali tar-Rom. Dan se jinkiseb billi jittejjeb l-aċċess tagħhom għas-servizzi pubbliċi essenzjali u l-allowances soċjali permezz ta’ koordinazzjoni fis-setturi rilevanti bħall-edukazzjoni u l-impjiegi.

Xi Stati Membri (eż. BG, DE, EL, ES, HR, HU u SI) inkludew it-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali bħala objettiv awtonomu speċifiku. Iċ-Ċekja ma inkludietx dan l-objettiv iżda stabbiliet mira waħda li twieġeb għall-mira fil-livell tal-UE. Stati Membri oħra ma inkludewx dan l-objettiv fl-NSF tagħhom, madankollu, dawn jinkludu miżuri sabiex tiġi indirizzata l-inklużjoni soċjoekonomika u sabiex jiġi miġġieled il-faqar matul l-objettivi settorjali tal-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-akkomodazzjoni.

Il-miżuri sabiex jiġi indirizzat d-distakk diġitali u tiġi promossa l-inklużjoni diġitali ta’ komunitajiet żvantaġġati tar-Rom huma speċifikament inklużi f’xi NRSFs biss, filwaqt li f’oħrajn huma parti mill-politiki ġenerali tal-Istati Membri dwar l-inklużjoni soċjali.

Xi NRSFs jirreferu għall-opportunitajiet ta’ finanzjament mill-Garanzija Ewropea għat-tfal 17 u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) 18 għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal iżda ma għandhomx dettalji dwar l-allokazzjonijiet baġitarji.

Bħala prattika promettenti, il-Greċja żviluppat sussidji sabiex tindirizza l-faqar enerġetiku u tipprovdi “karta tal-enerġija” lill-unitajiet domestiċi affettwati, iżda għad irid jiġi żviluppat pakkett komprensiv ta’ servizzi integrati sabiex jiġi indirizzat il-fenomenu. L-Ungerija tipprovdi eżempju ieħor ta’ prattika promettenti, peress li inkludiet miżuri sabiex tipprovdi pariri u taħriġ dwar il-prevenzjoni tad-dejn tal-unitajiet domestiċi.

2.3 Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni permezz tal-emanċipazzjoni, il-kooperazzjoni u l-fiduċja

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistieden lill-Istati Membri sabiex iżidu, kif xieraq, il-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni sinifikanti tar-Rom, inklużi n-nisa, iż-żgħażagħ u l-anzjani, u l-persuni b’diżabilità, sabiex jipprovdu appoġġ effettiv għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni tar-Rom.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili tar-Rom fir-rieżami u fl-iżvilupp tal-politiki pubbliċi, il-parteċipazzjoni tar-Rom hija inkluża fil-biċċa l-kbira tal-NRSFs permezz tal-involviment tagħhom f’korpi konsultattivi governattivi speċifiċi għar-Rom, jew fil-korpi għall-minoranzi etniċi u nazzjonali.

Uħud mill-miżuri tal-NRSF taħt dan l-objettiv jappoġġaw il-bini tal-kapaċitajiet u l-emanċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tar-Rom (OSĊ), inklużi dawk għan-nisa Rom u ż-żgħażagħ. Dawn il-miżuri jipproponu li jiġu stabbiliti u msaħħa ċentri komunitarji tar-Rom b’diversi skopijiet li jipprovdu varjetà ta’ servizzi bħall-kura tas-saħħa, l-iżvilupp tal-ħiliet tal-ġenituri, l-appoġġ għall-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni, il-litteriżmu u l-attivitajiet ta’ wara l-iskola, u gwida u appoġġ fl-aċċess għal opportunitajiet ta’ xogħol.

Xi ftit NRSFs jinkludu miżuri għall-promozzjoni ta’ mudelli ta’ rwol jew azzjoni Rom għar-reklutaġġ tar-Rom fl-istituzzjonijiet pubbliċi. Filwaqt li diversi NRSFs semmew il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-rappreżentanza tar-Rom u li tinbena l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tar-Rom, ftit Stati Membri biss ipproponew miżuri konkreti għal dak il-għan.

Spanja tipprovdi eżempju ta’ prattika promettenti. Hija adottat miżuri mmirati lejn il-bini tal-kapaċitajiet fl-OSĊ, kif ukoll fost in-nisa Rom u ż-żgħażagħ sabiex tiżgura l-parteċipazzjoni sinifikanti u l-involviment ċiviku tagħhom. L-Italja tipprovdi eżempju promettenti ieħor permezz tal-ħidma tal-Pjattaforma Nazzjonali għar-Rom u s-Sinti u l-Forum Komunitarju. L-Estonja, il-Latvja u l-Awstrija jipprovdu eżempji oħra ta’ forom strutturati u regolari ta’ djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-Pjattaformi Nazzjonali tar-Rom jew proċessi konsultattivi oħra.

3.OBJETTIVI SETTORJALI - ERBA’ OQSMA EWLENIN

3.1 Żieda fl-aċċess effettiv ugwali għal edukazzjoni ġenerali inklużiva ta’ kwalità

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw aċċess ugwali u parteċipazzjoni effettivi fil-forom kollha tal-edukazzjoni, minn kmieni fit-tfulija għal edukazzjoni terzjarja, inklużi edukazzjoni li tagħti ċans ieħor, edukazzjoni għall-adulti u tagħlim tul il-ħajja. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex jipprevjenu u jeliminaw is-segregazzjoni fl-edukazzjoni.

Il-miżuri stabbiliti mill-Istati Membri taħt dan l-objettiv jinkludu firxa wiesgħa ta’ attivitajiet li jkopru l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, il-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni, il-litteriżmu fil-lingwa tat-tagħlim, l-appoġġ għat-tfal Rom sabiex jiksbu ħiliet diġitali, miżuri sabiex aktar nies ikomplu l-iskola u jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskola, u, sa ċertu punt, miżuri li jgħinu sabiex tiżdied il-kisba edukattiva u l-avvanz b’suċċess tal-istudenti Rom mill-edukazzjoni obbligatorja għall-edukazzjoni postobbligatorja.

L-Istati Membri kollha b’popolazzjoni akbar tar-Rom, f’konformità mal-impenji aktar ambizzjużi proposti mill-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom, inkludew miżuri sabiex tiġi evitata s-segregazzjoni u sabiex l-istudenti Rom jiġu ttrasferiti mill-iskejjel segregati għall-ambjenti edukattivi ġenerali. Madankollu, f’xi każijiet (eż. HU, RO u SK), il-miżuri proposti, mhux dejjem żviluppati sistematikament minn linja bażi definita sew u akkumpanjati minn indikaturi u miri, jidhru li ma humiex biżżejjed sabiex ilaħħqu mal-iskala tal-isfidi. Miżuri oħra jippromwovu l-inklużività fl-iskejjel u jindirizzaw id-diskriminazzjoni tat-tfal Rom. Diversi NRSFs isemmu l-iżvilupp u l-użu ta’ materjali tat-tagħlim bil-lingwa Romani.

Il-biċċa l-kbira tal-NRSFs ma stabbilixxewx miżuri suffiċjenti sabiex iżidu l-mobbiltà soċjali tal-istudenti Rom u sabiex jgħinuhom javvanzaw b’suċċess mill-edukazzjoni sekondarja superjuri għall-edukazzjoni terzjarja. L-NRSFs ġeneralment ma jindirizzawx b’mod adegwat kif jitneħħew l-ostakli għall-parteċipazzjoni tat-tfal Rom fil-kindergartens, inklużi tfal li jgħixu f’żoni remoti, rurali jew segregati. Lanqas ma jipproponu miżuri adegwati sabiex jappoġġaw l-impjieg ta’ għalliema, assistenti u medjaturi Rom. Il-miżuri sabiex tiġi appoġġata l-edukazzjoni tal-adulti Rom huma msemmija f’diversi NRSFs (eż. AT, BG, DE, EL, ES, HR, HU, FI, IT, LT, PL u SI).

Ħafna NRSFs huma vagi dwar il-baġits allokati f’dan il-qasam, u dan jagħmilha diffiċli li tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-finanzjament jew li jiġu mbassra l-impatti potenzjali tal-miżuri proposti.

Il-miżuri sabiex l-istudenti ma jitħallewx jitilqu mill-iskola kmieni ma humiex ikkumplimentati biżżejjed minn miżuri adegwati sabiex jerġgħu jintegraw fl-edukazzjoni formali dawk l-istudenti Rom li jkunu ħarġu mill-iskola. Ftit Stati Membri (eż. CZ, HR, IT, LV u SK) għandhom miżuri fis-seħħ sabiex jindirizzaw u jipprevjenu d-dijanjożi ħażina u t-tqegħid inadegwat ta’ studenti Rom fl-edukazzjoni għal ħtiġijiet speċjali. Hemm bżonn ta’ aktar miżuri sabiex jiġu indirizzati l-ħiliet diġitali fl-edukazzjoni u jittejjeb l-aċċess għall-internet. Huma meħtieġa wkoll miżuri sabiex itejbu l-provvista ta’ PCs, laptops, tablets u materjali għall-apprendiment mill-bogħod u sabiex jiżguraw li jilħqu komunitajiet foqra, b’mod partikolari tfal Rom. Ir-riskju ta’ esklużjoni diġitali ulterjuri tar-Rom mill-edukazzjoni, kif deher matul il-pandemija tal-COVID-19, ma huwiex indirizzat biżżejjed mill-NRSFs.

Prattiki promettenti f’dan il-qasam huma pprovduti min-Netherlands, li jagħmlu disponibbli sussidju għall-iskejjel ta’ EUR 1 miljun fis-sena sabiex jappoġġaw lill-iskejjel bit-tfal Rom. Il-Bord Konsultattiv Nazzjonali tal-Finlandja dwar l-Affarijiet tar-Rom jirrieżamina l-kontenut tal-materjali edukattivi li jikkonċernaw lill-persuni Rom u jipprovdi gwida dwar dan il-kontenut u proposti għalih. Il-Gvern Pollakk jipprovdi inċentivi għall-gvernijiet lokali sabiex ikompli jżid in-numru ta’ medjaturi Rom fl-iskejjel.

3.2 Żieda effettiva fl-aċċess ugwali għal impjieg ta’ kwalità u sostenibbli

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistieden lill-Istati Membri jippromwovu aċċess effettiv ugwali għar-Rom, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, għal impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli, u miżuri sabiex tiġi miġġielda, evitata u eliminata d-diskriminazzjoni u sabiex tiġi promossa l-attivazzjoni tal-impjiegi.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikonoxxu d-distakk fl-impjiegi bejn ir-Rom u l-bqija tal-popolazzjoni. Huma jipproponu miżuri sabiex jippromwovu l-inklużjoni permezz ta’ programmi għaż-żgħażagħ Rom li ma komplewx l-iskola u mhumiex f’impjieg jew f’taħriġ, sabiex itejbu l-ħiliet u l-profiċjenza diġitali tagħhom, u sabiex jipprovdu traineeships, apprendistati u taħriġ vokazzjonali. Il-miżuri f’xi Stati Membri għandhom l-għan li jżidu l-esperjenza prattika sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol.

Miżuri ta’ attivazzjoni tas-suq tax-xogħol, b’enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ, huma parti mill-politiki ġenerali tal-Istati Membri li huma mmirati lejn gruppi żvantaġġati jew emarġinati. Xi ftit Stati Membri jinkludu miżuri li jappoġġaw lil persuni li jaħdmu għal rashom u lil persuni Rom intraprenditorjali.

Il-biċċa l-kbira tal-NRSFs jindirizzaw id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi billi jinkludu miżuri mmirati lejn l-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol għan-nisa Rom jew billi jwettqu studji dwar il-kawżi tar-rati aktar baxxi tal-parteċipazzjoni tan-nisa Rom fis-suq tax-xogħol. Ftit Stati Membri biss jinkludu miżuri għat-taħriġ ta’ impjegaturi potenzjali dwar in-nondiskriminazzjoni u d-diversità, u saħansitra inqas Stati Membri jinkludu taħriġ dwar l-anti-Żingariżmu.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri b’popolazzjoni akbar tar-Rom ressqu miżuri ġenerali u mmirati komprensivi, fil-livelli reġjonali u lokali, sabiex jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom, u jindirizzaw id-diskriminazzjoni u l-anti-Żingariżmu bħala ostaklu għall-aċċess għall-impjiegi. Il-fondi nazzjonali, il-FSE+, il-FEŻR 19 jew il-Fond għal tranżizzjoni ġusta 20 jissemmew f’diversi NRSFs bħala sorsi ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-miżuri proposti, għalkemm jirreferu għal inizjattivi ġenerali u għal nuqqas ta’ dettalji tal-allokazzjonijiet baġitarji għar-Rom.

Eżempju wieħed ta’ prattiki promettenti huwa pprovdut mill-Bulgarija u l-politika attiva ġenerali tagħha dwar is-suq tax-xogħol immirata lejn żgħażagħ qiegħda taħt l-età ta’ 29 sena, fosthom ir-Rom. Il-Litwanja tipprovdi eżempju ieħor, peress li adottat miżuri sabiex tippromwovi u tappoġġa l-intraprenditorija, inkluż għal gruppi żvantaġġati bħar-Rom. Il-Belġju jimplimenta l-proġetti ta’ ħidma Roma@work iffinanzjati permezz tal-FSE, li jgħinu lir-Rom li qegħdin ifittxu xogħol permezz ta’ taħriġ u kkowċjar.

3.3 Titjib tas-saħħa tar-Rom u żieda fl-aċċess effettiv ugwali għal servizzi tal-kura tas-saħħa u servizzi soċjali ta’ kwalità

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw aċċess effettiv ugwali mingħajr ostakli għalkura tas-saħħa u għal servizzi soċjali ta’ kwalità, speċjalment għal persuni li huma l-aktar f’riskju jew li jgħixu f’żoni rurali u segregati, emarġinati jew remoti.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikonoxxu l-isfidi speċifiċi fl-iżgurar ta’ aċċess ugwali tal-persuni Rom għall-kura tas-saħħa. Xi NRSFs qegħdin jippjanaw li jwettqu studji dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni Rom, bil-għan li jżidu l-għarfien u l-kapaċità tal-awtoritajiet sabiex jiżviluppaw miżuri mmirati aħjar.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiffokaw fuq it-taħriġ tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, il-ħaddiema fil-qasam u l-medjaturi tas-saħħa tar-Rom, u fuq kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li jippromwovu stil ta’ ħajja u kura tas-saħħa tajbin għat-tfal. Miżuri oħra jinkludu azzjonijiet diretti sabiex tintlaħaq popolazzjoni Rom li tgħix f’insedjamenti, li permezz tagħhom jiġu pprovduti servizzi mobbli tal-kura tas-saħħa.

Xi Stati Membri stabbilew miżuri mmirati lejn in-nisa Rom, b’enfasi fuq is-saħħa riproduttiva. Il-ħtiġijiet ta’ persuni b’diżabilità, ta’ persuni akbar fl-età, ta’ LGBTIQ Rom, kif ukoll ta’ vittmi jew ta’ vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin, huma indirizzati f’għadd żgħir ta’ NRSFs. Ftit Stati Membri jinkludu miżuri mmirati lejn iż-żieda fl-istennija tal-ħajja fil-popolazzjoni tar-Rom. Kważi nofs l-NRSFs jipproponu miżuri sabiex jikkontrobattu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, inkluż permezz ta’ kampanji li jinkoraġġixxu t-tilqim (eż. BG, CZ, CY, EE, EL, ES, FR, HU, HR, IE, LV, RO u SK).

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri b’popolazzjoni akbar tar-Rom stabbilew miżuri ġenerali mħallta ma’ miżuri mmirati u jsemmu l-eżistenza ta’ pjanijiet ta’ implimentazzjoni sabiex jitwettqu dawn il-miżuri fil-livell lokali u reġjonali, għalkemm f’xi każijiet dawn il-pjanijiet ma humiex artikolati sew. Dawn l-Istati Membri jqisu d-diskriminazzjoni u l-anti-Żingariżmu bħala waħda mir-raġunijiet li jipprevjenu lill-persuni Rom milli jaċċessaw il-kura tas-saħħa.

Diversi NRSFs jindikaw li qegħdin jużaw finanzjament mill-FSE+ u mill-FEŻR għal dan l-objettiv, l-aktar għal miżuri ġenerali sabiex itejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa għal persuni emarġinati.

Eżempji ta’ prattiki promettenti ġejjin mill-Portugall, li qiegħed jimplimenta miżuri mmirati sabiex iħarreġ medjaturi tas-saħħa Rom, u minn Ċipru, li qiegħed jipprovdi aċċess ġenerali mingħajr ħlas u aċċessibbli faċilment għall-pedjatriċi lil kulħadd.

3.4 Żieda fl-aċċess effettiv ugwali għall-akkomodazzjoni adegwata desegregata u għas-servizzi essenzjali

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistieden lill-Istati Membri jiżguraw it-trattament ugwali tal-persuni Rom fl-aċċess għal akkomodazzjoni mhux segregata adegwata u għal servizzi essenzjali. Dawn jinkludu l-ilma, is-sanità, l-enerġija, it-trasport, is-servizzi finanzjarji u l-komunikazzjonijiet diġitali, skont il-prinċipju 20 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 21 .

Diversi Stati Membri jinkludu miżuri sabiex itejbu l-aċċess għal servizzi essenzjali, b’mod partikolari l-aċċess għal ilma ġieri u, sa ċertu punt, miżuri għall-prevenzjoni u l-qerda tas-segregazzjoni spazjali. Ftit NRSFs jinkludu miżuri kemm ġenerali kif ukoll immirati sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-akkomodazzjoni soċjali, filwaqt li diversi NRSFs jipproponu miżuri sabiex jitwettqu proċeduri uffiċjali għat-titjib urban u residenzjali, jinkoraġġixxu s-sjieda tad-djar, u jinvestu f’infrastruttura bħall-elettriku, il-gass, l-ilma ġieri, il-ġestjoni tad-drenaġġ u tal-iskart, it-toroq u l-aċċess għat-trasport.

L-aspett importanti tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-anti-Żingariżmu, bħala ostakli għall-aċċess għall-akkomodazzjoni, huwa rikonoxxut biss minn ftit Stati Membri u dan huwa rifless saħansitra inqas f’termini ta’ miżuri konkreti. Il-biċċa l-kbira tal-NRSFs jindirizzaw kwistjonijiet mhux suffiċjenti bħall-iżgumbramenti sfurzati, in-nuqqas ta’ possibbiltà għar-Rom li jsiru sidien tal-proprjetà jew li jaffordjaw kiri sostenibbli, jew li jnaqqsu d-distakk fl-iffullar tal-unitajiet domestiċi.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (CZ, EL, ES, HU u SK) b’popolazzjoni akbar tar-Rom ġeneralment inkludew inizjattivi ta’ desegregazzjoni fil-livell lokali, filwaqt li l-Bulgarija u r-Rumanija ma għandhomx miżuri speċifiċi ta’ desegregazzjoni. Inizjattivi bħal dawn jikkonsistu fl-iżgurar li żviluppi ġodda ffinanzjati mill-fondi pubbliċi ma jkunux segregati, il-monitoraġġ tal-preżenza tar-Rom f’distretti residenzjali, jew l-involviment tal-komunità usa’ fil-proċessi ta’ desegregazzjoni billi jitħejjew sabiex jilqgħu lin-nies Rom li jkunu ġejjin minn żoni segregati.

F’dan il-qasam, il-biċċa l-kbira tal-NRSFs jippjanaw l-użu tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE, madankollu jipprovdu biss b’mod eċċezzjonali dettalji f’termini ta’ allokazzjoni ta’ finanzjament.

Eżempji ta’ prattiki promettenti jinkludu l-Ġermanja, li turi kif l-awtoritajiet lokali jistgħu jinkludu approċċ speċifiku għar-Rom fl-istrateġija tagħhom dwar l-“Aċċess għall-Akkomodazzjoni”, jew il-pjan ta’ Franza sabiex tikseb it-tneħħija sħiħa tal-bassifondi sal-2030 22 , pjan appoġġat b’miri u bi skeda ta’ żmien. Is-Slovenja tipprovdi aktar eżempji, li huma l-immappjar u l-legalizzazzjoni tal-insedjamenti sabiex tittejjeb l-infrastruttura tagħhom, u l-Iżvezja, li pproduċiet materjal ta’ gwida sabiex toħloq sensibilizzazzjoni tal-proprjetarji dwar is-sitwazzjoni tal-persuni Rom fis-suq tad-djar u sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni. Eżempju ieħor ta’ prattika promettenti huwa pprovdut mill-proġett tal-Akkomodazzjoni l-Ewwel Romodrom 23 fiċ-Ċekja, li jindirizza l-problema ta’ persuni mingħajr dar u d-deprivazzjoni tal-abitazzjoni ta’ persuni ta’ oriġini Rom li huma soċjalment esklużi jew f’riskju ta’ esklużjoni soċjali

4.MONITORAĠĠ U RAPPURTAR

Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom ippropona li l-Istati Membri kollha għandhom itejbu l-iffissar tal-miri, il-ġbir tad-data, il-monitoraġġ u r-rapportar, u li d-data għandha tinġabar regolarment sabiex tikkontribwixxi għar-rapportar u l-monitoraġġ. L-Istati Membri kollha ġew mistiedna, bħala impenn minimu fl-NRSFs tagħhom, jistabbilixxu linji bażi u miri nazzjonali lejn l-objettivi u l-miri tal-UE, abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet. Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom ippropona wkoll li l-Istati Membri jinkludu bħala impenn addizzjonali fl-NRSFs tagħhom l-istabbiliment ta’ miri kwantitattivi u kwalitattivi nazzjonali lejn is-seba’ objettivi u miri assoċjati kollha tal-UE, skont id-disponibbiltà tad-data u l-kuntest u l-isfidi nazzjonali.

L-Istħarriġ dwar ir-Rom tal-2020-2021 24 li sar mill-FRA ġie ppubblikat f’Ottubru tal-2022. Dan jipprovdi d-data ta’ bażi dwar is-sitwazzjoni tar-Rom fi tmien Stati Membri tal-UE 25 u f’żewġ pajjiżi kandidati 26 . Abbażi ta’ din id-data, se jiġi mmonitorjat il-progress fl-UE u fl-Istati Membri koperti.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri daħħlu fis-seħħ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u rapportar ikkoordinat mill-NRCP, filwaqt li qiesu l-inputs mill-Pjattaformi Nazzjonali tar-Rom, mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tar-Rom, mill-ministeri, mill-korpi tal-ugwaljanza u mill-istituzzjonijiet nazzjonali tal-istatistika. Dawn il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u rapportar se jibbenefikaw ukoll mill-kontribut tal-inizjattiva ta’ Monitoraġġ Ċivili tar-Rom.

Il-miri kwantitattivi nazzjonali għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom lejn il-miri ewlenin tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għas-seba’ objettivi tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom huma stabbiliti fl-NRSFs ta’ xi Stati Membri b’popolazzjoni akbar tar-Rom (BG, CZ, EL, ES, kif ukoll HR). Is-Slovakkja wieġbet għal sitt objettivi tal-miri tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom u ħalliet barra l-objettiv orizzontali “It-tnaqqis tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali”. L-Ungerija inkludiet miri kwantitattivi nazzjonali espliċiti b’reazzjoni għall-miri tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom fl-oqsma tal-faqar, l-edukazzjoni u l-impjiegi. Ir-Rumanija ma inkludietx miri nazzjonali lejn il-miri ewlenin tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom.

L-Estonja, is-Slovenja, il-Latvja u l-Litwanja jistabbilixxu miri nazzjonali li jikkorrispondu għall-miri ewlenin tal-qafas għal objettiv wieħed jew aktar.

Dwar il-ġbir tad-data, diversi Stati Membri rreferew għad-data disponibbli mill-istħarriġ tal-EUROSTAT u tal-FRA, kif ukoll għall-istituti nazzjonali tal-istatistika. Fl-istess ħin, xi Stati Membri ġġustifikaw in-nuqqas tagħhom ta’ linji bażi u miri bir-restrizzjoni legali dwar il-ġbir tad-data dwar l-etniċità.

Wara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jiżguraw divulgazzjoni pubblika sħiħa tar-rapporti nazzjonali dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom. Madankollu, l-informazzjoni dwar dan l-aspett hija nieqsa fil-biċċa l-kbira tal-NRSFs.

5.FINANZJAMENT GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-OQFSA STRATEĠIĊI NAZZJONALI TAR-ROM

Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jenfasizzaw l-importanza tal-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom, u jistiednu lill-Istati Membri jispjegaw fl-oqfsa nazzjonali tagħhom kif se jintużaw il-fondi tal-UE u dawk nazzjonali u l-istrumenti finanzjarji. Ħafna Stati Membri semmew bħala sorsi ta’ finanzjament taħlita ta’ finanzjament nazzjonali u tal-UE, l-aktar taħt il-politika ta’ koeżjoni tal-UE, kif ukoll finanzjament minn donaturi internazzjonali oħrajn. Din it-taħlita ta’ finanzjament tintuża sabiex jiġu implimentati l-miżuri stabbiliti fl-NRSFs, u l-miżuri li jinkludu r-Rom bħala parti mill-programmi ġenerali fl-oqsma taedukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni.

Il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill iħeġġu lill-Istati Membri, b’mod partikolari dawk bi sfidi akbar u dawk b’popolazzjoni sinifikanti tar-Rom, sabiex jagħmlu użu sħiħ mill-finanzjament disponibbli skont il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-2021-2027 u l-EU NextGeneration għall-persuni Rom. Sabiex dan ikun jista’ jsir, ir-regolamenti tal-2021-2027 issaħħew u ġew issimplifikati, pereżempju permezz tal-objettiv speċifiku tal-FSE+ li tiġi promossa l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-komunitajiet emarġinati, bħar-Rom, u investimenti komplementari tal-FEŻR f’dan il-qasam, u l-introduzzjoni tal-kundizzjoni tematika ta’ abilitazzjoni korrispondenti fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni 27 għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni.

Din il-kundizzjoni ta’ abilitazzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jassenjaw fondi għal dan l-objettiv immirat sabiex ikun hemm qafas ta’ politika strateġika nazzjonali għall-inklużjoni tar-Rom fis-seħħ. Dan jinkludi rekwiżiti b’saħħithom relatati mal-monitoraġġ, mal-miżuri kontra s-segregazzjoni, mal-integrazzjoni tal-inklużjoni tar-Rom fil-livell reġjonali u lokali, u mal-kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili tar-Rom u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Il-kundizzjoni abilitanti se tiġi mmonitorjata kontinwament matul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Jekk l-Istat Membru ma jibqax jissodisfaha, ir-rimborż tan-nefqa jiġi mblukkat għall-objettiv speċifiku korrispondenti. Barra minn hekk, skont l-FSE+, l-Istati Membri kollha jridu jikkonformaw ma’ rekwiżit ta’ konċentrazzjoni tematika ta’ 25 % iffukat fuq l-inklużjoni soċjali, li r-Rom huma grupp fil-mira ewlieni tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-finanzjament disponibbli jilħaq lir-Rom b’mod effettiv.

Fin-negozjati għall-ftehimiet ta’ sħubija tal-2021-2027 u għall-programmi tal-FEŻR u tal-FSE+, il-Kummissjoni enfasizzat li l-isfidi speċifiċi għall-pajjiż relatati mar-Rom jenħtieġ li jiġu riflessi u indirizzati kif xieraq fil-programmi li ġejjin, u li jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri li jippromwovu l-inklużjoni tar-Rom u l-aċċess għal infrastruttura u servizzi ġenerali mhux segregati.

Sittax-il Stat Membru għandhom l-intenzjoni li jassenjaw fondi taħt il-FSE+ għal komunitajiet emarġinati, bħar-Rom (BG, CZ, EE, EL, ES, FI, FR, HU, HR, IT, LU, PL, PT, RO, SK U SI), li jammontaw għal aktar minn EUR 1,8 biljun 28 .

F’konformità mar-Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) 29 , ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (RREPs) huma mistennija jikkontribwixxu sabiex jindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi kollha jew għadd sinifikanti minnhom identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) tas-Semestru Ewropew indirizzati lill-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew mill-2019 ’il quddiem 30 . Fil-qafas tas-Semestru, il-BG, iċ-CZ 31 , l-HU, ir-RO u s-SK regolarment irċevew CSRs fir-rigward tal-inklużjoni tal-popolazzjoni tar-Rom matul l-2012-2019. Fl-2019, il-Kunsill indirizza s-CSRs lill-BG, l-HU, ir-RO u s-SK, li primarjament ikopru l-ħtieġa għal edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità għall-istudenti Rom.

Investimenti u riformi oħra jikkonċernaw il-ħolqien ta’ ċentri taż-żgħażagħ immirati lejn l-iżvilupp personali taż-żgħażagħ minn gruppi vulnerabbli, bħar-Rom, u l-forniment ta’ akkomodazzjoni soċjali effiċjenti fl-użu tal-enerġija lill-gruppi vulnerabbli. B’mod ġenerali, il-pjanijiet jinkludu għadd sinifikanti ta’ riformi u investimenti sabiex jiġu appoġġati l-objettivi soċjali. B’mod ġenerali, l-Istati Membri allokaw madwar 28 % tal-fondi tal-RRF tagħhom sabiex jappoġġaw l-objettivi soċjali mifruxa fuq erba’ kategoriji: l-impjiegi u l-ħiliet, l-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal, is-saħħa u l-kura fit-tul u l-politiki soċjali. 33 . 

L-Istati Membri huma mistiedna jagħmlu l-aħjar użu minn dan il-finanzjament sabiex ifasslu u jimplimentaw miżuri sabiex itejbu l-aċċess ta’ gruppi emarġinati bħar-Rom sabiex jintegraw l-edukazzjoni mhux segregata , l-akkomodazzjoni, is-saħħa, il-kura fit-tul u l-impjiegi, sabiex jippromwovu l-inklużjoni soċjali tagħhom, u sabiex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu ma’ komunitajiet tar-Rom emarġinati.

6.PAJJIŻI TAT-TKABBIR: KANDIDATI U KANDIDATI POTENZJALI TAL-UE 34

Filwaqt li wrew l-impenn qawwi tagħhom għall-inklużjoni tar-Rom, il-mexxejja tal-Balkani tal-Punent, fi ħdan il-proċess ta’ Poznań 35 , qablu li jġibu l-NRSFs/pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom f’konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom u għalhekk huma koperti f’din il-valutazzjoni.

L-objettiv tal-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu huwa inkluż fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent. L-NRSFs il-ġodda tħejjew bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. L-NRSFs kollha tas-sħab tal-Balkani tal-Punent għandhom indikaturi nazzjonali u għodod ta’ monitoraġġ fis-seħħ. Madankollu, il-ġbir regolari tad-data, ir-rapportar pubbliku, u l-evalwazzjoni jenħtieġ li jissaħħu sabiex tiġi żgurata valutazzjoni affidabbli tal-progress, bl-użu tal-eżitu tal-istħarriġiet tal-Balkani tal-Punent bħala linja bażi għar-reġjun.

Minkejja li l-faqar u l-esklużjoni soċjali tal-persuni Rom huma mifruxa fir-reġjun, il-miżuri mmirati lejn din il-problema ma jkoprux biżżejjed id-diskriminazzjoni multipla u strutturali (in-nisa, il-persuni anzjani, it-tfal, il-persuni LGBTIQ u r-Rom mingħajr Stat). Il-ħtieġa li jissaħħu l-mandat u l-kapaċità amministrattiva tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tar-Rom u li jiġi żgurat l-involviment dirett tagħhom fl-ipprogrammar u l-monitoraġġ tal-fondi tal-UE, kif enfasizzat mill-qafas, ma hijiex indirizzata biżżejjed.

Dwar il-finanzjament, l-NRSFs u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni jagħtu aktar attenzjoni lill-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament u jirreferu għall-allokazzjonijiet mill-baġits nazzjonali. Madankollu, hemm livell għoli ta’ dipendenza fuq il-finanzjament mid-donaturi. L-appoġġ finanzjarju sinifikanti mill-Kummissjoni permezz tal-istrument għall-fondi ta’ assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA), diġà jgħin lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet lokali jtejbu l-kapaċità tagħhom, u jappoġġa l-edukazzjoni, l-intraprenditorija, il-legalizzazzjoni tal-insedjamenti u n-networks tal-OSĊ Rom. Dan l-appoġġ finanzjarju se jkompli kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali u jkopri oqsma prijoritarji ġodda bħall-qasam diġitali.

Dwar l-objettivi settorjali tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom, iż-żieda fl-aċċess għal edukazzjoni, impjieg u saħħa ta’ kwalità hija għan strateġiku fl-NRSFs kollha, għalkemm indirizzata b’livelli differenti ta’ dettall. L-impjieg tan-nisa u taż-żgħażagħ Rom u l-akkwist ta’ ħiliet diġitali ma jingħatawx biżżejjed attenzjoni. Il-miżuri tas-saħħa għat-tfal, għall-persuni vulnerabbli u għall-vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru huma koperti biss parzjalment, filwaqt li t-titjib tal-medjazzjoni dwar is-saħħa ma huwiex indirizzat biżżejjed. Fir-rigward tal-akkomodazzjoni, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent diġà lestew immappjar tal-insedjamenti illegali/informali. L-NRS jinkludu referenzi għall-aċċess għall-akkomodazzjoni soċjali, madankollu dawn ikopru biss parzjalment kwistjonijiet bħal-legalizzazzjoni u t-titjib tal-infrastruttura f’insedjamenti, il-qerda tal-prattika ta’ żgumbrament furzat, u miżuri sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ persuni Rom mingħajr dar. Il-progress ġenerali qiegħed jimxi fid-direzzjoni t-tajba, iżda se jkunu meħtieġa aktar sforzi matul id-deċennju.

L-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom, u l-allinjament progressiv mal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom se jkollhom jiġu indirizzati kif xieraq fl-Ukrajna u fir-Repubblika tal-Moldova 36 , fiż-żewġ pajjiżi kandidati l-ġodda tal-UE, kif ukoll fil-Georgia, bħala kandidat potenzjali. Il-prijoritajiet definiti fl-Opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea 37 diġà jinkludu l-ħtieġa li t-tliet pajjiżi jsaħħu d-drittijiet u l-qafas legali tal-minoranzi nazzjonali u tal-gruppi vulnerabbli tagħhom.

Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-progress u se tkompli tappoġġa finanzjarjament l-inklużjoni tar-Rom fil-Balkani tal-Punent, fl-Ukrajna, fil-Moldova, fil-Georgia u fit-Turkija, bħala parti mill-Kapitolu 23 tan-negozjati tat-tkabbir, “Ġudikatura u drittijiet fundamentali”.

7.GWIDA GĦALL-ISTATI MEMBRI

L-Istati Membri b’popolazzjoni sinifikanti ta’ Rom huma mħeġġa bil-qawwa sabiex iżidu l-livell ta’ ambizzjoni tagħhom fl-indirizzar tal-isfidi li jiffaċċjaw ir-Rom fl-erba’ oqsma settorjali, filwaqt li jiżguraw applikazzjoni transversali xierqa tal-objettivi orizzontali għall-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu, id-diskriminazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, il-ġlieda kontra l-faqar, u jiżguraw il-parteċipazzjoni sinifikanti tar-Rom fis-soċjetà. L-implimentazzjoni tal-NRSFs u tal-pjanijiet ta’ azzjoni jenħtieġ li jkunu bbażati fuq linji bażi solidi, inkluż l-Istħarriġ tal-FRA dwar ir-Rom tal-2020-2021 għall-pajjiżi mistħarrġa, u miri ambizzjużi biżżejjed, marbuta mill-qrib mal-miri tal-livell tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom. Huwa importanti li dawn l-Istati Membri jieħdu approċċ ikkombinat li jimmira lejn u jintegra l-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-Rom.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri li għandhom sett ta’ miżuri ta’ politika għall-inklużjoni sabiex jiżguraw li l-politiki u l-programmi ta’ inklużjoni soċjali ġenerali jilħqu b’mod effettiv il-popolazzjoni tar-Rom u sabiex jiżviluppaw miżuri mmirati li jrawmu l-aċċess għar-Rom għal infrastruttura u servizzi ġenerali mhux segregati kif meħtieġ.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li jinsabu fil-proċess li jiżviluppaw jew li jimplimentaw strateġiji nazzjonali oħra mmirati lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanza jew l-indirizzar tad-diskriminazzjoni, bħal pjanijiet ta’ azzjoni kontra r-razziżmu jew pjanijiet ta’ azzjoni taħt il-Garanzija Ewropea għat-Tfal, sabiex jiżguraw integrazzjoni adegwata tal-kwistjonijiet tar-Rom, kif ukoll il-komplementarjetà u l-allinjament sħaħ mal-miżuri impenjati fl-NRSFs.

L-Istati Membri kollha qablu mal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u l-faqar proposti fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tal-2021 38 . Huma żviluppaw miri nazzjonali f’dawn l-oqsma li għandhom jintużaw sal-massimu tagħhom sabiex jiżguraw li ħadd ma jitħalla lura.

Il-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tar-Rom

Ir-rwol u l-effettività tal-NRCPs huma element essenzjali fl-implimentazzjoni b’suċċess tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri attrezzaw l-NRCPs tagħhom b’mandati u b’rwoli ta’ koordinazzjoni xierqa mal-ministeri u ma’ awtoritajiet responsabbli oħra, il-biċċa l-kbira tal-NRCPs ma ssaħħaħx biżżejjed f’termini ta’ riżorsi finanzjarji u tal-persunal addizzjonali u dan jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jwettqu bir-reqqa r-rwol tagħhom ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ. Dawn għandhom ikunu involuti wkoll, kif rilevanti, fl-ipprogrammar, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ (inkluż fil-Kumitati ta’ monitoraġġ) tal-programmi tal-FEŻR u tal-FSE+, kif ukoll tal-RRPs, u kwalunkwe fond ieħor tal-Unjoni li jista’ jappoġġa l-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-Rom. Il-Kummissjoni ttenni l-importanza li l-Istati Membri jagħtu aktar setgħa lill-NRCPs sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rwol ewlieni tagħhom b’mod effettiv.

anti-Żingariżmu

Il-ġlieda u l-prevenzjoni tal-anti-Żingariżmu huma objettiv ewlieni u prinċipju ta’ gwida tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom u tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Ħafna NRSFs jirrikonoxxu l-importanza li jindirizzaw id-diversi forom ta’ espressjoni u manifestazzjoni tagħha, inklużi r-razziżmu kontra r-Rom, id-diskriminazzjoni, il-preġudizzju, l-isterjotipi u l-istigmatizzazzjoni, kif ukoll diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda.

Ħafna Stati Membri jirreferu għall-anti-Żingariżmu fid-deskrizzjonijiet tagħhom tal-kuntesti u l-isfidi nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri b’popolazzjonijiet akbar tar-Rom stabbilew objettivi u miżuri sabiex jiġġieldu dan il-fenomenu, għalkemm fi gradi differenti u b’livelli differenti ta’ ambizzjoni, li ma jaqblux biżżejjed mal-iskala tal-problema. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-isforzi tagħhom f’dan il-qasam u tħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma stabbilixxewx pjanijiet biex jindirizzaw din il-problema sabiex jagħmlu dan issa.

Segregazzjoni fl-edukazzjoni u fl-akkomodazzjoni

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri, b’mod partikolari dawk b’popolazzjoni sinifikanti tar-Rom, sabiex iżidu l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu u jeqirdu s-segregazzjoni tal-iskejjel u tal-ispazju tat-tfal Rom, u sabiex jindirizzaw il-kwistjoni ta’ dijanjożi ħażina li twassal għat-tqegħid żbaljat ta’ tfal Rom fl-edukazzjoni għat-tfal bi bżonnijiet speċjali. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw u jneħħu b’mod proattiv l-ostakli li jipprevjenu lit-tfal Rom milli jmorru l-iskola preprimarja u milli jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità tajba fil-livelli kollha f’ambjenti mhux segregati. Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri sabiex jużaw il-finanzjament tal-UE (FSE+, FEŻR, InvestEU u RRP) sal-massimu tiegħu sabiex jgħin fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-prospetti ta’ żvilupp tal-komunitajiet Rom emarġinati u tar-Rom li jgħixu f’unitajiet domestiċi bi dħul baxx f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali. L-Istati Membri għandhom jipprovdu akkomodazzjoni soċjali ġenerali f’żoni mhux segregati, akkumpanjata minn miżuri sabiex jitrawwem l-aċċess għall-edukazzjoni ġenerali, l-impjiegi, is-saħħa u l-kura soċjali, u jiżviluppaw jew jaġġornaw l-azzjonijiet lokali u jimplimentaw pjanijiet ta’ desegregazzjoni.

Miri u indikaturi

L-istabbiliment ta’ miri nazzjonali kwantifikati b’mod preċiż, konnessi ma’ indikaturi u linji bażi, huwa strumentali għall-monitoraġġ tal-progress lejn il-kisba tal-miri tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom. L-Istħarriġ tal-FRA dwar ir-Rom tal-2020-2021 jipprovdi linja bażi għall-pajjiżi mistħarrġa. Huwa importanti li dawn l-Istati Membri jieħdu approċċ ikkombinat li jimmira lejn u jintegra l-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-Rom.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri kollha sabiex jirrevedu u jemendaw l-NRSFs tagħhom, kif meħtieġ, sabiex jiżviluppaw miri kwantitattivi speċifiċi li jgħinu lill-UE tilħaq b’mod kollettiv il-miri tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom sal-2030.

Integrazzjoni

Ħafna NRSFs jiddeskrivu miżuri li huma konnessi mal-politiki u l-programmi ta’ inklużjoni soċjali ġenerali. Madankollu, dawk il-miżuri spiss ma jkollhomx dettall dwar kif u sa liema punt ir-Rom jistgħu jibbenefikaw minnhom. Filwaqt li huma meħtieġa sforzi sabiex tiġi indirizzata l-inklużjoni tar-Rom permezz ta’ politiki u programmi ġenerali, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu salvagwardji sabiex jipprevjenu omissjonijiet jew l-inklużjoni superfiċjali ta’ kwistjonijiet tar-Rom. L-NRCPs għandhom ikunu involuti u għandhom ikunu jistgħu jassumu rwol ta’ koordinazzjoni transsettorjali f’dan il-proċess.

Parteċipazzjoni

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw u juru l-parteċipazzjoni ġenwina u sinifikanti tar-Rom matul l-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-NRSFs u tal-programmi ta’ fondi tal-UE fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll fil-monitoraġġ u r-rapportar tal-NRSF. Il-kooperazzjoni f’dan ir-rigward tista’ tinkiseb billi jissaħħaħ l-involviment tal-Pjattaformi Nazzjonali tar-Rom jew ta’ proċessi konsultattivi u parteċipattivi ekwivalenti.

8.APPOĠĠ MILL-KUMMISSJONI EWROPEA

1)Infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-infurzar u l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali 39 , id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 40 , u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u, jekk ikun meħtieġ, se tipproċedi b’każijiet ta’ ksur, sabiex tħeġġeġ bidliet fil-leġiżlazzjoni u fil-politika nazzjonali. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-qafas istituzzjonali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni billi tressaq proposta leġiżlattiva dwar l-istandards għall-korpi tal-ugwaljanza.

2)L-integrazzjoni tal-ugwaljanza tar-Rom fl-inizjattivi tal-politika tal-UE u l-mobilizzazzjoni tal-fondi tal-UE għar-Rom

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni razzjali jew etnika tiġi integrata fil-politiki, fil-leġiżlazzjoni, u fil-programmi ta’ finanzjament tal-UE li jippromwovu l-koeżjoni, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-politiki rilevanti għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom, anke fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Se jingħata appoġġ lill-Istati Membri sabiex ikomplu jiżviluppaw u jimplimentaw l-oqfsa nazzjonali tagħhom tar-Rom, permezz ta’ appoġġ finanzjarju u miżuri ta’ koordinazzjoni. Se jingħata wkoll aktar appoġġ fil-forma ta’ assistenza mill-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 41 . Se tiġi offerta għajnuna biex jinbnew il-kapaċitajiet, b’mod partikolari permezz tal-FRA, biex jiġu żviluppati sistemi sodi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, u għall-ġbir tad-data dwar l-ugwaljanza biex tintuża fit-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni tal-oqfsa nazzjonali tar-Rom. L-NRCPs se jiġu megħjuna sabiex ikomplu jżidu l-għarfien u l-kapaċità tagħhom li jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tal-oqfsa nazzjonali tar-Rom, u sabiex jiżviluppaw indikaturi mfassla apposta.

Il-Kummissjoni se tagħmel l-aħjar użu mil-laqgħat tal-NRCP sabiex issegwi s-sejbiet ta’ din il-Komunikazzjoni.

Il-Kummissjoni se tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ diversi programmi u proġetti, bħall-proġett pilota HERO tal-UE 42  li jippermetti proġetti pilota li jtejbu l-aċċess għall-akkomodazzjoni u l-impjiegi għal familji vulnerabbli tar-Rom, u l-Azzjoni Preparatorja tal-UE 2021-2025 dwar l-inizjattiva ta’ Monitoraġġ Ċivili tar-Rom dwar il-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Rom sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-NRSFs. Proġetti oħra jiffokaw fuq l-aċċess għall-edukazzjoni, jew il-bini tal-kapaċitajiet għat-tfassil tal-politika, bħall-programmi konġunti tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa INSCHOOL u ROMACT 43 .

Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali tar-Rom u l-Pjattaformi Nazzjonali tar-Rom se jirċievu appoġġ permezz tas-sejħiet iddedikati tal-Kummissjoni taħt il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV) 44 . Il-programm CERV jappoġġa wkoll proġetti li jiġġieldu r-razziżmu, l-anti-Żingariżmu u d-diskriminazzjoni, u proġetti li jikkomemoraw l-Olokawst permezz tas-sejħiet għat-Tifkira Ewropea tiegħu   45 .

Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex tippromwovi aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd permezz taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (ŻEE) u l-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni diġitali 46 , kif ukoll il-FSE+. Il-Kummissjoni se tkompli tiffaċilita t-tagħlim reċiproku dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-edukazzjoni u permezz tal-grupp ta’ ħidma strateġiku tagħha dwar il-qafas taż-ŻEE dwar l-ugwaljanza u l-valuri.

Il-Kummissjoni se tkompli tintegra l-kwistjonijiet tar-Rom fl-attivitajiet rilevanti kollha taħt l-istrateġiji li jimplimentaw l-Unjoni tal-Ugwaljanza 47 , il-programmi Erasmus+ 48  u l-korp Ewropew ta’ Solidarjetà 49  . Il-Kummissjoni se timmobilizza r-riżorsi taħt il-Programm EU4Health 50 sabiex tgħin fil-prevenzjoni tal-mard u tiffaċilita t-tilqim, u sabiex tgħin fl-iżvilupp ta’ mekkaniżmi sabiex jiġu indirizzati aħjar il-kriżijiet relatati mas-saħħa, inkluż fost il-popolazzjoni tar-Rom. Permezz tal-Fondi għall-Klima u l-Infrastruttura 51 , il-proġetti se jippromwovu l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità u ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, inklużi l-persuni Rom, u jippromwovu akkomodazzjoni soċjali affordabbli.

Meta timplimenta l-fondi tal-UE, inklużi l-Programmi tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri sabiex tiżgura li l-ħtiġijiet tal-persuni Rom jiġu indirizzati permezz ta’ approċċ ikkombinat ta’ miżuri ġenerali u mmirati, u se trawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki u gwida għall-Istati Membri dwar id-desegregazzjoni fl-edukazzjoni u fl-akkomodazzjoni.

3)Azzjoni u appoġġ tal-UE għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni, tal-inklużjoni u tad-diversità tar-Rom

Filwaqt li tibni fuq il-prattika stabbilita tagħha, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE sabiex iżżomm il-kwistjonijiet tal-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom fuq quddiem nett fl-aġenda politika.

Il-Kummissjoni se tavvanza l-ħidma tagħha dwar it-trawwim ta’ sħubijiet tranżnazzjonali, tagħlim reċiproku u skambju ta’ għarfien espert u prattiki promettenti billi tappoġġa: (i) in-network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali għar-Rom (ii) l-organizzazzjoni tal-Pjattaforma Ewropea għall-inklużjoni tar-Rom (iii) l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ Monitoraġġ Ċivili tar-Rom (iv) il-kooperazzjoni man-Network Ewropew tal-korpi għall-Ugwaljanza (Equinet) u n-network EURoma.

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-kooperazzjoni u s-sħubija tagħha mal-Parlament Ewropew u mas-soċjetà ċivili tar-Rom, sabiex tiċċelebra l-Jum Internazzjonali tar-Rom.

Il-Kummissjoni se tippromwovi d-diversità u l-inklużività permezz tal-Programm Ewropa Kreattiva 52 , kif ukoll l-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol tal-persuni Rom permezz tal-Pjattaforma tal-UE tal-Karti dwar id-Diversità 53 . L-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni dwar ir-Riżorsi Umani 54 se tgħin sabiex tiżdied id-diversità tal-persunal tagħha, u tfittex li jkollha aktar trainees u persunal minn gruppi sottorappreżentati u minn minoranzi etniċi. Permezz taċ-Ċentru ta’ Kompetenza tagħha dwar id-Demokrazija Parteċipattiva u Deliberattiva 55 , il-Kummissjoni toffri wkoll għarfien dwar l-iżvilupp ta’ eżerċizzji inklużivi ta’ involviment taċ-ċittadini li jistgħu jgħinu sabiex titrawwem il-parteċipazzjoni politika u lokali inklużiva tar-Rom fl-Ewropa.

4)Azzjoni u appoġġ tal-UE għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u għall-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu

B’segwitu għall-impenn tagħha li tippromwovi narrattivi pożittivi u mudelli tar-rwol tar-Rom, u li tiġġieled kontra l-anti-Żingariżmu, l-istereotipar, ir-retorika kontra r-Rom u d-diskors ta’ mibegħda, il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha permezz tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, u l-kooperazzjoni u l-ħidma konġunta mal-Kunsill tal-Ewropa permezz tal-proġett li jmiss EQUIROM 56 .

9.    KONKLUŻJONI

L-objettivi, il-miri u l-miżuri ewlenin inklużi fil-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huma riflessi fi gradi differenti fl-oqfsa Strateġiċi nazzjonali għar-Rom (NRSFs). Sabiex l-NRSFs iwettqu l-bidliet mixtieqa sal-2030, iridu jiġu żviluppati u miżmuma sħubijiet b’saħħithom bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, sabiex jirrispondu b’mod effettiv għall-isfidi speċifiċi għall-pajjiż, jimmonitorjaw bir-reqqa l-progress u jaġġustaw u jaġġornaw l-NRSFs kif meħtieġ. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fil-livell tal-UE sabiex tiżgura appoġġ sħiħ għal din il-ħidma.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-aħjar użu mill-valutazzjoni, mis-sejbiet u mill-gwida tal-Kummissjoni għat-titjib, u sabiex jirrapportaw dwar il-progress tagħhom sa Ġunju tal-2023, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-Komunikazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni se tivvaluta l-ewwel rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tagħhom għar-Rom u l-progress li jkunu għamlu lejn il-miri tal-2030.

L-FRA impenjat ruħha li twettaq stħarriġ ġdid dwar ir-Rom fl-2024. Is-sejbiet tagħha, flimkien mar-rapportar biennali tal-Istati Membri, se jtejbu l-kapaċità tal-Istati Membri, kif ukoll tal-Kummissjoni, li jkejlu l-progress lejn il-miri tal-2030 tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-FRA sabiex tkejjel dan il-progress.

(1)

  COM(2020) 620 - Il-qafas strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni.

(2)

Ir-Rapport dwar l-evalwazzjoni tal-qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020, COM(2018) 785 final.

(3)

 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom 2021/C 93/01  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom 2021/C 93/01 .

(4)

Żviluppat mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) f’kooperazzjoni mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali għar-Rom (NRCPs), mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u mal-Kummissjoni.

(5)

Qafas strateġiku nazzjonali għar-Rom jirreferi għal strateġiji nazzjonali għar-Rom u/jew għal settijiet integrati ta’ miżuri ta’ politika f’kuntest soċjoekonomiku usa’, li huma rilevanti għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom.

(6)

Il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Greċja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovakkja, u Spanja.

(7)

L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo (dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo), li qablu, fi ħdan il-proċess ta’ Poznań, li l-oqfsa strateġiċi/il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom għar-Rom jiġu allinjati mal-pjanijiet ta’ Azzjoni tal-NRSFs/tal-UE f’konformità mal-qafas tal-UE għaar-Rom.

(8)

  Azzjoni preparatorja 2021-2025 – Monitoraġġ Ċivili tar-Rom: It-tisħiħ tal-kapaċità u l-involviment tar-Rom u tas-soċjetà ċivili favur ir-Rom fil-monitoraġġ u r-rieżami tal-politika . Il-parteċipazzjoni u l-involviment tas-soċjetà ċivili huma parti importanti mill-qafas tal-UE għar-Rom. L-organizzazzjonijiet tar-Rom u dawk favur ir-Rom diġà kienu involuti f’valutazzjonijiet ta’ implimentazzjoni preċedenti.

(9)

Ara l-Anness, li fih tabella li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-sottomissjonijiet.

(10)

Miżuri ġeneriċi formali għall-inklużjoni soċjali u kontra d-diskriminazzjoni.

(11)

Malta ma adottatx Qafas Strateġiku Nazzjonali għar-Rom peress li ma hemmx popolazzjoni Rom magħrufa fit-territorju tagħha.

(12)

Il-valutazzjoni dettaljata tinsab fl-Appendiċi tal-ewwel parti tal-SWD.

(13)

Ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni tal-miri f'kull Stat Membru għall-objettivi kollha żdiedet bħala appendiċi tal-ewwel SWD.

(14)

  Il-Liġi 2/2021 dwar miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu.

(15)

 Skont iċ-ċensiment uffiċjali tal-2001, ir-Rom tal-Ukrajna jammontaw għal 47 917 persuna. Stimi oħra, bħal dawk tal-Kunsill tal-Ewropa (KtE), huma ħafna ogħla.

(16)

  Il-gwerra Russa ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna ― L-impatt wiesa’ fuq id-drittijiet fundamentali fl-UE (europa.eu) .

(17)

  Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal .

(18)

  Il-Fond Soċjali Ewropew Plus – FSE+ fi sħubija.

(19)

  Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali .

(20)

  Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta . 

(21)

  Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali .

(22)

  Il-pjan ta’ Franza sabiex tikseb it-tneħħija sħiħa tal-bassifondi sal-2030 .

(23)

  https://romodrom.cz/en/our-activities/housing/housing-first/ .

(24)

  Stħarriġ tal-FRA tal-UE għall-2020-2021: Ir-Rom f’10 pajjiżi Ewropej – Ir-riżultati ewlenin .

(25)

Il-Kroazja, iċ-Ċekja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja.

(26)

Il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja.

(27)

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi.

(28)

Dan l-ammont huwa ttrattat bħala stima biss. Dan jikkorrispondi għall-informazzjoni ppreżentata uffiċjalment mill-Istati Membri mill-21 ta’ Novembru 2022. Iċ-ċifri finali se jkunu disponibbli biss ladarba l-programmi kollha jkunu ġew adottati.

(29)

  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza .

(30)

L-RRPs nazzjonali huma meħtieġa jindirizzaw is-CSRs indirizzati mill-2019 ’il quddiem, li għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu jfissru s-CSRs tal-2019 u tal-2020, peress li l-biċċa l-kbira tal-pjanijiet ġew adottati fl-2021. Iċ-ċiklu tas-Semestru tal-2022 ħa approċċ limitat u s-CSRs indirizzaw biss prijoritajiet pendenti u emerġenti ġodda li ma kinux ġew indirizzati fl-RRPs adottati. B’riżultat ta’ dan, fl-2022, l-HU biss (li l-RRP tagħha ġie adottat fil-15 ta’ Diċembru 2022) irċeviet CSR fuq ir-Rom. Fl-2019, il-Kunsill indirizza CSRs lill-BG, lill-HU, lir-RO u lis-SK li primarjament koprew il-ħtieġa għal edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità għall-istudenti Rom.

(31)

Iċ-CZ irċeviet CSRs speċifiċi fir-rigward tal-inklużjoni tal-popolazzjoni tar-Rom sal-2016.

(32)

Eżitu tal-proċedura bil-miktub dwar il-pjan ta’ rkupru tal-Ungerija - Consilium (europa.eu)

(33)

  It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Irkupru u tar-Reżiljenza (europa.eu). .

(34)

It-Turkija ma hijiex koperta minn din il-valutazzjoni minħabba li ma għandhiex Strateġija Nazzjonali għar-Rom. F’Ġunju tal-2022, wara l-Opinjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew ta lill-Ukrajna, lill-Moldova u lill-Georgia perspettiva Ewropea, filwaqt li l-Ukrajna u l-Moldova ngħataw ukoll l-istatus ta’ kandidat. Minħabba n-natura riċenti ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-ebda waħda mit-tlieta ma hija inkluża fil-valutazzjoni anke jekk l-Ukrajna u r-Repubblika tal-Moldova jkollhom strateġiji nazzjonali għar-Rom.

(35)

L-eżitu tas-Summit ta’ Sofija fis-6 ta’ Novembru tal-2020 Summit ta’ Sofija, Dikjarazzjoni ta’ Poznań tas-sħab tal-Balkani tal-Punent dwar l-integrazzjoni tar-Rom fi ħdan il-proċess tat-Tkabbir tal-UE.

(36)

  L-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Ġunju tal-2022 dwar il-Moldova kienet tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar ir-Rom .

(37)

  European Commission Opinions on the EU Membership applications .

(38)

  Il-miri sal-2030 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali .

(39)

  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità .

(40)

  Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI .

(41)

  Strument ta’ Appoġġ Tekniku .

(42)

  Proġett pilota HERO

(43)

 Programmi konġunti tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa: l-aċċess għall-edukazzjoni INSCHOOL , u l-bini tal-kapaċitajiet għat-tfassil tal-politika ROMACT ; proġett ta’ REDI Economic Development S.A jappoġġa l-intraprenditorija tar-Rom f’erba’ pajjiżi, b’appoġġ mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI).

(44)

  Il-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri .

(45)

 Sejħa għal proposti dwar it-tifkira Ewropea

(46)

  Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni , is-suġġetti fokus: It-titjib tal-kwalità u tal-ekwità fil-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ u l-edukazzjoni diġitali .

(47)

  Unjoni ta’ Ugwaljanza: l-ewwel sena tal-azzjonijiet u l-kisbiet .  

(48)

  Erasmus+ - il-programm tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport.

(49)

  Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà .

(50)

  Il-Programm EU4Health .

(51)

  Il-Fondi InvestEU għall-Klima u l-Infrastruttura .

(52)

  Programm Ewropa Kreattiva .

(53)

  Il-Pjattaforma tal-UE tal-Karti dwar id-Diversità - il-Pjattaforma toffri post għall-Karti Ewropej eżistenti dwar id-Diversità (bħalissa 26) sabiex ikun hemm skambju u qsim tal-esperjenza u tal-prattiki tajbin.

(54)

  Strateġija dwar ir-riżorsi umani għall-Kummissjoni.

(55)

  Ċentru ta’ Kompetenza dwar id-Demokrazija Parteċipattiva u Deliberattiva .

(56)

L-ugwaljanza u l-libertà mid-diskriminazzjoni għar-Rom (EQUIROM) huma proġett li se jitwettaq mill-Kunsill tal-Ewropa b’finanzjament mis-sejħa għal proposti tas-CERV-2021-COEU-1.

Top

Brussell, 9.1.2023

COM(2023) 7 final

ANNESS

tal-

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Rapport ta’ valutazzjoni tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tal-Istati Membri għar-Rom

{SWD(2023) 3 final}


Stat Membru

Natura tal-istrateġija

Id-data għas-sottomissjoni

l-Awstrija

Kwestjonarju (l-istrateġija ta’ bħalissa)

Settembru 2021

il-Bulgarija

Qafas strateġiku + pjan ta’ azzjoni

Mejju 2022

il-Belġju

Qafas strateġiku

Ġunju 2022

il-Kroazja

Qafas strateġiku

Ottubru 2021

Ċipru

Qafas strateġiku

Diċembru 2021

iċ-Ċekja

Qafas strateġiku + pjan ta’ implimentazzjoni

Ottubru 2021

id-Danimarka

Qafas strateġiku

Novembru 2021

l-Estonja

Sett integrat ta’ miżuri ta’ politika

April 2022

il-Finlandja

Kwestjonarju (sett integrat ta’ bħalissa ta’ miżuri ta’ politika)

Jannar 2022

Franza

Qafas strateġiku

Jannar 2022

il-Ġermanja

Qafas strateġiku

Marzu 2022

il-Greċja

Qafas strateġiku + pjan ta’ azzjoni

Frar 2022

l-Ungerija

Qafas strateġiku + pjan ta’ azzjoni

Settembru 2021

l-Irlanda

Kwestjonarju (l-istrateġija skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2021)

Mejju 2022

l-Italja

Qafas strateġiku

Mejju 2022

il-Latvja

Qafas strateġiku

Mejju 2022

il-Litwanja

Qafas strateġiku + pjan

Ġunju 2022

il-Lussemburgu

Kwestjonarju (sett ta’ bħalissa ta’ miżuri integrati ta’ politika)

Diċembru 2021

in-Netherlands

Kwestjonarju (sett ta’ bħalissa ta’ miżuri integrati ta’ politika)

Settembru 2021

il-Polonja

Sett integrat ta’ miżuri ta’ politika

Mejju 2021

il-Portugall

Kwestjonarju (sett ta’ bħalissa ta’ miżuri integrati ta’ politika)

Diċembru 2021

ir-Rumanija

Qafas strateġiku + pjan ta’ azzjoni

Mejju 2022

is-Slovakkja

Qafas strateġiku + pjan ta’ azzjoni

Ottubru 2021

Spanja

Qafas strateġiku (Pjan Operazzjonali fl-iżvilupp)

Novembru 2021

is-Slovenja

Qafas strateġiku

Diċembru 2021

l-Iżvezja

Kwestjonarju (sett ta’ bħalissa ta’ miżuri integrati ta’ politika)

Ottubru 2021

ANNESS

Top