EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1969

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1969 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovija (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: Impriża Konġunta Sistema Ferrovija Shift2Rail) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 559–565 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1969/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/559


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1969 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovija (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: Impriża Konġunta Sistema Ferrovija Shift2Rail) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0090/2023),

A.

billi f’Novembru 2021 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2021/2085 (l-Att Bażiku Uniku) (1), li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea biex tieħu post l-Impriża Konġunta Shift2Rail fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031;

B.

billi l-Impriża Konġunta hija sħubija pubblika-privata ddedikata għall-ġestjoni u l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni orjentati lejn il-missjoni għal trasformazzjoni kbira fis-sistemi ferrovjarji fl-Ewropa; billi l-objettivi ewlenin tal-Impriża Konġunta jinkludu li tikkontribwixxi għall-kisba taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, li tiżgura tranżizzjoni rapida lejn sistema ferrovjarja Ewropea aktar attraenti, faċli għall-utent, kompetittiva, bi prezzijiet raġonevoli, faċli biex issir il-manutenzjoni, effiċjenti u sostenibbli, integrata fis-sistema tal-mobbiltà usa’ u li tappoġġa l-iżvilupp ta’ industrija ferrovjarja Ewropea b’saħħitha u kompetittiva globalment;

C.

billi l-membri fundaturi huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u s-sħab fl-industrija ferrovjarja (partijiet ikkonċernati ewlenin, inklużi dawk li jimmanifatturaw tagħmir ferrovjarju, kumpaniji ferrovjarji, maniġers tal-infrastruttura u ċentri tar-riċerka) bil-possibbiltà li entitajiet oħra jipparteċipaw fl-Impriżi Konġunti bħala membri assoċjati; billi l-kontribuzzjonijiet tal-membri għajr l-Unjoni m’għandhomx ikunu limitati biss biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi u l-kofinanzjament meħtieġ biex jitwettqu azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni, iżda għandhom ikunu relatati wkoll ma’ attivitajiet addizzjonali;

D.

billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jeħtiġilhom jirrispettaw ir-Regolament Finanzjarju u standards ta’ ġestjoni għoljin;

Aspetti ġenerali

1.

Jilqa’ l-fatt li l-kontijiet annwali jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżultati tal-operat tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena mitmuma, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jenfasizza barra minn hekk li t-tranżazzjonijiet sottostanti tal-kontijiet huma, fl-aspetti materjali kollha, legali u regolari;

2.

Jirrikonoxxi li Orizzont Ewropa jipprevedi għanijiet ambizzjużi għall-Impriża Konġunta, li jistgħu jinkisbu biss jekk jitfasslu u jiġu implimentati soluzzjonijiet effikaċi li jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll intern u jħejju għall-isfidi futuri li jirriżultaw miż-żieda fir-responsabbiltajiet, pereżempju fil-qasam tal-ġestjoni u tal-ippjanar tar-riżorsi umani; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li kalkoli u rekwiżiti ta’ rapportar partikolarment ikkumplikati u onerużi jirrappreżentaw riskju sinifikanti ta’ żball u jitlob, għalhekk, li jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ semplifikazzjoni, fejn ikun possibbli u kompatibbli mal-qafas legali eżistenti;

3.

Jinnota li, għall-perjodu stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/2085, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta, inklużi l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, sabiex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż operazzjonali għandha tkun sa EUR 600 miljun, inklużi tal-anqas EUR 50 miljun għall-pilastru tas-sistema u sa EUR 24 miljun għall-ispejjeż amministrattivi; jinnota li l-membri tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea għajr l-Unjoni għandhom jagħtu jew inkella jagħmlu arranġamenti biex l-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom jagħtu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 600 miljun, inkluż sa EUR 24 miljun għall-ispejjeż amministrattivi;

4.

Jinnota li ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata ta’ “spejjeż amministrattivi” fost l-Impriżi Konġunti, terminu li huwa l-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tagħha u prekundizzjoni għall-fini ta’ ċifri komparabbli; jitlob, fid-dawl ta’ dan, linji gwida komuni għall-Impriżi Konġunti kollha sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu approċċ armonizzat għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq għal spejjeż amministrattivi, bħall-infiq għal konsulenzi, studji, analiżijiet, evalwazzjonijiet u assistenza teknika;

5.

Ifakkar li sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika, parti sostanzjali mill-75 % tal-merkanzija interna li tinġarr illum bit-triq għandha, minflok, tibda tinġarr fuq il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni; jinnota li l-mobbiltà multimodali awtomatizzata u konnessa se jkollha rwol dejjem akbar, flimkien ma’ sistemi intelliġenti ta’ ġestjoni tat-traffiku abilitati mid-diġitalizzazzjoni;

6.

Jilqa’ l-isforzi tal-Impriża Konġunta, abbażi tat-tweġibiet tagħha għall-kwittanza tal-Parlament Ewropew tal-2020, biex tkompli tiżviluppa sinerġiji bejn is-sħubija l-ġdida u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament eżistenti tal-Unjoni, inklużi proġetti ffinanzjati fl-ambitu ta’ programmi tal-Unjoni bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Pjan Ewropa Diġitali, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, kif ukoll InvestEU; jinnota li dawn l-isforzi jinkludu attivitajiet ippjanati biex jippromwovu rabtiet potenzjali ma’ programmi oħra tal-Unjoni, ħidma mal-Istati Membri fil-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati, u l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Varar biex jappoġġa l-identifikazzjoni u l-allinjament tal-pjanijiet ta’ varar u investiment ma’ strumenti ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni; jissottolinja kemm hu importanti li din il-ħidma titkompla sabiex tinkiseb sistema ferrovjarja aktar sostenibbli, affidabbli u attraenti;

7.

Ifaħħar l-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti ġdida tal-Kummissjoni, varata f’Diċembru 2020, li tinkludi stadji importanti aktar konkreti għas-settur ferrovjarju biex jissaħħaħ futur intelliġenti u sostenibbli; jinnota li l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ 82 inizjattiva jistabbilixxi l-pedament għal kif is-sistema tat-trasport tal-UE tista’ tikseb it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tagħha u ssir aktar reżiljenti għall-kriżijiet futuri;

8.

Jenfasizza li l-programm Orizzont Ewropa għandu jikkontribwixxi sabiex it-traffiku ferrovjarju ta’ veloċità għolja jiżdied b’50 % sal-2030; jisħaq li l-ivvjaġġar kollettiv skedat ta’ inqas minn 500 km għandu jkun newtrali f’dawk li huma emissjonijiet tal-karbonju fl-Unjoni, il-mobilità awtomatizzata għandha tiġi introdotta fuq skala kbira u sal-2050, it-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija għandu jirdoppja; ifakkar li t-traffiku ferrovjarju ta’ veloċità għolja għandu jittripla u n-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) multimodali mgħammar għal trasport sostenibbli u intelliġenti b’konnettività b’veloċità għolja għandu jkun operattiv għan-network ewlieni sal-2030; jenfasizza li varar komplut tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju sal-2030 hija kwistjoni tal-ogħla prijorità;

9.

Jinnota li t-trasformazzjoni diġitali tista’ ttejjeb l-ekosistemi relatati mal-mobilità u t-trasport; jinnota li d-diġitalizzazzjoni tista’ ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali u tal-ispejjeż u fl-istess ħin iżżid il-livelli ta’ sikurezza li tikkontribwixxi għal kwalità tal-ħajja aqwa; jappella għal livelli aktar avvanzati ta’ awtomatizzazzjoni, konnettività aktar rapida u aktar affidabbli u trasformazzjoni profonda tal-ġestjoni tas-servizz ta’ mobilità abilitata mill-IT; jemmen li l-pubbliku jista’ jibbenefika wkoll minn konnettività tal-Internet veloċi għall-passiġġieri fil-biċċa l-kbira tal-istazzjonijiet u l-linji, minn telematika orjentata lejn l-utent u minn multimodalità ffaċilitata;

10.

Jilqa’ l-impenn tal-Impriża Konġunta li tiffaċilita l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni bil-għan li tipprovdi network ferrovjarju Ewropew integrat mid-disinn, filwaqt li telimina l-ostakli għall-interoperabbiltà u twassal sistema ferrovjarja intelliġenti, sostenibbli u reżiljenti biex tiżgura approċċ armonizzat għall-evoluzzjoni taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea ħalli tiżgura l-konnettività fl-Unjoni kollha; jenfasizza kemm hu importanti li l-Impriża Konġunta tiġi appoġġata minħabba l-vantaġġi tal-ferroviji inkwantu l-prestazzjoni ambjentali u s-sikurezza;

11.

Jifraħ lill-Impriża Konġunta għar-rapportar attiv kontinwu tagħha dwar il-kontributi tal-Impriża għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll għall-kontribut tagħha għall-għanijiet deskritti fl-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti tal-Kummissjoni u d-Deċennju Diġitali, u b’hekk immassimizzat l-allinjament potenzjali tagħha mal-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni;

12.

Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni tal-Impriża Konġunta mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà għall-proġetti żviluppati;

13.

Jinnota li l-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea bdiet uffiċjalment fit-30 ta’ Novembru 2021;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

14.

Jissottolinja li l-baġit tal-2021 tal-Impriża Konġunta ma jinkludi l-ebda dħul jew approprjazzjonijiet ta’ impenn jew ta’ pagament fir-rigward tar-riżorsi tal-Impriża Konġunta li ġejjin minn Orizzont Ewropa jew mill-membri privati tagħha u li jikkonsisti biss f’approprjazzjonijiet relatati mal-Impriża Konġunta Shift2Rail u mal-membri tal-Impriża Konġunta Shift2Rail;

15.

Jinnota li fl-2021, il-baġit tal-Impriża Konġunta kif finalment adottat, inklużi l-approprjazzjonijiet mhux użati tas-snin preċedenti, li l-Impriża Konġunta reġgħet daħħlet fil-baġit tas-sena attwali, id-dħul assenjat u r-riallokazzjonijiet għas-sena ta’ wara, ammontaw għal EUR 13 625 miljun (EUR 84,1 miljun fl-2020) f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 68 440 miljun (EUR 75,8 miljun fl-2020) f’termini ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament;

16.

Jilqa’ l-fatt li, fi tmiem is-sena 2021, l-Impriża Konġunta kienet implimentat 100 % tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tagħha li saru disponibbli fil-baġit attiv tagħha, li jinkludu n-nefqa tal-persunal u amministrattiva, u li l-approprjazzjonijiet ta’ pagament ġew implimentati sa 85 % tal-fondi attivi; jinnota li l-implimentazzjoni meta mqabbla mal-baġit sħiħ tal-Impriża Konġunta, inklużi l-approprjazzjonijiet mhux użati mhux meħtieġa fis-sena attwali, kienet ta’ 100 % f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u 63 % f’approprjazzjonijiet ta’ pagament;

17.

Jinnota li, fi tmiem l-2021, il-membri privati kkontribwew total ta’ EUR 189,6 miljun ivvalidati, li jinkludu EUR 10,5 miljun fi flus kontanti, EUR 179,1 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura vvalidati, u addizzjonalment total ta’ kontribuzzjonijiet in natura għal attivitajiet addizzjonali ta’ EUR 208,8 miljun, meta mqabbla mal-kontribuzzjoni totali fi flus tal-Unjoni ta’ EUR 339,2 miljun;

18.

Jinnota li, f’April 2021, l-Impriża Konġunta varat sejħa finali għall-programm Orizzont 2020; jinnota li, b’din is-sejħa, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta kienet impenjat kważi EUR 385,5 miljun mill-kontribuzzjoni massima tal-UE għall-ftehimiet ta’ għotja ffirmati fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, li minnhom, madwar EUR 96,4 miljun (25 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin; jinnota barra minn hekk li l-membri privati kienu impenjaw ruħhom legalment li jipprovdu kontribuzzjonijiet “in natura” ta’ EUR 572,6 miljun;

19.

Jenfasizza li l-Impriża Konġunta implimentat 100 % tal-baġit ta’ impenn tagħha disponibbli għall-proġetti fl-ambitu ta’ Orizzont 2020; jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-pagamenti operazzjonali disponibbli tal-Impriża Konġunta għall-2021, inklużi l-approprjazzjonijiet operazzjonali li ma ntużawx jew li kienu riallokati, niżlet għal 61 % (2020: 76 %); jinsab konxju mill-fatt li din is-sitwazzjoni kienet ikkawżata prinċipalment mill-kwalità fqira tar-rapporti tekniċi tal-benefiċjarji jew mill-ħtieġa li tintalab mingħand il-benefiċjarji evidenza addizzjonali li tikkonferma l-kisba tar-riżultati tal-proġett; jistieden lill-Impriża Konġunta tesplora kwalunkwe mezz addizzjonali biex tiffaċilita r-regoli ta’ rappurtar għall-kisbiet tar-riżultati tal-proġetti sabiex jiġi evitat dewmien fil-futur; jinnota, barra minn hekk, li l-biċċa l-kbira tal-pagamenti tal-Impriża Konġunta huma somom f’daqqa mħallsa għal pakketti ta’ ħidma tal-proġetti li ġew implimentati kif xieraq minn diversi benefiċjarji; jinnota, għalhekk, li d-dewmien ta’ benefiċjarju wieħed jaffettwa l-pagament tal-ammont sħiħ ta’ somma f’daqqa relatat mal-pakkett ta’ ħidma;

20.

Jinnota li l-Impriża Konġunta għamlet b’suċċess aktar minn 70 pagament relatati ma’ offerti operattivi u ftehimiet ta’ għotja għal ammont totali ta’ EUR 39,3 miljun; jinnota li l-Impriża Konġunta enfasizzat lill-bord ta’ tmexxija l-importanza tal-kwalità tar-rappurtar tal-benefiċjarji u l-ħtieġa li l-benefiċjarji u/jew il-kuntratturi jikkonformaw mal-iskadenzi u li hija infurmat lill-bord ta’ tmexxija f’Novembru 2021 li, minħabba d-dewmien tal-benefiċjarji fis-sottomissjoni tat-talbiet għal pagament u d-dokumenti sottostanti, l-approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ madwar EUR 17,5-il miljun kienu se jibqgħu ma jintużawx sa tmiem is-sena; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta kellha tittrasferixxi dan l-ammont għall-approprjazzjonijiet mhux użati sabiex jiddaħħlu mill-ġdid fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-2022: jinnota li, fil-fehma tal-Impriża Konġunta, b’din ir-riallokazzjoni hija kisbet rata ta’ implimentazzjoni għall-pagamenti operattivi (nefqa operattiva) ta’ 84 %;

Prestazzjoni

21.

Jilqa’ l-fatt li, matul l-2021, l-Impriża Konġunta kompliet tagħmel progress fit-twettiq tal-Programm Shift2Rail, għalkemm l-attivitajiet operattivi ġew affettwati mill-pandemija tal-COVID-19, u dan kompla jittardja r-riżultati tal-programm b’madwar sitt xhur addizzjonali meta mqabbla mad-dewmien tal-2020, b’mod partikolari minħabba ż-żieda fl-għadd ta’ attivitajiet ta’ dimostrazzjoni fuq il-post li kienu attivi fl-2021; jinsab kuntent li jinnota li s-sistema ta’ kontroll intern fis-seħħ żgurat ġestjoni finanzjarja tajba effikaċi u effiċjenti;

22.

Jinnota li, fl-2021, l-Impriża Konġunta tat u ffirmat żewġ għotjiet għal valur totali ta’ EUR 2,34 miljun, fl-oqsma tal-“impatt u l-benefiċċji tar-riċerka u l-innovazzjoni biex il-ferroviji jsiru attraenti għall-partijiet ikkonċernati” u tal-“innovazzjoni fil-qasam tal-akkopjament awtomatiku diġitali għall-programm ta’ twettiq Ewropew”;

23.

Jenfasizza li, sa tmiem l-2021, il-Programm Shift2Rail laħaq stadji importanti ewlenin f’termini ta’ implimentazzjoni tal-programm: ir-riżorsi kważi kollha tal-Impriża Konġunta Shift2Rail kienu impenjati għall-attivitajiet tal-programm u li l-attivitajiet innovattivi ppjanati kollha relatati mal-Programm/Attivitajiet Tranżversali kienu qed joperaw fi proġetti mogħtija; jinnota li, bħala medja, kważi 75 % tal-programm twettaq bil-ħsieb li jintlaħaq il-livell ta’ tħejjija teknoloġika 6/7 (2) għad-dimostrazzjonijiet operattivi li hu ppjanat li jiġu konklużi matul l-2023; jinnota li, globalment, huwa stmat li l-valur totali tal-attivitajiet imwettqa fl-2021 jammonta għal EUR 123,5 miljun, li minnhom EUR 113,6-il miljun twettqu mill-membri għajr l-Unjoni;

24.

Jinnota li, matul l-2021, l-Impriża Konġunta vvalutat l-attivitajiet tagħha tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz tat-tielet eżerċizzju ta’ kontroll; jinnota li dan l-eżerċizzju qies ir-riżultati tanġibbli u r-rapporti ppreżentati fil-kuntest tar-rieżami annwali tal-proġetti attivi kkoordinati minn membru ieħor tal-Impriża Konġunta Shift2Rail (l-Unjoni u l-membri assoċjati). Permezz ta’ dan il-proċess, l-Impriża Konġunta żgurat ukoll li r-rakkomandazzjonijiet li saru matul il-valutazzjoni ta’ kontroll preċedenti kienu ġew applikati b’mod xieraq; jinnota li r-riżultat ġenerali huwa li l-programm ibbenefika minn tali feedback, mibni wkoll fuq għarfien espert estern;

Persunal u akkwist

25.

Jinnota li, minħabba r-reklutaġġi pendenti u li għadhom għaddejjin, fil-31 ta’ Diċembru 2021 kien hemm 19-il membru tal-persunal, inkluż espert nazzjonali sekondat wieħed disponibbli; jinnota li, skont it-tabella tal-persunal tal-Impriża Konġunta, din għandu jkollha 23 post fi tmiem is-sena 2021;

26.

Jinnota li, minħabba l-varar tal-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea l-ġdida mit-30 ta’ Novembru 2021, it-tabella tal-persunal baqgħet dik adottata fil-kuntest tal-Impriża Konġunta Shift2Rail; jinnota li kien biss fl-1 ta’ Marzu 2022 li l-bord ta’ tmexxija adotta t-tabella tal-persunal il-ġdida;

27.

Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività, li n-nefqa tal-persunal intużat prinċipalment għas-salarji tal-persunal tal-Impriża Konġunta; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta għamlet użu wkoll mill-appoġġ estern, biex timla l-lakuni matul il-proċess ta’ reklutaġġ wara d-dawran tal-persunal u biex tlaħħaq mal-ammont ta’ xogħol importanti fuq l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta;

28.

Jinnota bi tħassib li r-rata annwali medja ta’ persunal interim baqa’ għoli, u tirrappreżenta 18 % tal-persunal statutarju; ifakkar li l-livell għoli ta’ persunal kuntrattwali għandu t-tendenza li jżid b’mod sinifikanti r-rata ta’ dawran tal-persunal u jkompli jiddestabbilizza s-sitwazzjoni tal-persunal tal-Impriża Konġunta; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta’ persunal interim għandu jibqa’ soluzzjoni temporanja, għax inkella dan jista’ jolqot b’mod negattiv il-prestazzjoni kumplessiva tal-Impriża Konġunta, bħat-telf ta’ kompetenzi ewlenin, doveri ta’ rendikont mhux ċari, tilwim ġudizzjarju possibbli u inqas effiċjenza tal-persunal; ifakkar li l-Impriża Konġunta għandha tiżviluppa mudell formalizzat jew gwida dwar kif għandhom jiġu stmati l-ħtiġijiet tal-persunal (inklużi l-kompetenzi essenzjali), bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi umani;

29.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li fl-2021, id-dawran tal-persunal baqa’ għoli: xi membri tal-persunal u espert nazzjonali sekondat wieħed telqu mill-Impriża Konġunta; jinnota li dan kien attribwibbli, minbarra aspetti oħra, għall-fatt li Impriżi Konġunti oħra tal-Unjoni jinsabu fil-pożizzjoni li joffru karigi ta’ aġent temporanju minflok karigi ta’ aġenti kuntrattwali; jappella għal aktar sforzi fir-riżorsi umani biex jitnaqqas kemm jista’ jkun id-dawran tal-persunal;

30.

Jilqa’ l-fatt li, kif kien diġà l-każ fl-2020, fl-2021 l-Impriża Konġunta kompliet issegwi l-approċċ tal-KE b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 billi implimentat miżuri speċjali mfassla biex jipproteġu lill-persunal; jinnota li, b’mod partikolari, dan ġie żgurat bl-applikazzjoni ta’ arranġamenti ta’ telexogħol, u, meta jsir xogħol fuq il-post, billi jitnaqqsu l-kuntatti fiżiċi bejn il-kollegi u jintużaw miżuri protettivi; jinsab kuntent li l-Impriża Konġunta stinkat biex tindirizza l-effetti negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-saħħa mentali tal-persunal billi fl-2020 kienet diġà introduċiet programm dwar il-benesseri;

31.

Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività tal-2021, f’termini ta’ bilanċ bejn il-ġeneri, li l-Impriża Konġunta għandha perċentwal aktar baxx ta’ nisa fil-bord ta’ tmexxija milli fis-sena preċedenti, jiġifieri 10 % u 13 % rispettivament, meta jitqiesu l-membri alternanti tal-bord, u li l-perċentwal ta’ nisa rrappreżentati fil-grupp ta’ rappreżentanti u fil-kumitat xjentifiku hu ta’ 33 %, bħalma kien fl-2019 u fl-2020; jiddispjaċih li dawn iċ-ċifri naqsu jew staġnaw meta jitqabblu mas-snin preċedenti, u jitlob li jsiru aktar sforzi f’termini ta’ bilanċ bejn il-ġeneri;

32.

Jinnota li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ akkwist, l-Impriża Konġunta kkonformat mal-prinċipji tar-Regolament Finanzjarju u mal-gwida pprovduta fil-Vademecum dwar l-Akkwist tal-Kummissjoni Ewropea; jinnota li dan irriżulta fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet li kisbu l-aħjar valur għall-flus; il-valuri stabbiliti għall-proċeduri ta’ akkwist differenti, li huma taħt kwalunkwe livell ta’ materjalità meta jitqies il-valur totali tal-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-programm, jirriżultaw mill-għarfien kollettiv tal-persunal involut u l-esperjenza tagħhom f’organizzazzjonijiet privati u pubbliċi preċedenti;

33.

Jinnota, wara l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), li l-Impriża Konġunta taqbel li tħallas il-kontribuzzjonijiet tagħha tal-pensjoni ta’ min iħaddem f’konformità mal-kalkolu li għandu jiġi pprovdut mis-servizzi tal-Kummissjoni ladarba jiġu kkonfermati aspetti legali, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tevita kwistjonijiet simili fil-futur; jistieden lill-Impriża Konġunta ma tistenniex il-kalkolu finali tal-kontribuzzjonijiet pendenti, iżda tqis dan l-obbligu meta tippjana l-baġit futur tagħha, bħal pereżempju permezz ta’ akkumulazzjoni korrispondenti għall-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni;

34.

Jifraħ lill-Impriża Konġunta għad-definizzjoni tal-għanijiet ewlenin biex jissaħħaħ ir-rwol tal-ferroviji fis-sistema tat-trasport fil-programm ta’ azzjoni pluriennali tagħha, sabiex jiġi massimizzat il-kontribut tagħha ħalli jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew;

35.

Ifaħħar, għas-sena 2021, is-superviżjoni kontinwa mill-uffiċċju tal-programm tal-implimentazzjoni ta’ 105 proġett u kuntratt operazzjonali tal-Programm Shift2Rail, mogħtija u ffirmati mill-2016 ’il hawn, għall-valur totali stmat ta’ EUR 805,1 miljun għar-riċerka u l-innovazzjoni;

36.

Jinnota li l-Impriża Konġunta kellha rwol attiv għall-viżibbiltà tas-settur matul is-Sena Ewropea tal-Ferroviji 2021;

37.

Ifaħħar ir-rappurtar kontinwu tal-Impriża Konġunta, mill-2018 ’l hawn, dwar il-kontribut tagħha biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti;

38.

Jinnota l-effett kontinwu tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta, il-predeċessur tagħha, u s-settur ferrovjarju b’mod ġenerali u d-dewmien ulterjuri li rriżulta f’xi wħud mill-outputs tal-programm, kif irrappurtat fir-rapport annwali tal-attività tal-Impriża Konġunta; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt enfasizzat mill-Impriża Konġunta, li l-pandemija tal-COVID-19 se tkompli tolqot ċerti operazzjonijiet fis-settur ferrovjarju anke meta l-aktar effetti severi tagħha qed jonqsu; jifraħ u jħeġġeġ, għalhekk, lill-Impriża Konġunta tkompli l-analiżi tar-riskju dettaljata u l-pjanijiet ta’ mitigazzjoni li twettqu mit-tim tal-programm u l-koordinaturi tal-proġetti tagħha mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19;

Awditu intern

39.

Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern tal-Kummissjoni kkonferma li fl-2021, ma kien hemm l-ebda xkiel għall-oġġettività individwali, b’mod partikolari permezz ta’ kunflitti ta’ interess, limitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni, restrizzjonijiet fuq l-aċċess għar-rekords, persunal, u proprjetajiet, jew limitazzjonijiet tar-riżorsi;

40.

Jinnota li, wara l-valutazzjoni tar-riskju tiegħu mwettqa fl-Impriża Konġunta matul l-2020, l-awditur intern fassal il-pjan strateġiku ta’ awditjar intern għall-2021-2023; jinnota li fl-aħħar tliet xhur tal-2021, l-Impriża Konġunta pprovdiet lis-servizz tal-awditjar intern b’aġġornament dwar l-iżviluppi interni u esterni li influwenzaw in-negozju tagħha, kif ukoll bil-verżjoni aġġornata tagħha tar-reġistru tar-riskji; jinnota li s-servizz tal-awditjar intern se jqis dan l-input għat-tħejjija tal-ippjanar tiegħu tax-xogħol ta’ awditjar għall-2022 u għall-istabbiliment tal-valutazzjoni tar-riskju fil-fond li jmiss u l-pjan strateġiku ta’ awditjar intern tal-Impriża Konġunta;

41.

Jinnota li, fl-2021, il-pjan ta’ awditjar intern vara “Awditu dwar l-implimentazzjoni u l-għeluq tal-għotjiet fl-ambitu ta’ Orizzont 2020”, u l-objettiv ta’ dan l-awditu hu li jivvaluta l-adegwatezza tad-disinn u l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kontrolli interni fis-seħħ fl-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni u l-għeluq tal-ftehimiet ta’ għotja fl-ambitu ta’ Orizzont 2020; jistieden lill-Impriża Konġunta twieġeb lill-awtorità ta’ kwittanza rigward is-sejbiet ta’ dan l-awditu;

Kontroll Intern

42.

Jenfasizza li fl-2020, l-Impriża Konġunta adottat qafas ta’ kontroll intern rivedut u li fl-ewwel tliet xhur tal-2021 saret l-ewwel awtovalutazzjoni annwali tal-qafas ta’ kontroll intern rivedut sabiex jiġu evalwati l-konformità u l-effettività tal-kontrolli interni, b’ħarsa lura lejn l-2020, kif ukoll biex tiġi riflessa s-sitwazzjoni attwali fl-attivitajiet ta’ kontroll intern eżistenti f’dak iż-żmien;

43.

Jinnota li, bl-istess mod, fl-ewwel tliet xhur tal-2022 saret valutazzjoni annwali ġdida tal-qafas ta’ kontroll intern li evalwat is-sitwazzjoni fl-2021, fil-livell tas-17-il prinċipju individwali, il-ħames komponenti, u mill-perspettiva tal-qafas kollu kemm hu; jinnota li din il-valutazzjoni twettqet abbażi ta’ 53 indikatur u filwaqt li tqieset l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli f’dak iż-żmien, inklużi r-riżultati minn awditi interni/esterni preċedenti u r-rekords fir-reġistru ta’ eċċezzjonijiet u avvenimenti ta’ nuqqas ta’ konformità tal-Impriża Konġunta; jinnota, wara valutazzjoni xierqa, li ma ġie identifikat l-ebda nuqqas rilevanti fil-kontrolli interni; jinnota li l-prinċipji individwali kollha tal-qafas ta’ kontroll intern kif ukoll il-komponenti nstabu li kienu preżenti u li qed jiffunzjonaw tajjeb;

44.

Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li għall-pagamenti fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, is-servizz tal-awditjar komuni tad-DĠ RDT tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditi ex post; jinnota li abbażi tar-riżultati tal-awditjar ex post disponibbli fi tmiem l-2020, l-Impriża Konġunta rrappurtat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,3 % (2,9 % fl-2020) u rata tal-iżball residwu ta’ 1,6 % (1,99 % fl-2020) għall-proġetti fl-ambitu ta’ Orizzont 2020 (approvazzjonijiet u pagamenti finali);

45.

Jinnota li l-Qorti awditjat kampjun magħżul b’mod aleatorju ta’ pagamenti ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2021, fil-livell tal-benefiċjarji finali, biex tikkorrabora r-rati ta’ żball tal-awditjar ex post; jinnota li l-Qorti ma sabet l-ebda żball jew dgħufija fil-kontroll tal-benefiċjarji tal-Impriża Konġunta fil-kampjun;

46.

Jilqa’ l-fatt li fl-2022 l-Impriżi Konġunti kollha bdew jimplimentaw azzjonijiet għat-tnaqqis tar-rata ta’ żbalji f’konformità mal-azzjoni proposta mill-Qorti tal-Awdituri, inkluża l-esplorazzjoni tal-għażliet ta’ forom simplifikati ta’ spejjeż bħal spejjeż unitarji, somom f’daqqa u rati fissi, b’tipi ta’ benefiċjarji fil-mira li jkunu aktar suxxettibbli għall-iżbalji, bħal pereżempju l-SMEsu benefiċjarji ġodda;

47.

Jinnota li, bħal fil-każ tat-trattament ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali, u sabiex timplimenta r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-att kostitwenti tagħha fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, l-Impriża Konġunta adottat, permezz tal-qafas legali intern tagħha, regoli fir-rigward tal-membri u tal-persunal tagħha, kif ukoll fir-rigward tal-membri tal-bord ta’ tmexxija tagħha, u li d-dikjarazzjonijiet ta’ interess annwali ta’ dawk il-membri tal-bord ta’ tmexxija tagħha huma disponibbli pubblikament fis-sit web uffiċjali tal-Impriża Konġunta.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).

(2)  Livell ta’ Tħejjija Teknoloġika li jilħaq mill-inqas 6 - teknoloġija murija fl-ambjent rilevanti.


Top