Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1957

    Riżoluzzjoni (UE) 2023/1957 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2) għas-sena finanzjarja 2021

    ĠU L 242, 29.9.2023, p. 522–526 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1957/oj

    29.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 242/522


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1957 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-10 ta’ Mejju 2023

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2) għas-sena finanzjarja 2021

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif għas-sena finanzjarja 2021,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0083/2023),

    A.

    billi l-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (l-“Impriża Konġunta FCH”), ġiet stabbilita għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017 f’Mejju 2008 fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 (1); billi f’Mejju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 559/2014 (2), li jestendi t-tul tal-ħajja tal-Impriża Konġunta fl-ambitu tal-programm Orizzont 2020 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024 (l-“Impriża Konġunta FCH 2); billi, f’Novembru 2021, ġiet stabbilita l-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif (minn hawn ’l quddiem l-“Impriża Konġunta Clean H2”) mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 (3) biex tissostitwixxi l-Impriża Konġunta FCH 2, fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa, għal perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031;

    B.

    billi l-Impriża Konġunta Clean H2 hija sħubija pubblika-privata fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-kamp tat-teknoloġija tal-idroġenu u taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-membri fundaturi tagħha huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, il-Grupp Industrijali (Hydrogen Europe) u l-Grupp ta’ Riċerka (Hydrogen Europe Research);

    C.

    billi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta Clean H2, inklużi l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, biex tkopri l-kostijiet amministrattivi u operattivi għandha tkun sa EUR 1 biljun, inkluż sa EUR 30,193 miljun għall-kostijiet amministrattivi;

    D.

    billi l-membri tal-Impriża Konġunta Clean H2 għajr l-Unjoni għandhom jagħmlu jew jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-entitajiet kostitwenti jew affiljati tagħhom jagħmlu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 1 biljun, inkluż sa EUR 30,193 miljun għall-kostijiet amministrattivi, matul il-perjodu ta’ 10 snin kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/2085;

    E.

    billi l-objettiv ġenerali tal-Impriża Konġunta Clean H2 huwa li tappoġġa l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni fl-Unjoni f’soluzzjonijiet u teknoloġiji tal-idroġenu nadif, fl-ambitu tal-programm ta’ finanzjament il-ġdid tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont Ewropa;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean H2 (minn hawn ’il quddiem ir-“rapport tal-Qorti”) isib li l-kontijiet annwali tal-2021 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta Clean H2 fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, f’konformità mar-regoli finanzjarji tagħha u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

    2.

    Jirrikonoxxi li Orizzont Ewropa jipprevedi għanijiet ambizzjużi għall-Impriża Konġunta Clean H2, li jistgħu jinkisbu biss jekk jitfasslu u jiġu implimentati soluzzjonijiet effikaċi li jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll intern u jħejju għall-isfidi futuri li jirriżultaw miż-żieda fir-responsabbiltajiet, pereżempju fil-qasam tal-ġestjoni u tal-ippjanar tar-riżorsi umani; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li kalkoli u rekwiżiti ta’ rapportar partikolarment ikkumplikati u onerużi jirrappreżentaw riskju sinifikanti ta’ żball u jitlob, għalhekk, li jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ simplifikazzjoni, meta possibbli u kompatibbli mal-qafas ġuridiku eżistenti;

    3.

    Josserva li l-baġit finali disponibbli tal-Impriża Konġunta Clean H2, li jinkludi approprjazzjonijiet mhux użati li ddaħħlu mill-ġdid fis-snin preċedenti, dħul assenjat u riallokazzjonijiet għas-sena sussegwenti, għas-sena finanzjarja 2021 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 15,8 miljun (EUR 104,2 miljun fl-2020) u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 56,2 miljun (EUR 103,8 fl-2020); jinnota li l-eżekuzzjoni ġenerali tal-baġit 2021 tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament laħqet 97 % (meta mqabbla ma’ 94 % fl-2020) u 87 % (meta mqabbla ma’ 95 % fl-2020) rispettivament;

    4.

    Jinnota li meta mqabbla mal-2020, l-approprjazzjonijiet tal-2021 naqsu b’85 % f’termini ta’ impenji u b’44 % f’termini ta’ pagamenti; jinnota li t-tnaqqis fil-baġit tal-2021 kien dovut għan-nuqqas ta’ sejħiet imnedija fl-2021; jissottolinja li ma kien ippjanat l-ebda prefinanzjament għall-2021;

    5.

    Jinnota li, fi tmiem l-2021, mill-kontribuzzjoni massima ta’ EUR 470 miljun, kif previst fir-Regolament (UE) 2021/2085 u d-deċiżjonijiet adottati skont dan, l-Unjoni kkontribwiet total ta’ EUR 426,5 miljun fi flus kontanti u in natura mis-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-membri tal-Grupp Industrijali u tal-Grupp tar-Riċerka kkontribwew total ta’ riżorsi vvalidati ta’ EUR 466 miljun, li jinkludu EUR 443,9 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura vvalidati fil-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka;

    6.

    Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta Clean H2 kienet impenjat EUR 425,5 miljun (95 %) minn EUR 450 miljun tal-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-ftehimiet ta’ għotja ffirmati tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka li minnhom madwar EUR 3 miljun (0,7 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin; jinnota li l-membri privati pprovdew kontribuzzjonijiet in natura fl-istess livell; josserva li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-baġit tal-pagamenti tal-2021 tal-Impriża Konġunta Clean H2 disponibbli għall-proġetti tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka kienet ta’ 97,8 % (89 % fl-2020) u li barra minn hekk, l-Impriża Konġunta Clean H2 ma kellha kważi l-ebda approprjazzjoni ta’ impenn operattiv għall-2021 peress li lestiet l-aħħar sejħa tagħha għal proposti mat-tmiem l-2014;

    7.

    Jinnota li, fi tmiem l-2021, l-Unjoni kkontribwiet total ta’ EUR 545,5 miljun minn Orizzont 2020 u li l-membri privati kkontribwew total ta’ EUR 50 miljun fi flus u kontribuzzjonijiet in natura vvalidati, li jinkludu EUR 38,6 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura fil-proġetti ta’ Orizzont 2020 tal-Impriża Konġunta;

    8.

    Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-livell ta’ kontribuzzjonijiet in natura vvalidati tal-membri privati għall-attivitajiet operativi ta’ EUR 38,6 miljun, huwa dovut għall-fatt li l-Impriża Konġunta Clean H2 tiċċertifikahom aktar tard fil-programm Orizzont 2020, meta jsir il-pagament finali għall-proġetti u jkun jeħtieġ li jiġu ppreżentati ċ-ċertifikati tad-dikjarazzjoni finanzjarja; huwa kuntent mill-fatt li l-membri privati kkontribwew total ta’ EUR 1 039 miljun in natura għal attivitajiet addizzjonali fi tmiem l-2021, b’mod sinifikanti aktar mill-minimu ta’ EUR 285 miljun stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/2085 għall-perjodu kollu ta’ Orizzont 2020;

    9.

    Jinnota li, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta Clean H2 kienet impenjat EUR 646 miljun mill-kontribuzzjoni massima tal-Unjoni għall-ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, li minnhom, madwar EUR 112,6 miljun (17,8 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin; josserva, barra minn hekk, li l-membri privati kienu impenjaw ruħhom legalment li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 158,3 miljun;

    10.

    Jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-baġit ta’ impenn u ta’ pagament tal-Impriża Konġunta Clean H2 għall-2021 disponibbli għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 kienet ta’ 98 % u 87,8 % rispettivament (97 % fl-2020);

    11.

    Jinnota li fost l-impriżi konġunti ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata ta’ kostijiet amministrattivi, li tikkostitwixxi bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tagħhom u kundizzjoni preliminari biex dawn il-kostijiet isiru komparabbli; jitlob, f’dan il-kuntest, linji gwida komuni li jippermettu lill-impriżi konġunti kollha jieħdu approċċ armonizzat għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq għal kostijiet amministrattivi, bħall-infiq għal konsulenzi, studji, analiżijiet, evalwazzjonijiet u assistenza teknika;

    Akkwist u persunal

    12.

    Jilqa’ l-fatt li l-ġestjoni tal-offerti u tal-kuntratti ġiet issimplifikata kemm jista’ jkun billi ġew segwiti l-proċeduri ta’ akkwist interistituzzjonali mnedija mill-Kummissjoni Ewropea u bl-użu tal-kuntratti qafas pluriennali derivanti; jinnota li l-Impriża Konġunta Clean H2 tikkoopera ma’ Impriżi Konġunti oħra għal dak li jikkonċerna l-ħtiġijiet tal-offerti sabiex tnaqqas kemm jista’ jkun l-isforz amministrattiv; jinnota li, bħal fis-snin preċedenti, il-biċċa l-kbira tal-ikkuntrattar tal-Impriża Konġunta Clean H2 twettaq taħt kuntratti qafas pluriennali eżistenti, ħlief prinċipalment għal attivitajiet ta’ akkwist operattiv;

    13.

    Jinnota li, f’termini ta’ volum, l-attivitajiet ta’ akkwist operattiv, is-servizzi tal-IT u l-organizzazzjoni tal-Ġimgħa Ewropea għall-Idroġenu għall-2021 kienu l-kuntratti bl-ogħla valur u li t-tnedija u l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għall-offerti, u l-wasla u l-ftuħ tal-offerti ġew issimplifikati bl-użu tal-moduli eTendering, eNotices u eSubmission; jinnota li dan tal-aħħar jippermetti r-reġistrazzjoni awtomatika tal-offerti mas-sistema tal-IT għall-ġestjoni tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea; jinnota li l-Impriża Konġunta Clean H2 qed tuża l-aħħar verżjoni ta’ eSubmission u għalhekk il-pubblikazzjoni, is-sottomissjoni u l-wasla tal-offerti u l-istadji tal-ftuħ issa huma kompletament diġitali;

    14.

    Japprezza l-użu tal-EU Sign mill-Impriża Konġunta Clean H2, soluzzjoni ta’ software pprovduta mid-Direttorat Ġenerali tal-Informatika, li tippermetti li tiġi applikata firma elettronika kwalifikata (QES) għad-dokumenti; josserva li l-uffiċċju tal-programm (PO) issa japplika QES fuq il-kuntratti tiegħu, u dan jiffaċilita l-proċessi operattivi billi jnaqqas b’mod sinifikanti l-ħin u l-ispiża tal-iffirmar ta’ kuntratt bil-linka blu, u li barra minn hekk, il-QESs, jekk jiġu applikati bl-użu tal-UE sign, huma legalment vinkolanti, peress li huma konformi mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għat-tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern tal-Unjoni u jipprovdu livell ogħla ta’ sigurtà teknika;

    15.

    Josserva li fil-31 ta’ Diċembru 2021, l-Impriża Konġunta Clean H2 kellha 23 aġent temporanju, 2 aġenti kuntrattwali u 2 esperti nazzjonali sekondati;

    16.

    Jinnota mir-rapport annwali tal-attività tal-2021 li f’termini ta’ bilanċ bejn il-ġeneri, il-membri tal-persunal kienu 44 % nisa u 56 % rġiel, u terz tal-pożizzjonijiet maniġerjali kien okkupat min-nisa u żewġ terzi mill-irġiel; jinkoraġġixxi lill-Impriża Konġunta CBE tkompli ttejjeb dan il-bilanċ bejn il-ġeneri; jiddispjaċih għall-fatt li l-perċentwal ta’ koordinaturi nisa ta’ proġetti li jaħdmu, fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, fi gruppi konsultattivi, gruppi ta’ esperti, panels ta’ evalwazzjoni, esperti individwali, eċċ. tal-Kummissjoni ma jaqbiżx it-33 %;

    17.

    Jinnota bi tħassib li matul il-perjodu mill-2018 sal-2021 ir-rata annwali medja ta’ membri tal-persunal interim għall-impriżi konġunti kollha baqgħet għolja, madwar 11 % tal-persunal statutorju; ifakkar li l-proporzjon għoli ta’ membri tal-persunal kuntrattwali għandu t-tendenza li jżid b’mod sinifikanti r-rata tad-dawran tal-persunal u jkompli jiddestabbilizza s-sitwazzjoni tal-persunal tal-Impriża Konġunta Clean H2; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta’ membri tal-persunal interim għandu jibqa’ soluzzjoni temporanja, għax inkella dan jista’ jkollu riperkussjonijiet negattivi fuq il-prestazzjoni kumplessiva tal-Impriża Konġunta Clean H2, pereżempju ż-żamma tal-kompetenzi ewlenin, nuqqas ta’ ċarezza fil-kanali tal-obbligu ta’ rendikont, tilwim ġudizzjarju possibbli u inqas effiċjenza tal-persunal;

    18.

    Jinnota li, mill-2016, l-impriżi konġunti ma ħallsux il-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem għall-membri tal-persunal tagħhom għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, li jikkorrispondi għall-proporzjon tad-dħul tagħhom issussidjat minn pajjiżi terzi mad-dħul totali tagħhom, peress li l-Kummissjoni la pprevediet din in-nefqa fil-baġit tal-impriżi konġunti u lanqas ma talbet formalment il-pagamenti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tevita kwistjonijiet simili fil-futur;

    19.

    Jinnota li, fl-2021, ġew organizzati sessjonijiet konġunti tal-IT flimkien mal-impriżi konġunti l-oħra bl-għan ewlieni li ssir tħejjija għall-bidla għall-Office 365, SharePoint u OneDrive;

    20.

    Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività, li, matul il-pandemija tal-COVID-19, il-membri tal-persunal ħadu l-ħin biex jipparteċipaw f’taħriġ online biex jespandu l-għarfien tagħhom relatat mal-impjiegi tagħhom u jinnota li l-parteċipazzjoni fit-taħriġ kienet imħeġġa ħafna biex il-persunal jinżamm motivat u konness ma’ oħrajn matul il-lockdown;

    21.

    Jinnota li, minn Frar 2021, l-Impriża Konġunta FCH 2 bdiet tuża Sysper u li matul is-sena żdiedu moduli ġodda; japprezza barra minn hekk qed jiġi previst l-użu tas-Sistema għall-Ipproċessar tal-Missjonijiet u l-funzjoni għall-evalwazzjonijiet u l-promozzjonijiet tal-membri tal-persunal; jappoġġja l-użu tal-għodda l-ġdida ta’ reklutaġġ, Systal, li ġiet introdotta fl-Impriża Konġunta FCH 2 f’Novembru 2021, u r-reklutaġġ li jmiss se jsir bl-użu ta’ din is-sistema u huwa tal-fehma li tali għodod jistgħu jgħinu biex jappoġġjaw ir-reklutaġġ meħtieġ ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja;

    Awditu intern

    22.

    Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività, li l-awditu intern jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 20 tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta Clean H2;

    23.

    Jissottolinja li, fl-2021, is-servizz tal-awditjar intern (IAS) aċċetta pjan ta’ azzjoni żviluppat mill-Impriża Konġunta FCH 2 biex tindirizza żewġ rakkomandazzjonijiet importanti li jirriżultaw mill-awditu tal-IAS dwar l-implimentazzjoni tal-għotjiet ta’ Orizzont 2020 fl-ambitu tal-Impriża Konġunta FCH 2 u kkonkluda li l-pjan ta’ azzjoni huwa adegwat biex jittaffew ir-riskji identifikati;

    24.

    Jinnota li, fl-2021, f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni miftiehem, l-Impriża Konġunta FCH 2 ifformalizzat il-prattiki ta’ monitoraġġ attwali rigward ir-riskji u l-kumplessità tal-ftehimiet ta’ għotja u żviluppat gwida interna għall-monitoraġġ tat-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tal-proġetti ta’ Orizzont 2020; jinnota li, sa tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta FCH 2 ikkunsidrat li l-pjanijiet ta’ azzjoni kollha kienu kompletament implimentati;

    Kontroll Intern

    25.

    Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li għall-pagamenti interim u finali fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, l-Impriża Konġunta Clean H2 twettaq awditi ex post għand il-benefiċjarji, filwaqt li għall-pagamenti fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, is-servizz tal-awditjar komuni tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditi ex post; jinnota li, abbażi tar-riżultati tal-awditjar ex post disponibbli fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta Clean H2 irrapportat żball rappreżentattiv ta’ 2,0 % (1,97 % fl-2020) u rata tal-iżball residwu ta’ 1,01 % (1,01 % għall-2020) għall-proġetti tagħha tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, u rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,16 % (l-istess fl-2020) u rata tal-iżball residwu ta’ 1,3 % (1,34 % għall-2020) għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 (approvazzjonijiet u pagamenti);

    26.

    Jinnota li, biex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-Impriża Konġunta Clean H2, il-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) awditjat b’mod aleatorju kampjun ta’ pagamenti ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2021, fil-livell tal-benefiċjarji finali, biex tikkorrobora r-rati ta’ żball tal-awditjar ex post (fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament ta’ għotja ittestjati fil-livell tal-benefiċjarji, il-limitu ta’ rapportar għal żbalji kwantifikabbli huwa ta’ 1 % tal-ispejjeż awditjati); jiddispjaċih mill-fatt li, f’każ wieħed, il-Qorti sabet u kkwantifikat żball li rriżulta mill-fatt li l-kostijiet tal-persunal ġew ikklejmjati żżejjed minħabba żball klerikali, u f’każ ieħor, dgħufija sistemika mhux kwantifikabbli fil-kontroll relatata man-nuqqas tal-proċedura ta’ validazzjoni tal-benefiċjarju għas-sigħat maħduma fuq il-proġett;

    27.

    Jinnota, mir-rapport annwali tal-attività, minħabba żbalji sistemiċi persistenti fil-kostijiet tal-persunal iddikjarati, b’mod partikolari min-naħa tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u benefiċjarji ġodda (li huma aktar suxxettibbli għall-iżbalji minn benefiċjarji oħra), l-Impriża Konġunta Clean H2 kienet diġà saħħet il-kontroll intern tagħha biex tindirizza r-riskju akbar fir-rigward tal-SMEs u benefiċjarji ġodda; josserva li dawn il-miżuri kienu evidenti għall-ewwel darba fl-2021 u kkontribwew għat-tnaqqis sinifikanti tar-rata ta’ żball rappreżentattiva mill-SMEs u benefiċjarji ġodda f’dawn l-aħħar sentejn; jilqa’ r-riżultati pożittivi f’termini ta’ rati ta’ żball imnaqqsa u r-rieda tal-Impriża Konġunta Clean H2 li tkompli bil-kontrolli msaħħa bbażati fuq ir-riskju fl-2022, bl-għajnuna tal-għodda ta’ monitoraġġ imsaħħa disponibbli fis-sistema korporattiva COMPASS/SyGMa għall-ġestjoni tal-għotjiet ta’ Orizzont 2020;

    28.

    Jenfasizza, barra minn hekk, li s-simplifikazzjoni tar-regoli ta’ Orizzont 2020 għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal u l-użu aktar mifrux ta’ għażliet simplifikati f’dawk li huma kostijiet huma kundizzjoni preliminari biex ir-rati ta’ żball jiġu stabbilizzati taħt il-livell ta’ materjalità; jilqa’ l-fatt li, fl-2022, l-impriżi konġunti kollha bdew jimplimentaw azzjonijiet għat-tnaqqis tar-rata ta’ żbalji f’konformità mal-azzjoni proposta mill-Qorti, inkluża l-esplorazzjoni tal-għażliet ta’ forom simplifikati ta’ spejjeż bħal spejjeż unitarji, somom f’daqqa u rati fissi;

    29.

    Jinnota, mir-rapport tal-Qorti li għall-Impriża Konġunta Clean H2, is-segwitu tal-osservazzjonijiet tas-snin preċedenti kollha tlesta minħabba l-azzjonijiet korrettivi tal-Impriża Konġunta Clean H2 li ttieħdu matul l-2021;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u l-istrateġija ta’ kontra l-frodi

    30.

    Jilqa’ l-fatt li l-proċeduri ta’ kunflitt ta’ interess kienu fis-seħħ kemm għall-membri tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta FCH 2 kif ukoll għall-korpi konsultattivi, u ġew imġedda f’Diċembru 2021 fl-ambitu tar-regoli ta’ proċedura adottati reċentement mill-Bord ta’ Tmexxija għall-Impriża Konġunta Clean H2 u li, barra minn hekk, ġew implimentati miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess tal-esperti inkarigati mill-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet u mir-rieżami tal-proġetti u tal-offerti;

    31.

    Jinnota li l-Impriża Konġunta Clean H2 ikkontribwiet b’mod attiv għall-iżvilupp tal-istrateġija ta’ kontroll ta’ Orizzont Ewropa (ex ante, awditjar u prevenzjoni tal-frodi) billi pparteċipat fil-gruppi ta’ ħidma ddedikati stabbiliti miċ-Ċentru ta’ Implimentazzjoni Komuni u pprovdiet input;

    32.

    Huwa kuntent li l-Impriża Konġunta Clean H2 tiżgura wkoll l-implimentazzjoni tal-istrateġija komuni tal-komunità tar-riċerka kontra l-frodi; jilqa’ l-fatt li l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin mill-istrateġija jinkludu l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni fi ħdan l-Impriża Konġunta u l-kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi fil-każ ta’ awditi bbażati fuq ir-riskju mwettqa mis-servizz tal-awditjar komuni jew kuntratturi esternalizzati.

    (1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).


    Top