EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1951

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1951 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: l-Impriża Konġunta Clean Sky 2) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 504–508 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1951/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/504


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1951 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa (qabel it-30 ta’ Novembru 2021: l-Impriża Konġunta Clean Sky 2) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0078/2023),

A.

billi l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fl-Ajrunawtika ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka għal perjodu ta’ għaxar snin (Clean Sky 1); billi, f’Mejju 2014, il-Kunsill estenda l-ħajja tal-Impriża Konġunta taħt il-programm Orizzont 2020 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024 (Clean Sky 2);

B.

billi, f’Novembru 2021, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2021/2085 (1) (“Att Bażiku Uniku”), li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa (l-Impriża Konġunta) biex tissostitwixxi l-Clean Sky 2, fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2031;

C.

billi l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa hija sħubija pubblika-privata intiża sabiex tittrasforma l-avjazzjoni b’orjentazzjoni lejn futur sostenibbli u newtrali għall-klima;

D.

billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u organizzazzjonijiet mis-settur tal-avjazzjoni involuti fil-ħolqien ta’ standard globali ġdid għal sistemi tal-avjazzjoni affidabbli u newtrali għall-klima;

E.

billi l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta, inklużi l-approprjazzjonijiet taż-ŻEE, biex tkopri l-kostijiet amministrattivi u l-kostijiet operazzjonali, għandha tkun sa EUR 1,7 biljun, inkluż sa EUR 39,223 miljun għall-kostijiet amministrattivi; billi l-membri tal-Impriża Konġunta għajr l-Unjoni għandhom jagħmlu jew jieħdu l-miżuri neċessarji biex l-entitajiet kostitwenti jew l-affiljati tagħhom jagħmlu kontribuzzjoni totali ta’ mill-inqas EUR 2;4 biljun, inkluż sa EUR 39,223 miljun għall-kostijiet amministrattivi, matul il-perjodu ta’ għaxar snin;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jilqa’ l-fatt li, skont ir-rapport tal-Qrati tal-Awdituri (ir-“rapport tal-Qorti”) il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2021, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

2.

Jirrikonoxxi li Orizzont Ewropa jipprevedi għanijiet ambizzjużi għall-Impriża Konġunta, li jistgħu jinkisbu biss jekk jitfasslu u jiġu implimentati soluzzjonijiet effikaċi li jindirizzaw id-dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll intern u jħejju għall-isfidi futuri li jirriżultaw miż-żieda fir-responsabbiltajiet, pereżempju fil-qasam tal-ġestjoni u tal-ippjanar tar-riżorsi umani; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li kalkoli u rekwiżiti ta’ rapportar partikolarment ikkumplikati u onerużi jirrappreżentaw riskju sinifikanti ta’ żball u jitlob, għalhekk, li jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ semplifikazzjoni, meta dawn ikunu possibbli u kompatibbli mal-qafas ġuridiku eżistenti;

3.

Jinnota li l-baġit finali disponibbli tal-Impriża Konġunta għall-2021 (inklużi l-approprjazzjonijiet mhux użati li ddaħħlu mill-ġdid tas-snin preċedenti, id-dħul assenjat, u r-riallokazzjonijiet għas-sena ta’ wara) kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 182,6 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 189,9 miljun;

4.

Jifhem li l-eżekuzzjoni tal-baġit kienet affettwata mis-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, b’mod partikolari fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament għan-nefqa amministrattiva u li madankollu, l-Impriża Konġunta kellha rata ta’ implimentazzjoni ta’ 99,6 % għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn fl-2021 (esklużi l-approprjazzjonijiet mhux użati mhux meħtieġa fis-sena attwali) u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament ġew eżegwiti għal 82,3 % tal-fondi disponibbli, esklużi l-approprjazzjonijiet mhux użati tal-2021 ta’ EUR 22,9 miljun (56,3 % tar-rata ta’ eżekuzzjoni jekk l-approprjazzjonijiet mhux użati jiġu inklużi bħala baġit ta’ pagament totali);

5.

Jinnota li, fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta kienet impenjat kważi bis-sħiħ EUR 1 716 miljun mill-kontribuzzjoni massima tal-UE għall-ftehimiet ta’ għotja ffirmati taħt Orizzont 2020; jinnota li, minn dan l-ammont, madwar EUR 273 miljun (jew 16 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin; jinnota, barra minn hekk, li l-membri privati kienu impenjaw ruħhom legalment li jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura ta’ EUR 2 113,8 miljun;

6.

Jissottolinja li r-rata ta’ implimentazzjoni għall-baġit ta’ impenn u ta’ pagament tal-Impriża Konġunta għall-2021 disponibbli għall-proġetti Orizzont 2020 kienet ta’ 100 % u 83 % rispettivament;

7.

Jinnota mir-Rapport Annwali tal-Attività li l-ippjanar 2022-2023 ġie rivedut biex jinkludi r-riport mill-2020-2021 (sforzi mhux minfuqa u riżultati ppjanati mill-ġdid) sabiex jittieħed kont tal-attivitajiet li fadal sa tmiem il-programm; jinnota li l-perjodu li jmiss se jkun kritiku peress li 70 % tar-riżultati huma mistennija li jinkisbu fl-aħħar sentejn tal-programm bil-finanzjament li jifdal ta’ madwar 10 % fil-livell tal-programm; jinnota, barra minn hekk, li r-riskju ta’ dewmien f’xi żoni ta’ Pjattaformi ta’ Dimostrazzjoni ta’ Mezzi tal-Ajru Innovattivi/Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata (IADP/ITD) għadu għoli u jirrikjedi monitoraġġ speċifiku mill-membri sabiex jagħtu r-riżultati tagħhom matul il-ħajja tal-programm Clean Sky 2; jinnota, barra minn hekk, li fil-perjodu li jmiss, il-Pjattaformi ta’ Dimostrazzjoni ta’ Mezzi tal-Ajru Innovattivi (IADPs), id-Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata (ITDs) u l-Attivitajiet Trasversali (TAs) huma mistennija jikkonfermaw il-pjan sat-tlestija permezz tal-valutazzjoni ta’ nofs is-sena (mistennija f’Lulju 2022) u r-rieżamijiet tal-progress interim se jkollhom rwol ċentrali fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni kumulattiva miksuba u se jikkonfermaw il-pjan ta’ kisba tar-riżultati skont il-kalendarju previst;

Persunal u akkwist

8.

Jinnota li t-tabella tal-persunal tal-Impriża Konġunta għall-2021 kien fiha total ta’ 42 membru tal-persunal statutorju (aġenti temporanji u aġenti kuntrattwali) u żewġ esperti nazzjonali sekondati u 42 post kienu okkupati fi tmiem l-2021; jinnota li fl-2021 l-Impriża Konġunta nediet il-proċess ta’ reklutaġġ ta’ żewġ pożizzjonijiet (Kap tat-Tim u Uffiċjal tal-Proġetti); jinnota, barra minn hekk, li għall-postijiet tax-xogħol statutorji, l-Impriża Konġunta tiddependi minn fornituri ta’ servizzi esterni bħall-webmaster, il-kumpanija tas-servizzi tal-IT kondiviża mal-Impriżi Konġunti l-oħra, disa’ interims u konsulent wieħed fil-komunikazzjoni (Kittieb bl-Ingliż) biex jipprovdu appoġġ addizzjonali lill-Impriża Konġunta;

9.

Jinnota bi tħassib, mis-segwitu tal-osservazzjonijiet tas-snin preċedenti tal-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) li l-proporzjoni ta’ persunal interim baqgħet għolja matul dawn l-aħħar snin, f’livell ta’ madwar 13 % tal-persunal statutorju; ifakkar li l-livell għoli ta’ persunal kuntrattwali għandu t-tendenza li jżid b’mod sinifikanti r-rata tad-dawran tal-persunal u jkompli jiddestabbilizza s-sitwazzjoni tal-persunal tal-Impriża Konġunta; jenfasizza, barra minn hekk, li l-użu ta’ persunal interim għandu jibqa’ soluzzjoni temporanja, għax inkella dan jista’ jolqot b’mod negattiv il-prestazzjoni kumplessiva tal-Impriża Konġunta, bħat-telf ta’ kompetenzi ewlenin, kanali ta’ rendikont mhux ċari, tilwim ġudizzjarju possibbli u inqas effiċjenza tal-persunal; jieħu nota tar-risposta tal-Impriża Konġunta skont liema kienet imġiegħla żżid kostantement l-użu ta’ persunal interim f’dawn l-aħħar snin — minħabba limitazzjoni tat-tabella tal-persunal riġida — f’kundizzjonijiet ta’ kompiti u volum ta’ xogħol dejjem ogħla, u li din it-tendenza hija mistennija li tkompli għaddejja bl-implimetazzjoni simultanja taż-żewġ programmi Clean Sky 2 u l-programm l-ġdid Avjazzjoni Nadifa; jinnota, barra minn hekk, li soluzzjoni aktar ottimali tkun li l-Impriża Konġunta tingħata aktar flessibbiltà fir-rigward tal-għadd ta’ postijiet ta’ aġenti kuntrattwali fit-tabella tal-persunal; ifakkar, madankollu, li l-Impriża Konġunta għandha tiżviluppa mudell formalizzat jew gwida dwar kif għandhom jiġu stmati l-ħtiġijiet tal-persunal (inklużi l-kompetenzi essenzjali), bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi umani;

10.

Jilqa’ l-fatt li l-Impriża Konġunta implimentat ukoll, flimkien mal-Impriżi Konġunti l-oħra, l-użu ta’ Systal, għodda online tar-riżorsi umani biex twettaq proċessi tal-għażla siguri; jinnota li, f’konformità mad-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija rigward is-sistema ta’ riklassifikazzjoni, fl-2021 l-Impriża Konġunta wettqet l-eżerċizzju ta’ riklassifikazzjoni u b’riżultat ta’ dan, ħdax-il aġent temporanju u tliet aġenti kuntrattwali membri tal-personal ġew riklassifikati;

11.

Jiddispjaċih li ma tnediet ebda sejħa għal proposti fl-2021;

12.

Ifaħħar l-involviment b’saħħtu tal-impriżi żgħar u medji (SME) f’termini ta’ parteċipazzjoni (29 % tan-numru totali ta’ parteċipazzjonijiet fi proġetti ffinanzjati - 555 minn 1887) u l-livell għoli ta’ suċċess ta’ applikanti tal-SME (43 %); ifakkar li l-Impriża toħloq opportunitajiet ġodda għall-SMEs;

13.

Jinnota li, fl-2021, is-17-il kuntratt li ngħataw u ġew iffirmati kienu relatati ma’ akkwist u kuntratti speċifiċi biex jiġu implimentati kuntratti qafas li għadhom għaddejjin;

14.

Jinnota, mir-Rapport Annwali tal-Attività 2021, għal dak li jikkonċerna l-bilanċ bejn il-ġeneri, li l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa għandha perċentwal aktar baxx ta’ nisa fil-parteċipazzjoni tal-programm, koordinaturi tal-proġetti, konsulenti u esperti meta mqabbla mas-sena preċedenti; jiddispjaċih li dawn iċ-ċifri naqsu u jitlob li jsiru aktar sforzi f’termini ta’ bilanċ bejn il-ġeneri;

15.

Jinnota li, mill-2016, l-Impriżi Konġunti ma ħallsux il-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem għall-persunal tagħhom għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, li jikkorrispondi għall-proporzjon tad-dħul tagħhom mhux issussidjat mill-UE mad-dħul totali tagħhom, peress li l-Kummissjoni la pprevediet din in-nefqa fil-baġit tal-Impriżi Konġunti u lanqas ma talbet formalment il-pagamenti; jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tevita kwistjonijiet simili fil-futur;

16.

Jinnota li s-segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-2020 tal-Qorti rigward l-użu ta’ persunal interim għadu pendenti; jistieden lill-Impriża Konġunta tindirizza l-kwistjoni malajr kemm jista’ jkun peress li din is-sitwazzjoni toħloq instabbiltà u riskji sinifikanti għall-Impriża Konġunta; jinnota li l-implimentazzjoni tal-aġenda tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Impriża Konġunta ma tistax titwettaq b’dan il-livell ta’ persunal statutorju;

Kontroll intern

17.

Josserva li, għall-pagamenti ta’ Orizzont 2020, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post u josserva li abbażi tar-riżultati tal-awditjar ex post disponibbli fi tmiem l-2021, l-Impriża Konġunta rrapportat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 1,8 % (1,60 % fl-2020) u rata ta’ żball residwu ta’ 1,0 % (0,91 % fl-2020) għall-proġetti ta’ Orizzont 2020 (approvazzjonijiet u pagamenti finali);

18.

Jinnota li biex tivvaluta l-kontrolli tal-pagamenti operattivi tal-Impriża Konġunta, il-Qorti awditjat pagamenti ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2021 kampjunati b’mod aleatorju, fil-livell tal-benefiċjarji finali, biex tikkorrobora r-rati ta’ żball tal-awditu ex post; jiddeplora l-fatt li, f’każ wieħed, il-Qorti sabet u kkwantifikat żball sistemiku relatat mal-kalkolu skorrett tar-rati fis-siegħa għall-kostijiet tal-persunal;

19.

Jenfasizza li s-sejba tal-Qorti kkonfermat żbalji sistemiċi persistenti għall-ispejjeż tal-persunal iddikjarati u li b’mod partikolari, l-SMEs u l-benefiċjarji l-ġodda huma aktar suxxettibbli għal żbalji minn benefiċjarji oħra; jenfasizza li dawn l-iżbalji ġew irrappurtati regolarment anki fir-rapporti annwali preċedenti tal-Qorti mill-2017 ’l hawn; jenfasizza, għaldaqstant, li s-semplifikazzjoni tar-regoli ta’ Orizzont 2020 għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal u l-użu aktar mifrux ta’ għażliet semplifikati f’dawk li huma kostijiet huma kundizzjoni prelimiari biex ir-rati ta’ żball jiġu stabbilizzati taħt il-livell ta’ materjalità; jenfasizza li l-Impriża Konġunta għandha ssaħħaħ is-sistemi ta’ kontroll intern tagħha biex tindirizza r-riskju akbar assoċjat mal-SMEs u mal-benefiċjarji l-ġodda, u jinkoraġġixxi bil-qawwa l-użu tal-Personnel Costs Wizard min-naħa ta’ ċerti kategoriji ta’ benefiċjarji li huma aktar suxxettibbli li jagħmlu żbalji, bħall-SMEs u l-benefiċjarji ġodda. jilqa’ l-fatt li fl-2022 l-Impriżi Konġunti kollha bdew jimplimentaw azzjonijiet għat-tnaqqis tar-rata ta’ żbalji f’konformità mal-azzjoni proposta mill-Qorti, inkluża l-esplorazzjoni tal-għażliet ta’ forom simplifikati ta’ spejjeż bħal spejjeż unitarji, somom f’daqqa u rati fissi;

20.

Huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li, fl-2021, ġew awtorizzati dokumenti importanti (pereżempju, dikjarazzjonijiet ta’ membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni dwar in-nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess; rapporti ta’ evalwazzjoni tal-akkwist; rapporti ta’ evalwazzjoni tar-reklutaġġ; deċiżjonijiet dwar bordijiet tal-għażla tar-reklutaġġ; deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ akkwist, u kuntratti ta’ impjieg) billi ġiet ikkuppjata u ppejstjata immaġni tal-firma tal-uffiċjal awtorizzanti responsabbli f’dokument f’format Word u mbagħad il-fajl ġie kkonvertit f’format PDF; jaqbel mal-osservazzjoni tal-Qorti li din il-prattika tista’ tippreżenta riskji legali, peress li kandidat miċħud jista’ jikkontesta r-regolarità tad-dokumenti ta’ evalwazzjoni ffirmati; jistieden lill-Impriża Konġunta twaqqaf minnufih din il-prattika u tagħżel metodu ta’ awtorizzazzjoni sikur;

21.

Jinnota li ma hemm l-ebda definizzjoni armonizzata ta’ “spejjeż amministrattivi” fost l-Impriżi Konġunti, li hija bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri tagħha u prekundizzjoni għall-fini ta’ ċifri komparabbli; jitlob, fid-dawl ta’ dan, linji gwida komuni li jippermettu lill-Impriżi Konġunti kollha jieħdu approċċ armonizzat għall-klassifikazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ nfiq għal kostijiet amministrattivi, bħall-infiq għal konsulenzi, studji, analiżijiet, evalwazzjonijiet u assistenza teknika;

22.

Jilqa’ l-introduzzjoni tal-firma diġitali; iħeġġeġ lill-Impriża taħdem favur aktar diġitalizzazzjoni;

Awditu Intern

23.

Jinnota, mir-Rapport Annwali tal-Attività, li l-funzjonijiet tal-awditjar intern tal-Impriża Konġunta twettqu fl-2021 mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) u mill-Uffiċjal tal-Awditjar Intern tal-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa (IAO) skont l-Artikolu 28 u l-Artikolu 29 tar-Regolament Finanzjarju;

24.

Jinnota li, fl-2021, l-IAS ma wettaqx awditu ta’ aċċertament ġdid; jinnota li saru diversi awditi ta’ segwitu fuq rakkomandazzjonijiet preċedenti; josserva li s-segwitu tal-Awditu dwar l-implimentazzjoni tal-għotjiet ta’ Orizzont 2020 (ir-rapport finali tat-22 ta’ Ottubru 2020), beda f’April 2021; josserva li f’Ġunju 2021 l-IAS ikkonkluda li t-tliet rakkomandazzjonijiet kienu ġew implimentati b’mod adegwat u effettiv mill-Impriża Konġunta u għalhekk tqiesu bħala magħluqa;

25.

Jinnota li s-segwitu tal-Awditu dwar il-Ġestjoni tal-Prestazzjoni (rapport finali tal-20 ta’ Novembru 2017), beda f’Lulju 2021: jinnota li r-rakkomandazzjoni kkonċernata kienet relatata mal-Monitoraġġ u r-Rapportar dwar il-Prestazzjoni tal-Proġetti Orizzont 2020; jinnota li l-pjan ta’ azzjoni kien jikkonsisti fi tliet sottoazzjonijiet li indirizzaw dgħufijiet fil-proċess ta’ monitoraġġ tal-Impriża Konġunta rigward il-kontribut tal-proġetti Clean Sky 2 tas-sħab għall-Objettivi ta’ Livell Għoli tal-programm Clean Sky 2; jinnota li, wara l-proċess ta’ implimentazzjoni tal-azzjonijiet, l-Impriża Konġunta pproponiet ir-rakkomandazzjonijiet lill-IAS f’diversi stadji bħala lesti għall-għeluq, u l-aħħar aġġornament ingħata f’Mejju 2021; jinnota li, f’nota speċifika għall-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa dwar is-sena 2021, l-IAS ikkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet huma kkunsidrati bħala implimentati;

26.

Jinnota li l-Awditu ta’ segwitu dwar il-Ġestjoni tal-Prestazzjoni (rapport finali maħruġ fl-20 ta’ Novembru 2017) u dwar il-Proċess ta’ Għotja Orizzont 2020 (mill-identifikazzjoni tas-suġġetti tas-sejħa sal-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja) (rapport finali maħruġ fil-15 ta’ Novembru 2016), beda f’Jannar 2022; jinnota li ż-żewġ rakkomandazzjonijiet dwar l-aġġornament tad-deskrizzjonijiet tal-proċedura interna tal-Impriża Konġunta, bħall-Manwal tal-Ġestjoni u l-Manwal tal-Kwalità, fid-dawl tal-proċessi attwali tal-Orizzont 2020, ġew implimentati mill-Impriża Konġunta f’diversi stadji u ġew proposti lill-IAS għall-għeluq finali f’Novembru 2021; jinnota li fir-rapport annwali tiegħu għall-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa dwar is-sena 2021, l-IAS ikkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet huma kkunsidrati bħala implimentati;

Prevenzjoni tal-frodi u tal-kunflitti ta’ interess

27.

Jilqa’ l-fatt li, fl-2021, l-Impriża Konġunta kompliet tapplika d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord ta’ Tmexxija rigward ir-regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess applikabbli għall-korpi tal-Impriża Konġunta u għall-membri tal-persunal tal-Impriża Konġunta u li l-proċessi relatati, pereżempju fir-rigward tal-Membri tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta, l-esperti tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni, il-bordijiet għall-akkwist u r-reklutaġġ, applikaw b’mod konsistenti l-miżuri ta’ prekawzjoni meħtieġa biex jidentifikaw kunflitti potenzjali; jissottolinja li ġiet abbozzata politika tal-Impriża Konġunta dwar funzjonijiet sensittivi abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju speċifika u li din il-politika se tiġi ffinalizzata fis-sena 2022;

28.

Jirrimarka li skont valutazzjoni tal-Qorti, ir-riskju ta’ fallimenti frodulenti jew imġiba frodulenti oħra, biex jiġu evitati l-problemi finanzjarji u r-restrizzjonijiet fuq il-provvista, jeħtieġ li jitqies fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 bħala theddida addizzjonali għal-legalità u r-regolarità; japprezza l-fatt li l-Impriża Konġunta stabbiliet kampjun speċifiku bbażat fuq ir-riskju ta’ awditi ex post biex tkopri l-istrat fil-popolazzjoni tal-Impriża Konġunta ta’ proġetti tal-Ftehim ta’ Għotja għas-Sħab (GAP), li jindika ċertu esponiment għal-limitazzjonijiet marbuta mal-COVID-19 kif deskritt mill-Qorti, bħal dgħufijiet finanzjarji, dewmien operattiv, kostijiet għoljin tal-personal meta mqabbla mal-medja;

29.

Jiddeplora l-fatt li, fis-sena 2021, l-OLAF ħareġ il-konklużjonijiet u r-rapporti tiegħu dwar żewġ każijiet li jikkonċernaw għotjiet ta’ Clean Sky 1 u Clean Sky 2 u li l-frodi allegata ġiet konfermata fiż-żewġ każijiet;

30.

Jinnota li r-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF fiż-żewġ każijiet jiffukaw fuq miżuri li għandhom jittieħdu mill-Impriża Konġunta biex tirkupra l-finanzjament u tikkunsidra li tindika l-entità u l-persuna fis-sistemi tal-KE (Bażi tad-Data tal-Esklużjoni); jinnota li l-Impriża Konġunta kkompletat il-kontenzjuż quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-każ fl-Italja (ippreżentat fl-2018) u se tipprova teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-livell nazzjonali; jinnota li fir-rigward tal-każ Belġjan, l-Impriża Konġunta kienet irreġistrat il-pretensjonijiet finanzjarji tagħha mal-likwidatur diġà fl-2017, abbażi tar-rapport tal-OLAF u l-konferma tal-frodi, u l-Impriża Konġunta qed tanalizza liema azzjoni ġudizzjarja tista’ tieħu fil-livell nazzjonali.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).


Top