Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1914

    Riżoluzzjoni (UE) 2023/1914 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għas-sena finanzjarja 2021

    ĠU L 242, 29.9.2023, p. 387–392 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1914/oj

    29.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 242/387


    RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1914 TAL-PARLAMENT EWROPEW

    tal-10 ta’ Mejju 2023

    li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għas-sena finanzjarja 2021

    IL-PARLAMENT EWROPEW,

    wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2021,

    wara li kkunsidra r-Regola 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0137/2023),

    A.

    billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (l-“Awtorità”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 60 600 822, li jirrappreżenta żieda ta’ 7,64 % meta mqabbel mal-2020; billi l-Awtorità hija ffinanzjata minn kontribuzzjoni mill-Unjoni (EUR 19 172 407, li tirrappreżenta 30,59 % mill-baġit totali), minn kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-Istati Membri (EUR 23 936 648, li jirrappreżentaw 38,20 %) u minn tariffi li tirċievi mill-entitajiet taħt superviżjoni (EUR 17 087 867, li jirrappreżentaw 27,27 %);

    B.

    billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2021 (“ir-rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

    Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

    1.

    Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,94 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 0,92 % meta mqabbel mal-2020; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 89,91 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 4,40 % meta mqabbla mas-sena preċedenti;

    2.

    Jinnota li l-2021 kienet l-ewwel sena sħiħa li fiha l-Awtorità ġabret tariffi mingħand kontropartijiet ċentrali (CCPs) ta’ pajjiżi terzi u l-ewwel sena meta bdiet tiġbor tariffi mir-repożitorji tat-titolizzazzjonijiet, minbarra t-tariffi mingħand l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet fl-ambitu tar-Regolamenti (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

    3.

    Jinnota b’apprezzament li l-Awtorità tejbet is-sistema ta’ ġestjoni tal-pagamenti tagħha mmirata lejn il-ġestjoni aħjar tal-pagamenti tard li jsiru, pereżempju, mill-l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jew mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, u l-imgħax dovut b’rabta ma’ dawk il-pagamenti;

    Prestazzjoni

    4.

    Jinnota li l-Awtorità tuża ċerti miżuri bħall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha, bħall-għadd ta’ suġġetti tar-riskju analizzati, ir-rata ta’ kanċellazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament u r-rata tad-dawran tal-impjegati; ifaħħar lill-Awtorità għall-programm ta’ ħidma tagħha għall-2021 li 91 % minnu tlesta, bil-biċċa l-kbira tal-KPIs tagħha milħuqa jew maqbuża;

    5.

    Ifaħħar lill-Awtorità talli ġabret flimkien l-outputs u r-riżultati tagħha għall-2021 fi tliet kategoriji ta’ prijorità: (i) “l-ogħla prijorità” għal 128 output marbuta ma’ prijoritajiet strateġiċi; (ii) “prijorità aktar baxxa” għal 75 output mhux marbuta ma’ dawk il-prijoritajiet; u (iii) “kompletament mhux prijoritizzati” għal 29 output dwar kompiti li għandhom isiru biss jekk ikun hemm iż-żmien;

    6.

    Jinnota li fl-2021 il-prijoritajiet strateġiċi tal-Awtorità ffokaw fuq tliet suġġetti trażversali: swieq kapitali tal-Unjoni sodi, finanzi sostenibbli, u innovazzjoni u diġitalizzazzjoni; jinnota wkoll ir-riżultati u s-suċċessi tal-Awtorità fl-2021 f’oqsma li mhumiex direttament marbuta ma’ dawk il-prijoritajiet, bħal, fost oħrajn, is-suq tal-karbonju tal-Unjoni, l-attivitajiet ta’ infurzar, is-servizzi ta’ investiment, il-ġestjoni tal-investiment jew is-CCPs;

    7.

    Ifaħħar lill-Awtorità għall-kisbiet tagħha fl-2021, bħal, fost oħrajn, l-implimentazzjoni ta’ mandati ġodda li jirriżultaw mir-rieżami tal-2019 tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, it-tħejjija għar-responsabbiltajiet superviżorji l-ġodda (is-superviżjoni tar-repożitorji tat-titolizzazzjoni, il-fornituri tas-servizzi tar-rapportar tad-data u l-parametri referenzjarji kritiċi), l-approvazzjoni tar-reġistrazzjonijiet tal-ewwel żewġ repożitorji tat-titolizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), it-tħejjija għat-trasferiment lill-Awtorità tar-responsabbiltajiet superviżorji għall-Istitut Ewropew tas-Swieq Monetarji u t-teħid tas-superviżjoni tas-seba’ amministraturi ta’ pajjiżi terzi ta’ parametri referenzjarji rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni;

    8.

    Ifaħħar lill-Awtorità, fil-kuntest tar-riskji li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji, għall-isforzi tagħha fl-2021 biex tipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’feedback tekniku dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal regolament dwar is-swieq fil-kriptoassi u l-att ta’ reżiljenza operattiva diġitali; jilqa’ l-iżvilupp tal-pjan direzzjonali dwar il-finanzi sostenibbli tal-Awtorità għall-2022-2024, li se jservi bħala għodda prattika biex jiġi żgurat li l-Awtorità twettaq firxa wiesgħa ta’ kompiti ta’ finanzjament sostenibbli f’diversi setturi b’mod ikkoordinat;

    9.

    Jilqa’ l-kooperazzjoni bejn l-Awtorità u ż-żewġ Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Bankarja Ewropea, permezz tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej; jinnota b’sodisfazzjon li l-ESMA tikkondividi uffiċjal tal-kontabbiltà mal-Awtorità Bankarja Ewropea u li l-maġġoranza tal-proċeduri ta’ akkwist li tmexxi huma akkwisti konġunti ma’ aġenziji oħra u mal-Kummissjoni; jinnota l-Memorandum ta’ Qbil tal-2013 bejn l-Awtorità u l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija li jistabbilixxi qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni meta r-responsabbiltajiet regolatorji taż-żewġ entitajiet jikkoinċidu fir-rigward tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa; jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali fis-swieq tal-prodotti bażiċi x’aktarx se tirriżulta fi ħtieġa ta’ kooperazzjoni msaħħa dwar suġġetti regolatorji relatati mas-swieq tal-enerġija; Jinkoraġġixxi lill-Awtorità tieħu passi biex taġevola din il-kooperazzjoni msaħħa;

    Politika dwar il-persunal

    10.

    Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 85,20 % tat-tabella tal-persunal kienet ġiet eżegwita, b’213-il aġent temporanju maħtura minn total ta’ 250 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbla ma’ 226 post tax-xogħol awtorizzati fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, 85 aġent kuntrattwali u 10 esperti nazzjonali sekondati kienu qed jaħdmu għall-Awtorità fl-2021;

    11.

    Jinnota li fl-2021 l-għadd ta’ persunal żdied b’23 % meta mqabbel mal-2020, b’58 membru statutorju addizzjonali; ifaħħar lill-Awtorità għall-isforzi tagħha fir-reklutaġġ ta’ 102 membri tal-persunal, bis-saħħa ta’ 21 proċedura tas-selezzjoni (interna u esterna) varati, 2 075 CV skrinjati u 175 kandidat intervistati fl-2021;

    12.

    Jinnota d-distribuzzjoni tal-ġeneru fi ħdan il-membri tal-maniġment superjuri tal-Awtorità, b’erbgħa minn ħames membri tal-maniġment superjuri li huma nisa (80 %); jinnota d-distribuzzjoni tal-ġeneru fil-Bord Maniġerjali tal-Awtorità, fejn tlieta minn ħames membri tal-Bord Maniġerjali huma nisa (60 %); jinnota wkoll id-distribuzzjoni tal-ġeneru fi ħdan il-persunal ġenerali tal-Awtorità, fejn 162 minn 308 membri tal-persunal huma rġiel (53 %); ifakkar kemm hu importanti li tiġi żgurata rappreżentanza bbilanċjata tal-ġeneri u ġeografika fost il-maniġment u l-persunal tal-Awtorità u jistieden lill-Awtorità tqis dawk l-aspetti fir-rigward tal-ħatriet futuri; jissottolinja l-importanza tal-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza tal-kandidati meta jkun qed jiġi rreklutat u promoss l-persunal;

    13.

    Jinnota li l-Awtorità għandha politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali; jilqa’ l-fatt li l-applikazzjoni ta’ dik il-politika hija msaħħa permezz ta’ miżuri ta’ komunikazzjoni u sessjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni; jilqa’ l-fatt li fl-2021 ma kien hemm l-ebda każ ta’ fastidju rrapportat, investigat, jew li ttieħed quddiem il-qorti; jilqa’ wkoll il-pjan tal-Awtorità li tiżviluppa “politika dwar id-Diversità u l-Inklużjoni”;

    14.

    Jappella lill-Awtorità biex tibqa’ tiżviluppata politika tar-riżorsi umani (HR) fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-għoti ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’;

    Akkwist

    15.

    Jinnota li, fl-2021, l-Awtorità mmaniġġjat 15-il proċedura ta’ akkwist, li sebgħa minnhom ġew iffinalizzati kompletament; ifaħħar l-isforzi li għamlet l-Awtorità biex toħloq sinerġiji permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist konġunt ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni u l-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Awtorità tkompli tiżviluppa sinerġiji ma’ korpi oħra tal-Unjoni;

    16.

    Jinnota bi tħassib l-osservazzjoni mir-rapport tal-Qorti li fl-2021 l-Awtorità ddeċidiet li tvara proċedura nnegozjata mingħajr ma tirreklamaha, u b’hekk kisret il-punt 3.1 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju; jinnota wkoll li l-ġustifikazzjoni għal dik id-deċiżjoni ma ġietx approvata f’rapporti ta’ eċċezzjonijiet irreġistrati ċentralment qabel ma ttieħdet azzjoni; jistieden lill-Awtorità tiżgura fil-futur li l-każijiet kollha ta’ devjazzjoni minn proċessi u proċeduri stabbiliti jiġu ttrattati f’konformità mal-prinċipji tal-legalità u r-regolarità;

    Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u trasparenza

    17.

    Ifaħħar lill-Awtorità għall-miżuri u l-politiki komprensivi li stabbiliet, u għad-diliġenza li biha jiġu applikati ħalli jiġu żgurati t-trasparenza, l-etika, l-imġiba amministrattiva tajba, kif ukoll il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess rigward il-membri tal-persunal tal-Awtorità, il-Bord tas-Superviżuri, il-Bord Maniġerjali u l-Kumitat Superviżorju tas-CCP; jinnota li, wara valutazzjoni li saret mill-uffiċjal tal-etika tal-Awtorità fl-okkażjoni ta’ verifika ad hoc li twettqet fil-kuntest ta’ proċedura unika marbuta mal-ħolqien ta’ tliet pożizzjonijiet ta’ kap ta’ tim, ġie propost rieżami tal-linji gwida dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi mill-membri tal-bord tas-selezzjoni sabiex tissaħħaħ it-trasparenza f’dawk id-dikjarazzjonijiet; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza ladarba dak ir-rieżami jkun ġie ffinalizzat u approvat;

    18.

    Jinnota li fl-2021 l-Awtorità rċeviet 11-il dikjarazzjoni dwar kunflitti ta’ interess qabel il-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri u żewġ dikjarazzjonijiet simili qabel il-laqgħat tal-Bord Maniġerjali; jinnota wkoll li fl-2021 it-tim tal-etika tal-Awtorità vverifika, fost oħrajn, 251 dikjarazzjoni annwali mill-membri tal-persunal, li l-ebda waħda minnhom ma qajmet kwistjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess, 16-il dikjarazzjoni dwar l-impjieg bi skop ta’ qligħ tal-konjuġi għal rieżami, li fihom ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni li kienet tirrikjedi azzjoni speċifika, u 38 talba għall-awtorizzazzjoni biex jinnegozjaw strumenti finanzjarji, li l-maġġoranza tagħhom kienu ġew approvati; jinnota wkoll li t-tim tal-etika vvaluta 94 talba għall-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess fil-kuntest tar-reklutaġġ fl-2021, u wara dan, it-tim tal-etika rrakkomanda lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità li ssir bidla fil-kompożizzjoni tal-bordijiet tas-selezzjoni f’disa’ każijiet; jistieden lill-Awtorità tkompli tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri li ħadet biex tiżgura li ma jseħħ l-ebda kunflitt ta’ interess;

    19.

    Jinnota li l-Awtorità stabbiliet żewġ kumitati konġunti, wieħed għall-maniġers superjuri u wieħed għall-membri tal-persunal, li jeħtieġ li jkunu involuti f’każ li jinqalgħu kwistjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess fil-kuntest tal-intenzjoni ta’ attività futura wara li jitilqu mill-Awtorità; jinnota wkoll li fl-2021 l-Awtorità organizzat disa’ “laqgħat ta’ ħruġ” bilaterali mal-membri tal-persunal li kienu se jitilqu mill-Awtorità sabiex tivverifika d-dikjarazzjonijiet rigward l-attivitajiet u tivvaluta jekk kienx hemm kunflitti ta’ interess bejn id-dmirijiet tal-membri tal-persunal ikkonċernati fl-Awtorità u l-attivitajiet futuri tagħhom; josserva li ma tqajmet l-ebda kwistjoni f’dak ir-rigward;

    20.

    Ifaħħar il-fatt li, fl-2021, l-Awtorità ħadet diversi azzjonijiet biex toħloq sensibilizzazzjoni dwar ir-regoli rigward il-kunflitti ta’ interess, ir-regoli tal-etika, l-inkjesta dwar in-negozjar tal-istrumenti finanzjarji, u r-regoli ta’ wara l-impjieg u l-perjodi ta’ preklużjoni; ifaħħar ukoll lill-Awtorità talli stabbiliet regoli interni dwar il-kunflitti ta’ interess u s-sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” applikabbli għall-membri tal-Bord Maniġerjali tagħha;

    21.

    Jilqa’ l-fatt li l-Awtorità tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-Bord Maniġerjali tagħha u tal-persunal maniġerjali tagħha; ifaħħar il-mod trasparenti li bih l-Awtorità tirrapporta l-laqgħat tal-persunal tagħha mal-partijiet ikkonċernati esterni u tagħmilhom disponibbli fuq is-sit web tagħha;

    22.

    Jilqa’ l-impenn tal-Awtorità għall-ogħla standards etiċi rigward il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess; ifakkar, wara l-osservazzjonijiet tal-Qorti, fir-rekwiżit li l-membri tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità jastjenu milli jipparteċipaw fid-diskussjoni u milli jivvotaw fuq miżuri li għalihom għandhom kunflitt ta’ interess; jisħaq li dawk il-membri għandhom joqogħdu lura wkoll milli jattendu laqgħat li fihom isiru tali diskussjonijiet, sabiex tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-Bord tas-Superviżuri; jilqa’ t-tweġiba tal-Awtorità li emendat il-politika tagħha biex tirrikjedi b’mod espliċitu li l-membri kunfliġġenti jitilqu mill-kamra;

    23.

    Jilqa’ l-fatt li, f’konformità mal-politika tagħha dwar il-kunflitti ta’ interess u l-etika, l-Awtorità għamlet użu minn projbizzjoni temporanja li biha l-persunal tagħha kien ipprojbit milli jinnegozja strumenti finanzjarji selezzjonati, sabiex tevita kwalunkwe riskju ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata; jistieden lill-Awtorità tkompli tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri li ħadet dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess;

    24.

    Jilqa’ l-pubblikazzjoni mill-ESMA u l-EBA, f’Lulju 2021, tal-linji gwida konġunti riveduti dwar il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-membri tal-korp maniġerjali u tad-detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin wara l-emendi għad-Direttivi 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u l-effett tagħhom fuq il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-membri tal-korp maniġerjali, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-promozzjoni tad-diversità tal-ġeneru;

    25.

    Ifakkar, wara s-sejbiet tal-Qorti, li jistgħu jinqalgħu kunflitti ta’ interess fi ħdan il-proċess ta’ evalwazzjoni tal-president u tad-direttur eżekuttiv tal-Awtorità meta l-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ membru tal-Bord tas-Superviżuri tkun, pereżempju, soġġetta għal ksur tal-proċedura tal-liġi tal-Unjoni; jilqa’ għalhekk l-impenn tal-Awtorità li tintroduċi kontroreferenza espliċita għall-kunflitti ta’ interess fil-proċess ta’ evalwazzjoni tagħha;

    26.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti settijiet sistematiċi ta’ regoli dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitt ta’ interess u l-lobbjar illegali; jistieden lill-Awtorità tistabbilixxi wkoll miżuri interni kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar f’dan ir-rigward;

    Kontroll intern

    27.

    Jilqa’ l-valutazzjoni annwali tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Awtorità u l-konklużjoni li tali sistema teżisti u tiffunzjona tajjeb; jinnota li, l-istess bħal f’eżerċizzju simili tal-2020, l-Awtorità kejlet 78 indikatur ta’ kontroll intern, li jkopru l-prinċipji kollha ta’ kontroll intern u identifikat 22 nuqqas, li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu minuri u li l-ebda wieħed minnhom ma qajjem dubji dwar l-eżistenza u l-funzjonament xieraq tal-prinċipji ta’ kontroll intern; jinnota li l-opportunitajiet osservati għal titjib huma prinċipalment relatati mal-komponenti “ambjent ta’ kontroll” u “attivitajiet ta’ kontroll”;

    28.

    Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) wettaq awditu dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-etika tal-Awtorità fl-2021, li fih ikkonkluda li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll stabbiliti mill-Awtorità f’dawk l-oqsma huma mfassla b’mod adegwat, implimentati b’mod effettiv u jappoġġjaw lill-Awtorità fl-ilħuq tal-objettivi kummerċjali tagħha; josserva fir-rigward ta’ dak l-awditu li l-IAS ħareġ erba’ rakkomandazzjonijiet; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar f’dan ir-rigward;

    29.

    Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Awtorità; jinsisti bil-qawwa fuq ir-rekwiżit ta’ sistemi effettivi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess, kontrolli ex ante jew ex post nieqsa, ġestjoni mhux adegwata tal-impenji baġitarji u legali, u nuqqasijiet fir-rapportar ta’ kwistjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet;

    Diġitalizzazzjoni u tranżizzjoni ekoloġika

    30.

    Jinnota b’apprezzament li fl-2021, l-Awtorità ttrasferiet b’suċċess il-mudell ta’ ġestjoni tagħha bbażat fuq l-attività minn sistema bbażata fuq l-Excel għal ambjent ġdid ibbażat fuq il-cloud, li huwa mistenni, skont l-Awtorità, li jtejjeb il-kapaċitajiet ta’ ppjanar u ta’ rapportar tagħha, fil-kuntest ta’ kumplessità dejjem akbar tal-mudelli tal-ibbaġitjar u tal-ikkostjar tagħha;

    31.

    Jilqa’ l-fatt li l-Awtorità kellha l-għan li ssaħħaħ id-difiżi taċ-ċibersigurtà tagħha billi tirrieżamina l-istrateġija tagħha għall-identifikazzjoni tas-sigurtà b’għodod aktar sofistikati u awtomatizzati, iżżid il-ħiliet tas-sigurtà fost l-unità tal-ICT tal-Awtorità u billi tirrekluta uffiċjal ġdid għas-sigurtà tal-informazzjoni u uffiċjal tal-ġestjoni tad-dokumenti;

    32.

    Ifakkar fl-importanza tal-investiment fil-persunal tal-ICT b’kuntratti fit-tul, biex jiġi evitat l-eżodu ta’ mħuħ, l-ineffiċjenzi u potenzjalment riskji u dgħufija akbar għall-attakki ċibernetiċi;

    33.

    Jinkoraġġixxi lill-Awtorità taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u mas-CERT-UE (l-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni) u twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-IT tagħha u tiżgura li jsiru awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; jissuġġerixxi li jiġu offruti regolarment programmi ta’ taħriġ aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà għall-persunal kollu fl-Awtorità; jitieden lill-Awtorità tkompli tiżviluppa aktar il-politika ta’ ċibersigurtà tagħha, u tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar f’dan ir-rigward;

    34.

    Ifaħħar lill-Awtorità għall-politika ambjentali ambizzjuża tagħha, li fl-2021 wasslet għal titjib f’diversi indikaturi ambjentali ewlenin bħal, fost l-oħrajn, it-tnaqqis tal-iskart, ir-riċiklaġġ tal-karti u t-tnaqqis fl-ivvjaġġar; jinnota li l-impatti tal-għanijiet tas-sostenibbiltà, jew il-progress lejn l-ilħuq tagħhom, jitkejlu u jiġu mmonitorjati permezz ta’ bord ta’ kontroll għall-indikaturi ewlieni tal-prestazzjoni stabbiliti mill-maniġment tal-Awtorità;

    35.

    Ifaħħar lill-Awtorità għall-progress li sar sabiex tiġi rreġistrata mal-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) tal-UE sal-2022; jinnota l-pjan tal-Awtorità li ssir kompletament mingħajr karti sal-2025;

    Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

    36.

    Jinnota li l-Awtorità kompliet tindirizza b’suċċess l-isfidi maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19, pereżempju billi kontinwament tadatta l-bini u l-proċessi tagħha għall-miżuri protettivi li qed jinbidlu adottati mill-Gvern Franċiż u mill-Kummissjoni;

    37.

    Jinnota li l-Awtorità kompliet taħdem bla xkiel fl-2021 minħabba l-investimenti preċedenti tagħha fl-awdjokonferenza u fil-vidjokonferenza u għodda tal-votazzjoni; jinnota wkoll li l-Awtorità installat għodda ġdida għall-ġestjoni tal-assistenza lill-klijenti u l-prenotazzjoni biex tiżgura aħjar il-gwida dwar is-saħħa pubblika fl-uffiċċju, iżżid il-flessibbiltà u tħejji għar-realtà ta’ wara l-pandemija;

    Kummenti oħra

    38.

    Jinnota li l-Awtorità identifikat riskji fl-2021 bħal, fost oħrajn, kapaċità limitata biex twettaq il-mandati tagħha, riżorsi inadegwati u nuqqas ta’ għarfien espert biex timmaniġġja l-aġenda leġiżlattiva estensiva (jiġifieri l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u s-CCPs), il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, mandati ġodda potenzjali għall-Awtorità f’ċerti oqsma (bħal fir-rigward tad-depożitorji ċentrali tat-titoli), swieq finanzjarji aktar volatili, u konverġenza superviżorja u superviżjoni limitati tas-CCPs ta’ pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni tqis dawn il-kwistjonijiet u talloka r-riżorsi meħtieġa għall-Awtorità biex twettaq mandati ġodda jew estiżi;

    39.

    Jinnota li l-kwistjonijiet li jirriżultaw mis-segwitu tal-Awtorità għall-osservazzjonijiet tal-Qorti minn snin preċedenti, bħall-finanzjament trażversali annwali tal-attivitajiet tal-Awtorità, l-armonizzazzjoni tas-sistema tal-kalkolu tat-tariffi u l-ambitu ta’ ċirkomvenzjoni għall-mekkaniżmu tal-imposti tat-tariffi ma jaqgħux fl-ambitu tal-azzjoni tal-Awtorità; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-atti delegati u temenda r-regolamenti relatati ma’ kwistjonijiet bħal dawn, kif propost mill-Awtorità;

    40.

    Jistieden lill-Awtorità tiffoka fuq it-tixrid tar-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha mal-pubbliku, u biex tikkomunika mal-pubbliku permezz tal-media soċjali u mezzi oħra tal-media;

    41.

    Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

    (1)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 152.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1)

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

    (5)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    (6)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

    (7)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


    Top