This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023BP1896
Resolution (EU) 2023/1896 of the European Parliament of 10 May 2023 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the European Medicines Agency (EMA) for the financial year 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1896 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) għas-sena finanzjarja 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1896 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) għas-sena finanzjarja 2021
ĠU L 242, 29.9.2023, p. 336–341
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/336 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1896 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-10 ta’ Mejju 2023
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) għas-sena finanzjarja 2021
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2021, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0106/2023), |
A. |
billi skont id-dikjarazzjoni ta’ dħul u nfiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 379 228 000, li jirrappreżenta żieda ta’ 2,56 % meta mqabbel mal-2020; billi l-Aġenzija hija aġenzija ffinanzjata permezz ta’ tariffi, b’madwar 89,40 % tad-dħul tagħha fl-2021 ġie minn tariffi mħallsa mill-industrija tal-farmaċewtika għal servizzi mogħtija, 9,90 % ġie mill-baġit tal-Unjoni u 0,7 % ġie minn dħul assenjat estern; |
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jinnota li l-isforzi għall-monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet ta’ impenji tas-sena attwali ta’ 96,38 % li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 2,46 % meta mqabbla mal-2020; jiddispjaċih li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 72,36 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 6,11 % meta mqabbla mal-2020; |
Prestazzjoni
2. |
Jinnota li fl-2021, minkejja d-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, l-Aġenzija kompliet tippromwovi suq uniku li jiffunzjona għal mediċini għall-użu mill-bniedem u dawk veterinarji, billi taġixxi bħala ċ-ċentru tan-network Ewropew ta’ awtoritajiet regolatorji tal-mediċini li jimplimenta l-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni applikabbli għal tali prodotti; ifaħħar lill-Aġenzija għall-appoġġ tagħha rigward ir-risposta tal-Unjoni għall-pandemija tal-COVID-19, billi vvalutat f’ħin opportun vaċċini u prodotti terapewtiċi għall-prevenzjoni u t-trattament ta’ infezzjonijiet mill-virus SARS-CoV-2; |
3. |
Ifaħħar lill-Aġenzija għall-kisbiet sinifikanti tagħha fl-2021 bi, fost oħrajn, erba’ vaċċini kontra l-COVID-19 u ħames trattamenti kontra l-COVID-19 rakkomandati għal approvazzjoni, 92 mediċina ġdida għall-użu mill-bniedem u 12-il mediċina veterinarja ġdida rakkomandati għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, sitt mediċini ddeżinjati taħt il-PRIME rakkomandati għal approvazzjoni u 19-il deżinjazzjoni ta’ status orfni kkonfermati; ifaħħar ukoll lill-Aġenzija għall-progress li għamlet lejn Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Provi Kliniċi (CTIS) li tiffunzjona bis-sħiħ u għat-tnedija tal-inizjattiva Aċċelerazzjoni tal-Provi Kliniċi fl-UE; |
4. |
Jinnota li fl-2021 il-miri tal-biċċa l-kbira tal-ammont ta’ xogħol u tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-Aġenzija ntlaħqu jew inqabżu, filwaqt li l-ksib tal-maġġoranza tal-miri kien miexi sew jew kien tlesta; jinnota wkoll, rigward is-segwitu għall-osservazzjonijiet dwar il-kwittanza tas-sena l-oħra, li minkejja d-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, l-Aġenzija qiegħda tagħmel progress fl-introduzzjoni ta’ għodod, kunċetti u proċessi ġodda għall-ġestjoni tal-prestazzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ Programm dwar il-Prestazzjoni u l-Iżvilupp komprensiv li jinkludi miri f’kaskata minn livelli ogħla ’l isfel lejn il-livell ta’ tim jew individwali u l-monitoraġġ regolari tal-progress permezz ta’ ġestjoni kontinwa tal-prestazzjoni; jistieden lill-Aġenzija biex tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza ladarba l-integrazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi fl-operazzjonijiet tal-Aġenzija tkun tlestiet; |
5. |
Jinnota, wara l-attakk ċibernetiku f’Diċembru 2020, li l-Aġenzija kompliet issaħħaħ il-kapaċitajiet u d-difiża taċ-ċibersigurtà tagħha; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-ħolqien tal-Kumitat ta’ Tmexxija dwar il-Ġestjoni tas-Sigurtà tal-Informazzjoni sabiex jipprovdi sorveljanza u sjieda u direzzjoni mifruxa mal-Aġenzija kollha tal-istrateġija għas-sigurtà tal-informazzjoni u l-pjan ta’ implimentazzjoni tagħha, l-istabbiliment ta’ Ċentru tal-Operazzjonijiet tas-Sigurtà li jagħmel monitoraġġ kontinwu tan-network tal-Aġenzija u l-iżvilupp ta’ programm ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà li għandu l-għan li jrawwem kultura ta’ sigurtà b’saħħitha fi ħdan l-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar ir-riżultati li jġibu dawk il-miżuri; jinnota li bħalissa għaddejja r-reviżjoni tal-istrateġija tas-sigurtà tal-informazzjoni tal-Aġenzija, bl-għan li jiġi stabbilit pjan direzzjonali ta’ titjib ta’ tliet snin f’konformità mal-aħjar prattiki ta’ organizzazzjonijiet simili; |
6. |
Jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex tiġġieled kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi, b’mod partikolari l-adozzjoni tal-Istrateġija 2021-2025 tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) dwar l-Antimikrobiċi; jinnota b’sodisfazzjon il-fatt li l-bejgħ globali tal-antimikrobiċi għall-użu veterinarju fil-pajjiżi Ewropej kien 47 % inqas fl-2021 milli fl-2011 skont ir-rapport tal-proġett tas-Sorveljanza Ewropea tal-Konsum tal-Antimikrobiċi għal Użu Veterinarju ppubblikat f’Novembru 2022 intitolat “Sales of veterinary antimicrobial agents in 30 European countries in 2016 — Trends from 2010 to 2021 (Il-bejgħ ta’ aġenti antimikrobiċi veterinarji f’31 pajjiż Ewropew fl-2021 — Xejriet mill-2010 sal-2021)”; |
7. |
Jisħaq li s-sostituzzjoni tal-ittestjar fuq l-annimali għandha tkun prijorità fl-iżvilupp tal-mediċini matul l-applikazzjoni tal-prinċipji tat-3Rs — tas-sostituzzjoni, it-tnaqqis u l-irfinar tal-użu tal-annimali għall-iżvilupp, il-manifattura u l-ittestjar tal-mediċini; jiddispjaċih li fl-2021 il-Grupp ta’ Ħidma 3Rs kellu jiġi sospiż minħabba l-politika tal-ippjanar tal-kontinwità tal-operat bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, u għalhekk l-Aġenzija ma ħejjietx rapport ta’ attività dwar din il-kwistjoni; jilqa’ l-bidu mill-ġdid tal-attività tal-Grupp ta’ Ħidma 3Rs lejn tmiem l-2022 u l-organizzazzjoni ta’ laqgħat mal-partijiet ikkonċernati dwar din il-kwistjoni fl-2023; jistenna li l-Aġenzija tipproduċi r-rapporti biennali tagħha dwar l-azzjonijiet 3Rs mill-aktar fis possibbli; |
8. |
Jinnota l-arranġamenti ta’ ħidma formali tal-Aġenzija mas-sħab ewlenin tal-aġenzija tal-Unjoni (iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga), li jistabbilixxu n-natura tal-kollaborazzjoni u l-konsultazzjoni reċiproka f’oqsma ta’ interess komuni; jinnota l-kooperazzjoni attiva tal-Aġenzija mal-Awtorità tal-UE għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa dwar il-kontromiżuri mediċi u t-tħejjija ta’ Memorandum ta’ Qbil bejniethom biex jiġu ċċarati r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom u tiġi żgurata l-komplementarjetà; jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija tipparteċipa b’mod regolari fi proċeduri ta’ akkwist konġunt ma’ aġenziji deċentralizzati oħra tal-Unjoni u mas-servizzi tal-Kummissjoni u torganizza proċeduri ta’ akkwist konġunt li huma miftuħa għal aġenziji oħra tal-Unjoni; |
Politika dwar il-persunal
9. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 98,02 % tat-tabella tal-persunal kienet implimentata, b’644 aġent temporanju maħtura minn total ta’ 657 aġenti temporanji awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 596 post tax-xogħol awtorizzati fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, 206 aġent kuntrattwali u 28 esperti nazzjonali sekondati flimkien ma’ 138 aġent interim ħadmu għall-Aġenzija fl-2021; |
10. |
Jesprimi tħassib li ż-żieda ta’ kompiti ġodda u ż-żieda fl-ammont ta’ xogħol relatat mat-tariffi minħabba l-portafoll dejjem jikber ta’ mediċini awtorizzati matul is-snin ma kinux akkumpanjati minn żieda adegwata fil-persunal tal-Aġenzija, u dan ipoġġi lill-Aġenzija taħt pressjoni sinifikanti; jistieden lill-Aġenzija tesplora modi biex tagħmel stħarriġ lill-persunal rigward il-benessri tagħhom u l-użu ta’ metodi li jipprevjenu l-burn-out u t-tnaqqis fil-prestazzjoni; |
11. |
Jinnota, bi tħassib, in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment superjuri tal-Aġenzija, fejn 17 minn 28 (61 %) huma rġiel; jinnota l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bord ta’ tmexxija tal-Aġenzija, fejn 37 minn 66 (56 %) li huma rġiel u għall-persunal ġenerali fejn 562 minn 850 (66 %) huma nisa; jistieden lill-Aġenzija tieħu miżuri konkreti biex iżżid il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-ġerarkija tal-Aġenzija mill-aktar fis possibbli u terġa’ tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza; |
12. |
Jirrikonoxxi l-ħidma li għaddejja tal-Aġenzija biex tistabbilixxi qafas ta’ politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani, li fil-qalba tiegħu għandu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jilqa’ f’dan il-kuntest l-implimentazzjoni sħiħa ta’ ambjent ta’ xogħol ibridu, tal-programmi ta’ benessri u assistenza għall-impjegati tal-Aġenzija, il-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma għall-ġestjoni tal-ammont ta’ xogħol, it-tim dedikat għas-saħħa fi ħdan il-funzjoni tar-riżorsi umani (HR), kif ukoll is-sessjonijiet ta’ taħriġ u stħarriġ dwar il-benessri; |
13. |
Jinnota li ż-żieda konsiderevoli ta’ 61 aġent temporanju deċiża mill-awtorità tal-baġit għenet lill-Aġenzija tindirizza l-ammont ta’ xogħol addizzjonali kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni tal-mandat estiż tal-Aġenzija; |
14. |
Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-offerta ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’; |
Akkwist
15. |
Jinnota, bi tħassib, li l-2021 kienet it-tielet sena konsekuttiva li fiha l-Qorti għamlet osservazzjonijiet ġodda relatati mal-akkwist għall-Aġenzija; jinnota mir-rapport tal-Qorti l-kumment rigward is-sovrastima tal-Aġenzija tal-valur ta’ kuntratt qafas fejn livell limitu aktar baxx rigward ir-rekwiżit ta’ kapaċità finanzjarja u ekonomika (fatturat annwali) kien ikun jippermetti li aktar kumpaniji jressqu offerti; jistieden lill-Aġenzija tirrevedi n-nuqqasijiet fil-proċessi ta’ akkwist tagħha u ssegwi wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti; |
16. |
Jinnota li l-obbligazzjonijiet potenzjali li jirriżultaw sal-2039, mill-kiri tal-bini tal-uffiċċji preċedenti tal-Aġenzija f’Londra għadhom kwistjoni li għadha għaddejja; jinnota bi tħassib, abbażi tar-rapporti tal-Qorti tal-2020 u l-2021, li l-ammont stmat li jikkorrispondi għal tali obbligazzjonijiet żdied minn EUR 377 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2020 għal EUR 383 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2021; jinnota li l-Aġenzija laħqet ftehim ma’ sid il-binja biex tissulloka l-uffiċċji preċedenti tagħha minn Lulju 2019; jinnota li t-termini tas-sullokazzjoni huma konsistenti mal-lokazzjoni prinċipali u validi sal-2039; jirrikonoxxi li s-sullokazzjoni tal-bini tal-Aġenzija f’pajjiż terz tfisser id-devjazzjoni tar-riżorsi biex titwettaq attività barra mill-mandat legali tal-Aġenzija; jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa għal deċiżjoni politika bil-għan li tinstab soluzzjoni dejjiema għal din il-kwistjoni; |
17. |
Jinnota l-miżuri meħuda mill-Aġenzija biex tindirizza l-osservazzjoni tal-Qorti mill-2019 rigward kuntratt qafas iffirmat mill-Aġenzija ma’ tliet kumpaniji għall-provvista ta’ ħaddiema temporanji; jinnota wkoll, b’riżultat ta’ dan, li l-istatus ta’ din l-osservazzjoni ġie aġġornat mill-Qorti minn “pendenti” għal “għadu għaddej”; josserva li l-Qorti qablet li tivvaluta mill-ġdid din l-osservazzjoni għal “qed tingħalaq”, wara t-tnedija tal-proċedura l-ġdida għall-provvista ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fil-25 ta’ Mejju 2022; |
18. |
Ifakkar fl-importanza li kull proċedura ta’ akkwist tkun tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn l-offerenti u li jiġu akkwistati oġġetti u servizzi għall-aqwa prezz, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ trasparenza, proporzjonalità, trattament ugwali u nondiskriminazzjoni. jitlob l-implimentazzjoni tal-għodod tal-IT għall-akkwist elettroniku żviluppati mill-Kummissjoni; jitlob kjarifika aġġornata tal-proċeduri u l-mudelli fil-linji gwida dwar l-akkwist; jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti li d-dgħufijiet fl-akkwist pubbliku qed jiżdiedu u għadhom l-akbar sors ta’ pagamenti irregolari fil-biċċa l-kbira tal-aġenziji; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
19. |
Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi li għaddejjin biex tiġi żgurata trasparenza, biex jiġu evitati u ġestiti kunflitti ta’ interess, u biex tingħata protezzjoni lill-informaturi; jinnota wkoll li fl-2021 ma ġie rrapportat l-ebda każ intern ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, madankollu, waslu 29 rapport ta’ każijiet esterni ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, li minnhom 23 każ ingħalqu u sitt każijiet għadhom għaddejjin; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar fil-każijiet li għadhom għaddejjin; |
20. |
Jinnota li l-Aġenzija ppubblikat is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord amministrattiv tagħha, tal-maniġment superjuri tagħha u tal-esperti xjentifiċi involuti fil-ħidma tal-Aġenzija; jinnota wkoll li fl-2021 ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ kunflitt ta’ interess mill-Aġenzija; ifaħħar lill-Aġenzija talli stabbiliet regoli għall-membri tal-bord tagħha rigward kunflitti ta’ interess u sitwazzjonijiet ta’ “revolving doors”; |
21. |
Jilqa’ l-passi ulterjuri meħuda biex tissaħħaħ it-trasparenza tal-attivitajiet tal-Aġenzija billi, fost l-oħrajn, jiġu rappurtati l-laqgħat li l-persunal tal-Aġenzija jkollu ma’ partijiet interessati esterni, u d-disponibbiltà ta’ tali rapporti fuq is-sit web tal-Aġenzija; |
22. |
Jinsisti fuq il-ħtieġa li jitħaddnu regoli sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interess, il-lobbjar illegali u r-revolving doors; jistieden lill-Aġenzija tirrevedi u ttejjeb il-kodiċi ta’ kondotta tagħha u tkompli ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll u awditu intern tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni; |
23. |
Jisħaq li, minkejja l-fatt li l-maġġoranza tal-finanzjament ġej minn sorsi privati, l-Aġenzija hija awtorità pubblika; jissottolinja li l-fiduċja pubblika u l-garanziji tal-indipendenza u l-integrità tal-Aġenzija huma kruċjali u għalhekk jeħtieġ li jiġi żgurat livell għoli ta’ trasparenza permezz tal-attivitajiet kollha tagħha biex tiġi evitata l-manipulazzjoni regolatorja u jiġi żgurat li ċ-ċittadini jżommu l-fiduċja tagħhom fil-qafas legali u regolatorju farmaċewtiku fl-Unjoni; |
Kontroll intern
24. |
Jinnota li s-sistema ta’ kontroll intern li għandha fis-seħħ l-Aġenzija, kemm f’termini tal-elementi individwali, kif ukoll tas-sistema sħiħa, b’mod ġenerali huma effettivi, b’xi titjib meħtieġ biex tkompli tissaħħaħ l-effettività ta’ xi elementi speċifiċi; jinnota, barra minn hekk, li fl-2021 il-Bord Eżekuttiv tal-Aġenzija approva approċċ ġdid u gwida interna ġdida dwar il-metodoloġija għal kontrolli finanzjarji ex post, u li tintroduċi skedi taż-żmien ġodda biex l-eżerċizzju jsir fuq perjodu ta’ 18-il xahar kontinwu; jinnota li l-proċeduri ta’ kontroll intern ma wrew l-ebda dgħufijiet sinifikanti, għalkemm ġew identifikati żewġ oqsma ta’ kontroll għal titjib potenzjali u bħalissa qegħdin jiġu indirizzati bi pjanijiet ta’ azzjoni speċifiċi għal titjib; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza fuq l-iżviluppi f’dan ir-rigward; |
25. |
Jinnota bi tħassib l-osservazzjoni mir-rapport tal-Qorti rigward diversi nuqqasijiet proċedurali f’żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ li ġew awditjati, li jimminaw il-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali; jistieden lill-Awtorità tindirizza d-dgħufijiet li sabet il-Qorti fil-qasam tar-reklutaġġ u ssaħħaħ is-sistema ta’ kontroll intern tagħha; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bil-progress li sar f’dan ir-rigward; |
26. |
Jiddispjaċih għall-fatt li nuqqasijiet proċedurali fil-proċeduri ta’ reklutaġġ jimminaw il-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali. jitlob li l-Aġenzija ttejjeb il-proċedura ta’ reklutaġġ interna tagħha biex tiċċara l-proċessi ta’ valutazzjoni u l-avviżi dwar postijiet tax-xogħol vakanti; jirrimarka li fir-rapport annwali tal-Aġenzija l-għadd ta’ kapijiet tad-dipartimenti fis-sena 2021 kien ta’ 18, filwaqt li l-għadd ta’ kapijiet tad-dipartimenti kien ta’ 13 fl-2020. |
27. |
Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Aġenzija; jinsisti b’saħħa fuq ir-rekwiżit ta’ Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll effettivi biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitti ta’ interess, kontrolli ex ante/ex post neqsin, ġestjoni inadegwata tal-impenji baġitarji u legali, u li jinqabżu r-rapporti dwar kwistjonijiet fir-reġistru ta’ eċċezzjonijiet. |
Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika
28. |
Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija segwiet l-istrateġija biex ittejjeb l-effiċjenza tagħha, għax kompliet tibni fuq it-Trasformazzjoni Diġitali, kif ukoll l-attivitajiet mwettqa mit-task force għat-Trasformazzjoni Diġitali tan-Negozji; jinnota b’apprezzament li l-attivitajiet inkludew l-esplorazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali, it-tagħlim awtomatiku u r-robotika biex jinbnew soluzzjonijiet prammatiċi għall-bżonnijiet ta’ negozju eżistenti tal-Aġenzija, u l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni permezz tal-Laboratorju tal-Innovazzjoni Diġitali, li żviluppa qafas għall-analiżi tal-proċessi bil-għan li jsaħħaħ l-effiċjenza permezz tat-teknoloġija u l-innovazzjoni diġitali fl-Aġenzija; |
29. |
Jinnota b’apprezzament il-progress li sar rigward il-programm għad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-Aġenzija mmirat lejn il-modernizzazzjoni tal-proċessi u tal-għodod użati fl-oqsma tal-ġestjoni tal-persunal, il-finanzi u l-ippjanar; ifaħħar it-tnedija tal-fażijiet 1 u 2 tal-programm dwar il-Prestazzjoni u l-Iżvilupp fl-2021, li jikkonsisti minn, fost oħrajn, it-tnedija ta’ għodda diġitali ġdida għall-ġestjoni tal-proċessi ta’ prestazzjoni u żvilupp kollha li hija integrata mas-sistemi ta’ onboarding eżistenti, u l-implimentazzjoni tal-fajl personali diġitali għall-persunal statutorju kollu, li jissostitwixxi l-fajl personali stampat storiku u l-fajls ta’ ħidma skenjati; |
30. |
Jilqa’ l-isforzi li għamlet l-Aġenzija fl-2021 għal aktar sostenibbiltà biex tnaqqas l-impronta tal-karbonju mill-attivitajiet tagħha; jinnota li tali sforzi wasslu għal diversi eżiti pożittivi, inkluż tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-enerġija u l-ilma tal-Aġenzija; jilqa’ l-progress tal-Aġenzija fl-2021 rigward ir-reġistrazzjoni tagħha fl-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS), l-aġġornament tas-sistema ta’ Ġestjoni Ambjentali (EM) tal-Aġenzija biex jiġu identifikati r-riżorsi li ser jgħinu l-integrazzjoni tal-attivitajiet ta’ EM fil-proċessi ta’ negozju operazzjonali tagħha u tiġi sorveljata l-impronta ambjentali tal-Aġenzija billi jiġi applikat il-Protokoll dwar il-Gassijiet Serra; |
31. |
Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’ operat u ġestjoni interni iżda anki sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jistieden lill-Aġenzija tgħaddi għal ġestjoni tad-dokumenti u proċessi mingħajr l-użu tal-karta fejn possibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata; |
32. |
Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà), u mas-CERT-UE (Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni) u twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-IT tagħha u tiżgura li jsiru awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; jissuġġerixxi li jiġu offruti regolarment programmi ta’ taħriġ aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà għall-persunal kollu fl-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa l-politika taċ-ċibersigurtà tagħha iktar malajr, tressaqha qabel il-31 ta’ Diċembru 2023 u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza; |
Kontinwità tal-operat matul kriżi tal-COVID-19
33. |
Jinnota li, b’riżultat tal-istabbiliment ta’ ppjanar għall-kontinwità tal-operat matul l-2021, xi wħud mill-attivitajiet tal-Aġenzija kellhom jiġu sospiżi, ittardjati jew imċekkna; jinnota wkoll li l-Aġenzija kompliet tagħmel monitoraġġ tal-pjan għall-kontinwità tal-operat u l-pjan għat-theddida għas-saħħa pubblika tagħha, sabiex tipproteġi s-saħħa u s-sikurezza tal-persunal, tad-delegati u tal-kuntratturi filwaqt li tkompli twettaq il-mandat tagħha; |
34. |
Jinnota li l-Aġenzija ħadet għadd ta’ miżuri biex timmonitorja u timmitiga l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, bħall-ġestjoni tar-riskji għas-saħħa u s-sikurezza billi implimentat it-tbegħid soċjali u ppermettiet lill-impjegati jaħdmu mid-dar; jinnota li l-operat u r-riżultati tal-Aġenzija ma ġewx affettwati b’mod sinifikanti mill-pandemija tal-COVID-19; |
Kummenti oħra
35. |
Ifaħħar lill-Aġenzija tal-isforzi tagħha fl-2021 biex tipprovdi informazzjoni ċara, trasparenti, preċiża u fil-ħin dwar l-approvazzjoni u s-superviżjoni tal-vaċċini u t-trattamenti tal-COVID-19 fl-UE b’veloċità u frekwenza mingħajr preċedent; jirrikonoxxi li l-komunikazzjoni tal-Aġenzija kienet kruċjali biex isserraħ moħħ iċ-ċittadini tal-Unjoni, tiġġieled kontra l-informazzjoni ħażina u d-diżinformazzjoni, tibni fiduċja u tipproteġi s-saħħa pubblika; tfaħħar il-metrika mtejba tal-Aġenzija u l-feedback pożittiv rigward it-traffiku fuq is-sit web tagħha, il-konferenzi stampa u l-kontijiet tal-media soċjali fl-2021; |
36. |
Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija żviluppat strateġija qafas ġdida ta’ ħames snin għall-komunikazzjoni esterna u l-involviment, li tkopri l-2021 sal-2025, li għandha l-għan li tibni fehim aħjar tal-Aġenzija u l-ħidma tagħha fost iċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll li tipprovdi qafas strateġiku għall-iżvilupp ta’ pjanijiet annwali ta’ komunikazzjoni u involviment; jinnota li l-istrateġija ta’ qafas ġdida tistabbilixxi miri bħal żieda tal-impatt fuq is-saħħa pubblika, kollaborazzjoni msaħħa mas-sħab u mal-partijiet ikkonċernati u l-istabbiliment ta’ proċessi ottimizzati għall-komunikazzjoni fi żminijiet ta’ kriżi fost oħrajn; |
37. |
Jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha (pereżempju r-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà), u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha, l-iskambju tal-prattiki tajba u d-diskussjonijiet tagħha rigward oqsma ta’ interess reċiproku ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza; |
38. |
Jirreferi, fir-rigward ta’ kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 141, 29.3.2022, p. 26.
(2) Testi adottati, P9_TA(2023)0190.