This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52023BP1893
Resolution (EU) 2023/1893 of the European Parliament of 10 May 2023 with observations forming an integral part of the decision on discharge in respect of the implementation of the budget of the European Labour Authority (ELA) for the financial year 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1893 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) għas-sena finanzjarja 2021
Riżoluzzjoni (UE) 2023/1893 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) għas-sena finanzjarja 2021
ĠU L 242, 29.9.2023, p. 327–332
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/327 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1893 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-10 ta’ Mejju 2023
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) għas-sena finanzjarja 2021
IL-PARLAMENT EWROPEW,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2021, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0117/2023), |
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (l-“Awtorità”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 24 219 500; billi l-baġit tal-Awtorità huwa derivat mill-baġit tal-Unjoni; billi EUR 1 838 391 ġew implimentati fil-qafas tad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni u EUR 22 381 110 ġew ġestiti direttament mill-Awtorità wara l-awtonomija finanzjarja tagħha; |
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), iddikjarat li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
1. |
Jinnota li l-Awtorità bdiet l-operazzjonijiet fis-17 ta’ Ottubru 2019 u kisbet awtonomija finanzjarja fis-26 ta’ Mejju 2021, u li wara l-finalizzazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali mar-Repubblika Slovakka, bdiet l-attivitajiet tagħha fl-uffiċċji tagħha fi Bratislava f’Settembru 2021; jilqa’ l-bidu tal-operazzjonijiet u jenfasizza li din hija l-ewwel proċedura ta’ kwittanza; |
2. |
Jinnota li l-isforzi għall-monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena attwali ta’ 95,80 % u li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 30,38 %; |
3. |
Jissottolinja l-fatt li l-ħidma tal-Awtorità kienet fil-fażi tal-bidu tat-tiswir tagħha; huwa konxju li huma meħtieġa iktar żvilupp u integrazzjoni tal-proċessi interni fil-perjodu li ġej sakemm issir kompletament operattiv fl-2024; |
4. |
Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Awtorità; jinsisti bil-qawwa fuq ir-rekwiżit ta’ sistemi ta’ ġestjoni u kontroll effettivi biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess, kontrolli ex ante jew ex post neqsin, ġestjoni inadegwata tal-impenji baġitarji u legali, u nuqqasijiet ta’ rappurtar ta’ kwistjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet; |
Prestazzjoni
5. |
Jinnota li l-proġett iddedikat għall-iżvilupp ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-prestazzjoni strutturata li se tappoġġja l-iżvilupp ta’ indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin koerenti, li inizjalment kien ippjanat għall-2021, sofra minn dewmien u bħalissa qiegħed jiġi implimentat; jistieden lill-Awtorità tirrapporta kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward lill-awtorità ta’ kwittanza; |
6. |
Jissottolinja l-kisbiet tal-Awtorità rigward l-ewwel inizjattiva speċifika għas-settur iffukata fuq id-drittijiet tal-ħaddiema mobbli u l-impjegaturi tagħhom fil-qasam tax-xogħol staġonali, il-pjan ta’ azzjoni tagħha u l-kampanja relatata, implimentati f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħrajn, u li jiġbru flimkien l-kompiti operattivi kollha tal-Awtorità; |
7. |
Jinnota b’apprezzament li, fl-2021, l-Awtorità appoġġjat l-ewwel għaxar spezzjonijiet miftiehma u konġunti, bil-parteċipazzjoni ta’ 11-il Stat Membru; jinnota, barra minn hekk, li l-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat ġiet integrata mingħajr xkiel fl-Awtorità fl-2021, u li, f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Awtorità ħadet f’idejha xi responsabbiltajiet speċifiċi tan-Network tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES) mill-Kummissjoni, b’mod partikolari l-governanza tan-network tal-EURES u l-attivitajiet ta’ taħriġ u komunikazzjoni, u s-sjieda tal-portal tal-EURES; |
8. |
Jinnota b’apprezzament li l-Awtorità ffinalizzat il-qafas meħtieġ għat-tnedija tal-kompitu ta’ medjazzjoni tagħha fil-bidu tal-2022, u li f’Diċembru tal-2021, il-bord tat-tmexxija tal-Awtorità adotta r-regoli tal-proċedura ta’ medjazzjoni u nieda sejħa biex jiġu żgurati nominazzjonijiet għad-diversi funzjonijiet ta’ medjazzjoni; |
9. |
Jinnota b’apprezzament li l-Awtorità approfondiet il-kooperazzjoni tagħha ma’ korpi u organizzazzjonijiet oħra tal-Unjoni; jilqa’ l-ewwel ftehimiet man-network SOLVIT u l-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali li tlestew fl-2021; jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità bdiet in-negozjati ta’ arranġamenti oħra ta’ kooperazzjoni, inkluż mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA); jinnota, apparti dan, li f’Settembru 2021, l-Awtorità u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) appoġġjaw l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-isfruttament tal-ħaddiema fix-xogħol staġonali; iħeġġeġ lill-Awtorità tesplora aktar il-possibbiltajiet biex testendi l-arranġamenti ta’ ħidma tagħha u l-kondiviżjoni tar-riżorsi ta’ kompiti li jikkoinċidu ma’ korpi oħra tal-Unjoni; |
10. |
Jinnota li l-attivitajiet kollha ppjanati fil-programm ta’ ħidma tal-2021 ġew implimentati ħlief l-iskambji tal-persunal u l-proġetti ta’ assistenza reċiproka fl-ambitu tal-Pjattaforma Ewropea dwar l-indirizzar ta’ xogħol mhux iddikjarat; jirrikonoxxi li n-nuqqas ta’ applikazzjonijiet għal dawn l-attivitajiet xprunati mid-domanda jista’ jiġi attribwit għall-pandemija tal-COVID-19; jinnota li l-bord tat-tmexxija jqis li r-riżultati miksuba mill-Awtorità fit-tieni sena ta’ attività tagħha qed jistabbilixxu l-pedamenti għall-bini ta’ Awtorità kompletament operattiva u diġitalizzata qabel l-2024; |
Politika dwar il-persunal
11. |
Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, it-tabella tal-persunal kienet implimentata fil-livell ta’ 84,21 %, bi 32 aġent temporanju maħtura mit-38 aġent temporanju awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni; jinnota li, barra minn hekk, fl-2021, kienu qed jaħdmu għall-Awtorità 11-il aġent kuntrattwali u 41 espert nazzjonali sekondat (inkluż 27 uffiċjal ta’ kollegament nazzjonali); jinnota li l-Awtorità kisbet tkabbir sinifikanti fil-forza tax-xogħol tagħha wara sforzi intensivi ta’ reklutaġġ fl-2021, f’konformità ma’ waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Awtorità; |
12. |
Jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-fatt li l-Awtorità għandha l-ogħla proporzjon ta’ pożizzjonijiet ta’ esperti nazzjonali sekondati (60 minn 144 membru tal-persunal, fit-tabella tal-persunal 2023) meta mqabbla mal-aġenziji deċentralizzati kollha tal-Unjoni; jitlob biex 15-il pożizzjoni ta’ esperti nazzjonali sekondati jinbidlu f’pożizzjonijiet ta’ aġenti temporanji li jippermettu lill-Awtorità tagħmel użu minn persunal xieraq għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-missjoni tagħha; |
13. |
Jinnota n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment superjuri tal-Awtorità, fejn 4 minn 6 (67 %) huma rġiel; jinnota n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-bord tat-tmexxija tal-Awtorità, fejn 20 minn 33 (61 %) huma rġiel; jinnota wkoll in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal ġenerali tal-Awtorità, fejn 23 minn 43 (53 %) huma nisa; jinnota r-rappreżentazzjoni tal-ġeneri fost l-esperti nazzjonali sekondati (inklużi l-uffiċjali ta’ kollegament nazzjonali) ta’ 49 % nisa u 51 % rġiel; jinnota wkoll li, fi tmiem l-2021, l-Awtorità kellha 14-il nazzjonalità abbażi tal-pożizzjonijiet fit-tabella tal-persunal tagħha (persunal statutorju) u li pprevediet li, fl-2022, iżżid aktar in-nazzjonalitajiet rappreżentati għal 18; iħeġġeġ lill-Awtorità tqis bl-akbar prijorità l-bilanċ ġeografiku fil-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha u tirrapporta kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward lill-awtorità ta’ kwittanza; ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri tal-persunal u jistieden lill-Awtorità tqis dan l-aspett fir-rigward ta’ ħatriet futuri fi ħdan il-maniġment superjuri tagħha; jistieden ukoll lill-Istati Membri jqisu dan meta jinnominaw il-membri tal-bord tat-tmexxija jew l-esperti nazzjonali sekondati; |
14. |
Jinnota li l-Awtorità adottat l-ewwel struttura organizzattiva tagħha fl-2021, fasslet l-organizzazzjoni u kompliet tadotta u tiżviluppa regoli u proċeduri interni, u li, flimkien mal-persunal kollu tagħha, ħolqot id-dikjarazzjoni tal-missjoni u tal-valuri tagħha li tirrappreżenta d-diversità u l-kultura tal-impjegati kollha; jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità qed taħdem biex tkun kompletament operattiva fl-2024; |
15. |
Jinnota li, f’Marzu 2022, l-Awtorità adottat il-politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali u mbagħad wara bdiet torganizza sessjonijiet ta’ ħidma obbligatorji kontra l-fastidju għall-persunal kollu, inkluż il-kuntratturi esterni, kif ukoll sessjonijiet apposta għall-maniġers; jinnota, barra minn hekk, li f’Ġunju 2022, l-Awtorità nediet sejħa għal espressjonijiet ta’ interess ta’ konsulenti kunfidenzjali; jistieden lill-Awtorità tirrapporta kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward lill-awtorità ta’ kwittanza; |
16. |
Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-għoti ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib ta’ bilanċ ġeografiku biex tiġi żgurata rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità kif ukoll li jkun żgurat li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jkunu promossi b’mod wiesa’; |
Akkwist
17. |
Jinnota li fl-2021 l-Awtorità għamlet l-aqwa użu possibbli mill-kuntratti qafas interistituzzjonali eżistenti għall-attivitajiet amministrattivi u operattivi tagħha, filwaqt li nediet sejħiet għall-offerti (negozjati, miftuħin) fejn meħtieġ; jinnota wkoll, li l-Awtorità b’kollox ikkonkludiet 106 proċeduri ta’ akkwist u ffirmat sitt ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz; |
18. |
Jinnota li fl-2021, l-Awtorità integrat il-Moduli ta’ akkwist elettroniku ABAC Assets, sejħa għall-offerti elettronika, sottomissjoni elettronika ta’ offerti u Għodda għall-Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku (PPMT); jinnota li fl-2022, l-Awtorità bdiet tuża l-PPMT; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
19. |
Jinnota li l-Awtorità tinsab fil-proċess li tiżviluppa politika komprensiva dwar il-kunflitti ta’ interess u li r-regoli ta’ proċedura tal-korpi tal-Awtorità (bord tat-tmexxija, il-grupp ta’ partijiet ikkonċernati, il-gruppi ta’ ħdima tal-Awtorità) fihom dispożizzjonijiet relatati mal-kunflitti ta’ interess; jinnota, barra minn hekk, li dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess għall-membri tal-bord tat-tmexxija huma fis-seħħ u pubbliċi; |
20. |
Jinnota li l-Awtorità tippubblika s-CV tad-Direttur Eżekuttiv tagħha u qiegħda taħdem fuq il-pubblikazzjoni ta’ CVs rilevanti oħrajn fl-2023; jistieden lill-Awtorità tirrapporta kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward lill-awtorità ta’ kwittanza; |
21. |
Jinnota li fl-2021, l-Awtorità kellha laqgħat ma’ partijiet ikkonċernati esterni bħal rappreżentanti tat-trade unions, organizzazzjonijiet ta’ impjegaturi u rappreżentanti tan-negozju, kif ukoll awtoritajiet nazzjonali u istituzzjonijiet nazzjonali; jinnota bi tħassib li l-Awtorità ma għandhiex reġistru ċentralizzat ta’ laqgħat rilevanti ma’ partijiet ikkonċernati esterni u ma tipprevedix l-istabbiliment ta’ tali reġistru sal-2023; jistieden lill-Awtorità tistabbilixxi tali reġistru mill-aktar fis possibbli u tirrapporta kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward lill-awtorità ta’ kwittanza; |
22. |
Jinnota b’apprezzament li, fil-25 ta’ Mejju 2021, l-Awtorità adottat b’analoġija l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta; |
23. |
Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitt ta’ interess, il-lobbjar illegali u r-revolving doors; jistieden lill-Awtorità ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni; |
Kontroll intern
24. |
Jinnota bi tħassib li għalkemm, skont ir-rapport tal-Qorti, il-bord tat-tmexxija tal-Awtorità approva l-karta tal-missjoni tas-servizz tal-awditjar intern tal-Kummissjoni (fl-2021) u l-qafas ta’ kontroll intern (QKI) tal-Awtorità (fl-2020), l-Awtorità kienet għadha ma adottatx strateġija xierqa għall-ġestjoni u l-kontroll tar-riskju u lanqas ma kienet adottat il-karta tal-uffiċjal awtorizzanti jew il-karta tal-uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega, jew il-karta tal-kontabilist, u li dawk il-lakuni jfixklu l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ kontroll intern tal-Awtorità; jinnota mir-risposta tal-Awtorità li ffinalizzat il-proċess tal-valutazzjoni tar-riskju, li għandha diversi politiki u proċeduri fis-seħħ biex timplimenta l-QKI, li qed taħdem kontinwament biex issaħħaħ aktar l-QKI tagħha u li qed tippjana l-adozzjoni tal-karti rilevanti; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżvilupp tas-sistema ta’ kontroll intern u l-ġestjoni tar-riskju tagħha; |
25. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Awtorità rreġistrat assi b’valur totali ta’ EUR 73 118 f’ABAC Assets u fir-reġistru tal-inventarju, li fil-biċċa l-kbira tagħhom dawk l-assi kienu jikkonsistu f’għamara tal-uffiċċju, u li l-Awtorità assenjat identifikazzjoni tal-inventarju u post futur għal kull oġġett; jinnota li, madankollu, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-assi ma kinux ittikkettati fiż-żmien tal-awditu, u kienu għadhom ma tpoġġewx fil-postijiet assenjati lilhom; jinnota li, barra minn hekk, in-nuqqas ta’ inventarji kompluti u aġġornati li jispeċifikaw il-post fejn ikunu jinsabu l-assi tanġibbli tal-Awtorità jmur kontra l-Artikolu 87 tar-Regolament Finanzjarju, u jaffettwa b’mod negattiv il-kapaċità tal-Awtorità li tiżgura s-salvagwardja tal-assi tagħha; jinnota r-risposta tal-Awtorità li, minħabba l-miżuri restrittivi tal-pandemija tal-COVID-19, wara li twasslu, l-assi tanġibbli reċentement tqiegħdu fiż-żoni deżinjati skont il-pjan tal-post u l-għadd ta’ persunal u li l-proċess ta’ tikkettar u t-tlestija fiżika tal-inventarji kienu ġew finalizzati; |
26. |
Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, fil-11 ta’ Diċembru 2020, l-Awtorità ffirmat kuntratt speċifiku għall-attivitajiet ta’ taħriġ tal-EURES li jkopri l-ewwel trimestru tal-2021 u li jammonta għal EUR 299 437, u li kuntratt qafas ġdid, b’valur ta’ EUR 12-il miljun u durata massima ta’ 48 xahar, biex jipprovdi attivitajiet ta’ taħriġ tal-EURES ġie ffirmat fid-9 ta’ Novembru 2021, u li ma sar l-ebda pagament assoċjat ma’ dan il-kuntratt qafas fl-2021; jinnota, barra minn hekk, li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Awtorità ma stabbilietx kontrolli ex ante jew ex post relatati mal-aspetti operattivi u finanzjarji tal-attivitajiet ta’ taħriġ ibbażati fuq evidenza diretta mill-attivitajiet ta’ taħriġ implimentati u minflok qagħdet fuq rapporti maħruġa minn trainees, u li dan in-nuqqas ta’ proċeduri formalizzati bbażati fuq evidenza diretta jista’ jippreżenta riskji għall-implimentazzjoni tad-direttivi dwar il-ġestjoni, u għall-kisba tal-objettivi tal-Awtorità; |
27. |
Jinnota li l-Awtorità rrikonoxxiet il-ħtieġa li twaqqaf l-istruttura xierqa internament u li tintroduċi proċeduri formalizzati bbażati fuq evidenza diretta b’risposta għall-osservazzjoni tal-Qorti; jinnota li l-Awtorità qiegħda tuża kontrolli diretti għall-attivitajiet ta’ taħriġ, u li mill-2023, se tistabbilixxi mekkaniżmu għal kontrolli diretti, li permezz tiegħu l-persunal tal-Awtorità se jipparteċipa f’10 % tat-taħriġ ipprovdut mill-EURES, li jkopri eżempji tat-tipi u formati kollha ta’ taħriġ, josserva l-implimentazzjoni tat-taħriġ, u li t-taħriġ ivvalutat se jkun segwit ukoll minn stħarriġ ta’ sodisfazzjon fost il-parteċipanti; |
28. |
Jinnota li l-Awtorità adottat u implimentat l-istrateġija kontra l-frodi 2021-2023 tagħha, u li l-implimentazzjoni tal-istrateġija hija mmonitorjata permezz ta’ pjan ta’ azzjoni dedikat; |
Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika
29. |
Jinnota li l-Awtorità bniet soluzzjonijiet tal-ICT abbażi tal-offerta ta’ Microsoft 365 u tas-sistemi tal-Kummissjoni li huma kondiviżi bejn istituzzjonijiet differenti u li huma aċċessibbli permezz ta’ soluzzjoni VPN sigura, kif ukoll li saru rieżamijiet minn konsulenti indipendenti u minn CERT-EU; jinnota, barra minn hekk, li l-Awtorità kkonfigurat soluzzjoni ta’ monitoraġġ tas-sigurtà tal-ICT li qed tippermetti monitoraġġ minn CERT-EU abbażi ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz; |
30. |
Jinnota li l-politika ta’ ċibersigurtà tal-Awtorità se tiġi żviluppata fl-2023 b’kontribut mill-istrateġija tal-ICT u l-approċċ tal-Aġenziji għar-regolament il-ġdid dwar iċ-ċibersigurtà; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward; |
31. |
Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Awtorità f’termini ta’ operat u ġestjoni interni iżda anke sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata; |
32. |
Iħeġġeġ lill-Awtorità taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà); jissuġġerixxi li regolarment jiġu offruti programmi ta’ taħriġ aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà għall-persunal kollu fi ħdan l-Awtorità; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa l-politika taċ-ċibersigurtà tagħha iktar malajr, tressaqha qabel il-31 ta’ Diċembru 2023 u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza; |
33. |
Jinnota b’apprezzament li l-Kwartieri Ġenerali tal-Awtorità fis-Slovakkja (il-binja Landererova 12 jew L12) irċevew iċ-ċertifikat tad-Deheb fit-Tmexxija fl-Enerġija u d-Disinn Ambjentali; |
Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19
34. |
Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li l-Awtorità għadha ma adottatx pjan għall-kontinwità tal-operat u li n-nuqqas ta’ pjan stabbilit u komprensiv għall-kontinwità tal-operat jikkostitwixxi dgħufija interna kbira; jinnota mir-risposta tal-Awtorità li, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, soluzzjoni ta’ kontinwità tal-operat tat-telexogħol kienet fis-seħħ kuljum, u li l-Awtorità tirrikonoxxi l-importanza ta’ dokument komprensiv li jiddeskrivi l-pjan għall-kontinwità tal-operat, li huwa ppjanat li jitlesta fl-2023; jistieden lill-Awtorità tirrapporta kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward lill-awtorità ta’ kwittanza; |
35. |
Jinnota b’apprezzament ir-rapport dwar l-“impatt tat-telexogħol matul il-pandemija tal-COVID-19 fuq is-sigurtà soċjali applikabbli” u valutazzjoni interna tal-“impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-oqsma tal-operat tal-Awtorità”; |
Kummenti oħra
36. |
Jinnota li matul l-2021, l-Awtorità kompliet tiżviluppa l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħha, b’għadd dejjem akbar ta’ segwaċi fuq il-midja soċjali, il-ħolqien ta’ siti ġodda fuq iktar pjattaformi tal-midja soċjali u żieda fil-kontenut interattiv u iktar interessanti, bħal vidjos, u kompliet tiżviluppa s-sit web, l-identità viżwali, il-logo u artefatti oħrajn tagħha li se jżidu l-viżibbiltà u r-rikonoxximent tal-Awtorità; jistieden lill-Awtorità żżid l-isforzi tagħha u tirrapporta informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-pubbliku ġenerali b’lingwaġġ ċar u aċċessibbli; iħeġġeġ lill-Awtorità tiżgura aktar trasparenza u obbligu ta’ rendikont pubbliku permezz ta’ użu aħjar tal-mezzi tal-midja u tal-midja soċjali; |
37. |
Jilqa’ l-involviment tal-Awtorità fil-livell ta’ governanza mal-Eurofound, l-EU-OHSA, u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u l-iskambju ta’ abbozzi ta’ programmi ta’ ħidma mal-Eurofound, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u l-EIGE biex tiżgura sinġerija fil-programmi ta’ ħidma rispettivi; |
38. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 114, 31.3.2021, p. 232.
(2) Ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 21).
(3) Testi adottati, P9_TA(2023)0190.