EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1878

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1878 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 286–290 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1878/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/286


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1878 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0112/2023),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 21 621 000, li jirrappreżenta żieda ta’ 22,99 % meta mqabbel mal-2020 minħabba attivitajiet addizzjonali assenjati lill-Aġenzija fil-qafas tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (FKK) mar-Renju Unit; billi l-baġit tal-Aġenzija ġej mill-baġit tal-Unjoni u mid-dħul assenjat;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għad-dikjarazzjoni tal-Qorti li l-kontijiet tal-Aġenzija għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 huma konformi mar-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni u mar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

2.

Jinnota li l-Aġenzija rċeviet EUR 21 miljun f’kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni fl-2021, li jirrappreżenta żieda ta’ 24,3 % meta mqabbel mal-2020; jirrimarka li l-Aġenzija għandha wieħed mill-aktar baġits annwali u ammonti totali ta’ persunal baxxi fost l-aġenziji tal-Unjoni;

3.

Jilqa’ s-sussidju addizzjonali ta’ EUR 4 miljun mill-Kummissjoni fil-qafas tal-FKK mar-Renju Unit permezz ta’ baġit emendat allokat lill-Aġenzija bil-ħsieb li tittratta ż-żieda fl-ammont ta’ xogħol ikkawżat mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u kwalunkwe konsegwenza potenzjali tar-relazzjoni l-ġdida għall-qafas ta’ kontroll tas-sajd;

4.

Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’implimentazzjoni tal-baġit ta’ rata tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena attwali ta’ 99,07 %, li tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 1,80 % meta mqabbla mal-2020; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 74,48 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 6,70 % meta mqabbla mal-2020;

Prestazzjoni

5.

Ifakkar fil-kontribut vitali tal-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd (PKS), u b’mod partikolari tal-kontroll tas-sajd; jisħaq li r-reviżjoni tar-Regolament li jirregola l-kontroll tas-sajd se żżid ix-xogħol tal-Aġenzija f’termini ta’ appoġġ; jenfasizza l-inkoerenza tat-tentattiv li jiġu indirizzati l-obbligi dejjem akbar mingħajr riżorsi suffiċjenti biex dan isir; jisħaq, għalhekk, li l-Aġenzija jeħtieġ ikollha biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani għad-dispożizzjoni tagħha fis-snin li ġejjin;

6.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta r-riżultati mill-attivitajiet tagħha, bħal dwar l-ispezzjonijiet u x-xejriet tal-ksur, dwar l-evoluzzjoni tal-livelli ta’ konformità, dwar it-taħriġ ipprovdut u dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, fost oħrajn; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija implimentat 98,6 % tal-Programm ta’ Ħidma Annwali, minkejja l-isfidi li għadha tikkawża l-pandemija tal-COVID-19;

7.

Jinnota li, fl-2021, l-Aġenzija rrapportat 53 567 spezzjoni (fuq il-baħar u fuq l-art), li wasslu għall-identifikazzjoni ta’ 4 928 każ ta’ ksur suspettat, li jirrappreżentaw żieda ta’ 39 % u 109 % rispettivament meta mqabbla maċ-ċifri tal-2020; jemmen li dawn iċ-ċifri juru li l-ispezzjonijiet u l-attivitajiet ta’ segwitu għadhom għodda kruċjali biex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-PKS; jirrimarka, madankollu, li din iż-żieda taħbi d-disparitajiet bejn iż-żoni, bi tnaqqis fil-Baħar tat-Tramuntana (– 67 %) u fil-Baħar l-Iswed (– 1 %) u żieda fl-Ilmijiet tal-Punent (+ 24 %), fil-Baħar Mediterran (+ 82 %), fil-Baħar Baltiku (+ 14 %), u fin-NAFO-NEAFC (+ 163 %); jieħu nota tal-fatt li t-tnaqqis sinifikanti fil-Baħar tat-Tramuntana huwa prinċipalment xprunat min-nuqqas ta’ spezzjonijiet li preċedentement twettqu mir-Renju Unit, li kkostitwew 70 % tal-ispezzjonijiet fl-2020; jistieden lill-Aġenzija tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar ir-raġunijiet għal dawn il-bidliet; jirrimarka li l-ispezzjonijiet u attivitajiet oħra ta’ segwitu għandhom rwol kruċjali mhux biss fil-ġestjoni tajba tal-istokkijiet tal-ħut iżda anke fl-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għas-sajjieda tal-Unjoni;

8.

Jinnota l-emenda tal-programm ta’ ħidma fir-rigward tar-reġim ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fl-ambitu tal-PKS, il-miżuri li jirriżultaw mill-FKK mar-Renju Unit, u l-antiċipazzjoni ta’ proġetti fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura;

9.

Jenfasizza, fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU), li l-Aġenzija għandha rwol importanti biex tinkoraġġixxi applikazzjoni akbar u armonizzata tas-sistemi ta’ kontroll tal-Unjoni fis-seħħ biex jiġġieldu s-sajd illegali;

10.

Jilqa’ l-kooperazzjoni kontinwa tal-Aġenzija mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) biex jingħata appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-funzjonijiet ta’ gwardja tal-kosta; iqis tali kooperazzjoni bħala eżempju ta’ sinerġija bejn l-aġenziji tal-Unjoni li għandha sservi bħala sors ta’ ispirazzjoni għal aġenziji f’oqsma oħra; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha f’dan ir-rigward u jqis li jkun xieraq ukoll li tiżdied il-kooperazzjoni bejnha u bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent;

11.

Jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija f’li toffri lil pajjiżi terzi tisħiħ tal-kapaċitajiet u taħriġ u r-rwol kruċjali tal-Aġenzija biex tiżgura kundizzjonijiet ekwi mal-istati kostali kollha;

Politika dwar il-persunal

12.

Jinnota b’sodisfazzjon li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 100 % tat-tabella tal-persunal kienet ikkompletata, bil-ħatra ta’ 65 aġent temporanju kif awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni (61 pożizzjoni awtorizzata fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, 11-il aġent kuntrattwali u sitt esperti nazzjonali sekondati ħadmu għall-Aġenzija fl-2021;

13.

Jinnota li l-Aġenzija ngħatat baġit addizzjonali fil-QFP 2021-2027 (żieda ta’ EUR 12-il miljun fl-2022), li jinkludi 16-il pożizzjoni ġdida fit-tabella tal-persunal (erbgħa diġà mogħtija fl-ambitu tal-baġit 2021) u sitt membri tal-persunal esterni (tnejn diġà mogħtija fl-2021); jieħu nota li r-riżorsi addizzjonali se jagħtu lill-Aġenzija l-kapaċità operattiva meħtieġa biex tgħin lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd kif rikjest mill-PKS, inklużi l-miżuri li jirriżultaw mill-FKK mar-Renju Unit;

14.

Jieħu nota tal-politika tal-Aġenzija li tippromwovi t-trattament indaqs tal-persunal u l-objettiv tagħha li tintlaħaq ugwaljanza bejn il-ġeneri, kemm f’termini ta’ numri kif ukoll f’termini ta’ gradi u livelli ta’ responsabbiltà; jiddeplora l-fatt li n-nisa jirrappreżentaw biss 38 % tal-persunal impjegat fil-grad AD 8 jew ogħla, filwaqt li jirrikonoxxi li dan jirrappreżenta żieda meta mqabbel mal-2020; jinnota li jrid isir aktar sabiex tinkiseb parità fil-livell maniġerjali; jistieden lill-Aġenzija tkompli bl-isforzi tagħha fir-rigward tal-politika ta’ parità bejn il-ġeneri bil-għan li jsir progress lejn parità fil-livell maniġerjali wkoll;

15.

Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-offerta ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’;

16.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija għandha fis-seħħ regoli dwar il-ġlieda kontra l-fastidju, inklużi konsulenti kunfidenzjali, u li informazzjoni ddedikata hija disponibbli fuq l-intranet tagħha; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija tipprovdi taħriġ obbligatorju għall-persunal dwar il-ġlieda kontra l-fastidju, l-etika u l-integrità;

Akkwist

17.

Jinnota li l-isforzi ewlenin ta’ akkwist tal-Aġenzija fl-2021 kienu mmirati lejn il-varar ta’ proċedura miftuħa fil-qasam tal-kiri ta’ tliet bastimenti tal-għassa offshore (OPVs); jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija ffirmat kuntratti ta’ akkwist taħt kuntratti qafas dwar servizzi relatati mal-għassa tas-sajd, it-titjib tal-post tax-xogħol, il-korsijiet tal-lingwa, l-ispezzjoni tan-navigazzjoni, u ħadet sehem f’kuntratti qafas interistituzzjonali dwar servizzi esternalizzati u sorveljanza mill-ajru, fost oħrajn; jinnota li fl-2021, l-Aġenzija ssieħbet f’total ta’ disa’ offerti interistituzzjonali differenti mal-Kummissjoni u ma’ aġenziji oħra;

18.

Jisħaq li l-ġlieda kontra s-sajd IUU tirrikjedi appoġġ finanzjarju adegwat; jilqa’ t-tisħiħ tal-OPV mikri tal-Aġenzija biex iwettaq kontrolli u spezzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni u internazzjonali u biex jappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali; jinnota li ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil affettwat il-kapaċità operattiva tal-Aġenzija;

19.

Jinnota b’apprezzament li fl-2021 l-Aġenzija integrat l-Għodda ta’ Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku (PPMT) (bl-għan li tibda tużaha fl-2022), komponent tal-pjattaforma tal-akkwist elettroniku tal-Kummissjoni li huwa integrat ma’ sistemi oħra li tuża l-Aġenzija, bħas-sejħa għall-offerti elettronika u s-sottomissjoni elettronika ta’ offerti;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u trasparenza

20.

Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota li l-Aġenzija tippubblika fuq is-sit web tagħha d-dikjarazzjonijiet ta’ interess u s-CVs tal-membri tal-Bord Amministrattiv tagħha u tal-maniġment superjuri; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija taġġorna regolarment it-tabella bil-laqgħat kollha li jsiru bejn id-Direttur Eżekuttiv u l-persunal tagħha ma’ organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati trasparenza u fiduċja sħaħ fl-attività tal-Aġenzija u li tkun disponibbli fuq is-sit web tagħha; ifakkar li l-Aġenzija għandha taġġorna regolarment il-paġna biex tiżgura trasparenza u fiduċja sħaħ fl-attivitajiet tal-Aġenzija;

21.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli aktar sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interess u l-lobbying illegali; jistieden lill-Aġenzija ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni; jinnota, madankollu, li l-Aġenzija implimentat l-istrateġija tagħha kontra l-frodi, li kienet ibbażata fuq eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju, filwaqt li tqiesu l-linji gwida tal-OLAF;

Kontroll intern

22.

Jinnota li, fl-2021, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni, f’konformità mal-Pjan Strateġiku tal-Awditjar Intern 2021-2023, beda l-awditu dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u d-DĠ MARE dwar attivitajiet relatati mal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (Konformità mad-dispożizzjonijiet internazzjonali); jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

23.

Jinnota li l-Aġenzija wettqet valutazzjoni tas-Sistema ta’ Kontroll Intern tagħha u kkonkludiet li, b’mod ġenerali, hemm fis-seħħ kontrolli xierqa u qed jaħdmu kif maħsub, li r-riskji qed jiġu mmonitorjati u mmitigati kif xieraq, u li fl-2021 ma ġiet irrapportata ebda dgħufija sinifikanti fil-kontroll;

Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika

24.

Jinnota li l-Aġenzija qed tkompli tintroduċi għodod elettroniċi ta’ appoġġ fil-qasam tar-riżorsi umani, tal-akkwist u tal-monitoraġġ tal-baġit, bħal moduli addizzjonali ta’ Sysper, sistema finanzjarja integrali mtejba ġdida prevista għall-2024/2025, għodod integrati tal-akkwist elettroniku u tal-ġestjoni tal-kuntratti, u l-użu tal-Firma Elettronika Kwalifikata (Firma tal-UE), fost oħrajn; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija ssegwi l-Cloud-first bi cloud multiplu ibridu sikur bħala parti mill-istrateġija tagħha għal trasformazzjoni diġitali, filwaqt li qed tkompli ttejjeb ukoll il-post tax-xogħol diġitali;

25.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) u mal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE) u twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-IT tagħha u tiżgura li jsiru awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; jissuġġerixxi li jiġu offruti regolarment programmi ta’ taħriġ aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà għall-membri kollha tal-persunal, inkluż il-maniġment, fl-Aġenzija;

26.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija qed taħdem biex tikseb iċ-ċertifikazzjoni tal-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS), u li l-Aġenzija ħadet azzjonijiet sabiex tnaqqas l-impatt ambjentali tagħha, bħall-inklużjoni ta’ mill-inqas kriterju wieħed fil-proċeduri ta’ akkwist b’enfasi fuq l-imġiba ambjentali effiċjenti tal-offerenti potenzjali, it-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku permezz ta’ tidwil bl-LEDs, u ċ-ċirkolazzjoni elettronika u l-firma diġitali għat-tnaqqis tal-konsum tal-karti u tat-toner;

Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

27.

Jinnota li t-Tim tal-Ġestjoni tal-Kontinwità tal-Operat tal-Aġenzija kkonkluda li l-Aġenzija kienet imħejjija sew biex tkompli l-operazzjonijiet tagħha b’mod affidabbli permezz tat-telexogħol u qatt matul l-2021 ma rrakkomanda lid-Direttur Eżekuttiv li jattiva l-Pjan ta’ Kontinwità tal-Operat tal-Aġenzija; jinnota li ssuġġerixxa, madankollu, li jsiru xi adattamenti tal-Pjanijiet ta’ Azzjonijiet ta’ Rkupru individwali tal-unitajiet u arranġamenti speċifiċi għal soluzzjonijiet ta’ riżerva, li sussegwentement ġew implimentati; iħeġġeġ lill-Aġenzija biex, fil-futur, tqiegħed fil-prattika t-tagħlimiet rigward il-metodi ta’ ħidma remoti u ibridi, sabiex torganizza aħjar il-laqgħat u l-kompiti li jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod remot pjuttost milli wiċċ imb wiċċ;

28.

Jinnota li matul l-2020 u l-2021, u minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-ippjanar operattiv kellu jiġi rivedut minħabba l-għeluq ta’ ċerti portijiet, u kienu meħtieġa jiem ta’ stennija bħala miżura preventiva, kif ukoll estensjoni tal-perjodu ta’ soġġorn fuq il-baħar; jinnota, barra minn hekk, li l-OPVs wettqu attivitajiet matul il-perjodu kollu tal-kriżi biex iwettqu kontroll u spezzjoni tas-sajd u biex jappoġġaw funzjonijiet oħra ta’ gwardja tal-kosta;

29.

Jissottolinja li l-Aġenzija, sabiex timmitiga l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kontroll tas-sajd, l-ispezzjoni u l-infurzar tal-Istati Membri, u kif diġà ġie implimentat fl-2020, għamlet enfasi akbar fuq strumenti disponibbli oħra bħall-monitoraġġ u l-analiżi tad-data, abbażi tal-metodoloġija tal-Aġenzija għall-indikaturi tal-konformità, u użat għodod disponibbli bħal informazzjoni addizzjonali minn titjiriet ta’ sorveljanza f’kooperazzjoni mal-Frontex, l-użu ta’ droni fi ħdan il-kooperazzjoni mal-EMSA, u l-analiżi ta’ immaġnijiet satellitari minn Copernicus;

Kummenti oħra

30.

Jieħu nota tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Aġenzija fir-rigward tal-pubbliku ġenerali, f’kooperazzjoni mad-DĠ MARE; jinnota, b’mod partikolari, il-vidjos dwar il-kunċett ta’ Pjanijiet ta’ Eżerċizzju Konġunt u dwar il-Monitoraġġ Elettroniku mill-Bogħod fil-kontroll tas-sajd tal-UE prodotti fl-2021; jinnota b’apprezzament, barra minn hekk, il-kontribut tal-Aġenzija għall-bini ta’ kultura ta’ konformità tal-PKS permezz tal-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet ikkonċernati mhux governattivi;

31.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 128.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(3)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


Top