Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AP0363

    P9_TA(2023)0363 — L-istabbiliment tal-Faċilità tal-Ukrajna — Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Ottubru 2023 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità tal-Ukrajna (COM(2023)0338 – C9-0210/2023 – 2023/0200(COD)) (Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

    ĠU C, C/2024/2662, 29.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2662/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2662/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje C


    C/2024/2662

    29.4.2024

    P9_TA(2023)0363

    L-istabbiliment tal-Faċilità tal-Ukrajna

    Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Ottubru 2023 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità tal-Ukrajna (COM(2023)0338 – C9-0210/2023 – 2023/0200(COD)) (1)

    (Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

    (C/2024/2662)

    Emenda 1

    EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW (2)

    għall-proposta tal-Kummissjoni


    (1)  Il-każ ġie mgħoddi lura għan-negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli, skont l-Artikolu 59(4), ir-raba' subparagrafu (A9-0286/2023).

    (2)  Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.


    2023/0200(COD)

    Proposta għal

    REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    dwar l-istabbiliment tal-Faċilità tal-Ukrajna

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 u l-Artikolu 322(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)

    Mill-2014, l-Ukrajna qabdet it-triq ambizzjuża ta’ riforma li wasslet għal integrazzjoni progressiva mal-Unjoni Ewropea, kif immaterjalizzat fl-iffirmar fis-27 ta’ Ġunju 2014 ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna, inkluża Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

    (2)

    Mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej immobilizzaw appoġġ bla preċedent għar-reżiljenza ekonomika, soċjali u finanzjarja tal-Ukrajna, filwaqt li kkombinaw l-appoġġ mill-baġit tal-Unjoni, inkluż l-assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali u l-appoġġ mill-Bank Ewropew tal-Investiment u mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, iggarantiti bis-sħiħ jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni, kif ukoll appoġġ finanzjarju ulterjuri mill-Istati Membri.

    (3)

    Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 2022 iddeċieda li jagħti l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Ukrajna, li esprimiet rieda qawwija li torbot ir-rikostruzzjoni mar-riformi fit-triq Ewropea tagħha. L-appoġġ qawwi kontinwu lill-Ukrajna huwa prijorità ewlenija għall-Unjoni u rispons xieraq għall-impenn politiku qawwi tal-Unjoni biex tappoġġa lill-Ukrajna sakemm ikun meħtieġ.

    (4)

    L-għoti mill-Unjoni ta’ assistenza makrofinanzjarja sa EUR 18-il biljun għall-2023 skont ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tqies bħala rispons xieraq għad-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna għall-2023 u għen biex jiġi mobilizzat finanzjament sinifikanti minn donaturi u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra. Dan ikkostitwixxa fattur ewlieni li jikkontribwixxi għar-reżiljenza makroekonomika u finanzjarja tal-Ukrajna fi żmien kritiku.

    (5)

    L-Unjoni qed tipprovdi wkoll appoġġ finanzjarju sinifikanti permezz ta’ pakkett addizzjonali li jikkombina fondi taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali (NDICI) stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill , self mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Apparti dan, qed jiġi pprovdut appoġġ kontinwu mill-awtoritajiet, il-komunitajiet, l-NGOs u l-gruppi tal-voluntiera fl-Istati Membri.

    (6)

    Barra minn hekk, fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 tiegħu, il-Kunsill iddeċieda dwar miżuri ta’ assistenza barra mill-baġit biex jappoġġa lill-forzi armati Ukreni taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi, fl-ammont ta’ EUR 5,6 biljun, u missjoni ta’ assistenza militari b’appoġġ għall-Ukrajna b’EUR 0,1 biljun għall-kostijiet komuni. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha taw ukoll rispons ta’ emerġenza in natura bla preċedent permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili skont id-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendata bir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jikkostitwixxi l-akbar operazzjoni ta’ emerġenza mill-ħolqien ta’ dak il-mekkaniżmu.

    (7)

    Barra minn hekk, il-Korsiji ta’ Solidarjetà UE-Ukrajna stabbiliti f’Mejju 2022 ikkontribwew għall-ġenerazzjoni ta’ valur tal-esportazzjoni stmat ta’ EUR 31 biljun għall-ekonomija Ukrena sal-aħħar ta’ Mejju 2023.

    (8)

    Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat danni lill-Ukrajna li jammontaw għal aktar minn EUR 270 biljun sal-24 ta’ Frar 2023, u l-kostijiet tar-rikostruzzjoni huma stmati għal EUR 384 biljun, kif ukoll telf ta’ aċċess għas-swieq finanzjarji u tnaqqis sinifikanti fid-dħul pubbliku, filwaqt li n-nefqa pubblika biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja u biex tinżamm il-kontinwità tas-servizzi tal-Istat żdiedet b’mod sinifikanti. Tali stimi, kif ukoll l-informazzjoni analitika mis-sorsi xierqa u sussegwenti l-oħra kollha, jipprovdu bażi rilevanti biex jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet ta’ finanzjament rispettivi għas-snin li ġejjin, inklużi kunsiderazzjonijiet reġjonali u settorjali.

    (9)

    Fit-30 ta’ Marzu 2023, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) stima d-diskrepanza fil-finanzjament mill-Istat sal-2027 għal EUR 75,1 biljun u qabel mal-Ukrajna dwar programm ta’ erba’ snin ta’ EUR 14,4-il biljun biex jankra politiki li jsostnu l-istabbiltà fiskali, esterna, tal-prezzijiet u finanzjarja u jappoġġaw l-irkupru ekonomiku, filwaqt li jsaħħu l-governanza u jsaħħu l-istituzzjonijiet biex jippromwovu t-tkabbir fit-tul fil-kuntest tar-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra u t-triq tal-Ukrajna lejn l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea.

    (10)

    Minħabba li sakemm il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna tibqa’ għaddejja, id-dħul mit-taxxa miġbur mill-gvern Ukren, fil-biċċa l-kbira tiegħu, se jibqa’ jiġi allokat għall-isforz tal-gwerra, u li għad hemm distakk residwu fil-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Ukrajna għal mill-inqas sal-2027, għandu jiġi pprovdut appoġġ flessibbli u sinifikanti malajr lill-gvern Ukren biex iżomm il-funzjonijiet tiegħu , jipprovdi s-servizzi pubbliċi, kif ukoll biex jappoġġa l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż ▌.

    (11)

    Minħabba l-ħsara kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja lill-ekonomija, lis-soċjetà u lill-infrastruttura tal-Ukrajna, l-Ukrajna se tkun teħtieġ appoġġ sinifikanti u kapaċità ta’ ġestjoni istituzzjonali biex iżomm il-funzjonijiet tagħha, kif ukoll għajnuna urġenti u assistenza fuq terminu qasir għall-irkupru rapidu, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tal-pajjiż . L-Ukrajna se tirrikjedi appoġġ komprensiv biex ikun hemm “bini mill-ġdid aħjar” permezz ta’ rkupru ċċentrat fuq in-nies li jiffoka fuq żvilupp sostenibbli, itejjeb l-inklużività u l-koeżjoni, inaqqas l-inugwaljanza, u joħloq il-pedamenti għal pajjiż ħieles u prosperu b’ekonomija tas-suq b’saħħitha , ankrat fil-valuri Ewropej, integrat sew fl-ekonomija Ewropea u globali, u biex isir progress tajjeb u malajr fi triqtu lejn l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea.

    (12)

    F’dan il-kuntest, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit strument uniku fuq terminu medju li jiġbor flimkien l-appoġġ bilaterali pprovdut mill-Unjoni lill-Ukrajna, filwaqt li jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-effiċjenza. Għal dak l-għan, jeħtieġ li tiġi stabbilita Faċilità tal-Ukrajna (“il-Faċilità”), li tipprovdi bilanċ bejn il-flessibbiltà u l-programmabbiltà tar-rispons tal-Unjoni biex tindirizza d-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna, il-ħtiġijiet ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tappoġġa l-isforz tar-riformi tal-Ukrajna bħala parti mit-triq tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.

    (13)

    Il-Faċilità tal-Ukrajna jenħtieġ li tkun mirfuda minn pjan koerenti u prijoritizzat għar-rikostruzzjoni (il-“Pjan għall-Ukrajna”), imħejji mill-Gvern tal-Ukrajna wara konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, approvat mill-Verkhovna Rada u mill-Unjoni , li jipprovdi qafas strutturat u prevedibbli għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna bl-appoġġ baġitarju, ta’ riforma u ta’ investiment mill-Unjoni u artikolat b’mod ċar mar-rekwiżiti tal-adeżjoni mal-Unjon

    (14)

    L-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna mill-2024 sal-2027 jenħtieġ li jiġi pprovdut primarjament u prinċipalment taħt il-Faċilità tal-Ukrajna, filwaqt li jiġi żgurat approċċ konsistenti permezz ta’ strument unifikat, billi l-attivitajiet taħt l-istrumenti eżistenti jiġu sostitwiti jew, fejn xieraq, ikkomplementati.

    (15)

    F’dan ir-rigward, l-appoġġ tal-Unjoni taħt il-Faċilità jenħtieġ li jissostitwixxi l-appoġġ bilaterali pprovdut taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI) stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill , dment li dan tal-aħħar se jiġi sostitwit progressivament mill-Faċilità u jkun komplementari mal-finanzjament ipprovdut fl-ambitu tar-regolamenti tal-IPA, f’każ li l-Ukrajna ssir eliġibbli . Madankollu, huwa importanti li jiġi żgurat li l-Ukrajna tkun tista’ tkompli tibbenefika minn appoġġ reġjonali, tematiku u forom oħra ta’ appoġġ taħt l-NDICI, inklużi programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera, u b’mod aktar ġenerali tkompli tavvanza l-kooperazzjoni reġjonali, makroreġjonali u transfruntiera u l-iżvilupp territorjali, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-Unjoni.

    (16)

    L-għajnuna umanitarja, id-difiża jew l-appoġġ lill-Istati Membri li jipprovdu protezzjoni lir-refuġjati Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra jenħtieġ li jiġu pprovduti b’mod uman, adegwat, konsistenti u f’waqtu barra mill-Faċilità u kkoordinati b’mod kostruttiv ma’ donaturi oħra . Barra minn hekk, l-Ukrajna tista’ tkompli tibbenefika mill-programmi eżistenti rilevanti tal-Unjoni.

    (17)

    Il-Faċilità jenħtieġ li tikkontribwixxi biex titnaqqas id-diskrepanza fil-finanzjament tal-Ukrajna sal-2027, billi tipprovdi għotjiet u għajnuna finanzjarja konċessjonali ħafna b’mod prevedibbli, kontinwu, ordnat u f’waqtu. Tali appoġġ jenħtieġ li jiġi pprovdut abbażi ta’ riformi konkreti u investimenti, inklużi l-proġetti ta’ rikostruzzjoni proposti mill-Ukrajna, bi stadji importanti u skedi ta’ żmien. Jenħtieġ li l-assistenza tappoġġa l-istabbiltà makrofinanzjarja fl-Ukrajna, u ttaffi r-restrizzjonijiet tal-finanzjament estern tal-Ukrajna. Fl-interess tal-iżgurar tas-sostenibbiltà tad-dejn tal-Ukrajna, jenħtieġ li tingħata preferenza, sa fejn huwa possibbli, lill-għotjiet. Jenħtieġ li s-self ma jdgħajjifx is-sostenibbiltà fit-tul tad-dejn. Fl-2026, jenħtieġ li ssir rivalutazzjoni tad-dinamika tad-dejn pubbliku Ukren u l-ħtieġa li jitnaqqas bħala perċentwal tal-PDG tal-Ukrajna, qabel l-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss u l-arranġamenti ta’ finanzjament meħtieġa.

    (18)

    Taħt il-Faċilità l-ġdida, l-investiment fl-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni sostenibbli tal-Ukrajna jenħtieġ li jibda b’urġenza biex jiġu pprovduti kundizzjonijiet ta’ għajxien deċenti għall-popolazzjoni Ukrena u tinbena mill-ġdid infrastruttura kritika , biex tiġi żgurata l-ġenerazzjoni tal-impjiegi u d-dħul u progressivament jitnaqqas il-volum tal-assistenza internazzjonali meħtieġa , filwaqt li tiġi żgurata wkoll il-mitigazzjoni ta’ ħsara ambjentali urġenti, sa fejn ikun possibbli f’pajjiż mifni bil-gwerra, u jingħata appoġġ lill-Ukrajna fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali .

    (19)

    Il-Faċilità jenħtieġ li torbot l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni mill-qrib mar-rekwiżiti u l-proċess tal-adeżjoni tal-Unjoni, billi torbot l-appoġġ finanzjarju mat-twettiq tar-riformi u l-investimenti fid-dawl tal-adeżjoni.

    (20)

    Il-perspettiva fuq terminu medju pprovduta mill-Pjan għall-Ukrajna permezz ta’ strument uniku jenħtieġ li tfisser ukoll bini mill-ġdid aħjar, filwaqt li tinkoraġġixxi u twassal lill-Ukrajna biex tidderieġi l-investimenti u r-riformi lejn it-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika, sostenibbli, diġitali u inklużiva, u tgħin biex timmobilizza donaturi tal-istess fehma , inkluż mis-settur privat, għal kontribuzzjonijiet pluriennali biex tappoġġa lill-Ukrajna. Jenħtieġ li l-investimenti jkunu allinjati, sa fejn ikun possibbli, mal-acquis ambjentali u klimatiku tal-Unjoni, u jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali Ukren għall-Klima u l-Enerġija.

    (21)

    L-isforz ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni jenħtieġ li jibni fuq is-sjieda, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mill-qrib tal-Ukrajna ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet ta’ appoġġ, u t-triq tal-Ukrajna lejn l-adeżjoni mal-Unjoni. L-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-esperti Ukreni huma mistennija wkoll li jaqdu rwol importanti f’dan il-proċess billi jipparteċipaw bis-sħiħ fid-disinn u l-iskrutinju tiegħu . Il-kooperazzjoni bejn il-pari u l-programmi inkorporati fi sħubijiet bejn il-bliet u r-reġjuni fl-Unjoni u dawk fl-Ukrajna diġà ffaċilitaw it-twassil tal-għajnuna umanitarja lill-Ukrajna u b’hekk jipprovdu bażi biex jarrikkixxu u jaċċelleraw il-proċess ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni.

    (22)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tiżgura wkoll l-involviment fit-tiswir tal-politika, konsultazzjoni mill-qrib u assoċjazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali , li jħaddnu varjetà kbira ta’ livelli sottonazzjonali u fergħat tal-gvern, inklużi reġjuni, muniċipalitajiet, rayons u hromadas u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, kif ukoll f’konsultazzjoni u parteċipazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-esperti Ukreni. Jenħtieġ li l-Unjoni tiżgura l-parteċipazzjoni sinifikanti tagħhom fl-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, abbażi tal-iżvilupp sostenibbli u permezz tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-livell lokali u reġjonali . Jenħtieġ li l-Unjoni tirrikonoxxi u tappoġġa r-rwoli multipli li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali u atturi tas-soċjetà ċivili bħala promoturi ta’ approċċ territorjali u inklużiv għall-iżvilupp lokali u reġjonali , inklużi l-proċessi ta’ deċentralizzazzjoni, il-parteċipazzjoni u r-responsabbiltà, li jenħtieġ li jiġu żviluppati mal-introduzzjoni ta’ entità legali pubblika għall-muniċipalitajiet, u tkompli ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-bini tal-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll il-provvista tal-għarfien espert meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ proġetti fl-ambitu ta’ din il-Faċilità .

    (23)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tipprovdi appoġġ għat-tranżizzjoni lejn l-adeżjoni għall-benefiċċju tal-Ukrajna, abbażi tal-esperjenza tal-Istati Membri. Tali kooperazzjoni jenħtieġ li tiffoka b’mod partikolari fuq il-kondiviżjoni tal-esperjenza li nkisbet mill-Istati Membri waqt il-proċessi tar-riforma tagħhom stess.

    (24)

    L-appoġġ taħt il-Faċilità jenħtieġ li jibni wkoll fuq u jimmassimizza s-sinerġiji ma’ organizzazzjonijiet ewlenin li jappoġġaw ir-riformi u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank Dinji, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, u l-Fond Monetarju Internazzjonali.

    (25)

    Minħabba l-inċertezzi marbuta mal-gwerra, huwa xieraq li l-Faċilità tkun tista’ tipprovdi appoġġ lill-Ukrajna f’ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati, b’mod partikolari fil-każ ta’ deterjorament sinifikanti tal-gwerra, u sabiex tinżamm l-istabbiltà makrofinanzjarja tagħha u biex tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi tal-Faċilità. Tali finanzjament eċċezzjonali jenħtieġ li jiġi pprovdut biss, permezz ta’ att delegat , jekk jiġi konkluż li huwa impossibbli għall-Ukrajna li tissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta mal-forom ta’ appoġġ skont dan ir-Regolament, meta tkun il-benefiċjarju tal-appoġġ, u jenħtieġ li tieqaf hekk kif it-twettiq tal-kundizzjonijiet jerġa’ jsir possibbli. Jenħtieġ li tali finanzjament ma jaffettwax il-finanzjament minn strumenti speċifiċi oħra tal-Unjoni li jenħtieġ li jiġu mobilizzati f’każ ta’ diżastri naturali jew emerġenzi umanitarji jew tal-protezzjoni ċivili oħra.

    (26)

    Il-qafas ta’ politika tat-tkabbir definit mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill, il-ftehim ta’ assoċjazzjoni, il-ftehim ta’ sħubija u kooperazzjoni, il-ftehimiet multilaterali li għalihom l-Unjoni hija parti u ftehimiet oħra li jistabbilixxu relazzjoni legalment vinkolanti mal-Ukrajna, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jenħtieġ li jikkostitwixxu l-qafas ta’ politika ġenerali għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-koerenza bejn l-assistenza taħt il-Faċilità u l-qafas ta’ politika tat-tkabbir.

    (27)

    L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi li kwalunkwe Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u li huwa impenjat li jippromwovi dawk il-valuri jista’ japplika biex isir membru tal-Unjoni. Dawk il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà li fiha jipprevalu l-inklużività, il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

    (28)

    Stat Ewropew li jkun applika biex jissieħeb fl-Unjoni jista’ jsir membru tal-Unjoni biss meta jiġi kkonfermat li jissodisfa kompletament il-kriterji ta’ adeżjoni stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen f’Ġunju 1993 (il-“kriterji ta’ Copenhagen”) u dment li l-Unjoni jkollha l-kapaċità li tintegra lill-membru l-ġdid. Il-kriterji ta’ Copenhagen huma relatati mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, l-eżistenza ta’ ekonomija tas-suq li tiffunzjona kif ukoll il-kapaċità li jlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni, u l-abbiltà li jassumi mhux biss id-drittijiet iżda wkoll l-obbligi stabbiliti fit-Trattati, inkluż l-ilħuq tal-għanijiet ta’ unjoni politika, ekonomika u monetarja.

    (28a)

    L-Ukrajna indirizzat b’suċċess ir-riforma ta’ żewġ korpi ewlenin ta’ governanza ġudizzjarja, il-Kunsill Għoli tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni ta’ Kwalifikazzjoni Għolja tal-Imħallfin. Rigward ir-Riforma tal-Qorti Kostituzzjonali, l-Unjoni ċċertifikat “progress tajjeb”. Huwa ta’ importanza kbira li l-membri nominati fuq livell internazzjonali jkollhom rwol deċiżiv kif propost mill-gvern u f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Rigward “kontra l-korruzzjoni” u “deoligarkizzazzjoni”, l-Ukrajna għamlet “xi progress”, wara li ħatret kapijiet ġodda tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat Kontra l-Korruzzjoni u l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna kif ukoll ippreżentat pjan ta’ azzjoni biex titnaqqas l-influwenza tal-oligarki.

    (29)

    Huwa fl-interess komuni tal-Unjoni u tal-Ukrajna li javvanzaw l-isforzi tal-Ukrajna biex tirriforma s-sistemi politiċi, legali u ekonomiċi tagħha bil-ħsieb ta’ sħubija fl-Unjoni. L-għoti ta’ status ta’ kandidat tal-UE lill-Ukrajna huwa investiment strateġiku tal-Unjoni fil-paċi, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità fl-Ewropa u jippermetti li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni aħjar biex tindirizza l-isfidi globali. Jipprovdi wkoll aktar opportunitajiet ekonomiċi u kummerċjali għall-benefiċċju reċiproku tal-Unjoni u tal-Ukrajna, filwaqt li jappoġġa trasformazzjoni gradwali tal-pajjiż. Il-prospett ta’ sħubija fl-Unjoni għandu effett trasformattiv qawwi, li jintroduċi bidla pożittiva demokratika, politika, ekonomika u soċjali.

    (30)

    It-tħaddin tal-valuri ewlenin Ewropej u l-impenn lejhom huma għażla u huma essenzjali għall-aspirazzjoni tal-Ukrajna li tissieħeb fl-Unjoni. F’konformità ma’ dan, l-Ukrajna jenħtieġ li tieħu sjieda u timpenja ruħha bis-sħiħ għall-valuri Ewropej kif ukoll li tiddefendi ordni globali bbażat fuq regoli u valuri u ssegwi b’mod vigoruż ir-riformi meħtieġa fl-interess tal-poplu tagħha.

    (31)

    Ir-rikostruzzjoni mill-ħsara kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa ma tistax tkun limitata għall-bini mill-ġdid bl-istess mod ta’ dak li nqered qabel il-gwerra. Ir-rikostruzzjoni toffri opportunità biex l-Ukrajna tiġi appoġġata fil-proċess tat-trawwim tal-integrazzjoni ekonomika mal-Unjoni u l-promozzjoni tal-iżvilupp soċjoekonomiku, assistenza għall-kooperazzjoni transfruntiera, tal-integrazzjoni tagħha fis-Suq Uniku u fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali sostenibbli tagħha, f’konformità mal-politiki tal-Unjoni. Il-Faċilità jenħtieġ , għalhekk, li tippromwovi r-rikostruzzjoni kif ukoll ir-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni tan-natura u tal-ambjent b’mod li timmodernizza u ttejjeb l-ekonomija tal-Ukrajna u tibbenefika s-soċjetà kollha . Jenħtieġ li l-Faċilità tkun konsistenti mal-pjan nazzjonali ta’ rkupru tal-Ukrajna adottat mill-Kunsill Nazzjonali għall-Irkupru f’Ġunju 2022 u tippromwovi l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, bi prijorità mogħtija lill-infrastruttura kritika, il-kapaċità produttiva u l-kapital uman b’mod reżiljenti , filwaqt li jitqiesu r-riskji dejjem akbar taċ-ċibersigurtà u xenarju ta’ theddid kumpless ġenerali. Barra minn hekk, il-Faċilità jenħtieġ li tibni fuq ir-regoli u l-istandards tal-Unjoni, u tinvesti fit-tranżizzjoni tal-Ukrajna lejn ekonomija ekoloġika, sostenibbli, diġitali u inklużiva bl-għan li tittrasforma lill-Ukrajna fi stat soċjali Ewropew modern u b’ekonomija tas-suq. Tali rikostruzzjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li tindirizza kemm jista’ jkun il-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli .

    (32)

    Il-Faċilità jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-aderenza mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni u jenħtieġ li ma tikkontribwixxix għad-degradazzjoni ambjentali jew tikkawża ħsara lill-ambjent jew lill-klima. B’mod partikolari, il-finanzjament allokat fil-kuntest tal-Faċilità jenħtieġ li jkun koerenti mal-għan fit-tul li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt it-2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C. Jenħtieġ li jkun koerenti wkoll mal-objettiv li tiżdied il-kapaċità ta’ adattament għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u titrawwem ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, u bl-appoġġ tal-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-ekonomija ċirkolari u t-tniġġis żero. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-azzjonijiet li joħolqu kobenefiċċji u li jilħqu objettivi multipli, inkluż għall-klima, il-bijodiversità u l-ambjent. Il-Faċilità jenħtieġ li tikkontribwixxi wkoll biex ittaffi u ssewwi ħsara ambjentali enormi kkawżata minn aggressuri Russi, inkluż l-għargħar ikkawżat mill-isplużjoni tad-diga idroelettrika ta’ Kakhovka u l-bumbardament u t-tħaffir tal-minjieri ta’ territorju kbir tal-Ukrajna. Għal dan il-għan, il-miżuri appoġġati mill-Pjan għall-Ukrajna fl-ambitu tal-Faċilità tal-Ukrajna jenħtieġ li, sa fejn ikun possibbli, jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, il-protezzjoni ambjentali, għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha, u jenħtieġ li jkollhom l-għan li jikkostitwixxu ammont li jirrappreżenta mill-inqas 20 % tal-allokazzjoni totali tal-Pjan għall-Ukrajna, abbażi tal-metodoloġija għat-trekkjar klimatiku stabbilita f’anness ta’ dan ir-Regolament.

    (33)

    F’dan il-kuntest, il-miżuri ffinanzjati mill-Faċilità jenħtieġ li , sal-aħjar punt possibbli f’pajjiż mifni bil-gwerra, ikunu kompatibbli mal-istandards klimatiċi u ambjentali tal-UE u mal-prinċipji ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti , skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 u “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura”. Il-Faċilità jenħtieġ li tkun ibbażata fuq allokazzjoni u użu tar-riżorsi bbażati fuq il-ħtiġijiet, effiċjenti u effettivi, u jenħtieġ li tevita konċentrazzjoni settorjali jew ġeografika żejda jew eċċessiva, sabiex il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tar-reġjuni, is-setturi u d-daqsijiet tal-kumpaniji kollha jiġu vvalutati b’mod ġust abbażi tal-mertu bbażat fuq il-ħtiġijiet tagħhom.

    (34)

    L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun iggwidata mill-prinċipji tal-ugwaljanza , l-inklużività u n-nondiskriminazzjoni, kif elaborati fl-istrateġiji tal-Unjoni għall-Ugwaljanza. Jenħtieġ li tiżgura l-parteċipazzjoni sinifikanti tan-nisa fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, tippromwovi u tavvanza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tagħhom, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, u ▌tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tagħhom f’konformità mal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru u l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u l-konvenzjonijiet internazzjonali. Jenħtieġ li l-Faċilità tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa tal-Ukrajna u tappoġġa l-irkupru tas-soċjetà trawmatizzata ħafna tal-Ukrajna permezz ta’ kura tas-saħħa mentali u tat-trawma, proattiva u mmirata bħala ħtieġa ta’ soċjetà b’saħħitha ta’ wara l-gwerra, b’enfasi partikolari fuq it-tfal. L-implimentazzjoni tal-Faċilità jenħtieġ li tkun konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u tiżgura l-involviment rilevanti tal-partijiet ikkonċernati fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll l-aċċessibbiltà fl-investimenti u l-assistenza teknika tagħha. Il-Faċilità jenħtieġ li tappoġġa u tippromwovi wkoll riformi tas-sistema tal-indukrar tat-tfal.

    (35)

    Għad hemm sfidi ewlenin li huma essenzjali biex l-Ukrajna toqrob lejn l-Unjoni u biex tħejji biex tassumi bis-sħiħ l-obbligi tas-sħubija fl-Unjoni. Dawn jinkludu: it-tisħiħ tal-istat tad-dritt, inkluż l-indipendenza tal-ġudikatura; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u b’mod partikolari l-korruzzjoni ta’ livell għoli, l-istrutturi oligarkiċi, kif ukoll kwalunkwe tip ta’ favoritiżmu , il-ħasil tal-flus , l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-kriminalità organizzata ; it-tisħiħ tat-trasparenza , inkluż l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni; governanza tajba fil-livelli kollha permezz tal-garanzija tal-personalità ġuridika tal-muniċipalitajiet, u l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-esperti, kif ukoll billi jiġi żgurat spazju operattiv sikur u abilitanti għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; is-salvagwardja tal-media ħielsa u pluralistika u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni , il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn atturi barranin; it-tisħiħ tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż fl-oqsma tal-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat ▌. Fid-dawl tan-natura aktar fit-tul tar-riformi segwiti f’dawk l-oqsma u l-ħtieġa li jinbnew riżultati tajbin, l-appoġġ taħt il-Faċilità tal-Ukrajna jenħtieġ li jindirizza dawk il-kwistjonijiet malajr kemm jista’ jkun.

    (36)

    F’konformità mal-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva u għall-fini ta’ kontrolli u verifiki , jenħtieġ li l-Unjoni tinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet parlamentari, is-sorveljanza parlamentari, il-proċeduri demokratiċi u r-rappreżentanza ġusta fl-Ukrajna kif ukoll il-parteċipazzjoni sinifikattiva tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet, kif ukoll tas-soċjetà ċivili fl-istadji kollha tal-proċess demokratiku li tippermetti skrutinju demokratiku msaħħaħ . Il-Pjan għall-Ukrajna jenħtieġ li juri kemm il-parteċipazzjoni sinifikattiva tal-partijiet ikkonċernati kienet ippjanata u mmexxija permezz ta’ konsultazzjonijiet, bi skedi ta’ żmien u trasparenza suffiċjenti, u proċeduri ta’ segwitu ċari għall-kontribut mogħti. Jenħtieġ li l-Verkhovna Rada tal-Ukrajna tkun informata u kkonsultata fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-Faċilità.

    (37)

    Il-kooperazzjoni strateġika u operazzjonali msaħħa bejn l-Unjoni u l-Ukrajna dwar is-sigurtà hija kruċjali biex jiġu indirizzati b’mod effettiv u effiċjenti t-theddid għas-sigurtà, il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.

    (38)

    L-azzjonijiet taħt il-Faċilità tal-Ukrajna jenħtieġ li jappoġġaw ukoll, fejn xieraq, miżuri u proċessi għall-bini tal-fiduċja li jippromwovu l-ġustizzja, it-tiftix tal-verità, il-ħlas mill-aggressur għall-ħsarat ikkawżati, ir-riparazzjonijiet u l-garanziji ta’ nonrikorrenza kif ukoll il-ġbir ta’ evidenza ta’ delitti mwettqa matul il-gwerra għall-fini tal-prosekuzzjoni tad-delitti mwettqa mir-Russja u l-alleati tagħha, matul il-gwerra fuq skala sħiħa fl-Ukrajna .

    (39)

    L-appoġġ taħt il-Faċilità jenħtieġ li jkun disponibbli taħt il-prekundizzjoni li l-Ukrajna tkompli tirrispetta d-demokrazija parlamentari, il-mekkaniżmi u l-istituzzjonijiet demokratiċi effettivi, inklużi kontrokontrolli xierqa, sistema parlamentari b’diversi partiti, governanza tajba fil-livelli kollha, elezzjonijiet ħielsa u ġusti skont il-kostituzzjoni tal-Ukrajna, l-istat tad-dritt inkluż prosekutur pubbliku u ġudizzjarju indipendenti, progress kontinwu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Jenħtieġ li l-Ukrajna tkompli wkoll tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi , u taħdem lejn parteċipazzjoni akbar tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet .

    (40)

    L-appoġġ taħt il-Faċilità tal-Ukrajna, inkluż fit-triq tal-Ukrajna lejn l-adeżjoni, jenħtieġ li jiġi pprovdut biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali u speċifiċi, abbażi ta’ kriterji stabbiliti u b’kundizzjonalitajiet ċari.

    (41)

    L-objettivi ġenerali tal-Faċilità tal-Ukrajna jenħtieġ li , inter alia, ikunu li tassisti lill-Ukrajna fl-indirizzar tal-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi , psikoloġiċi u ambjentali tal-gwerra, filwaqt li tikkontribwixxi għar-rikostruzzjoni, inkluż l-irkupru, ir-restawr u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż , fit-trawwim tar-reżiljenza u koeżjoni demokratika soċjali, ekonomika , territorjali u ambjentali , u integrazzjoni progressiva fl-Unjoni u fl-ekonomija u s-swieq globali kif ukoll konverġenza ekonomika, soċjali u ambjentali ‘l fuq lejn l-istandards tal-Unjoni, u fit-tħejjija tal-Ukrajna għal sħubija futura fl-Unjoni billi tappoġġa l-proċess ta’ adeżjoni tagħha. Tali objettivi jenħtieġ li jiġu segwiti b’mod li jirrinforza lil xulxin b’mod reċiproku u b’monitoraġġ regolari taċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi li qed jevolvu fl-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Ukrajna tiggarantixxi aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament fl-ambitu ta’ din il-Faċilità, kif ukoll kompetizzjoni ħielsa u ġusta matul il-proċess ta’ sejħa għall-offerti u allokazzjoni ta’ għotjiet fl-ambitu tal-Faċilità .

    (41a)

    Jenħtieġ li l-Faċilità tiżgura l-istabbiliment u l-koordinazzjoni ta’ oqfsa ta’ implimentazzjoni deċentralizzati u għarfien prattiku għall-allokazzjoni u l-użu tar-riżorsi, b’enfasi partikolari fuq l-appoġġ għall-SMEs u l-atturi tas-soċjetà ċivili.

    (42)

    F’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Faċilità jenħtieġ li tappoġġa s-solidarjetà, l-integrazzjoni u l-ġustizzja soċjali bl-għan li toħloq u ssostni impjiegi ta’ kwalità u tkabbir sostenibbli u inklużiv , tiżgura l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u l-protezzjoni soċjali u l-aċċess għalihom, tipproteġi l-gruppi vulnerabbli, b’mod partikolari n-nisa, iż-żgħażagħ, il-persuni orfni, il-persuni b’diżabilità u veterani tal-gwerra , u ttejjeb l-istandards tal-għajxien. Jenħtieġ li l-Faċilità tappoġġa riformi tas-sistema tal-indukrar tat-tfal. Il-Faċilità jenħtieġ li tikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-faqar u l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar u għall-indirizzar tal-qgħad u twassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, l-inklużjoni u l-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati. Il-Faċilità jenħtieġ li tipprevedi opportunitajiet ta’ investiment fil-ħiliet inkluż permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bl-għan li l-forza tax-xogħol titħejja għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Jenħtieġ li tappoġġa wkoll it-tisħiħ tad-djalogu soċjali, l-infrastruttura u s-servizzi.

    (43)

    Il-Faċilità jenħtieġ li tiżgura l-konsistenza mal-objettivi ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-komplementarjetà magħhom, inkluż ir-rispett għad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali kif ukoll il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-prinċipji fundamentali tal-istat tad-dritt, inkluż dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika u l-governanza tajba.

    (44)

    Minħabba l-inċertezzi marbuta mal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, jenħtieġ li l-Faċilità tkun strument flessibbli li jippermetti lill-Unjoni tindirizza l-ħtiġijiet tal-Ukrajna permezz ta’ sett ta’ għodod diversifikat li jipprovdi finanzjament tal-Istat Ukren, appoġġ għal prijoritajiet ta’ rkupru u rikostruzzjoni fuq terminu qasir, appoġġ għall-investimenti u aċċess għall-finanzi, kif ukoll assistenza teknika u bini tal-kapaċità u attivitajiet rilevanti oħra.

    (45)

    Jenħtieġ li l-appoġġ tal-Unjoni jiġi organizzat madwar tliet pilastri, jiġifieri (i) appoġġ finanzjarju lill-Istat Ukren għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti, kif ukoll biex tinżamm l-istabbiltà makrofinanzjarja tal-pajjiż, kif stabbilit fil-Pjan għall-Ukrajna; (ii) Qafas ta’ Investiment tal-Ukrajna biex jiġu mmobilizzati l-investimenti u jissaħħaħ l-aċċess għall-finanzjament; (iii) assistenza għall-adeżjoni biex jiġu mobilizzati l-għarfien espert tekniku u l-bini tal-kapaċità.

    (46)

    Peress li l-ħtiġijiet ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni huma sostanzjali, u ma jistgħux jiġu koperti mill-baġit tal-Unjoni biss, jenħtieġ li kemm l-investimenti pubbliċi kif ukoll dawk privati jkollhom rwol. Il-Faċilità jenħtieġ li tippermetti l-mobilizzazzjoni f’waqtha ta’ investimenti kemm pubbliċi kif ukoll privati u jenħtieġ li tippermetti l-possibbiltà li jiżdied l-appoġġ għall-investimenti fir-rikostruzzjoni fit-tul meta ċ-ċirkostanzi jippermettu, filwaqt li jitqiesu wkoll l-implimentazzjoni u l-kapaċità ta’ assorbiment tal-Ukrajna. Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat permezz tal-Faċilità jenħtieġ li tikkontribwixxi kompetittività fit-tul u l-kapaċità innovattiva tal-Ukrajna.

    (46a)

    Ir-Russja u l-alleati tagħha jeħtiġilhom iħallsu għad-dannu kkawżat lill-Ukrajna. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ istituzzjonijiet u pajjiżi oħra, jistabbilixxu bażi ġuridika għall-konfiska ta’ assi pubbliċi Russi għall-fini ta’ finanzjament tar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna u kumpens għall-vittmi tal-aggressjoni tar-Russja, li huwa permess skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju jew bħala kontromiżura kollettiva bi tweġiba għall-ksur mir-Russja tar-regola fundamentali li tipprojbixxi gwerer ta’ aggressjoni jew bħala att ta’ awtodifiża kollettiva skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU.

    (46b)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tad-29 u t-30 ta’ Ġunju 2023 fejn appella għal aktar ħidma fuq din il-kwistjoni, huwa xieraq li f’dan ir-Regolament diġà jiġi previst mekkaniżmu ġuridiku għaż-żieda ta’ ammonti bħala dħul assenjat estern, fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, li aktar tard jistgħu jiġu riċevuti jew minn kwalunkwe assi konfiskati tal-Federazzjoni Russa jew minn stati oħra, entitajiet jew individwi direttament f’konnessjoni mal-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni skont il-miżuri restrittivi tal-Unjoni, jew minn kwalunkwe rikavat miksub mill-ġestjoni ta’ dawk l-assi jew inkella minn rati tal-imgħax akkumulati, taħt kwalunkwe att legali rilevanti tal-Unjoni li għandu jiġi adottat fil-futur, f’konformità mar-regoli applikabbli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju. Kwalunkwe dħul bħal dan jenħtieġ li jiżdied mar-riżorsi diġà disponibbli fl-ambitu tal-Faċilità u jintużaw fil-forma ta’ għotjiet.

    (47)

    L-ammont massimu globali għall-appoġġ tal-Unjoni għall-Faċilità jenħtieġ li jkun ta’ EUR 50 biljun fi prezzijiet attwali għall-perjodu mill-2024 sal-2027, għat-tipi kollha ta’ appoġġ. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qed jevolvu u tal-objettivi tal-Faċilità nnifisha, l-appoġġ tal-Unjoni jeħtieġ li jipprovdi bilanċ bejn il-flessibbiltà u l-programmabbiltà. Peress li l-assistenza bilaterali kollha lill-Ukrajna se tiġi pprovduta taħt il-Faċilità tal-Ukrajna, huma meħtieġa fondi addizzjonali fil-forma ta’ dħul assenjat estern minbarra l-pakkett finanzjarju kif definit fl-Artikolu 6 biex jiġu pprovduti għotjiet addizzjonali biex jingħata appoġġ ulterjuri lill-Ukrajna.

    (48)

    Fir-rigward tal-appoġġ tal-Unjoni, għajr fil-forma ta’ self, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi ffinanzjat mir-Riżerva tal-Ukrajna u f’konformità magħha, kif propost fl-emenda għar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093, sa EUR 50 biljun għall-perjodu mill-2024 sal-2027. Tali ammont massimu ma jikkostitwixxix l-ammont ta’ referenza primarja, fis-sens tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

    (49)

    Jenħtieġ li l-mobilizzazzjoni tar-Riżerva tal-Ukrajna jkollha l-għan li tipprovdi mill-inqas ammont indikattiv annwali għall-appoġġ, għajr fil-forma ta’ self, f’konformità mal-Artikolu 10b tal-emenda proposta għar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093.

    (50)

    Fil-qafas tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, adottati abbażi tal-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u 215(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma jistgħu jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi indikati. Għalhekk, tali entitajiet deżinjati, u entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, ma jistgħux jiġu appoġġati mill-Faċilità.

    (51)

    L-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament korrispondenti mir-Riżerva tal-Ukrajna jenħtieġ li jiġu mobilizzati kull sena fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali. Sabiex tippermetti b’mod effettiv is-sorveljanza tal-awtorità baġitarja u l-libertà ta’ azzjoni, ir-Riżerva għall-Ukrajna jenħtieġ li tkun komposta minn tal-inqas tliet linji baġitarji addizzjonali, li jikkorrispondu għal kull wieħed mill-pilastri li fihom hija strutturata l-proposta.

    (52)

    Għall-parti tal-appoġġ tal-Faċilità tal-Ukrajna pprovduta fil-forma ta’ self, huwa xieraq li l-garanzija tal-baġit tal-Unjoni tiġi estiża biex tkopri l-assistenza finanzjarja li ssir disponibbli għall-Ukrajna, awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 220(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. B’konsegwenza ta’ dan, l-emenda għar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tipproponi li jiġu mobilizzati l-approprjazzjonijiet meħtieġa fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna disponibbli sa tmiem l-2027.

    (53)

    Filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju li l-baġit tal-Unjoni jiġi stabbilit kull sena, jenħtieġ li tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġu applikati l-flessibbiltajiet f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għal politiki oħra, jiġifieri għar-riporti u għar-riimpenji tal-fondi, biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-fondi tal-Unjoni, u b’hekk jiġu massimizzati l-fondi tal-Unjoni disponibbli taħt il-Faċilità.

    (54)

    Ir-restrizzjonijiet tal-eliġibbiltà fil-proċeduri tal-għoti taħt il-Faċilità jenħtieġ li jkunu permessi minħabba n-natura speċifika tal-attività jew meta l-attività taffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku.

    (55)

    Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti tal-Faċilità, inkluż il-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-ktajjen tal-valur Ewropej, il-provvisti u l-materjali kollha ffinanzjati u akkwistati taħt din il-Faċilità jenħtieġ li joriġinaw mill-Istati Membri, l-Ukrajna, il-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, il-pajjiżi koperti mill-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/947 u l-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u pajjiżi li għalihom l-aċċess reċiproku għall-assistenza esterna fl-Ukrajna huwa stabbilit mill-Kummissjoni, sakemm il-provvisti u l-materjali ma jkunux jistgħu jinkisbu b’kundizzjonijiet raġonevoli fi kwalunkwe wieħed minn dawk il-pajjiżi.

    (56)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tfittex l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dan jenħtieġ li jinkiseb permezz ta’ koerenza, konsistenza u komplementarjetà mal-istrumenti ta’ finanzjament estern l-oħra tal-Unjoni, kif ukoll permezz ta’ sinerġiji ma’ politiki u programmi oħra tal-Unjoni. Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-interventi kkombinati biex jinkiseb objettiv komuni, jenħtieġ li jiġi previst li l-Faċilità jenħtieġ li tkun tista’ tikkontribwixxi għal azzjonijiet taħt programmi oħra.

    (57)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tippromwovi approċċ multilaterali, ibbażat fuq ir-regoli u bbażat fuq il-valuri għall-oġġetti u l-isfidi globali u jenħtieġ li tikkoopera mal-Istati Membri, mal-pajjiżi sħab, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u ma’ donaturi oħra f’dak ir-rigward.

    (58)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi kkoordinat l-appoġġ internazzjonali għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew sorsi oħra jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Faċilità. Tali kontribuzzjonijiet jenħtieġ li jiġu implimentati f’konformità mal-istess regoli u kundizzjonijiet u jenħtieġ li jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(a)(ii), (d) u (e) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    (59)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni , f’konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, u mal-Istati Membri jiżguraw il-konformità, it-trasparenza, il-koerenza, il-konsistenza u l-komplementarjetà tal-assistenza tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari u skambji frekwenti ta’ informazzjoni matul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu tal-assistenza mal-partijiet ikkonċernati kollha , inkluż f’livell lokali u reġjonali . Fid-dawl tal-preżenza ta’ diversi donaturi internazzjonali, jenħtieġ li jittieħdu wkoll il-passi meħtieġa biex jiġu żgurati koordinazzjoni u komplementarjetà aħjar ma’ donaturi oħra, inkluż permezz ta’ ftehim dwar standards komuni u konsultazzjonijiet regolari. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Pjattaforma ta’ Koordinazzjoni tad-Donaturi b’Diversi Aġenziji tintuża bħala forum diġà stabbilit għal tali skambju. Il-Parlament Ewropew, flimkien mal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna u l-Kungress tal-Istati Uniti, bħala l-parlamenti tat-tliet entitajiet kopresidenti tal-Pjattaforma, jenħtieġ li jingħataw status ta’ osservaturi fil-Kumitat ta’ Tmexxija sabiex jiġu żgurati skrutinju parlamentari sħiħ, sorveljanza demokratika, trasparenza u obbligu ta’ rendikont. Jenħtieġ li l-Pjattaforma tipprevedi wkoll komponent territorjali, li fih l-Alleanza Ewropea tal-Bliet u Reġjuni għar-Rikostruzzjoni tal-Ukrajna jkollha rwol ta’ koordinazzjoni.

    (60)

    Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE jenħtieġ li japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni, u jipprevedu kontrolli dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji.

    (61)

    It-tipi ta’ finanzjament u l-metodi ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jintgħażlu abbażi tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-objettivi tal-Faċilità u li jagħtu r-riżultati, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, il-kostijiet tal-kontrolli, il-piżijiet amministrattivi, u r-riskju mistenni ta’ nuqqas ta’ konformità. Dan jenħtieġ li jinkludi kunsiderazzjoni tal-użu ta’ somom f’daqqa, rati fissi u kostijiet unitarji, kif ukoll finanzjament mhux marbut ma’ kostijiet kif imsemmi fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    (62)

    Jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim Qafas mal-Ukrajna biex jiġu stabbiliti l-prinċipji tal-kooperazzjoni finanzjarja bejn l-Unjoni u l-Ukrajna, inklużi l-mekkaniżmi meħtieġa għall-kontroll u l-awditjar tal-infiq. Il-ftehimiet ta’ finanzjament u self jenħtieġ li jiġu konklużi wkoll mal-Ukrajna, fejn xieraq skont kull pilastru, biex jiġu definiti l-kundizzjonijiet għar-rilaxx tal-fondi.

    (62a)

    Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni jenħtieġ li jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, inkluż, fejn applikabbli, billi juru l-emblema tal-Unjoni u dikjarazzjoni ta’ finanzjament xierqa li taqra “finanzjat mill-Unjoni Ewropea”.

    (63)

    B’deroga mill-ewwel, it-tieni u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 209(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, huwa xieraq li l-ħlasijiet lura u d-dħul iġġenerat minn strument finanzjarju jenħtieġ li jikkostitwixxu dħul assenjat intern lill-Faċilità jew il-programm suċċessur tagħha.

    (64)

    B’deroga mill-Artikolu 213(4)(a) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, huwa xieraq li s-surplus mid-dispożizzjonijiet għall-Garanzija tal-Ukrajna jenħtieġ li jikkostitwixxi dħul assenjat intern għall-Faċilità jew għall-programm suċċessur tagħha.

    (65)

    Taħt il-Pilastru I tal-Faċilità, jenħtieġ li jiġi pprovdut finanzjament biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna li jistabbilixxi l-aġenda ta’ riforma u investiment tal-Ukrajna lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Faċilità, li jenħtieġ li jiġu integrati wkoll f’qafas ta’ politika ekonomika u fiskali. Il-finanzjament taħt dan il-pilastru jenħtieġ li jiġi pprovdut meta jiġu ssodisfati b’mod sodisfaċenti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Pjan.

    (66)

    Jenħtieġ li l-Ukrajna tħejji l-Pjan bħala rispons koerenti, komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għall-bini mill-ġdid u l-immodernizzar tal-Ukrajna, filwaqt li tappoġġa l-irkupru ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha , l-iżvilupp sostenibbli u l-progress tagħha lejn l-adeżjoni mal-Unjoni skont l-objettivi u r-rekwiżiti tal-Faċilità . Bħala tali, il-Pjan għall-Ukrajna jipprovdi wkoll bażi għal donaturi oħra biex jidentifikaw l-oqsma ta’ finanzjament ta’ prijorità għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna u jrawmu s-sjieda, il-koerenza u kontribuzzjonijiet addizzjonali għal dak l-għan. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Ukrajna tiżgura li l-Pjan kif imħejji jkopri l-ħtiġijiet ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tagħha b’mod integrat, filwaqt li tidentifika sa liema punt il-miżuri tal-Pjan huma mistennija li jiġu ffinanzjati mill-Unjoni permezz tal-Faċilità. Fit-tħejjija tal-Pjan, jenħtieġ li l-Ukrajna tqis l-appoġġ ipprovdut taħt programmi oħra tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Ukrajna tiżviluppa l-Pjan tagħha li jiżgura li donaturi oħra jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-miżuri tal-Pjan, inkluż billi jiżdied il-finanzjament disponibbli taħt il-Faċilità.

    (67)

    Filwaqt li l-Pjan għall-Ukrajna jenħtieġ li jikkostitwixxi l-bażi għall-appoġġ ipprovdut taħt l-ewwel pilastru tal-Faċilità, jenħtieġ li jipprovdi wkoll referenza għall-appoġġ li għandu jiġi pprovdut taħt it-tieni u t-tielet pilastri tal-Faċilità. Jenħtieġ li l-miżuri ffinanzjati taħt it-tieni u t-tielet pilastru jappoġġaw l-objettivi u l-implimentazzjoni tal-Pjan.

    (68)

    Jenħtieġ li l-Pjan għall-Ukrajna jinkludi miżuri ta’ riforma u ta’ investiment, flimkien mal-passi kwalitattivi u kwantitattivi li jiġġustifikaw it-twettiq sodisfaċenti ta’ dawk il-miżuri, u skeda ta’ żmien indikattiva għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri. Il-miżuri li bdew mill-1 ta’ Jannar 2023 ’il quddiem jenħtieġ li jkunu eliġibbli.

    (69)

    Jenħtieġ li l-Pjan jistabbilixxi kundizzjonijiet li jirriflettu l-progress li mistenni jsir fl-implimentazzjoni tal-miżuri li fih. Dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jieħdu l-forma ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi. Jenħtieġ li dawn il-passi jiġu ppjanati għal mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027, għalkemm it-tlestija ġenerali tal-miżuri li għalihom jirreferu dawn il-passi tista’ testendi lil hinn mill-2027. Minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata l-istabbiltà makrofinanzjarja tal-Ukrajna filwaqt li jiġu appoġġati l-isforzi tagħha ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni fid-dawl tal-adeżjoni mal-Unjoni, jenħtieġ li l-Pjan, b’mod partikolari, jinkludi kundizzjonijiet marbuta ma’ (i) rekwiżiti essenzjali, bħall-istabbiltà makrofinanzjarja, is-sorveljanza baġitarja, u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, li jistgħu jiġu definiti sabiex jirriflettu l-progress sodisfaċenti lejn it-twettiq; u (ii) riformi u investimenti settorjali u strutturali stabbiliti fil-Pjan. Il-pagamenti jenħtieġ li jkunu strutturati kif xieraq madwar tali kategoriji ta’ kundizzjonijiet, li jirriflettu l-objettivi tal-Faċilità.

    (70)

    It-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Pjan mill-Ukrajna jenħtieġ li jqisu b’mod partikolari s-sitwazzjoni fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-Ukrajna, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom għall-irkupru u r-rikostruzzjoni, ir-riforma, il-modernizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni, u jenħtieġ li jsiru f’konsultazzjoni sinifikanti u mhux diskriminatorja mal-awtoritajiet reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u esperti , f’konformità mal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli u filwaqt li jitqies approċċ minn isfel għal fuq. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Pjan b’mod partikolari jsaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku, soċjali, ambjentali u territorjali tar-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-Ukrajna, li jenħtieġ li jkun ikkomplementat minn rikonoxximent espliċitu ta’ personalità ġuridika pubblika għall-entitajiet territorjali. Il-Pjan jenħtieġ li jappoġġa r-riforma tad-deċentralizzazzjoni madwar l-Ukrajna u l-konverġenza lejn l-istandards tal-Unjoni; jenħtieġ li jiżgura wkoll l-involviment tal-awtoritajiet sottonazzjonali, b’mod partikolari l-muniċipalitajiet, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sottonazzjonali, fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-appoġġ fil-proċess ta’ rikostruzzjoni fil-livell lokali, u li l-proġetti ta’ rikostruzzjoni magħżula u implimentati minn tali awtoritajiet sottonazzjonali jikkostitwixxu sehem sostanzjali adegwat tal-appoġġ. Jenħtieġ li kapitolu tal-Pjan jiddeskrivi kif il-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu ġew ikkonsultati mingħajr preġudizzju u fi żmien biżżejjed, fejn l-inputs tagħhom ikunu ġew riflessi fil-Pjan u fejn ikunu ġew injorati, u jenħtieġ li anness jagħti dettalji dwar l-inputs tagħhom.

    (71)

    Jenħtieġ li l-Pjan jinkludi wkoll spjegazzjoni dettaljata tas-sistema u l-miżuri ppjanati tal-Ukrajna biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi b’mod effettiv l-irregolaritajiet, il-korruzzjoni u b’mod partikolari l-korruzzjoni fuq livell għoli , il-frodi u l-kunflitti ta’ interess, u biex jinvestiga u jipproċessa b’mod effettiv reati kriminali li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità, u l-arranġamenti li għandhom l-għan li jevitaw finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi oħra tal-Unjoni kif ukoll minn donaturi oħra. Jenħtieġ li l-miżuri skont il-Pjan jiżguraw sistema effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll. Jenħtieġ li tali miżuri jiġu implimentati mill-Ukrajna sa data indikattiva li jenħtieġ li tiġi stabbilita, kif xieraq skont kull miżura, matul il-ħajja tal-Faċilità. Il-konformità ma’ dan il-pjan se tkun strumentali kemm biex jiġu ppreżervati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll biex l-acquis communautaire jiġi integrat fl-ordinament ġuridiku intern tal-Ukrajna, li javviċina lill-Ukrajna mas-sħubija fl-Unjoni.

    (72)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-Pjan għall-Ukrajna abbażi tal-lista ta’ kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament. Fid-dawl tal-importanza tal-effetti finanzjarji tal-appoġġ għall-Pjan għall-Ukrajna, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta att delegat . ▌

    (73)

    Minħabba l-inċertezzi u l-ħtieġa ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, jenħtieġ li jkun possibbli li l-Ukrajna tagħmel talba motivata lill-Kummissjoni biex temenda ▌ l-att delegat , fejn il-Pjan għall-Ukrajna, inklużi l-passi kwalitattivi u kwantitattivi rilevanti, ma jkunx għadu jista’ jinkiseb mill-Ukrajna, la parzjalment u lanqas totalment, minħabba ċirkostanzi oġġettivi relatati mal-gwerra . Il-Kummissjoni tista’, bi qbil mal-Ukrajna, ▌ temenda wkoll l-att delegat , b’mod partikolari biex tqis bidla fl-ammonti disponibbli. Jenħtieġ ukoll li l-Ukrajna tkun tista’ tagħmel talba motivata biex temenda l-Pjan, inkluż billi tipproponi addenda fejn rilevanti, biex tqis il-finanzjament addizzjonali disponibbli minn donaturi oħra jew minn sorsi oħra, bħal ▌ assi Russi ffriżati u immobilizzati.

    (74)

    Jenħtieġ li l-appoġġ finanzjarju għall-Pjan għall-Ukrajna jkun possibbli fil-forma ta’ self. Fil-kuntest tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament urġenti tal-Ukrajna, huwa xieraq li tiġi organizzata l-assistenza finanzjarja taħt l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata prevista fl-Artikolu 220a tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u stabbilita bħala metodu uniku ta’ finanzjament fih, li huwa mistenni li jtejjeb il-likwidità tal-bonds tal-Unjoni u l-attraenza u l-kosteffettività tal-ħruġ tal-Unjoni.

    (75)

    Minħabba s-sitwazzjoni tal-Ukrajna kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja u biex l-Ukrajna tiġi appoġġata fit-triq tal-istabbiltà fit-tul tagħha, huwa xieraq li jingħata self lill-Ukrajna fuq termini konċessjonali ħafna b’durata massima ta’ 35 sena u li ma jinbediex ir-ripagament tal-kapital qabel l-2034. Huwa xieraq ukoll li ssir deroga mill-Artikolu 220(5), il-punt (e), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u li l-Unjoni tingħata l-possibbiltà li tkopri, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027, il-kostijiet tar-rata tal-imgħax (il-kost tal-finanzjament u l-kost tal-ġestjoni tal-likwidità) u li tirrinunzja l-kostijiet amministrattivi (il-kost tas-servizz għall-kostijiet ġenerali amministrattivi) li altrimenti jiġġarrbu mill-Ukrajna. Is-sussidju tal-kostijiet tas-self jenħtieġ li jingħata bħala strument meqjus xieraq biex tiġi żgurata l-effettività tal-appoġġ taħt il-Faċilità skont it-tifsira tal-Artikolu 220(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    (76)

    Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Ukrajna li titlob is-sussidju tar-rata tal-imgħax u r-rinunzja tal-kostijiet amministrattivi kull sena.

    (77)

    Jenħtieġ li l-obbligazzjoni finanzjarja minn self skont dan ir-Regolament ma tkunx appoġġata mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna, b’deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2021/947. It-tip ta’ appoġġ ta’ self taħt il-Faċilità jenħtieġ li jikkostitwixxi assistenza finanzjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 220(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Meta jitqiesu r-riskji finanzjarji u l-kopertura baġitarja, jenħtieġ li ma jiġi kkostitwit l-ebda proviżjonament għall-assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self taħt il-Faċilità, kif propost li jiġi garantit lil hinn mil-limiti massimi, u, b’deroga mill-Artikolu 211(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jenħtieġ li ma tiġi stabbilita l-ebda rata ta’ proviżjonament.

    (78)

    Huwa importanti li jiġu ggarantiti kemm il-flessibbiltà u l-programmabbiltà kif ukoll l-istabbiltà fl-għoti ta’ appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna. Għal dak l-għan, il-pagamenti taħt il-Faċilità jenħtieġ li jsiru skont skeda fissa trimestrali, soġġett għad-disponibbiltà ta’ finanzjament, abbażi ta’ talba għal pagament ippreżentata mill-Ukrajna u wara verifika mill-Kummissjoni tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet rilevanti , inklużi l-istadji importanti u l-miri kollha rilevanti . F’każ li kundizzjoni ma tiġix issodisfata f’konformità mal-iskeda ta’ żmien indikattiva stabbilita fid-deċiżjoni li tapprova l-Pjan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tnaqqas mill-pagament ammont li jikkorrispondi għal dawk il-kundizzjonijiet wara metodoloġija stabbilita minn qabel għal twettiq parzjali . L-iżborż tal-fondi miżmuma korrispondenti jista’ jsir matul il-perjodu ta’ pagament sussegwenti u sa tnax-il xahar wara l-iskadenza oriġinali stabbilita fl-iskeda ta’ żmien indikattiva, dment li l-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati.

    (79)

    Sabiex jiġi żgurat li l-Ukrajna jkollha aċċess għal finanzjament suffiċjenti biex taqdi l-ħtiġijiet ta’ stabbiltà makrofinanzjarja tagħha u tibda l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż, jenħtieġ li l-Ukrajna jkollha aċċess għal sa 7% tal-appoġġ finanzjarju u s-self mhux ripagabbli fil-forma ta’ prefinanzjament, soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament u għar-rispett tal-prekundizzjoni għall-appoġġ lill-Ukrajna taħt il-Faċilità.

    (80)

    B’deroga mill-Artikolu 116(2) u (5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-iskadenza tal-pagament li tibda mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż lill-Ukrajna u li jiġi eskluż il-pagament ta’ imgħax ta’ inadempjenza mill-Kummissjoni lill-Ukrajna.

    (81)

    It-trasparenza fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-Faċilità hija prerekwiżit kontinwu għall-appoġġ tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Ukrajna tippubblika data aġġornata dwar persuni , entitajiet u benefiċjarji finali li jirċievu ammonti ta’ finanzjament li jaqbżu l-ekwivalenti ta’ EUR  100 000 għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti speċifikati fil-Pjan għall-Ukrajna. L-iżvelar ta’ sid benefiċjarju tal-entitajiet legali jenħtieġ li jkun prekundizzjoni obbligatorja għar-riċeviment tal-finanzjament. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Ukrajna żżomm u tippubblika lista tal-2 000 l-akbar benefiċjarji finali. Jenħtieġ li l-informazzjoni , jekk debitament iġġustifikata, ma tiġix ippubblikata meta d-divulgazzjoni tirriskja li thedded id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati jew li tagħmel ħsara serja lill-interessi kummerċjali tar-riċevituri. Jenħtieġ li l-Ftehim qafas jinkludi regoli preċiżi u skeda ta’ żmien dwar il-ġbir ta’ data mill-Ukrajna u l-aċċess għall-Kummissjoni u l-OLAF u fejn applikabbli, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) , inkluż fir-rigward tal-format tal-informazzjoni u d-drittijiet tal-aċċess għall-informazzjoni għall-pubbliku Ewropew u Ukren, kif ukoll il-Verkhovna Rada u l-Parlament Ewropew .

    (82)

    Taħt il-Pilastru II tal-Faċilità, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas ta’ investiment, bl-għan li jappoġġa l-investimenti ta’ rkupru u rikostruzzjoni mwettqa minn kumpaniji tas-settur privat, muniċipalitajiet, intrapriżi tal-istat jew atturi oħra. Il-Qafas ta’ Investiment tal-Ukrajna jenħtieġ li jindirizza l-prijoritajiet identifikati fil-Pjan għall-Ukrajna, u jappoġġa l-objettivi u l-implimentazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li l-Qafas ta’ Investiment tal-Ukrajna jinvolvi lill-awtoritajiet Ukreni fil-governanza tiegħu.

    (82a)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi kkoordinat l-appoġġ internazzjonali għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, b’mod partikolari l-BEI u l-BERŻ bħala istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin, kif ukoll, l-Istati Membri, il-banek nazzjonali tal-iżvilupp, il-pajjiżi terzi, jew donaturi oħra jista’ jkollhom rwol ewlieni fil-finanzjament jew bħala sħab inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ miżuri jew proġetti appoġġati mill-Faċilità. L-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali u lokali privati u kkontrollati mill-istat fl-Ukrajna jistgħu jkunu involuti fl-implimentazzjoni tal-istrumenti.

    (83)

    Il-qafas ta’ investiment jenħtieġ li jikkostitwixxi pakkett finanzjarju integrat li jipprovdi kapaċità ta’ finanzjament fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji u operazzjonijiet ta’ taħlit fl-Ukrajna. L-appoġġ taħt il-Qafas ta’ Investiment tal-Ukrajna jenħtieġ li jiġi implimentat b’ġestjoni indiretta, b’mod partikolari bl-użu tal-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej għall-iżvilupp, inkluża l-parteċipazzjoni tagħhom għar-riskju marbut mal-investimenti bir-riżorsi proprji tagħhom. Minħabba l-iskala tal-investimenti ta’ rkupru u rikostruzzjoni fl-Ukrajna li se jeħtieġu kondiviżjoni tar-riskju, huwa meħtieġ li l-Unjoni tistabbilixxi kapaċità ta’ garanzija ddedikata, il-Garanzija tal-Ukrajna. L-operazzjonijiet koperti mill-Garanzija tal-Ukrajna se jiġu implimentati f’konformità mal-Artikolu 208(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. L-aġenziji tal-kreditu għall-esportazzjoni u istituzzjonijiet finanzjarji oħra li jipprovdu appoġġ għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ jistgħu jaġixxu bħala intermedjarji finanzjarji. Fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-Garanzija tal-Ukrajna, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura koordinazzjoni mill-qrib mal-appoġġ implimentat fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2021/947.

    (84)

    Il-flessibbiltà tal-appoġġ permezz tal-Faċilità jenħtieġ li tissaħħaħ billi tiġi prevista implimentazzjoni flessibbli tal-Garanzija tal-Ukrajna, li tista’ tingħata gradwalment. Huwa xieraq li ssir deroga mill-Artikolu 211(2), it-tieni sentenza, tat-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 biex il-kostituzzjoni tal-proviżjonament sal-31 ta’ Diċembru 2027 tkun tista’ tkun ugwali għall-ammont ta’ proviżjonament li jikkorrispondi għall-garanzija mogħtija minflok l-ammont ta’ proviżjonament globali. Bħala parti mid-deroga, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-proviżjonament jiġi kostitwit gradwalment biex jirrifletti l-progress fl-għażla u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment li jappoġġaw l-objettivi tal-Faċilità, minflok ma tiġi riflessa d-dikjarazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 211(2), it-tieni sentenza, tat-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    (85)

    Sabiex il-fondi taħt dan il-pilastru jintużaw b’mod effiċjenti, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tar-rata ta’ proviżjonament għall-garanzija tal-Ukrajna. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (85a)

    Sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment privat u l-iżvilupp ta’ negozji żgħar u ta’ daqs medju, huwa meħtieġ li jiġi ddedikat porzjon tal-fondi appoġġati mill-Garanzija tal-Ukrajna lin-negozji ġodda, lill-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs), kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, u li tiġi rrapportata u segwita l-allokazzjoni ta’ tali porzjon ta’ fondi.

    (86)

    Taħt il-Pilastru III tal-Faċilità, l-appoġġ jenħtieġ li jkollu l-għan ewlieni li jallinja progressivament mar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni (“l-acquis”) bil-ħsieb ta’ sħubija futura fl-Unjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna. F’dan il-proċess jenħtieġ li jitqiesu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti ta’ korpi internazzjonali u alleanzi reġjonali , bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta’ Venezja. L-appoġġ jenħtieġ li jkollu wkoll l-għan li jsaħħaħ il-partijiet ikkonċernati, inklużi l-istituzzjonijiet demokratiċi, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali kif ukoll il-bini tal-kapaċità tal-atturi tas-soċjetà ċivili inkluż fir-rwol tagħhom ta’ skrutinju pubbliku .

    (87)

    F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE) 2017/1939 u d-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill , l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri effettivi , inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni, kunflitt ta’ interess, finanzjament doppju, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett , u miżuri biex jinvestigaw, iressqu u jtellgħu l-qorti b’mod effettiv l-awturi ta’ reati kriminali, u l-kompliċi tagħhom, li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità . Is-servizzi tal-Kummissjoni jenħtieġ li jiġu pprovduti b’kapaċitajiet amministrattivi u b’biżżejjed persunal biex jiżguraw dawn l-objettivi.

    (87a)

    Billi, f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, l-UPPE huwa kompetenti fir-rigward tar-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, anke jekk l-imġiba kriminali prinċipali sseħħ barra mill-Unjoni, soġġett għall-ġuriżdizzjoni ekstraterritorjali ta’ Stat Membru tal-UPPE parteċipanti fuq reat li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huwa essenzjali, f’konformità mal-Artikolu 24(1) ta’ dak ir-Regolament, li l-Kummissjoni, il-Bord tal-Verifika u l-OLAF jirrapportaw lill-UPPE, mingħajr dewmien żejjed, kwalunkwe mġiba kriminali li taffettwa l-fondi mogħtija skont dan ir-Regolament, bil-ħsieb li l-UPPE jivvaluta l-kompetenza tiegħu u, jekk xieraq, jibda investigazzjoni. Barra minn hekk huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti Ukreni jittrattaw, mingħajr dewmien, talbiet ta’ assistenza legali reċiproka u talbiet ta’ estradizzjoni maħruġa mill-UPPE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fir-rigward ta’ dawn il-fondi, f’konformità mal-istrumenti rilevanti li jikkonċernaw il-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet kriminali.

    (88)

    B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jenħtieġ li jkun f’pożizzjoni li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jidentifika u jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li tiġi rrapportata kwalunkwe mġiba kriminali lill-UPPE, f’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939 .

    (89)

    F’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, id-drittijiet u l-aċċess meħtieġa jenħtieġ li jingħataw lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-OLAF, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u, fejn applikabbli, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) fejn rilevanti, inkluż minn partijiet terzi involuti fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Ukrajna tuża wkoll Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni u tirrapporta wkoll irregolaritajiet fir-rigward tal-użu tal-fondi lill-Kummissjoni.

    (90)

    It-tisħiħ tas-sistemi ta’ kontroll intern, inklużi l-kontrolli ex ante, il-ġlieda kontra kwalunkwe forma ta’ korruzzjoni, in-nepotiżmu, il-favoritiżmu jew il-frodi, il-promozzjoni tat-trasparenza, l-amministrazzjoni tajba, u l-ġestjoni effiċjenti tal-finanzi pubbliċi , u l-verifika minn awditur estern indipendenti, huma prijoritajiet importanti ta’ riforma għall-Ukrajna u jżidu l-leġittimità tal-appoġġ għall-Ukrajna u jenħtieġ li jiġu appoġġati mill-Faċilità.

    (91)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti b’mod effettiv taħt il-Faċilità. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jitwaqqaf Bord tal-Verifika indipendenti biex jipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar ġestjoni ħażina possibbli tal-fondi u jiggarantixxi li dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tinkiseb permezz ta’ awditu estern indipendenti . Il-Bord tal-Verifika jenħtieġ li jkun soġġett għall-obbligi ta’ rapportar lill-UPPE, f’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Tali informazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli għall-OLAF , għall-UPPE u fejn xieraq għall-awtoritajiet Ukreni rilevanti , b’mod partikolari l-Kamra tal-Kontabbiltà tal-Verkhovna Rada . Il-Kummissjoni, bl-assistenza tad-delegazzjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li tkun intitolata li twettaq kontrolli regolari dwar kif l-Ukrajna timplimenta l-fondi tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-proġett. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata biżżejjed finanzjament u riżorsi umani biex twettaq l-awditu u l-kontrolli. Jenħtieġ li l-Bord tal-Verifika jiżgura djalogu u kooperazzjoni regolari mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    (92)

    Filwaqt li hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Ukrajna li tiżgura li l-Faċilità tiġi implimentata f’konformità mal-istandards applikabbli, filwaqt li tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità u l-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom se topera l-Faċilità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tirċievi assigurazzjoni suffiċjenti mill-Ukrajna f’dak ir-rigward. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Ukrajna timpenja ruħha fil-Pjan biex ittejjeb is-sistema attwali ta’ ġestjoni u kontroll tagħha u biex tirkupra l-ammonti użati ħażin. Jenħtieġ li l-Ukrajna timpenja ruħha wkoll fil-Pjan biex ittejjeb id-detezzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità. F’dak ir-rigward, l-Ukrajna jenħtieġ li timpenja ruħha li tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti Ukreni jittrattaw, mingħajr dewmien, talbiet ta’ assistenza legali reċiproka u talbiet ta’ estradizzjoni maħruġa mill-UPPE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Ukrajna tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ li tikkontribwixxi għal rapport ta’ progress annwali. Jenħtieġ li l-Ukrajna tiġbor data u informazzjoni li jippermettu l-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess, u li tippermetti li tinvestiga, tressaq u ttella’ l-qorti b’mod effettiv lill-awturi ta’ reati kriminali, u l-kompliċi tagħhom, li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità. Ftehim qafas u l-ftehimiet ta’ finanzjament u self jenħtieġ li jipprevedu l-obbligi tal-Ukrajna li tiżgura l-ġbir ta’ data adegwata u informazzjoni , u l-aċċess għalihom, dwar persuni u entitajiet li jirċievu finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-Pjan għall-Ukrajna. Il-ftehim qafas, il-ftehim ta’ finanzjament u l-ftehim ta’ self jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Verkhovna Rada.

    (93)

    L-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu protetti wkoll meta l-fondi jiġu implimentati b’ġestjoni diretta permezz ta’ għotjiet u akkwist u ġestjoni indiretta ma’ entitajiet ivvalutati mill-pilastru, b’mod partikolari taħt it-tieni u t-tielet pilastru tal-Faċilità.

    (94)

    Jenħtieġ li jiġu adottati programmi ta’ ħidma biex tiġi implimentata l-assistenza taħt il-Faċilità.

    (95)

    Il-kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Ukrajna jenħtieġ li jissaħħu sabiex tiġi żgurata l-eżistenza ta’ media pluralistika b’saħħitha u ħielsa u tippromwovi fehim tal-valuri tal-Unjoni u l-fehim tagħhom u l-benefiċċji u l-obbligi ta’ sħubija potenzjali fl-Unjoni, filwaqt li tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni , il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza barranija . Il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni ▌ jeħtieġ ukoll tiġi żgurata.

    (96)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi ċari ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni sabiex jiġu pprovduti responsabbiltà u trasparenza effettivi fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, u biex tiġi żgurata valutazzjoni effettiva tal-progress lejn il-kisba tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

    (97)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta kull sena l-implimentazzjoni tal-appoġġ taħt il-Faċilità tal-Ukrajna. Jenħtieġ li dan jippermetti li l-Kumitat stabbilit b’dan ir-Regolament ikollu informazzjoni adegwata biex jassisti lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li din l-informazzjoni tkun disponibbli wkoll għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Għall-monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni, jenħtieġ li l-Ukrajna tirrapporta darba fis-sena f’rapport ta’ progress annwali dwar l-implimentazzjoni. Tali rapporti mħejjija mill-gvern jenħtieġ li jiġu riflessi b’mod xieraq fil-Pjan għall-Ukrajna. Jenħtieġ li jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonati fuq ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni implimentati taħt it-tieni u t-tielet pilastru tal-Faċilità.

    (98)

    Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (99)

    Il-Kummissjoni se tqis kif xieraq id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE u r-rwol tas-SEAE fejn xieraq, u b’mod partikolari meta timmonitorja t-twettiq tal-prekundizzjoni għall-appoġġ tal-Unjoni, fil-valutazzjoni tagħha tal-Pjan għall-Ukrajna u filwaqt li tiġbor pariri dwar il-qafas ta’ investiment tal-Ukrajna.

    (100)

    Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (101)

    Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Faċilità tal-Ukrajna (il-“Faċilità”).

    Huwa jistabbilixxi l-objettivi tal-Faċilità, il-finanzjament tagħha, il-baġit għall-perjodu 2024-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni taħtha u r-regoli għall-għoti ta’ tali finanzjament.

    2.   Il-Faċilità għandha tipprovdi assistenza lill-Ukrajna taħt it-tliet pilastri li ġejjin:

    (a)

    Pilastru I: l-appoġġ finanzjarju li għandu jingħata lill-Ukrajna għat-twettiq ta’ riformi u investimenti biex jiġi implimentat il-Pjan għall-Ukrajna kif ukoll biex tinżamm l-istabbiltà makrofinanzjarja tal-pajjiż, kif stabbilit fil-Kapitolu III;

    (b)

    Pilastru II: Qafas ta’ Investiment speċifiku għall-Ukrajna biex jappoġġa l-investimenti u jipprovdi aċċess għall-finanzjament kif stabbilit fil-Kapitolu IV;

    (c)

    Pilastru III: assistenza teknika u appoġġ relatat lill-Ukrajna biex jitfasslu u jiġu implimentati riformi tal-UE relatati mal-adeżjoni u biex titrawwem il-kapaċità amministrattiva tal-Ukrajna, kif ukoll attivitajiet rilevanti oħra, kif stabbilit fil-Kapitolu V.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    “Ftehim qafas” tfisser arranġament konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna li jistabbilixxi l-prinċipji tal-kooperazzjoni finanzjarja bejn l-Ukrajna u l-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

    2.

    “Miżuri” tfisser riformi u investimenti skont il-Pjan għall-Ukrajna stabbilit fil-Kapitolu III.

    3.

    “Kundizzjonijiet” tfisser passi kwalitattivi jew kwantitattivi relatati mal-iżgurar taż-żamma tal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja jew relatati mal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti stabbiliti fil-Pjan għall-Ukrajna stabbilit fil-Kapitolu III.

    4.

    “Operazzjoni ta’ taħlit” tfisser operazzjoni appoġġata mill-baġit tal-Unjoni li tikkombina forom mhux ripagabbli ta’ appoġġ jew forom ta’ appoġġ ripagabbli jew it-tnejn, mill-baġit tal-Unjoni ma’ forom ta’ appoġġ rimborżabbli minn istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħra, jew minn istituzzjonijiet finanzjarji kummerċjali u investituri.

    Artikolu 3

    Objettivi tal-Faċilità tal-Ukrajna

    1.   L-objettivi ġenerali tal-Faċilità għandhom ikunu li jappoġġaw lill-Ukrajna biex:

    (a)

    tindirizza l-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi , psikoloġiċi u ambjentali tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja , u b’hekk jikkontribwixxu għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni , ir-restawr u l-modernizzazzjoni tal-pajjiż u l-irkupru ta’ wara l-gwerra tas-soċjetà Ukrena ;

    (b)

    trawwem ir-reżiljenza demokratika, soċjali, ekonomika u ambjentali u koeżjoni territorjali u l-integrazzjoni progressiva fl-ekonomija u fis-swieq tal-Unjoni u globali u l-konverġenza ekonomika, soċjali u ambjentali ’l fuq lejn l-istandards tal-UE ;

    (ba)

    ittejjeb l-aċċess għall-kapital, inkluż permezz tal-avvanz tal-qafas istituzzjonali bankarju u tal-assigurazzjoni, biex issaħħaħ l-attività intraprenditorjali u r-riċerka u l-iżvilupp avvanzati;

    (c)

    tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-Ukrajna fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi politiċi, istituzzjonali, legali, amministrattivi, soċjali u ekonomiċi meħtieġa biex tallinja progressivament mar-regoli, il-valuri, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni (“l-acquis”) bil-ħsieb ta’ sħubija futura fl-Unjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għall-istabbiltà reċiproka, is-sigurtà, il-paċi, il-prosperità u s-sostenibbiltà.

    2.   L-objettivi speċifiċi tal-Faċilità għandhom jinkludu:

    (a)

    jgħinu fiż-żamma tal-istabbiltà makrofinanzjarja tal-pajjiż u jtaffu r-restrizzjonijiet ta’ finanzjament estern u intern tal-Ukrajna , b’mod partikolari billi tipprovdi appoġġ temporanju għall-pagamenti, inkluż għal spejjeż rikorrenti, bħala parti mill-assistenza makroekonomika biex jiġu żgurati l-istabbiltà fiskali u l-funzjonament kontinwu tal-Istat Ukren ;

    (b)

    bini mill-ġdid u immodernizzar tal-infrastruttura li saritilha ħsara mill-gwerra, bħall-infrastruttura tal-enerġija, is-sistemi tal-ilma, in-networks tat-trasport interni u transfruntiera inklużi l-ferroviji, it-toroq u l-pontijiet u l-punti ta’ qsim tal-fruntieri, l-infrastruttura edukattiva u kulturali, u trawwem infrastrutturi moderni, imtejba u reżiljenti; restawr tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-ikel; għajnuna biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u tas-saħħa u, jittejbu u jissaħħu s-sistemi tal-kura soċjali u l-aċċessibbiltà tagħhom, inkluż fir-rigward tar-riabilitazzjoni psikoloġika u psikosoċjali, b’mod partikolari għal gruppi speċifiċi affettwati mill-gwerra, bħal veterani, Persuni Spostati Internament, ġenituri waħedhom, romol tal-gwerra u romol, orfni, tfal, speċjalment dawk mingħajr kura tal-ġenituri, inklużi tfal f’istituzzjonijiet jew minn istituzzjonijiet, persuni b’diżabilità, persuni b’kundizzjonijiet tas-saħħa fit-tul ikkawżati mill-gwerra, minoranzi, żgħażagħ u anzjani, u persuni oħra f’riskju ;

    (ba)

    tisħiħ taċ-ċibersigurtà u tad-difiża kif ukoll tar-reżiljenza kontra d-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza minn atturi barranin; kontribut għall-isforz tat-tneħħija tal-mini u d-dekontaminazzjoni bħala faċilitaturi tal-ħidma ta’ rkupru u rikostruzzjoni;

    (c)

    trawwim tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli , newtrali għall-klima u inklużiva u ambjent ta’ investiment stabbli; appoġġ għall-integrazzjoni tal-Ukrajna fis-Suq Uniku tal-Unjoni ; it-tiswija, il-bini mill-ġdid u t-titjib tal-infrastruttura soċjali, bħall-akkomodazzjoni, il-faċilitajiet soċjali, tal-isports, taż-żgħażagħ u tal-kura tas-saħħa, b’enfasi speċifika fuq il-kura tat-trawmi, l-iskejjel u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja b’kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tas-sigurtà lokali u l-infrastruttura tar-riċerka; tisħiħ tal-iżvilupp u l-inklużjoni ekonomiċi u soċjali, b’attenzjoni partikolari għan-nisa u l-bniet, kif ukoll iż-żgħażagħ, inkluż permezz ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, taħriġ, taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, programmi ta’ skambju għall-istudenti, ir-riċerkaturi u l-uffiċjali pubbliċi, u politiki dwar l-impjiegi, inkluż għar-riċerkaturi;

    (ca)

    appoġġ għall-kultura u l-wirt kulturali; tisħiħ tas-setturi ekonomiċi strateġiċi; trawwim ta’ qafas istituzzjonali għall-investiment u l-kompetizzjoni biex iċ-ċittadini privati, il-mikronegozji, in-negozji ġodda, u n-negozji żgħar u ta’ daqs medju jkunu jistgħu jiżviluppaw prodotti u servizzi moderni u kompetittivi, filwaqt li tiżdied il-kapaċità tal-Ukrajna li tipproċessa b’mod sostenibbli r-riżorsi naturali tagħha u l-prodotti b’valur miżjud tas-suq; appoġġ għall-agrikoltura sostenibbli u l-iżvilupp rurali, l-akkwakultura u s-sajd; ristrutturar tas-swieq finanzjarji tal-Ukrajna, inkluż is-settur bankarju u s-swieq kapitali, filwaqt li jittejjeb l-aċċess għas-self u l-kopertura tal-assigurazzjoni; żieda fil-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku; tisħiħ tal-kapaċità tal-Ukrajna li tinnegozja; teħid ta’ passi biex l-ekonomija tal-Ukrajna tiġi orjentata mill-ġdid minn mudell iċċentrat fuq ir-riżorsi għal qafas kompetittiv simili għall-mudell tal-Istati Membri, diversifikazzjoni u tranżizzjoni lil hinn minn dipendenza qawwija fuq ir-riżorsi naturali;

    (d)

    tisħiħ ulterjuri tal-istat tad-dritt, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, b’mod partikolari l-Verkhovna Rada, kif ukoll il-korpi rappreżentattivi reġjonali u muniċipali, u s-setgħat tagħhom ta’ sorveljanza u inkjesta fuq id-distribuzzjoni tal-fondi pubbliċi u l-aċċess għalihom; promozzjoni ta’ ġudikatura indipendenti, sigurtà msaħħa u tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni, u l-korruzzjoni ta’ livell għoli, il-kriminalità organizzata , il-favoritiżmu, l-istrutturi oligarkiċi u l-ħasil tal-flus, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi tat-taxxa , u t-traffikar illeċitu tal-armi ; rispett sħiħ tal-prinċipji ta’ ekonomija tas-suq ħieles ikkaratterizzata minn kompetizzjoni ħielsa u mhux distorta li timpedixxi l-prattiki antikompetittivi kollha; tisħiħ tal-konformità mal-liġi internazzjonali; tisħiħ tal-libertà u l-indipendenza tal-media u l-libertà akkademika kif ukoll ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili; trawwim tad-djalogu soċjali u involviment tas-soċjetà ċivili ; promozzjoni tan-nondiskriminazzjoni u t-tolleranza, biex jiżguraw u jsaħħu r-rispett għad-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti mill-minoranzi kollha bħal minoranzi etniċi, reliġjużi, LGBTI, u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri , l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ġenerali tan-nisa u l-bniet, kif ukoll, id-drittijiet tat-tfal u tal-persuni b’diżabilità ; rinfurzar tal-effettività tal-amministrazzjoni pubblika , miżuri biex jiġi żgurat tal-aċċess għall-informazzjoni, u biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-iskrutinju pubbliku, u appoġġ għat-trasparenza, ir-riformi strutturali u l-governanza tajba fil-livelli kollha, inkluż fl-oqsma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika u l-akkwist pubbliku u l-għajnuna mill-Istat; appoġġ għall-inizjattivi u korpi u organizzazzjonijiet involuti fl-appoġġ u l-infurzar tad-demokrazija, tal-ġustizzja internazzjonali u tal-isforzi kontra l-korruzzjoni fl-Ukrajna;

    (da)

    ħolqien ta’ kundizzjonijiet għall-Persuni Ukreni Spostati Internament u l-persuni taħt protezzjoni temporanja biex jiġu lura d-dar u jiġu riintegrati fil-ħajja soċjali u ekonomika tal-pajjiż; ħolqien ta’ kundizzjonijiet għar-riintegrazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, inkluż permezz tal-programmi edukattivi appoġġati mill-Unjoni sabiex timtela fejn meħtieġ il-lakuna edukattiva li tirriżulta miċ-ċirkostanzi tal-gwerra; indirizzar tal-ħtiġijiet tal-veterani żgħażagħ tal-gwerra billi jiġu pprovduti opportunitajiet għall-integrazzjoni soċjali u jiġu indirizzati t-trawmi kkawżati mill-gwerra;

    (e)

    l-iżvilupp u t-tisħiħ tat-tranżizzjoni ekoloġika sostenibbli fis-setturi ekonomiċi kollha, inkluża t-tranżizzjoni tal-Ukrajna lejn in-newtralità klimatika, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi; titjib tas-sensibilizzazzjoni dwar il-kriminalità ambjentali u l-ġlieda kontriha permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Protokoll ta’ Kiev dwar ir-Reġistri dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u l-iżgurar tal-konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tan-natura ; il-promozzjoni tat-trasformazzjoni diġitali bħala faċilitatur għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv; miżuri biex tiġi żgurata r-riabilitazzjoni ekoloġika wara l-ħsarat ambjentali kkawżati mill-operazzjonijiet militari u biex jingħata kontribut għad-dekontaminazzjoni, l-isforz għat-tneħħija tal-mini u t-tneħħija ta’ fdalijiet splussivi oħra tal-gwerra, kif ukoll it-tniġġis taż-żejt jew kimiku kkawżat minn attività militari; kontribut għall-isforzi biex jiġu dokumentati, immappjati u mkejla l-ħsara u l-konsegwenzi relatati;

    (f)

    appoġġ għad-deċentralizzazzjoni politika u amministrattiva u l-iżvilupp lokali , speċjalment billi jiġu żgurati konsultazzjoni sinifikattiva u kundizzjonijiet ekwi għal-livelli kollha tal-gvern meta jaċċessaw il-fondi permezz ta’ proċeduri miftuħa, ġusti, newtrali u trasparenti;

    (fa)

    appoġġ għall-kooperazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri tal-UE li jmissu mal-Ukrajna f’oqsma bħall-kummerċ, il-protezzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali.

    Artikolu 4

    Prinċipji ġenerali

    1.   Il-kooperazzjoni taħt il-Faċilità għandha tkun ibbażata fuq u għandha tippromwovi l-prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp, fejn applikabbli, fil-modalitajiet kollha, jiġifieri s-sjieda tal-prijoritajiet tal-iżvilupp mill-Ukrajna, enfasi fuq ir-riżultati, sħubijiet inklużivi għall-iżvilupp, it-trasparenza u r-responsabbiltà reċiproka. Il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-allokazzjoni u l-użu effettiv u effiċjenti ta’ dawk ir-riżorsi, u bbażata fuq il-ħtiġijiet . Il-Faċilità għandha tevita l-konċentrazzjoni settorjali jew ġeografika eċċessiva tal-allokazzjoni tar-riżorsi u l-użu tar-riżorsi u tiżgura bilanċ ġeografiku xieraq tal-proġetti.

    2.   L-appoġġ mill-Faċilità għandu jkun addizzjonali għall-appoġġ ipprovdut taħt programmi u strumenti oħra tal-Unjoni. L-attivitajiet eliġibbli għall-finanzjament skont dan ir-Regolament jistgħu jirċievu appoġġ minn programmi u strumenti oħra tal-Unjoni dment li tali appoġġ ma jkoprix l-istess kost.

    3.   Sabiex jippromwovu l-komplementarjetà u l-effiċjenza tal-azzjoni u l-inizjattiva tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw u għandhom jagħmlu ħilithom biex jevitaw id-duplikazzjoni bejn l-assistenza taħt dan ir-Regolament u assistenza oħra pprovduta mill-Unjoni, l-Istati Membri, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet u entitajiet multilaterali u reġjonali, bħal organizzazzjonijiet internazzjonali u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali, aġenziji u donaturi mhux tal-Unjoni rilevanti, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operazzjonali fil-qasam tal-assistenza esterna, inkluż permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa mal-Istati Membri fil-livell lokali u permezz tal-armonizzazzjoni tal-politiki u l-proċeduri, b’mod partikolari l-prinċipji internazzjonali dwar l-effettività tal-iżvilupp.

    4.   L-attivitajiet taħt il-Faċilità għandhom jikkonformaw, sa fejn ikun possibbli f’pajjiż mifni bil-gwerra, mal-istandards klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni. Dawk l-attivitajiet għandhom jintegraw il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, il-protezzjoni ambjentali , u l-konservazzjoni , id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u, fejn rilevanti, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u s-sikurezza tal-infrastruttura tal-enerġija , u għandhom jappoġġaw il-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, filwaqt li jippromwovu azzjonijiet integrati li jistgħu joħolqu kobenefiċċji u jilħqu objettivi multipli b’mod koerenti. Huma għandhom jevitaw assi mhux rekuperabbli, ikunu kompatibbli mal-prinċipji ta’ “la tagħmilx ħsara”, sa fejn ikun possibbli , kif ukoll mal-approċċ ta’ integrazzjoni tas-sostenibbiltà li jirfed il-Patt Ekoloġiku Ewropew u għandhom ikunu wkoll iggwidati mill-prinċipju li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” . Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta att delegat li jiżviluppa gwida għal kull wieħed minn dawk il-prinċipji u metodolġija biex tappoġġa lill-Ukrajna fit-tħejjija tal-Pjan għall-Ukrajna.

    5.   Il-Faċilità ma għandhiex tappoġġa attivitajiet jew miżuri li huma inkompatibbli mal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tal-Ukrajna, jekk disponibbli, mal-Kontribut Determinat fil-Livell Nazzjonali tal-Ukrajna skont il-Ftehim ta’ Pariġi, jew li jippromwovu investimenti fil-fjuwils fossili, jew li jikkawżaw effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent jew il-klima jew il-bijodiversità , filwaqt li titqies il-ħtieġa li tinbena mill-ġdid u tiġi mmodernizzata l-infrastruttura u tiġi riabilitata natura li saritilha ħsara mill-gwerra b’mod reżiljenti, u jkunu akkumpanjati, fejn rilevanti, minn miżuri xierqa biex jiġu evitati, prevenuti jew imnaqqsa u, jekk possibbli, jiġu kkumpensati dawn l-effetti.

    6.   F’konformità mal-Prinċipju tas-Sħubija tal-UE u l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE, il-Kummissjoni għandha tiggarantixxi li l-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-Verkhovna Rada, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jiġu kkonsultati kif xieraq u b’mod ġust u jkollhom aċċess f’waqtu għall-informazzjoni rilevanti biex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sinifikattiv fit-tfassil, l-implimentazzjoni tal-attivitajiet eliġibbli għall-finanzjament taħt din il-Faċilità, u fil-proċessi relatati ta’ monitoraġġ , ta’ skrutinju u ta’ evalwazzjoni . Tali involviment għandu jfittex li jirrappreżenta l-pluraliżmu tas-soċjetà u tal-komunità tan-negozju Ukreni u jiżgura l-inklużività ta’ komunitajiet differenti fl-Ukrajna.

    Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċifika lill-parteċipazzjoni tan-nisa fil-konsultazzjonijiet, kif ukoll l-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli, bħal veterani tal-gwerra u persuni b’diżabilità, f’tali konsultazzjonijiet . Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tippromwovi l-involviment tal-Verkhovna Rada, kif ukoll korpi rappreżentattivi reġjonali jew lokali u awtoritajiet pubbliċi, f’konformità mal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli u b’kunsiderazzjoni ta’ approċċ minn isfel għal fuq. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Verkhovna Rada tiġi kkonsultata b’mod sinifikattiv dwar il-Pjan għall-Ukrajna kollu kemm hu qabel il-preżentazzjoni tal-Pjan lill-Kummissjoni u tkun tista’ tissodisfa bis-sħiħ id-dmirijiet suffiċjenti ta’ inkjesta u monitoraġġ sakemm iddum il-Faċilità u wara .

    Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kontinwament il-grad sa fejn l-involviment tal-partijiet ikkonċernati jkun ġust u rappreżentattiv tal-pluraliżmu tal-interessi fis-soċjetà u fil-komunitajiet tan-negozju Ukreni, b’mod partikolari billi tivvaluta jekk il-partijiet ikkonċernati ta’ daqsijiet differenti u b’interessi differenti jew opposti ġewx ikkonsultati kif xieraq. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-koordinazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-soċjetà ċivili fl-Ukrajna tkun tista’ tirrapporta direttament kwalunkwe irregolarità li tista’ tidentifika lill-Kummissjoni permezz ta’ kanali u pjattaformi permanenti xierqa.

    7.   Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Ukrajna, għandha tiżgura l-implimentazzjoni tal-impenji tal-Unjoni għal aktar trasparenza u responsabbiltà fl-għoti tal-assistenza, inkluż billi tippromwovi l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tas-sistemi ta’ kontroll intern u l-politiki kontra l-frodi. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni dwar il-volum u l-allokazzjoni tal-assistenza disponibbli pubblikament permezz ta’ portal web uniku , u għandha tiżgura li d-data tkun aġġornata, aċċessibbli faċilment, disponibbli f’format li jinqara mill-magni u komparabbli. L-ismijiet jew l-identitajiet legali tal-akbar 2 000 benefiċjarju finali u l-benefiċjarji finali kollha li rċevew ammonti kumulattivi ogħla minn EUR 100 000 għandhom jiġu ppubblikati.

    Artikolu 4a

    Relazzjonijiet ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni

    1.     Il-Faċilità għandha tissostitwixxi progressivament, malajr kemm jista’ jkun, l-allokazzjoni bilaterali provduta lill-Ukrajna taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI-GE) u l-appoġġ provdut fil-forma ta’ assistenza makrofinanzjarja.

    2.     L-Ukrajna għandha tibqa’ eliġibbli għall-appoġġ taħt il-programmi reġjonali, transfruntiera, tematiċi, u ta’ rispons għall-kriżijiet tal-NDICI kif ukoll għal strumenti oħra tal-Unjoni. L-appoġġ provdut taħt il-Faċilità ma għandux jipprekludi l-Ukrajna milli ssir eliġibbli għall-finanzjament taħt ir-Regolamenti tal-IPA fil-futur. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-koerenza bejn l-assistenza pprovduta fl-ambitu tal-Faċilità u l-qafas ta’ politika tat-tkabbir.

    3.     L-azzjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1257/96 kif ukoll fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi ma għandhomx ikunu ffinanzjati taħt il-Faċilità.

    4.     Il-Kummissjoni għandha tiżgura komplementaritajiet u sinerġiji bejn il-Faċilità u programmi oħra tal-Unjoni, bil-ħsieb li jiġi evitat il-finanzjament doppju.

    Artikolu 5

    Prekundizzjoni għall-appoġġ tal-Unjoni

    1.   Prekundizzjoni għall-appoġġ lill-Ukrajna permezz tal-Faċilità għandha tkun li l-Ukrajna tkompli żżomm , tiżviluppa u tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inkluż sistema parlamentari fil-livelli kollha tal-gvern, li tissalvagwardja d-drittijiet u l-prerogattivi ta’ oppożizzjoni demokratika, kontrolli u bilanċi xierqa, bħal-libertà tal-media, l-allokazzjoni tal-baġit trasparenti u istituzzjonali, il-mekkaniżmi u l-istituzzjonijiet li jiżguraw il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-pieni tal-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interessi, l-istat tad-dritt, kif ukoll elezzjonijiet ħielsa u ġusti f’konformità mal-kostituzzjoni tal-Ukrajna. Barra minn hekk, l-Ukrajna għandha tkompli tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi , u taħdem lejn parteċipazzjoni akbar tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet .

    2.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja t-twettiq tal-prekundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 qabel ma jsiru l-iżborżi lill-Ukrajna fl-ambitu tal-Faċilità u matul il-perjodu tal-appoġġ ipprovdut mill-Faċilità filwaqt li tqis kif xieraq ir-rapport regolari tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir. Il-Kummissjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-korpi internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta’ Venezja tagħha f’dan il-proċess. Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li tikkonkludi li din il-prekundizzjoni ma ġietx issodisfata, u b’mod partikolari, tissospendi l-pagamenti msemmija fl-Artikolu 25, irrispettivament mill-issodisfar tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2). Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-kuntest fl-Ukrajna, u l-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-liġi marzjali hemmhekk. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi trażmessa simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    KAPITOLU II

    Finanzjament u implimentazzjoni

    Artikolu 6

    Baġit

    1.   Ir-riżorsi għall-implimentazzjoni tal-Faċilità tal-Ukrajna għandhom ikunu disponibbli f’konformità mal-Artikolu 10b tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093, bid-distribuzzjoni indikattiva li ġejja:

    (a)

    75  % fil-forma ta’ appoġġ finanzjarju li ma jitħallasx lura skont il-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament , li minnhom mill-inqas 15 % għall-ħtiġijiet ta’ rkupru, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni tal-awtoritajiet sottonazzjonali tal-Ukrajna bħar-reġjuni, il-bliet u l-komunitajiet lokali ;

    (b)

    16 % għan-nefqa skont il-Kapitolu IV;

    (c)

    8  % għan-nefqa skont il-Kapitolu IV;

    (d)

    sa 1 % għan-nefqa skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

    2.   L-appoġġ finanzjarju skont il-Kapitolu III fil-forma ta’ self għandu jkun disponibbli għal ammont sa EUR 50 000 000 000 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    L-ammont globali ta’ żborżamenti tas-self għandu jqis l-ammonti disponibbli skont il-paragrafu 1 u l-ammont imsemmi fil-paragrafu 3.

    3.   Is-somma tar-riżorsi magħmula disponibbli skont il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex taqbeż il-EUR 50 000 000 000 għall-perjodu mill-2024 sal-2027. L-ammonti għandhom jiġu mobilizzati annwalment mir-Riżerva għall-Ukrajna fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali mill-awtorità baġitarja. In-nomenklatura tar-Riżerva tal-Ukrajna għandha tkun magħmula minn linji baġitarji addizzjonali, li jikkorrispondu għal kull wieħed mill-pilastri li fihom huwa strutturata dan ir-Regolament.

    4.   Jistgħu jiġu pprovduti kontribuzzjonijiet addizzjonali għall-finanzjament tal-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 f’konformità mal-Artikolu 7.

    5.   Ir-riżorsi msemmija fil-paragrafi 1(d) u 4 jistgħu jintużaw għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Faċilità, bħal azzjonijiet preparatorji, attivitajiet ta’ monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni, li jkunu meħtieġa għall-ġestjoni tal-Faċilità u biex jinkisbu l-objettivi tagħha, b’mod partikolari studji, laqgħat ta’ esperti, konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet Ukreni, konferenzi, konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, inklużi awtoritajiet lokali u reġjonali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, inkluż azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni inklużivi, u komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sa fejn dawn ikunu strettament relatati mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, l-ispejjeż marbuta man-netwerks tal-IT li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni, l-għodod korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, u l-ispejjeż l-oħra kollha ta’ assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni u l-kostijiet tal-Faċilità fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni. L-ispejjeż jistgħu jkopru wkoll il-kostijiet ta’ attivitajiet oħra ta’ appoġġ bħall-kontroll tal-kwalità u l-monitoraġġ indipendenti ta’ proġetti fuq il-post u l-ispejjeż tal-konsulenza bejn il-pari u l-esperti għall-valutazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti.

    Artikolu 7

    Riżorsi finanzjarji addizzjonali għall-Faċilità

    1.   L-Istati Membri, il-pajjiżi terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jew sorsi oħra jistgħu jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali lil pilastru wieħed jew aktar msemmija fl-Artikolu 1(2) mingħajr ma jkunu marbuta bid-distribuzzjoni indikattiva msemmija fl-Artikolu 6(1). Tali kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2), il-punti (a)(ii), (d), u (e) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    Ammonti addizzjonali riċevuti bħala dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 skont l-atti legali rilevanti tal-Unjoni fir-rigward ta’ miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna jew skont kwalunkwe att legali ieħor tal-Unjoni dwar ir-responsabbiltà tar-Russja għall-ħsara kkawżata lill-Ukrajna, għandhom jiżdiedu mar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 6. B’mod partikolari, u soġġett għar-rispett tar-regoli applikabbli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, kwalunkwe assi, flimkien mar-rikavati tiegħu, ikkonfiskat mill-Federazzjoni Russa u stati, entitajiet jew individwi oħra direttament f’konnessjoni mal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja jew kwalunkwe rikavat miksub mill-ġestjoni ta’ dawk l-assi tal-Federazzjoni Russa friżati skont il-miżuri restrittivi tal-UE, jistgħu jiġu riċevuti wkoll bħala ammonti addizzjonali bħala dħul assenjat estern fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, taħt kwalunkwe att legali tal-Unjoni rilevanti li għandu jiġi adottat fil-futur, u għandu jintuża fil-forma ta’ għotjiet.

    2.   Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-istess regoli u kundizzjonijiet bħall-ammont imsemmi fl-Artikolu 6(1).

    3.   Il-kontribuzzjonijiet għall-Garanzija tal-Ukrajna u għall-istrumenti finanzjarji fl-ambitu ta-Kapitolu IV għandhom isiru f’konformità mal-Artikolu 28.

    Artikolu 8

    Metodi ta’ implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament mill-Unjoni

    1.   Il-Faċilità għandha tiġi implimentata f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jew b’ġestjoni diretta jew b’ġestjoni indiretta ma’ kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 62, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    2.   Il-finanzjament tal-Unjoni jista’ jiġi pprovdut fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, b’mod partikolari għotjiet, premjijiet, akkwist, appoġġ baġitarju, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, operazzjonijiet ta’ taħlit u assistenza finanzjarja.

    3.   L-istrumenti finanzjarji, il-garanziji baġitarji u l-operazzjonijiet ta’ taħlit li jikkombinaw appoġġ minn strumenti finanzjarji jew garanziji baġitarji fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jiġu implimentati f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fit-Titolu X, u b’mod partikolari l-Artikoli 208 u 209(1), (2) u (4), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Skont il-kapaċità operattiva u finanzjarja meħtieġa, il-kontroparti tal-garanzija baġitarja, jew l-entità fdata li timplimenta l-istrumenti finanzjarji, tista’ tkun il-Bank Ewropew tal-Investiment jew il-Fond Ewropew tal-Investiment, istituzzjoni finanzjarja Ewropea multilaterali, bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, jew istituzzjoni finanzjarja Ewropea bilaterali, bħall-banek tal-iżvilupp. Kull meta jkun possibbli, l-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji u operazzjonijiet ta’ taħlit fl-ambitu tal-Faċilità għandha tiġi kkomplementata minn forom addizzjonali ta’ appoġġ finanzjarju, mill-Istati Membri jew minn partijiet terzi.

    Artikolu 9

    Ftehim qafas

    1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim qafas mal-Ukrajna għall-implimentazzjoni tal-Faċilità li jistabbilixxi arranġamenti speċifiċi għall-ġestjoni, il-kontroll, is-superviżjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rapportar u l-awditjar tal-fondi fl-ambitu tal-Faċilità, kif ukoll għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess. Il-ftehim qafas għandu jiġi kkomplementat minn ftehimiet ta’ finanzjament f’konformità mal-Artikolu 10 u ftehimiet ta’ self f’konformità mal-Artikolu 21, li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-finanzjament fl-ambitu tal-Faċilità. Dak il-ftehim qafas, inkluża kwalunkwe dokumentazzjoni relatata, għandu jiġi trażmess simultanjament u mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandu jsir pubbliku.

    2.   Bl-eċċezzjoni tal-finanzjament tranżitorju msemmi fl-Artikolu 24, il-finanzjament għandu jingħata biss lill-Ukrajna wara li l-ftehim qafas u l-ftehimiet ta’ finanzjament u self applikabbli jkunu daħlu fis-seħħ.

    3.   Il-ftehim qafas, il-ftehimiet ta’ finanzjament u l-ftehim ta’ self konklużi mal-Ukrajna, meħuda globalment, u l-kuntratti u l-ftehimiet iffirmati ma’ persuna jew entitajiet li jirċievu fondi tal-Unjoni, għandhom jiżguraw li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 129 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ikunu jistgħu jiġu ssodisfati.

    4.   Il-ftehim qafas għandu jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar, b’mod partikolari:

    (a)

    l-impenn tal-Ukrajna li tagħmel progress deċiżiv lejn qafas legali robust li jiġġieled kontra l-frodi, u tistabbilixxi sistemi ta’ kontroll aktar effiċjenti u effettivi, inklużi mekkaniżmi u miżuri xierqa li jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu b’mod effettiv l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess, kif ukoll issaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-kriminalità organizzata, l-istrutturi oligarkiċi, il-konċentrazzjoni reġjonali jew settorjali mhux xierqa ta’ allokazzjonijiet jew użu ta’ riżorsi, l-użu ħażin ta’ fondi pubbliċi, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-evitar tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa , l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jew l-evażjoni tat-taxxa, u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità ;

    (b)

    l-attivitajiet relatati mal-kontroll, is-superviżjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, ir-rapportar u l-awditjar tal-finanzjament tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità, kif ukoll l-investigazzjonijiet, il-miżuri kontra l-frodi u l-kooperazzjoni;

    (ba)

    l-istabbiliment ta’ kumitati ta’ monitoraġġ ispirati mill-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubijiet li jsegwu l-aħjar prattiki biex iħejju sejħiet għal proposti, rapporti ta’ progress, u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ proġetti, miżuri u attivitajiet;

    (c)

    rekwiżiti ta’ kontroll għar-rilaxx tal-finanzjament lill-Ukrajna;

    (d)

    ir-regoli dwar taxxi, dazji u imposti f’konformità mal-Artikolu 27(9) u (10) tar-Regolament (UE) 2021/947;

    (e)

    ir-rikonoxximent tar-responsabbiltajiet tal-Bord ta’ Verifika msemmija fl-Artikolu 34, u l-modalitajiet tal-kooperazzjoni tal-Ukrajna miegħu;

    (f)

    l-obbligu għall-persuni jew l-entitajiet li jimplimentaw il-fondi tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità li jinnotifikaw lill-Bord ta’ Verifika, lill-Kummissjoni , lill-OLAF u, fejn applikabbli, lill-UPPE, dwar każijiet suspettati jew reali ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni, u kunflitt ta’ interess u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità u s-segwitu tagħhom.

    (g)

    id-dritt tal-Kummissjoni li timmonitorja l-attivitajiet fl-ambitu tal-Faċilità mwettqa mill-awtoritajiet Ukreni, matul iċ-ċiklu kollu tal-proġett, inklużi fost l-oħrajn il-proċeduri tal-għażla u tal-għoti tal-proġetti inkluż għall-akkwist pubbliku, li tieħu sehem f’dawn bħala osservatur, kif xieraq, u li tagħmel rakkomandazzjonijiet għat-titjib ta’ tali attivitajiet u l-impenn mill-awtoritajiet Ukreni biex jimplimentaw tali rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u jirrapportaw dwar din l-implimentazzjoni;

    (h)

    l-obbligi msemmija fl-Artikolu 33(2), inklużi regoli preċiżi u skeda ta’ żmien dwar il-ġbir ta’ data mill-Ukrajna u l-aċċess għall-Kummissjoni u l-OLAF;

    (i)

    l-obbligu għall-Ukrajna li tittrażmetti b’mod elettroniku , f’forma li tinqara mill-magni u fuq webportal uniku, lill-Kummissjoni d-data msemmija fl-Artikolu 26;

    (j)

    proċedura biex jiġi żgurat li t-talbiet għal żborż għall-appoġġ ta’ self ikunu fl-ammont ta’ self disponibbli, filwaqt li jitqies l-Artikolu 6(2).

    Artikolu 10

    Ftehimiet ta’ finanzjament

    1.   Għandhom jiġu konklużi ftehimiet ta’ finanzjament għall-Kapitoli III u V , u jiġu stabbiliti passi kwalitattivi u kwantitattivi li jistgħu jitkejlu marbuta mal-iżborż ta’ fondi skont dan ir-Regolament . Dawn għandhom jistabbilixxu r-responsabbiltajiet u l-obbligi tal-Ukrajna fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni, inklużi l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 129 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Għandhom jistabbilixxu wkoll il-kundizzjonijiet għall-pagament tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ftehim qafas imsemmi fl-Artikolu 9, inklużi s-sistemi ta’ kontroll intern kif imsemmi fl-Artikolu 9(4), il-punti (a) u (c). Il-ftehimiet ta’ finanzjament għandhom jistabbilixxu wkoll id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni. Huma għandhom jiġu trażmessi simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    2.   Il-ftehimiet ta’ finanzjament għandhom jinkludu regoli dwar ir-rapportar lill-Kummissjoni dwar kif jitwettqu l-attivitajiet, u dwar jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2) ikunux issodisfati.

    Artikolu 11

    Regoli dwar l-eliġibbiltà ta’ persuni u entitajiet, l-oriġini tal-provvista u tal-materjali u r-restrizzjoni fl-ambitu tal-Faċilità

    1.   Il-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ akkwist, ta’ għotjiet u ta’ għoti ta’ premjijiet għal azzjonijiet iffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità għandha tkun miftuħa għal organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u għall-persuni fiżiċi l-oħra kollha li huma ċittadini ta’, u għall-persuni ġuridiċi li huma stabbiliti b’mod effettiv fi:

    (a)

    l-Istati Membri, l-Ukrajna, il-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi koperti mill-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/947 u l-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

    (b)

    pajjiżi li għalihom il-Kummissjoni stabbiliet aċċess reċiproku għall-assistenza esterna fl-Ukrajna.

    2.   L-aċċess reċiproku msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), jista’ jingħata, għal perjodu limitat ta’ mhux inqas minn sena, kull meta pajjiż jagħti eliġibbiltà fuq termini ugwali lil entitajiet mill-Unjoni u minn pajjiżi eliġibbli fl-ambitu tal-Faċilità.

    Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-aċċess reċiproku wara li tikkonsulta lill-Ukrajna.

    3.   Il-provvisti u l-materjali kollha ffinanzjati u akkwistati fl-ambitu ta’ din il-Faċilità għandhom joriġinaw minn kwalunkwe pajjiż imsemmi fil-paragrafu 1(a) u (b), sakemm il-provvisti u l-materjali ma jkunux jistgħu jinkisbu b’kundizzjonijiet raġonevoli fi kwalunkwe wieħed minn dawk il-pajjiżi. Barra minn hekk, japplikaw ir-regoli dwar ir-restrizzjonijiet fil-paragrafu 7.

    4.   Ir-regoli ta’ eliġibbiltà skont dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal persuni fiżiċi impjegati jew ikkuntrattati legalment b’xi mod ieħor minn kuntrattur eliġibbli jew, fejn applikabbli, sottokuntrattur, u ma għandhomx joħolqu restrizzjonijiet ta’ nazzjonalità għalihom, ħlief fejn ir-restrizzjonijiet ta’ nazzjonalità huma bbażati fuq ir-regoli previsti fil-paragrafu 7.

    5.   Għal azzjonijiet kofinanzjati b’mod konġunt minn entità jew implimentati b’ġestjoni diretta jew indiretta ma’ entitajiet kif imsemmi fl-Artikolu 62(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 jew għal azzjonijiet implimentati minn entitajiet Ukreni skont il-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament, ir-regoli ta’ eliġibbiltà ta’ dawk l-entitajiet jew l-Ukrajna għandhom japplikaw ukoll flimkien mar-regoli stabbiliti skont dan l-Artikolu, inkluż, fejn applikabbli, ir-restrizzjonijiet previsti fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu u debitament riflessi fil-ftehimiet ta’ finanzjament u fid-dokumenti kuntrattwali ffirmati ma’ dawk l-entitajiet.

    6.   Fejn jiġu pprovduti kontribuzzjonijiet addizzjonali f’konformità mal-Artikolu 7 permezz ta’ dħul assenjat estern, ir-regoli ta’ eliġibbiltà fil-ftehim mal-persuna li tipprovdi l-kontribuzzjoni addizzjonali għandhom japplikaw bir-regoli dwar ir-restrizzjonijiet previsti fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

    7.   Ir-regoli ta’ eliġibbiltà u l-oriġini tal-provvisti u l-materjali fil-paragrafi 1 u 3 u n-nazzjonalità tal-persuni fiżiċi msemmija fil-paragrafu 4 jistgħu jiġu ristretti fir-rigward tan-nazzjonalità, il-post ġeografiku jew in-natura tal-entitajiet ġuridiċi li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ akkwist kif ukoll fir-rigward tal-oriġini ġeografika tal-provvisti u l-materjali, fil-każijiet li ġejjin:

    (a)

    fejn tali restrizzjonijiet huma meħtieġa minħabba n-natura speċifika u/jew l-objettivi tal-attività jew il-proċedura speċifika tal-għoti u/jew fejn dawn ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-azzjoni;

    (b)

    fejn l-azzjoni jew il-proċeduri speċifiċi ta’ għoti jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-assi u l-interessi strateġiċi tal-Unjoni, tal-Istati Membri tagħha, jew tal-Ukrajna, inkluż il-protezzjoni tal-integrità tal-infrastruttura diġitali, tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni, u tal-ktajjen tal-provvista relatati , speċjalment fejn ikun hemm riskju ta’ influwenza mill-gvernijiet ta’ stati kklassifikati bħala rivali sistemiċi tal-Unjoni .

    8.   Applikanti u kandidati għall-offerti minn pajjiżi mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli f’każ ta’ urġenza jew fejn is-servizzi ma jkunux disponibbli fis-swieq tal-pajjiżi jew it-territorji kkonċernati, jew f’każijiet debitament sostanzjati oħra fejn l-applikazzjoni tar-regoli ta’ eliġibbiltà tirrendi t-twettiq ta’ azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

    Artikolu 12

    Riporti, pagamenti parzjali annwali, approprjazzjonijiet ta’ impenn, bilanċi pożittivi mill-garanzija baġitarja, ripagamenti u dħul iġġenerat mill-istrumenti finanzjarji

    1.   B’deroga mill-Artikolu 12(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament li ma jintużawx fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jiġu riportati b’mod awtomatiku u jistgħu jiġu impenjati u użati, rispettivament, sal-31 ta’ Diċembru tas-sena finanzjarja ta’ wara. L-ammont riportat għandu jkun l-ewwel li jintuża fis-sena finanzjarja ta’ wara.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni dwar l-approprjazzjonijiet ta’ impenn riportati , inklużi l-ammonti involuti, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    3.   B’deroga mill-Artikolu 15 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 dwar li l-approprjazzjonijiet jerġgħu jsiru disponibbli, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jikkorrispondu għall-ammont ta’ diżimpenji magħmula b’riżultat tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni totali jew parzjali ta’ azzjoni fl-ambitu tal-Faċilità, għandhom jerġgħu jsiru disponibbli għall-benefiċċju tal-linja baġitarja tal-oriġini.

    4.   B’deroga mill-ewwel, it-tieni u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 209(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, kwalunkwe dħul u ħlas lura minn strumenti finanzjarji stabbiliti skont dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat intern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, lill-Faċilità jew il-programm suċċessur tagħha.

    5.   B’deroga mill-Artikolu 213(4), il-punt (a), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, kwalunkwe surplus tad-dispożizzjonijiet għall-Garanzija tal-Ukrajna għandu jikkostitwixxi dħul assenjat intern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għall-Faċilità jew għall-programm suċċessur tagħha.

    6.   L-impenji baġitarji għall-azzjonijiet li jkunu ta’ aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f’pagamenti parzjali annwali, f’konformità mal-Artikolu 112(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    L-Artikolu 114(2), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ma għandux japplika għall-azzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    Artikolu 13

    Finanzjament eċċezzjonali

    1.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati, b’mod partikolari fejn deterjorament sinifikanti tal-gwerra jagħmilha impossibbli għall-Ukrajna li tissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta mal-forom ta’ appoġġ skont dan ir-Regolament, il-Faċilità tista’ tipprovdi finanzjament eċċezzjonali lill-Ukrajna sabiex iżżomm l-istabbiltà makrofinanzjarja tagħha u trawwem il-kisba tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 3. Tali finanzjament eċċezzjonali għandu jieqaf hekk kif jerġa’ jsir possibbli li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet.

    2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, fejn il-Kummissjoni ssib li huwa impossibbli li l-Ukrajna tissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta mal-forom ta’ appoġġ skont dan ir-Regolament minħabba tali ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 38 biex tissupplementa dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet li jistabbilixxu finanzjament eċċezzjonali lill-Ukrajna fl-ambitu tal-Faċilità.

    3.   Il-finanzjament eċċezzjonali għandu fi kwalunkwe każ ikun soġġett għall-prekundizzjoni msemmija fl-Artikolu 5 u għandu jkun iffinanzjat mir-riżorsi msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a), u 6(2).

    KAPITOLU III

    Pilastru I: Pjan għall-Ukrajna

    Artikolu 14

    Ir-relazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna mal-Pilastri tal-Faċilità

    1.   Il-Pjan għall-Ukrajna (il-“Pjan”) għandu jipprevedi qafas ġenerali biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3.

    2.   Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jikkostitwixxi l-bażi għall-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tal-Pilastru I tal-Faċilità kif stabbilit fl-Artikolu 1(2)(a) u kif imsemmi f’dan il-Kapitolu. Għandu jservi wkoll bħala referenza biex jiggwida l-appoġġ li għandu jingħata skont il-Pilastri II u III tal-Faċilità msemmija fil-Kapitoli IV u V.

    Artikolu 15

    Prinċipji għall-finanzjament skont il-Pjan għall-Ukrajna

    1.   Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jistabbilixxi l-aġenda ta’ riforma u ta’ investiment tal-Ukrajna, integrata f’qafas ta’ politika ekonomika u fiskali, biex jinkisbu l-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3. Il-Pjan għandu jinkludi miżuri għall-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investiment pubbliku permezz ta’ pakkett komprensiv u koerenti, li jista’ jinkludi wkoll skemi pubbliċi li għandhom l-għan li jinċentivaw l-investimenti privati. Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jidentifika l-ammont ta’ appoġġ finanzjarju li jikkontribwixxi għall-appoġġ għall-istabbiltà makrofinanzjarja kif definit fl-Artikolu 3(2), il-punt (a), kif ukoll l-ammont ta’ appoġġ finanzjarju li jikkontribwixxi għall-appoġġ għar-riformi u l-investimenti kif definit fil-paragrafi l-oħra tal-Artikolu 3.

    2.   Il-Faċilità għandha tipprovdi finanzjament skont dan il-Kapitolu malli jiġu ssodisfati b’mod sodisfaċenti l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Pjan, billi tieħu l-forma ta’ passi kwalitattivi jew kwantitattivi li jistgħu jitkejlu, maqbula fil-ftehimiet ta’ finanzjament . Tali kundizzjonijiet għandhom jirriflettu l-objettivi differenti tal-Faċilità, kif definit fl-Artikolu 3, u l-prinċipji ġenerali, kif stabbiliti fl-Artikolu 4, u għandhom jinkludu kundizzjonijiet relatati mar-rekwiżiti essenzjali, bħaż-żamma tal-istabbiltà ekonomika u finanzjarja, is-sorveljanza tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja pubblika, u l-kundizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti stabbiliti fil-Pjan.

    3.   Il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-ammonti msemmija fl-Artikolu 6(1)(a) u (2) u l-kontribuzzjonijiet rilevanti skont il-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu.

    4.   Il-miżuri li nbdew mill-1 ta’ Jannar 2023 ’il quddiem għandhom ikunu eliġibbli dment li jikkonformaw mar-rekwiżiti mogħtija f’dan ir-Regolament.

    5.   Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jikkontribwixxi għall-prijoritajiet kollha jew għal subsett sinifikanti tal-prijoritajiet identifikati fil-kuntest tal-perkors tal-adeżjoni tal-Ukrajna, kif deskritt fl-Opinjoni tal-Kummissjoni u r-Rapport Analitiku, u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni inkluż Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv u għandu jkun konsistenti ma’ dawk il-prijoritajiet . Għandu jkun ukoll konsistenti mal-Kontribut Determinat fil-Livell Nazzjonali tal-Ukrajna u jikkontribwixxi fih skont il-Ftehim ta’ Pariġi u, jekk disponibbli, il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima.

    ▌-

    Artikolu 16

    Kontenut tal-Pjan għall-Ukrajna

    1.   Sabiex tirċievi appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità, l-Ukrajna għandha tippreżenta Pjan għall-Ukrajna lill-Kummissjoni.

    2.   Il-Pjan għall-Ukrajna għandu b’mod partikolari jistabbilixxi l-elementi li ġejjin, li għandhom ikunu debitament motivati u sostanzjati:

    (a)

    miżuri li jikkostitwixxu rispons ibbażat fuq il-bżonnijiet, koerenti, komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3, inklużi riformi u miżuri strutturali li jippromwovu l-konverġenza mal-Unjoni kif ukoll l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2), sabiex il-Pjan għall-Ukrajna kollu kemm hu jgħolli r-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija Ukrena, inaqqas l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali u jiżgura progress tanġibbli tal-Ukrajna lejn l-istandards soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-Unjoni ;

    (aa)

    spjegazzjoni ta’ kif il-Pjan għall-Ukrajna jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fl-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, jew l-isfidi identifikati f’dokumenti rilevanti oħra adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea;

    (b)

    spjegazzjoni ta’ kif il-Pjan u l-miżuri tiegħu huma konsistenti mal-prinċipji ġenerali , imsemmija fl-Artikolu 4, kif ukoll mar-rekwiżiti , mal-pjanijiet u mal-programmi msemmija fl-Artikolu 15;

    (c)

    ▌skeda ta’ żmien indikattiva, u l-passi kwalitattivi u kwantitattivi previsti li jistgħu jitkejlu u li għandhom jiġu implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2027;

    (ca)

    l-istadji importanti u l-miri li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, kalkolu indikattiv tal-kostijiet ex ante, kif ukoll spjegazzjoni dwar kif dawn il-miżuri jkunu konsistenti mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15, b’mod partikolari l-paragrafu 3 tiegħu;

    (d)

    l-arranġamenti għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-evalwazzjoni effettivi tal-Pjan għall-Ukrajna mill-Ukrajna, inklużi l-passi kwalitattivi u kwantitattivi li jistgħu jitkejlu proposti, u l-indikaturi relatati, kif ukoll l-involviment komprensiv u f’waqtu propost tal-Verkhovna Rada u tal-kumitati ta’ monitoraġġ, imsemmija fl-Artikolu 17a ;

    (e)

    spjegazzjoni ta’ kif il-Pjan jikkorrispondi għall-ħtiġijiet ta’ rkupru, restawr, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-Ukrajna, u b’hekk isaħħaħ l-iżvilupp inklużiv, ekonomiku, soċjali, ambjentali u territorjali tagħhom, jappoġġa r-riforma tad-deċentralizzazzjoni fl-Ukrajna kollha u l-konverġenza lejn l-istandards tal-Unjoni; din l-ispjegazzjoni għandha tqis is-setgħat, il-kompiti u r-responsabbiltajiet assenjati lil-livelli differenti tal-gvern; spjegazzjoni tal-metodoloġija u l-proċessi użati għall-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti, u l-mekkaniżmi biex jiġu involuti l-awtoritajiet sottonazzjonali, b’mod partikolari l-muniċipalitajiet, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-appoġġ fil-proċess ta’ rikostruzzjoni fil-livell lokali u fil-proċess ta’ skrutinju demokratiku, b’mod partikolari aċċess f’waqtu u ugwali għall-informazzjoni u għall-fondi għall-awtoritajiet sottonazzjonali rilevanti ; il-metodoloġija użata biex tiġi traċċata n-nefqa relatata; u spjegazzjoni ta’ kif il-Pjan jiggarantixxi li l-proġetti ta’ rikostruzzjoni magħżula u implimentati minn tali awtoritajiet sottonazzjonali jikkostitwixxu sehem sostanzjali adegwat tal-appoġġ; dik l-ispjegazzjoni għandha tkopri wkoll ġemellaġġi u sħubijiet bejn il-bliet, kif ukoll kooperazzjoni bejn il-pari u programmi integrati fi sħubijiet bejn il-bliet u r-reġjuni fl-Unjoni u l-Ukrajna.

    (f)

    għat-tħejjija u, fejn disponibbli, għall-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, sommarju tal-proċess ta’ konsultazzjoni, imwettaq f’konformità mal-qafas legali nazzjonali, tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-Verkhovna Rada, il-korpi u l-awtoritajiet rappreżentattivi lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u kif il-kontribut ta’ dawk il-partijiet ikkonċernati huwa rifless fil-Pjan għall-Ukrajna;

    (g)

    spjegazzjoni tal-punt sa fejn il-miżuri skont il-Pjan għall-Ukrajna huma mistennija jikkontribwixxu għal:

    l-objettivi klimatiċi, tal-bijodiversità u ambjentali, b’mod partikolari permezz tal-konverġenza lejn l-istandards klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni kif ukoll inizjattivi u riformi leġiżlattivi rilevanti, u kif tiġi żgurata l-kompatibbiltà, sa fejn ikun possibbli, mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”;

    il-promozzjoni tal-istat tad-dritt;

    l-objettivi soċjali, inkluża l-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli, bħall-persuni b’diżabbiltà u dawk akbar fl-età u jiġi żgurat l-aħjar interess tat-tfal;

    l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, inklużi l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet f’konformità mal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru u l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u l-konvenzjonijiet internazzjonali.

    (h)

    spjegazzjoni dettaljata tas-sistema u l-miżuri ppjanati tal-Ukrajna biex tipprevjeni, tidentifika u tirrettifika irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni , korruzzjoni fl-ogħla livelli u kunflitti ta’ interessi, kif ukoll biex tinvestiga u tipproċessa b’mod effettiv reati kriminali li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità, u tal-arranġamenti li għandhom l-għan li jevitaw il-finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi jew donaturi oħra tal-Unjoni, kif ukoll biex tiżgura kooperazzjoni ġudizzjarja rapida mal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha ;

    (ha)

    spjegazzjoni dwar kif l-Ukrajna għandha tiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi tapplika standards komparabbli kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u f’leġiżlazzjonijiet relatati oħra tal-Unjoni;

    (i)

    kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.

    3.   Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jkun ibbażat fuq ir-riżultati u jinkludi indikaturi li jistgħu jitkejlu bħal indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, fejn applikabbli għall-valutazzjoni tal-progress lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3.

    Artikolu 17

    Tħejjija u preżentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna

    1.   Il-Pjan għall-Ukrajna għandu jitħejja mill-Gvern Ukren u jiġi approvat mill-Verkhovna Rada, li għandha tingħata żmien xieraq biex tivvaluta l-abbozz ta’ liġi . L-Ukrajna għandha tagħmel ħilitha biex tippreżenta l-Pjan lill-Kummissjoni sa tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Ukrajna tista’ tippreżenta abbozz ta’ Pjan lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkondividi dak l-abbozz ta’ Pjan mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill .

    2.   Fit-tħejjija tal-Pjan f’konformità mal-Artikolu 16, l-Ukrajna għandha tqis b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Verkhovna Rada u s-sitwazzjoni fiż-żoni reġjonali, lokali u urbani tal-Ukrajna, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom għall-irkupru u r-rikostruzzjoni, ir-riforma, il-modernizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni.

    3.   It-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna għandhom isiru f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra, inklużi l-ministeri kompetenti rilevanti, is-soċjetà ċivili u l-komunità tal-esperti f’konformità mal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli u filwaqt li jitqies approċċ minn isfel għal fuq. F’konformità mal-Prinċipju tas-Sħubija tal-UE u l-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew, l-Ukrajna u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu debitament ikkonsultati u involuti fil-proċess u jkollhom aċċess f’waqtu għal informazzjoni rilevanti biex ikun possibbli li jkollhom rwol sinifikanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna.

    Artikolu 17a

    L-involviment tal-Verkhovna Rada u l-obbligu tal-Kumitati ta’ Monitoraġġ fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna

    1.     Wara l-preżentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, il-Gvern Ukren għandu jipprovdi regolarment sommarji tal-informazzjoni rilevanti kollha rigward l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna lill-Verkhovna Rada u lill-pubbliku, b’mod partikolari fil-kuntest tal-emendi għall-Pjan għall-Ukrajna, kif imsemmi fl-Artikolu 20, b’mod komprensiv u f’waqtu. Il-Gvern Ukren għandu jirrapporta personalment, fuq bażi trimestrali, fil-laqgħat plenarji tal-Verkhovna Rada.

    2.     Il-Gvern Ukren għandu jistabbilixxi Kumitati ta’ Monitoraġġ li jinvolvu firxa varjata ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi, appoġġati minn ftehim qafas speċifiku għall-kooperazzjoni ma’ dawk l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, f’konformità mal-Prinċipju tas-Sħubija tal-UE u l-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew. Il-Kumitati ta’ Monitoraġġ għandhom jiġu aġġornati regolarment dwar l-istat ta’ implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna u l-evalwazzjoni tal-miżuri tiegħu. Għandhom jiġu pprovduti b’informazzjoni komprensiva, f’waqtha u rilevanti għal dan l-għan u jingħataw żmien xieraq biex jipproċessaw tali informazzjoni. L-opinjonijiet tal-Kumitati ta’ Monitoraġġ għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea, li għandha tagħmilhom disponibbli lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew mingħajr dewmien.

    3.     Fuq talba motivata sew mill-Kumitati ta’ Monitoraġġ, il-Gvern Ukren jew, fejn rilevanti, il-Kummissjoni, għandhom jitolbu awditi jew evalwazzjonijiet esterni ta’ miżura waħda jew aktar fil-Pjan għall-Ukrajna, iffinanzjati mill-fondi disponibbli skont l-Artikolu 6(1), il-punt (d).

    Artikolu 18

    Valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Pjan għall-Ukrajna

    1.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rilevanza, il-komprensività u l-adegwatezza tal-Pjan għall-Ukrajna jew, fejn applikabbli, l-emenda għal dak il-Pjan imsemmi fl-Artikolu 20, mingħajr dewmien żejjed, u , fejn xieraq, tista’ tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 19. Meta twettaq din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Ukrajna, u tista’ tagħmel osservazzjonijiet jew tfittex informazzjoni addizzjonali.

    2.   Meta tivvaluta l-Pjan għall-Ukrajna, u fid-determinazzjoni tal-ammont li għandu jiġi allokat lill-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni analitika rilevanti disponibbli dwar l-Ukrajna, il-ġustifikazzjoni u l-elementi pprovduti mill-Ukrajna kif imsemmi fl-Artikolu 16(2), kif ukoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra bħal, b’mod partikolari, l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 15(5).

    3.   Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis il-kriterji li ġejjin:

    (a)

    jekk il-Pjan jirrappreżentax rispons ibbażat fuq il-bżonnijiet, koerenti, komprensiv u bbilanċjat b’mod adegwat għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3, inklużi riformi u miżuri strutturali li jippromwovu l-istat tad-dritt u l-konverġenza mal-Unjoni kif ukoll l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(2) sabiex il-Pjan iwassal għal tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ukrena , inaqqas l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali u jiżgura progress tanġibbli tal-Ukrajna lejn l-istandards soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-Unjoni ;

    (aa)

    jekk il-Pjan għall-Ukrajna jikkontribwixxix biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi kollha jew subsett sinifikanti minnhom identifikati fl-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, jew sfidi identifikati f’dokumenti rilevanti oħra adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea;

    (ab)

    jekk il-Pjan għall-Ukrajna u l-miżuri tiegħu humiex konsistenti mal-prinċipji ġenerali, imsemmija fl-Artikolu 4, kif ukoll mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 15;

    (b)

    jekk il-Pjan għall-Ukrajna jikkorrispondix għall-ħtiġijiet ta’ rkupru, restawr, rikostruzzjoni u modernizzazzjoni fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-Ukrajna, li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u b’hekk isaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali tagħhom, jappoġġa r-riforma tad-deċentralizzazzjoni fl-Ukrajna kollha u l-konverġenza lejn l-istandards tal-Unjoni; jekk humiex xierqa l-metodoloġija u l-proċessi użati għall-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti, u l-mekkaniżmi biex jiġu involuti l-awtoritajiet sottonazzjonali, b’mod partikolari l-muniċipalitajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili , fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-użu tal-appoġġ fil-proċess ta’ rikostruzzjoni fil-livell lokali u fil-proċess ta’ skrutinju demokratiku, b’mod partikolari aċċess f’waqtu u ugwali għall-informazzjoni u għall-fondi għall-awtoritajiet sottonazzjonali rilevanti ; jekk il-metodoloġija użata biex tiġi traċċata n-nefqa relatata għall-proġetti ta’ rikostruzzjoni magħżula u implimentati minn tali awtoritajiet sottonazzjonali hijiex xierqa u jekk tali proġetti jikkostitwux sehem sostanzjali adegwat tal-appoġġ;

    (ba)

    jekk il-miżuri fil-Pjan għall-Ukrajna humiex mistennija jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, għall-protezzjoni ambjentali, għat-tranżizzjoni ekoloġika, inkluża l-bijodiversità, jew għall-indirizzar tal-isfidi li jirriżultaw minnhom, u jekk jikkostitwixxux ammont li jirrappreżenta mill-inqas 20 % tal-allokazzjoni totali tal-Pjan, abbażi tal-metodoloġija għat-trekkjar klimatiku stabbilita f’anness ta’ dan ir-Regolament;

    (bb)

    jekk il-miżuri inklużi fil-Pjan għall-Ukrajna humiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, sa fejn ikun possibbli, u ta’ “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” u li l-ebda miżura inkluża fil-Pjan tkun inkompatibbli mal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tal-Ukrajna, jekk disponibbli, u mal-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali tal-Ukrajna skont il-Ftehim ta’ Pariġi, jew tippromwovi investimenti fil-fjuwils fossili;

    (bc)

    jekk il-Pjan għall-Ukrajna huwiex mistenni li jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet, u jfittixx li jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet f’konformità mal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru u l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u tal-konvenzjonijiet internazzjonali;

    (c)

    jekk l-arranġamenti proposti mill-Ukrajna humiex mistennija jiżguraw monitoraġġ, rapportar u implimentazzjoni effettivi tal-Pjan għall-Ukrajna u kwalunkwe aġġornament tiegħu, b’mod partikolari l-involviment komprensiv u f’waqtu tal-Verkhovna Rada u tal-Kumitati ta’ Monitoraġġ, imsemmi fl-Artikolu 17a , inklużi l-iskeda ta’ żmien prevista, il-passi kwalitattivi u kwantitattivi li jistgħu jitkejlu , u l-indikaturi relatati u jiżguraw li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti ;

    (d)

    jekk l-arranġamenti proposti mill-Ukrajna humiex mistennija li jipprevjenu, jidentifikaw u jirrettifikaw b’mod effettiv irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni , strutturi oligarkiċi u kunflitti ta’ interessi, kif ukoll li jinvestigaw u jipproċessaw b’mod effettiv reati kriminali li jaffettwaw il-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità, u humiex se jiżguraw li jiġi evitat il-finanzjament doppju mill-Faċilità u minn programmi jew donaturi oħra tal-Unjoni;

    (da)

    jekk il-Pjan għall-Ukrajna jirriflettix b’mod effettiv il-kontributi tal-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, imwettaq f’konformità mal-qafas legali nazzjonali, tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-Verkhovna Rada, il-korpi u l-awtoritajiet rappreżentattivi lokali u reġjonali, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

    4.   Għall-fini tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna ppreżentat mill-Ukrajna, il-Kummissjoni tista’ tiġi assistita minn esperti.

    Artikolu 19

    Att delegat dwar dispożizzjonijiet supplimentari

    1.   Fil-każ ta’ valutazzjoni pożittiva ▌tal-Pjan għall-Ukrajna ppreżentata mill-Ukrajna ▌jew, fejn applikabbli, tal-emenda tiegħu ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 20(1) jew (2), il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat skont l-Artikolu 38 biex jiġi supplimentat dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu .

    2.    L-att delegat għandu jistabbilixxi, għall-parti li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità, ir-riformi u l-investimenti li jridu jiġu implimentati mill-Ukrajna, il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Pjan kif deskritt fl-Artikolu 15(2), inklużi l-iskeda ta’ żmien indikattiva, l-istadji importanti u l-miri meħtieġa għall-iżborż tal-ammonti msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (a) u (2) u l-kontribuzzjonijiet rilevanti skont il-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu.

    3.    L-att delegat imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jistabbilixxi wkoll:

    (a)

    l-appoġġ finanzjarju indikattiv mhux ripagabbli u l-ammont indikattiv tal-appoġġ fil-forma ta’ self li jrid jitħallas f’pagamenti parzjali, strutturat f’konformità mal-Artikolu 15, ladarba l-Ukrajna tkun laħqet b’mod sodisfaċenti l-passi kwalitattivi u kwantitattivi rilevanti identifikati fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna;

    (b)

    l-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli u l-ammont tal-appoġġ fil-forma ta’ self li għandu jitħallas fil-forma ta’ prefinanzjament f’konformità mal-Artikolu 23 u l-iskop tiegħu ;

    (c)

    il-limitu ta’ żmien, li ma għandux ikun aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027, sa liema data jridu jitlestew il-passi kwalitattivi u kwantitattivi finali, kemm għall-proġetti ta’ investiment kif ukoll għar-riformi;

    (d)

    l-arranġamenti u l-iskeda ta’ żmien għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, b’mod partikolari l-involviment tal-Verkhovna Rada u tal-Kumitati ta’ Monitoraġġ, imsemmi fl-Artikolu 17a, kif ukoll, fejn rilevanti, il-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 33;

    (e)

    l-indikaturi għall-valutazzjoni tal-progress biex jinkisbu l-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3;

    (f)

    l-arranġamenti biex jingħata aċċess sħiħ mill-Kummissjoni għad-data rilevanti sottostanti.

    3a.     Fejn il-Kummissjoni tivvaluta b’mod negattiv il-Pjan għall-Ukrajna, hija għandha tikkomunika valutazzjoni debitament ġustifikata fi żmien xahrejn wara li l-Ukrajna tkun ippreżentat il-proposta. Wara stedina mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tidher quddiem il-kumitati kompetenti biex tispjega r-raġunijiet għall-valutazzjoni negattiva tal-Pjan għall-Ukrajna. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti informazzjoni rilevanti u sostanzjali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’mod simultanju u fuq termini ugwali mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel din il-laqgħa.

    Artikolu 20

    Emendi għall-Pjan għall-Ukrajna

    1.    Il-Gvern Ukren, wara konsultazzjoni mal-Verkhovna Rada u mal-Kumitati ta’ Monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 17a, jista’ jipproponi emendi għall-Pjan għall-Ukrajna. F’dak il-każ, l-Ukrajna tista’ tagħmel talba motivata lill-Kummissjoni biex tipproponi li temenda l-att delegat kollu jew parti minnu msemmi fl-Artikolu 19(1).

    2.   Il-Kummissjoni tista’, wara li tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill , bi qbil mal-Ukrajna, temenda l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 19(1), b’mod partikolari biex tqis bidla fl-ammonti disponibbli, b’mod partikolari minħabba kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri jew minn sorsi oħra kif imsemmi fl-Artikolu 6(4).

    3.   Meta l-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet imressqa mill-Ukrajna jiġġustifikaw li jiġi emendat il-Pjan għall-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-Pjan għall-Ukrajna emendat f’konformità mal-Artikolu 18 u għandha tagħmel proposta għal emenda tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 19(1).

    Artikolu 20a

    Tabella ta’ valutazzjoni soċjali, ekonomika u ambjentali tal-Ukrajna

    1.     Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna (it-“Tabella ta’ valutazzjoni”), li għandha turi l-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna f’kull wieħed mill-objettivi msemmija fl-Artikolu 3, is-sitwazzjoni soċjali, ekonomika u ambjentali fl-Ukrajna u l-progress tal-konverġenza lejn l-istandards tal-Unjoni.

    2.     Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att delegat skont l-Artikolu 38 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-elementi dettaljati tat-Tabella ta’ valutazzjoni bil-ħsieb li turi l-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna kif imsemmi fil-paragrafu 1, is-sitwazzjoni soċjali, ekonomika u ambjentali fl-Ukrajna u l-progress tal-konverġenza lejn l-istandards tal-Unjoni.

    3.     It-Tabella ta’ valutazzjoni għandha tkun operazzjonali sa Lulju 2024 u għandha tiġi aġġornata mill-Kummissjoni darbtejn fis-sena. It-Tabella ta’ valutazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku online.

    Artikolu 21

    Ftehim ta’ self, operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self

    1.   Sabiex tiffinanzja l-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità fil-forma ta’ self, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 220a tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    2.   Mal-adozzjoni tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 19(1), il-Kummissjoni għandha tidħol fi ftehim ta’ self mal-Ukrajna fir-rigward tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 6(2). Il-Ftehim ta’ self għandu jistabbilixxi l-perjodu ta’ disponibbiltà u t-termini dettaljati tal-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità fil-forma ta’ self, inkluż fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll intern kif imsemmi fl-Artikolu 9(4), il-punti (a) u (c). Is-self għandu jkollu durata massima ta’ 35 sena. Minbarra l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-ftehim ta’ self għandu jkun fih l-ammont ta’ prefinanzjament u r-regoli dwar l-ikklerjar tal-prefinanzjament. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, l-elementi li ġejjin:

    (a)

    l-ammont tas-self f’EUR;

    (b)

    il-maturità medja;

    (c)

    il-formula tal-ipprezzar, u l-perjodu ta’ disponibbiltà tas-self;

    (d)

    in-numru massimu ta’ pagamenti parzjali u skeda ċara u preċiża ta’ ripagament.

    3.   B’deroga mill-Artikolu 31(3), it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/947, l-assistenza finanzjarja pprovduta lill-Ukrajna fil-forma ta’ self fl-ambitu tal-Faċilità ma għandhiex tiġi appoġġata mill-Garanzija għall-Azzjoni Esterna.

    4.   L-ebda proviżjonament għas-self skont dan ir-Regolament ma għandu jkun kostitwit, u, b’deroga mill-Artikolu 211(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ma għandha tiġi stabbilita l-ebda rata ta’ proviżjonament bħala perċentwal tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament.

    4a .    Il-ftehim tas-self għandu jiġi trażmess simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill , kif ukoll lill-Verkhovna Rada.

    Artikolu 22

    Sussidju għall-kostijiet tas-self

    1.   B’deroga mill-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u soġġetta għar-riżorsi disponibbli , il-Faċilità tista’ ġġarrab il-kost ta’ finanzjament, il-kost tal-ġestjoni tal-likwidità, u l-kost tas-servizz għall-ispejjeż ġenerali amministrattivi relatati mas-self (“is-sussidju għall-kostijiet tas-self”), ħlief għall-kostijiet relatati mar-ripagament bikri tas-self. Għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2027, is-sussidju għall-kostijiet tas-self għandu jkun kopert taħt il-Kapitolu V. Il-Faċilità tista’ ġġarrab ukoll il-kost tas-sussidji tar-rati tal-imgħax mogħtija qabel fir-Regolament (UE) 2022/2463, id-Deċiżjoni (UE) 2022/1628, id-Deċiżjoni (UE) 2022/1201, u d-Deċiżjoni (UE) 2022/313, għall-perjodu 2024-2027.

    2.   L-Ukrajna tista’ titlob kull sena s-sussidju għall-kostijiet tas-self imsemmi fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni tista’ tagħti sussidju għall-kostijiet tas-self għal ammont li ma jaqbiżx il-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli fil-baġit annwali.

    Artikolu 23

    Prefinanzjament

    1.   L-Ukrajna tista’ titlob, flimkien mal-preżentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, pagament ta’ prefinanzjament ta’ ammont sa 7 % tal-appoġġ finanzjarju u s-self mhux ripagabbli li għandu jiġi pprovdut skont il-Kapitolu III.

    2.   Fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju li ma jitħallasx lura, il-Kummissjoni tista’ tagħmel il-pagament ta’ prefinanzjament wara l-adozzjoni tal-Pjan imsemmi fl-Artikolu 19 u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 10, soġġett għall-finanzjament disponibbli u għar-rispett tal-prekundizzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

    3.   Fir-rigward tal-appoġġ fil-forma ta’ self, il-Kummissjoni tista’ tagħmel il-pagament ta’ prefinanzjament wara l-approvazzjoni tal-Pjan imsemmi fl-Artikolu 19 u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 21. Il-pagamenti għandhom ikunu soġġetti għall-finanzjament disponibbli fis-swieq kapitali msemmija fl-Artikolu 21(1) u għar-rispett tal-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-iskeda ta’ żmien għall-iżborż tal-prefinanzjament, li jista’ jiġi żborżat f’segment wieħed jew aktar.

    Artikolu 24

    Finanzjament tranżitorju eċċezzjonali

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, jekk il-Ftehim Qafas imsemmi fl-Artikolu 9 ma jiġix iffirmat jew il-Pjan għall-Ukrajna msemmi fil-Kapitolu III ma jiġix adottat sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tipprovdi appoġġ limitat eċċezzjonali lill-Ukrajna għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur wara dak li jiġi l-aħħar – jew id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew l-1 ta’ Jannar 2024 – bil-kundizzjoni li jkun sar progress sodisfaċenti fit-tħejjija tal-Pjan għall-Ukrajna, sabiex jingħata appoġġ lill-istabbiltà makrofinanzjarja tal-pajjiż, skont kundizzjonijiet maqbula f’Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna, għar-rispett tal-prekundizzjoni msemmija fl-Artikolu 5, għall-konformità mal-Artikolu 6 u għall-finanzjament disponibbli.

    2.   L-ammont ta’ dan l-appoġġ ma għandux jaqbeż il-EUR 1 500 000 000 kull xahar. Il-Kummissjoni għandha tidħol fi ftehim ta’ finanzjament jew self mal-Ukrajna, li għandu jikkonforma kif xieraq mal-Artikoli 10 u 21, rispettivament.

    Artikolu 25

    Regoli dwar il-pagamenti, iż-żamma u t-tnaqqis ta’ appoġġ finanzjarju u self li ma jitħallasx lura

    1.   Il-pagamenti tal-appoġġ finanzjarju li ma jitħallasx lura u tas-self lill-Ukrajna skont dan l-Artikolu għandhom isiru f’konformità mal-proċedura baġitarja annwali u soġġetti għall-finanzjament disponibbli. Il-ħlas għandu jsir f’żewġ pagamenti parzjali. Pagament parzjali jista’ jiġi żborżat f’parti waħda jew iktar.

    2.   Kull tliet xhur, l-Ukrajna tista’ tippreżenta talba debitament ġustifikata għall-ħlas tal-appoġġ finanzjarju li ma jitħallasx lura u tas-self, u l-Kummissjoni għandha tħallas l-appoġġ finanzjarju u s-self rilevanti mhux ripagabbli, abbażi tal-valutazzjoni deskritta fil-paragrafu 3. Din it-talba għandha tiġi ttrasferita lill-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew kif ukoll lill-formazzjoni rilevanti tal-Kunsill.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta mingħajr dewmien żejjed jekk l-Ukrajna tkunx laħqet b’mod sodisfaċenti l-passi kwalitattivi u kwantitattivi stabbiliti fl-att delegat imsemmi fl-Artikolu 19(1). L-ilħuq sodisfaċenti tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi għandu jippresupponi li l-miżuri relatati mal-passi li għalihom l-Ukrajna tkun laħqet livell sodisfaċenti ma jkunux treġġgħu lura mill-Ukrajna. Il-Kummissjoni tista’ tkun assistita minn esperti.

    4.   Meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni pożittiva tal-ilħuq sodisfaċenti tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi, hija għandha tadotta mingħajr dewmien żejjed deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż tal-parti tal-appoġġ finanzjarju li ma jitħallasx lura u tas-self li jikkorrispondi għal tali passi. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi trażmessa simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.   Meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni negattiva tal-issodisfar tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi skont l-iskeda ta’ żmien indikattiva, il-pagament tal-appoġġ finanzjarju li ma jitħallasx lura u tas-self li jikkorrispondi għal tali passi għandu jinżamm lura. Il-pagament miżmum lura għandu jitħallas biss meta l-Ukrajna tkun debitament iġġustifikat, bħala parti minn talba għal pagament sussegwenti, li tkun ħadet il-miżuri meħtieġa biex tiżgura t-twettiq sodisfaċenti tal-passi kwalitattivi u kwantitattivi. Il-Kummissjoni għandha tippubblika metodoloġija għat-trattament tal-issodisfar parzjali tal-passi bħala gwida. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi trażmessa simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Meta l-Kummissjoni tikkonkludi li l-Ukrajna ma tkunx ħadet il-miżuri meħtieġa fi żmien perjodu ta’ tnax-il xahar mill-valutazzjoni negattiva inizjali msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-ammont tal-appoġġ finanzjarju li ma jitħallasx lura u tas-self b’mod proporzjonali għall-parti li tikkorrispondi għall-passi kwalitattivi u kwantitattivi rilevanti. L-Ukrajna tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn mill-komunikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

    7.   Il-Kummissjoni tista’ tnaqqas l-ammont tal-appoġġ finanzjarju li ma jitħallasx lura, inkluż billi tikkumpensa f’konformità mal-Artikolu 102 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, jew tas-self li jrid jiġi żburżat lill-Ukrajna kif imsemmi fil-paragrafu 4, jekk jiġu identifikati każi, jew ikun hemm tħassib serju fir-rigward ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma jkunux ġew rettifikati mill-Ukrajna, jew ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta minn tali ftehimiet, inkluż abbażi ta’ rapporti tal-Bord tal-Awdituri msemmi fl-Artikolu 34 jew informazzjoni mill-OLAF. L-informazzjoni dwar tali deċiżjonijiet għandha tiġi trażmessa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    8.   B’deroga mill-Artikolu 116(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-iskadenza tal-pagament kif imsemmi fl-Artikolu 116(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandha tibda tgħodd mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iżborż lill-Ukrajna skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

    9.   L-Artikolu 116(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ma għandux japplika għall-pagamenti li jsiru skont dan l-Artikolu u l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 26

    Trasparenza fir-rigward ta’ persuni u benefiċjarji finali li jirċievu finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Pjan

    1.   L-Ukrajna għandha tippubblika data aġġornata dwar il-persuni , l-entitajiet u l-benefiċjarji finali li jirċievu ammonti ta’ finanzjament li jaqbżu l-ekwivalenti ta’ EUR 100 000 , kumulattivi fuq perjodu ta’ erba’ snin, għall-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti speċifikati fil-Pjan għall-Ukrajna msemmi f’dan il-Kapitolu. Ir-regoli rilevanti stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 għandhom japplikaw .

    2.   Għall-persuni , l-entitajiet u l-benefiċjarji finali msemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata f’format li jinqara mill-magni fuq paġna web, fl-ordni tal-fondi totali riċevuti , filwaqt li jitqiesu kif xieraq ir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u tas-sigurtà, b’mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali:

    (a)

    fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-isem ġuridiku sħiħ u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tar-riċevitur, meta disponibbli, jew identifikatur uniku ieħor stabbilit fil-livell nazzjonali , u s-sid benefiċjarju tar-riċevitur kif divulgat b’mod obbligatorju mir-riċevitur ;

    (b)

    fil-każ ta’ persuna fiżika, l-isem/ismijiet u l-kunjom(ijiet) tar-riċevitur , u l-post ta’ residenza ;

    (c)

    l-ammont li rċieva r-riċevitur, kif ukoll ir-riformi u l-investimenti skont il-Pjan għall-Ukrajna li dan l-ammont jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħhom.

    3.    Fuq bażi eċċezzjonali u fejn debitament ġustifikat mill-Gvern Ukren, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tistax tiġi ppubblikata, fejn id-divulgazzjoni tirriskja li thedded indebitament id-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Tali informazzjoni għandha tiġi ttrasferita lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Bord ta’ Verifika, li għandhom ikunu jistgħu jbiddlu d-deċiżjoni li ma tiġix ippubblikata tali informazzjoni .

    4.   L-Ukrajna għandha tittrażmetti b’mod elettroniku u f’format li jinqara mill-magni mill-inqas darba fis-sena lill-Kummissjoni, id-data dwar il-persuni u l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, f’format li jinqara mill-magni , li għandu jiġi definit fil-Ftehim Qafas imsemmi fl-Artikolu 9(4), il-punt (i).

    Il-Kummissjoni għandha tħejji, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Ukreni, reġistru ta’ kumpaniji taħt influwenza oligarkika identifikati bħala li potenzjalment ifixklu l-kompetizzjoni libera u ġusta fis-suq. L-entitajiet identifikati f’dan ir-reġistru ma għandhomx ikunu eliġibbli biex jirċievu fondi fl-ambitu tal-Faċilità, soġġetti għad-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar is-salvagwardji legali. Dan ir-reġistru għandu jitħejja fi żmien [sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] u jiġi aġġornat kull tliet xhur.

    KAPITOLU IV

    Pilastru II: Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna

    Artikolu 27

    Kamp ta’ applikazzjoni u struttura

    1.   Skont il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna fil-forma ta’ garanzija baġitarja, strumenti finanzjarji jew operazzjonijiet ta’ taħlit.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tkun appoġġata minn bord operazzjonali biex jimplimentaw il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna. Il-Kummissjoni għandha tipproponi r-regoli ta’ proċedura għall-bord operazzjonali.

    3.   Il-bord operazzjonali tal-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna għandu jinkludi rappreżentanti tal-Kummissjoni, ta’ kull Stat Membru, tal-Parlament Ewropew u rappreżentanti tal-Gvern Ukren u tal-Verkhovna Rada . Il-kontropartijiet li jimplimentaw il-Garanzija tal-Ukrajna u l-istrumenti finanzjarji appoġġati mill-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna jistgħu jingħataw status ta’ osservatur. Il-Kummissjoni għandha tippresjedi l-bord operazzjonali.

    4.   Il-bord operazzjonali għandu jipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar l-għażla ta’ modalitajiet ta’ appoġġ, id-disinn ta’ prodotti finanzjarji li għandhom jiġu applikati, u dwar setturi mhux eliġibbli. Għandu jifformula opinjonijiet dwar l-użu tal-appoġġ tal-Unjoni permezz tal-Garanzija tal-Ukrajna, l-istrumenti finanzjarji u l-operazzjonijiet ta’ taħlit.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-appoġġ tal-Unjoni pprovdut skont il-Qafas ta’ Investiment tal-Ukrajna jkun konsistenti mal-Pjan għall-Ukrajna u jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tiegħu, u komplementari għall-appoġġ tal-Unjoni lill-Ukrajna maqbul skont programmi u strumenti oħra tal-Unjoni, u tqis il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-imġiba responsabbli fin-negozju, inkluż b’mod partikolari permezz tar-rispett ta’ linji gwida, prinċipji u konvenzjonijiet maqbula internazzjonalment dwar l-investiment .

    5a.     Mill-inqas 35 % tal-garanziji pprovduti taħt il-Pilastru II għandhom jintużaw biex jipprovdu appoġġ lill-Intrapriżi Mikro, Żgħar u ta’ Daqs Medju, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE, inklużi negozji ġodda, inkluż permezz ta’ għodod finanzjarji li għandhom l-objettiv li jnaqqsu r-riskju involut fl-operazzjonijiet ta’ self tal-banek lokali Ukreni.

    5b.     Għall-finijiet tal-Pilastru II, il-Kummissjoni, appoġġata mill-bord operazzjonali, għandha tiżviluppa metodoloġija u proċessi għar-rapportar annwali tal-appoġġ għall-investiment li jiddeskrivu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

    (a)

    l-allokazzjoni ta’ għotjiet, u ta’ self, kull waħda mqassma skont:

    (i)

    id-daqs tal-benefiċjarju finali;

    (ii)

    ir-reġjun tal-kwartieri ġenerali tal-benefiċjarju finali;

    (iii)

    is-settur;

    (b)

    l-użu tal-istrument ta’ finanzjament għall-appoġġ tal-SMEs;

    (c)

    il-perċentwal tal-appoġġ għall-investiment bi probabbiltà għolja ta’ indeboliment;

    (d)

    analiżi kwalitattiva tas-suċċessi u tal-isfidi prinċipali tal-Pilastru II.

    7.   L-appoġġ fl-ambitu tal-Qafas ta’ Investiment tal-Ukrajna għandu b’mod partikolari jservi l-implimentazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna msemmi fil-Kapitolu III, filwaqt li jikkomplementa s-sorsi ta’ finanzjament stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    8.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-appoġġ fl-ambitu tal-Qafas ta’ Investiment tal-Ukrajna f’konformità mal-Artikoli 41(4) u (5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Għal dan l-għan, kull kontroparti tal-Garanzija tal-Ukrajna u kull entità fdata li timplimenta l-istrumenti finanzjarji għandhom jipprovdu fuq bażi annwali l-informazzjoni meħtieġa biex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonforma mal-obbligi ta’ rapportar tagħha.

    Artikolu 28

    Kontribuzzjonijiet addizzjonali għall-Garanzija tal-Ukrajna u għall-istrumenti finanzjarji

    1.   L-Istati Membri, il-pajjiżi terzi, u partijiet terzi jistgħu jikkontribwixxu għall-Garanzija tal-Ukrajna, u għall-istrumenti finanzjarji stabbiliti fil-Qafas ta’ Investiment tal-Ukrajna. Il-kontribuzzjonijiet għall-Garanzija tal-Ukrajna għandhom isiru f’konformità mal-Artikolu 218(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    2.   Il-kontribuzzjonijiet għall-Garanzija tal-Ukrajna għandhom iżidu l-ammont tal-Garanzija tal-Ukrajna mingħajr ma jwasslu għal obbligazzjonijiet kontinġenti addizzjonali għall-Unjoni.

    3.   Għall-kontribuzzjonijiet kollha msemmija fil-paragrafu 1, għandu jiġi konkluż ftehim ta’ kontribuzzjoni bejn il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u l-kontributur. Għandu jkun fih, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ pagament. Il-Kummissjoni għandha tinforma simultanjament u mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kontribuzzjonijiet approvati.

    Artikolu 29

    L-implimentazzjoni tal-Garanzija tal-Ukrajna u tal-istrumenti finanzjarji

    1.   Il-Garanzija tal-Ukrajna u l-istrumenti finanzjarji appoġġati fl-ambitu tal-Qafas ta’ Investiment tal-Ukrajna għandhom jiġu implimentati b’ġestjoni indiretta skont l-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    2.   Il-kontropartijiet eliġibbli għall-finijiet tal-Garanzija tal-Ukrajna u l-entitajiet fdati eliġibbli għall-fini tal-istrumenti finanzjarji għandhom ikunu dawk identifikati fl-Artikolu 208(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, inklużi dawk minn pajjiżi terzi li jikkontribwixxu għall-Garanzija tal-Ukrajna f’konformità mal-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, b’deroga mill-Artikolu 62(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, korpi rregolati minn dritt privat ta’ Stat Membru, pajjiż sieħeb jew pajjiż terz li jkun ikkontribwixxa għall-Garanzija tal-Ukrajna f’konformità mal-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament, u li jipprovdu assigurazzjoni adegwata tal-kapaċità finanzjarja u operazzjonali tagħhom għandhom ikunu eliġibbli għall-fini tal-Garanzija tal-Ukrajna. Għandha tingħata preferenza lil dawk il-korpi li jiddivulgaw informazzjoni relatata mal-kriterji ambjentali, soċjali, fiskali u ta’ governanza korporattiva. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha toħloq webportal bi gwida adegwata u faċli għall-utent dwar id-divulgazzjoni, u tinkludi eżempji ta’ tali divulgazzjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-użu effettiv, effiċjenti , ibbażat fuq il-bżonnijiet u ġust tar-riżorsi disponibbli fost il-kontropartijiet eliġibbli u, fejn rilevanti, entitajiet fdati eliġibbli, f’approċċ inklużiv, filwaqt li tippromwovi l-kooperazzjoni bejniethom u tieħu kont debitu tal-kapaċitajiet, il-valur miżjud, l-esperjenza u l-kapaċità tat-teħid tar-riskju tagħhom.

    3a.     Il-Kummissjoni għandha teħtieġ li l-kontropartijiet eliġibbli u l-entitajiet fdati eliġibbli kollha jieħdu l-akbar ħsieb biex jevitaw, jirrapportaw u jiġġieldu kwalunkwe prattika korrotta, favoritiżmu jew konċentrazzjoni reġjonali jew settorjali indebita tal-allokazzjoni jew tal-użu tar-riżorsi u teħtieġ rapportar u awditjar iddedikati dwar dawn l-aspetti, fejn rilevanti.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tiggarantixxi trattament ġust lill-kontropartijiet eliġibbli kollha u lill-entitajiet fdati eliġibbli kollha u għandha tiżgura li l-kunflitti ta’ interess jiġu evitati matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna. Sabiex tiġi żgurata l-komplementarjetà, il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni rilevanti minn kontropartijiet eliġibbli għall-fini tal-garanzija tal-Ukrajna jew minn entitajiet fdati eliġibbli għall-fini ta’ strumenti finanzjarji dwar l-operazzjonijiet tagħhom li mhumiex appoġġati mill-UE.

    Artikolu 30

    Garanzija tal-Ukrajna

    1.   Il-Garanzija tal-Ukrajna ta’ EUR 8 914 000 000 fi prezzijiet attwali għandha tiġi stabbilita biex tiggarantixxi operazzjonijiet li jappoġġaw l-objettivi tal-Faċilità. Il-Garanzija tal-Ukrajna għandha tkun indipendenti u awtonoma mill-Garanzija tal-Azzjoni Esterna stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/947 u għandha tingħata bħala garanzija irrevokabbli, mingħajr kundizzjonijiet u fuq talba f’konformità mal-Artikolu 219(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    1a.     Il-Garanzija tal-Ukrajna għandha tappoġġa operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 209(2), il-punti (a) sa (e) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

    2.   Il-Garanzija tal-Ukrajna għandha tintuża biex tkopri r-riskji għat-tipi ta’ operazzjonijiet li ġejjin , f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 :

    (a)

    self, inkluż self fil-munita lokali;

    (b)

    garanziji;

    (c)

    kontrogaranziji;

    (d)

    strumenti tas-suq tal-kapital;

    (e)

    kwalunkwe forma oħra ta’ finanzjament jew titjib tal-kreditu, assigurazzjoni, u parteċipazzjonijiet f’ekwità jew kważi ekwità.

    3.   F’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi mal-kontropartijiet eliġibbli ftehimiet ta’ Garanzija tal-Ukrajna sal-31 ta’ Diċembru 2027. Il-Garanzija tal-Ukrajna tista’ tingħata gradwalment.

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-iffirmar ta’ kull ftehim ta’ Garanzija tal-Ukrajna fir-rapporti msemmija fl-Artikolu 27(8). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiġu infurmati simultanjament dwar l-iffirmar tal-ftehimiet ta’ Garanzija kollha konklużi taħt il-Garanzija tal-Ukrajna. Il-ftehimiet kollha tal-Garanzija tal-Ukrajna għandhom jiġu trażmessi simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, filwaqt li jittieħed kont tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.

    4.   Il-ftehimiet tal-Garanzija tal-Ukrajna għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

    (a)

    regoli dettaljati dwar il-kopertura, l-investimenti annwali stmati, ir-rekwiżiti, l-eliġibbiltà, u l-proċeduri;

    (b)

    regoli dettaljati dwar l-għoti tal-Garanzija tal-Ukrajna, inklużi l-arranġamenti tagħha dwar il-kopertura u l-kopertura definita tagħha ta’ portafolli u ta’ proġetti ta’ tipi speċifiċi ta’ strumenti, kif ukoll analiżi tar-riskju tal-proġetti u ta’ portafolli tal-proġetti, inkluż fil-livelli settorjali, reġjonali u nazzjonali;

    (c)

    referenza għall-objettivi u l-iskop tal-Faċilità, valutazzjoni tal-ħtiġijiet u indikazzjoni tar-riżultati mistennija;

    (d)

    ir-remunerazzjoni tal-Garanzija tal-Ukrajna, li għandha tiġi stabbilita fuq termini konċessjonali li jirriflettu s-sitwazzjoni speċifika tal-Ukrajna li ġarrbet ħsara fil-gwerra, filwaqt li jitqiesu l-profili tar-riskju rispettivi tal-programmi ta’ investiment sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi;

    (e)

    ir-rekwiżiti għall-użu tal-Garanzija tal-Ukrajna, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ pagament, bħat-termini ta’ żmien speċifiċi, l-imgħax li jrid jitħallas fuq l-ammonti dovuti, l-infiq u l-kostijiet tal-irkupru u, possibbilment, l-arranġamenti meħtieġa b’rabta mal-likwidità;

    (f)

    proċeduri għal talbiet żgħar, inklużi eventi skattaturi u perjodi ta’ stennija, iżda mhux limitat għalihom, u proċeduri rigward l-irkupru ta’ talbiet;

    (g)

    obbligi ta’ monitoraġġ, rapportar, trasparenza, u evalwazzjoni;

    (h)

    proċeduri ta’ lmenti ċari aċċessibbli għal partijiet terzi li jistgħu jiġu affettwati mill-implimentazzjoni ta’ proġetti appoġġati mill-Garanzija tal-Ukrajna.

    5.   Il-Kummissjoni tista’ tuża sa 30 % tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biex iżżid l-ammonti tal-garanzija pprovduta permezz ta’ ftehimiet tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna konklużi skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2021/947 soġġett għal dan li ġej:

    (a)

    għall-fini ta’ dan il-paragrafu, il-Garanzija tal-Ukrajna għandha tiġi implimentata permezz ta’ emenda jew addendum għall-ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2021/947 mal-kontropartijiet eliġibbli magħżula skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2021/947 li jżidu l-ammont tal-garanzija skont dawk il-ftehimiet, li għandhom jiġu ffirmati fi żmien erba’ xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament;

    (b)

    il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jużaw il-Garanzija tal-Ukrajna skont dan il-paragrafu biss għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet fl-Ukrajna u s-sejħiet ta’ garanzija minn operazzjonijiet fl-Ukrajna biss huma eliġibbli għall-kopertura mill-Garanzija tal-Ukrajna skont dan il-paragrafu;

    (c)

    b’deroga mill-Artikolu 36(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/947, l-operazzjonijiet koperti mill-Garanzija tal-Ukrajna skont dan il-paragrafu għandhom jikkostitwixxu portafoll separat tal-Garanzija tal-Ukrajna u ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tal-kalkolu tal-kopertura ta’ 65 % imsemmija fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2021/947;

    (d)

    il-kondiviżjoni tar-riskji fil-portafoll separat tal-Garanzija tal-Ukrajna għandha tiggarantixxi l-allinjament tal-interessi bejn il-Kummissjoni u l-kontroparti eliġibbli f’konformità mal-Artikolu 209(2)(e) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-kontroparti għandha tikkontribwixxi permezz tar-riżorsi proprji tagħha għal dan il-portafoll f’konformità mal-Artikolu 219(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;

    (e)

    il-kontropartijiet għandhom jistabbilixxu kontabbiltà u rapportar separati għall-implimentazzjoni tal-Garanzija tal-Ukrajna skont dan il-paragrafu;

    (f)

    L-Artikolu 31 għandu japplika għall-proviżjonament tal-Garanzija tal-Ukrajna skont dan il-paragrafu. Il-proviżjonament għandu jintuża esklussivament għall-kopertura tat-telf fl-ambitu tal-Garanzija tal-Ukrajna. Il-proviżjonament stabbilit skont l-Artikolu 31(5) tar-Regolament (UE) 2021/947 ma għandux jintuża għall-kopertura tal-operazzjonijiet fl-ambitu tal-Garanzija tal-Ukrajna.

    6.   Il-kontroparti eliġibbli għandha tapprova l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment skont ir-regoli u l-proċeduri tagħha stess u f’konformità mal-ftehim tal-Garanzija tal-Ukrajna.

    7.   Il-perjodu massimu permess għall-kontropartijiet eliġibbli biex jiffirmaw kuntratti ma’ intermedjarji finanzjarji jew riċevituri finali għandu jkun ta’ tliet snin wara l-konklużjoni tal-ftehim rilevanti tal-Garanzija tal-Ukrajna, b’estensjonijiet possibbli meta jingħata ammont addizzjonali ta’ garanzija u jiġi emendat il-ftehim ta’ garanzija.

    8.   Il-Garanzija tal-Ukrajna tista’ tkopri:

    (a)

    għall-istrumenti tad-dejn, il-kapital u l-imgħax u l-ammonti dovuti kollha lill-kontroparti eliġibbli magħżula, iżda li din ma tkunx irċeviet f’konformità mat-termini tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament wara li jkun seħħ każ ta’ inadempjenza;

    (b)

    għall-investimenti ta’ ekwità, l-ammonti investiti u l-kostijiet ta’ finanzjament assoċjat tagħhom;

    (c)

    għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment l-oħra imsemmija fil-paragrafu 2, l-ammonti użati u l-kostijiet ta’ finanzjament assoċjat tagħhom;

    (d)

    l-ispejjeż u l-kostijiet ta’ rkupru rilevanti kollha relatati ma’ każ ta’ inadempjenza, sakemm ma jkunux tnaqqsu mir-rikavati tal-irkupru.

    9.   Għall-finijiet tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u tar-rapportar tagħha dwar ir-riskji koperti mill-Garanzija tal-Ukrajna, u skont l-Artikolu 209(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-kontropartijiet eliġibbli li magħhom ikun ġie konkluż ftehim tal-Garanzija tal-Ukrajna għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri kull sena r-rapporti finanzjarji dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment koperti minn dan ir-Regolament, awditjati minn awditur estern indipendenti, li fihom, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar:

    (a)

    il-valutazzjoni tar-riskju tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-kontropartijiet eliġibbli, inkluż informazzjoni dwar l-obbligi tal-Unjoni mkejla f’konformità mar-regoli ta’ kontabbiltà msemmija fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku;

    (b)

    l-obbligu finanzjarju pendenti għall-Unjoni, li jirriżulta mill-Garanzija tal-Ukrajna pprovduta lill-kontropartijiet eliġibbli u l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tagħhom, diżaggregati skont operazzjonijiet individwali.

    9a.     Il-kontropartijiet eliġibbli għandhom ukoll, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jitwettqu l-obbligi tal-Kummissjoni skont dan ir-Regolament, flimkien ma’ informazzjoni rigward il-konformità mad-drittijiet tal-bniedem, u l-istandards soċjali, tax-xogħol u ambjentali.

    10.   Il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 219(4) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 dwar il-kontribuzzjonijiet bir-riżorsi proprji għandha tapplika għal kull kontroparti eliġibbli allokata b’garanzija baġitarja skont il-Qafas ta’ Investiment għall-Ukrajna fuq bażi ta’ portafoll.

    11.   Il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus+ imsemmi fl-Artikoli 33(7) u (8) tar-Regolament (UE) 2021/947 għandu japplika għall-Garanzija tal-Ukrajna. Il-profil tar-riskju ġenerali tal-operazzjonijiet koperti mill-Garanzija tal-Ukrajna jista’ jkun differenti mill-profil tar-riskju ġenerali tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-riskju involut mill-operazzjonijiet garantiti ma jaqbiżx il-kapaċità tal-baġit tal-Unjoni li jerfa’ dawk ir-riskji kif determinat mir-riżorsi baġitarji disponibbli u r-rata ta’ proviżjonament imsemmija fl-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 31

    Proviżjonament

    1.   Ir-rata ta’ proviżjonament għall-Garanzija tal-Ukrajna inizjalment għandha tkun ta’ 70 % , li għandha tiġi fornuta mill-baġit tal-Unjoni permezz ta’ linja baġitarja speċifika .

    B’deroga mill-Artikolu 211(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, il-proviżjonament għandu jkun kostitwit sal-31 ta’ Diċembru 2027 u jkun ugwali għall-ammont ta’ proviżjonament li jikkorrispondi għall-Garanzija tal-Ukrajna mogħtija u jista’ jiġi kostitwit gradwalment biex jirrifletti l-progress fl-għażla u l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment li jappoġġaw l-objettivi tal-Faċilità.

    2.   Ir-rata ta’ proviżjonament għandha tiġi rieżaminata mill-inqas darba fis-sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 38 biex temenda r-rata ta’ proviżjonament filwaqt li tapplika l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 211(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, u, fejn rilevanti, iżżid jew tnaqqas l-ammont massimu ta’ garanzija msemmi fl-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-Regolament ▌. Il-Kummissjoni tista’ żżid l-ammont massimu tal-garanzija biss jekk titnaqqas ir-rata ta’ proviżjonament. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30(3), il-Kummissjoni tista’ tipprevedi li l-ammont miżjud tal-garanzija għandu jkun disponibbli għall-iffirmar tal-ftehimiet ta’ garanzija gradwalment fuq tliet snin.

    4.   B’deroga mill-Artikolu 213 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, ir-rata ta’ proviżjonament effettiva ma għandhiex tapplika għall-proviżjonament imwarrab fil-proviżjonament komuni fir-rigward tal-Garanzija tal-Ukrajna.

    Artikolu 31a

    Mekkaniżmu ta’ lmentar u ta’ rimedju

    Fid-dawl tal-ilmentar possibbli ta’ partijiet terzi, inklużi komunitajiet u individwi affettwati minn proġetti appoġġati mill-Garanzija tal-Ukrajna, il-Kummissjoni u d-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna għandhom jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom referenzi diretti għall-mekkaniżmi tal-ilmenti tal-kontropartijiet rilevanti li kkonkludew ftehimiet mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll il-possibbiltà li tirċievi direttament l-ilmenti relatati mal-indirizzar ta’ lmentar mill-kontropartijiet eliġibbli. Il-Kummissjoni għandha tqis dik l-informazzjoni li tirċievi permezz ta’ kwalunkwe lment fid-dawl ta’ kooperazzjoni futura ma’ dawk il-kontropartijiet.

    Artikolu 31b

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-webportal tagħha informazzjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment u l-elementi essenzjali tal-ftehimiet tal-Garanzija tal-Ukrajna, inkluża informazzjoni dwar l-identità legali tal-kontropartijiet eliġibbli, il-benefiċċji tal-iżvilupp mistennija u l-proċeduri ta’ lmenti, filwaqt li titqies il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.

    Artikolu 31c

    F’konformità mal-politiki tagħhom dwar it-trasparenza u r-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u dwar l-aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni, il-kontropartijiet eliġibbli għandhom proattivament u sistematikament iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-siti web tagħhom l-informazzjoni relatata mal-operazzjonijiet kollha ta’ finanzjament u ta’ investiment koperti mill-Garanzija tal-Ukrajna, b’mod partikolari informazzjoni relatata mal-mod li bih dawk l-operazzjonijiet jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi u r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Fejn possibbli, tali informazzjoni għandha tkun diżaggregata fil-livell ta’ proġett. Tali informazzjoni għandha dejjem tqis il-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva. Il-kontropartijiet eliġibbli għandhom jippubbliċizzaw ukoll l-appoġġ tal-Unjoni fl-informazzjoni kollha li jippubblikaw dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment koperti mill-Garanzija tal-Ukrajna f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

    KAPITOLU V

    Pilastru III: Assistenza tal-Unjoni għall-adeżjoni u miżuri ta’ appoġġ

    Artikolu 32

    Assistenza tal-Unjoni għall-adeżjoni u miżuri ta’ appoġġ

    1.   L-assistenza skont dan il-Kapitolu għandha tappoġġa lill-Ukrajna biex tikseb l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3. B’mod partikolari, l-assistenza pprovduta skont dan il-Kapitolu għandu jkollha l-għan li tappoġġa l-allinjament progressiv tal-Ukrajna mal-acquis tal-Unjoni bil-ħsieb ta’ sħubija futura fl-Unjoni, u b’hekk tikkontribwixxi għall-istabbiltà, is-sigurtà, il-paċi u l-prosperità reċiproċi. Tali appoġġ għandu jinkludi t-tisħiħ tal-istat tad-dritt, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, it-tisħiħ tal-effikaċja tal-amministrazzjoni pubblika u l-kapaċitajiet istituzzjonali, id-deċentralizzazzjoni, u l-appoġġ għat-trasparenza, ir-riformi strutturali u l-governanza tajba fil-livelli kollha. Tali appoġġ għandu jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Pjan.

    2.   L-assistenza skont dan il-Kapitolu għandha tiġi pprovduta wkoll biex jiġi żgurat li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali , inkluż permezz tal-ġemellaġġi u ġemellaġġi bejn il-bliet, kif ukoll permezz tal-promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn il-pari u programmi integrati fi sħubijiet bejn il-bliet u r-reġjuni tal-Unjoni u tal-Ukrajna .

    3.   L-assistenza skont dan il-Kapitolu għandha tappoġġa wkoll miżuri u proċessi li jibnu l-fiduċja li jippromwovu l-ġustizzja, it-tiftix tal-verità, il-pagamenti mill-Federazzjoni Russa għad-danni kkawżati kif ukoll il-ġbir ta’ evidenza ta’ delitti mwettqa mir-Russja, l-alleati u l-prokuri tagħha matul il-gwerra għall-fini tal-prosekuzzjoni tad-delitti mwettqa mir-Russja matul il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna . Il-finanzjament għal inizjattivi u korpi involuti fl-appoġġ u l-infurzar tal-ġustizzja internazzjonali fl-Ukrajna jista’ jiġi pprovdut fl-ambitu ta’ dan il-Kapitolu. Is-sejbiet miġbura bħala riżultat ta’ tali miżuri għandhom jinġiebu għall-għarfien tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

    4.   L-assistenza skont dan il-Kapitolu għandha tappoġġa l-ħolqien u t-tisħiħ ta’ awtoritajiet Ukreni li jkunu responsabbli biex jiżguraw l-użu xieraq tal-fondi , l-awditjar u l-ġlieda effettiva kontra l-ġestjoni ħażina tal-finanzjament pubbliku, b’mod partikolari l-frodi, il-korruzzjoni, il-korruzzjoni ta’ livell għoli , l-istrutturi oligarkiċi il-kunflitt ta’ interess u l-irregolaritajiet imġarrba fir-rigward ta’ kwalunkwe ammont li jintefaq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità.

    5.   Il-funzjonament tal-Bord ta’ Verifika kif imsemmi fl-Artikolu 34 għandu jiġi ffinanzjat skont dan il-Kapitolu.

    6.   Is-sussidju għall-kostijiet tas-self kif imsemmi fl-Artikolu 22 għandu jiġi ffinanzjat skont dan il-Kapitolu.

    KAPITOLU VI

    Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

    Artikolu 33

    Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

    1.   Fl-implimentazzjoni tal-Faċilità, il-Kummissjoni u l-Ukrajna għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità u l-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom se topera l-Faċilità, il-prekundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(1) u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim qafas u fil-ftehimiet speċifiċi ta’ finanzjament jew self, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ frodi, korruzzjoni, kunflitti ta’ interess u irregolaritajiet , kif ukoll l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali li jaffettwaw il-fondi previsti fl-ambitu tal-Faċilità . L-Ukrajna għandha timpenja ruħha li tagħmel progress lejn qafas legali robust għall-ġlieda kontra l-frodi permezz tal-liġi kriminali, sistemi effettivi u effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll u tiżgura li l-ammonti mħallsa bi żball jew użati ħażin ikunu jistgħu jiġu rkuprati. L-Ukrajna għandha timpenja ruħha wkoll li tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti Ukreni jittrattaw, mingħajr dewmien, talbiet għal assistenza legali reċiproka u talbiet għal estradizzjoni mill-UPPE u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rigward reati kriminali li jaffettwaw il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità.

    2.   Il-ftehimiet imsemmija fl-Artikoli 9, 10 u 21 għandhom jipprevedu l-obbligi tal-Ukrajna li:

    (a)

    tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut ikun intuża f’konformità mar-regoli applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ frodi, l-istrutturi oligarkiċi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ;

    (aa)

    tipproteġi l-informaturi;

    (b)

    tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interessi u l-irregolaritajiet , kif ukoll tinvestiga u tipproċessa r-reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, biex tidentifika u tevita finanzjament doppju u tieħu azzjonijiet legali biex tirkupra fondi li jkunu ġew miżapproprjati, inkluż fir-rigward ta’ kwalunkwe miżura għall-implimentazzjoni ta’ riformi u proġetti ta’ investiment skont il-Pjan għall-Ukrajna u tieħu miżuri xierqa biex tittratta mingħajr dewmien it-talbiet għal assistenza legali reċiproka mill-UPPE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rigward ir-reati kriminali li jaffettwaw il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità ; fejn applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti Ukreni għandhom jirrapportaw kwalunkwe mġiba kriminali li taffettwa l-fondi fl-ambitu tal-Faċilità lill-UPPE .

    (c)

    takkumpanja talba għal pagament kif stabbilit fil-Kapitolu III b’dikjarazzjoni li l-fondi ntużaw f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u għall-iskop maħsub tagħhom u ġestiti b’mod xieraq b’mod partikolari f’konformità mar-regoli Ukreni kkomplementati minn standards internazzjonali, dwar il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kunflitti ta’ interess akkumpanjati minn dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni mill-awtoritajiet Ukreni ;

    (ca)

    tuża s-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni;

    (d)

    għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari għall-kontrolli fuq l-użu tal-fondi fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti tal-Pjan għall-Ukrajna, tiżgura l-ġbir ta’, data adegwata dwar persuni u entitajiet li jirċievu finanzjament għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pjan għall-Ukrajna, u l-aċċess għaliha, fl-ambitu tal-Kapitolu III tal-Faċilità;

    (e)

    tawtorizza espressament lill-Kummissjoni, lill-OLAF u lill-Qorti tal-Awdituri biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom kif previst fl-Artikolu 129(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    (ea)

    tipprovdi livell simili ta’ aċċess għall-informazzjoni u awtorità għat-twettiq ta’ kontrolli fuq il-post bħall-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri lill-awditur estern indipendenti maħtur mill-Bord ta’ Verifika .

    3.   Il-Kummissjoni għandha ▌tagħmel disponibbli għall-Ukrajna sistema integrata u interoperabbli ta’ informazzjoni u monitoraġġ li tinkludi għodda unika għall-estrazzjoni tad-data u għall-valutazzjoni tar-riskju biex taċċessa u tanalizza d-data rilevanti, inkluża d-data elenkata fil-paragrafu 2(d). Fejn tali sistema tkun disponibbli, l-Ukrajna għandha tuża u ddaħħal id-data rilevanti fis-sistema, inkluż bl-appoġġ imsemmi fil-Kapitolu V. Id-data għandha tippermetti li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-awditjar l-oħra jwettqu dmirijiethom mingħajr dewmien żejjed. Is-sistema għandha tippermetti downloads f’format li jinqara mill-magni.

    4.   Il-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 9, 10 u 21 għandhom jipprevedu wkoll id-dritt tal-Kummissjoni li tnaqqas b’mod proporzjonat l-appoġġ ipprovdut fl-ambitu tal-Faċilità u li tirkupra kwalunkwe ammont minfuq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità jew li titlob ripagament bikri tas-self, f’każijiet ta’ deterjorament serju tal-istat tad-dritt jew f’każijiet ta’ irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni, u kunflitti ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li ma jkunux ġew rettifikati mill-Ukrajna, jew ksur serju ta’ obbligu li jirriżulta minn tali ftehimiet. Meta tkun qed tiddeċiedi dwar l-ammont tal-irkupru u t-tnaqqis, jew dwar l-ammont li għandu jitħallas lura kmieni, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u għandha tqis is-serjetà tal-irregolarità, tal-frodi, tal-korruzzjoni u l-kunflitt ta’ interess li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jew tal-ksur ta’ obbligu. L-Ukrajna għandha tingħata l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha qabel ma jsir it-tnaqqis jew qabel ma jintalab ir-ripagament bikri.

    5.   Il-persuni u l-entitajiet li jimplimentaw il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità għandhom jirrapportaw kwalunkwe każ suspettat jew reali ta’ frodi, korruzzjoni, kunflitt ta’ interessi u irregolaritajiet jew attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mingħajr dewmien, lill-Bord ta’ Verifika msemmi fl-Artikolu 34, lill-Kummissjoni , lill-OLAF , u, fejn applikabbli, lill-UPPE .

    5a.     Il-persuni u l-entitajiet li jimplimentaw il-fondi fl-ambitu tal-Faċilità, kif ukoll il-persuni li jkollhom l-għarfien dwar il-proċess ta’ implimentazzjoni, għandhom ikunu jistgħu jirrapportaw il-każijiet allegati ta’ korruzzjoni, frodi, irregolaritajiet u amministrazzjoni ħażina permezz ta’ għodda diġitali ddedikata, bid-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-protezzjoni tal-informaturi.

    Artikolu 33a

    Protezzjoni fiżika u ċibernetika tal-investimenti magħmula bl-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni

    1.     Il-ftehimiet imsemmija fl-Artikoli 9, 10 u 21 għandhom jipprevedu l-obbligu tal-Ukrajna li tidentifika miżuri ta’ protezzjoni fiżika u ċibernetika għal kull wieħed mill-investimenti li jsiru bl-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni. Ammont xieraq tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni jista’ jitwarrab għal finijiet ta’ protezzjoni fiżika u ċibernetika, u għandhom japplikaw ir-restrizzjonijiet meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 11(7), il-punt (b).

    2.     Sa meta jitwaqqfu l-ostilitajiet, il-protezzjoni fiżika tista’ tinkludi miżuri li jipproteġu kontra l-munizzjon u l-missili u l-effetti tagħhom, inkluż permezz ta’ mezzi li jwasslu effetti kinetiċi. Tali mezzi għandhom jitħaddmu taħt l-awspiċi tal-awtoritajiet tal-istat tal-Ukrajna u ma jistgħux jintużaw għall-fini li ssir ħsara lill-persuni.

    Artikolu 34

    Bord ta’ Verifika

    1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Bord ta’ Verifika qabel ma l-Ukrajna tippreżenta l-ewwel talba għal pagament.

    2.   Il-Bord ta’ Verifika għandu jkun magħmul minn membri indipendenti maħtura mill-Kummissjoni. Rappreżentanti tal-Istati Membri u donaturi oħra jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Bord ta’ Verifika.

    2a.     Mill-inqas wieħed minn kull ħames membri tal-Bord ta’ Verifika għandhom ikunu ċittadini Ukreni, peress li wrew li għandhom kompetenza u integrità professjonali għolja u ma għandhom l-ebda affiljazzjoni personali jew professjonali ma’ awtoritajiet jew uffiċjali Ukreni kif ukoll esperti internazzjonali indipendenti b’mod dimostrabbli b’rekord ippruvat li jifhmu fl-ekonomija u s-sistema politika tal-Ukrajna.

    3.   Il-Bord ta’ Verifika għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’oġġettività sħiħa u jopera f’konformità mal-aħjar prattiki u standards internazzjonali applikabbli. Għandu jaġixxi mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti tal-Awdituri u ▌l-UPPE.

    3a.     Il-Bord ta’ Verifika għandu jaħtar awditur estern indipendenti li jipprovdi dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni annwali dwar id-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Ukreni li jakkumpanjaw talba għal pagament. Għandu japprova wkoll il-pjan ta’ ħidma annwali tal-awditur estern indipendenti.

    3b.     Il-Bord ta’ Verifika għandu jiddeċiedi dwar rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Ukreni dwar l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati wara s-sejbiet tal-awditur estern indipendenti, u jinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Ukreni dwar dawk ir-rakkomandazzjonijiet.

    4.   Il-Bord ta’ Verifika għandu jiżgura djalogu u kooperazzjoni regolari mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri , kif ukoll mal-Kamra tal-Awditjar tal-Verkhovna Rada .

    5.   Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, il-Bord ta’ Verifika, il-membri tiegħu u l-persunal tiegħu la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija. Għandhom japplikaw garanziji b’saħħithom ta’ indipendenza għall-għażla tal-persunal, il-ġestjoni u l-baġit tiegħu.

    6.   Il-Bord ta’ Verifika għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-ġestjoni ħażina tal-finanzjament tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità u, b’mod partikolari l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitt ta’ interessi u l-irregolaritajiet li jitwettqu fir-rigward ta’ kwalunkwe ammont li jintefaq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità.

    7.   Għal dan l-għan, il-Bord ta’ Verifika għandu jirrapporta regolarment lill-Kummissjoni u lill-kumitati rilevanti tal-Parlament Ewropew u lill-Kunsill , u jibgħat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien kull informazzjoni li jikseb jew li jiġi mgħarraf biha, dwar kull każ identifikat, jew tħassib serju fir-rigward ta’ ġestjoni ħażina tal-finanzjament pubbliku mwettaq fir-rigward ta’ kwalunkwe ammont li jintefaq biex jintlaħqu l-objettivi tal-Faċilità , inkluża l-prestazzjoni tagħha .

    F’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Bord ta’ Verifika għandu jirrapporta lill-UPPE kwalunkwe mġiba kriminali li fir-rigward tagħha dan tal-aħħar ikun jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu.

    Barra minn hekk, il-Bord ta’ Verifika għandu jadotta rakkomandazzjonijiet lill-Ukrajna dwar il-każijiet kollha fejn, fil-fehma tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna ma jkunux ħadu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitt ta’ interessi u l-irregolaritajiet li affettwaw jew li jirriskjaw serjament li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tan-nefqa ffinanzjata fl-ambitu tal-Faċilità u fil-każijiet kollha fejn jidentifika dgħufijiet li jaffettwaw it-tfassil u l-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll stabbilita mill-awtoritajiet Ukreni. Il-Bord ta’ Verifika għandu jippubblika sommarju tar-rakkomandazzjoni. L-Ukrajna għandha timplimenta tali rakkomandazzjonijiet fil-ħin . F’każijiet eċċezzjonali, tista’ ssir talba għal estensjoni taż-żmien li fih jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet, iżda fil-każijiet kollha din ma għandhiex taqbeż sitt xhur wara li tkun saret ir-rakkomandazzjoni inizjali. L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ukreni dwar ir-rakkomandazzjonijiet għandha tiġi ppubblikata wkoll mill-Bord ta’ Verifika.

    Ir-rapporti tal-Bord ta’ Verifika u l-informazzjoni mingħandu għandhom jintbagħtu wkoll lill-OLAF u, fejn applikabbli, lill-UPPE, u jistgħu jiġu kondiviżi mal-awtoritajiet Ukreni rilevanti, speċjalment f’każ li jkollhom bżonn jieħdu passi biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitt ta’ interessi u l-irregolaritajiet , kif ukoll biex jinvestigaw u jipproċessaw reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni .

    8.   Il-Bord ta’ Verifika għandu jkollu aċċess għal informazzjoni, bażijiet ta’ data u reġistri meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu. Il-Ftehim qafas imsemmi fl-Artikolu 9 għandu jiddefinixxi r-regoli u d-dettalji għall-aċċess għal informazzjoni rilevanti mill-Bord ta’ Verifika u l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti mill-Ukrajna lill-Bord ta’ Verifika.

    9.   Il-Bord ta’ Verifika jista’ jassisti lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Ukrajna b’attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ġestjoni ħażina tal-finanzjament pubbliku.

    10.   Il-Funzjonament tal-Bord ta’ Verifika għandu jiġi ffinanzjat taħt il-Kapitolu V , inkluż il-finanzjament għall-awditur estern indipendenti maħtur .

    Artikolu 34a

    Trasparenza

    1.     Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-ftehim qafas, konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Ukrajna, il-Pjan għall-Ukrajna, ippreżentat mill-Ukrajna, simultanjament u b’termini ugwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien żejjed.

    2.     L-informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Kunsill fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament jew tal-implimentazzjoni tiegħu għandha tiġi trażmessa simultanjament lill-Parlament Ewropew, soġġetta għal arranġamenti ta’ kunfidenzjalità jekk ikun meħtieġ. L-eżiti rilevanti tad-diskussjonijiet li jsiru fil-Kunsill għandhom jiġu kondiviżi mal-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew.

    3.     Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew b’ħarsa ġenerali tas-sejbiet preliminari tagħha li jikkonċernaw it-twettiq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 15.

    4.     Il-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni u lill-kap tal-Bord ta’ Verifika stabbilit, imsemmi fl-Artikolu 34, biex jipprovdu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tal-valutazzjoni tal-Faċilità fil-kuntest tad-Djalogu dwar ir-Rikostruzzjoni u l-Fażi ta’ Qabel l-Adeżjoni msemmija fl-Artikolu 34b.

    Artikolu 34b

    Djalogu dwar ir-Rikostruzzjoni u l-Fażi ta’ Qabel l-Adeżjoni

    1.     Sabiex jittejjeb id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex jiġi żgurat li jkun hemm trasparenza u responsabbiltà akbar, il-kumitat(i) kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’/jistgħu jistieden/jistiednu lill-Kummissjoni u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, b’mod partikolari bħall-Bord ta’ Verifika, imsemmi fl-Artikolu 34a, mill-inqas darba kull erba’ xhur, biex jiġu diskussi l-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-istat ta’ rikostruzzjoni u riformi relatati mal-adeżjoni fl-Ukrajna, kif ukoll il-miżuri adottati taħt dan ir-Regolament;

    (b)

    il-Pjan għall-Ukrajna u l-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna;

    (c)

    is-sejbiet ewlenin tar-rapport ta’ rieżami msemmi fl-Artikolu 36(4);

    (d)

    l-istatus tat-twettiq tal-kundizzjonijiet tal-Pjan għall-Ukrajna;

    (e)

    il-progress fit-twettiq tal-kriterji tal-adeżjoni;

    (f)

    il-proċeduri ta’ pagament, sospensjoni u terminazzjoni, inkluża kwalunwe osservazzjoni ppreżentata biex jiġi żgurat it-twettiq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet; kif ukoll

    (g)

    kwalunkwe informazzjoni u dokumentazzjoni rilevanti oħra pprovduta mill-Kummissjoni lill-kumitat(i) kompetenti tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Faċilità.

    2.     Il-Parlament Ewropew jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu f’riżoluzzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

    3.     Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe element li jirriżulta mill-fehmiet espressi permezz tad-Djalogu dwar ir-Rikostruzzjoni u l-Fażi ta’ Qabel l-Adeżjoni, inklużi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fejn rilevanti.

    KAPITOLU VII

    Programmi ta’ ħidma, monitoraġġ, rapportar u evalwazzjoni

    Artikolu 35

    Programmi ta’ ħidma

    1.   L-assistenza fl-ambitu tal-Faċilità għandha tiġi implimentata permezz tal-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni li jadottaw il-programmi ta’ ħidma għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 39.

    2.   L-assistenza skont il-Kapitolu V tal-Faċilità tista’ tiġi implimentata wkoll permezz ta’ programmi ta’ ħidma speċifiċi meta l-implimentazzjoni ta’ din l-assistenza ma tkunx teħtieġ il-konklużjoni tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikoli 9 u 10.

    Artikolu 36

    Monitoraġġ u rapportar

    1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Faċilità u tivvaluta jekk intlaħqux l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni għandu jkun immirat u proporzjonat għall-attivitajiet imwettqa fl-ambitu tal-Faċilità.

    2.   Il-ftehimiet ta’ finanzjament u l-ftehim ta’ self imsemmija fl-Artikoli 10 u 21 għandhom jistabbilixxu regoli u modalitajiet biex l-Ukrajna tirrapporta lill-Kummissjoni għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3.   L-appoġġ tal-Unjoni pprovdut fl-ambitu tal-Qafas ta’ Investiment tal-Ukrajna għandu jiġi rrapportat f’konformità mal-Artikolu 27(8).

    4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress biex jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi r-rapport imsemmi fil-paragrafu 4 lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 39.

    Artikolu 37

    Evalwazzjoni tal-Faċilità

    1.   Wara l-31 ta’ Diċembru 2027, iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ex post tar-Regolament permezz ta’ evalwazzjoni esterna indipendenti . Din l-evalwazzjoni ex post għandha tivvaluta l-kontribut tal-Unjoni biex jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq il-proposti tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill għal din l-evalwazzjoni esterna indipendenti.

    2.   Din l-evalwazzjonijiet ex post għandha tuża l-prinċipji ta’ prattika tajba tal-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD, u tfittex li taċċerta jekk ikunux intlaħqu l-objettivi speċifiċi u tifformula rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jittejbu l-azzjonijiet futuri.

    Il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet u l-konklużjonijiet ta’ din l-evalwazzjoni ex post flimkien mal-osservazzjonijiet u s-segwitu tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri. Din l-evalwazzjoni ex post tista’ tiġi diskussa fuq talba tal-Istati Membri jew tal-Parlament Ewropew . Ir-riżultati għandhom jikkontribwixxu għat-tħejjija ta’ programmi u azzjonijiet u allokazzjoni ta’ riżorsi. Dawn l-evalwazzjonijiet u s-segwitu għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

    Il-Kummissjoni għandha, sa fejn ikun xieraq, tassoċja lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż il-benefiċċjarji, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni pprovdut fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, u tista’, fejn xieraq, tfittex li twettaq evalwazzjonijiet konġunti mal-Istati Membri u ma’ sħab oħra b’involviment mill-qrib tal-Ukrajna.

    KAPITOLU VIII

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 38

    Eżerċizzju ta’ delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 4, 13, 19, 20, 20a u 31 hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 4, 13, 19, 20, 20a u 31 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin minn sebat ijiem wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ erba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 4, 13, 19, 20, 20a u 31 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 4, 13, 19, 20, 20a u 31 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 39

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 40

    Informazzjoni, komunikazzjoni u viżibbiltà

    1.   Il-Kummissjoni tista’ tinvolvi ruħha f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni biex tiżgura l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni għall-appoġġ finanzjarju previst fil-Pjan għall-Ukrajna, inkluż permezz ta’ attivitajiet konġunti ta’ komunikazzjoni mal-Ukrajna. Il-Kummissjoni tista’, kif xieraq, tiżgura li l-appoġġ fl-ambitu tal-Faċilità jiġi kkomunikat u rikonoxxut permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ finanzjament.

    2.   Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, inkluż, fejn applikabbli, billi jesponu l-emblema tal-Unjoni u dikjarazzjoni xierqa dwar il-finanzjament li tkun tgħid “iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea – il-Faċilità tal-Ukrajna”, b’mod partikolari meta jkunu qed jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi inklużi lill-media u lill-pubbliku.

    3.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-Faċilità, mal-azzjonijiet meħuda fl-ambitu tal-Faċilità u mar-riżultati miksuba. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Faċilità għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 3.

    3a.     L-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-pubbliċità għandhom jiġu pprovduti f’format aċċessibbli, f’konformità mal-Artikolu 9 tal-UNCRPD, u l-leġiżlazzjoni armonizzata tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi.

    Artikolu 41

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2662/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top