Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AE4262

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema ta’ Taxxa tal-Uffiċċju Reġistrat għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u li temenda d-Direttiva 2011/16/UE” (COM(2023) 528 final – 2023/0320 (CNS))

    EESC 2023/04262

    ĠU C, C/2024/2103, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2103/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2103/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2024/2103

    26.3.2024

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema ta’ Taxxa tal-Uffiċċju Reġistrat għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u li temenda d-Direttiva 2011/16/UE”

    (COM(2023) 528 final – 2023/0320 (CNS))

    (C/2024/2103)

    Relatur:

    Katrīna ZARIŅA

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 10.11.2023

    Bażi legali

    Artikoli 115 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    18.12.2023

    Adozzjoni fil-plenarja

    17.1.2024

    Sessjoni plenarja Nru

    584

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    222/0/4

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi stabbilita sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (MSMEs) u l-objettivi tagħha, peress li huma konformi mat-tisħiħ tal-MSMEs, jissemplifikaw l-attivitajiet transfruntiera tagħhom, u jnaqqsu l-ostakli amministrattivi u finanzjarji, u jżidu l-kompetittività ġenerali tal-MSMEs.

    1.2

    Il-KESE jinnota li l-adozzjoni tal-proposta għal sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali ser iġġib valur miżjud għoli għan-negozji, l-impjegati u l-Istati Membri. L-SMEs bħalissa jirrappreżentaw kważi l-intrapriżi kollha tas-settur tan-negozju mhux finanzjarju tal-Unjoni Ewropea (UE28) (99,8 %), żewġ terzi tal-impjiegi totali tal-EU28 (66,6 %), u ftit inqas minn tlieta minn kull ħamsa (56,8 %) tal-valur miżjud iġġenerat mis-settur tan-negozju mhux finanzjarju (1). It-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-MSMEs ser iġib iktar vantaġġi kompetittivi għall-operazzjonijiet tagħhom ta’ kuljum.

    1.3

    Il-KESE jħeġġeġ sabiex ma jkun hemm l-ebda dewmien fl-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni dwar is-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Reġistrat biex jissaħħaħ it-tkabbir tal-MSMEs u jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipazzjoni tal-MSMEs b’operazzjonijiet transfruntiera fis-suq intern, u b’hekk jingħata kontribut għat-tkabbir tal-PDG u tal-impjiegi fit-tul.

    1.4

    Il-proposta għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet ta’ konformità relatati mat-taxxa korporattiva fuq l-introjtu għall-MSMEs li diġà jagħmlu negozju transfruntier permezz ta’ stabbilimenti permanenti. Il-KESE jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-introduzzjoni tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali ser tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità għall-kumpaniji li diġà jaħdmu internazzjonalment, tnaqqas l-ostakli u possibbilment tiffranka spejjeż tal-konformità mar-regoli tat-taxxa. Il-proposta tista’ tinċentiva wkoll lil MSMEs oħra biex jibdew operazzjonijiet transfruntiera.

    1.5

    Il-proposta għandha wkoll l-għan li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u finanzjarji għall-MSMEs f’termini ta’ regolamenti tat-tassazzjoni fil-livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-KESE jappella għall-valutazzjoni regolari tal-proċeduri nazzjonali dwar l-ikkalkular u l-ħlas tat-taxxi biex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji u tiżdied il-kompetittività ġenerali tal-kumpaniji.

    1.6

    Għalissa, il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta għal sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali għall-MSMEs awtonomi li joperaw b’mod transfruntier fi Stat Membru wieħed jew aktar esklużivament permezz ta’ stabbilimenti permanenti. Fl-istess ħin, il-KESE jinnota li, fit-twettiq tal-valutazzjoni ex post ippjanata biex tiġi evalwata l-effettività tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali għall-MSMEs ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra u tevalwa l-possibbiltà li testendi s-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali biex tinkludi l-SMEs li joperaw b’mod transfruntier permezz ta’ sussidjarji.

    1.7

    Il-KESE jinnota li s-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali u l-proposti tal-BEFIT (Business in Europe: Framework for Income Taxation) huma kkunsidrati komplementari mill-Kummissjoni peress li l-BEFIT huwa primarjament immirat lejn gruppi kbar li joperaw fl-UE u ser ikun fakultattiv għal gruppi ta’ SMEs b’sussidjarji fi Stati Membri oħra li jadottaw kontijiet konsolidati.

    1.8

    Fl-istess ħin, il-KESE josserva li n-natura fakultattiva tal-proposta għal sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali fir-rigward tal-SMEs b’mod ġenerali u tal-proposta tal-BEFIT fir-rigward tal-gruppi tal-SMEs b’kontijiet konsolidati se toħloq oqfsa legali differenti madwar l-UE għall-kumpaniji f’sitwazzjonijiet potenzjalment komparabbli. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja l-evoluzzjoni tar-regoli l-ġodda dwar is-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali u l-implikazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, peress li l-koeżistenza ta’ oqfsa legali differenti applikabbli għal atturi komparabbli tista’ tiġġenera frammentazzjoni u diskrepanzi, li possibbilment jagħmlu ħsara lill-konsolidazzjoni tas-suq intern.

    1.9

    Il-KESE jemmen li s-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali ser iżżid u ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri. Il-kooperazzjoni bejniethom hija l-qofol għall-implimentazzjoni b’suċċess u sinifikanti tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali proposta u l-kisba tal-objettivi stabbiliti.

    1.10

    Il-KESE huwa konvint li l-iskeda ta’ żmien proposta għat-traspożizzjoni tad-Direttiva hija biżżejjed biex jiġu aġġustati s-sistemi tal-IT tal-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri u jiġi żgurat l-iskambju bla xkiel tad-data fost l-Istati Membri fi stadji aktar tard, u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu azzjoni rapida f’dan ir-rigward.

    1.11

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-MSMEs wara l-adozzjoni tal-Proposta biex tissensibilizza l-mekkaniżmu tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali disponibbli bejn l-MSMEs ħalli jintlaħqu aħjar l-objettivi tat-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji, iż-żieda tal-attività transfruntiera u l-użu sħiħ tal-vantaġġi tas-Suq Uniku. Il-partijiet rilevanti għandhom jiddedikaw ukoll riżorsi biex jiżguraw taħriġ u appoġġ metodoloġiku għall-MSMEs dwar kif iħejju d-“dikjarazzjoni tat-taxxa fuq it-tassazzjoni tal-Uffiċċju Prinċipali”.

    2.   Sfond

    2.1

    F’Settembru 2023, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs, inkluża proposta għal Regolament dwar il-ħlasijiet tard, proposta għal Direttiva dwar is-simplifikazzjoni tat-taxxa għall-SMEs, li tistabbilixxi sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali għall-SMEs u sett ta’ miżuri biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-SMEs, b’enfasi fuq it-titjib tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, iż-żieda fl-aċċess għall-finanzi, it-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol u mekkaniżmi oħra ta’ appoġġ.

    2.2

    Il-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi sistema ta’ Taxxa tal-Uffiċċju Reġistrat għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju tittratta regoli semplifikati favur SMEs awtonomi li joperaw b’mod transfruntier fl-UE, fir-rigward tal-istabbilimenti permanenti (2) tagħhom li jinsabu fi Stati Membri oħra.

    2.3

    L-SMEs bħalissa jirrappreżentaw kważi l-intrapriżi kollha tas-settur tan-negozju mhux finanzjarju tal-Unjoni Ewropea (UE28) (99,8 %), żewġ terzi tal-impjiegi totali tal-UE28 (66,6 %) u ftit inqas minn tlieta minn kull ħamsa (56,8 %) tal-valur miżjud iġġenerat mis-settur tan-negozju mhux finanzjarju (3).

    2.4

    Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni huwa limitat għal SMEs awtonomi (4) li joperaw esklużivament b’mod transfruntier permezz ta’ stabbilimenti permanenti fi Stat Membru wieħed jew iktar skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Proposta għal Direttiva (5). Min-naħa l-oħra, is-sussidjarji mhumiex inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea u mhumiex se jkunu eliġibbli biex jużaw il-vantaġġi tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali.

    2.5

    F’termini prattiċi, l-SMEs eliġibbli ser ikunu jistgħu jikkalkulaw ir-riżultati taxxabbli tal-istabbilimenti permanenti tagħhom abbażi biss tar-regoli tat-tassazzjoni tal-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħhom, filwaqt li r-rati tat-taxxa applikabbli ser jibqgħu dawk tal-Istat(i) Membru/i fejn l-istabbiliment(i) permanenti huwa/huma fil-fatt jinsab(u).

    2.6

    Il-miżuri ta’ semplifikazzjoni implimentati mill-proposta tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali, u t-tiġdid possibbli tagħhom maż-żmien, huma strettament limitati minn rekwiżiti speċifiċi ta’ eliġibbiltà (6) mmirati biex jevitaw ir-riskju li r-regoli tat-tassazzjoni jiġu evitati.

    2.7

    L-għażla magħmula disponibbli mill-proposta tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali għandha ddum ħames snin (l-Artikolu 7), sakemm fil-frattemp ir-residenza tal-Uffiċċju Prinċipali ma tinbidilx, jew il-fatturat konġunt tal-istabbilimenti permanenti ma jsirx mill-inqas tliet darbiet tal-fatturat tal-uffiċċju prinċipali (l-Artikolu 8). F’każijiet bħal dawn, ir-regoli tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali mhux ser jibqgħu applikabbli.

    2.8

    Fi tmiem kull perjodu ta’ ħames snin, l-SMEs ser ikunu intitolati jġeddu l-għażla tagħhom għal ħames snin addizzjonali mingħajr limiti, dment li jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà stabbiliti mill-proposta tal-Kummissjoni (l-Artikolu 9). F’każ li SME awtonoma tiddeċiedi li tistabbilixxi sussidjarja, jew il-fatturat konġunt tal-istabbilimenti permanenti tagħha jsir mill-inqas id-doppju tal-fatturat tal-uffiċċju prinċipali, jew meta ma tibqax tikkwalifika bħala SME għal kollox, ma tistax iġġedded ir-regoli tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali meta jiskadi l-perjodu ta’ ħames snin (l-Artikolu 10).

    2.9

    Mil-lat organizzattiv, punt uniku ta’ servizz ser jippermetti lill-SMEs jinteraġixxu biss mal-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Istat Membru tal-uffiċċju prinċipali tagħhom, kemm għall-proċedura ta’ parteċipazzjoni, kif ukoll għall-preżentazzjoni tal-obbligi u l-ħlas tat-taxxi.

    2.10

    B’mod iktar speċifiku, l-“entità dikjaranti” għall-istabbilimenti permanenti kollha ser tkun l-uffiċċju prinċipali tal-SME, li għalhekk ser tippreżenta dikjarazzjoni waħda tat-taxxa lill-amministrazzjoni tat-taxxa tal-uffiċċju prinċipali tagħha (l-“awtorità tad-dikjarazzjoni” – l-Artikolu 11). Din l-amministrazzjoni tat-taxxa ser tapplika r-rati tat-taxxa applikabbli fl-Istat(i) Membru/i fejn l-SME żżomm stabbilimenti permanenti u sussegwentement tittrasferixxi d-dħul mit-taxxa li jirriżulta lil kull Stat Membru fejn l-SME żżomm istabbiliment permanent (l-Artikolu 12).

    2.11

    Skambju ta’ informazzjoni f’waqtu u semplifikat bejn id-diversi awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali kkonċernati, inklużi awditi konġunti, huwa inkluż fil-proposta, b’mod partikolari bl-użu tal-qafas eżistenti stabbilit mid-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (l-Artikolu 13).

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni u l-objettivi tagħha, peress li huma konformi mal-appoġġ għall-MSMEs, jissemplifikaw l-attivitajiet transfruntiera tagħhom u jnaqqsu l-piż amministrattiv u finanzjarju, u jżidu l-kompetittività ġenerali tal-MSMEs. L-importanza li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-konformità għall-MSMEs segwiti mill-proposta tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali, ġiet enfasizzata f’diversi Opinjonijiet preċedenti tal-KESE.

    3.2

    Il-KESE jinnota li, skont l-istimi tal-Kummissjoni, l-SMEs jonfqu madwar 2,5 % tal-fatturat tagħhom fuq il-konformità mal-obbligi tat-taxxa tagħhom, filwaqt li l-intrapriżi l-kbar jonfqu 0,7 % peress li huwa proporzjonalment iktar diffiċli għall-SMEs li jittrattaw ġabriet differenti ta’ regoli tat-taxxa fl-Istati Membri kollha. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ l-approvazzjoni rapida tal-proposta tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali biex jiġu appoġġjati l-MSMEs fit-tnaqqis tal-piż tal-ispejjeż tal-konformità u l-iżvantaġġ kompetittiv relatat li jiffaċċjaw l-intrapriżi żgħar u speċjalment il-mikrointrapriżi, meta mqabbla ma’ intrapriżi kbar.

    3.3

    Fl-istess ħin, il-KESE jixtieq iħeġġeġ lill-Istati Membri individwali biex jivvalutaw regolarment il-proċeduri għall-ikkalkular u l-ħlas tat-taxxi u jagħmlu t-titjib meħtieġ biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u finanzjarju fuq in-negozji. Il-KESE jinnota li hemm differenzi bejn l-Istati Membri fejn għandu x’jaqsam tul (ta’ ħin) tal-ikkalkular u l-ħlas tat-taxxi. Il-proposta tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali jista’ jkollha impatt pożittiv fuq l-armonizzazzjoni tal-proċeduri tat-tassazzjoni u d-diġitalizzazzjoni.

    3.4

    Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li Direttiva tal-UE hija aktar adattata minn pluralità ta’ inizjattivi leġiżlattivi nazzjonali biex tiġi ssemplifikata t-tassazzjoni tal-MSMEs b’attivitajiet transfruntiera u l-ispejjeż ta’ konformità interkonnessi. Problemi bħal dawn huma komuni għall-Istati Membri kollha u ma jistgħux jiġu indirizzati effettivament minn diversi azzjonijiet nazzjonali, li jwasslu għal frammentazzjoni u diskrepanzi. F’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni hija kompletament konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tidher li tista’ tissemplifika l-qafas regolatorju favur l-MSMEs.

    3.5

    Il-proposta tal-Kummissjoni tirrispetta wkoll il-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet transfruntiera mill-MSMEs, u b’hekk tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tas-Suq Uniku. Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, ta’ min jinnota li l-miżuri proposti jikkonċernaw biss l-ikkalkular tar-riżultati taxxabbli tal-istabbilimenti permanenti, mingħajr ma jarmonizzaw ir-regoli tat-tassazzjoni fl-Istati Membri li ser ikomplu japplikaw ir-rati u l-bażijiet tat-taxxa tagħhom stess.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1

    Il-KESE jqis li d-dispożizzjonijiet dwar l-eliġibbiltà u t-terminazzjoni previsti fl-Artikoli 4 u 8 tal-proposta għal Direttiva huma mfassla kif dovut biex jiskoraġġixxu prattiki potenzjali ta’ ppjanar tat-taxxa mmirati biex jiddeliberaw b’mod strateġiku t-trasferiment tal-Uffiċċju Prinċipali lejn pajjiż b’taxxa (aktar) baxxa.

    4.2

    Il-KESE jaqbel li l-perjodu ta’ 5 snin stabbilit għat-tul tal-ewwel għażla fi ħdan il-qafas tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali, u għat-tiġdid possibbli tiegħu maż-żmien, jidher raġonevoli biex jagħti stabbiltà u effettività lir-regoli l-ġodda, u fl-istess ħin jipprevjeni l-ippjanar tat-taxxa u jippermetti li l-evoluzzjoni u t-tkabbir ta’ intrapriża partikolari jiġu vvalutati maż-żmien sabiex l-MSMEs ikunu jistgħu jagħżlu l-aktar għażliet adegwati ta’ tassazzjoni.

    4.3

    Il-KESE jemmen li l-proposta għal sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali ser tiżgura valur miżjud fit-tul għall-Istati Membri, għall-kuntrarju ta’ żieda fuq terminu qasir tal-ispejjeż ta’ aġġustament biex jiġu aġġornati s-sistemi tal-IT tal-awtoritajiet tat-taxxa. Sistemi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, bħalma hi d-DAC, huma diġà fis-seħħ u jintużaw b’mod wiesa’. Il-KESE huwa konvint dwar il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet tat-taxxa għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-proposta.

    4.4

    Il-KESE jaqbel ukoll mal-Kummissjoni dwar l-impatt pożittiv mistenni miż-żieda potenzjali tal-bażi tat-taxxa, it-tkabbir tal-PDG, u l-impjiegi fl-Istati Membri wara l-implimentazzjoni tal-aħjar Sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali għall-MSMEs.

    4.5

    Madankollu, il-KESE jqis li l-ġbir ta’ data aktar speċifika fl-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni ċertament kien itejjeb il-proposta billi jidentifika aħjar l-aspetti kwantitattivi tal-benefiċċji mistennija.

    4.6

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa l-applikazzjoni tad-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, filwaqt li tqis l-adattament possibbli jekk jitqies xieraq kif previst mill-Artikolu 19 tal-Proposta għal Direttiva. Il-kollaborazzjoni tal-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni utli hija kruċjali f’dan ir-rigward.

    4.7

    Il-monitoraġġ kostanti rigward l-effettività u l-effiċjenza tal-proposta tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali, stabbilita mill-Kummissjoni, ċertament ser ikun utli. Il-parametri ta’ evalwazzjoni kkunsidrati kollha stabbiliti mill-Kummissjoni jidhru rilevanti (7). Il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari fir-rigward tal-ispejjeż ta’ konformità għall-MSMEs li jagħżlu l-iskema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali fir-rigward ta’: i) il-fatturat tagħhom u ii) meta mqabbla ma’ MSMEs komparabbli li ma japplikawx is-semplifikazzjoni proposta. Aspetti bħal dawn ser ikunu kruċjali biex jinftiehem il-benefiċċju attwali għall-MSMEs f’termini ta’ semplifikazzjoni u biex tiġi vvalutata l-utilità tal-qafas il-ġdid tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali għal kumpaniji addizzjonali eliġibbli biex jipparteċipaw.

    4.8

    Il-KESE jissuġġerixxi li, fit-twettiq tal-valutazzjoni ex post ippjanata biex tiġi evalwata l-effettività tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali għall-MSMEs ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra u tevalwa l-possibbiltà li testendi s-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali biex tinkludi l-SMEs li joperaw b’mod transfruntier permezz ta’ sussidjarji.

    4.9

    Il-KESE jinnota li s-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali u l-proposti tal-BEFIT huma kkunsidrati komplementari mill-Kummissjoni peress li l-BEFIT huwa primarjament immirat lejn gruppi kbar li joperaw fl-UE u ser ikun fakultattiv għal gruppi ta’ SMEs b’sussidjarji fi Stati Membri oħra li jadottaw kontijiet konsolidati. Skont il-Kummissjoni, il-proposta għal sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali tissemplifika r-regoli għall-SMEs matul l-istadji bikrija tagħhom ta’ espansjoni. Jekk l-SMEs jespandu u jikbru b’suċċess, jistgħu jaqbżu l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar it-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali, iżda mbagħad ser ikunu jistgħu jagħżlu li jipparteċipaw fil-BEFIT.

    4.10

    Il-KESE josserva li n-natura fakultattiva kemm tal-proposta tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali kif ukoll tal-proposta BEFIT fir-rigward tal-gruppi tal-SMEs b’kontijiet konsolidati, ser tirriżulta f’regoli tat-taxxa differenti għall-kumpaniji f’sitwazzjonijiet li kieku kienu jkunu komparabbli kemm fl-UE kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri, u tħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja l-evoluzzjoni tal-ġabra l-ġdida ta’ regoli dwar is-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali u l-implikazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward. Il-koeżistenza ta’ oqfsa legali differenti applikabbli għal atturi komparabbli tista’ tabilħaqq tiġġenera frammentazzjoni u diskrepanzi, li possibbilment jagħmlu ħsara lill-konsolidazzjoni tas-suq intern.

    4.11

    Il-KESE jenfasizza l-importanza li fl-Istati Membri jiġu promossi u mgħarrfa b’mod adegwat il-valur miżjud għall-SMEs f’termini ta’ simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ konformità tal-proposta leġiżlattiva tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali favur l-MSMEs li joperaw b’mod transfruntier, peress li l-benefiċċji attwali ta’ inizjattiva bħal din jistgħu ma jkunux ċari jew saħansitra mhux magħrufa minn diversi impriżi. Għalhekk, il-possibbiltà li wieħed jagħżel is-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali tista’ ssir iktar mifruxa u aċċessibbli, tnaqqas ir-riskju ta’ distorsjoni fil-kompetizzjoni u ttejjeb il-possibbiltajiet ulterjuri ta’ konsolidazzjoni tas-Suq Uniku.

    4.12

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs wara l-adozzjoni tal-proposta biex tissensibilizza, fost l-MSMEs, il-mekkaniżmu disponibbli tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali biex jissaħħu l-użu u l-benefiċċji tiegħu fl-UE. Il-partijiet rilevanti għandhom jiddedikaw ukoll riżorsi biex jiżguraw taħriġ u appoġġ metodoloġiku għall-MSMEs dwar kif iħejju d-“dikjarazzjoni tat-taxxa tas-sistema tat-Taxxa tal-Uffiċċju Prinċipali”. Dan jinkludi wkoll appoġġ biex jiżdied il-litteriżmu diġitali tal-MSMEs.

    Brussell, is-17 ta’ Jannar 2024.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Oliver RÖPKE


    (1)  Spejjeż tal-konformità mat-taxxa għall-SMEs. Tax compliance costs for SMEs (Spejjeż tal-konformità mat-taxxa għall-SMEs) – Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE (europa.eu) (mhux disponibbli bil-Malti).

    (2)  Stabbiliment permanenti jfisser post fiss tan-negozju li jinsab fi Stat Membru ieħor, kif definit skont il-konvenzjoni bilaterali rilevanti dwar l-evitar ta’ taxxa doppja jew, fin-nuqqas ta’ dan, fil-liġi nazzjonali.

    (3)  Spejjeż tal-konformità mat-taxxa għall-SMEs. Tax compliance costs for SMEs (Spejjeż tal-konformità mat-taxxa għall-SMEs) – Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE (europa.eu) (mhux disponibbli bil-Malti).

    (4)  Għad-definizzjoni tal-SMEs, id-Direttiva proposta tirreferi għad-Direttiva 2013/34/UE dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati, u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi. Skont id-definizzjonijiet tal-SMEs f’dik id-Direttiva, kumpanija tkun fil-kamp ta’ applikazzjoni biss jekk, fid-data tal-karta bilanċjali tagħha, ma taqbiżx il-limiti ta’ mill-inqas tnejn mit-tliet kriterji li ġejjin: it-total tal-karta tal-bilanċ: EUR 20 miljun; il-fatturat nett: EUR 40 miljun; u/jew n-numru medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja: 250.

    (5)  Skont l-Artikolu 2, “Din id-Direttiva tapplika għall-SMEs li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

    (a)

    ikunu stabbiliti skont id-dritt ta’ Stat Membru u jieħdu waħda mill-forom elenkati fl-Annessi I u II;

    (b)

    ikunu residenti għal finijiet tat-taxxa fi Stat Membru f’konformità mal-liġijiet tat-taxxa ta’ dak l-Istat Membru, inkluż il-konvenzjonijiet bilaterali tiegħu għall-evitar tat-tassazzjoni doppja;

    (c)

    ikunu soġġetti, direttament jew fil-livell tas-sidien tagħhom, għal taxxa fuq il-profitti elenkati fl-Annessi III u IV, jew għal kwalunkwe taxxa oħra b’karatteristiċi simili;

    (d)

    jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) kif definiti fid-Direttiva 2013/34/UE;

    (e)

    joperaw fi Stati Membri oħrajn esklużivament permezz ta’ stabbiliment permanenti wieħed jew aktar;

    (f)

    ma jkunux parti minn grupp konsolidat għal finijiet ta’ kontabilità finanzjarja f’konformità mad-Direttiva 2013/34/UE u jikkostitwixxu intrapriża awtonoma, li tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    ma hijiex intrapriża assoċjata skont it-tifsira tal-Artikolu 2(13) tad-Direttiva 2013/34/UE;

    ma hijiex intrapriża relatata skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE.”

    (6)   “L-uffiċċju reġistrat jista’ jagħżel li japplika r-regoli tat-tassazzjoni tal-uffiċċju reġistrat fir-rigward tal-istabbiliment(i) permanenti tiegħu fi Stati Membri oħrajn jekk jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    il-fatturat konġunt tal-istabbilimenti permanenti tiegħu ma jaqbiżx, għall-aħħar sentejn fiskali, ammont ugwali għad-doppju tal-fatturat iġġenerat mill-uffiċċju reġistrat;

    (b)

    kien residenti għal finijiet tat-taxxa fl-Istat Membru tal-uffiċċju reġistrat matul l-aħħar sentejn fiskali;

    (c)

    issodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1), il-punt d) għall-aħħar sentejn fiskali”.

    (7)  Artikolu 19, paragrafu 2: “L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tad-Direttiva, f’konformità mal-paragrafu 3, inkluż id-data aggregata dwar in-numru ta’ SMEs eliġibbli meta mqabblin mal-SMEs li rrikorrew għall-inklużjoni fakultattiva, il-fatturat u l-kostijiet tal-konformità tagħhom meta mqabblin mal-fatturat; data dwar in-numru ta’ SMEs li espandew b’mod transfruntier billi waqqfu stabbiliment permanenti u n-numru ta’ SMEs li ġew skwalifikati minħabba l-ħolqien ta’ sussidjarja, jew l-kostijiet tal-konformità għall-SMEs li japplikaw l-għażla.”


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2103/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top