Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AE3611

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar (a) “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 1095/2010 u (UE) 2022/2554” (COM(2023) 360 final — 2023/0205 (COD)), (b) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi ta’ pagament u servizzi ta’ flus elettroniċi fis-Suq Intern li temenda d-Direttiva 98/26/KE u li tħassar id-Direttivi 2015/2366/UE u 2009/110/KE” (COM(2023) 366 final — 2023/0209 (COD)) u (c) “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010” (COM(2023) 367 final — 2023/0210 (COD))

    EESC 2023/03611

    ĠU C, C/2024/1594, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1594/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1594/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2024/1594

    5.3.2024

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    (a) “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 1095/2010 u (UE) 2022/2554”

    (COM(2023) 360 final — 2023/0205 (COD))

    (b) “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizzi ta’ pagament u servizzi ta’ flus elettroniċi fis-Suq Intern li temenda d-Direttiva 98/26/KE u li tħassar id-Direttivi 2015/2366/UE u 2009/110/KE”

    (COM(2023) 366 final — 2023/0209 (COD))

    u (c) “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010”

    (COM(2023) 367 final — 2023/0210 (COD))

    (C/2024/1594)

    Relatur:

    João NABAIS

    Konsultazzjonijiet

    (a)

    Parlament Ewropew, 19.10.2023

    (b)

    Parlament Ewropew, 11.9.2023

    (c)

    Parlament Ewropew, 11.9.2023

    Bażi legali

    (a)

    Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    (b)

    Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    (c)

    Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    23.11.2023

    Adozzjoni fil-plenarja

    14.12.2023

    Sessjoni plenarja Nru

    583

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    197/7/13

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-inklużjoni tas-servizzi tal-flus elettroniċi u tas-servizzi tal-Kaxxiera Awtomatizzati (ATMs) indipendenti fid-Direttiva (kif ukoll ir-Regolament), peress li dan iżid is-salvagwardji għall-utenti.

    1.2.

    Il-KESE jqis li huwa meħtieġ li jiġi ċċarat f’din id-Direttiva l-ġdida jekk il-portafolli diġitali (bħal Apple jew Google Pay) humiex inklużi jew le.

    1.3.

    Ir-rwol tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ospitanti għandu jiġi estiż u għandu jinkludi aktar setgħat fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ pagament li jwettqu l-attivitajiet tagħhom billi jeżerċitaw id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    1.4.

    Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjoni fid-Direttiva proposta fir-rigward ta’ servizzi ta’ forniment ta’ flus kontanti fil-ħwienet bl-imnut.

    1.5.

    Huwa jqis li l-perjodu ta’ ħames snin stabbilit fil-klawżola ta’ reviżjoni tad-Direttiva proposta (Artikolu 43) huwa twil wisq.

    1.6.

    It-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi ta’ Pagament (1) (PSD2), li tissostitwixxi lil din tal-aħħar b’direttiva u bir-Regolament dwar is-Servizzi ta’ Pagament (2) (PSR) propost, huwa nieqes minn dispożizzjoni għal protezzjoni aktar b’saħħitha tal-konsumatur kontra tipi ġodda ta’ frodi u scams; għal din ir-raġuni l-KESE jipproponi firxa ta’ miżuri taħt il-punt 3.2.7 hawn taħt.

    1.7.

    Il-KESE jqis li l-introduzzjoni ta’ informazzjoni minn qabel dwar l-ispejjeż tal-irtirar (Artikolu 7 tal-PSR) hija pożittiva.

    1.8.

    Huwa jilqa’ l-proposta li tiġi estiża l-projbizzjoni fuq żieda fl-imposti għal trasferimenti ta’ kreditu u tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett fil-muniti kollha tal-UE (Artikolu 28 tal-PSR).

    1.9.

    Il-KESE jilqa’ wkoll id-dispożizzjonijiet tal-PSR li jirrikjedu l-istabbiliment ta’ dashboards tal-permessi u l-permess tal-utenti għall-pagamenti.

    1.10.

    Huwa jwissi li mhuwiex aċċettabbli li l-konsumaturi jiġu mħeġġa jintroduċu l-kredenzjali ta’ sigurtà tagħhom fuq siti web ta’ partijiet terzi.

    1.11.

    Il-KESE jitlob li tiġi kkunsidrata l-korrelazzjoni bejn id-Direttiva proposta dwar il-pagamenti istantanji u l-PSR fir-rigward tal-verifika tan-Numru Internazzjonali tal-Kont Bankarju (IBAN). Hawnhekk jirreferi għall-opinjoni tiegħu dwar ir-Regolament dwar il-Pagamenti Instantanji (3).

    1.12.

    Barra minn hekk, il-KESE jitlob li tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni ta’ dawn is-servizzi għal pagamenti f’lottijiet.

    1.13.

    Il-projbizzjoni fuq il-Fornituri tas-Servizzi ta’ Pagament (PSPs) li unilateralment iżidu l-limiti tal-infiq tal-istrumenti ta’ pagament (Artikolu 51) hija pożittiva ħafna.

    1.14.

    Ir-regoli dwar l-imblukkar tal-fondi ta’ pagament meta l-ammont tat-tranżazzjoni ma jkunx magħruf minn qabel għandhom jintlaqgħu tajjeb (Artikolu 61 tal-PSR).

    1.15.

    Minħabba n-natura serja tal-frodi u l-iscams li spiss jiġu pprattikati, meta jkun raġonevoli li wieħed jissuspetta li seħħet frodi, ir-Regolament propost għandu jikkunsidra l-possibbiltà li tiġi introdotta dispożizzjoni fl-iskemi għall-irkupru tal-fondi, mingħajr ma jiġi affettwat is-saldu.

    1.16.

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jittejbu d-dispożizzjonijiet tal-PSR dwar l-Awtentikazzjoni Qawwija tal-Konsumatur.

    1.17.

    Ir-Regolament propost dwar il-finanzi miftuħa (4) għandu jsib bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-partijiet involuti, mingħajr ma tintilef il-ħtieġa li tiġi protetta d-data tal-klijenti. Għandu jiġi pprovdut taħriġ adatt għall-persunal tal-PSP, bl-għan li jkun hemm provvista aħjar tas-servizzi. Il-KESE jemmen li l-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (5) (GDPR) għandu jiġi ggarantit.

    1.18.

    Il-lista tal-kategoriji tad-data tal-klijenti fir-Regolament propost hija pjuttost komprensiva u ġiet estiża (Artikolu 2), iżda għad hemm riskju ta’ użu ħażin u interferenza illeġittima mad-data miġbura.

    1.19.

    Ir-Regolament propost jonqos milli jipprojbixxi l-użu ta’ data personali sensittiva u data finanzjarja rilevanti u ma jissalvagwardjax kif imiss il-bilanċ u t-trasparenza.

    1.20.

    Id-dashboards (u l-portali) iridu jsegwu xejriet speċifiċi li jippermettu lill-konsumaturi jagħtu l-kunsens tagħhom għad-data li tista’ tiġi kondiviża u jiddeterminaw ma’ liema entitajiet u għal liema skopijiet tiġi kondiviża d-data tagħhom.

    2.   Sfond u l-problemi identifikati

    2.1.

    Il-Kummissjoni wriet li temmen bis-sħiħ li d-deċiżjoni li jiġu ppreżentati żewġ strumenti legali separati tkun l-aktar approċċ adatt għal-leġiżlazzjoni dwar il-pagamenti, peress li Direttiva separata li tirregola l-liċenzjar u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet li jipprovdu servizzi ta’ pagament u servizzi ta’ flus elettroniċi hija ġġustifikata minħabba li dawn il-kompetenzi għadhom fil-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni mhijiex qed tipproponi li dawn jiġu trasferiti għal kompetenza fil-livell tal-UE.

    2.2.

    Għalkemm il-PSD2 tista’ titqies li fil-biċċa l-kbira laħqet l-objettivi identifikati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar ippubblikat valutazzjoni tal-impatt tagħha u kkonkludiet li għadhom jippersistu erba’ problemi ewlenin fis-suq tal-pagamenti tal-UE.

    2.3.

    Il-problemi identifikati mill-Kummissjoni huma kif ġej: (1) il-konsumaturi jinsabu f’riskju ta’ frodi u nuqqas ta’ fiduċja fil-pagamenti; (2) is-settur bankarju miftuħ għadu qed jiżviluppa u jeħtieġ titjib; (3) is-superviżuri fl-Istati Membri tal-UE għandhom setgħat u obbligi inkonsistenti; (4) hemm kundizzjonijiet mhux ekwivalenti bejn il-banek u l-PSPs mhux bankarji.

    2.4.

    Il-Kummissjoni tqis li dawn l-erba’ problemi għandhom il-konsegwenzi li ġejjin għas-suq: (1) l-utenti (konsumaturi, negozjanti u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)) ikomplu jkunu esposti għar-riskju ta’ frodi u għandhom għażla limitata ħafna ta’ servizzi ta’ pagament, u jiffaċċjaw prezzijiet ogħla milli suppost; (2) il-fornituri ta’ servizzi bankarji jiffaċċjaw l-istess ostakli meta joffru servizzi bażiċi u jsibuha iżjed diffiċli jinnovaw; (3) il-PSPs jesperjenzaw inċertezza dwar l-obbligi tagħhom, u l-PSPs mhux bankarji għandhom żvantaġġ kompetittiv kontra l-banek; (4) hemm ineffiċjenzi ekonomiċi u spejjeż ogħla għall-operazzjonijiet kummerċjali, li kollha għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-UE; u (5) is-suq intern għall-pagament huwa frammentat u qed jiġi pprattikat “forum shopping” (jiġifieri meta l-kumpaniji jfittxu l-Istat Membru bl-iżjed qafas leġiżlattiv favorevoli).

    2.5.

    Fir-rigward tar-Regolament (6) propost, fl-2020, il-Kummissjoni kienet diġà identifikat il-promozzjoni ta’ ambjent finanzjarju bbażat fuq id-data bħala waħda mill-prijoritajiet tal-istrateġija tagħha għall-finanzi u l-pagamenti diġitali u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tressaq proposta leġiżlattiva biex toħloq qafas aħjar għall-aċċess għad-data finanzjarja.

    2.6.

    Ir-regolazzjoni tal-aċċess għad-data finanzjarja tikkonċerna l-ipproċessar ta’ data f’relazzjoni bejn negozju u ieħor jew bejn negozju u klijent (inkluż il-konsumatur), abbażi ta’ talba — rekwiżit fundamentali — minn klijent għal firxa wiesgħa ta’ servizzi finanzjarji.

    3.   Analiżi u kummenti ġenerali

    3.1.   Proposta għal Direttiva dwar servizzi ta’ pagament u servizzi ta’ flus elettroniċi (7)

    3.1.1.

    Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni (Artikoli 1 u 2 u Premessi 13 u 68), din il-Proposta għal Direttiva hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq it-Titolu II tal-PSD2 — Fornituri ta’ servizzi ta’ pagament — li japplika biss għall-istituzzjonijiet ta’ pagament.

    3.1.2.

    Il-proposta preżenti taġġorna u tiċċara d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ pagament billi tinkludi dawk li qabel kienu istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi fis-subkategorija tal-istituzzjonijiet ta’ pagament, u konsegwentement tħassar it-Tieni Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi (8).

    3.1.3.

    Barra minn hekk, tinkludi dispożizzjonijiet dwar servizzi ta’ ġbid ta’ flus kontanti pprovduti min-negozjanti (mingħajr il-ħtieġa li jsir xiri) jew minn magni indipendenti ta’ flus kontanti jew minn amministraturi ta’ Kaxxiera Awtomatizzati (ATMs), u tirrevedi d-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu (9).

    3.1.4.

    Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni tas-servizzi tal-flus elettroniċi fid-Direttiva (kif ukoll fir-Regolament), peress li dan iżid is-salvagwardji għall-utenti ta’ dawn is-servizzi kif ukoll is-servizzi ta’ pagament diġà koperti mill-PSD2.

    3.1.5.

    L-inklużjoni ta’ servizzi indipendenti tal-ATMs hija pożittiva wkoll.

    3.1.6.

    Madankollu, il-KESE jinnota li għad hemm għadd konsiderevoli ta’ esklużjonijiet li jħallu ħafna servizzi barra minn dak li huwa qafas regolatorju meħtieġ u adatt.

    3.1.7.

    Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat f’din id-Direttiva l-ġdida jekk il-portafolli diġitali (bħal Apple jew Google Pay) humiex inklużi jew le, peress li dawn is-servizzi jintużaw ħafna għall-pagamenti madwar id-dinja u huma pjuttost popolari fl-UE wkoll. Għalhekk, il-KESE jargumenta li dawn għandhom jiġu inklużi.

    3.1.8.

    Fil-fatt, il-KESE jemmen li mhuwiex sew li dawn l-istrumenti ta’ pagament jiġu kkunsidrati biss fir-reviżjoni futura li għandha ssir ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, meta wieħed iqis kemm dawn is-servizzi diġà huma importanti llum.

    3.1.9.

    Fir-rigward tas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ pagament li jwettqu l-attivitajiet tagħhom billi jeżerċitaw id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (Artikolu 31 tad-Direttiva proposta), ir-rwol tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandu jiġi estiż u għandu jinkludi aktar setgħat.

    3.1.10.

    Bħalissa, hemm ħafna każijiet fejn l-utenti huma obbligati jressqu lmenti mal-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih tinsab l-istituzzjoni ta’ pagament — jiġifieri, f’pajjiż differenti minn dak li fih jinsabu l-utenti.

    3.1.11.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-għażla li jitwaqqaf punt ta’ kuntatt ċentrali fl-Istat Membru ospitanti, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, hija pożittiva, għalkemm il-KESE jipproponi li dan ikun obbligatorju u mhux sempliċement għażla.

    3.1.12.

    Fir-rigward tas-servizzi ta’ forniment ta’ flus kontanti fil-ħwienet bl-imnut (Artikolu 37 tad-Direttiva proposta), din id-dispożizzjoni għandha tintlaqa’ tajjeb, peress li twieġeb għal ħtieġa li tirriżulta mit-tnaqqis gradwali fl-aċċess għal flus kontanti, issa li aktar u aktar ATMs u fergħat bankarji qed jingħalqu.

    3.1.13.

    Fir-rigward tal-klawżola ta’ rieżami (Artikolu 43 tal-Proposta għal Direttiva), il-KESE jqis li l-perjodu ta’ ħames snin qabel ma ssir reviżjoni huwa twil wisq, minħabba l-pass tal-innovazzjoni fis-servizzi u l-ħolqien prevedibbli ta’ fornituri ta’ servizzi ġodda u aktar sofistikati, kif ukoll l-emerġenza ta’ tipi ġodda ta’ frodi, li jagħmilha essenzjali li l-qafas legali u regolatorju jiġi aġġornat b’mod aktar frekwenti.

    3.2.   Proposta għal Regolament dwar is-Servizzi ta’ Pagament (10)

    3.2.1.

    F’dawn l-aħħar snin, id-Direttivi maħruġa f’dan il-qasam introduċew miżuri li kellhom impatt pożittiv ħafna, bħat-tnaqqis tar-responsabbiltà tal-utenti tal-karti ta’ pagament għal EUR 50 fil-każ ta’ pagamenti mhux awtorizzati, id-dritt għal rimborż f’każ ta’ debiti diretti żbaljati kkontestati fi żmien perjodu ta’ 8 ġimgħat, il-projbizzjoni ta’ imposti addizzjonali għall-użu ta’ pagamenti bil-karti ta’ kreditu jew ta’ debitu, u, fl-aħħar nett, l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ Awtentikazzjoni Qawwija tal-Konsumatur.

    3.2.2.

    Madankollu, il-frodi u l-iscams għadhom sors ta’ tħassib serju u issa l-utent huwa l-mira, aktar milli l-istrument jew il-mezz ta’ pagament.

    3.2.3.

    Għalhekk, il-liġijiet u r-regolamenti jridu jgħinu biex jiġu eliminati tali attakki kontra l-klijenti/il-konsumaturi, u jeħtieġ li jindirizzaw ukoll il-phishing u l-ispoofing. Biex tiġġieled il-frodi b’mod aktar effettiv, il-Kummissjoni għandha tiffoka fuq il-prevenzjoni u l-identifikazzjoni, u titfa’ l-mira tagħha fuq il-kriminali billi tagħmilha obbligatorja li jiġu implimentati miżuri għall-partijiet kollha li s-servizzi u s-sistemi tagħhom huma esposti għall-frodi ċibernetika. Fl-istess ħin, għandha tissensibilizza lill-utenti sabiex jipproteġu l-informazzjoni u d-data ta’ aċċess tagħhom.

    3.2.4.

    Kif inhu magħruf sew, f’ħafna każijiet il-pagaturi/il-klijenti jiġu mġiegħla jagħmlu affarijiet bħal li jikkondividu l-kredenzjali tagħhom, bħal passwords jew kodiċijiet, jew jagħmlu pagamenti mill-kontijiet tagħhom.

    3.2.5.

    Fil-prattika, dawn l-azzjonijiet jitwettqu mill-pagaturi/klijenti, iżda taħt l-influwenza tal-kriminali li jirnexxielhom joħolqu kundizzjonijiet biex iqarrqu bihom. Għalkemm, f’każijiet bħal dawn, l-azzjoni titwettaq fiżikament mill-pagatur, xorta jibqa’ l-fatt li, minn perspettiva suġġettiva, din ma tikkorrispondix għal dak li fil-fatt iridu.

    3.2.6.

    F’dan il-kuntest, is-sostituzzjoni tal-PSD2 b’dan ir-Regolament propost hija nieqsa minn dispożizzjoni għal protezzjoni aktar qawwija tal-konsumatur kontra dawn it-tipi ġodda ta’ frodi u scams; dak li huwa nieqes huwa sett usa’ ta’ dispożizzjonijiet, miżuri u rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, u għal entitajiet oħra li s-servizzi u s-sistemi tagħhom huma esposti għal frodi ċibernetika (pereżempju, servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u pjattaformi tal-media soċjali).

    3.2.7.

    Il-KESE qed jipproponi għadd ta’ miżuri li jinkludu: (1) definizzjoni ċara ta’ “negliġenza serja”, “awtorizzazzjoni” u “frodi suspettata/reali”; (2) arranġamenti li jiddefinixxu b’mod ċar ir-responsabbiltà f’tali każijiet ta’ frodi u/jew scams, b’definizzjoni ċara ta’ negliġenza serja u skrutinju, flimkien mad-dritt għal rimborż immedjat għall-ammonti mneħħija mill-kontijiet bankarji; (3) id-definizzjoni ta’ qafas strett għall-qsim tar-responsabbilitajiet bejn il-fornituri ta’ servizz ta’ pagamenti, il-pagaturi u dawk li jirċievu l-pagament, bl-involviment ta’ parteċipanti oħrajn fil-katina tal-pagament; (4) rekwiżit għal monitoraġġ imsaħħaħ tat-tranżazzjonijiet minn fornituri ta’ servizz ta’ pagament, inkluż billi jiġu stabbiliti responsabbiltajiet/obbligi ċara għall-parteċipanti kollha fis-servizz ta’ pagament; (5) rekwiżit biex isir investiment fl-istabbiliment ta’ mezzi kif jiġu identifikati siti web foloz u IBANs foloz użati minn dawk li jwettqu frodi; (6) obbligu fuq il-fornituri ta’ servizz ta’ pagament li jipparteċipaw f’mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim alternattivi sabiex il-Premessa 122 issir effettiva; (7) il-mezzi legali għall-PSPs biex jissospendu servizzi ta’ pagament fil-każ ta’ frodi suspettata, inkluż permezz tal-imblukkar ta’ ċerti pagamenti u l-irkupru tal-fondi kreditati; u (8) il-forniment ta’ taħriġ adegwat għall-persunal ta’ PSP f’dan ir-rigward, kif ukoll passi biex tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni tal-utenti dwar kif għandhom jużaw strumenti ta’ pagament kif imiss, kif ukoll modi kif jinstabu dawk li jwettqu frodi/scams, u x’għandu jsir fil-każ ta’ frodi/scams.

    3.2.8.

    Dwar il-pagamenti mingħajr kuntatt, il-Kummissjoni, fl-istrateġija tagħha dwar il-pagamenti bl-imnut, indikat li se jkun hemm valutazzjoni tal-introduzzjoni possibbli ta’ funzjonalità li tippermetti lill-konsumaturi jiddefinixxu l-preferenza tagħhom għal-limiti f’pagamenti mingħajr kuntatt, u l-KESE jitlob li tiġi stabbilita soluzzjoni bħal din.

    3.2.9.

    Dan iwieġeb għat-tħassib ta’ ħafna konsumaturi li l-limitu massimu ta’ EUR 50 għal pagamenti mingħajr kuntatt huwa għoli wisq u għax-xewqa tagħhom li l-limitu jkun aktar baxx għall-karta ta’ debitu tagħhom.

    3.2.10.

    Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni applikabbli għas-servizzi ta’ ġbid ta’ flus kontanti, il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ informazzjoni minn qabel dwar l-ispejjeż tal-irtirar (Artikolu 7 tar-Regolament propost).

    3.2.11.

    Fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi relatati mal-użu tas-servizzi ta’ pagament, il-KESE jilqa’ wkoll il-proposta li tiġi estiża l-projbizzjoni fuq żieda fl-imposti għat-trasferimenti tal-kreditu u għat-tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett fil-muniti kollha tal-UE (Artikolu 28 tar-Regolament propost).

    3.2.12.

    Għandha tintlaqa’ wkoll id-definizzjoni ta’ regoli għal tranżazzjonijiet mibdija min-negozjanti li għandhom jiġu allinjati ma’ dawk għad-debiti diretti, billi jiġu applikati l-istess regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għat-tnejn li huma.

    3.2.13.

    L-emendi li jinsabu fl-Artikolu 32, li jippermettu aċċess għall-istituzzjonijiet ta’ pagament għal kont ta’ pagament, huma importanti u jneħħu limitazzjonijiet mhux ġustifikati għal tali aċċess.

    3.2.14.

    Jintlaqgħu tajjeb id-dispożizzjonijiet tar-Regolament propost li jirrikjedu l-istabbiliment ta’ dashboard tal-permessi u l-permess tal-utenti, inkluża l-possibbiltà għall-utenti li jittrattawhom. Madankollu, il-KESE jqis li l-projbizzjoni tal-użu tal-hekk imsejjaħ screen scraping, stabbilita fil-Premessa 61, għandha tiġi inkluża fl-artikoli dwar l-aċċess għad-data dwar il-kontijiet.

    3.2.15.

    F’dan il-qasam ukoll, il-KESE jwissi li mhuwiex aċċettabbli li l-konsumaturi jiġu mħeġġa jintroduċu l-kredenzjali ta’ sigurtà tagħhom fuq siti web ta’ partijiet terzi. Id-data sensittiva tal-konsumaturi m’għandhiex tiġi pproċessata u l-konsumaturi għandhom jiġu garantiti li ma jiġux imċaħħda mill-aċċess għal prodotti jew servizzi meta jirrifjutaw li jipparteċipaw f’ambjent bankarju miftuħ.

    3.2.16.

    Għandu jintlaqa’ tajjeb ir-rekwiżit li tiġi introdotta verifika tal-IBAN mingħajr spejjeż għall-banek u l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, fuq il-mudell ta’ dak li diġà jeżisti fil-Proposta għal Regolament dwar il-Pagamenti Istantanji (Artikolu 50). Il-KESE jitlob li tiġi kkunsidrata l-korrelazzjoni bejn iż-żewġ proposti (pagamenti istantanji u PSR) fir-rigward tal-verifika tal-IBAN. Barra minn hekk, il-KESE jitlob li tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni ta’ dan is-servizz għal pagamenti minn kumpaniji permezz ta’ pagamenti parzjali.

    3.2.17.

    Madankollu, din il-miżura tikkonċerna tip wieħed biss ta’ scam; kif imsemmi hawn fuq, ir-Regolament dwar il-PSR għandu jinkludi aktar miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi, anke dawk barra mill-ambjent tas-servizzi ta’ pagament, u li l-utenti jiġu appoġġjati meta jsiru vittmi tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li jiġu kkunsidrati modi kif dawn il-miżuri jistgħu jiġu applikati lil hinn mill-kuntest tal-pagamenti.

    3.2.18.

    Il-projbizzjoni tal-PSPs li unilateralment iżidu l-limiti tal-infiq tal-istrumenti ta’ pagament (Artikolu 51) hija pożittiva ħafna.

    3.2.19.

    Dwar ir-responsabbiltà għal pagamenti mhux awtorizzati, minkejja xi innovazzjonijiet pożittivi, għad hemm lok għal titjib fid-dispożizzjonijiet legali rilevanti sabiex jiġi żgurat li l-Premessa 79 tal-PSR tkun effettiva. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tevalwa aktar il-ħtieġa li jiġi stabbilit mekkaniżmu adatt fir-rigward tal-katina ta’ responsabbiltà fl-ambjent kollu tas-servizzi ta’ pagament, inklużi l-utenti tas-servizzi.

    3.2.20.

    Għadu mhux ċar x’inhi n-negliġenza serja u kif tista’ tiġi ppruvata, u għal din ir-raġuni l-PSPs jistgħu jżommu lill-konsumaturi responsabbli għal frodi li huma fil-fatt vittmi tagħha.

    3.2.21.

    Ir-regoli dwar l-imblukkar ta’ fondi ta’ pagament meta l-ammont tat-tranżazzjoni ma jkunx magħruf minn qabel għandhom jintlaqgħu tajjeb, peress li jnaqqsu jew saħansitra jeliminaw l-ilmenti tal-konsumaturi dwar l-imblukkar ta’ ammonti sproporzjonati u dwar id-dewmien fir-rilaxx ta’ fondi mblukkati (Artikolu 61).

    3.2.22.

    Minħabba n-natura serja tal-frodi u l-iscams li spiss jiġu pprattikati, meta jkun raġonevoli li wieħed jissuspetta li seħħet frodi, ir-Regolament propost għandu jikkunsidra l-possibbiltà li tiġi introdotta dispożizzjoni fl-iskemi għall-irkupru tal-fondi, mingħajr ma jiġi affettwat is-saldu.

    3.2.23.

    Ir-rekwiżit li tiġi rrappurtata l-frodi huwa pożittiv (Artikolu 82), u jenfasizza r-rwol importanti assenjat lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) f’dan il-qasam.

    3.2.24.

    Għandu jkun obbligatorju għall-PSPs li jikkondividu IBANs frodulenti u data oħra li tista’ tintuża għall-prevenzjoni tal-frodi, bl-għan li jiġu evitati każijiet futuri ta’ frodi (Artikolu 83) fl-ewwel tentattiv ta’ frodi, kemm jekk tkun twettqet kif ukoll jekk tkun ġiet irrifjutata, u li ma jkunx hemm ir-rekwiżit li żewġ klijenti differenti jirrapportawha. Il-KESE jirrakkomanda li jiġi kkunsidrat jekk dan l-obbligu jistax jiġi applikat għal partijiet terzi, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, sabiex jibbenefikaw mill-effett tan-network. L-iffaċilitar ta’ kondiviżjoni aktar rapida tad-data fost il-PSPs u mal-awtoritajiet se jippermetti identifikazzjoni u prevenzjoni aħjar tal-frodi.

    3.2.25.

    Il-KESE jilqa’ r-rekwiżiti biex jinħarġu twissijiet dwar forom u tipi ġodda ta’ frodi, iżda dan fl-ebda ċirkostanza ma għandu jwassal għal tnaqqis fir-responsabbiltà tal-PSPs fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi, l-oneru tal-provi jew il-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur (Artikolu 84).

    3.2.26.

    Id-dispożizzjonijiet tal-PSR dwar l-introduzzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ għall-persunal tal-PSP huma wkoll meqjusa bħala pożittivi.

    3.2.27.

    Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjonijiet fil-PSR dwar l-Awtentikazzjoni Qawwija tal-Konsumatur, sabiex jiġi żgurat li kull persuna — inklużi persuni b’diżabilità fiżika, l-anzjani, persuni li ma jistgħux jużaw mezzi diġitali u persuni li ma għandhomx aċċess għal kanali diġitali jew smartphones — ikollha wkoll għad-dispożizzjoni tagħha mill-inqas mezz wieħed biex twettaq awtentikazzjoni qawwija.

    3.2.28.

    Ħafna konsumaturi jilmentaw li l-modi kif titwettaq awtentikazzjoni qawwija normalment jinvolvu l-ħtieġa ta’ aċċess għal soluzzjoni bbażata fuq app.

    3.2.29.

    Dan ifisser li ħafna konsumaturi huma esklużi milli jagħmlu ċerti pagamenti, speċjalment pagamenti għal xiri online bl-użu ta’ kards. Il-KESE jirrakkomanda li dawk l-awtentikazzjonijiet qawwija tal-konsumatur li huma l-aktar adatti jiġu vvalutati għall-inklużjoni, u jitqiesu l-kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni u infurzar ta’ leġiżlazzjoni oħra bħall-GDPR u l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà (11).

    3.2.30.

    Għandhom jintlaqgħu tajjeb id-dispożizzjonijiet li jagħtu setgħat lill-EBA biex tintervjeni fir-rigward ta’ prodotti ta’ pagament disponibbli permezz tal-PSPs (Artikolu 104).

    3.2.31.

    Kif innotat għall-PSD3 (id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament 3), l-iskadenza għar-rieżami tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar is-servizzi ta’ pagament tinsab wisq fil-futur.

    3.2.32.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-leġiżlaturi jikkunsidraw li jestendu l-perjodu ta’ implimentazzjoni b’6 xhur oħra, biex b’hekk il-PSPs ikollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għal żviluppi tekniċi sinifikanti.

    3.3.   Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja (Finanzi Miftuħa) (12)

    3.3.1.

    Din il-Proposta għal Regolament għandha l-għan li tindirizza l-problemi identifikati fil-qasam tal-kondiviżjoni tad-data billi tagħti lill-konsumaturi u lin-negozji l-mezzi biex ikollhom aċċess aħjar għad-data finanzjarja tagħhom.

    3.3.2.

    Din l-inizjattiva se tagħmilha possibbli għall-konsumaturi u l-kumpaniji li jibbenefikaw minn prodotti u servizzi li nħolqu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom, abbażi tad-data rilevanti, filwaqt li jiġu evitati r-riskji inerenti. Il-KESE jemmen li l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi għandu jqis kwistjonijiet relatati mal-aċċessibbiltà u l-użu mill-bidu nett, u b’hekk jiġu evitati problemi futuri potenzjali.

    3.3.3.

    Bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament propost, il-Kummissjoni beħsiebha ttejjeb l-eżiti ekonomiċi għall-klijenti tas-servizzi finanzjarji (il-konsumaturi u n-negozji) billi tippromovi t-trasformazzjoni diġitali u tħaffef il-pass tal-adozzjoni ta’ mudelli ta’ negozju mmexxija mid-data fis-settur finanzjarju tal-UE.

    3.3.4.

    Filwaqt li jiġi aċċettat bis-sħiħ dan l-objettiv tal-promozzjoni ta’ ekonomija mmexxija mid-data, huwa importanti li jiġi stabbilit qafas regolatorju li jiddefinixxi b’mod ċar ir-regoli dwar il-kondiviżjoni tad-data, u titqies ir-reċiproċità għall-partijiet kollha involuti (inkluż barra mill-UE). Dan huwa partikolarment importanti fil-qasam tad-data finanzjarja, peress li jinvolvi informazzjoni sensittiva kemm għall-individwi kif ukoll għan-negozji.

    3.3.5.

    Ir-Regolament propost irid isib bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-partijiet involuti, mingħajr ma tintilef il-ħtieġa li tiġi protetta d-data tal-klijenti. Għandu jiġi pprovdut taħriġ adatt għall-persunal tal-PSPs sabiex tiġi żgurata provvista aħjar tas-servizzi. Il-KESE jemmen li l-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data skont il-GDPR għandu jiġi ggarantit.

    3.3.6.

    Il-lista tal-kategoriji tad-data tal-klijenti fir-Regolament propost hija pjuttost komprensiva u ġiet estiża (Artikolu 2), iżda għad hemm riskju ta’ użu ħażin u interferenza illeġittima mad-data miġbura. Il-KESE jenfasizza wkoll li huwa possibbli li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ma jkunux ekwivalenti bejn istituzzjonijiet finanzjarji regolati ħafna u parteċipanti oħra fis-suq.

    3.3.7.

    Il-KESE jemmen li huwa importanti li l-EBA u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) jingħataw mandat espliċitu (Artikolu 7) biex jiżviluppaw linji gwida għall-ipproċessar tad-data tal-konsumatur għal prodotti u servizzi relatati mal-livell ta’ kreditu u l-valutazzjoni tar-riskju tal-konsumaturi u fil-każ ta’ prodotti tal-assigurazzjoni tal-ħajja, tas-saħħa u tal-mard.

    3.3.8.

    Madankollu, ir-Regolament propost jonqos milli jipprojbixxi l-użu ta’ data personali sensittiva u data finanzjarja rilevanti u ma jissalvagwardjax kif imiss il-bilanċ u t-trasparenza.

    3.3.9.

    Il-KESE jappoġġja d-dispożizzjoni li tirrikjedi li d-detenturi tad-data jipprovdu lill-klijenti b’dashboard li tippermettilhom jieħdu deċiżjonijiet biex jissalvagwardjaw il-pożizzjoni tagħhom (Artikolu 8).

    3.3.10.

    Id-dashboards (u l-portali) iridu jsegwu xejriet speċifiċi li jippermettu lill-konsumaturi jagħtu l-kunsens tagħhom għad-data li tista’ tiġi kondiviża u jiddeterminaw ma’ liema entitajiet u għal liema skopijiet tiġi kondiviża d-data tagħhom. Huwa importanti ħafna li l-konsumaturi jifhmu u jħossu li l-kunsens tagħhom huwa essenzjali.

    3.3.11.

    Il-KESE jqis li, sabiex id-dashboards jaħdmu aħjar, għandha tiġi evitata l-implimentazzjoni ta’ prattiki restrittivi mid-detenturi tad-data.

    3.3.12.

    Fuq l-istess linji bħar-rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-PSRs, il-KESE jirrakkomanda li l-leġiżlaturi jikkunsidraw li jestendu l-perjodu ta’ implimentazzjoni għall-karatteristiċi tekniċi taħt il-FIDA (qafas għall-Aċċess għad-Data Finanzjarja) b’6 xhur oħra.

    Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2023.

    Oliver RÖPKE

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  COM(2023) 366 final.

    (2)  COM(2023) 367 final.

    (3)   ĠU C 146, 27.4.2023, p. 23.

    (4)  COM(2023) 360 final.

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad- Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (6)  COM(2023) 360 final.

    (7)  COM(2023) 366 final.

    (8)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

    (9)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

    (10)  COM(2023) 367 final.

    (11)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

    (12)  COM(2023) 360 final.


    ANNESS

    L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 74(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

    Punt 3.2.7

    Ibdel it-test kif ġej:

    Opinjoni tas-Sezzjoni

    Emenda

    Il-KESE qed jipproponi għadd ta’ miżuri li jinkludu: (1) definizzjoni ċara ta’ “negliġenza serja”, “awtorizzazzjoni” u “frodi suspettata/reali”; (2) arranġamenti li jiddefinixxu b’mod ċar ir-responsabbiltà f’tali każijiet ta’ frodi u/jew scams, b’definizzjoni ċara ta’ negliġenza serja u skrutinju, flimkien mad-dritt għal rimborż immedjat għall-ammonti mneħħija mill-kontijiet bankarji; (3) id-definizzjoni ta’ qafas strett għall-qsim tar-responsabbilitajiet bejn il-fornituri ta’ servizz ta’ pagamenti, il-pagaturi u dawk li jirċievu l-pagament, bl-involviment ta’ parteċipanti oħrajn fil-katina tal-pagament; (4) rekwiżit għal monitoraġġ imsaħħaħ tat-tranżazzjonijiet minn fornituri ta’ servizz ta’ pagament, inkluż billi jiġu stabbiliti responsabbiltajiet/obbligi ċara għall-parteċipanti kollha fis-servizz ta’ pagament; (5) rekwiżit biex isir investiment fl-istabbiliment ta’ mezzi kif jiġu identifikati siti web foloz u IBANs foloz użati minn dawk li jwettqu frodi; (6) obbligu fuq il-fornituri ta’ servizz ta’ pagament li jipparteċipaw f’mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim alternattivi sabiex il-Premessa 122 issir effettiva; (7) il-mezzi legali għall-PSPs biex jissospendu servizzi ta’ pagament fil-każ ta’ frodi suspettata, inkluż permezz tal-imblukkar ta’ ċerti pagamenti u l-irkupru tal-fondi kreditati; u (8) il-forniment ta’ taħriġ adegwat għall-persunal ta’ PSP f’dan ir-rigward, kif ukoll passi biex tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni tal-utenti dwar kif għandhom jużaw strumenti ta’ pagament kif imiss, kif ukoll modi kif jinstabu dawk li jwettqu frodi/scams, u x’għandu jsir fil-każ ta’ frodi/scams.

    Il-KESE qed jipproponi għadd ta’ miżuri li jinkludu: (1) definizzjoni ċara ta’ “negliġenza serja”, “awtorizzazzjoni” u “frodi suspettata/reali”; (2) arranġamenti li jiddefinixxu b’mod ċar ir-responsabbiltà f’tali każijiet ta’ frodi u/jew scams, b’definizzjoni ċara ta’ negliġenza serja u skrutinju, flimkien mad-dritt għal rimborż għall-ammonti mneħħija mill-kontijiet bankarji; (3) id-definizzjoni ta’ qafas strett għall-qsim tar-responsabbilitajiet bejn il-fornituri ta’ servizz ta’ pagamenti, il-pagaturi u dawk li jirċievu l-pagament, bl-involviment ta’ parteċipanti oħrajn fil-katina tal-pagament; (4) rekwiżit għal monitoraġġ imsaħħaħ tat-tranżazzjonijiet minn fornituri ta’ servizz ta’ pagament, inkluż billi jiġu stabbiliti responsabbiltajiet/obbligi ċara għall-parteċipanti kollha fis-servizz ta’ pagament; (5) rekwiżit biex isir investiment fl-istabbiliment ta’ mezzi kif jiġu identifikati siti web foloz u IBANs foloz użati minn dawk li jwettqu frodi; (6) obbligu fuq il-fornituri ta’ servizz ta’ pagament li jipparteċipaw f’mekkaniżmi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim alternattivi sabiex il-Premessa 122 issir effettiva; (7) il-mezzi legali għall-PSPs biex jissospendu servizzi ta’ pagament fil-każ ta’ frodi suspettata, inkluż permezz tal-imblukkar ta’ ċerti pagamenti u l-irkupru tal-fondi kreditati; u (8) il-forniment ta’ taħriġ adegwat għall-persunal ta’ PSP f’dan ir-rigward, kif ukoll passi biex tiġi promossa s-sensibilizzazzjoni tal-utenti dwar kif għandhom jużaw strumenti ta’ pagament kif imiss, kif ukoll modi kif jinstabu dawk li jwettqu frodi/scams, u x’għandu jsir fil-każ ta’ frodi/scams.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur:

    83

    Kontra:

    110

    Astensjonijiet:

    19

    Punt 3.2.8

    Ibdel it-test kif ġej:

    Opinjoni tas-Sezzjoni

    Emenda

    Dwar il-pagamenti mingħajr kuntatt, il-Kummissjoni, fl-istrateġija tagħha dwar il-pagamenti bl-imnut, indikat li se jkun hemm valutazzjoni tal-introduzzjoni possibbli ta’ funzjonalità li tippermetti lill-konsumaturi jiddefinixxu l-preferenza tagħhom għal-limiti f’pagamenti mingħajr kuntatt, u l-KESE jitlob li tiġi stabbilita soluzzjoni bħal din.

    Dwar il-pagamenti mingħajr kuntatt, il-Kummissjoni, fl-istrateġija tagħha dwar il-pagamenti bl-imnut, indikat li se jkun hemm valutazzjoni tal-introduzzjoni possibbli ta’ funzjonalità li tippermetti lill-konsumaturi jiddefinixxu l-preferenza tagħhom għal-limiti f’pagamenti mingħajr kuntatt, u l-KESE jitlob li tiġi stabbilita soluzzjoni bħal din jekk tali valutazzjonijiet jkunu wrew li l-funzjonalità hija fattibbli .

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur:

    73

    Kontra:

    126

    Astensjonijiet:

    17

    Punt 3.2.20

    Ibdel it-test kif ġej:

    Opinjoni tas-Sezzjoni

    Emenda

    Għadu mhux ċar x’inhi n-negliġenza serja u kif tista’ tiġi ppruvata , u għal din ir-raġuni l-PSPs jistgħu jżommu lill-konsumaturi responsabbli għal frodi li huma fil-fatt vittmi tagħha .

    Għadu mhux ċar x’inhi n-negliġenza serja u kif tista’ tiġi ppruvata.

    Riżultat tal-votazzjoni:

    Favur:

    68

    Kontra:

    136

    Astensjonijiet:

    17


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1594/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top