Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AE3586

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (‘STEP’) u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE, ir-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241” (COM(2023) 335 final — 2023/0199 (COD))

    EESC 2023/03586

    ĠU C, C/2023/866, 8.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/866/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/866/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2023/866

    8.12.2023

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (‘STEP’) u li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE, ir-Regolamenti (UE) 2021/1058, (UE) 2021/1056, (UE) 2021/1057, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) 2021/1060, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697 u (UE) 2021/241”

    (COM(2023) 335 final — 2023/0199 (COD))

    (C/2023/866)

    Relatur Ġenerali:

    Matteo Carlo BORSANI

    Konsultazzjoni

    Kunsill, 17.7.2023

    Parlament Ewropew, 13.7.2023

    Bażi legali

    Artikoli 164, 173, 175, 177, 178, 182(1) u 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adozzjoni fil-plenarja

    20.9.2023

    Sessjoni plenarja Nru

    581

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    181/1/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-preżentazzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (“STEP”), u jqis li dan jirrappreżenta pass ’il quddiem fl-ambizzjonijiet tal-Ewropa f’termini ta’ politika industrijali u kompetittività, u soluzzjoni ottimali fuq perjodu qasir biex jiġi żgurat il-finanzjament ta’ proġetti Ewropej ta’ riċerka u żvilupp fl-ambitu tat-teknoloġiji strateġiċi.

    1.2.

    Il-KESE japprezza l-fatt li din is-soluzzjoni, minbarra li hija finanzjarjament sostenibbli, tfasslet biex tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti fl-applikazzjoni tagħha, bħala element essenzjali għas-salvagwardja tal-kompetizzjoni fis-suq uniku, u s-sopravivenza tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa jirrakkomanda azzjonijiet ulterjuri biex jindirizzaw il-problema tat-“tellieqa għas-sussidji”, li tirriżulta mir-regoli inqas stretti dwar l-għajnuna mill-Istat.

    1.3.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-dispożizzjoni fil-proposta għal Regolament, biex jiġi appoġġjat l-investiment produttiv permezz tal-fondi strutturali f’intrapriżi li mhumiex SMEs, u jissottolinja l-effett stimulanti li din l-estensjoni se tiġġenera fil-livell territorjali, inkluż għall-SMEs.

    1.4.

    Fl-ambitu tal-politika industrijali Ewropea, il-KESE jirrakkomanda li l-investiment fil-kapital uman jimxi id f’id mal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-produzzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja t-tilħiq tal-objettivi tat-tranżizzjoni doppja bil-promozzjoni kontinwa tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità tajba. B’mod partikolari, il-KESE jappella għall-iżvilupp ta’ politiki għat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tal-ħaddiema b’mod uniformi fis-27 Stat Membru, sabiex jiġu evitati l-“eżodu ta’ mħuħ” u l-asimmetriji kompetittivi.

    1.5.

    Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni ta’ kundizzjonalitajiet ambjentali fil-proposta tal-Kummissjoni u jirrimarka li t-test fih ċerti dgħufijiet minħabba n-nuqqas ta’ rabta vinkolanti bejn l-aċċess għas-sussidji u l-kundizzjonalitajiet soċjali.

    1.6.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-mod u l-objettiv tal-mekkaniżmu tas-Siġill tas-Sovranità, li jidher li huwa pass’ il quddiem fis-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u burokratiċi għal aċċess għall-finanzjament aktar faċli, rapidu u aktar immirat, u fl-istess waqt jaġevola wkoll il-finanzjament kumulattiv jew ikkombinat mid-diversi strumenti tal-Unjoni. Il-KESE jirrakkomanda li l-koleġiżlaturi Ewropej ikomplu fuq din il-linja, billi fil-futur jagħtu preferenza għat-tfassil ta’ strumenti ta’ finanzjament li huma diġà awtomatiċi u li jistgħu jiġu implimentati faċilment.

    1.7.

    Il-KESE jirrakkomanda li matul il-proċess leġiżlattiv, il-koleġiżlaturi jippromovu id-definizzjoni ta’ interpretazzjoni uniformi tas-setturi involuti f’dan ir-Regolament, li għadha ma ġietx inkluża fil-proposta tal-Kummissjoni.

    1.8.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li testendi bi 12-il xahar, permezz ta’ dan ir-Regolament, l-iskadenzi għall-għeluq amministrattiv tal-programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu 2014-2020. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-koleġiżlaturi jipprovdu tali flessibbiltà anke għall-programmazzjoni tal-fondi ta’ koeżjoni 2021-2027, minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija u mill-kriżi tal-enerġija.

    1.9.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkonkretizza l-implimentazzjoni ta’ strumenti komuni, u b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ fond għas-sovranità ġenwin u takkumpanjah b’sett ta’ riformi fuq terminu twil li jappoġġjaw l-industrija u l-ħaddiema.

    2.   Kuntest tal-proposta

    2.1.

    F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea sabet ruħha quddiem sfida tripla. Minn naħa, l-ambizzjonijiet Ewropej għas-sostenibbiltà ambjentali u l-progress teknoloġiku stabbilew standards mingħajr preċedent, li ta’ spiss iffokaw id-dibattitu Ewropew fuq l-objettivi li għandhom jintlaħqu aktar milli fuq il-mezzi biex dawn jintlaħqu. Min-naħa l-oħra, għadd ta’ avvenimenti mhux previsti heżżew l-ekonomija interna, b’effetti konsegwenzjali serji fuq in-nisġa produttiva, mill-kriżi tal-pandemija u tal-enerġija, saż-żieda fl-inflazzjoni u l-iskarsezza tal-materja prima kritika. Fl-aħħar nett, għadd ta’ pjani u miżuri mnedija mill-kompetituri globali ewlenin tagħna ħolqu riskji ġodda għall-kompetittività tal-industrija Ewropea. Xi eżempji jinkludu l-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni (Inflation Reduction Act) tal-Istati Uniti, il-pjani ta’ trasformazzjoni ekoloġika tal-Ġappun, l-iskema ta’ inċentivi biex jagħtu spinta lill-kompetittività fis-setturi ekoloġiċi fl-Indja, u pjani ta’ investiment oħra fit-teknoloġija nadifa ppreżentati mir-Renju Unit, mill-Kanada u minn ħafna pajjiżi oħra.

    2.2.

    Permezz tal-pubblikazzjoni tal-Patt Ekoloġiku fl-2019, l-UE stabbiliet miri ta’ sostenibbiltà fost l-aktar ambizzjużi fuq livell globali, u appellat għal sforzi kbar mill-industrija. Kien biss aktar tard, f’dawn l-aħħar xhur, li dawn l-ambizzjonijiet kienu akkumpanjati minn miżuri ta’ politika industrijali biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni doppja, permezz ta’ inizjattivi li jappoġġjaw il-kompetittività Ewropea f’dan l-istadju kruċjali. Il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, ippreżentat mill-Kummissjoni fl-2023, għandu l-objettiv li jikseb ambjent aktar favorevoli biex tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tal-UE fis-settur tat-teknoloġiji nodfa, u jipprevedi sett ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-industrija Ewropea b’emissjonijiet żero netti, għall-iżgurar ta’ materja prima kritika u biex jappoġġja tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. F’Marzu 2023, il-Kummissjoni adottat ukoll Qafas Temporanju ġdid ta’ Kriżi u Tranżizzjoni għall-miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat, li jagħti lill-Istati Membri aktar flessibbiltà fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ f’setturi ewlenin għat-tranżizzjoni ekoloġika. Dan huwa kkomplementat bir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (REPowerEU), li jippermetti lill-pajjiżi jemendaw il-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom biex jipprovdu appoġġ immedjat lin-negozji u jsaħħu l-kompetittività tagħhom mingħajr ma joħolqu dipendenzi strateġiċi.

    2.3.

    Fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-baġit tal-UE, il-Kummissjoni fl-aħħar iddikjarat li, filwaqt li dawn is-soluzzjonijiet jiggarantixxu appoġġ rapidu u mmirat, l-UE teħtieġ rispons aktar strutturali għall-ħtiġijiet ta’ investiment tal-industriji tagħha. Matul id-diskors annwali tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2022, il-President von der Leyen enfasizzat il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-futur tal-industrija jkun “magħmul fl-Ewropa”, u ħabbret, flimkien ma’ xi wħud mill-miżuri elenkati s’issa, Fond Ewropew għas-Sovranità, bl-argument li politika industrijali Ewropea komuni teħtieġ finanzjament Ewropew komuni.

    2.4.

    Il-preżentazzjoni tal-proposta għal Regolament STEP tista’ titqies f’dan il-kuntest, bħala parti minn reviżjoni mingħajr preċedent tal-QFP, li għandha l-għan li tqis l-aktar sfidi urġenti li ffaċċjaw l-ekonomiji Ewropej matul l-aħħar tliet snin u l-ħtieġa li jiżdiedu l-flessibbiltà u l-puntwalità fir-rispons għall-kriżijiet. STEP se tiġġenera finanzjament fi tliet oqsma strateġiċi:(i) teknoloġija profonda u teknoloġiji diġitali, (ii) teknoloġiji nodfa u (iii) bijoteknoloġija, sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal użu aktar effettiv, effiċjenti u mmirat tal-fondi tal-UE eżistenti, b’hekk tipprogramma mill-ġdid parti mir-riżorsi u żżid oħrajn ġodda.

    3.   Kummenti ġenerali

    Insaħħu l-kompetittività

    3.1.

    Fl-ambitu tat-tranżizzjoni doppja tal-UE, it-tisħiħ tal-kompetittività u r-reżiljenza tan-nisġa industrijali tagħna, u b’mod partikolari f’setturi strateġiċi, huwa essenzjali għall-iżgurar tas-sopravivenza tan-nisġa produttiva, l-impjiegi u l-mudell soċjali Ewropew, b’politiki inklużivi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jiffunzjonaw tajjeb, kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ambjent. F’dan il-kuntest, hemm żewġ elementi ewlenin li trid tissawwar fuqhom il-politika industrijali Ewropea, (i) il-kisba ta’ bilanċ kompetittiv doppju, kemm barra kif ukoll fl-Unjoni, u (ii) li jingħelbu d-dipendenzi strateġiċi, f’termini ta’ materja prima u teknoloġiji, sabiex tinkiseb l-awtonomija fis-setturi strateġiċi.

    Il-preżervazzjoni tal-kundizzjonijiet ekwivalenti

    3.2.

    Ir-Regolament STEP propost, li jimmobilizza EUR 10 biljun f’riżorsi barra l-baġit, u bl-użu mir-riżorsi tal-baġit, għandu l-għan li jiġġenera EUR 160 biljun f’investiment ġdid f’teknoloġiji strateġiċi. Minkejja dan l-isforz, li huwa miżjud ma’ dak li diġà huwa disponibbli fil-baġit komunitarju, ir-riżorsi disponibbli għall-industrija Ewropea għadhom ’il bogħod minn dak li l-Istati Uniti mmobilizzaw permezz ta’ diversi strumenti, primarjament bl-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni. Madankollu, għandu jitqies li l-marġni ta’ manuvra Ewropew f’dawn l-operazzjonijiet huwa limitat ħafna, peress li, għall-kuntrarju ta’ qawwiet ekonomiċi globali oħra, l-UE qed tiffaċċja ħafna aktar ostakli fil-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi sostanzjali, bi spazju fiskali limitat, kif ukoll baġit komunitarju bbażat kważi esklużivament fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-KESE jappella għal azzjonijiet li jsaħħu t-trasparenza u d-deliberazzjonijiet dwar is-sussidji industrijali fil-livell internazzjonali, għas-salvagwardja tal-kundizzjonijiet ekwivalenti li jirfdu l-prosperità tal-UE bħala kompetitur internazzjonali.

    3.3.

    Bl-istess mod, il-kisba ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti fil-livell Ewropew hija essenzjali għas-salvagwardja tal-kompetizzjoni fis-suq uniku, li bħalissa qed tħabbat wiċċha ma’ sfida kbira marbuta maż-żidiet ikkawżati mill-politiki ta’ finanzjament u ta’ sussidju bħala riżultat tar-regoli inqas stretti dwar l-għajnuna mill-Istat. F’dan il-kuntest, il-proposta STEP hija soluzzjoni ottimali għal żmien qasir, peress li, minbarra li hija finanzjarjament sostenibbli, tirrispetta d-dinamika tas-suq u għandha biss impatt parzjali fuq il-baġit komunitarju, u tipprogramma mill-ġdid ir-riżorsi allokati minn qabel lill-Istati Membri bi tqassim reġjonali.

    Innaqqsu d-dipendenzi strateġiċi

    3.4.

    Illum, l-ekonomija tagħna qed issib ruħha tikkompeti mal-ġganti globali, f’bilanċ ġeopolitiku kumpless fejn id-dipendenzi ekonomiċi huma tassew arma. Għalhekk, ir-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur tagħna għandha tiġi promossa u ppreżervata, permezz ta’ politiki li jinċentivaw l-estrazzjoni, l-ipproċessar u r-riċiklaġġ ta’ materja prima kritika, u r-riċerka u l-iżvilupp fl-ambitu ta’ teknoloġiji strateġiċi, permezz tal-iżvilupp ta’ “Magħmul fl-Ewropa”.

    Aċċess għall-Fondi Strutturali min-naħa tal-intrapriżi kbar

    3.5.

    Element ta’ innovazzjoni enormi f’din il-proposta għal Regolament hija l-possibbiltà tal-estensjoni tal-ambitu tal-appoġġ mill-Fondi Strutturali għal intrapriżi kbar f’reġjuni inqas żviluppati u fi tranżizzjoni, kif ukoll f’reġjuni aktar żviluppati ta’ Stati Membri li l-PDG per capita medju tagħhom huwa taħt il-medja tal-EU27. Fil-fatt, ta’ min jinnota l-impatt indirett li proġett mirbuħ minn intrapriża kbira għandu fuq it-territorju kollu, f’termini ta’ kuntratti ta’ provvista, żieda fl-ekonomija ta’ skala u ħolqien ta’ ċentri ta’ produzzjoni, li jiġġenera effett kaskata ta’ benefiċċji għall-SMEs fl-istess territorju il-qasam, li ħafna minnhom bħalissa ma għandhomx aċċess għal xi tip ta’ benefiċċju minn dawn il-fondi, mhux l-inqas minħabba l-kumplessità burokratika tas-sejħiet għall-offerti.

    Allokazzjoni ta’ riżorsi ġodda

    3.6.

    Il-KESE jilqa’ l-proposta ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi ġodda, bit-tisħiħ u l-finanzjament ta’ programmi li diġà qed jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni doppja, joħolqu marġini ta’ investiment addizzjonali għan-negozji, u jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fin-nisġa produttiva tal-Ewropa. B’mod partikolari, titqies pożittiva l-inklużjoni tal-Fond Ewropew għad-Difiża u tal-Fond għall-Innovazzjoni fost il-programmi li se jirċievu riżorsi addizzjonali, u l-KESE jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tisħiħ sostanzjali ta’ dawn il-programmi fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss.

    Għeluq tal-programmi tal-fondi ta’ koeżjoni 2021-2020 u 2014-2027

    3.7.

    Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li, permezz ta’ dan ir-Regolament, testendi bi 12-il xahar l-iskadenzi għall-għeluq amministrattiv tal-programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu 2014-2020, li tiskadi f’Diċembru 2023, u li testendi l-iskadenza għas-sottomissjoni tad-dokumenti tal-għeluq bi 12-il xahar. Għalhekk, huwa ssottolinjat li dawn il-miżuri, introdotti biss fi tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni, jirrikjedu żmien u riżorsi amministrattivi suffiċjenti biex jiġu implimentati bis-sħiħ.

    3.8.

    Il-KESE jirrakkomanda wkoll li l-koleġiżlaturi jestendu din il-flessibbiltà għall-ipprogrammar tal-fondi ta’ koeżjoni 2021-2027, peress li dawn tal-aħħar bdew b’dewmien ta’ sentejn, jekk wieħed jassumi li l-perjodu kontabilistiku finali għall-eliġibbiltà u r-rappurtar tan-nefqa jiġi estiż b’sentejn.

    Politiki ta’ taħriġ vokazzjonali

    3.9.

    Il-KESE jirrakkomanda li, fl-ambitu tal-politika industrijali Ewropea, jiġi appoġġat l-investiment fir-riċerka f’dak li huwa l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-manifattura, inkluż l-investiment fil-kapital uman. F’dawn l-aħħar xhur, l-investiment fit-taħriġ vokazzjonali u l-iżvilupp tal-ħiliet beda jiġi inkluż f’ċerti proposti leġiżlattivi relatati mal-kompetittività tal-UE, pereżempju fl-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (2), l-Att dwar il-Materja Prima Kritika, u din il-Proposta għal Regolament STEP. Dawn il-proposti jgħaqqdu l-objettivi tal-progress teknoloġiku u diġitali, u s-sostenibbiltà ambjentali, ma’ miżuri li jistgħu joħolqu forza tax-xogħol lesta b’mod kwantitattiv u kwalitattiv għall-mudelli ta’ produzzjoni tal-futur.

    3.10.

    Il-KESE jirrakkomanda li jitkompla l-iżvilupp ta’ tali miżuri, anke fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet, permezz ta’ politiki ta’ titjib u tiġdid tal-ħiliet ibbażati fil-komunità, sabiex jiġu indirizzati l-“eżodu ta’ mħuħ” u l-asimmetriji kompetittivi.

    3.11.

    Barra minn hekk, l-inizjattivi, l-investimenti u l-politiki tal-UE f’dan il-qafas għandhom iqisu wkoll miżuri mmirati għal komunitajiet b’introjtu baxx, ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u gruppi emarġinati.

    Kundizzjonalitajiet soċjali u ambjentali

    3.12.

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-kundizzjonalitajiet ambjentali stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni u jaqbel li, meta jkun meħtieġ, il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” għandu jiġi applikat, adattat u estiż. Madankollu, mil-lat soċjali, it-test jidher li jippreżenta xi dgħufijiet minħabba n-nuqqas ta’ rabta vinkolanti bejn l-aċċess għall-benefiċċji u l-kundizzjonalitajiet fl-ambitu soċjali. Dan l-approċċ huwa preżenti fl-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni tal-Istati Uniti. Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjonijiet fir-Regolament li għandhom l-għan li jinkoraġġixxu l-apprendistati u l-aċċess għall-impjiegi għaż-żgħażagħ u l-gruppi vulnerabbli.

    Siġill tas-Sovranità

    3.13.

    Is-Siġill tas-Sovranità jidher li jwieġeb għall-ħtieġa ta’ semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u burokratiċi. Dan l-istrument għandu jkun evoluzzjoni tas-Siġill ta’ Eċċellenza u, jekk jiġi implimentat b’mod korrett, jista’ jipprovdi impetu għar-riċerka u l-iżvilupp f’teknoloġiji strateġiċi u investiment fit-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet tal-ħaddiema fis-setturi kritiċi. Il-KESE jistieden lill-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fondi, fil-livell nazzjonali u lokali, biex jiżguraw l-integrazzjoni rapida tas-siġill fil-mekkaniżmi ta’ finanzjament, u lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi l-implimentazzjoni adatta tiegħu, u b’hekk tiżgura tal-applikazzjoni wiesgħa u uniformi tiegħu fil-livell Ewropew.

    3.14.

    Il-KESE jirrakkomanda wkoll il-ħolqien ta’ strumenti ta’ finanzjament li huma diġà awtomatiċi u ta’ implimentazzjoni faċli, primarjament il-benefiċċji tat-taxxa, fil-forma ta’ kreditu tat-taxxa. Dan it-tip ta’ strument, fil-fatt, minbarra li huwa sempliċi u b’implimentazzjoni immedjata, jippermetti lin-negozji jibdew l-investimenti ppjanati immedjatament, b’hekk jaċċellera l-proċess ta’ tranżizzjoni doppja, u jżomm il-pass mal-miri ambizzjużi tal-UE.

    Lista ta’ teknoloġiji strateġiċi

    3.15.

    Id-definizzjoni tal-oqsma ewlenin ta’ din il-proposta għal Regolament fit-test ma hijiex ċara, u l-Kummissjoni telenka għadd ta’ eżempji ta’ teknoloġiji li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala strateġiċi. Il-KESE jirrakkomanda interpretazzjoni uniformi f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, meta titqies il-pożizzjoni prominenti li l-bijofjuwils u l-fjuwils rinnovabbli qed jokkupaw fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-mobbiltà sostenibbli, il-KESE jirrakkomanda l-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ teknoloġiji nodfa utli biex tinkiseb in-newtralità klimatika.

    Fond Ewropew għas-Sovranità

    3.16.

    Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa tal-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji ġodda fis-setturi strateġiċi u l-flessibbiltà akbar li din il-proposta għandha tipprovdi lill-istrumenti ta’ finanzjament eżistenti. Għalkemm dan jirrappreżenta pass ’il quddiem fil-politika industrijali Ewropea, l-utilità u l-effettività ta’ dan l-istrument huma intrinsiċi peress li huwa l-punt tat-tluq għal rispons strutturali Ewropew għall-ħtiġijiet ta’ investiment tal-industriji tagħna. Fis-snin li ġejjin, u b’mod partikolari fin-negozjar tal-QFP 2028-2034, se jkun meħtieġ li jitqies l-iżvilupp ta’ Fond Ewropew għas-Sovranità ġenwin, flimkien ma’ sensiela ta’ riformi fuq terminu twil orjentati lejn il-futur biex jappoġġjaw l-industrija, bil-ħsieb ta’ stabbiltà fiskali u ekwità bejn l-Istati Membri.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Il-KESE jilqa’ l-idea ta’ proposta li tippermetti rati ta’ għajnuna ogħla permezz ta’ bonus għal proġetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ STEP f’żoni megħjuna u jittama li, kif iddikjarat fit-test tar-Regolament STEP, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-Istati Membri dwar din il-proposta.

    4.2.

    Il-Proposta għal Regolament STEP għandha l-għan, kif dovut, li tappoġġja kumpaniji li huma indispensabbli għall-ktajjen tal-valur, inkluż billi tippromovi proġetti multinazzjonali, u ttejjeb l-aċċess tagħhom għall-Istati Membri kollha, sabiex issaħħaħ is-Suq Uniku u tindirizza d-disparitajiet fid-disponibbiltà tal-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, il-Proposta tħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw proġetti strateġiċi billi jikkontribwixxu wkoll permezz ta’ riżorsi nazzjonali, u b’hekk jaffermaw mill-ġdid il-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Sabiex jiġu evitati dubji dwar l-interpretazzjoni u applikazzjoni ħażina, il-KESE jirrakkomanda li jiġi ċċarat kif il-forniment ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament għall-proġetti strateġiċi identifikati fir-Regolament jista’ jopera permezz ta’ sinerġija bejn il-proġetti, sabiex jippermetti l-akkumulazzjoni ta’ aktar miżuri abilitanti, mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat jew għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni.

    4.3.

    Il-KESE jilqa’ t-tisħiħ tal-Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja li l-proġetti l-kbar li għandhom jiġu ffinanzjati ma jipperikolawx il-kundizzjonijiet ekwivalwenti fis-suq intern u jappoġġjaw il-ħolqien ta’ ekosistema tal-innovazzjoni b’saħħitha u koerenti fil-livell Ewropew. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li jiġu evitati formulazzjonijiet li joħolqu riskju ta’ interpretazzjonijiet estensivi tar-Regolament STEP, u jiġi żgurat li jkunu biss ir-riżorsi addizzjonali (“flus ġodda”) li se jikkomplementaw il-baġit tal-EIC li jistgħu jintużaw biss għal investimenti ta’ ekwità għal proġetti b’konformità mal-objettivi b’rabta ma’ STEP. Ir-riżorsi l-ġodda disponibbli għall-Aċċelleratur tal-EIC iridu jkunu funzjonali wkoll favur bilanċ ġeografiku akbar tal-proġetti ffinanzjati. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi strateġiji u strumenti biex tipprovdi aktar appoġġ lil dawk l-Istati Membri li jeħtieġ li jsaħħu l-ekosistema tal-innovazzjoni u tal-ekwità privata tagħhom. Barra minn hekk, il-proposta għar-riprogrammazzjoni tar-riżorsi mill-Pilastru II tal-Orizzont Ewropa jeħtieġ li tiġi vvalutata bir-reqqa f’termini tal-iskala u l-impatti tagħha, u għandu jiġi evitat ir-riskju li ddgħajjef dan il-Pilastru, li huwa kruċjali fl-arkitettura ġenerali tal-programm Orizzont Ewropa. Fl-aħħar nett, jidher li huwa importanti li tissaħħaħ l-idea li l-EIC għandu jiffinanzja, għalkemm b’rabta mill-qrib mal-objettivi u t-teknoloġiji appoġġjati mir-Regolament STEP, it-tipi kollha ta’ innovazzjoni, kif previst fir-Regolament tal-Orizzont Ewropa u mhux biss l-innovazzjoni fixkiela.

    4.4.

    Bħala parti mill-aspett soċjali tal-politika industrijali, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-FEŻR jista’ jiffinanzja t-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u l-edukazzjoni, li sa issa kienu l-prerogattivi tal-FSE+.

    4.5.

    Il-KESE jissottolinja l-ħtieġa li jiġu eżaminati u vvalutati bir-reqqa l-bidliet proposti għall-programm Orizzont Ewropa u l-fondi ta’ koeżjoni, b’enfasi partikolari fuq is-salvagwardja tal-koerenza tad-dispożizzjonijiet dwar is-sinerġiji bejn id-diversi fondi, b’mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ akkumulazzjoni tad-diversi interventi. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm allinjament perfett, kemm fil-livell tematiku (suġġetti eliġibbli għall-programmi) kif ukoll oġġettivament (beni u/jew proġetti eliġibbli għall-finanzjament).

    4.6.

    Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjonijiet biex il-proġetti li ngħataw Siġill tas-Sovranità jkunu jistgħu jibbenefikaw minn aċċess aħjar għall-finanzjament tal-UE, b’mod partikolari billi jiġi ffaċilitat il-finanzjament kumulattiv jew ikkombinat minn diversi strumenti tal-Unjoni. Barra minn hekk jitqies ukoll pożittiv il-fatt li, għal dan l-għan, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni se jkunu jistgħu jallokaw appoġġ mill-FEŻR jew mill-FSE+ direttament għal operazzjonijiet li ngħataw Siġill tas-Sovranità, peress li dan se jaġevola l-proċeduri għall-għażla tal-operazzjonijiet.

    4.7.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-aspetti marbuta mal-governanza tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa, li jeħtieġ li tiġi definita sew sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tagħha.

    Brussell, l-20 ta’ Settembru 2023.

    Oliver RÖPKE

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2023/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/241 fir-rigward tal-kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013, (UE) 2021/1060 u (UE) 2021/1755, u d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 63, 28.2.2023, p. 1).

    (2)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ prodotti ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, (COM(2023) 161 final).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/866/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top