Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AE3253

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Ħelsien Aktar Rapidu u Aktar Sikur mit-Taxxi f’Ras il-Għajn Eċċessivi” (COM(2023) 324 final — 2023/0187 (CNS))

    EESC 2023/03253

    ĠU C, C/2024/1580, 5.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1580/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1580/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje C


    C/2024/1580

    5.3.2024

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Ħelsien Aktar Rapidu u Aktar Sikur mit-Taxxi f’Ras il-Għajn Eċċessivi”

    (COM(2023) 324 final — 2023/0187 (CNS))

    (C/2024/1580)

    Relatur:

    Benjamin RIZZO

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 28.7.2023

    Bażi legali

    Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adozzjoni fis-sezzjoni

    15.11.2023

    Adozzjoni fil-plenarja

    13.12.2023

    Sessjoni plenarja Nru

    583

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    198/0/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tevita t-tassazzjoni doppja u proċeduri kkumplikati għal rati mnaqqsa għad-detriment tal-investituri li jkollhom titoli f’kuntest transnazzjonali. Proċeduri aktar rapidi u aktar effiċjenti se jappoġġjaw investimenti transfruntiera fl-interess tas-suq intern.

    1.2.

    Il-KESE japprezza l-valur miżjud li l-Proposta tal-Kummissjoni tista’ ġġib sabiex tappoġġja l-investimenti transfruntiera madwar l-UE, speċjalment għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, billi tikseb semplifikazzjoni proċedurali sostanzjali. Il-Proposta hija għalhekk konformi mal-għan li tiġi stabbilita unjoni tas-swieq kapitali u li tissaħħaħ il-kompetittività ġenerali tas-suq intern.

    1.3.

    Il-KESE japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni biex tindirizza l-frodi u l-abbuż tat-taxxa fir-rigward tal-iskemi ta’ rkupru tat-taxxa f’ras il-għajn (frodi Cum/Ex u Cum/Cum), li se jwasslu għal sistema ta’ tassazzjoni aktar ġusta fl-Istati Membri kollha u ġbir imtejjeb tad-dħul mit-taxxa, kif ukoll jinkoraġġixxu kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet tat-taxxa.

    1.4.

    Il-KESE jinnota li l-Proposta tal-Kummissjoni hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) fir-Rapport finali dwar l-iskemi Cum/Ex, Cum/Cum u ta’ rkupru tat-taxxa f’ras il-għajn, li ħeġġeġ azzjoni speċifika fil-livell tal-UE sabiex jiġu miġġielda l-frodi u l-abbuż.

    1.5.

    Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni taċ-ċertifikat diġitali ta’ residenza tat-taxxa (eTRC), dokument uniformi validu fl-UE kollha li se jtejjeb li se jtejjeb il-ħin tar-rifużjonijiet u b’hekk ikun ta’ benefiċċju għall-investituri transnazzjonali. Il-KESE jissuġġerixxi li l-eTRC jkun jista’ jintuża biex jiġu ssemplifikati kwistjonijiet oħra barra dawk diġà koperti fil-Proposta.

    1.6.

    Il-KESE jenfasizza li l-Kummissjoni tistenna li l-Proposta twassal għal iffrankar sinifikanti tal-ispejjeż meta mqabbel mal-istatus quo u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tivverifika perjodikament jekk tali ffrankar huwiex fil-fatt miksub.

    1.7.

    L-istituzzjonijiet finanzjarji jridu jirreġistraw ma’ kull Stat Membru, u għalhekk il-Kummissjoni tistenna żieda fl-ispejjeż ta’ konformità fuq medda qasira ta’ żmien, li għandhom jonqsu maż-żmien u jwasslu għal vantaġġi sostanzjali fuq medda twila ta’ żmien. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda sforzi mmirati biex l-ispejjeż tal-konformità jinżammu baxxi kemm jista’ jkun fil-fażi inizjali tal-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda.

    1.8.

    Il-KESE jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni li tistabbilixxi limitu de minimis, fejn l-investituri bi ħlasijiet ta’ dividendi taħt ammont minimu ta’ EUR 1 000 ma jintalbux jipprovdu informazzjoni dwar l-arranġamenti finanzjarji jew il-perjodi minimi ta’ parteċipazzjoni. Din l-għażla tidher li ssib bilanċ bejn l-effettività tar-regoli l-ġodda għall-benefiċċju tas-suq intern u tal-investituri, u l-ħtieġa għas-semplifikazzjoni billi jiġu evitati dazji ta’ piż eċċessiv fuq ammonti żgħar ta’ titoli miżmuma.

    1.9.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu malajr lill-Kummissjoni, matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, rapporti annwali dwar statistika dwar kemm-il pretensjoni lura ta’ taxxa f’ras il-għajn eċċessiva tiġi rimborżata/meħlusa kemm fil-perjodu ta’ żmien stabbilit kif ukoll wara sabiex jiġi żgurat li l-pretensjonijiet lura ta’ taxxi f’ras il-għajn jiġu gradwalment rimborżati/meħlusa fil-perjodu ta’ żmien ambizzjuż ta’ mhux aktar mill-25 jum stabbiliti fil-Proposta tal-Kummissjoni.

    1.10.

    Il-KESE jinnota li l-penali potenzjali kontra l-intermedjarji finanzjarji stipulati fl-Artikolu 17 tal-Proposta huma ddelegati lill-Istati Membri. Il-penali għandhom ikunu effettivi u dissważivi, proporzjonati u raġonevoli sabiex jikkombinaw l-implimentazzjoni rapida tar-regoli l-ġodda mal-ħtieġa li l-intermedjarji finanzjarji jadattaw għall-approċċ regolatorju l-ġdid imħaddan mill-Kummissjoni.

    2.   Proposta tal-Kummissjoni

    2.1.

    Iż-żamma ta’ titoli f’kuntest transfruntier bħalissa qed tirriżulta f’tassazzjoni doppja għall-investituri fir-rigward tad-dividendi u l-imgħax li jirriżultaw, rispettivament, mis-sjieda ta’ ekwitajiet u bonds. It-taxxi jistgħu tabilħaqq jiġu imposti, l-ewwel fil-pajjiż tal-emittent tat-titoli (pajjiż ta’ oriġini) permezz ta’ taxxa miżmuma mill-introjtu gross tat-titoli (taxxa f’ras il-għajn), u t-tieni fil-pajjiż ta’ residenza tal-investitur (pajjiż ta’ residenza), peress li dan l-introjtu se jiġi ntaxxat.

    2.2.

    Sabiex tiġi evitata din it-tip ta’ tassazzjoni doppja, ġew implimentati trattati kontra t-taxxa doppja biex jippermettu l-kondiviżjoni tad-drittijiet ta’ tassazzjoni bejn il-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ residenza. Għaldaqstant, investituri mhux residenti jistgħu jkunu intitolati għal rata aktar baxxa tat-taxxa f’ras il-għajn jew għal eżenzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni domestika f’xi pajjiżi ta’ oriġini tista’ tipprovdi għal rata tat-taxxa mnaqqsa jew eżenzjoni. Din it-taxxa mnaqqsa jew eżenzjoni tista’ tiġi applikata direttament meta jitħallas id-dividend/imgħax (ħelsien f’ras il-għajn), jew billi titħallas lura t-taxxa żejda miżmuma fuq il-bażi ta’ rkupru mill-investitur (proċedura ta’ rifużjoni).

    2.3.

    Madankollu, il-proċeduri tat-taxxa f’ras il-għajn ibbażati fuq trattati dwar it-taxxa jew benefiċċji domestiċi applikabbli għall-investituri mhux residenti spiss ikunu ta’ piż u twal, peress li jvarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri, li għandhom livelli differenti ta’ diġitalizzazzjoni u jirrikjedu dokumenti differenti f’kull ġurisdizzjoni. Barra minn hekk, il-proċeduri tat-taxxa f’ras il-għajn jirriskjaw li jippermettu l-frodi u l-abbuż tat-taxxa, li jiskattaw telf fid-dħul għall-Istati Membri, kif muri mill-iskandli reċenti (il-każijiet Cum/Cum u Cum/Ex). Każijiet bħal dawn kienu jikkonċernaw rifużjonijiet eċċessivi li nkisbu mingħajr intitolamenti.

    2.4.

    Is-sitwazzjoni deskritta fil-fatt tiskoraġġixxi l-investimenti transfruntiera madwar l-UE, speċjalment għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, minħabba proċeduri twal u għaljin li jmorru kontra l-objettivi tal-istabbiliment ta’ unjoni tas-swieq kapitali u mal-kompetittività ġenerali tas-suq intern. Tali żvantaġġi huma ssupplimentati mir-riskju msemmi ta’ frodi u abbuż, li jħalli impatt negattiv fuq id-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri.

    2.5.

    Il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni biex tevalwa soluzzjonijiet leġiżlattivi possibbli identifikat tliet għażliet ta’ politika vijabbli: i) l-istabbiliment ta’ ċertifikat diġitali tal-eTRC komuni u rapportar komuni; ii) l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn; iii) l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ rifużjoni rapida f’perjodu ta’ żmien stabbilit u/jew ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn. It-tielet għażla hija meqjusa bħala l-aktar effettiva f’termini ta’ effettività (veloċità, sempliċità u diġitalizzazzjoni tal-proċeduri) u fattibbiltà politika.

    2.6.

    Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni għandha l-għan li ttejjeb il-kuntest proċedurali, filwaqt li ssegwi l-objettiv doppju li tappoġġja l-funzjonament tajjeb tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali billi tiffaċilita l-investiment transfruntier minn naħa waħda, u tiżgura tassazzjoni ġusta billi tnaqqas il-frodi u l-abbuż tat-taxxa min-naħa l-oħra. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, l-iffrankar għall-investituri kkawżat mill-implimentazzjoni tal-proposta l-ġdida se jammonta għal madwar EUR 5,17 biljun fis-sena.

    2.7.

    Il-proposta hija strutturata f’żewġ partijiet ewlenin (il-Kapitoli 2 u 3). Il-Kapitolu 2 jipprevedi l-ħolqien ta’ ċertifikat diġitali ta’ residenza tat-taxxa madwar l-UE kollha, filwaqt li l-Kapitolu 3 jittratta l-proċeduri ta’ ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn. Dan jinkludi wkoll il-proċedura biex jiġu stabbiliti Reġistri Nazzjonali għal intermedjarji finanzjarji speċifiċi, obbligu ta’ rapportar standardizzat għal tali intermedjarju, u l-obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn jew sistema ta’ rifużjoni rapida jew taħlita tat-tnejn.

    2.8.

    L-eTRC għandu jiġi introdott mill-Istati Membri kollha u se jipprovdi proċess amministrattiv rapidu u sigur biex tiġi kkonfermata r-residenza tat-taxxa tal-kontribwenti tal-UE. Kif stabbilit fl-Artikolu 4 se jkun hemm kontenut komuni għall-eTRC, irrispettivament mill-Istat Membru emittenti, jiġifieri l-Istat Membru ta’ residenza. Barra minn hekk, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, huwa propost li jiġi pprovdut eTRC li għandu jkopri sena kalendarja f’każ li t-talba ssir f’sena kurrenti għal dik is-sena tat-taxxa.

    2.9.

    L-Istati Membri se jkunu meħtieġa li joħorġu eTRC fi żmien ġurnata, dment li jkunu ġew ipprovduti b’sett speċifiku ta’ informazzjoni u sakemm ma jkun hemm l-ebda ċirkostanza eċċezzjonali li tiġġustifika dewmien. F’każijiet fejn il-ħruġ ta’ ġurnata waħda ma jiġix issodisfat, il-parti rikjesta għandha tiġi nnotifikata mill-Istat Membru kkonċernat. Sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ ħruġ ta’ ġurnata, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw sistema kompletament awtomatizzata għall-ħruġ tal-eTRC.

    2.10.

    Sabiex jibbenefikaw mill-proċeduri ta’ ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn fil-qalba tad-Direttiva, l-investituri se jkollhom ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom ma’ intermedjarji finanzjarji li huma ċċertifikati biex jipprovdu dawk is-servizzi. Hemm żewġ raġunijiet biex wieħed jiġi ċċertifikat bħala intermedjarju finanzjarju ċċertifikat u b’hekk biex jiġu aċċessati l-proċeduri ta’ din id-Direttiva: i) fuq bażi obbligatorja għall-istituzzjonijiet il-kbar; ii) fuq bażi volontarja għall-entitajiet l-oħra kollha.

    2.11.

    Fir-rigward ta’ dawk meħtieġa biex jirrapportaw, l-obbligi ta’ rapportar jiġu skattati mir-reġistrazzjoni f’wieħed mir-Reġistri Nazzjonali. L-intermedjarji finanzjarji ċċertifikati kollha inklużi f’wieħed jew aktar mir-Reġistri Nazzjonali huma soġġetti għal rapportar lill-awtorità li żżomm ir-reġistru, u fejn applikabbli lill-aġent tat-taxxa f’ras il-għajn, irrispettivament mill-pajjiż ta’ residenza tagħhom (fl-UE jew barra mill-UE, jew fi Stat Membru b’Reġistru Nazzjonali proprju jew mingħajru).

    2.12.

    Fir-rigward tal-kontenut tar-rapportar, id-Direttiva tistabbilixxi sett komuni ta’ elementi ta’ rapportar (l-Anness II). Kull intermedjarju finanzjarju ċċertifikat għandu jirrapporta biss dwar il-parti tat-tranżazzjoni li hija viżibbli għalih, jiġifieri, mingħand min qed jirċievi d-dividend/l-imgħax u lil min qed iħallas id-dividend/l-imgħax. Għalhekk, ir-riċevitur tar-rapportar sħiħ, jew l-amministrazzjoni tat-taxxa tas-sors jew aġent tat-taxxa f’ras il-għajn maħtur f’ismu, se jkollu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jibni mill-ġdid il-katina finanzjarja tat-tranżazzjoni mill-investitur sal-emittent tat-titoli.

    2.13.

    L-informazzjoni rrapportata lill-amministrazzjoni tat-taxxa se tippermettilha tistabbilixxi l-identità tal-investitur finali u l-intitolament potenzjali tiegħu għar-rata mnaqqsa tat-taxxa f’ras il-għajn. Għalhekk ir-riskju ta’ rifużjonijiet doppji jiġi mmitigat u l-kapaċità għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa biex jidentifikaw u jiġġieldu prattiki abbużivi u frodulenti oħrajn tissaħħaħ.

    2.14.

    Fir-rigward ta’ kif se jaħdem ir-rapportar, dan se jsir permezz ta’ skema ta’ format XML standardizzata li se tiġi stabbilita f’att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Il-mezz awtomatizzat biex tingħata l-informazzjoni mill-operaturi ekonomiċi lill-amministrazzjoni tat-taxxa korrispondenti jew lill-aġent ttat-taxxa f’ras il-għajn li jaġixxi f’ismu se jkun standardizzat u stabbilit f’dan l-att ta’ implimentazzjoni.

    2.15.

    L-iskeda ta’ żmien għar-rapportar tal-informazzjoni hija ta’ 25 jum u mhux aktar tard mid-data tar-reġistrazzjoni. Ir-rapportar għandu jsir mill-aktar fis possibbli wara d-data tar-reġistrazzjoni, sakemm struzzjoni ta’ saldu fir-rigward ta’ kwalunkwe parti mit-tranżazzjoni ma tkunx pendenti fid-data tar-reġistrazzjoni, f’liema każ ir-rapportar għal dik it-tranżazzjoni għandu jseħħ mill-aktar fis possibbli wara s-saldu.

    2.16.

    Il-Proposta tipprovdi wkoll: i) sistema ta’ ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn; u ii) sistema ta’ rifużjoni ta’ malajr. Taħt sistema tal-ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn, l-ammont korrett ta’ taxxi jiġi applikat mill-aġent tat-taxxa f’ras il-għajn fil-ħin tal-pagament tad-dividend/tal-imgħax (l-Artikolu 12). Taħt sistema ta’ rifużjoni rapida, it-taxxa tinżamm bir-rata ogħla applikata fil-pajjiż ta’ oriġini iżda t-taxxa eċċessiva mbagħad tingħata lura f’perjodu ta’ żmien stabbilit ta’ massimu ta’ 25 jum mid-data tat-talba jew mid-data ta’ meta r-rapportar meħtieġ jiġi ssodisfat, skont liema minnhom jiġi l-aħħar.

    2.17.

    Għall-skopijiet ta’ semplifikazzjoni, ir-regola de minimis ġiet introdotta għall-obbligi tar-rapportar u proċeduri ta’ diliġenza dovuta, fejn l-investituri bi ħlasijiet ta’ dividendi taħt il-limitu ta’ EUR 1 000 ma jintalbux jipprovdu informazzjoni dwar l-arranġamenti finanzjarji jew il-perjodi minimi ta’ parteċipazzjoni.

    2.18.

    Sabiex jiġi żgurat li t-talbiet lura tat-taxxa f’ras il-għajn jiġu rimborżati/meħlusa fil-perjodu ta’ żmien speċifikat (mhux aktar minn 25 jum), l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jipprovdu lill-Kummissjoni b’rapporti annwali dwar l-istatistika rigward l-għadd ta’ pretensjonijiet ta’ rkupru tat-taxxa f’ras il-għajn li ġew rimborżati/meħlusa kemm fil-perjodu ta’ żmien kif ukoll wara.

    2.19.

    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 17 tal-Proposta, “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati.”

    3.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

    3.1.

    Il-KESE jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tevita t-tassazzjoni doppja u proċeduri kkumplikati għal rati mnaqqsa għad-detriment tal-investituri li jkollhom titoli f’kuntest transnazzjonali. Proċeduri tat-taxxa f’ras il-għajn aktar rapidi u aktar effiċjenti se jappoġġjaw l-investimenti transfruntiera, u jevitaw l-iżvantaġġi attwali fl-interess sħiħ tal-unjoni tas-swieq kapitali bħala komponent ewlieni tas-suq uniku tal-UE.

    3.2.

    Il-KESE japprezza wkoll l-isforz tal-Kummissjoni biex tipprevjeni jew tal-anqas tnaqqas il-frodi u l-abbuż tat-taxxa, li se jwassal għal sistema ta’ tassazzjoni aktar ġusta madwar l-Istati Membri u għal żieda fil-ġbir tad-dħul mit-taxxa mill-Istati Membri. Id-dħul addizzjonali jista’ tabilħaqq jintuża biex jitrawmu t-tkabbir u s-servizzi pubbliċi fl-Istati Membri u biex jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, f’konformità mal-objettivi tal-UE.

    3.3.

    Il-KESE jilqa’ l-introduzzjoni tal-eTRC, ċertifikat diġitali ta’ residenza tat-taxxa validu fl-UE kollha li se jtejjeb il-ħin tar-rifużjonijiet u b’hekk ikun ta’ benefiċċju għall-investituri li għandhom investimenti adatti. Il-KESE jissuġġerixxi li l-eTRC jkun jista’ jintuża biex jiġu ssemplifikati l-kwistjonijiet flimkien ma’ dawk diġà koperti fil-proposta. L-informazzjoni dwar l-eTRC għandha tkun disponibbli f’diversi lingwi jekk ikun meħtieġ, u b’hekk titjieb l-effiċjenza tar-rifużjonijiet.

    3.4.

    Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-riskju persistenti ta’ frodi jew abbuż qed juża riżorsi sinifikanti għall-awtoritajiet tat-taxxa, li jistgħu jiġu investiti biex jindirizzaw prijoritajiet oħra wara li tiġi implimentata sistema debitament diġitalizzata u effettiva biex tippermetti rifużjonijiet rapidi f’perjodu ta’ żmien stabbilit, u/jew jekk tiġi stabbilita sistema ta’ ħelsien mit-taxxa f’ras il-għajn mill-bidu nett.

    3.5.

    Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li inizjattiva leġiżlattiva Ewropea hija aktar adatta minn azzjonijiet iżolati mill-Istati Membri biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati mat-tassazzjoni tat-titoli miżmuma f’kuntest transnazzjonali. Kundizzjonijiet ekwi għall-investituri nazzjonali u barranin u kemm għall-intermedjarji domestiċi kif ukoll għal dawk mhux residenti jiġu segwiti l-aħjar permezz ta’ direttiva tal-UE. L-inizjattivi nazzjonali jistgħu tabilħaqq jikkawżaw diskrepanzi u spejjeż ta’ konformità, filwaqt li direttiva bbażata fuq l-Artikolu 115 tat-TFUE biex jiġu approssimati l-liġijiet nazzjonali li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq uniku tidher aktar adatta biex jintlaħqu l-objettivi tal-Kummissjoni.

    3.6.

    Il-KESE japprezza l-appoġġ ġenerali tal-Istati Membri għall-Proposta tal-Kummissjoni. Fl-istess ħin, ta’ min jinnota li xi Stati Membri fejn ir-rata domestika għall-investituri mhux residenti hija aktar baxxa jew l-istess bħar-rata tat-trattat dwar it-taxxa jista’ ma jkollhomx jew ikunu jeħtieġu proċeduri ta’ rifużjoni. Min-naħa l-oħra, dawk l-Istati Membri fejn ir-rata interna tat-taxxa f’ras il-għajn hija ogħla mit-trattat dwar it-taxxa applikabbli huma ċertament aktar interessati li jtejbu t-trasparenza u jistandardizzaw il-proċeduri.

    3.7.

    F’dan ir-rigward, il-Kumitat josserva li l-Proposta tal-Kummissjoni se tkun ta’ benefiċċju kemm għall-investituri residenti fl-UE kif ukoll għal dawk li mhumiex b’portafolli diversifikati madwar l-UE kollha, u b’hekk tippermettilhom aċċess għar-rati mnaqqsa li huma intitolati għalihom meta jinvestu bejn il-fruntieri, u b’hekk tħeġġeġ l-investimenti transfruntiera. Għalhekk huwa rrakkomandat li l-Proposta tiġi approvata malajr, fl-interess tas-suq uniku.

    3.8.

    Il-KESE jinnota li l-Proposta tal-Kummissjoni hija konformi mal-leġiżlazzjoni preċedenti u, b’mod partikolari, mad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa, id-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva u d-Direttiva għall-ġlieda kontra l-użu ħażin ta’ entitajiet fittizji, li dwarhom il-KESE ppubblika Opinjonijiet b’appoġġ wiesa’. L-inizjattiva inkwistjoni, li tittratta l-prattiki abbużivi tat-taxxa fir-rigward tal-proċeduri tat-taxxa f’ras il-għajn li ma kinux koperti qabel, mhijiex biss konsistenti mal-qafas legali attwali, iżda tikkomplementah ukoll.

    3.9.

    Il-KESE japprezza l-fatt li-l-proposta tal-Kummissjoni twieġeb għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-ESMA fir-“Rapport finali dwar l-iskemi Cum/Ex, Cum/Cum u ta’ rkupru tat-taxxa f’ras il-għajn” li kkonkluda li se tkun meħtieġa azzjoni speċifika dwar it-tassazzjoni fil-livell tal-UE għall-ġlieda effettiva kontra l-frodi u l-abbuż.

    3.10.

    Il-KESE jemmen li l-konsultazzjoni li saret mill-Kummissjoni, li fiha pparteċipaw bosta partijiet interessati (1 682 tweġiba), għamlet il-proċess aktar trasparenti u demokratiku, minkejja n-natura teknika ħafna tal-kwistjoni. L-Istati Membri, l-investituri, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-awtoritajiet tat-taxxa kienu debitament involuti. Il-proċess kollu ssottolinja kunsens wiesa’ dwar il-problemi li jirriżultaw mill-proċeduri differenti tat-taxxa f’ras il-għajn fost l-Istati Membri, u dwar il-ħtieġa għal azzjoni tal-UE biex tindirizza s-sitwazzjoni frammentata u ineffiċjenti.

    3.11.

    Il-KESE jenfasizza li l-Kummissjoni tistenna li l-Proposta twassal għal iffrankar sinifikanti ta’ spejjeż meta mqabbel mal-istatus quo u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tivverifika perjodikament jekk tali ffrankar effettivament jinkisibx meta tidħol fis-seħħ. Fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji, il-Kummissjoni tistenna żieda fl-ispejjeż ta’ konformità fuq medda qasira ta’ żmien, li għandhom jonqsu maż-żmien u jwasslu għal vantaġġi sostanzjali fuq medda twila ta’ żmien. Il-KESE jirrakkomanda sforzi mmirati biex l-ispejjeż tal-konformità jinżammu baxxi kemm jista’ jkun fil-fażi inizjali tal-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda.

    3.12.

    Il-KESE jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni li tistabbilixxi limitu de minimis li jikkonsisti f’li ma titlobx informazzjoni dwar arranġamenti finanzjarji jew perjodi minimi ta’ parteċipazzjoni lill-investituri bi ħlasijiet ta’ dividendi taħt ammont minimu ta’ EUR 1 000. Din l-għażla tidher li ssib bilanċ bejn l-effettività tar-regoli l-ġodda (għall-benefiċċju tas-suq intern u tal-investituri) minn naħa waħda, u l-ħtieġa għas-semplifikazzjoni ta’ dazji ta’ piż eċċessiv fuq ammonti żgħar ta’ titoli miżmuma.

    3.13.

    Il-KESE jinnota li l-penali potenzjali kontra l-intermedjarji finanzjarji stipulati fl-Artikolu 17 tal-Proposta huma ddelegati lill-Istati Membri. Il-penali għandhom ikunu effettivi u dissważivi, proporzjonati u raġjonevoli sabiex jilħqu bilanċ bejn l-implimentazzjoni rapida tar-regoli l-ġodda u l-ħtieġa li l-intermedjarji finanzjarji jadattaw għall-approċċ regolatorju l-ġdid imħaddan mill-Kummissjoni.

    3.14.

    Il-KESE jirrakkomanda livell adegwat ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali u bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea, speċjalment fl-ewwel perjodu ta’ implimentazzjoni, sabiex is-sistema l-ġdida tiġi stabbilita b’mod sod fi żmien raġonevoli, u jiġi żgurat li l-pretensjonijiet lura ta’ taxxa f’ras il-għajn jiġu rimborżati/meħlusa fil-perjodu speċifikat ta’ 25 jum.

    3.15.

    Il-KESE jirrimarka li d-data personali se tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ verifika li r-rata korretta tat-taxxa f’ras il-għajn tiġi applikata lill-kontribwent, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi limitat l-ammont ta’ data personali li għandha tiġi pproċessata u li jiġi trażmess dak li huwa meħtieġ biex jiġu identifikati s-sottorappurtar, in-nuqqas ta’ rapportar jew frodi tat-taxxa jew abbuż, f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, li jiddikjara li d-data personali trid tkun “adegwata, rilevanti u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata”.

    Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2023.

    Oliver RÖPKE

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1580/oj

    ISSN 1977-0987 (electronic edition)


    Top