Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023AB0015

    Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-6 ta' Ġunju 2023 dwar il-proposta għal direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva (CON/2023/15) 2023/C 249/03

    CON/2023/15

    ĠU C 249, 14.7.2023, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 249/3


    OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tas-6 ta' Ġunju 2023

    dwar il-proposta għal direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva

    (CON/2023/15)

    (2023/C 249/03)

    Introduzzjoni u bażi legali

    Fit-23 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-proposta għal direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (1) (minn hawn ’il quddiem id-“direttiva proposta”).

    Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iddeċieda li jagħti opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar id-direttiva proposta. Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi d-direttiva proposta fiha dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti tal-BĊE dwar superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u l-kontribuzzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali għat-tmexxija bla xkiel ta’ politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

    1.   Osservazzjonijiet Ġenerali

    1.1.

    Id-direttiva proposta timponi obbligi fuq ċerti kumpaniji kbar biex iwettqu d-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali (2), inkluż l-identifikazzjoni ta’ impatti negattivi reali u potenzjali (3), l-integrazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-politiki tal-kumpaniji (4), il-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tal-impatti negattivi (5), l-istabbiliment ta’ proċedura tal-ilmenti (6), il-miżuri u l-politiki ta’ monitoraġġ (7), u r-rapportar (8). Għal dan l-għan, id-direttiva proposta tiddefinixxi “kumpanija” li tapplika għaliha bħala li tinkludi “impriża finanzjarja regolata’ (9), li, min-naħa tagħha, tinkludi, fost l-oħrajn, istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) (minn hawn ’il quddiem ‘istituzzjoni ta’ kreditu’, u kollettivament ‘istituzzjonijiet ta’ kreditu’).

    1.2.

    Barra minn hekk, id-direttiva proposta tirrikjedi li l-kumpaniji li għalihom tapplika jieħdu miżuri xierqa biex jidentifikaw l-impatti negattivi attwali u potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti ambjentali negattivi li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tagħhom stess jew dawk tas-sussidjarji tagħhom u, fejn relatati mal-ktajjen tal-valur tagħhom, mir-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti tagħhom (11). Fil-każ ta’ impriżi finanzjarji regolati, inklużi istituzzjonijiet ta’ kreditu, it-terminu ‘katina tal-valur’ huwa definit fid-direttiva proposta bħala li jinkludi l-attivitajiet tal-klijenti li jirċievu self, kreditu u servizzi finanzjarji oħra (12). Filwaqt li d-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta ambjentali jaqgħu barra mill-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE, id-direttiva proposta jista’ jkollha implikazzjonijiet prattiċi importanti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Minn din il-perspettiva, huwa rrakkomandat li d-direttiva proposta tipprevedi arranġamenti għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-konformità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mad-direttiva proposta u l-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, inkluż il-BĊE. F’dan ir-rigward, il-BĊE jinnota li l-koleġiżlaturi tal-Unjoni stabbilixxew arranġamenti għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji prudenzjali minn naħa waħda, u l-awtoritajiet superviżorji kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-konformità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola oqsma oħra ta’ attività li jaqgħu barra mill-kompetenzi tal-BĊE għas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, min-naħa l-oħra. Tali arranġamenti ġew stabbiliti, pereżempju, fl-oqsma tar-rekwiżiti tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (13), is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (14), u l-infrastrutturi tas-suq (15).

    1.3.

    Id-direttiva proposta tintroduċi responsabbiltà ċivili għall-kumpaniji li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom li jipprevjenu impatti negattivi potenzjali u li jtemmu l-impatti negattivi reali, jekk dan in-nuqqas iwassal għal danni (16). Filwaqt li jeħtieġ li jiġu ddefiniti aktar dettalji tar-reġim tar-responsabbiltà ċivili (pereżempju, id-definizzjoni ta’ danni koperti u l-oneru tal-provi), huwa mistenni li r-riskji ta’ litigazzjoni għall-banek jistgħu jiżdiedu b’mod sostanzjali bħala riżultat ta’ dan ir-reġim ta’ responsabbiltà. L-aspettattiva tal-BĊE hija li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni jimmaniġġjaw dawn ir-riskji f’konformità mal-aspettattivi superviżorji prudenzjali tal-BĊE kkomunikati mill-BĊE. Ta’ min jinnota f’dan il-kuntest li l-BĊE s’issa ħa approċċ ibbażat fuq ir-riskju meta vvaluta l-iskopertura ta’ bank għar-riskji ta’ governanza soċjali ambjentali (ESG). Pereżempju, il-BĊE kkomunika li l-banek jeħtieġ li jifhmu l-konsegwenzi li t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli tinvolvi għat-tranżazzjonijiet u l-iskoperturi tagħhom, u li dawn ir-riskji jiġu riflessi fl-istrateġija ġenerali tagħhom għall-ġestjoni tar-riskju (17). Minn din il-perspettiva, is-self kontinwu għall-finanzjament ta’ attivitajiet li huma esposti għal riskji ta’ tranżizzjoni għoljin jista’ jitqies bħala konsistenti ma’ ġestjoni tajba tar-riskju biss jekk min jissellef ikollu pjan ta’ tranżizzjoni kredibbli u bbażat fuq ix-xjenza u allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi (18) biex jiġġestixxi u jnaqqas ir-riskju ta’ tranżizzjoni tiegħu maż-żmien. B’mod partikolari, il-ġestjoni tajba tar-riskju ta’ tranżizzjoni tinkludi wkoll il-ġestjoni tajba tar-riskju ta’ litigazzjoni. F’dan il-kuntest, il-BĊE jenfasizza li l-introduzzjoni ta’ responsabbiltà ċivili relatata mal-impatt negattiv ta’ tali self jeħtieġ li tqis u tirrikonoxxi r-rwol tal-ippjanar ta’ tranżizzjoni fil-korporazzjonijiet. F’konformità mal-approċċ superviżorju msemmi hawn fuq, is-self biex jiġu ffinanzjati attivitajiet li huma esposti għal riskji ta’ tranżizzjoni għoljin jista’ madankollu jitqies bħala konsistenti ma’ approċċi sodi ta’ ġestjoni tar-riskju, sakemm il-kontribuzzjoni marġinali tal-attivitajiet maħsuba jew imwettqa tibqa’ koerenti ma’ pjanijiet ta’ tranżizzjoni kredibbli. Dan huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-banek ikunu jistgħu jiffinanzjaw sforzi ta’ tranżizzjoni għall-klijenti li għadhom mhumiex – iżda li għandhom pjanijiet li jsiru – allinjati mal-għanijiet klimatiċi tal-UE u l-Ftehim ta’ Pariġi.

    1.4.

    Id-Direttiva proposta timponi obbligu fuq dawk il-kumpaniji li għalihom tapplika biex jadottaw pjan ta’ tranżizzjoni biex jiġi żgurat li l-mudell u l-istrateġija tan-negozju tal-kumpanija jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1.5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi (19). B’mod speċifiku, kumpanija għandha tinkludi objettivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fil-pjan tagħha jekk il-kumpanija tidentifika t-tibdil fil-klima bħala riskju prinċipali. Filwaqt li l-obbligu li jiġi adottat pjan ta’ tranżizzjoni huwa impost mid-direttiva proposta, il-kontenut u r-rekwiżiti prattiċi għall-iżvelar ta’ pjan ta’ tranżizzjoni huma preskritti separatament fid-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) (minn hawn” il quddiem id-“Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà” jew is-“CSRD”). Il-koordinazzjoni mill-qrib u l-koerenza bejn id-definizzjonijiet u r-rekwiżiti tad-direttiva proposta u s-CSRD huma għalhekk tal-akbar importanza. Il-BĊE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-konsistenza u l-interoperabbiltà għall-pjanijiet ta’ tranżizzjoni skont dawn iż-żewġ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-pjanijiet ta’ tranżizzjoni kif meħtieġ skont id-direttiva proposta u s-CSRD jistgħu jvarjaw kemm fl-għanijiet kif ukoll fl-iskop tagħhom mill-pjanijiet ta’ tranżizzjoni meħtieġa minn perspettiva prudenzjali taħt id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) (minn hawn ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta” Kapital’ jew “CRD”), li bħalissa qed tiġi rriveduta. Is-CRD għandha l-għan li tiżgura li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jivvalutaw b’mod komprensiv ir-riskji ESG u jinkorporaw kunsiderazzjonijiet li jħarsu ’l quddiem ta’ dawk ir-riskji fl-istrateġiji, l-ipprezzar, il-monitoraġġ kontinwu tar-riskju, u l-ġestjoni tagħhom, bil-ħsieb li tiġi żgurata r-reżiljenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

    1.5.

    Id-direttiva proposta tagħti mandat lill-Istati Membri biex jaħtru awtorità superviżorja waħda jew aktar biex jissorveljaw il-konformità mal-obbligi stabbiliti fiha (22). F’dak il-kuntest, l-awtoritajiet attwalment maħtura bħala awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni ta’ impriżi finanzjarji regolati jistgħu wkoll jinħatru bħala awtoritajiet superviżorji għall-finijiet tad-direttiva proposta fir-rigward ta’ dawk l-impriżi finanzjarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva proposta (23). Il-BĊE jenfasizza li s-superviżjoni tal-konformità mal-obbligi stabbiliti fid-direttiva proposta tirrappreżenta kompitu distint mill-kompiti prudenzjali tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) (24). Jekk l-ANK fi ħdan l-MSU għandhom jinħatru bħala awtorità superviżorja mill-Istati Membri skont id-direttiva proposta, jenħtieġ li dawn jiġu pprovduti bil-mezzi u r-riżorsi biex iwettqu dawk il-kompiti l-ġodda mingħajr detriment għar-responsabbiltajiet prudenzjali attwali tagħhom. Barra minn hekk, il-BĊE jtenni l-ħtieġa għal arranġamenti xierqa għall-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-konformità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu mal-obbligi tagħhom skont id-direttiva proposta minn naħa, u l-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, inkluż il-BĊE, min-naħa l-oħra. Dawn l-arranġamenti għandhom jgħinu biex jiġu evitati, kemm jista’ jkun, rekwiżiti ta’ rapportar doppju bla bżonn u teħid ta’ deċiżjonijiet inkonsistenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu sorveljati.

    1.6.

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Netwerk Ewropew tal-Awtoritajiet Superviżorji magħmul mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet superviżorji maħtura mill-Istati Membri, li għalih il-Kummissjoni tista’ tistieden il-parteċipazzjoni tal-aġenziji Ewropej bl-għan li jiskambjaw informazzjoni, jipprovdu assistenza reċiproka u jistabbilixxu miżuri għal kooperazzjoni effettiva (25). Id-direttiva proposta ġustament teskludi l-possibbiltà li l-BĊE jingħata l-kompitu li jissorvelja l-konformità mad-direttiva proposta minn dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti li huma taħt is-superviżjoni diretta tiegħu. Dan huwa konsistenti mal-fehma tal-BĊE li dan il-kompitu ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompiti superviżorji prudenzjali li jistgħu jiġu kkonferiti lill-BĊE skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat. Madankollu, il-BĊE jqis li huwa ta’ importanza ewlenija li n-Netwerk Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji propost jiġi estiż biex jinkludi l-BĊE fil-kapaċità tiegħu bħala superviżur prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dan jiżgura koordinazzjoni u jipprovdi bażi legali soda għall-istabbiliment ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet superviżorji maħtura skont id-direttiva proposta, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk l-impriżi finanzjarji regolati li jaqgħu taħt is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE (jiġifieri i stituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti), iżda li fl-istess ħin ikunu soġġetti għas-superviżjoni tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali maħtura mill-Istati Membri għall-finijiet tad-direttiva proposta.

    1.7.

    Id-direttiva proposta tipprovdi definizzjoni tal-katina tal-valur tal-impriżi finanzjarji regolati. Dan jista’ jkollu impatt fuq l-oqfsa regolatorji futuri, pereżempju, l-Istandards Ewropej għar-Rapportar dwar is-Sostenibbiltà prodotti mill-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju (26), li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-CSRD. Id-definizzjoni għandha tiġi vvalutata bir-reqqa fil-kuntest ta’ oqfsa regolatorji prudenzjali, peress li tista’ ma tkunx xierqa għall-użu f’oqfsa regolatorji prudenzjali. Dan għaliex mill-perspettiva tas-superviżjoni prudenzjali huwa importanti li l-impriżi finanzjarji regolati jkollhom ħarsa ġenerali komprensiva tar-riskji ta’ tranżizzjoni inerenti fil-katina tal-valur tagħhom. Bħala tali, tista’ tkun meħtieġa analiżi aktar fil-fond u kunsiderazzjoni ulterjuri tad-definizzjoni tal-katina tal-valur sa fejn din tkun relatata ma’ impriżi finanzjarji regolati.

    1.8.

    Fl-aħħar nett, il-BĊE jenfasizza l-importanza ta’ dħul fis-seħħ gradwali u ordnat tad-direttiva proposta sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jaġġustaw il-proċessi interni u r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom biex jakkomodaw ir-rekwiżiti l-ġodda. Dan huwa ta’ importanza partikolari sabiex l-impriżi finanzjarji regolati jkunu jistgħu jiżguraw rivalutazzjoni ordnata tar-riskji u jevitaw effetti ta’ preċipizju li jistgħu jiġġeneraw terminazzjonijiet f’daqqa tas-servizzi finanzjarji b’effetti potenzjalment negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja.

    Fejn il-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva proposta tiġi emendata, qegħdin jiġu fformulati proposti speċifiċi tal-abbozzar f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma' test spjegattiv f'dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq l-EUR-Lex.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, is-6 ta’ Ġunju 2023.

    Il-President tal-BĊE

    Christine LAGARDE


    (1)  COM (2022) 71 final.

    (2)  Ara l-Artikolu 4 tad-direttiva proposta.

    (3)  Ara l-Artikolu 6 tad-direttiva proposta.

    (4)  Ara l-Artikolu 5 tad-direttiva proposta.

    (5)  Ara l-Artikoli 7 u 8 tad-direttiva proposta.

    (6)  Ara l-Artikolu 9 tad-direttiva proposta.

    (7)  Ara l-Artikolu 10 tad-direttiva proposta.

    (8)  Ara l-Artikolu 11 tad-direttiva proposta.

    (9)  Ara l-Artikolu 3, il-punt (a)(iv), tad-direttiva proposta.

    (10)  Ara l-Artikolu 4(1), il-punt 1, tar-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

    (11)  Ara l-Artikolu 6(1) tad-direttiva proposta.

    (12)  Ara l-Artikolu 3, il-punt (g), tad-direttiva proposta.

    (13)  Ara l-Artikolu 49 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73); il-paragrafi 3.1 sa 3.8 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2022/4. L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma disponibbli fuq l-EUR-Lex.

    (14)  Ara l-Artikolu 79 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

    (15)  Ara l-Artikolu 84 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

    (16)  Ara l-Artikolu 22 tad-direttiva proposta.

    (17)  Ara l-‘Gwida dwar ir-riskji relatati mal-klima u l-ambjent’ (Guide on climate-related and environmental risks) tal-BĊE, disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE dwar is-superviżjoni bankarja fuq www.bankingsupervision.europa.eu. Ara wkoll l-istqarrija għall-istampa ‘Il-BĊE jistabbilixxi skadenzi għall-banek biex jittrattaw ir-riskji klimatiċi’ (ECB sets deadlines for banks to deal with climate risks), disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE dwar is-superviżjoni bankarja fuq www.bankingsupervision.europa.eu

    (18)  Ara d-diskors ta’ Frank Elderson, ‘“Running up that hill” – how climate-related and environmental risks turned mainstream in banking supervision and next steps for banks’ [Nitilgħu l-għolja – kif ir-riskji relatati mal-klima u l-ambjent saru integrati fis-superviżjoni bankarja u l-passi li jmiss għall-prattiki tal-ġestjoni tar-riskju tal-banek], disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

    (19)  Ara l-Artikolu 15 tad-direttiva proposta.

    (20)  Ara d-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15).

    (21)  Ara l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    (22)  Artikolu 17(1) tad-direttiva proposta.

    (23)  Artikolu 17(5) tad-direttiva proposta.

    (24)  Ara l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p.63).

    (25)  L-Artikolu 21 tad-direttiva proposta.

    (26)  Ara l-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, “L-ewwel sett ta’ abbozzi tal-ESRS” (First Set of draft ESRS), Novembru 2022, disponibbli fuq is-sit web tal-EFRAG fuq www.efrag.org


    Top