This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022XX0609(01)
Summary of the Opinion of the European Data Protection Supervisor on on the Proposal for a Regulation on automated data exchange for police cooperation (‘Prüm II’) (The full text of this Opinion can be found in English, French and German on the EDPS website www.edps.europa.eu) 2022/C 225/04
Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament dwar l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (“Prüm II”) (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jinsab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu) 2022/C 225/04
Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament dwar l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (“Prüm II”) (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jinsab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu) 2022/C 225/04
ĠU C 225, 9.6.2022, p. 6–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
9.6.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 225/6 |
Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament dwar l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (“Prüm II”)
(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jinsab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu)
(2022/C 225/04)
Fit-8 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (“Prüm II”), li jemenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u r-Regolamenti (UE) 2018/1726, 2019/817 u 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (l-hekk imsejħa “Deċiżjonijiet ta’ Prüm”). Il-Proposta hija parti minn pakkett leġiżlattiv akbar, imsejjaħ “Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija tal-UE”, li jinkludi wkoll Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri (soġġett għal opinjoni separata tal-EDPS), u Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni operattiva tal-pulizija.
L-objettiv tal-Proposta huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u b’mod partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, billi jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-tiftix awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika (marki tas-swaba’), immaġnijiet tal-wiċċ, rekords tal-pulizija u ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, kif ukoll l-iskambju ta’ data wara t-tqabbil.
Filwaqt li l-EDPS jifhem il-ħtieġa li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jibbenefikaw mill-aħjar għodod legali u tekniċi possibbli biex jidentifikaw, jinvestigaw u jipprevjenu r-reati, huwa jinnota li l-qafas il-ġdid propost ta’ Prüm ma jistabbilixxix b’mod ċar elementi essenzjali tal-iskambju tad-data, bħat-tipi ta’ reati, li jistgħu jiġġustifikaw domanda, u mhuwiex ċar biżżejjed dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tas-suġġetti tad-data affettwati mill-iskambju awtomatiku ta’ data, eż. jekk il-bażijiet tad-data, soġġetti għal domanda, fihomx data biss ta’ persuni suspettati u/jew misjuba ħatja, jew anke data ta’ suġġetti oħra tad-data, bħall-vittmi jew ix-xhieda.
L-EDPS iqis b’mod partikolari li t-tiftix awtomatizzat tal-profili tad-DNA u tal-immaġnijiet tal-wiċċ għandu jkun possibbli biss fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet individwali dwar reati serji, minflok kwalunkwe reat kriminali, kif previst fil-Proposta. Barra minn hekk, l-EDPS iqis li huwa meħtieġ li fil-Proposta jiġu introdotti rekwiżiti u kundizzjonijiet komuni dwar id-data fil-bażijiet tad-data nazzjonali li jsiru aċċessibbli għal tfittxijiet awtomatizzati, filwaqt li jitqies kif xieraq l-obbligu skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi 680/2016 (LED) biex issir distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data (jiġifieri kriminali misjuba ħatja, suspettati, vittmi, eċċ.).
L-EDPS huwa mħasseb ukoll dwar l-implikazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati mit-tiftix u l-iskambju awtomizzati proposti tar-rekords tal-pulizija. Huwa jqis li l-ħtieġa tat-tiftix u l-iskambju awtomatizzati proposti tad-data tar-rekords tal-pulizija ma tintweriex biżżejjed. Jekk miżura bħal din tiġi madankollu adottata, anki fuq bażi volontarja, f’dak il-każ ikunu meħtieġa salvagwardji b’saħħithom addizzjonali biex ikun hemm konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, minħabba l-isfidi tal-kwalità tad-data, ir-Regolament futur għandu, fost l-oħrajn, jiddefinixxi b’mod espliċitu t-tipi u/jew il-gravità tar-reati li jistgħu jiġġustifikaw domanda awtomatizzata fir-rekords nazzjonali tal-pulizija.
Fir-rigward tal-inklużjoni tal-Europol fil-qafas ta’ Prüm, l-EDPS iqis li l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-Opinjoni 4/2021 dwar il-Proposta għal Emenda tar-Regolament tal-Europol jibqgħu validi bis-sħiħ fil-kuntest tal-kooperazzjoni ta’ Prüm, b’mod partikolari dawk relatati mal-hekk imsejħa “sfida tal-big data”, jiġifieri l-ipproċessar mill-Aġenzija ta’ settijiet ta’ data kbar u kumplessi. L-EDPS jixtieq ifakkar tnejn mill-messaġġi ewlenin fl-Opinjoni dwar il-Europol: b’setgħat aktar b’saħħithom dejjem għandu jkun hemm sorveljanza aktar b’saħħitha, u, ugwalment importanti, kwalunkwe eċċezzjoni applikabbli fil-forma ta’ derogi ma għandhiex titħalla ssir ir-regola.
Il-Proposta tipprevedi arkitettura kumplessa għat-tiftix u l-iskambju awtomatizzati ta’ data fi ħdan il-qafas ta’ Prüm bi tliet soluzzjonijiet tekniċi separati, żviluppati u miżmuma minn tliet entitajiet differenti. L-EDPS iqis li l-Proposta għandha tkun aktar espliċita fir-rigward tar-responsabbiltà għall-ipproċessar ta’ data personali, b’mod partikolari fl-EUCARIS, li mhijiex ibbażata fuq il-liġi tal-UE u għandha natura intergovernattiva. Barra minn hekk, l-EDPS huwa tal-fehma li, minħabba l-iskala u s-sensittività tal-ipproċessar tad-data personali, il-mudell ta’ governanza orizzontali propost tal-qafas ta’ Prüm mhuwiex xieraq u għandu jissaħħaħ aktar, eż. billi jiġi assenjat rwol ċentrali ta’ koordinazzjoni lil entità tal-UE, eż. il-Kummissjoni.
Barra minn hekk, fl-interess taċ-ċertezza legali, l-EDPS iqis li r-relazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fil-Proposta mal-qafas legali eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data fl-UE, b’mod partikolari l-LED u r-Regolament (UE) 1725/2018 (EUDPR), għandha tiġi ċċarata b’mod espliċitu.
L-Opinjoni tanalizza u tipprovdi wkoll rakkomandazzjonijiet dwar għadd ta’ kwistjonijiet speċifiċi oħra, bħar-rabta tal-qafas ta’ Prüm mal-qafas ta’ interoperabbiltà, it-trasferiment ta’ data lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew is-superviżjoni tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar għall-finijiet ta’ kooperazzjoni ta’ Prüm.
1. INTRODUZZJONI U SFOND
1. |
Fit-8 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskambju awtomatizzat ta’ data għall-kooperazzjoni tal-pulizija (“Prüm II”), li jemenda d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI u r-Regolamenti (UE) 2018/1726, 2019/817 u 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-“Proposta”) (1). |
2. |
Il-Proposta hija parti minn pakkett leġiżlattiv akbar, imsejjaħ “Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija tal-UE”, li jinkludi wkoll:
|
3. |
L-objettiv tal-Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija tal-UE, kif iddikjarat mill-Kummissjoni, huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi madwar l-Istati Membri u b’mod partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti (4). F’dan ir-rigward, il-Proposta tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-tiftix awtomatizzat ta’ profili tad-DNA, data dattiloskopika (marki tas-swaba’), immaġnijiet tal-wiċċ, rekords tal-pulizija u ċerta data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi u l-iskambju ta’ data wara tqabbil bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali. |
4. |
Il-Proposta, kif ukoll il-Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija tal-UE b’mod aktar ġenerali, hija marbuta mal-għanijiet ta’ politika ta’ diversi dokumenti strateġiċi tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, b’mod partikolari l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà (5), l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025 (6) u l-Istrateġija dwar iż-żona Schengen tal-2021 (7). Barra minn hekk, il-proposti li jistabbilixxu l-Kodiċi ta’ Kooperazzjoni tal-Pulizija għandhom jitqiesu fid-dawl tar-riforma li għaddejja tal-Europol u r-rwol dejjem akbar tal-Aġenzija bħala hub ċentrali ta’ informazzjoni kriminali tal-Unjoni, li tiġbor u tipproċessa ammonti dejjem akbar ta’ data (8). |
5. |
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-EDPS dwar il-Proposta għar-Regolament Prüm II fil-5 ta’ Jannar 2022, skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet f’din l-Opinjoni huma limitati għad-dispożizzjonijiet fil-Proposta li huma l-aktar rilevanti mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data. |
4. KONKLUŻJONIJIET
73. |
Il-qafas il-ġdid propost ta’ Prüm ma jistabbilixxix b’mod ċar elementi essenzjali tal-iskambju ta’ data, bħat-tipi ta’ reati, li jistgħu jiġġustifikaw domanda (tfittxija), speċjalment tal-profili tad-DNA, jiġifieri kwalunkwe reat kriminali jew reati aktar serji biss. Barra minn hekk, il-Proposta mhijiex ċara dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tas-suġġetti tad-data affettwati mill-iskambju awtomatiku tad-data, jiġifieri jekk il-bażijiet tad-data, soġġetti għal domanda, fihomx data biss ta’ persuni suspettati u/jew misjuba ħatja, jew ukoll data ta’ suġġetti oħra tad-data, bħall-vittmi jew ix-xhieda. |
74. |
Sabiex jiġu żgurati l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-interferenza mad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, huwa essenzjali li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tal-miżuri, jiġifieri l-kategoriji tas-suġġetti tad-data li se jiġu affettwati direttament, u l-kundizzjonijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw domanda awtomatizzata fil-bażi tad-data rispettiva ta’ Stati Membri oħra jew tal-Europol. |
75. |
L-EDPS iqis b’mod partikolari li t-tiftix awtomatizzat tal-profili tad-DNA u tal-immaġnijiet tal-wiċċ għandu jkun possibbli biss fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet individwali ta’ reati serji, u mhux ta’ kwalunkwe reat kriminali, kif previst fil-Proposta. Barra minn hekk, f’konformità mal-obbligu skont l-Artikolu 6 tal-LED biex issir distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data, il-Proposta għandha tipprevedi limitazzjoni tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data li l-profili tad-DNA u l-immaġnijiet tal-wiċċ tagħhom, maħżuna fil-bażijiet tad-data nazzjonali, għandha ssir aċċessibbli għal tfittxijiet awtomatizzati, b’kunsiderazzjoni speċjali tal-limitazzjoni tal-iskop inerenti għal data minn kategoriji oħra minbarra kriminali misjuba ħatja jew suspettati. |
76. |
L-EDPS iqis li l-ħtieġa tat-tiftix u l-iskambju awtomatizzati proposti tad-data tar-rekords tal-pulizija ma tintweriex biżżejjed. Madankollu, jekk tali miżura tiġi adottata, anki fuq bażi volontarja, imbagħad ikunu meħtieġa salvagwardji b’saħħithom addizzjonali sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. B’mod partikolari, minħabba l-isfidi tal-kwalità tad-data, li ma jistgħux jiġu solvuti b’miżuri tekniċi bħall-psewdonimizzazzjoni biss, ir-Regolament futur għandu bħala minimu jistabbilixxi t-tipi u/jew il-gravità tar-reati li jistgħu jiġġustifikaw tfittxija awtomatizzata fir-rekords nazzjonali tal-pulizija. |
77. |
Fir-rigward tal-inklużjoni tal-Europol fil-qafas ta’ Prüm, l-EDPS iqis li l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-Opinjoni 4/2021 dwar il-Proposta għal Emenda tar-Regolament tal-Europol jibqgħu validi bis-sħiħ fil-kuntest tal-kooperazzjoni ta’ Prüm, b’mod partikolari dawk relatati mal-ipproċessar ta’ settijiet ta’ data kbar mill-Aġenzija. Barra minn hekk, l-EDPS jirrakkomanda li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni personali, jiġifieri li jiġu speċifikati l-kategoriji tas-suġġetti tad-data soġġetti għal tfittxijiet skont l-Artikolu 49 u l-Artikolu 50, kif ukoll l-allinjament tal-perjodi ta’ żamma għar-reġistri, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-Regolament tal-Europol. |
78. |
Il-Proposta tipprovdi arkitettura kumplessa għat-tiftix u l-iskambju awtomatizzati ta’ data fi ħdan il-qafas ta’ Prüm bi tliet soluzzjonijiet tekniċi separati, żviluppati u miżmuma minn tliet entitajiet differenti. Barra minn hekk, wieħed minnhom - EUCARIS - mhuwiex ibbażat fuq att legali tal-UE iżda għandu natura intergovernattiva. Għalhekk, l-EDPS iqis li l-Proposta għandha tindirizza b’mod espliċitu r-responsabbiltà għall-ipproċessar ta’ data personali fil-EUCARIS. Barra minn hekk, l-EDPS iqis li, minħabba l-iskala u s-sensittività tal-ipproċessar tad-data personali, il-mudell ta’ governanza orizzontali attwali tal-qafas ta’ Prüm mhuwiex xieraq u għandu jissaħħaħ aktar, eż. billi jiġi assenjat rwol ċentrali ta’ koordinazzjoni lil entità tal-UE, bħall-Kummissjoni. |
79. |
Element importanti ieħor tal-Proposta, li jeħtieġ analiżi bir-reqqa tal-implikazzjonijiet tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali, huwa l-allinjament tal-qafas ta’ Prüm mal-qafas ta’ interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni. L-EDPS jistieden lill-koleġiżlatur iqis il-ħtieġa ta’ regoli addizzjonali f’dan ir-rigward, eż. f’att ta’ implimentazzjoni jew delegat, li għandu jindirizza sfidi speċifiċi bħall-kwalità u l-prestazzjoni tal-algoritmi korrispondenti għall-immaġnijiet tal-wiċċ. |
80. |
Filwaqt li jitqies li l-bażi ġuridika tal-Proposta tinkludi, inter alia, l-Artikolu 16 tat-TFUE, fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza, l-EDPS jirrakkomanda li fil-Proposta jiġi speċifikat li d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data fil-Kapitolu 6 huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-LED u tal-EUDPR, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi taħt il-qafas ta’ Prüm. |
81. |
Barra minn hekk, l-EDPS iqis li r-rekwiżit għal awditi regolari tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tar-Regolament Prüm II għandu jiġi estiż u għandu jkopri wkoll l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data personali fil-livell nazzjonali. F’dan il-kuntest, l-EDPS jirrakkomanda li l-Artikolu 60(2) tal-Proposta jirreferi b’mod ġenerali għas-setgħat tal-EDPS, skont l-Artikolu 58 tal-EUDPR, u mhux biss għal xi wħud minnhom. |
Brussell, 2 ta’ Marzu 2022
Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI
(1) COM(2021) 784 final.
(2) COM(2021) 782 final.
(3) COM(2021) 780 final.
(4) https://ec.europa.eu/home-affairs/news/boosting-police-cooperation-across-borders-enhanced-security-2021-12-08_en
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, COM/2020/605 final.
(6) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE biex tiġi miġġielda l-Kriminalità Organizzata 2021-2025, COM/2021/170 final.
(7) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ”, COM/2021/277 final.
(8) Għal aktar informazzjoni ara l-Opinjoni tal-EDPS 4/2021, https://edps.europa.eu/system/files/2021-03/21-03-08_opinion_europol_reform_en.pdf