Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XG0421(01)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħarrieġa, b’mod partikolari l-mobbiltà Ewropea, matul l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwi tagħhom 2022/C 167/02

    ST/7923/2022/INIT

    ĠU C 167, 21.4.2022, p. 2–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 167/2


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħarrieġa, b’mod partikolari l-mobbiltà Ewropea, matul l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwi tagħhom

    (2022/C 167/02)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    FIL-KUNTEST TA’:

    1.   

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għalliema u l-ħarrieġa Ewropej (1) għall-futur, li jistiednu lill-Istati Membri biex jimmotivaw lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jinkorporaw il-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħarrieġa (2) fl-istrateġiji tagħhom ta’ tagħlim, żvilupp u internazzjonalizzazzjoni.

    2.   

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030), li tistabbilixxi bħala t-tieni prijorità strateġika tagħha li “t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà jsiru realtà għal kulħadd”, inkluż għall-għalliema u għal min iħarreġ l-għalliema u bħala t-tielet prijorità strateġika tagħha li “jittejbu l-kompetenzi u l-motivazzjoni fil-professjoni tal-edukazzjoni”.

    3.   

    L-Impenn Soċjali ta’ Porto tas-7 ta’ Mejju 2021, li jibni fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat fis-Summit Soċjali ta’ Gothenburg tal-2017 u jappella għal investiment fil-ħiliet, tagħlim tul il-ħajja u taħriġ li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-ekonomija u tas-soċjetà, sabiex sal-2030 tintlaħaq il-mira li, kull sena, mill-inqas 60 % tal-Ewropej jipparteċipaw f’xi taħriġ.

    4.   

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ekwità u l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jiġi promoss is-suċċess edukattiv għal kulħadd, li jistiednu lill-Istati Membri jindirizzaw in-nuqqas ta’ għalliema b’mod partikolari fl-edukazzjoni għal persuni bi bżonnijiet speċjali u f’kuntesti multikulturali u multilingwi. Il-mobbiltà jista’ jkollha impatt pożittiv fuq in-nuqqas ta’ għalliema billi tagħmel il-professjoni aktar attraenti.

    FILWAQT LI JFAKKAR fil-kuntest politiku deskritt fl-Anness,

    FID-DAWL TA:’

    5.   

    The 2021 Eurydice report: “Teachers in Europe: Careers, Development and Well-being” (Ir-rapport tal-Eurydice għall-2021: “L-għalliema fl-Ewropa: karrieri, żvilupp u benessri”), b’mod partikolari s-sejbiet ewlenin li ġejjin:

    a)

    Il-mobbiltà tranżnazzjonali tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ firxa wiesgħa ta’ kompetenzi fost l-għalliema. “Madankollu, minoranza biss ta’ għalliema fl-Ewropa marru barra minn pajjiżhom għal skopijiet professjonali. Fl-2018, 40.9 % tal-għalliema fl-UE kienu mobbli mill-inqas darba bħala studenti, bħala għalliema, jew it-tnejn li huma” (3). Hemm differenzi sostanzjali fir-rata ta’ parteċipazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej, iżda wkoll bejn is-suġġetti mgħallma, peress li l-mobbiltà ħafna drabi tibqa’ l-prerogattiva tal-għalliema tal-lingwi. Ix-xejriet fil-mobbiltà tal-għalliema fi ħdan il-programm Erasmus+ juru wkoll li l-maġġoranza tal-għalliema jipparteċipaw f’korsijiet barra minn pajjiżhom, filwaqt li l-job shadowing fi skola u l-missjonijiet ta’ tagħlim jintużaw inqas minkejja l-impatt aktar qawwi tagħhom (4).

    b)

    Il-mobbiltà tranżnazzjonali bħala parti mill-edukazzjoni inizjali tal-għalliema hija importanti. Minbarra li tkun ta’ benefiċċju għall-għalliem prospettiv, tali mobbiltà żżid ukoll il-parteċipazzjoni fil-mobbiltà fi stadji tal-karriera aktar tard. Madankollu, il-mobbiltà tal-għalliema prospettivi matul l-istudji tagħhom mhijiex mifruxa. Fl-2018, madwar wieħed minn kull ħames għalliema tas-sekondarja tal-ewwel livell (20.9 %) fl-UE biss irrapportaw li marru barra minn pajjiżhom matul l-istudji tagħhom. Il-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħarrieġa hija promossa u sponsorjata fil-livell tal-UE u tista’ tiġi appoġġata wkoll minn skemi ta’ finanzjament fil-livell nazzjonali.

    6.   

    L-ostakli ewlenin għall-mobbiltà tal-għalliema u l-ħarrieġa, li jinkludu kwistjonijiet finanzjarji u ta’ rikonoxximent.

    a)

    Fir-rigward tal-għalliema u l-ħarrieġa prospettivi, ta’ min jinnota li l-valur tal-iskemi ta’ mobbiltà xi drabi jitnaqqas minn għadd ta’ ostakli għar-rikonoxximent akkademiku tagħhom. Il-kurrikuli tal-edukazzjoni tal-għalliema mhux dejjem jippermettu perijodi ta’ mobbiltà barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, il-ħarrieġa mhux dejjem ikunu involuti f’perijodi ta’ mobbiltà tul il-perkors tal-edukazzjoni tagħhom. L-assistenza għat-tagħlim u t-taħriġ f’pajjiżi Ewropej oħra, fejn possibbli, ma tistax tiġi rikonoxxuta bħala parti integrali mill-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-ħarrieġa, speċjalment bħala ekwivalenti għal taħriġ fl-iskola f’istituzzjoni nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    b)

    Għall-għalliema u l-ħarrieġa prattikanti, l-ostakli jinkludu responsabbiltajiet tal-familja u diffikultajiet fl-arranġament ta’ għalliema u ħarrieġa supplenti.

    c)

    Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ kompetenzi lingwistiċi huwa kwistjoni trażversali.

    d)

    Barra minn hekk, hemm livell sinifikanti ta’ regolamentazzjoni fil-livell nazzjonali fi ħdan il-professjoni tat-tagħlim u hemm differenzi fl-istrutturar tas-snin skolastiċi bejn l-Istati Membri. Filwaqt li dan huwa sinjal tad-diversità u r-rikkezza tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE, dan jista’ jfixkel ukoll l-organizzazzjoni ta’ taħriġ fl-iskola bħall-job shadowing, l-assistenza fit-tagħlim jew missjonijiet ta’ tagħlim.

    7.   

    It-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, li wriet il-ħtieġa li jiġu inklużi l-akkwist u l-użu tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali fit-tagħlim u l-apprendiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwi tal-għalliema u l-ħarrieġa. Forom imħallta ta’ attività li jgħaqqdu l-mobbiltà fiżika ma’ tagħlim virtwali jew skambju online jippromwovu l-kundizzjonijiet għal tali żvilupp u jippermettu l-iskambju ta’ prattiki tajba.

    JIRRIKONOXXI LI:

    8.   

    L-għalliema u l-ħarrieġa huma l-pedament taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u għandhom rwol kruċjali fis-soċjetà tagħna. L-għalliema u l-ħarrieġa jinkorporaw l-ideal tal-faċilitazzjoni tal-kisba tal-għarfien u l-valuri u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva għall-istudenti kollha. Sabiex jitrawmu l-inklużjoni, l-ekwità, l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għolja, l-innovazzjoni pedagoġika u l-kisba aħjar tal-istudenti, l-għalliema u l-ħarrieġa jridu jkunu professjonisti bi kwalifiki għolja u motivati u appoġġati mill-amministrazzjoni tal-iskola.

    9.   

    L-iskambji ta’ fehmiet u esperjenzi fost il-pari u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-għalliema u l-ħarrieġa, kif ukoll ix-xogħol waqt l-istudju u/jew l-esperjenza tax-xogħol barra mill-pajjiż jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-iżvilupp professjonali tal-għalliema u l-ħarrieġa fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    10.   

    Il-mobbiltà hija waħda mill-elementi ewlenin kemm għall-għalliema u għall-ħarrieġa prattikanti kif ukoll dawk prospettivi. Dan jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni li jiffaċċjaw l-Istati Membri fir-rigward tal-professjoni tat-tagħlim. B’mod partikolari, il-mobbiltà ta’ għalliema u ħarrieġa prospettivi jew prattikanti hija mistennija li:

    a)

    tikkontribwixxi għall-iżvilupp personali u akkademiku tal-għalliema u l-ħarrieġa, u fl-istess ħin trawwem il-fiduċja tagħhom fihom infushom;

    b)

    ittejjeb il-prattika professjonali u l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi pedagoġiċi, l-adattabbiltà, l-impjegabbiltà, u l-iżvilupp tal-karriera tal-għalliema u tal-ħarrieġa;

    c)

    tgħin lill-għalliema u lill-ħarrieġa jiżviluppaw il-kapaċità li jinfluwenzaw u jtejbu l-prattiki fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom stess, kif ukoll fis-sistema usa’ tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

    d)

    tikkontribwixxi għall-attraenza tal-professjoni tat-tagħlim.

    11.   

    Minbarra l-effetti pożittivi tagħha fuq il-motivazzjoni, l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi kif ukoll il-perkorsi professjonali tal-għalliema u l-ħarrieġa, il-mobbiltà tal-għalliema u l-ħarrieġa, speċjalment il-mobbiltà Ewropea, hija wkoll ta’ benefiċċju għas-sistemi nazzjonali ta’ edukazzjoni u taħriġ u tista’ ttejjibhom peress li:

    a)

    issaħħaħ il-kapaċità tal-għalliema u tal-ħarrieġa li jinnovaw u jirriflettu dwar prattiki bil-ħsieb li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tal-istudenti;

    b)

    tgħin fl-iżvilupp tas-sens ta’ appartenenza tal-għalliema u tal-ħarrieġa f’komunità Ewropea ta’ tagħlim u apprendiment permezz tar-rabtiet li jiġu ffurmati matul u wara l-esperjenzi ta’ mobbiltà, tinkoraġġixxi l-mobbiltà tal-istudenti u b’mod aktar ġenerali, tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ dimensjoni Ewropea fl-attivitajiet u l-proġetti tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, kif ukoll fl-istrateġiji internazzjonali, u għalhekk għandha impatt fuq is-sistema kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    c)

    il-mobbiltà hija esperjenza qawwija ta’ tagħlim, li potenzjalment tħalli impatt kbir fuq l-għalliema u l-ħarrieġa prospettivi kif ukoll dawk prattikanti. Huma għandhom ikunu konxji tal-opportunitajiet ta’ mobbiltà li huma disponibbli u għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw fil-mobbiltà matul l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwi tagħhom.

    d)

    tappoġġa l-iżvilupp tan-networks tal-għalliema u tal-ħarrieġa madwar l-Ewropa.

    12.   

    Il-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħarrieġa fl-Ewropa hija element ewlieni biex tinbena l-fiduċja, tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jiġu promoss il-fehim reċiproku fost l-Istati Membri fir-rigward tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ xulxin. Hija wkoll kruċjali għat-trawwim ta’ valuri komuni Ewropej, kif ukoll għall-promozzjoni tal-multilingwiżmu u l-multikulturaliżmu.

    JAQBEL LI:

    13.   

    Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ambizzjuża għandha tkun ibbażata fuq għalliema u ħarrieġa kompetenti u motivati ħafna. Il-mobbiltà Ewropea għandha titqies bħala ta’ benefiċċju għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema u l-ħarrieġa sabiex jitwessa’ l-aċċess għad-diversità ta’ approċċi ta’ tagħlim ta’ kwalità u biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-istudenti. Id-dimensjoni Ewropea għandha l-potenzjal li ġġib valur miżjud għat-taħriġ u/jew il-prattika professjonali tal-għalliema jew il-ħarrieġa rispettivi fil-qafas tas-sistemi edukattivi nazzjonali.

    14.   

    Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-għalliema u l-ħarrieġa prospettivi u l-aċċess tagħhom għall-mobbiltà, b’mod partikolari l-mobbiltà Ewropea, bħala parti mill-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali tagħhom f’konformità mas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan iwitti wkoll it-triq għall-mobbiltà fi stadji aktar tard tal-karrieri tagħhom.

    15.   

    Sabiex iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ssir realtà sal-2025 u biex l-opportunitajiet ta’ mobbiltà jsiru disponibbli għall-għalliema u l-ħarrieġa kollha, jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli eżistenti, fejn xieraq u f’konformità mas-sistemi u l-politiki edukattivi nazzjonali.

    16.   

    Il-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħarrieġa ser tibbenefika b’mod speċjali minn appoġġ minn:

    a)

    programmi ta’ finanzjament Ewropej bħal Erasmus+;

    b)

    il-Pjattaforma Ewropea tal-Edukazzjoni Skolastika futura, li ser tinkludi l-eTwinning u l-iSchool Education Gateway, EPALE kif ukoll kwalunkwe inizjattiva li tippromwovi sħubijiet tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE;

    c)

    l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+, li għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ żviluppi ulterjuri wara l-2025;

    d)

    l-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej, fejn rilevanti.

    17.   

    Il-mobbiltà għall-għalliema u l-ħarrieġa għandha tkompli tiġi promossa u estiża sabiex issir prattika komuni. Il-firxa tal-mobbiltà tal-għalliema u l-ħarrieġa fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwi tista’ tiġi mmonitorjata fil-livell tal-Istati Membri u dak tal-UE. Il-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta’ Riferiment għandu jingħata l-mandat li jeżamina forom adatti ta’ ġbir ta’ data biex ikejjel il-mobbiltà tal-għalliema u l-ħarrieġa. Is-sejbiet tagħhom jeħtieġ li jitqiesu fir-rigward tar-rieżami ppjanat tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn minnha (5).

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, F’KONFORMITA MAĊ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI U L-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

    18.

    Irawmu opportunitajiet għall-mobbiltà Ewropea tal-għalliema u l-ħarrieġa, pereżempju billi jneħħu l-ostakli eżistenti fejn xieraq, joffru appoġġ organizzattiv u finanzjarju meta jkun possibbli, jikkondividu soluzzjonijiet fir-rigward tal-arranġament ta’ għalliema u ħarrieġa supplenti, u jippromwovu programmi ta’ mobbiltà.

    19.

    Irawmu l-opportunitajiet u jinkoraġġixxu l-mobbiltà tal-mexxejja tal-iskejjel, għall-benefiċċji li ġġib għall-karrieri tagħhom stess, għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, iżda wkoll bħala mezz ta’ appoġġ u promozzjoni tal-mobbiltà tal-għalliema u l-ħarrieġa.

    20.

    Jintegraw il-mobbiltà fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema u tal-ħarrieġa, fejn xieraq, kemm għall-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali kif ukoll kontinwi. Jippromwovu l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Erasmus+, eż. l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ u l-Universitajiet Ewropej. L-esperjenzi ta’ kooperazzjoni bilaterali jistgħu jkunu punt tat-tluq u jipprovdu ispirazzjoni għal aktar żvilupp.

    21.

    Jiffaċilitaw, fejn xieraq, ir-rikonoxximent formali tal-eżiti tal-perijodi ta’ mobbiltà, b’mod partikolari tal-perijodi ta’ tagħlim u taħriġ barra mill-pajjiż, fl-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-ħarrieġa, għall-iżvilupp professjonali jew għall-progressjoni tal-karriera.

    22.

    Jesploraw modi biex irawmu l-apprendiment ta’ kwalità tal-lingwi barranin fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali kif ukoll kontinwi, fejn xieraq, bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi ta’ mobbiltà, għall-iżvilupp ta’ kompetenzi li huma meħtieġa għal ħidma b’riżorsi u materjali barranin.

    23.

    Sabiex l-għalliema u l-ħarrieġa li jixtiequ jkunu mobbli jkunu jistgħu jagħmlu dan, jidentifikaw u jippromwovu, fejn adatt u b’kont dovut għall-awtonomija tal-istituzzjonijiet, opportunitajiet ta’ mobbiltà kemm għal għalliema u ħarrieġa prattikanti kif ukoll dawk prospettivi, jiġifieri, perijodi rakkomandati fis-snin skolastiċi u/jew kurrikuli tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-ħarrieġa mfassla biex jippermettu l-parteċipazzjoni fil-mobbiltà. Dan jista’ jinkludi l-identifikazzjoni ta’ perijodi adatti biex l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jospitaw attivitajiet ta’ taħriġ fl-iskola kemm għall-għalliema prattikanti kif ukoll għal dawk prospettivi u attivitajiet marbuta mal-perkors tal-edukazzjoni għall-ħarrieġa.

    24.

    Jippromwovu, fejn adatt, l-użu ta’ moduli ta’ taħriġ li huma rilevanti u ffukati fuq l-Ewropa, fi ħdan l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwi tal-għalliema u l-ħarrieġa, li jistgħu jinkludu programmi bħal azzjonijiet Jean Monnet ukoll fir-rigward tal-edukazzjoni primarja u sekondarja.

    25.

    Irawmu, fejn adatt, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet billi jippromwovu forom differenti ta’ kooperazzjoni lokali u reġjonali, bħall-konsorzji tal-Erasmus+, immexxija minn awtoritajiet tal-iskejjel/istituzzjonijiet reġjonali li jiżguraw li l-proġetti ta’ mobbiltà jkollhom impatt usa’ u jappoġġaw il-parteċipazzjoni fiżika jew online tal-għalliema u l-ħarrieġa minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ iżgħar jew remoti f’opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali barra mill-pajjiż.

    26.

    Jappoġġaw, fejn adatt, lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fit-titjib tal-kapaċità tagħhom li jospitaw u jibbenefikaw mill-attivitajiet ta’ mobbiltà kemm ta’ għalliema u ħarrieġa prattikanti kif ukoll dawk prospettivi.

    27.

    Jippromwovu l-użu ta’ għodod u pjattaformi diġitali, inkluż l-eTwinning u l-EPALE, biex jikkomplementaw u jħejju l-mobbiltà fiżika, itejbu l-ħiliet u l-kompetenzi diġitali u jippromwovu aktar kooperazzjoni tranżnazzjonali.

    28.

    Jinkoraġġixxu opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali fis-servizz ibbażati fuq l-evidenza għall-għalliema u l-ħarrieġa, li jistgħu jibbenefikaw minn attivitajiet ta’ mobbiltà, u jippromwovu studji relatati mal-isforzi tal-Istati Membri tal-UE fir-rigward tal-mobbiltà tal-għalliema, filwaqt li jfittxu aspetti oħra ta’ sinerġija mar-riċerka.

    JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI, F’KONFORMITÀ MAT-TRATTATI U B’RISPETT SĦIĦ GĦAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

    29.

    Tippromwovi opportunitajiet għall-mobbiltà tal-għalliema u tal-ħarrieġa permezz tal-programm Erasmus+, inkluż billi toffri l-appoġġ meħtieġ għall-azzjoni tal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+, li għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ żviluppi ulterjuri wara l-2025.

    30.

    Timmappja l-għodod eżistenti biex tħeġġeġ il-mobbiltà għall-għalliema u l-ħarrieġa, u jiġu promossi dawn l-għodod billi jintużaw, pereżempju, pjattaformi bħall-Pjattaforma Ewropea tal-Edukazzjoni Skolastika futura, (li ser tinkludi l-eTwinning u l-iSchool Education Gateway attwali), u l-EPALE.

    31.

    F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tesplora l-possibbiltà li jiġi żviluppat qafas ta’ politika fil-livell Ewropew biex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-opportunitajiet ta’ mobbiltà għat-tagħlim kemm għall-għalliema u l-ħarrieġa prospettivi kif ukoll għall-prattikanti fl-Ewropa abbażi tal-ħtiġijiet reali tagħhom ta’ mobbiltà. Qafas ta’ dan it-tip jista’ pereżempju jappoġġa l-indirizzar tal-ostakli għall-mobbiltà, jagħti lill-Istati Membri appoġġ għall-promozzjoni tal-mobbiltà u dimensjoni Ewropea tat-tagħlim fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwi tal-għalliema, jiżviluppa aktar opportunitajiet ta’ mobbiltà għat-tagħlim, u jipprovdi informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament u mobbiltà.

    32.

    Tindirizza l-mobbiltà fix-xogħol billi tesplora l-iżvilupp possibbli, fuq bażi volontarja, ta’ gwida Ewropea għall-iżvilupp ta’ oqfsa tal-karrieri nazzjonali u gwida tul il-ħajja, u b’hekk tappoġġa l-progressjoni tal-karriera tal-għalliema u l-ħarrieġa.

    33.

    Tkompli tippromwovi r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki, u b’mod partikolari tal-perijodi ta’ mobbiltà barra mill-pajjiż fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema u l-ħarrieġa (6).

    34.

    Tikkoopera mal-Istati Membri dwar l-analiżi tal-fattibbiltà u l-valur miżjud tal-opportunitajiet ta’ mobbiltà fi programmi ta’ studju għal għalliema u ħarrieġa prospettivi.

    35.

    Tirrapporta lura lill-Kumitat tal-Edukazzjoni għal aktar deċiżjonijiet dwar ir-riżultati tal-ħidma tal-Grupp Permanenti dwar l-Indikaturi u l-Punti ta’ Riferiment fuq il-monitoraġġ tal-mobbiltà tal-għalliema u l-ħarrieġa, bil-ħsieb tal-promozzjoni u l-espansjoni tal-potenzjal għall-mobbiltà.

    (1)  F’konformità mad-definizzjoni li tinsab fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għalliema u l-ħarrieġa Ewropej għall-futur (ĠU C 193, 9.6.2020, p. 11), għall-finijiet tal-konklużjonijiet attwali, għalliem huwa persuna li hija rikonoxxuta li għandha l-istatus ta’ għalliem (jew ekwivalenti) skont il-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali, filwaqt li ħarrieġ huwa xi ħadd li jwettaq attività waħda jew aktar marbuta mal-funzjoni ta’ taħriġ (teoretiku jew prattiku), jew f’istituzzjoni għall-edukazzjoni jew it-taħriġ jew fuq il-post tax-xogħol. Huma jinkludu għalliema fl-edukazzjoni ġenerali u l-edukazzjoni għolja, għalliema u ħarrieġa fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) inizjali u kontinwi, kif ukoll professjonisti fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u edukaturi għall-adulti.

    L-isfond edukattiv u l-istrutturi tal-karriera tal-għalliema u l-ħarrieġa jvarjaw b’mod konsiderevoli bejn oqsma differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Bħala tali, ir-rilevanza ta’ xi elementi ta’ dawn il-konklużjonijiet tiddependi fuq l-istruttura tas-sistemi nazzjonali u s-setturi individwali tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

    (2)  Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, “mobbiltà” tikkorrispondi għall-kunċett ta’ “mobbiltà għat-tagħlim” kif definit fir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus +: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013, jiġifieri ċ-ċaqliq fiżiku lejn pajjiż li mhux il-pajjiż tar-residenza, sabiex isir studju, taħriġ jew tagħlim mhux formali jew informali. Dan jista’ jiġi kkombinat ma’ “tagħlim virtwali” li jfisser il-kisba ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi permezz tal-użu ta’ għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li jippermettu lill-parteċipanti jkollhom esperjenza ta’ tagħlim tranżnazzjonali jew internazzjonali sinifikanti.

    (3)  Eurydice, “Teachers in Europe: Careers, Development and Well-being”, 2021, p. 21.

    (4)  L-anness statistiku tar-Rapport Annwali 2019 tal-Erasmus+ juri li fi proġetti KA 101 (mobbiltà tal-persunal fl-edukazzjoni skolastika) li ngħata kuntratt għalihom fl-2019, il-korsijiet u l-avvenimenti ta’ taħriġ irrappreżentaw madwar 40 600 parteċipant previsti (madwar 75 % tal-attivitajiet ta’ mobbiltà), filwaqt li l-job shadowing irrappreżenta 13 209 parteċipanti (madwar 24 % tal-attivitajiet ta’ mobbiltà) u l-missjonijiet ta’ tagħlim irrappreżentaw 389 parteċipant (inqas minn 1 % tal-attivitajiet ta’ mobbiltà).

    (5)  Kif enfasizzat fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030), fl-2025 il-Kummissjoni ser tippubblika rapport sħiħ dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. “Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kunsill għandu jirrevedi l-qafas strateġiku — inkluż il-miri fil-livell tal-UE, l-istruttura ta’ governanza, u l-metodi ta’ ħidma” (ĠU C 66, 26.2.2021, p. 10).

    (6)  F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perijodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż (ĠU C 444, 10.12.2018, p. 1).


    ANNEXE

    Kuntest politiku

    Kunsill Ewropew

    Konklużjonijiet tal-Presidenza – Liżbona, 23 u 24 ta’ Marzu 2000

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u l-mexxejja tal-iskola (ĠU C 302, 12.12.2009, p. 6)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kura u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal: nagħtu lil uliedna l-aqwa bidu għad-dinja ta’ għada (ĠU C 175, 15.6.2011, p. 8)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema (ĠU C 183, 14.6.2014, p. 22)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti (ĠU C 421, 8.12.2017, p. 2)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018, dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (ĠU C 195, 7.6.2018, p. 1)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-mixja lejn viżjoni għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (ĠU C 195, 7.6.2018, p. 7)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell sekondarju għoli u l-eżiti tal-perijodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż (ĠU C 444, 10.12.2018, p. 1)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal (ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar approċċ komprensiv lejn it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi (ĠU C 189, 5.6.2019, p. 15)

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jiġu appoġġati sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ orjentati lejn il-futur (ĠU C 389, 18.11.2019, p. 1)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għalliema u l-ħarrieġa Ewropej għall-futur (ĠU C 193, 9.6.2020, p. 11)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza (ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1)

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) (ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ekwità u l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jiġi promoss is-suċċess edukattiv għal kulħadd (ĠU C 221, 10.6.2021, p. 3)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej - Inqarrbu l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-soċjetà: Inwittu t-triq għal dimensjoni ġdida fl-edukazzjoni għolja Ewropea (ĠU C 221, 10.6.2021, p. 14)

    Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar aġenda Ewropea ġdida għat-tagħlim tal-adulti 2021-2030 (ĠU C 504, 14.12.2021, p. 9)

    Kummissjoni Ewropea

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (COM(2020) 625 final)

    Education and training monitor 2021: education and well-being (Il-Monitor tal-edukazzjoni u t-taħriġ 2021: edukazzjoni u benessri), Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2021.


    Top