This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022XE2408
Resolution of the European Economic and Social Committee: Contribution to the 2023 European Commission’s work programme
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kontribut għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2023”
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kontribut għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2023”
EESC 2022/02408
ĠU C 443, 22.11.2022, p. 1–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
22.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 443/1 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kontribut għall-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2023”
(2022/C 443/01)
Relaturi: |
Mariya MINCHEVA Stefano PALMIERI Kinga JOÓ |
Bażi legali |
Artikolu 52(4) tar-Regoli ta’ Proċedura |
Adozzjoni fil-plenarja |
14.7.2022 |
Sessjoni plenarja Nru |
571 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
196/0/0 |
1. Introduzzjoni
1.1 |
Kemm il-pandemija kif ukoll il-gwerra fl-Ukrajna wrew li huwa kruċjali li l-UE tkun ippreparata sew għal żviluppi mhux mistennija. Dan il-fatt jenfasizza r-rwol tal-attivitajiet ta’ tbassir fl-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe sinjal dgħajjef u fit-tfassil ta’ diversi xenarji, u b’hekk titwitta t-triq għal dawk li jfasslu l-politika tal-UE, l-imsieħba soċjali, u atturi oħra tas-soċjetà ċivili sabiex tittejjeb ir-reżiljenza, jiġu indirizzati r-riskji u jinħatfu l-opportunitajiet. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iħeġġeġ li l-attivitajiet ta’ prospettiva strateġika jiffukaw fuq l-iżviluppi ġeopolitiċi b’mod ħafna aktar prominenti, mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll lil hinn minnha (1), inklużi l-implikazzjonijiet tagħhom fuq is-sigurtà, il-kummerċ, ir-refuġjati u l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetajiet li jilqgħuhom. |
1.2 |
Il-pandemija u l-gwerra jixħtu dawl ukoll fuq il-poter u l-importanza tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi tal-kriżijiet u l-għajnuna lin-nies. Il-KESE għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi aktar l-importanza tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tagħha billi tipprovdilhom post prominenti fil-politika tal-UE. |
1.3 |
Is-saħħa globali tal-UE ġejja mill-valuri komuni tagħha bbażati fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-mudell soċjali u ekonomiku tagħha. Ix-xokkijiet suċċessivi juru l-importanza tal-ħtieġa li tinbena ekonomija Ewropea aktar reżiljenti u li jittaffew l-effetti sekondarji ta’ kriżijiet differenti (l-inflazzjoni, iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-materja prima u n-nuqqas ta’ provvista, it-tfixkil fil-katina tal-provvista). L-Ewropa trid tnaqqas id-dipendenzi u l-esponiment għal fornituri mhux affidabbli iżda, fl-istess ħin, teħtieġ ukoll tibni koalizzjonijiet ma’ msieħba tal-istess fehma u tiddiversifika s-sorsi tagħha ta’ provvista. |
1.4 |
Minbarra l-enerġija, ir-Russja u l-Ukrajna għandhom piż sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-metalli tal-UE, li huma kritiċi għal diversi industriji strateġiċi (2). Iż-żewġ pajjiżi huma esportaturi sinifikanti ta’ diversi prodotti agrikoli, bħall-qamħ u ż-żejt taż-żrieragħ. It-tfixkil fl-esportazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi diġà wassal għal żidiet globali kbar fil-prezzijiet tal-komoditajiet agrikoli. Il-konsegwenzi qegħdin jinħassu speċjalment fl-ifqar pajjiżi tad-dinja u l-ifqar nies huma dawk li ser ibatu l-iżjed. F’dan ir-rigward, il-KESE jtenni t-talba tiegħu biex jitħaffef l-iżvilupp ta’ awtonomija strateġika u teknoloġika għall-Ewropa u titħaffef il-ħtieġa li jiġu limitati d-dipendenzi tagħna fl-enerġija, fil-materja prima kritika u fl-ikel (3). |
1.5 |
Biex jiġu evitati konsegwenzi ekonomiċi u soċjali drastiċi, il-politika tal-enerġija tal-UE trid tkun realistika u tgħin sabiex tinbena Unjoni tal-Enerġija u jintlaħqu l-miri tal-klima mingħajr ma jitqiegħed piż żejjed fuq il-konsumaturi vulnerabbli u fuq il-ħaddiema, u mingħajr ma xxekkel il-kompetittività tan-negozji Ewropej. L-UE trid taħdem lejn l-għanjiet klimatiċi ambizzjużi tagħha, filwaqt li tiżgura l-istabbiltà u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi spiża li tkun affordabbli għan-negozji u ċ-ċittadini. |
1.6 |
Is-soċjetajiet Ewropej diġà ntlaqtu serjament mill-pandemija, u din il-kriżi hija xokk kbir ieħor li nħass l-aktar minn dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna. Is-solidarjetà u l-konverġenza soċjali jridu jkunu wkoll linji gwida fil-politiki futuri tal-UE: ir-risposta għall-gwerra fl-Ukrajna se titlob sagrifiċċji minn kulħadd, u rridu niżguraw li dawn il-piżijiet jinqasmu b’mod ġust. Il-KE tista’ tkompli b’aktar diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar għodod possibbli fuq medda twila ta’ żmien, jiġifieri Skemi ta’ Riassigurazzjoni tal-Qgħad biex jindirizzaw problemi sistemiċi li komplew jiġu aggravati mill-kriżi attwali. L-effetti u l-użu ulterjuri possibbli tal-Mekkaniżmu SURE għandhom jiġu eżaminati u diskussi anke mal-imsieħba soċjali. |
1.7 |
Il-KESE jitlob lill-KE li r-regolamentazzjoni aħjar tkun prijorità u jistieden lill-Kummissjoni u lil-leġiżlaturi tal-UE japprofondixxu u javvanzaw b’mod konsistenti s-sistema ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-UE fl-aspetti kollha tagħha u jużaw b’mod sistematiku l-għodod u l-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar fil-ħidma tagħhom. Għal dan il-għan, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tippromovi l-prinċipji u l-għodod ta’ regolamentazzjoni aħjar fis-servizzi kollha tagħha. |
1.8 |
L-approċċ tal-iżvilupp sostenibbli għandu jiġi adottat bħala għan ġenerali u integrali tal-politiki, tal-programmi u tal-miżuri kollha. Biex tingħata spinta lill-irkupru mill-kriżijiet, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jidentifikaw politiki u inizjattivi li jġibu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali simultanjament u jistinkaw għalihom, jiġifieri inizjattivi li jsaħħu l-ambjent tan-negozju, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u ekonomija ċirkolari. |
1.9 |
L-irkupru u r-reżiljenza tal-UE b’rabta mal-kriżijiet jiddependu b’mod intrinsiku mit-tkabbir sostenibbli, il-konverġenza soċjali u ambjent ta’ negozju favorevoli u żvilupp pożittiv tal-impjieg u tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Kwalunkwe miżura ta’ politika li trid tfittex li trawwem negozju, intraprenditorija u ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien imtejba. |
1.10 |
Minkejja l-problemi urġenti, huwa vitali li la jitwarrbu l-prinċipji fundamentali tal-UE bħall-implimentazzjoni effettiva tas-suq uniku, u lanqas il-ħtiġijiet fit-tul, bħan-newtralità klimatika sal-2050, u l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, sabiex jiġi żgurat futur ta’ suċċess għaċ-ċittadini u n-negozji. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkompli tiffaċilita u tħeġġeġ l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, billi jiġu kkunsidrati kif imiss il-ħtiġijiet li dejjem qed jiżdiedu, sabiex jinstabu soluzzjonijiet u titjieb ir-reżiljenza kontra riskji ġeoekonomiċi, soċjetali, tas-saħħa u ambjentali. |
1.11 |
Minbarra t-tisħiħ tas-suq intern u t-tnaqqis tad-dipendenzi kritiċi, il-ksib ta’ pożizzjoni aktar b’saħħitha fid-dinja teħtieġ ukoll is-suċċess tal-esportazzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha teżamina kif tista’ żżid il-kompetittività tan-negozji Ewropej b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, tiffaċilita pożizzjoni aktar b’saħħitha tal-kumpaniji tal-UE fis-swieq globali ta’ teknoloġiji, prodotti u soluzzjonijiet li jirrispondu għall-megatendenzi u għall-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima. Trid issaħħaħ ukoll il-kapaċità tas-settur tas-saħħa tagħha, f’termini ta’ riċerka u metodoloġiji mtejba biex tiġġestixxi d-domanda dejjem akbar għall-kura kif ukoll pandemiji futuri possibbli. Dan għandu jinkludi appoġġ għall-iżvilupp u l-promozzjoni internazzjonali tal-istandards minn negozji u innovaturi Ewropej peress li l-istandards joħolqu l-iswieq. |
1.12 |
Il-ksib ta’ rwol globali u aktar b’saħħtu għall-UE jeħtieġ għaqda soda u l-isforzi konġunti tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tibni fuq l-għaqda miksuba waqt kriżi u ssib modi kif ittejjeb l-irkupru tal-UE u l-kompetittività fit-tul u l-benesseri taċ-ċittadini b’mod li jkun dejjem aktar dipendenti mill-innovazzjoni u l-ħiliet, aktar milli mill-għajnuna mill-istat jew l-ostakli għall-kummerċ u l-kooperazzjoni. Fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tkompli tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. |
2. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew
2.1 |
Il-KESE appoġġja l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u rrimarka li dan jeħtieġ li jsir b’mod soċjalment ġust, taħt kundizzjonijiet li jiżguraw is-sigurtà tal-ikel Ewropea kif ukoll is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi prezz affordabbli. Dan japplika, fost oħrajn, għall-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”, li se jkollu impatt inugwali fuq is-setturi, ir-reġjuni, il-komunitajiet, u l-individwi madwar l-Ewropa. Il-KESE jinsisti li l-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti huwa importanti kemm fl-ippjanar kif ukoll fil-fażijiet tal-implimentazzjoni. Huwa essenzjali li ċ-ċittadini u l-gruppi tal-partijiet interessati jiġu appoġġjati fil-mobilizzazzjoni tagħhom sabiex jipparteċipaw b’mod attiv fit-tranżizzjoni lejn soċjetà b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. |
2.2 |
Il-KESE jinnota li l-inizjattivi relatati mal-Patt Ekoloġiku Ewropew iridu jkunu komplementari u jsaħħu lil xulxin fl-oqsma tal-klima, tal-enerġija, tat-trasport, tal-bini, tal-industrija, tal-forestrija u tas-sistemi tal-ikel, biex tintlaħaq ekonomija tal-UE kompetittiva, ġusta, newtrali għall-klima u ċirkolari. Il-KESE jitlob ukoll komplementarjetà mtejba bejn it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. |
2.3 |
Biex jiġi mmonitorjat il-progress fit-tranżizzjoni lejn tkabbir ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-KESE jitlob l-iżvilupp ta’ sett ta’ indikaturi xierqa “lil hinn mill-PDG”. Għandha titfassal tabella ta’ valutazzjoni “Lil hinn mill-PDG” u tiġi inkorporata fit-tabella ta’ valutazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u fil-proċess ta’ governanza ekonomika Ewropew. Għandha tinforma wkoll l-iżvilupp tal-politika, ittejjeb il-komunikazzjoni, u tippromovi l-iffissar tal-miri. |
2.4 |
Il-KESE jappoġġja l-għan tat-Tassonomija Ewropea għal Attivitajiet Sostenibbli (“it-tassonomija tal-UE”) biex l-investimenti jiġu orjentati lejn proġetti u attivitajiet sostenibbli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni fasslet sett ta’ regoli biex tiddetermina x’jista’ jissejjaħ investimenti ambjentalment (ekoloġiċi). Il-KESE jappella għall-iżvilupp tat-tassonomija b’mod li jqis il-ħtiġijiet tas-soċjetà bħas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-materja prima u l-komoditajiet essenzjali, u jiffoka wkoll aktar fuq aspetti tas-sostenibbiltà soċjali bħad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri u diversi sistemi ta’ relazzjonijiet industrijali u l-fattibbiltà ta’ valutazzjoni oġġettiva fil-kuntest tal-aċċess għall-finanzi. Sa mill-bidu, il-KESE argumenta li l-Patt Ekoloġiku jista’ u ser ikun ta’ suċċess biss jekk ikun ukoll patt soċjali. Rigward l-aspetti soċjali tat-tassonomija, il-KESE bħalissa qiegħed jaħdem fuq Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar “It-tassonomija soċjali – sfidi u oppurtunitajiet”. It-tassonomija għandha tintuża wkoll fil-kuntest tal-istandard għall-Bonds Ħodor tal-UE. Il-KESE jqis li huwa importanti li t-tassonomiji jiġu allinjati internazzjonalment fil-qafas tal-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli. |
2.5 |
Biex tindirizza t-tħassib soċjali u t-tħassib tal-forza tax-xogħol tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ta’ politika addizzjonali sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali u dik tal-forza tax-xogħol tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, billi tiġi mqabbla ma’ għanijiet soċjali ambizzjużi, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Porto, mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u mal-linji gwida tal-ILO għal Tranżizzjoni Ġusta. B’mod partikolari, il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jwettqu mmappjar u analiżi tal-impatti li t-tranżizzjoni ekoloġika se jkollha fuq l-impjieg u l-ħiliet fil-pajjiżi, fir-reġjuni u fis-setturi differenti, inklużi s-sottokuntratturi u l-ktajjen tal-valur downstream. Il-KESE jitlob ukoll li jiġi żgurat li l-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima jkun fihom strateġiji ta’ tranżizzjoni ġusta. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu antiċipati u mmaniġġjati l-bidliet fid-dinja tax-xogħol, inkluż permezz ta’ appoġġ immirat bħat-titjib tal-ħiliet meħtieġa, l-iżgurar tal-protezzjoni soċjali, u l-involviment tas-soċjetà kollha involuta fit-tiswir tat-tranżizzjoni, kif ukoll proposti addizzjonali biex jiġu mobilizzati investimenti pubbliċi u privati massivi sabiex jiġu appoġġjati t-tranżizzjonijiet, u jiżdiedu b’mod sinifikanti d-daqs u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta biex tlaħħaq mal-isfidi. |
2.6 |
Il-KESE jitlob biex jiġi żgurat li l-qafas regolatorju tal-UE jippermetti lin-negozji tal-UE, inklużi l-SMEs, jiġu minn ta’ quddiem fin-negozju ekoloġiku, filwaqt li jiġi evitat ir-riskju li l-produzzjoni tiġi spostata u jiġu protetti kontra l-importazzjonijiet b’impatt ambjentali negattiv akbar. Dan japplika speċjalment għall-industriji li jużaw ħafna enerġija. Il-KESE jitlob ukoll appoġġ għall-SMEs sabiex jifhmu u jimmaniġġjaw aħjar ir-rekwiżiti klimatiċi u ambjentali li qed jiżdiedu u li huma mmirati lejhom, kemm direttament kif ukoll indirettament. |
2.7 |
Il-KESE jitlob appoġġ b’saħħtu għall-innovazzjoni tal-industriji sabiex jiżviluppaw u jużaw teknoloġiji, materjali, prodotti, proċessi ta’ produzzjoni u mudelli ta’ negozju ekoloġiċi, billi jiġu ffaċilitati, pereżempju, programmi dwar l-idroġenu, il-batteriji, is-semikondutturi, il-qbid u l-użu tal-karbonju, u l-prattiki tal-ekonomija ċirkolari f’diversi oqsma, fosthom l-imballaġġ. |
2.8 |
Biex jissaħħaħ l-impatt globali tal-UE fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-UE għandha tipprovdi kundizzjonijiet kompetittivi lill-industriji tal-UE biex jaħtfu l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni pprovduti mid-domanda globali tat-teknoloġiji u tas-soluzzjonijiet klimatiċi u b’hekk iżżid il-handprint tal-karbonju tal-UE. |
2.9 |
L-alleanzi industrijali qed juru li huma metodu ta’ suċċess għall-iżvilupp ta’ proġetti industrijali fuq skala kbira u transfruntiera f’oqsma strateġiċi. Dawn l-alleanzi industrijali, flimkien ma’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEIs), huma kruċjali għall-irkupru u l-promozzjoni ta’ standards Ewropej u teknoloġiji ewlenin, b’mod partikolari f’oqsma fejn is-suq waħdu ma jistax jagħti riżultati jew qed jiġi mfixkel. |
2.10 |
Il-progress lejn Unjoni tal-Enerġija reali għandu jissaħħaħ biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni enerġetika lejn sistema tal-enerġija affordabbli, sikura, kompetittiva u sostenibbli. Meta jitqiesu l-isfidi attwali kkawżati mill-gwerra tar-Russja u l-Ukrajna, il-Kummissjoni għandha tiffoka fuq miżuri li simultanjament joħolqu l-akbar benefiċċju b’rabta mal-għanjiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija u jikkontribwixxu għall-isfidi akuti u l-għanijiet fit-tul. |
2.11 |
Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna wasslet għall-Komunikazzjoni, REPowerEU (4), li, fuq talba tal-Kunsill Ewropew kienet segwita mill-Pjan REPowerEU bi proposti (5), li, jekk jiġu implimentati kif suppost jaċċelleraw b’mod sinifikanti kemm l-indipendenza tal-enerġija kif ukoll is-sostenibbiltà tal-Unjoni Ewropea. L-għan li nsiru indipendenti mill-gass Russu u fjuwils fossili oħra jeħtieġ kemm diversifikazzjoni urġenti tal-fornituri u tas-sorsi tal-enerġija, aktar solidarjetà kif ukoll miżuri fit-tul li jippromovu t-tranżizzjoni lejn in-newtralità tal-karbonju, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi ta’ Stati Membri u reġjuni differenti u s-sorsi alternattivi disponibbli. Madankollu, biex jiġi żgurat is-suċċess tal-proċess, irid jiġi mmobilizzat investiment privat u pubbliku suffiċjenti, inkluż użu sħiħ mill-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tal-politika ta’ koeżjoni, fost oħrajn. Kif indikat diġà (6), it-tnaqqis tad-domanda għall-gass Russu b’żewġ terzi sal-aħħar tal-2022 huwa kompitu ambizzjuż u jkun ifisser diversifikazzjoni, minn naħa waħda, u primarjament fuq terminu ta’ żmien qasir permezz tal-LNG u l-bijometan, u min-naħa l-oħra permezz ta’ effiċjenza enerġetika u l-espansjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Għandha tiġi evitata infrastruttura permanenti li toħloq limitazzjonijiet futuri fuq alternattivi realistiċi u l-investimenti għandhom ikunu ffukati kemm jista’ jkun fuq is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u infrastrutturi ta’ appoġġ. L-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jridu jkunu involuti mill-qrib f’dawn il-proposti ta’ politika biex jiżguraw l-aċċettazzjoni soċjali, is-sostenibbiltà u s-suċċess tagħhom. Barra minn hekk, biex jiżdied il-livell ta’ rispons għal kriżijiet esterni, ikun hemm bżonn struttura ta’ koordinazzjoni permanenti fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. |
2.12 |
L-integrazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija tal-UE ser ikollha rwol importanti fit-tisħiħ tal-affordabbiltà u tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Għal dan l-iskop għandhom jiġu skjerati l-kapaċità ta’ interkonnessjoni suffiċjenti (7) meħtieġa u l-infrastruttura korrispondenti, b’mod partikolari fil-“gżejjer” tal-enerġija (bħall-Peniżola Iberika (8)). Biex jiġi promoss vantaġġ kompetittiv tal-UE fl-enerġija rinnovabbli u biex jiġi żgurat li l-iskjerament tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma jipperikolax is-sigurtà tal-provvista, għandu jitfassal pjan direzzjonali realistiku għall-iżvilupp u l-iskjerament ta’ infrastruttura effiċjenti tal-enerġija rinnovabbli, li jinkludi kapaċitajiet ta’ ħżin u interkonnessjoni suffiċjenti tat-trażmissjoni li jagħmluha possibbli li l-produzzjoni żejda tiġi esportata lejn Stati Membri oħra. Biex tiġi skjerata infrastruttura għal enerġija nadifa malajr, l-Istati Membri jeħtieġ li jħaffu r-ritmu tal-ħruġ tal-permessi. |
2.13 |
Bil-għan li tiżgura t-tisħiħ ta’ kundizzjonijet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, l-UE għandha tippromovi pprezzar tal-karbonju globali. It-tassazzjoni tal-karbonju għandha tiġi żviluppata u ssimplifikata sabiex tirrifletti l-impatt fuq il-klima b’mod simmetriku u għandha tqis miżuri sabiex jiġi sekwestrat il-karbonju mill-atmosfera. Barra minn hekk, il-KESE għandu jaħdem fuq il-mira tiegħu li jelimina gradwalment is-sussidji fuq sorsi ta’ enerġija li jagħmlu ħsara lill-klima u lill-ambjent, filwaqt li jiżgura li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima sseħħ b’mod ġust. |
2.14 |
Iż-żieda attwali fil-prezzijiet tal-enerġija tippreżenta theddida kbira kemm f’termini ta’ aktar faqar enerġetiku kif ukoll f’telfien tal-kompetittività għal kumpaniji li jużaw l-enerġija. Il-KESE jitlob azzjonijiet li jtaffu b’suċċess l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u li jipprevjenu l-faqar enerġetiku fost l-unitajiet domestiċi tal-UE. Huma meħtieġa wkoll miżuri temporanji u mmirati sew biex jillimitaw l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija biex l-SMEs u l-industriji intensivi fl-enerġija jiġu megħjuna jkampaw matul il-kriżi. |
2.15 |
Bħala parti tal-kunsiderazzjoni fit-tul ta’ kif is-suq tal-enerġija qed jirreaġixxi għax-xokkijiet, huwa importanti li jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali taż-żidiet fil-prezz tal-enerġija (bħalissa l-prezz tal-gass), kif suġġerit mill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), abbażi tal-valutazzjoni reċenti tagħha (9) tad-disinn tas-suq tal-elettriku u tas-sistema tal-ipprezzar attwali. Barra minn hekk, tista’ tiġi kkunsidrata reviżjoni rigward is-swieq fejn hemm konċentrazzjoni għolja ta’ provvista tal-enerġija, u b’hekk l-operazzjoni normali tista’ titħarbat. |
2.16 |
Iċ-ċittadini u l-konsumaturi għandhom ikunu fiċ-ċentru tat-tranżizzjoni tal-enerġija, permezz tal-appoġġ tal-enerġija komunitarja u tas-sjieda lokali, kif ukoll permezz tat-trasformazzjoni minn konsumaturi għal prosumaturi tal-enerġija. Il-KESE jitlob li jkun hemm kampanji trasparenti ta’ informazzjoni, konsultazzjoni u edukazzjoni biex iħeġġu l-impenn taċ-ċittadini lejn it-tranżizzjoni tal-enerġija. |
2.17 |
Il-KESE jitlob ukoll li tingħata aktar attenzjoni lil problemi fit-tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali fil-karbonju, b’mod partikolari b’rabta ma’ industriji li għal diversi raġunijiet tekniċi u/jew finanzjarji jeħtieġu xi żmien biex jadattaw sabiex iżommu l-kompetittività fis-suq. |
2.18 |
Il-KESE laqa’ l-aġġornament tar-Regolament TEN-T sabiex iwieġeb aħjar għal għanjiet u ħtiġijiet topiċi. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-identifikazzjoni tal-prijoritajiet u lid-definizzjoni ta’ network li jgħaqqad il-bliet kapitali kollha, il-bliet ewlenin, il-portijiet, l-ajruporti u t-terminals kollha tal-Istati Membri, abbażi tal-Kurituri Ewropej. Il-kurituri għandhom jinkludu, kif xieraq, “pontijiet tal-baħar” jew konnessjonijiet bil-baħar ro-ro regolari ta’ densità għolja bejn portijiet tal-kuritur. Fir-rigward tal-koeżjoni territorjali, il-KESE jqis li jeħtieġ li l-Kurituri tan-Network Ewlieni jkunu konnessi aħjar mad-dimensjoni lokali, urbani u reġjonali. Għandhom jiġu identifikati wkoll lakuni bejn ir-rekwiżiti tekniċi tat-TEN-T u r-rekwiżiti tal-mobbiltà militari sabiex jiġi implimentat użu doppju tal-infrastruttura tat-trasport. |
2.19 |
Minħabba ż-żmien pjuttost twil ta’ żvilupp tal-proġetti TEN-T, il-KESE jappoġġja qafas Ewropew tar-regolamentazzjoni u l-finanzjament li jipprovdi stabbiltà fuq perjodu ta’ żmien medju u twil f’termini tal-kurituri u l-proġetti sakemm jiġi kkompletat in-Network Ewropew. Il-KESE jitlob ukoll pjani nazzjonali urġenti għal finanzjament ordinarju jew straordinarju għall-manutenzjoni tal-infrastrutturi tat-TEN-T, kif ukoll pjan ta' monitoraġġ tan-Network Ewlieni fil-livell Ewropew. |
2.20 |
Meta jitqies ir-rwol essenzjali tal-avjazzjoni għall-UE, il-KESE jitlob li jkun hemm approċċ komprensiv u effettiv għall-promozzjoni tal-irkupru u t-tkabbir tal-avjazzjoni sostenibbli. |
2.21 |
Biex jikkontribwixxi għall-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq, il-KESE jitlob li jkun hemm kundizzjonijiet regolatorji favorevoli għall-użu ta’ vetturi tat-trasport tal-merkanzija akbar u itqal u ta' kombinazzjonijiet ta’ vetturi fl-Istati Membri kkonċernati u bejniethom. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra l-isfidi futuri u speċifiċi tat-trasport tal-merkanzija, u l-iskarsezza prevista ta’ sewwieqa tat-trakkijiet fis-snin li ġejjin, kemm f’termini ta’ nuqqas ta’ tiġdid ġenerazzjonali kif ukoll f’termini ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp ta’ merkanzija multimodali huwa importanti biex tissaħħaħ l-attrattività tal-merkanzija bil-ferrovija bħala parti minn katina loġistika kompluta, flimkien ma’ titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport. |
2.22 |
Il-KESE jilqa’ l-iżvilupp tal-qafas ta' mobbiltà urbana tal-UE u jitlob li t-trasport urban, speċjalment it-trasport pubbliku, isir aktar inklużiv, biex b’hekk jiġu promossi opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini. |
2.23 |
Biex tissaħħaħ il-mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, il-KESE jitlob li jkun hemm inizjattiva b’saħħitha mill-Kummissjoni biex tniedi proġetti diġitali fuq skala kbira dwar it-trasport, li huma essenzjali, pereżempju, għall-multimodalità effiċjenti u l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-kapaċitjiet. |
2.24 |
Minħabba li s-sistemi tal-enerġija, tat-trasport u dawk diġitali huma dejjem aktar konnessi, hemm bżonn ta’ Networks Integrati tat-Trasport, Diġitali u tal-Enerġija. Sabiex jittejbu s-sinerġiji u tiżdied ir-reżiljenza globali tal-infrastrutturi ġenerali, il-KESE jitlob li jkun hemm reviżjoni tal-konġestjonijiet u tal-vulnerabbiltajiet kbar fir-rigward tal-interkonnessjonijiet ta’ dawn is-sistemi, kemm mill-perspettivi attwali, kif ukoll dawk fit-tul. |
2.25 |
Il-KESE jitlob ukoll li tiżdied ir-reżiljenza tan-network tal-enerġija, tat-trasport u n-network diġitali għat-tibdil fil-klima, għal perikli naturali, u għad-diżastri kkawżati mill-bniedem, sabiex jiġi ġġenerat u miżmum il-valur dejjiemi tal-infrastruttura. Kollox ma’ kollox, il-KESE jitlob li jkun hemm miżuri li jtejbu l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu. |
2.26 |
Biex tiġi salvagwardjata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel u l-kompetittività tal-produtturi Ewropej, il-KESE jitlob li jkun hemm trawwim ta’ awtonomija strateġika miftuħa, inkluża awtonomija mtejba tal-proteini, l-iżgurar tar-reċiproċità tal-istandards tal-kummerċ (ekonomiċi, soċjali, ambjentali), il-promozzjoni tar-riċerka, it-titjib tad-diġitalizzazzjoni, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u żrieragħ innovattivi, u l-promozzjoni ta’ prezzijiet ġusti li jinkludu spejjeż ogħla tal-input u spejjeż għal aktar sostenibbiltà. |
2.27 |
Il-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd għandhom jagħtu kontribut sinifikanti għal sistemi tal-ikel aktar sostenibbli u reżiljenti. Għandha tiġi żgurata parteċipazzjoni strutturata u wiesgħa tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. Il-proposta għal qafas leġiżlattiv għas-sistemi tal-ikel sostenibbli għandha tinkludi miri ċari, indikaturi, mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u valutazzjoni ta’ monitoraġġ b’saħħithom. |
3. Ewropa lesta għall-era diġitali
3.1 |
Il-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna enfasizzaw l-importanza kritika tat-teknoloġiji diġitali u l-ħtieġa li l-UE żżid is-sovranità diġitali tagħha. Il-KESE laqa’ l-Kumpass Diġitali u l-Perkors għad-Deċennju Diġitali u jitlob li jkun hemm introduzzjoni effiċjenti tal-mekkaniżmu ta’ governanza u l-iffaċilitar ta’ implimentazzjoni rapida tal-miri. Il-pandemija enfasizzat ukoll l-isfidi li tista’ toħloq it-tranżizzjoni diġitali u l-KESE jitlob li jissaħħaħ id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew, nazzjonali u tal-industrija biex jiġi żgurat li din it-tranżizzjoni tkun ukoll waħda ġusta. |
3.2 |
Il-KESE jsib li l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija kruċjali fl-evalwazzjoni tal-progress u l-valutazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri, inkluż permezz ta’ proġetti f’diversi pajjiżi. Il-KESE jitlob ukoll li r-rapport dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali jikkontribwixxi għall-kodiviżjoni tal-għarfien u tal-prattiki tajba bejn l-Istati Membri. |
3.3 |
Il-KESE saħaq dwar il-ħtieġa li t-trasformazzjoni diġitali sseħħ b’mod sostenibbli, li tiffoka fuq il-bniedem u b’mod inklużiv li jaħdem għal kulħadd, mingħajr ma tkompli tapprofondixxi l-firda diġitali eżistenti jew toħloq inugwaljanzi ġodda, filwaqt li tiżgura l-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Għal dan il-għan, huwa importanti wkoll li jiġu antiċipati u mmaniġġjati l-bidliet fid-dinja tax-xogħol, filwaqt li jsir użu mid-djalogu soċjali f’diversi livelli u jissaħħu l-ħiliet meħtieġa u kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, inkluż fit-telexogħol u fix-xogħol fuq il-pjattaformi, billi tiġi segwita evalwazzjoni fil-livell tal-UE tal-hekk imsejjaħ “dritt għall-iskonnessjoni”. |
3.4 |
L-investiment fl-infrastruttura diġitali li tiżgura aċċessibbiltà aħjar u l-iżvilupp tas-suq uniku fid-data huma faċilitaturi essenzjali u meħtieġa ta’ żvilupp diġitali adatt fir-reġjuni kollha tal-UE. Il-KESE jitlob implimentazzjoni effiċjenti ta’ miżuri li jsaħħu l-moviment liberu tad-data, filwaqt li jiżguraw protezzjoni xierqa tad-data, il-privatezza u l-proprjetà intellettwali. |
3.5 |
L-UE għandha tkompli l-progress lejn l-istabbiliment ta’ sistema ta’ konnettività sikura u awtonoma bbażata fl-ispazju għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni bis-satellita garantiti u reżiljenti, li ser iżżid id-disponibbiltà tal-broadband b’veloċità għolja u konnettività bla xkiel madwar l-Ewropa, |
3.6 |
Il-KESE jqis li huwa importanti li jitkompla l-iżvilupp tas-sistemi tat-trasport intelliġenti lejn Spazju Komuni Ewropew tad-Data dwar il-Mobbiltà, jiġifieri effiċjenza mtejba u prerekwiżiti għal kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba, kif ukoll għal multimodalità bla xkiel. |
3.7 |
Il-KESE jqis li huwa raġonevoli li jkun hemm dipendenza minn parteċipanti b’saħħithom fis-suq Ewropew biex jimplimentaw servizzi finanzjarji diġitali. Il-KESE jqis li hemm bżonn urġenti ta’ azzjoni biex is-settur kriptografiku jsir trasparenti u biex jiġu protetti l-utenti finali tal-finanzi diġitali, tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja, tiġi protetta l-integrità tas-settur finanzjarju tal-UE, u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fost l-operaturi differenti fis-sistema ekonomika u f'dik finanzjarja kif ukoll biex is-settur kriptografiku jiġi ggwidat lejn mekkaniżmi operattivi aktar sostenibbli u inqas intensivi fl-enerġija. |
3.8 |
Billi l-ħiliet u l-kompetenzi huma faċilitaturi essenzjali tat-trasformazzjoni diġitali, il-KESE jitlob li jkun hemm żvilupp kontinwu ta’ modi, kemm biex iżidu t-talent ta’ livell għoli, kif ukoll biex isaħħu l-ħiliet u l-kompetenzi taċ-ċittadini u tal-ħaddiema biex jaħtfu aħjar l-opportunitajiet ipprovduti mid-diġitalizzazzjoni u biex jiġu mmaniġġjati r-riskji relatati magħha. |
3.9 |
Sabiex tingħata spinta lill-eċċellenza tal-UE fid-diġitalizzazzjoni, il-kumpaniji Ewropej jeħtieġu kundizzjonijiet favorevoli għall-innovazzjoni, l-investiment u l-operat, meta mqabbla ma’ kompetituri barranin. Meta jitqies li l-kooperattivi huma partikolarment adattati biex jappoġġjaw il-parteċipazzjoni inklużiva fil-governanza tal-pjattaformi diġitali, il-KESE jħeġġeġ il-provvista ta' inizjattivi li jippromovu l-iżvilupp ta’ pjattaformi kooperattivi diġitali. |
3.10 |
Meta jiġu promossi negozji innovattivi, irid jiġi żgurat li n-negozji kollha, inklużi l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jkunu jistgħu jiġu involuti fil-progress. u jibbenefikaw minnu. Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li jittejjeb l-użu tal-IA u ta’ teknoloġiji avvanzati oħra, iżda jrid jiġi rikonoxxut ukoll li ħafna SMEs iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi saħansitra fl-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali bażiċi. |
3.11 |
Huwa dejjem aktar importanti għall-atturi kollha, inkluż ktajjen ta’ valur sħaħ, li tingħata l-attenzjoni dovuta liċ-ċibersigurtà, u l-kriżijiet enfasizzaw aktar minn qatt qabel l-importanza tagħha biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ekonomija u s-soċjetà u biex jinżammu konnessjonijiet internazzjonali. Dan jitlob azzjoni msaħħa mill-Istati Membri, inkluża kooperazzjoni ffaċilitata mill-Kummissjoni. Huwa wkoll dejjem aktar importanti li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li ma tintużax bħala skuża biex jiġu limitati l-libertajiet pubbliċi, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni. |
3.12 |
Il-KESE jitlob li jkun hemm mobilizzazzjoni ta’ finanzjament, kemm pubbliku kif ukoll privat, biex jiġi ffaċilitat l-investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ kif ukoll fl-infrastruttura teknika. Il-qafas regolatorju huwa fattur ġenerali ieħor li jsawwar l-iżvilupp diġitali. Il-KESE jqis li huwa importanti li r-regolazzjoni li qed tevolvi, tħeġġeġ l-innovazzjoni, l-investiment u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, f'konformità mad-drittijiet tal-bniedem u mal-għanjiet ambjentali u klimatiċi. |
3.13 |
Peress li d-diġitalizzazzjoni għadha xprun importanti għat-tkabbir ekonomiku globali, il-KESE jemmen li l-politiki relatati mat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitalizzata għandhom ifittxu li jippromovu, u mhux ixekklu, it-tkabbir ekonomiku u l-kummerċ u l-investiment transfruntiera. |
3.14 |
Kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u bbażati fuq ir-regoli għall-attivitajiet diġitali huma importanti wkoll fil-livell internazzjonali, u s-suq uniku jwitti t-triq biex l-UE tkun attur globali influwenti u b’saħħtu. Il-KESE jitlob li jsir użu minn firxa wiesgħa ta’ għodod, mill-azzjoni diplomatika sal-kooperazzjoni fl-innovazzjoni u ftehimiet kummerċjali, biex jiġu promossi l-approċċ iċċentrat fuq il-bniedem u l-affidabbiltà tat-teknoloġiji diġitali. Minħabba li din hija entità li tistabbilixxi l-istandards globali, teħtieġ ukoll kompetittività globali, li tistrieħ fuq kooperazzjoni soda bejn l-Istati Membri. |
4. Ekonomija li topera għan-nies
4.1 |
L-iżvilupp soċjoekonomiku attwali huwa akkumpanjat minn livell għoli ta’ inċertezza assoċjata mal-pandemija tal-COVID-19 li għadha għaddejja, u huwa aggravat aktar mill-gwerra fl-Ukrajna u t-tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jikbru mar-Russja. Huwa kruċjali li l-Istati Membri jsaħħu u jikkoordinaw b’mod effiċjenti l-politiki ekonomiċi, tas-saħħa u soċjali tagħhom, jindirizzaw b’mod effettiv l-iżbilanċi makroekonomiċi u jiżguraw finanzi pubbliċi sodi. Fl-istess waqt, iridu jtejbu wkoll il-kwalità u l-kompożizzjoni tal-investimenti pubbliċi tagħhom biex jagħmlu disponibbli r-riżorsi finanzjarji meħtieġa, inkluż billi jinkoraġġixxu l-investiment privat, sabiex jappoġġjaw it-trasformazzjoni soċjoekoloġika tal-ekonomija, bil-għan li jippromovu livell għoli ta’ impjieg, impjiegi ta’ kwalità għolja, il-benesseri, jiżguraw dħul adegwat, filwaqt li jiżguraw li ma jnaqqsux il-motivazzjoni tan-nies li jkunu attivi fis-suq tax-xogħol. |
4.2 |
L-UE għandha tiffoka fuq vantaġġ kompetittiv għall-industrija u l-impjiegi tal-UE bħala elementi kruċjali għall-prosperità, kif ukoll fuq il-ġlieda kontra l-inugwaljanza u l-faqar fil-proċess ta’ rkupru. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, bħala l-istrument ta’ gwida għall-politika soċjali tal-UE, għandu jkun fil-qalba tal-istrateġija ta’ rkupru biex jiġi żgurat li l-irkupru ekonomiku u dak soċjali jimxu id f’id. L-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-appoġġ ta’ gruppi vulnerabbli permezz ta’ politiki attivi u inklużivi akkumpanjati minn servizzi soċjali essenzjali u abilitanti. |
4.2.1 |
Abbażi tas-suċċess konġunturali tagħhom, kemm in-Next Generation EU, kif ukoll il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jridu jiġu vvalutati bħala għodod effettivi biex jirrispondu għall-kriżi attwali kkawżata mill-gwerra, li aktarx ser twassal għal konsegwenzi drammatiċi għall-ekonomija Ewropea. Dawn l-għodod jikkumplimentaw il-mekkaniżmi strutturali eżistenti biex jitrawmu t-tkabbir ekonomiku u l-konverġenza ’l fuq, jipproteġu l-kundizzjonijiet tal-għajxien, u jiżguraw il-paċi soċjali u l-istabbiltà fl-UE. |
4.3 |
L-UE u l-gvernijiet nazzjonali għandhom jieħdu miżuri biex itaffu l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna, kemm sabiex jimminimizzaw iż-żieda fil-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija għall-familji u l-intrapriżi, kif ukoll biex jappoġġjaw l-ekonomija u l-impjiegi bl-aġġustament tal-miżuri ta’ emerġenza eżistenti. Biex tgħin lill-intrapriżi jlaħħqu mal-kriżijiet u jkunu jistgħu joħolqu u jżommu l-impjiegi, il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament l-impatti tal-pandemija u tal-gwerra fuq in-negozji tal-UE ta’ kull daqs, u tkun ippreparata għal miżuri ta’ appoġġ temporanji neċessarji, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet ġusti għall-kompetizzjoni. |
4.4 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv li l-investimenti jiġu orjentati mill-ġdid b’tali mod li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija sostenibbli. Fit-twettiq ta’ dan, jeħtieġ li tingħata attenzjoni lil “greenwashing” jew “sustainability washing” qarrieqa. Il-Kumitat jistenna li l-Kummissjoni ser tinvolvi attivament lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ finanzjament sostenibbli. |
4.5 |
L-Istati Membri tal-UE jeħtieġ li jkollhom spazju fiskali xieraq biex jiġġieldu kontra l-impatti ekonomiċi u soċjali negattivi tal-gwerra fl-Ukrajna. Dan ikompli jsaħħaħ il-ħtieġa għar-reviżjoni tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE. Madankollu, l-Istati Membri jridu jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi tagħhom waqt perjodi ta’ tkabbir pożittiv biex dan jagħmilha possibbli li jkun hemm reazzjoni waqt riċessjonijiet. F’dan l-isfond ukoll, il-KESE jtenni t-twissija tiegħu kontra d-diżattivazzjoni prematura tal-klawżola ġenerali ta’ salvataġġ. |
4.5.1 |
Barra minn hekk, il-KESE jitlob għal qafas ta’ governanza ekonomika orjentat lejn il-prosperità rivedut u bbilanċjat mill-ġdid, li jagħti l-istess piż lil firxa ta’ għanijiet ta’ politika ewlenin, bħal tkabbir sostenibbli u inklużiv, impjieg sħiħ u xogħol deċenti, ekonomija tas-suq soċjali u kompetittiva u finanzi pubbliċi stabbli. Ekonomija Ewropea kompetittiva li tkun ukoll soċjalment u ambjentalment sostenibbli hija prerekwiżit għat-tisħiħ tal-prosperità tal-Ewropej kollha. |
4.5.2 |
Ukoll, l-ekonomiji li fihom il-politiki fiskali nazzjonali jirrikonoxxu l-ħtieġa li jinbnew riżervi ta’ dħul fi żminijiet ta’ tkabbir, mentri jibqa’ jiġi żgurat l-investiment meħtieġ għall-prosperità futura, se jkunu aktar reżiljenti fil-ġlieda kontra l-impatti negattivi tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. |
4.5.3 |
Ser ikun essenzjali l-infurzar adatt tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, rivedut wara l-konklużjoni tar-rieżami li għaddej bħalissa, preferibbilment b’regoli simplifikati u proċikliċità mnaqqsa u li jirrifletti l-kuntest ta’ wara l-pandemija, sabiex jgħin lill-Istati Membri jpoġġu l-finanzi pubbliċi tagħhom fuq pedament sostenibbli u jsaħħu l-fiduċja fl-investiment. Kwalunkwe qafas fiskali futur jeħtieġ: li a) jippromovi finanzi pubbliċi sostenibbli li jippermettu aktar investimenti pubbliċi; b) jippermetti politika aktar kontroċiklika, u c) jippermetti flessibbiltà akbar u divrenzjar speċifiku għall-pajjiżi fir-rigward tal-perkorsi ta’ aġġustament tad-dejn, filwaqt li fl-istess ħin jiggarantixxi s-sostenibbiltà fiskali. B’mod aktar speċifiku, waħda mill-proposti ewlenin tal-KESE għar-reviżjoni tal-qafas fiskali hija li tiġi introdotta regola tad-deheb għall-investimenti pubbliċi, mingħajr ma tikkomprometti l-istabbiltà fiskali u finanzjarja fuq terminu medju u l-valur tal-euro, flimkien ma’ regola tal-infiq. |
4.5.4 |
Għalhekk, kemm il-parlamenti nazzjonali kif ukoll il-Parlament Ewropew iridu jżommu r-rwol prominenti tagħhom fil-qafas futur tal-governanza ekonomika tal-UE, sabiex isaħħu r-responsabbiltà demokratika tal-Unjoni. Il-KESE ħa nota tal-idea li titwaqqaf Skema għall-Qgħad, li oriġinarjament kienet inkluża fil-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea. Fid-dawl tal-effetti tal-kriżi tal-COVID u l-gwerra attwali fl-Ukrajna, il-KE tista’ tkompli b’aktar diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-imsieħba soċjali dwar għodod possibbli fuq medda twila ta' żmien, jiġifieri Skemi ta’ Riassigurazzjoni tal-Qgħad, biex tindirizza problemi sistemiċi. |
4.6 |
Il-mekkaniżmu SURE (10) kellu rwol fundamentali biex itaffi l-impatt tal-pandemija, u wera li huwa għodda effettiva. B’dan bħala tagħlima, il-KESE jitlob li tiġi vvalutata l-possibilità għal użu ulterjuri ta’ dan il-mekkaniżmu. |
4.7 |
L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja jimxi id f’id mat-tisħiħ tal-governanza ekonomika, inkluż it-tlestija tal-unjoni bankarja u tas-swieq kapitali u t-tisħiħ tar-rwol tas-Semestru Ewropew fiż-żieda tat-tkabbir, tal-koeżjoni, tal-inklużività, tal-kompetittività u tal-konverġenza. |
4.8 |
Il-KESE jqis li, minħabba l-isfidi maħluqa mill-gwerra, u b’mod partikolari l-ħtieġa li dejjem qiegħda tikber kemm għan-nefqa tad-difiża kif ukoll għan-nefqa tal-enerġija, jistgħu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ġodda ta’ riżorsi proprji mill-Unjoni Ewropea. |
4.9 |
Il-frammentazzjoni tas-swieq kapitali fl-Istati Membri ma toħloqx ambitu suffiċjenti għal aċċess aktar faċli għan-negozji għar-riżorsi finanzjarji fis-suq uniku kapitali. Għalhekk hemm bżonn ta’ aktar progress fl-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Unjoni Bankarja għandu jiffoka fuq it-tisħiħ tal-mezzi ta’ finanzjament u l-promozzjoni tal-kontribut tas-settur privat għall-isforzi ta’ investiment. Il-KESE jitlob li f’dan il-proċess jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju u, b’mod partikolari, jilqa’ l-isforzi għat-tisħiħ tal-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi li jirriżultaw mill-kriżi klimatika. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li jitqiesu r-riskji tas-sostenibbiltà soċjali, li qed jipperikolaw il-koeżjoni soċjali minħabba d-distakki fid-distribuzzjoni li qed jiżdiedu. Ir-regolamentazzjoni tas-suq finanzjarju għandha tagħti prijorità wkoll lill-effiċjenza aktar milli lill-kumplessità u tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. |
4.10 |
Il-partijiet interessati kollha għandhom ikunu involuti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri biex itejbu l-litteriżmu finanzjarju, l-effiċjenza tar-regoli tal-protezzjoni, u t-tnaqqis tal-asimmetriji tal-informazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi finanzjarji u ċ-ċittadini. |
4.11 |
Is-Suq Uniku Ewropew għandu jikseb il-potenzjal sħiħ tiegħu. Il-qligħ ekonomiku jista’ jiġi żgurat kemm permezz ta’ applikazzjoni u infurzar aħjar u aktar effettiv tal-leġiżlazzjoni eżistenti, kif ukoll permezz tal-approfondiment tagħha. It-tneħħija ulterjuri ta’ ostakli għall-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi ġġib magħha benefiċċji għal kulħadd – għall-klijenti, għall-ħaddiema u għan-negozji. Il-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku jiddependi wkoll mis-sikurezza u l-kwalità tal-oġġetti u s-servizzi. |
4.12 |
Il-KESE huwa mħasseb dwar l-eżistenza ta’ kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fi ħdan l-UE u li tippromovi l-evitar tat-taxxa. Il-Kumitat jemmen li unjoni monetarja effettiva tirrikjedi politika fiskali koerenti u konsistenza bejn ir-regoli fiskali tal-membri tagħha. Il-KESE ppropona wkoll li jitnieda Patt Ewropew biex jiġu miġġielda b’mod effettiv il-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. |
4.13 |
Burokrazija eċċessiva toħloq spejjeż bla bżonn għall-ekonomija u s-soċjetà. L-UE tal-futur m’għandhiex tiffoka fuq il-mikroġestjoni, iżda għandha tkun iggwidata mill-prinċipju ta’ regolamentazzjoni aħjar. Madankollu, dan ma għandux isir għad-detriment ta’ standards għoljin tal-protezzjoni tal-konsumatur, ta' dawk soċjali, tax-xogħol u ta' dawk ambjentali li huma inerenti fl-ekonomija soċjali tas-suq. Fil-livell Ewropew, tista’ tiżdied il-kapaċità tal-imsieħba soċjali li jsolvu l-problemi, pereżempju biex jibbilanċjaw interessi differenti. |
4.14 |
L-intraprenditorija tirrappreżenta kompetenza ewlenija għat-titjib tal-kompetittività, l-innovazzjoni u l-benesseri u l-iżvilupp ta’ ekonomija soċjali u ekoloġika, aktar u aktar fil-kuntest tal-irkupru ta’ wara l-pandemija. It-tħeġġiġ tal-edukazzjoni intraprenditorjali għall-iżvilupp ta' ħiliet intraprenditorjali, jista’ jkun mod li bih jitnaqqas il-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ. L-intraprenditorija fil-forom u s-setturi kollha tagħha (inklużi t-turiżmu, l-industrija, l-ekonomija tal-pjattaformi, l-ekonomija soċjali u l-professjonijiet liberi) hija essenzjali għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, l-impjieg u l-inklużjoni soċjali. Huwa importanti li jiġu identifikati u mwieġba d-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs (speċjalment negozji żgħar ħafna, li ħafna drabi jkunu negozji tal-familja) meta jaċċessaw is-Suq Uniku, partikolarment fil-kuntest tat-tranżizzjonij ekoloġika u dik diġitali. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu azzjonijiet konkreti fil-programm ta’ ħidma tagħha biex tindirizza l-ostakli għas-suq uniku li huma diġà identifikati (11). |
4.15 |
Il-KESE jappoġġja li tiġi adottata taħlita ta’ politiki ekonomiċi li jagħmlu użu effettiv tar-riżorsi domestiċi disponibbli, kemm pubbliċi kif ukoll privati, inklużi r-riżorsi finanzjarji maħluqa fil-qafas ta’ Next Generation EU u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. In-nuqqas identifikat tal-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kien u għadu kwistjoni ta’ tħassib għall-KESE. Is-soċjetà ċivili organizzata titlob proċeduri aktar formali li jiffaċilitaw skambji reali fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-prinċipju tas-sħubija għandu jservi bħala mudell ta’ referenza għal mekkaniżmu effettiv tal-involviment tas-soċjetà ċivili. |
4.16 |
Il-KESE jappoġġja l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni fil-qasam tat-tassazzjoni tal-kumpaniji u jfaħħar il-koordinazzjoni tagħhom mad-diskussjonijiet globali li saru fil-livell tal-OECD/Qafas Inklużiv sabiex jintlaħaq kunsens globali. |
4.17 |
Il-Kumitat jappoġġja kwalunkwe sforz immirat lejn it-tnaqqis tal-kostijiet tal-konformità għall-kumpaniji u l-awtoritajiet tat-taxxa Ewropej meta tiġi biex titfassal is-sistema l-ġdida tat-tassazzjoni. In-negozji Ewropej m’għandhomx jinġiebu fi żvantaġġ kompetittiv. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru 2 tal-ftehim globali dwar it-taxxa se tkun kumplessa u se tirrikjedi żmien twil u sforz sinifikanti, kemm min-naħa tal-kumpaniji kif ukoll min-naħa tal-awtoritajiet tat-taxxa. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni uniformi fl-UE u blokki kummerċjali oħra fl-istess mument tar-regoli miftiehma internazzjonalment, huma ta’ interess ewlieni għall-UE u għall-Istati Membri tagħha. |
4.18 |
L-intraprenditorija soċjali jistħoqqilha attenzjoni partikolari fid-dawl tar-rwol li din il-forma ta’ intraprenditorija jista’ jkollha biex tegħleb il-kriżi. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija soċjali se jkollha rwol ewlieni fit-tisħiħ ta’ dan is-settur. Id-definizzjoni ta’ ekosistema speċifika tal-ekonomija soċjali fl-istrateġija industrijali l-ġdida trid twassal għal azzjonijiet konkreti sabiex l-ekonomija soċjali ssir ekoloġika, diġitali u reżiljenti. |
4.19 |
Wara l-pandemija hemm ħtieġa akbar għat-trawwim ta’ mobbiltà tat-tagħlim ta’ kwalità għal kulħadd u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim tagħha, għalhekk il-KESE jippromovi l-bini ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni vera sal-2025 għat-tagħlim tal-Ewropa. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ finanzjament u, fuq kollox, permezz ta’ kooperazzjoni transsettorjali fil-qasam tal-edukazzjoni. |
4.20 |
Politika moderna tal-konsumatur għandha tiżgura li l-konsumaturi jkollhom id-drittijiet u l-protezzjoni li jeħtieġu. Is-Suq Uniku jagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi u n-negozji tal-UE biex jixtru u jbigħu oġġetti u servizzi minn naħa għal oħra tal-fruntiera, kemm online kif ukoll offline. Dan jeħtieġ fiduċja u kunfidenza fis-suq, leġiżlazzjoni mmirata u infurzar effettiv. L-informazzjoni u t-taħriġ tal-konsumatur għandhom jgħinuhom ukoll sabiex jagħmlu għażliet aktar responsabbli. |
4.21 |
L-aċċess għall-involviment tal-voluntiera jeħtieġ li jittejjeb u jiżdied fl-ambitu u l-kwalità tiegħu. Il-potenzjal għall-involviment volontarju ta’ persuni ta’ kull sfond u età għandu jiġi eżaminat u implimentat f’oqfsa innovattivi u flessibbli li joħolqu possibilitajiet ġodda. L-2025 għandha tiġi ddikjarata mill-UE bħala s-Sena Ewropea tal-Voluntiera. Dan ikun rikonoxximent ġust għall-isforzi u l-impatt tal-voluntiera matul il-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna. Dan jenfasizza l-importanza tagħhom għas-saħħa u għall-benesseri fl-Ewropa u anke r-rwol tagħhom fl-irkupru u l-futur tal-Ewropa. |
4.22 |
Il-professjonijiet liberi huma fattur soċjali u ekonomiku ewlieni fl-Istati Membri kollha u huma responsabbli għal servizzi pubbliċi importanti f’oqsma bħas-saħħa, il-ġustizzja, is-sigurtà, il-lingwa u l-arti. Huwa għalhekk meħtieġ li ssir valutazzjoni tal-impatt speċifika dwar il-konsegwenzi tal-proposti leġiżlattivi fuq professjonijiet liberi, qabel u wara li tiġi adottata l-leġiżlazzjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur Ewropew għandu jqis b’mod speċjali l-effetti negattivi tal-piż burokratiku fuq il-professjonijiet liberi. |
5. Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja
5.1 |
Il-KESE jappella għal ambjent ta’ kummerċ internazzjonali miftuħ, ġust, inklużiv u prevedibbli li jappoġġja d-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-paċi u l-istabbiltà, is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali, u ordni kummerċjali globali miftuħa, ġusta u bbażata fuq ir-regoli. Jeħtieġ li l-Ewropa tipproteġi r-regoli kummerċjali globali, tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, u ssib bilanċ bejn l-awtonomija strateġika u l-ftuħ għall-kummerċ internazzjonali, billi tippromovi bażi industrijali b’saħħitha u ktajjen ta’ provvista internazzjonali reżiljenti. |
5.2 |
Madankollu, kemm l-iżviluppi fiċ-Ċina f'dawn l-aħħar snin, kif ukoll l-aggressjoni Russa li għaddejja bħalissa, jagħmluha ċara li ż-żieda fil-kummerċ internazzjonali mhux neċessarjament tgħin biex jissaħħu l-proċessi demokratiċi. Għalhekk, jeħtieġ li l-UE tippromovi l-valuri fundamentali tagħha, bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-libertà tal-midja fil-politika kummerċjali tagħha. |
5.3 |
Il-KESE jemmen li huwa importanti li jitkompla l-indirizzar tad-dipendenzi kritiċi tal-UE fuq pajjiżi terzi. Dan japplika speċjalment għall-enerġija, għall-materja prima, għall-ikel, għall-prodotti tas-saħħa, għall-infrastruttura u għat-teknoloġiji. Japplika wkoll għad-dimensjoni industrijali tal-politiki tas-sigurtà, tad-difiża u tal-ispazju. L-UE għandha tirrevedi b’mod partikolari n-nuqqas ta’ kapaċità industrijali u d-dipendenza tagħha minn imsieħba li mhumiex affidabbli. |
5.4 |
Fl-istess ħin, it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE u rwol globali aktar b’saħħtu jeħtieġu kooperazzjoni ma’ msieħba f’diversi oqsma, inkluż fil-kummerċ. Il-KESE jitlob il-konklużjoni ta’ negozjati dwar il-ftehimiet kummerċjali bilaterali u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni multilaterali fi ħdan id-WTO. It-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-imsieħba tal-Amerka Latina, abbażi tal-ftehimiet modernizzati, jista’ jkun ukoll opportunità topika għall-UE sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha. |
5.5 |
Il-KESE jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili fil-kummerċ, u jenfasizza l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, mit-tiswir sal-monitoraġġ tal-għodod u l-ftehimiet kummerċjali (Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika u Ftehimiet ta’ Investiment). Dan jgħin fit-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-UE, billi jiżgura li l-ftehimiet kummerċjali konklużi ser jikkontribwixxu għal żvilupp li huwa ekonomikament, soċjalment u ambjentalment sostenibbli kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi msieħba fin-negozjati. |
5.6 |
Hemm bżonn ukoll kooperazzjoni fl-oqsma tat-trasport, dawk diġitali u tal-enerġija, li ħolqu opportunitajiet ġodda eż., għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti. Il-Kurituri tan-Network Ewlieni jeħtieġ li jkunu interkonnessi aħjar mal-bqija tad-dinja għall-merkanzija u l-passiġġieri. Il-KESE jitlob li jiġi stabbilit forum li jiffaċilita l-integrazzjoni tan-network TEN-T mal-bqija tad-dinja, inklużi l-pajjiżi ġirien. |
5.7 |
Il-KESE jqis li l-UE teħtieġ approċċ aktar proattiv u effettiv biex tieħu ħsieb l-interessi tal-industriji Ewropej permezz tal-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u l-indirizzar ta’ prattiki kummerċjali inġusti, permezz ta’ liġijiet kummerċjali eżistenti, speċjalment il-liġijiet tal-anti-dumping, u ta’ kontra s-sussidji. |
5.8 |
Il-Kumitat iqis il-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro bħala għodda importanti għat-tisħiħ tal-pożizzjoni globali tal-Ewropa u jappella għal enfasi aktar b’saħħitha fuq ir-raġunijiet għalfejn ir-rwol internazzjonali tal-euro qiegħed jiddgħajjef, u għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. |
5.9 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-isforzi biex iddaħħal fid-WTO l-approċċ tal-UE għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-impenji kemm tax-xogħol kif ukoll tal-ambjent. Dan għandu jinkludi wkoll aktar riflessjonijiet dwar l-involviment strutturat tal-komponenti kollha tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tad-WTO, peress li ma jistax ikun hemm sostenibbiltà ġenwina mingħajr l-involviment tas-soċjetà ċivili. |
5.10 |
Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ma għadux kapaċi biżżejjed u lanqas wiesa’ biżżejjed biex iwieġeb għal diżastri marbuta mat-tibdil fil-klima u mar-riskji multipli li jseħħu ġewwa t-territorju tal-Unjoni u lil hinn minnu. Lil hinn mill-attività stabbilita sew tiegħu fir-rigward tad-diżastri naturali, il-Mekkaniżmu jintalab biex jindirizza riskji bħal pandemiji, riskji industrijali kbar, tniġġis marittimu fuq skala kbira, konsegwenzi ta’ attakki ċibernetiċi fuq in-networks tal-elettriku jew tal-ilma tax-xorb, u l-infrastratturi essenzjali kollha, jew il-ġestjoni ta’ kriżijiet umanitarji marbuta mal-immigrazzjoni. |
5.11 |
Jeħtieġ li r-rabta bejn il-protezzjoni ċivili għal perjodu qasir u l-ġestjoni fit-tul tal-għajnuna umanitarja tiġi indirizzata u kkoordinata aħjar. Għal dan il-għan, il-KESE jqis li għandha tiġi eżaminata l-ħtieġa li tiġi stabbilita aġenzija Ewropea għall-protezzjoni ċivili u l-għajnuna umanitarja, bħala mekkaniżmu prattiku għal azzjonijiet aktar b’saħħithom tal-politika barranija. |
5.12 |
Il-KESE jinnota li f’ħafna pajjiżi msieħba, id-djalogu u t-tfassil ta’ politika inklużivi u parteċipatorji, għadhom nieqsa u l-ispazju ta’ djalogu ċivili u soċjali tnaqqas progressivament minkejja l-appoġġ ipprovdut mill-Kummissjoni. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi, f’kooperazzjoni mal-KESE, proġett pilota ta’ “Tabella ta’ valutazzjoni tal-ispazju ċiviku” għal ċerti pajjiżi msieħba, biex kull sena jitkejjel l-istat tad-djalogu ċiviku u soċjali, li għandu jibda mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jew mill-pajjiżi Ewro-Mediterranji. |
6. Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew
6.1 |
Jeħtieġ li jissaħħu s-sistemi tas-saħħa fi kważi kull pajjiż Ewropew, b’enfasi fuq il-prevenzjoni u l-garanzija tal-aċċess għal kulħadd għal strutturi ta’ kwalità tajba tas-saħħa pubblika, servizzi bażiċi tas-saħħa, inklużi l-vaċċini, u kura fit-tul. Il-kwistjonijiet tas-saħħa mentali jeħtieġu risposta strateġika urġenti. |
6.2 |
Il-KESE jfakkar li huwa kruċjali li tiġi appoġġjata ekosistema Ewropea tal-kura tas-saħħa b'saħħitha u kkoordinata sabiex tikkontribwixxi għall-awtonomija strateġika industrijali, għas-sovranità teknoloġika tal-UE u għal kwalità ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini tal-UE. L-immappjar u l-analiżi minn isfel għal fuq għandhom jitwettqu sabiex tiġi vvalutata n-natura eżatta tad-dipendenzi identifikati u jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet u n-nuqqasijiet ta’ materjali strateġiċi. |
6.3 |
Il-migrazzjoni għadha kwistjoni ta’ prijorità minħabba l-impatt tagħha fuq id-demografija, l-ekonomija u l-politiki tal-UE (l-impjieg, l-affarijiet soċjali, is-suq tax-xogħol, il-politiki ta' integrazzjoni, il-kontroll tal-fruntieri, il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija, il-populiżmu u d-diskriminazzjoni). Il-Patt tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Ażil u s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil se jkollhom jingħataw forma finali bbażata fuq bilanċ reali bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà, u l-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri taħt il-liġi internazzjonali. |
6.4 |
Il-kriżi tar-refuġjati li qed tiżvolġi bħala konsegwenza tal-gwerra kontra l-Ukrajna tissottolinja l-importanza kruċjali ta’ dan il-qasam u tirrappreżenta l-mod korrett ta’ kif għandha tirrispondi l-UE: minbarra li tingħata protezzjoni immedjata lir-refuġjati, u l-introduzzjoni ta’ permessi ta’ residenza u ta’ xogħol temporanji, għandhom jittieħdu miżuri urġenti għall-integrazzjoni fis-soċjetajiet u fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u għandu jsir disponibbli finanzjament adatt kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq il-post. |
6.5 |
L-2022 hija s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ – imfassla sabiex tirrikonoxxi s-sagrifiċċji li ż-żgħażagħ għamlu u għadhom jagħmlu u l-isfidi li huma ffaċċjaw matul il-pandemija tal-COVID-19, u tipprovdilhom opportunitajiet fil-livelli kollha sabiex jipparteċipaw b’enfasi partikolari fuq il-kwistjonijiet ekoloġiċi u diġitali, l-inklużjoni u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-politiki kollha fl-UE. Huwa kruċjali li jkun hemm legat konkret għas-sena u li tabilħaqq, iż-żgħażagħ ikunu l-punt fokali tal-inizjattivi fil-livell tal-UE ta’ kull sena. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkompli bil-ħidma tagħha fuq is-segwitu tas-Sena fl-2023 u lil hinn minnha. |
7. Spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea
7.1 |
Jenħtieġu miżuri biex jitjieb id-djalogu ċivili mal-partijiet interessati u l-gruppi fis-soċjetà u fosthom, bil-għan li jingħataw sjieda tal-politiki li jaffettwawhom direttament u parteċipazzjoni ġenwina f'tali politiki, u b’hekk jiġi promoss ir-rwol taċ-ċittadini fil-bini tal-futur tal-Ewropa. |
7.2 |
Ftit hemm mezzi eżistenti li għandhom rwol importanti fl-involviment taċ-ċittadini fuq livell Ewropew, bħall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Madankollu, dawn il-mezzi mhumiex biżżejjed għal involviment sinifikanti taċ-ċittadini tal-UE u hemm bżonn li l-għodod tal-parteċipazzjoni (inkluża l-parteċipazzjoni elettronika) ikunu aktar inklużivi, jintużaw b’mod strutturat, ikunu aċċessibbli għal kulħadd, u speċjalment, ikollhom impatt akbar. |
7.3 |
Skont din l-idea, ir-rwol istituzzjonali tal-KESE għandu jissaħħaħ u l-korp innifsu ikollu l-kompetenza ta’ rappreżentant stabbilit tas-soċjetà ċivili organizzata fl-għoti ta’ pariri għat-tfassil ta’ politki tal-UE, iżda wkoll bħala faċilitatur u garanti ta’ attivitajiet ta’ demokrazija parteċipattiva bħal djalogu strutturat ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u panels taċ-ċittadini. Soċjetà ċivili u mimlija ħajja hija kruċjali għall-ħajja demokratika tal-Unjoni Ewropea. |
7.4 |
Nirrakkomandaw li dawk li jfasslu l-politika tal-UE jistabbilixxu strateġiji koerenti (interni u esterni) tas-soċjetà ċivili tal-Unjoni Ewropea, inklużi politiki bbażati fuq: rikonoxximent aħjar tas-settur u d-djalogu ċivili, inkluż permezz ta’ pilastru apposta fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, il-valutazzjoni annwali tal-Istat tad-Dritt u Strateġija tas-Soċjetà Ċivili Ewropea; l-iffaċilitar ta’ oqfsa legali u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni Ewropej; l-aċċess għal finanzjament pubbliku; mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u protezzjoni fil-livell tal-UE. |
7.5 |
Huwa essenzjali li wieħed jiffoka fuq is-segwitu tal-proposti tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa sabiex it-talbiet taċ-ċittadini jitwettqu. Il-KESE jistenna li kull istituzzjoni Ewropea timpenja ruħha b’approċċ kostruttiv u ambizzjuż, skont ir-rwol u l-kompetenzi tagħha, f’kull pass tas-segwitu, inkluż bi proposti leġiżlattivi. Il-KESE huwa lest li jaqdi r-rwol tiegħu u jiżgura segwitu kif imiss tal-eżiti tal-Konferenza u jekk tiġi organizzata Konvenzjoni, il-KESE jrid jaqdi rwol prominenti fiha. |
7.6 |
Biex terġa’ tinbena l-fiduċja fit-tkabbir u jissaħħu l-modi li bihom l-UE tidħol f’kuntatt mal-alleati naturali tagħha fir-reġjun, il-KESE huwa konvint li l-UE għandha ċertament tinkludi ċar lill-Balkani tal-Punent fl-attivitajiet maħsuba għall-implimentazzjoni tar-riżultati tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. |
7.7 |
Il-gwerra fl-Ukrajna tat spinta lill-azzjoni komuni u l-integrazzjoni Ewropea f’setturi ewlenin bħad-difiża u l-politika barranija, sa livelli li kien diffiċli li wieħed jimmaġina xi ftit tax-xhur ilu. Il-KESE jilqa’ l-impenn espress fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles biex jiżdied l-użu tal-istrument tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi u jenfasizza li l-UE għandha tersaq lejn integrazzjoni politika aktar b’saħħitha, li tista’ tappoġġja politika barranija komuni. Aħna nistiednu lill-Istati Membri jibdew jaħdmu minnufih fuq l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ difiża ġenwinament komuni u effettiva li ssaħħaħ b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-Ewropa li tiddefendi lilha nnifisha (12). Deċiżjoni meħuda fil-livell tal-UE relatata ma’ dan għandha tinvolvi lill-Parlament Ewropew bħala r-rappreżentant dirett tal-poplu f’konformità mat-Trattati. |
7.8 |
Kemm il-Parlament Ewropew, kif ukoll il-KESE, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jkunu involuti fil-pjani ta’ kontinġenza sabiex jiġġieldu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-gwerra, b’mod partikolari, fit-tfassil tal-aspetti differenti tal-istrateġija REPowerEU. |
7.9 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-involviment attiv taż-żgħażagħ fis-soċjetà u fil-proċessi tat-tfassil ta' politiki u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, meta jitqies li t-tfal u ż-żgħażagħ huma l-ġenerazzjoni li se jkollha tħallas id-dejn pubbliku enormi li l-pajjiżi issa qed joħolqu biex jittrattaw il-konsegwenzi tal-pandemija u jgħixu bil-konsegwenzi tal-passi li ttieħdu issa sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u s-sitwazzjoni l-ġdida tas-sigurtà fl-Ewropa. Barra minn hekk, huwa meħtieġ approċċ Ewropew ikkoordinat, ibbażat fuq politika u oqfsa legali b’saħħithom, sabiex jinkiser iċ-ċiklu interġenerazzjonali ta’ żvantaġġ. L-ilħuq tal-mira ambizzjuża stabbilita li jinħarġu kemm jista’ jkun tfal u żgħażagħ mill-faqar għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib. |
7.10 |
Il-KESE jisħaq li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom jiġu indirizzati fl-aspetti kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, speċjalment minħabba li l-pandemija u t-tnaqqis fir-ritmu li ħolqot aggravaw l-iżbilanċi bejn il-ġeneri. |
7.11 |
Kwalunkwe reazzjoni għal kundizzjonijiet eċċezzjonali m’għandhiex tmur kontra l-istat tad-dritt u lanqas m’għandha tipperikola d-demokrazija, is-separazzjoni tas-setgħat u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej. Jeħtieġ li jiġu implimentati l-istrumenti l-ġodda tal-UE għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, pereżempju ċ-Ċiklu ta’ Rieżami tal-Istat tad-Dritt u l-mekkaniżmu biex il-finanzjament tal-UE jsir bil-kundizzjoni li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt. B’mod partikolari, dan għandu jitqies, b'mod partikolari, f’deċiżjonijiet temporanji sensittivi, bħall-projbizzjoni ta’ ċerti xandara, il-limitazzjoni tal-mobbiltà ħielsa tan-nies, jew kwalunkwe deċiżjoni oħra meħuda, kemm matul il-pandemija, kif ukoll fil-gwerra. |
7.12 |
Il-KESE rrakkomanda l-adozzjoni ta' Karta madwar l-Ewropa kollha tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet rurali/urbani u jitlob li jinħoloq mudell ta’ governanza għall-Patt Rurali li jinkludi lill-gvernijiet lokali kif ukoll lin-negozji lokali, kemm privati kif ukoll dawk mingħajr skop ta’ qligħ, li jaħdmu ma’ strutturi lokali demokratiċi u tal-imsieħba soċjali sabiex jiġi żgurat li l-vuċijiet lokali jinstemgħu u li l-viżjoni fit-tul tkun tista’ tiġi implimentata b’suċċess. |
7.13 |
Rigward il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-KESE jitlob li jiġu stabbiliti strutturi ta’ governanza b’saħħithom biex jinkludu lill-partijiet interessati kollha fit-tfassil tal-miżuri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, fosthom:
|
7.14 |
L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jirrikonoxxu wkoll ir-rwol fundamentali tas-soċjetà ċivili fit-tixrid ta’ kultura bbażata fuq id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt u jippromovu l-parteċipazzjoni tagħhom biex jiffaċilitaw komunikazzjoni adegwata tal-valuri u l-prinċipji tal-UE. Għaldaqstant, ir-rwol tas-soċjetà ċivili fiċ-Ċiklu ta’ Rieżami tal-Istat tad-Dritt irid jissaħħaħ, inkluż b'forum tal-partijiet interessati. |
7.15 |
Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li huwa kruċjali li jiġi garantit l-involviment tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u partijiet interessati oħra kkonċernati, fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programm ta’ politika tad-Deċennju Diġitali u l-pjani direzzjonali nazzjonali relatati. |
7.16 |
Il-KESE jitlob lill-KE li r-regolamentazzjoni aħjar tkun prijorità u jistieden lill-Kummissjoni, inklużi s-servizzi kollha tagħha, u lil-leġiżlaturi tal-UE japprofondixxu u javvanzaw b’mod kostanti s-sistema ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-UE fl-aspetti kollha tagħha u jużaw b’mod sistematiku l-għodod u l-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar fil-ħidma tagħhom. |
7.17 |
Il-KESE jisħaq li, b’mod awtomatiku, il-Kummissjoni għandha tissostanzja kull proposta leġiżlattiva b’valutazzjoni tal-impatt żviluppata bis-sħiħ. Il-Kummissjoni għandha twettaq wkoll valutazzjonijiet tal-impatt xierqa fuq kwalunkwe strateġiji futuri, sabiex tidentifika l-impatti fi stadju bikri u tantiċipa aħjar l-effetti konġunti tal-inizjattivi individwali. |
7.18 |
Il-KESE jenfasizza li l-istrumenti ta’ regolamentazzjoni aħjar iridu jibqgħu newtrali għall-politika u separati b’mod ċar mit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi, li għandu jitħalla f’idejn il-korpi politiċi maħtura u leġittimi.
Fil-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika relatati mal-proposti tal-KE, għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat u bilanċjat l-input minn diversi partijiet interessati. Dan jeħtieġ reviżjoni tal-metodoloġija biex jintlaħqu aħjar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE u nazzjonali. Il-KESE jenfasizza li l-proċeduri online jeħtieġ li jiġu kkomplementati bi djalogu strutturat mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-fażijiet kollha tat-tfassil tal-politika, inkluża l-fażi ta’ implimentazzjoni u evalwazzjoni. |
7.19 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u, l-iżjed, liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka biex jinvolvi bis-sħiħ lill-KESE fiċ-ċiklu ta’ prospettiva tiegħu u jappoġġah fl-iskrinjar tal-attivitajiet ta’ prospettiva eżistenti mwettqa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, it-trade unions u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju. |
7.20 |
Il-Kumitat jitlob ukoll li jkun hemm tisħiħ kontinwu tal-kooperazzjoni fil-ħidma ta’ evalwazzjoni ex-post fuq diversi inizjattivi. |
7.21 |
Kemm il-pandemija, kif ukoll il-gwerra attwali fl-Ukrajna ħarġu fid-dieher l-urġenza tal-ħtieġa għal aktar azzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew, sabiex jiġu protetti l-midja ħielsa u pluralistika u l-ġurnaliżmu indipendenti ta’ kwalità tajba. |
Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) ĠU C 290, 29.7.2022, p. 35.
(2) Riżoluzzjoni tal-KESE dwar “Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha” (ĠU C 290, 29.07.2022, p. 1).
(3) Riżoluzzjoni tal-KESE dwar “Il-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tagħha” (ĠU C 290, 29.07.2022, p. 1).
(4) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_22_1511
(5) https://ec.europa.eu/info/publications/key-documents-repowereu_mt
(6) Opinjoni tal-KESE dwar “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli” (ĠU C 323, 26.8.2022, p. 123).
(7) L-interkonnessjoni diġà hija mira tal-UE (mill-anqas 15 % sal-2030, iżda xi pajjiżi għadhom lura sew): https://energy.ec.europa.eu/topics/infrastructure/electricity-interconnection-targets_en
(8) Dokument tal-Kummissjoni dwar “Gżejjer tal-Enerġija”: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/MEMO_18_4622
(9) Il-valutazzjoni finali tal-ACER tad-disinn tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa tal-UE
(10) Strument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE).
(11) Ara pereżempju “Business Journey on the Single Market: Practical Obstacles and Barriers” (SWD(2020) 54 final), Brussell, 10.3.2020 (mhux disponibbli bil-Malti).